EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0131

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-28 ta’ Lulju 2016.
Club Hotel Loutraki AE et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Operat ta’ terminals tal-lotterija video – Għoti minn Stat Membru ta’ liċenzja esklużiva – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Artikolu 108(3) TFUE – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikoli 4, 7, u 13 – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Data tal-evalwazzjoni – Artikolu 296 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Evalwazzjoni konġunta tal-miżuri nnotifikati.
Kawża C-131/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:617

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-28 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑131/15 P

Club Hotel Loutraki AE

Vivere Entertainment AE

Theros International Gaming, Inc.

Elliniko Casino Kerkyras

Casino Rodos

Porto Carras AE

Kazino Aigaiou AE

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Estensjoni ta’ drittijiet esklużivi għall-operat ta’ 13-il logħba tal-azzard — Għoti mir-Repubblika Ellenika ta’ liċenzja esklużiva għall-operat ta’ terminali tal-Lotterija Video — Artikolu 108(2) u (3) TFUE — Eżami preliminari — Kundizzjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ eżami formali — Deċiżjoni li tikkonstata nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat — Diffikultajiet serji — Motivazzjoni — Evalwazzjoni konġunta tal-miżuri nnotifikati”

1. 

Dan l-appell iqajjem ċerti kwistjonijiet relatati mal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Juri li persuni terzi, jew aħjar il-partijiet interessati, li jfittxu li jdawru deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea sabiex ma tagħtix bidu għall-proċedura ta’ eżami formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, billi jargumentaw li l-Kummissjoni sabet “diffikultajiet serji” meta eżaminat il-miżuri inkwistjoni, jistgħu fil-fatt huma stess isibu diffikultajiet bħal dawn.

2. 

Dan il-każ kellu jkun wieħed mill-ftit każijiet ta’ suċċess? Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, jiena nagħti parir kontrieh.

3. 

Permezz tal-appell tagħhom, Club Hotel Loutraki AE, Vivere Entertainment AE, Theros International Gaming, Inc., Elliniko Casino Kerkyras, Casino Rodos, Porto Carras AE u Kazino Aigaiou AE (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) jeżiġu li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Jannar 2015 fil-kawża Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni Ewropea ( 2 ), li biha l-Qorti Ġenerali tiċħad l-azzjoni tagħhom għal annullament ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ( 3 ).

I – Il-kuntest ġuridiku

4.

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 ( 4 ) ġie sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 ( 5 ) tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ir-Regolament Nru 659/1999 biss kien applikabbli ( 6 ).

5.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 (“Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”) jipprovdi li:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ [l-Artikolu 107(1) TFUE] għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ d-“deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet”). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat [FUE] kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond [l-Artikolu 108(2) TFUE] (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).

5.   Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta’ kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra. Dan il-perjodu jista’ jkun estiż bil-kunsens sew tal-Kummissjoni u sew ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiffissa limiti ta’ żmien iqsar […]”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

6.

Fl-1 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar żewġ miżuri (iktar ’il quddiem “il-miżuri notifikati”) favur l-Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou AE (OPAP) (korp li jbassar ir-riżultati tal-futbol).

7.

L-ewwel miżura kkonċernat l-għoti lil OPAP, inkambju għal ħlas ta’ EUR 560 miljun, ta’ liċenzja esklużiva sabiex topera 35000 Terminali tal-Lotterija Video (iktar ’il quddiem “TLV”) għal perijodu ta’ 10 snin, li jintemm fl‑2022 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TLV”).

8.

It-tieni miżura kkonċernat l-estensjoni ta’ 10 snin, mill-2020 sal-2030, tad-drittijiet esklużivi mogħtija diġà lil OPAP għall-operat ta’ 13-il logħba tal-azzard bi kwalunkwe mod (iktar ’il quddiem l-“Addendum”). L-Addendum stipula li OPAP kien se jħallas għal dawk id-drittijiet, (i) somma f’daqqa ta’ EUR 375 miljun u (ii) imposta lill-Istat Grieg ta’ 5 % fuq id-dħul gross mil-logħob ikkonċernat għall-perijodu mit-13 ta’ Ottubru 2020 sat-12 ta’ Ottubru 2030.

9.

Fl-4 ta’ April 2012, sitt każinò (l-appellanti kollha minbarra Kazino Aigaiou AE) ressqu lment mal-Kummissjoni, li fih stqarrew li l-Ftehim TLV inkluda l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil OPAP, li kienet inkompatibbli mas-suq intern.

10.

Waqt diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi fil-kuntest tan-notifika, ġie miftiehem li għandu jiġi introdott suppliment għall-kunsiderazzjoni oriġinarjament prevista għall-Ftehim TLV. Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Awwissu 2012, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew impenn li jintroduċu imposta addizzjonali fuq id-dħul gross mil-logħob miksub minn OPAP mill-operat ta’ TLVs (iktar ’il quddiem l-“imposta addizzjonali”).

11.

Fit-3 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-dawl tal-imposta addizzjonali introdotta mill-awtoritajiet Griegi, li l-miżuri nnotifikati ma tawx vantaġġ lil OPAP u b’hekk ma kkostitwewx għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2013, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

13.

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti ressqu erba’ motivi għal annullament: (i) ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u użu ħażin tal-poter fis-sens li l-Kummissjoni naqset milli tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif meħtieġ minn dik id-dispożizzjoni; (ii) u (iii) ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u ksur tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva b’konnessjoni mat-tneħħija, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ data ekonomika essenzjali; u (iv) ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fis-sens li l-Kummissjoni eżaminat il-Ftehim TLV u l-Addendum b’mod konġunt sabiex tivverifika jekk ingħatax vantaġġ kompetittiv lil OPAP.

14.

Permezz ta’ digrieti tat-12 ta’ Lulju u tat-12 ta’ Settembru 2013, ir-Repubblika Ellenika u OPAP tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15.

Wara seduta pubblika, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u ordnat li l-appellanti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ OPAP.

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni u lil OPAP għall-ispejjeż.

17.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

18.

Fir-risposta tiegħu, OPAP, insostenn tal-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

19.

L-appellanti, il-Kummissjoni u OPAP ippreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit-2 ta’ Ġunju 2016.

V – Evalwazzjoni tal-aggravji

A – Osservazzjonijiet preliminari

1. L-aggravji

20.

L-appellanti jissottomettu tliet aggravji insostenn tat-talbiet tagħhom.

21.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jirrilevaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE. Billi sostniet li l-Kummissjoni kienet intitolata li tinnegozja u tieħu inkunsiderazzjoni l-imposta addizzjonali introdotta mill-awtoritajiet Griegi, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddistingwi bejn il-fażi ta’ eżami preliminari u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali — distinzjoni li hija fundamentali għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti. Barra minn hekk, għamlet dan billi b’mod żbaljat ikkonkludiet li ma kien hemm ebda indikazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet qed tiffaċċja “diffikultajiet serji” fl-eżami tal-miżuri notifikati, b’mod li kien meħtieġ li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

22.

Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u li d-drittijiet tal-appellanti għal amministrazzjoni tajba u għal protezzjoni legali effettiva ma kinux inkisru, minkejja l-fatt li kien impossibbli li jiġi determinat, abbażi tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-kalkoli li saru mill-Kummissjoni kinux korretti.

23.

Bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-evalwazzjoni konġunta tal-Addendum u tal-Ftehim TLV mill-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 107(1) TFUE.

24.

Qabel ma neżamina l-aggravji varji tal-appell fid-dettal, ser nirrifletti fil-qosor fuq il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat tal-UE u r-rwol li partijiet interessati — jiġifieri, kull persuna li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna, bħall-benefiċjarju tal-għajnuna jew impriżi kompetituri — ( 7 ) għandhom f’dik il-proċedura.

2. Il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat tal-UE u r-rwol ta’ partijiet interessati

25.

Skont l-Artikolu 108(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha kontinwament tevalwa u tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat. Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tevalwa kwalunkwe għajnuna ġdida li l-Istati Membri beħsiebhom jagħtu, dawn għandhom javżaw lill-Kummissjoni dwarha ( 8 ). Ladarba l-Istat Membru li jagħmel in-notifika huwa prekluż milli jqiegħed fis-seħħ l-għajnuna ppjanata matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, huwa impost terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn li matulu l-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni li tiċċara l-miżura ( 9 ) jew li tagħti bidu għat-tieni stadju tal-proċedura, jiġifieri l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE ( 10 ). Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk issib, wara evalwazzjoni preliminari, li hemm id-dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ miżura notifikata mas-suq intern.

26.

Ser nirrifletti wkoll fuq il-limiti tal-fażi ta’ eżami preliminari u fuq l-obbligu li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appellanti. Huwa biżżejjed hawnhekk li nieħdu nota tat-terminu “dubji”, li fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja spiss jiġi rriferut bħala “diffikultajiet serji” ( 11 ); terminu ewlieni għad-delimitazzjoni tal-ambitu tal-eżami preliminari.

27.

F’dan l-istadju, nixtieq nenfasizza l-fatt li proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija l-ewwel u qabel kollox proċedura bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru notifikanti. Partijiet interessati, bħall-appellanti, ma humiex partijiet fil-proċedura u għaldaqstant għandhom biss rwol marġinali ( 12 ). Huwa biss fil-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li l-Artikolu 108(2) TFUE jimponi obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex tinnotifika lil partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan id-dritt jagħti lil tali partijiet il-possibbiltà li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn xieraq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ( 13 ), iżda ma jagħtihomx xi dritt ta’ difiża fuq l-istess livell mal-Istat Membru notifikanti, li huwa parti fil-proċedura u d-destinatarju tad-deċiżjoni ( 14 ). Huwa importanti li dan jinżamm ċar fil-moħħ meta jiġi eżaminat it-tieni aggravju tal-appellanti rigward l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

28.

Sabiex tilqa’ kontra dan ir-rwol periferali tal-partijiet interessati, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li kwalunkwe parti interessata tista’ tikkontesta deċiżjoni ta’ approvazzjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) jew (3) tar-Regolament Nru 659/1999, jew fi kliem ieħor, deċiżjoni sabiex ma tinbediex il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE ( 15 ). Madankollu, parti interessata ma tistax tikkontesta s-sustanza ta’ deċiżjoni bħal din mingħajr ma turi, bi qbil mal-Artikolu 263(4) TFUE, li hija direttament jew individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni. It-tielet aggravju tal-appellanti jqajjem il-kwistjoni jekk huma jissodisfawx dan ir-rekwiżit.

29.

B’konjizzjoni ta’ dawk il-karatteristiċi tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u tar-rwol tal-partijiet interessati, issa ser neżamina l-kwistjonijiet differenti li tqajmu fl-appell.

B – L-ewwel aggravju

30.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikoli 4(4), 7(2) u (3), u 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 billi stqarret li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE.

31.

Il-Kummissjoni tinvoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, mhux biss fir-rigward ta’ dan l-aggravju, iżda wkoll tal-appell kollu kemm hu. Minbarra dan, OPAP jikkunsidra l-ewwel aggravju bħala parzjalment inammissibbli. F’kull każ, kemm il-Kummissjoni kif ukoll OPAP jikkunsidraw li l-ewwel aggravju huwa infondat.

1. L-ammissibbiltà

32.

Il-Kummissjoni ssostni li l-appell għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli fl-intier tiegħu, billi sempliċiment jirrepeti jew jirriproduċi t-talbiet u l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza, u għalhekk, jammonta għal talba biex il-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ teżamina r-rikors fl-ewwel istanza.

33.

Huwa ċertament minnu li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-appellant jitlob l-annullament tagħha, u wkoll l-argumenti legali li tressqu speċifikament insostenn tal-appell. ( 16 ) Appell li sempliċiment jirrepeti jew jirriproduċi verbatim il-motivi u s-sottomissjonijiet li diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali huwa inammissibbli. ( 17 )

34.

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-appellanti jidentifikaw l-elementi kkritikati tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza b’mod suffiċjentement preċiż sabiex l-appell ikun ammissibbli. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

35.

Minbarra l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġenerali mqajjma mill-Kummissjoni, OPAP isostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli sa fejn l-appellanti jridu jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali.

36.

Fl-opinjoni tiegħi, l-appellanti ma humiex qed jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali. Fid-dawl tal-kuntest tagħhom, is-sottomissjonijiet tal-appellanti ifittxu effettivament li jqajmu dubji dwar l-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-limiti tal-fażi preliminari ta’ eżami. Dik hija kwistjoni ta’ liġi, li hija ammissibbli fl-appell.

2. Is-sustanza

37.

L-ewwel aggravju jikkonċerna l-limiti tal-fażi ta’ eżami preliminari u l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, l-ewwel nett, billi kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet b’mod legali taċċetta tibdil fil-miżuri nnotifikati lilha, u t-tieni nett billi kkonkludiet li l-Kummissjoni ma sabet l-ebda diffikultajiet serji matul l-eżami preliminari tagħha.

38.

Dwar l-ewwel ilment tal-appellanti – jiġifieri li l-Kummissjoni kienet ipprojbita milli tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe emendi magħmula mill-awtoritajiet Griegi fil-miżuri nnotifikati fil-kuntest tal-eżami preliminari - huwa suffiċjenti li jsiru l-osservazzjonijiet segwenti.

39.

Kif indikat tajjeb il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà stqarret li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, wara eżami preliminari, deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999 li permezz tagħha ssib li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, filwaqt li tagħti każ l-impenji proposti mill-Istat Membru kkonċernat ( 18 ).

40.

Il-qofol ta’ dan l-ewwel aggravju huwa pjuttost fid-determinazzjoni jekk il-Kummissjoni sabitx diffikultajiet serji matul l-eżami preliminari, b’mod li kien meħtieġ li jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fis-sentenza appellata li dan ma kienx il-każ, konklużjoni li hija severament ikkontestata mill-appellanti.

41.

Qabel ma neżamina s-sottomissjonijiet ippreżentati mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju, ikun utli li jitfakkru ċerti prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-fażi tal-eżami preliminari; il-kunċett ta’ “diffikultajiet serji”; u d-dmir li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

42.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-iskop tal-fażi ta’ eżami preliminari huwa sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni prima facie fuq il-karattru tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u l-konformità ta’ din l-għajnuna mas-suq intern ( 19 ).

43.

Fit-tieni lok, kif imsemmi fil-punt 25 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li tagħti bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk, wara l-eżami preliminari, ikollha dubji rigward il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżura nnotifikata. Il-Qorti tal-Ġustizzja elaborat fuq dan u sostniet li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija essenzjali kull meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fid-determinazzjoni dwar jekk miżura ta’ għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern ( 20 ). Jekk dak huwa l-każ, il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali u ma għandhiex diskrezzjoni f’dak ir-rigward ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-istess prinċipji japplikaw meta l-Kummissjoni jkollha dubju dwar il-klassifikazzjoni attwali tal-miżura eżaminata bħala għajnuna ( 22 ).

44.

Fit-tielet lok, skont l-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u d-dmir ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, fost affarijiet oħra, tidħol fi djalogu mal-Istat notifikant jew ma’ persuni terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, diffikultajiet li setgħet possibbilment iltaqgħet magħhom. Dik is-setgħa tippresupponi li l-Kummissjoni tista’ taġġusta l-pożizzjoni tagħha mar-riżultati tad-djalogu li jsir, mingħajr ma dan l-aġġustament ikollu jiġi interpretat, a priori, bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ( 23 ).

45.

Fir-raba’ lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa oġġettiv u li l-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata l-miżura kkontestata u fil-kontenut tagħha, billi jitqabblu l-evalwazzjonijiet li jsejsu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mal-informazzjoni disponibbli għaliha meta ħadet dik id-deċiżjoni rigward il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna kkonċernata mas-suq intern ( 24 ).

46.

Fil-ħames lok, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-oneru tal-prova sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji jaqa’ fuq il-parti li qed tikkontesta d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) jew (3) tar-Regolament Nru 659/1999 ( 25 ).

47.

Fil-każ preżenti, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara li kkonkludiet li l-ftehim TLV, wara li ġie eżaminat flimkien mal-Addendum, ta vantaġġ fuq OPAP fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dawn jargumentaw li, f’dak il-mument, kellu jkun ċar għall-Kummissjoni li l-ftehim TLV inkluda l-għajnuna (li tidher li kienet inkompatibbli). Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kienet, skont kif nifhem l-argumenti tal-appellanti, iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji meta eżaminat il-miżuri notifikati u kellha tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Minbarra dan, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza appellata, li, skont l-appellanti wasslu għall-konklużjoni żbaljata li l-Kummissjoni ma kinitx iffaċċjata b’diffikultajiet serji meta għamlet eżami tal-miżuri notifikati. Essenzjalment, l-appellanti jipprovaw jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali, billi qieset li l-awtoritajiet Griegi kienu intitolati li jintroduċu tibdil fil-miżuri inizjalment innotifikati wara diversi kalkoli u rikalkoli, fir-realtà llimitat l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali għal każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru notifikanti. Fl-aħħar lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta eżaminat b’mod individwali l-elementi fattwali sottomessi fl-ewwel istanza sabiex tipprova l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, meta kellha teżamina dawk l-elementi flimkien sabiex tiddetermina jekk kinux jeżistu dawn id-diffikultajiet.

48.

Għalkemm jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tiġi kkritikata li marret lil hinn mil-limiti tal-fażi tal-eżami preliminari, u b’hekk iċċaħħad lill-partijiet interessati mid-dritt tagħhom li jkunu involuti fil-proċedura ta’ reviżjoni, inqis li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ partikolari, waslet għall-konklużjoni t-tajba: jiġifieri li l-Kummissjoni ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji meta eżaminat il-miżuri nnotifikati, b’mod li kienet meħtieġa li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE.

49.

Qabel kollox, kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tista’ tieħu sehem fi djalogu mal-Istat Membru notifikanti; dritt li b’mod naturali jippresupponi li l-Kummissjoni tista’ tirregola l-pożizzjoni tagħha skont ir-riżultat ta’ djalogu bħal dan.

50.

Barra minn hekk, mis-sentenza appellata ( 26 ) jidher ċar li l-għan tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi kien li jiġi ddeterminat il-livell xieraq ta’ kunsiderazzjoni li għandha titħallas minn OPAP għad-drittijiet esklużivi taħt il-ftehim TLV u l-Addendum, u li l-impenji magħmula mill-awtoritajiet Griegi f’dan il-każ speċifiku ma biddlux in-natura tal-miżuri oriġinarjament innotifikati, iżda sempliċement saru bl-għan li jiżdied il-livell ta’ kunsiderazzjoni mogħtija taħt il-ftehim TLV.

51.

Barra minn hekk, kieku kellha tiġi aċċettata l-perspettiva tal-appellanti li, peress li l-livell ta’ kunsiderazzjoni li għandha titħallas minn OPAP għad-drittijiet esklużivi huwa kruċjali sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ għajnuna, u li b’hekk il-livell ta’ kunsiderazzjoni inizjalment innotifikata ma setax jiġi emendat mingħajr l-involviment tal-partijiet interessati fil-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, imbagħad wieħed ikollu jaċċetta wkoll li l-Kummissjoni, f’dan il-każ speċifiku, ma setgħetx tidħol f’ebda diskussjoni mal-awtoritajiet Griegi matul l-eżami preliminari peress li, fir-realtà, kien biss il-kalkolu tal-prezz li kien problema.

52.

Għalkemm nagħraf il-fatt li l-eżami preliminari, li hija reviżjoni prima facie ta’ miżura nnotifikata, ma jistax ikun bla tmiem, xorta nikkunsidra li f’dan il-każ speċifiku, perijodu ta’ reviżjoni ta’ 10 xhur ma jidhirx li huwa eċċessiv, meta jitqies l-isfond politiku u ekonomiku tal-każ ( 27 ). Għandu jitfakkar li l-Greċja, dak iż-żmien, kienet qed tesperjenza kriżi finanzjarja u politika ħarxa u li kien hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar jekk il-Greċja kienx ser ikollha toħroġ miż-żona Euro, li naturalment influwenzat l-iżvolġiment tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi dwar ir-remunerazzjoni li OPAP kellha tħallas għad-drittijiet esklużivi taħt il-ftehim TLV u l-Addendum. Il-ħafna kalkoli u rikalkoli tar-remunerazzjoni u t-tul tal-proċedura għandu jitqies f’dan il-kuntest

53.

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li d-“dubji” jew “diffikultajiet serji” għandhom jeżistu fil-mument meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ miżura nnotifikata. Dak huwa l-mument meta l-Kummissjoni tkun finalment stabbiliet il-pożizzjoni tagħha, jew fit-termini ta’ dan l-appell, meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata ( 28 ).

54.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk, ma huwiex deċiżiv jekk il-Kummissjoni, matul l-eżami preliminari tagħha sabitx - kif isostnu l-appellanti - li l-miżuri nnotifikati lilha oriġinarjament tawx vantaġġ ekonomiku lil OPAP. L-importanti huwa jekk dak kienx il-każ meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

55.

Jidhirli, fid-dawl tar-relattivament ftit każi fejn parti interessata rnexxielha ddawwar deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex ma tagħtix bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li parti interessata, sabiex ikollha suċċess għandha — sakemm il-Kummissjoni nnifisha ma tkunx esprimiet dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħal għajnuna jew il-kompatibbiltà ta’ miżura bħal din mas-suq intern ( 29 ) — tkun tista’ turi li l-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex teskludi kwalunkwe dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna jew tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ( 30 ) jew, fl-alternattiv, li l-Kummissjoni kienet għamlet analiżi insuffiċjenti jew inadegwata ta’ informazzjoni rilevanti ( 31 ).

56.

L-argumenti tal-appellanti relatati mal-proċedura tal-eżami, ma humiex ta’ natura tali li jpoġġu indiskussjoni s-sejbiet tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni, fl-aħħar tal-istadju ta’ eżami preliminari, ma ġietx iffaċċjata b’“diffikultajiet serji”, jew fi kliem ieħor, ma kellhiex “dubji” fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżuri nnotifikati, jew ukoll dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. Għaldaqstant, l-ilment kuntrarju tal-appellanti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

57.

Finalment, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat b’mod individwali l-elementi fattwali li ġew ippreżentati fl-ewwel istanza sabiex iġġib prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, filwaqt li jmissha eżaminat dawk l-elementi flimkien, fl-opinjoni tiegħi hija infondata. Fil-fatt, wara li stabbiliet li ebda wieħed mill-elementi mressqa mill-appellanti ma kien indikazzjoni ta’ diffikultajiet serji ( 32 ), u li t-tul tal-proċedura ma kienx, minnu nnifsu suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-Kummissjoni sabet diffikultajiet serji ( 33 ), il-Qorti Ġenerali sostniet li t-tul tal-eżami preliminari f’dan il-każ speċifiku ma kienx jidher irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ( 34 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali fil-fatt eżaminat flimkien l-elementi kollha mressqin mill-appellanti u kkonkludiet li ma wrewx l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formal. L-ewwel aggravju mressaq mill-appellanti għandu għalhekk jiġi miċħud.

C – It-tieni aggravju

59.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE u d-drittijiet tagħhom għal amministrazzjoni tajba u protezzjoni legali effettiva skont l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi sostnew li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kienet raġunata b’mod suffiċjenti minkejja r-reviżjoni ta’ data ekonomika essenzjali.

60.

Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ dan l-aggravju. F’kull każ, il-Kummissjoni, sostnuta minn OPAP, issostni li t-tieni aggravju huwa infondat.

1. L-ammissibbiltà

61.

L-oġġezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni aggravju hija fi qbil mal-eċċezzjoni ġenerali ta’ inammissibbiltà li diġà ttrattajt fil-punti 32 sa 34.

2. Is-sustanza

62.

Il-kwistjoni li trid tiġi ddeterminata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kellhiex tgħin lill-appellanti jivverifikaw, u lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrevedi, l-validità tad-data ekonomika provduta u l-eżattezza tal-kalkoli li saru mill-Kummissjoni, kif jargumentaw l-appellanti, jew jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun tiddeċiedi li dan ma kienx meħtieġ għal konformità mal-obbligu li jingħataw raġunijiet u mad-dritt tal-appellanti għal amministrazzjoni tajba u għal protezzjoni legali effettiva.

63.

Kif imsemmi qabel fil-punt 28, parti interessata tista’ tikkontesta deċiżjoni tal-approvazzjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) jew (3) tar-Regolament Nru 659/1999, jew fi kliem ieħor, deċiżjoni sabiex ma jingħatax bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE. Sabiex tkun tista’ teżerċita b’mod xieraq dan id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju, parti bħal din għandha tkun informata dwar il-motivi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni. L-obbligu li jingħataw raġunijiet skont l-Artikolu 296 TFUE għandu jidher f’dan il-kuntest u jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-interess li l-partijiet terzi jista’ jkollhom sabiex jiksbu spjegazzjonijiet ( 35 ).

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu li tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali skont l-Artikolu 337 TFUE ma jistax jiġġustifika nuqqasijiet fil-motivazzjoni u li l-obbligu li informazzjoni kunfidenzjali tiġi rrispettata ma jistax jingħata interpretazzjoni tant wiesgħa li l-obbligu li tiġi pprovduta motivazzjoni jkun imċaħħad mill-kontenut essenzjali tiegħu ( 36 ).

65.

Għalkemm, il-ġurisprudenza li saret referenza għaliha iktar ’il fuq għandha tapplika ugwalment għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, li partijiet interessati bħall-appellanti għandhom aċċess għaliha, l-appellanti xorta donnhom ma jifhmux sew l-ambitu tal-obbligu tal-motivazzjoni fuq il-Kummissjoni.

66.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 296 TFUE għandhom ikunu xierqa għall-miżura inkwistjoni u għandhom juru, b’mod ċar u inekwivoku, l-argument tal-istituzzjoni li adottat il-miżura inkwistjoni b’mod li tippermetti lil-partijiet ikkonċernati sabiex jaċċertaw ir-raġunijiet għall-miżura u jippermetti lill-qorti kompetenti tal-Unjoni biex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 37 ).

67.

Id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, jiġifieri deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni ssib li l-miżuri nnotifikati ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat. L-interess ta’ persuni terzi f’deċiżjoni bħal din jinsab fil-fatt li l-Kummissjoni, billi ma tatx bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ċaħdithom mid-dritt tagħhom li jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni (ara iktar ’il fuq fil-punt 27). Għalhekk, partijiet interessati għandhom ikunu informati dwar il-motivi għal deċiżjoni bħal din b’mod suffiċjentement preċiż sabiex dawn ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk hemmx indikazzjonijiet ta’ diffikultajiet serji, b’mod li jkun hemm bżonn li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-każ speċifiku, kważi d-data ekonomika kollha ġiet riveduta. Fid-dawl ta’ dan, sabiex il-Kummissjoni tkun wettqet b’mod korrett l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet, kemm il-metodu ta’ kalkolazzjoni użat mill-Kummissjoni u kull wieħed mill-komponenti tiegħu iridu, fl-opinjoni tiegħi, jirriżultaw b’mod ċar mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni.

68.

Il-Qorti Ġenerali spjegat fid-dettall, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, kif ir-raġunar tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata (i) juri b’mod ċar il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni, u (ii), jippermetti lill-appellanti jifhmu r-raġunar segwit mill-Kummissjoni u b’hekk li jifformulaw il-bażi tagħhom għal annullament. Il-Qorti Ġenerali innotat, inter alia, li d-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi l-kriterju li l-Kummissjoni kellha intenzjoni tapplika sabiex tiddetermina jekk il-miżuri inkwisjoni tawx xi vantaġġ ( 38 ), u tispjega kif il-Kummissjoni kkalkolat il-valur nett preżenti tal-ftehim TLV u l-Addendum ( 39 ), Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat li d-deċiżjoni kkontestata tindika r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li teżamina flimkien iż-żewġ miżuri. Id-deċiżjoni tispjega wkoll li ż-żieda fil-kunsiderazzjoni pprovduta fil-ftehim TLV, stipulat fl-impenn imressaq mill-awtoritajiet Griegi fis-7 ta’ Awwissu 2012, assigurat li l-livell ta’ kunsiderazzjoni kien suffiċjenti sabiex jeskludi kwalunkwe vantaġġ. Finalment, il-Qorti Ġenerali nnotat li d-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi wkoll il-metodu tal-kalkolazzjoni ta’ dik il-kunsiderazzjoni addizzjonali.

69.

Fid-dawl ta’ dak li ġie kkunsidrat iktar ’il fuq, insib li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx naqset milli tagħti motivazzjonijiet jew kisret id-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-appellanti, minkejja l-fatt li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ma ppermettietx lill-appellanti li jirrevedu d-data ekonomika u l-eżattezza tal-kalkoli li għamlet il-Kummissjoni.

70.

Għal din ir-raġuni, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

D – It-tielet aggravju

71.

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet intitolata li teżamina l-ftehim TLV u l-Addendum konġuntament, minkejja l-fatt li, fil-fehma tagħhom, iż-żewġ ftehimiet jaffettwaw lil swieq differenti, kif kienet ċertament turi analiżi tas-suq minn qabel.

72.

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju tal-appell għandu jkun iddikjarat inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, appoġġjata minn OPAP, tqis li t-tielet aggravju huwa infondat.

1. L-ammissibbiltà

73.

Il-Kummissjoni ssostni, kif għamlet quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-appellanti, li kkontestaw is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, naqsu milli juru li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-miżuri nnotifikati.

74.

L-appellanti donnhom ma jikkontestawx il-punt li huma fil-fatt qedin jikkontestaw is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, iżda jsostnu li ladarba l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq is-sustanza tar-raba’ motiv fl-ewwel istanza mingħajr ma eżaminat l-ewwel il-kwistjoni tal-ammissibbiltà u peress li din id-deċiżjoni torbot lill-appellanti, huma għandhom locus standi li jikkontestaw din il-parti tas-sentenza. Inkella d-dritt ta’ appell tagħhom ikun limitat sproporzjonalment biss minħabba li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, li ma teżaminax il-kwistjoni tal-locus standi tagħhom.

75.

Għalkemm nista’, sa ċertu punt, naqbel mal-argumenti tal-appellanti li l-metodu użat mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri, li tikkunsidra l-kawża fuq il-merti tagħha mingħajr ma teżamina l-locus standi, jista’ jpoġġi lill-appellanti f’sitwazzjoni sfortunata, speċjalment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-Qorti Ġenerali tkun żbaljat fil-liġi fir-rigward tal-konklużjoni fuq is-sustanza ta’ eċċezzjoni mqajma insostenn ta’ annullament ( 40 ), xorta jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kwistjoni tal-inammissibbiltà għal nuqqas ta’ locus standi hija kwistjoni ta’ politika pubblika li tista’, u saħansitra għandha, titqajjem mill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio ( 41 ).

76.

Fis-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti, minkejja li ngħataw l-opportunità sabiex jirrispondu s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, ma wrewx kif xi wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 263(4) TFUE huwa ssodisfatt fil-każ preżenti. Hawnhekk, mis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni isegwi li l-appellanti stqarrew li huma kompetituri diretti ta’ OPAP inkwantu s-slot machines tagħhom allegatament jikkompetu ma’ dawk tat-TLV koperti mill-ftehim TLV, iżda li naqsu milli jistabbilixxu l-eżistenza ta’ relazzjoni bħal din u naqsu wkol milli jipprovaw li l-miżuri nnotifikati jaffettwaw sostanzjalment il-pożizzjoni fis-suq ta’ kull appellant individwalment ( 42 ).

77.

Billi naqbel mal-Kummissjoni li l-appellanti ma wrewx li għandhom locus standi biex jikkontestaw is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, fl-opinjoni tiegħi it-tielet aggravju għandu jitqies bħala inammissibbli.

78.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi, xorta ser neżamina s-sustanza tat-tielet aggravju.

2. Is-sustanza

79.

Id-domanda li tqum mit-tielet aggravju hija jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet intitolata li teżamina flimkien kemm il-ftehim TLV u l-Addendum bil-għan li tiġi ddeterminata l-preżenza ta’ vantaġġ, mingħajr ma l-ewwel iddefiniet is-suq (swieq) affettwati minn dan il-ftehim. Skont l-appellanti, huwa essenzjali li jkun hemm definizzjoni minn qabel tas-suq peress li l-Artikolu 107(1) TFUE jippermetti li miżuri ta’ għajnuna mill-Istat separati jiġu evalwati flimkien biss meta dawn il-miżuri jaffettwaw l-istess suq.

80.

Sabiex inwieġeb il-kwistjoni mqajma bit-tielet aggravju, huwa neċessarju li nikkunsidra l-kunċett ta’ “vantaġġ” skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

81.

Huwa stabbilit li vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jinkludi kull benefiċċju ekonomiku li r-riċevitur ma kienx jikseb taħt il-kundizzjonijiet normali tas-suq ( 43 ). Sabiex tiddetermina jekk hemmx vantaġġ jew le, il-Kummissjoni trid teżamina kwalunkwe miżura nnotifikata lilha fil-kuntest xieraq tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni ( 44 ).

82.

Fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kuntest li fih ġew adottati l-miżuri nnotifikati. Din sabet, inter alia, li l-ftehim TLV u l-Addendum ġew iffinalizzati matul l-istess perijodu ta’ żmien, li wettqu l-istess għan (li jiżdied il-valur tas-suq ta’ OPAP b’antiċipazzjoni għall-privatizzazzjoni tagħha) u li l-imposti li jitħallsu minn OPAP minħabba li ngħatat id-drittijiet esklużivi taż-żewġ kategoriji kellhom jitħallsu fl-istess ħin. Billi qieset dan kollu, il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-konklużjoni tal-Kummissjoni li kien xieraq u neċessarju li jiġu kkunsidrati flimkien il-miżuri nnotifikati, fil-kuntest ta’ notifika waħda.

83.

L-appellanti donnhom ma jiddubitawx il-fatt li l-kuntest ekonomiku huwa rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-preżenza ta’ vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, dawn isostnu li, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk huwiex meħtieġ li jsir eżami konġunt, hemm bżonn ta’ analiżi tas-suq. Dan għaliex jekk analiżi tas-suq bħal din turi li l-miżuri nnotifikati huma ta’ żewġ swieq differenti, eżami konġunt ta’ dawk il-miżuri għandu jiġi eskluż peress li jista’ jaħbi vantaġġ mogħti minn waħda mill-miżuri. F’dan il-każ, l-appellanti jsostnu li eżami konġunt tal-ftehim TLV flimkien mal-Addendum (li suppost jaffettwa żewġ swieq differenti) jippermetti li OPAP ibaxxi l-prezzijiet tiegħu fis-suq kompetittiv TLV billi jitlob prezzijiet eċċessivi fuq is-suq li jkopri 13-il logħba tal-azzard koperti mill-Addendum, li fuqhom OPAP għandu konċessjoni esklużiva.

84.

Hekk kif irrimarkat il-Kummissjoni, ir-rilevanza ta’ definizzjoni tas-suq f’kawżi ta’ għajnuna mill-Istat, hija l-ewwel u qabel kollox limitata għall-kuntest li jiddetermina jekk miżura partikolari tfixkilx il-kompetizzjoni jew taffettwax in-negozju bejn Stati Membri ( 45 ). Barra minn hekk, jista’ jkollha rwol ukoll fid-determinazzjoni tas-selettività ta’ miżura ( 46 ). L-ebda wieħed minn dawk iż-żewġ elementi għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE ma ġie diskuss fid-deċiżjoni kkontestata.

85.

Barra minn hekk, is-sottomissjonijiet tal-appellanti dwar ir-raġuni għalfejn definizzjoni minn qabel ta’ suq hija importanti f’dan il-każ speċifiku, ma humiex rilevanti.

86.

Jekk nassumu li OPAP seta’, kif jargumentaw l-appellanti, jikkontrasussidja bejn iż-żewġ swieq li suppost huma distinti, fl-opinjoni tiegħi prattika bħal din tkun totalment mhux relatata mal-eżami separat jew konġunt tal-ftehim TLV u l-Addendum. Dak li seta’ jippermetti prattika bħal din, li kieku tiġi pprovata, huwa l-fatt li OPAP diġà għandu monopolju fir-rigward tat-13-il logħba tal-azzard koperti mill-Addendum. Fi kliem ieħor, il-prezz imħallas għall-ftehim TLV ma huwiex konness mal-possibbiltà ta’ OPAP li jitlob prezzijiet eċċessivi fil-ħidma tat-13-il logħba tal-azzard kopert mill-Addendum.

87.

Madankollu, kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali, l-appellanti naqsu milli jissostanzjaw is-suppożizzjoni tagħhom li OPAP huwa liberu li jgħolli l-prezzijiet minn jeddu fuq it-13-il logħba tal-azzard koperti mill-Addendum. Ladarba dik hija kwistjoni ta’ fatt, kif uriet il-Kummissjoni, ma hijiex suġġetta għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

88.

Barra minn hekk, l-appellanti jissottomettu li l-kuntest ekonomiku għandu jkun iddefinit b’mod oġġettiv u li Stati Membri ma jistgħux ikunu ħielsa sabiex jinterpretaw il-kuntest ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat. L-appellanti jsostnu li l-Greċja nnotifikat il-ftehim TLV u l-Addendum konġuntament sabiex timmassimizza d-dħul tagħha.

89.

Dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. Kif tipprovdi l-Kummissjoni, Stat Membru, bħala l-awtur tal-miżuri, neċessarjament ser jinfluwenza l-kuntest li fih jiġu adottati l-miżuri. Huwa l-Istat Membru li jiddeċiedi liema miżuri jixtieq jadotta, u javża lill-Kummissjoni bihom. Imbagħad huwa f’idejn il-Kummissjoni sabiex teżamina l-miżuri nnotifikati billi tikkunsidra l-aspetti kollha rilevanti tagħhom.

90.

L-appellanti ma ppreżentaw ebda sottomissjoni legali oħra li tista’ tqajjem dubji dwar il-validità tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali rigward l-eżami konġunt tal-miżuri nnotifikati. Għalhekk nikkunsidra li t-tielet aggravju tagħhom għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-appell fl-intier tiegħu.

VI – L-ispejjeż

91.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk il-parti li rebħet il-kawża tkun talbithom fir-rikors. Il-Kummissjoni u OPAP talbu għall-ispejjeż u l-appellanti tilfu l-kawża.

VII – Konklużjoni

92.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tiċħad l-appell;

tordna li Club Hotel Loutraki AE, Vivere Entertainment AE, Theros International Gaming, Inc., Elliniko Casino Kerkyras, Casino Rodos, Porto Carras AE u Kazino Aigaiou AE huma kkundannati għall-ispejjeż ta’ dan l-appell, inklużi dawk subiti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou AE (OPAP).


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Is-sentenza fil-Kawża T‑58/13, EU:T:2015:1 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 )   Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 6777 finali dwar għajnuna mill-Istat SA.33988 (2011/N) – il-Greċja – Modalitajiet ta’ estensjoni tad-dritt esklużiv ta’ OPAP għat-tħaddim ta’ 13-il logħba tal-azzard u l-għoti ta’ liċenzja esklużiva dwar it-tħaddim ta’ [35000] terminal tal-lotterija video [għal perijodu ta’ għaxar snin] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 4 )   Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8 Vol. 1, p. 339).

( 5 )   ĠU 2015 L 248, p. 9.

( 6 )   Skont it-termini qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament Nru 659/1999.

( 7 )   “Parti interessata” hija definita fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

( 8 )   Ara l-Artikolu 108(3) TFUE. Is-sistema ta’ notifika hija kkumplimentata minn possibbiltà li partijiet interessati jilmentaw dwar miżuri ta’ għajnuna adottati minn Stati Membri.

( 9 )   Il-Kummissjoni tista’ jew tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, bħal fil-każ preżenti, billi ssib li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, jew deċiżjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, billi ssib li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna iżda hija kompatibbli mas-suq intern.

( 10 )   Il-limitu ta’ żmien ta’ xahrejn jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973 fil-kawża Lorenz, 120/73, EU:C:1973:152. Minn dak iż-żmien dan ġie kkodifikat fir-Regoli ta’ proċedura: ara l-Artikolu 4(5) ta’ Regolament Nru 659/1999.

( 11 )   Sentenza tat-2 ta’ April 2009 fil-kawża Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 12 )   Sentenza tat-2 ta’ April 1998 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 59. Għal deskrizzjoni ta’ dak ir-irwol (marġinali) ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2010:715, punti 27 sa 40.

( 13 )   Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/03, EU:T:2008:228, punti 222 sa 225 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 )   Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007 fil-kawża Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 43.

( 15 )   Sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993 fil-kawża Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, u tal-15 ta’ Ġunju 1993 fil-kawża Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239. Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 )   Ara l-Artikolu 256 TFUE, l-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara wkoll l-ordni tal-5 ta’ Frar 2015 fil-kawża Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑296/14 P, EU:C:2015:72, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 )   Digriet tal-5 ta’ Frar 2015 fil-kawża Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑296/14 P, EU:C:2015:72, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 18 )   Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013 fil-kawża Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, EU:C:2013:395, punti 67 sa 73.

( 19 )   Sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993 fil-kawża Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 22.

( 20 )   Sentenza tat-2 ta’ April 2009 fil-kawża Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 21 )   Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 fil-kawża British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, E:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 )   Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005 fil-kawża l‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 47.

( 23 )   Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013 fil-kawża Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, E:C:2013:395, punt 71.

( 24 )   Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013 fil-kawża 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑646/11 P, EU:C:2013:36, punt 31. Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, fil-kawża Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, E:T:2012:164, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 25 )   Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013 fil-kawża 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑646/11 P, EU:C:2013:36, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 )   Punti 49 sa 51.

( 27 )   Jiġifieri, irrispettivament mill-fatt li għadu ma ġiex iċċarat minn meta għandu jiġi kkalkolat il-perijodu attwali ta’ xahrejn stabbilit fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999.

( 28 )   Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013 fil-kawża Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, EU:C:2013:395, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 29 )   Sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1984 fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 84/82, EU:C:1984:117, punt 16, u tal-10 ta’ Mejju 2000 fil-kawża SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑46/97, EU:T:2000:123, punti 81, 87 u 92.

( 30 )   Ara, inter alia, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża Il-Belġju vs Deutsche Post et, C‑148/09 P, EU:C:2011:603, punti 83 sa 87; tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-kawża Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑512/11, EU:T:2014:989, punt 106; u tad-9 ta’ Settembru 2010 fil-kawża British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, T‑359/04, EU:T:2010:366, punt 102.

( 31 )   Ara, inter alia, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001 fil-kawża Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑204/97, EU:C:2001:233, punti 40 u 49; tal-10 ta’ Lulju 2012 fil-kawża Smurfit Kappa Group vs Il‑Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 97; u tas-7 ta’ Novembru 2012 fil-kawża CBI vs Il‑Kummissjoni, T‑137/10, EU:T:2012:584, punt 309. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998 fil-kawża BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑11/95, EU:T:1998:199, punti 188 sa 193.

( 32 )   Sentenza appellata, punti 45 sa 53.

( 33 )   Sentenza appellata, punt 59.

( 34 )   Sentenza appellata, punti 61 u 62.

( 35 )   Sentenza tat-13 ta’ Marzu 1985Netherlands u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, 296/82 u 318/82, EU:C:1985:113, punt 19. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1997:249, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 36 )   Sentenza tat-13 ta’ Marzu 1985 fil-kawża Il‑Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, 296/82 u 318/82, EU:C:1985:113.

( 37 )   Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs l‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 38 )   Dak il-kriterju kien intiż għad-determinazzjoni tal-“valur nett preżenti” tad-drittijiet esklużivi mogħtija mill-ftehim TLV u l-Addendum, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni dħul raġonevoli mis-suq għal OPAP, u biex dak il-valur jitqabbel mal-kunsiderazzjoni mħallsa minn OPAP għad-drittijiet esklużivi mogħtija.

( 39 )   Il-metodu użat kien dak ta’ “flussi tal-flus skontati” u l-kalkolu sar fuq il-bażi tad-dħul previst u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-operat futur tad-diversi logħob u l-flussi ta’ flus li dan il-logħob iġib miegħu. Il-Kummissjoni stqarret ukoll li dak il-valur kien jiddependi fuq ir-rata ta’ skont li trid tiġi applikata.

( 40 )   Għal kritika dwar il-prattika ta’ revoka fl-ordni ta’ eżami stabbilit, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-każ ta’ Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il‑Kunsill, C‑511/13 P, EU:C:2015:206, punti 49 sa 67.

( 41 )   Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014 fil-kawża Stichting Woonpunt et vs il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 45.

( 42 )   Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007 fil-kawża Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 31, u fil-kawża Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 43 )   Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDFC‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-kawża Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 44 )   Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 )   Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 46 )   Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001 fil-kawża Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41.

Top