Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0799

    Kawża T-799/14: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ Diċembru 2014 – Gazprom Neft vs Il-Kunsill

    ĠU C 81, 9.3.2015, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 81/22


    Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2014 – Gazprom Neft vs Il-Kunsill

    (Kawża T-799/14)

    (2015/C 081/29)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Gazprom Neft OAO (Saint Petersburg, ir-Russja) (rappreżentant: L. Van den Hende, avukat, u S. Cogman, Solicitor)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK, tat-8 ta’ Settembru 2014 (1), li jdaħħal l-Artikolu 4a fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK;

    tannulla l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014, tat-8 ta’ Settembru 2014 (2), li jdaħħal l-Artikolu 3a fir-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014;

    tannulla l-Artikolu 1(1) u l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK, sa fejn dawn idaħħlu l-Artikolu 1(2)(b) sa (d), l-Artikolu 1(3) u l-Anness III fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lir-rikorrenti;

    tannulla l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 1(9), u l-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill Nru 960/2014, sa fejn dawn idaħħlu l-Artikolu 5(2)(b) sa (d), l-Artikolu 5(3), u l-Anness VI fir-Regolament Nru 833/2014, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lir-rikorrenti;

    tannulla l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK, li jissostitwixxi l-Artikolu 7(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonċerna lir-rikorrenti;

    tannulla l-Artikolu 1(5a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 960/2014, li jissostitwixxi l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014, sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonċerna lir-rikorrenti; u

    tikkundanna lill-Kunsill għad-danni tar-rikorrenti f’din il-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex, b’mod partikolari, la d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK, u lanqas ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 ma jipprovaw jispjegaw għalfejn il-proġetti petroliferi mhux konvenzjonali tar-rikorrenti huma suġġetti għal miżuri restrittivi mmirati.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 215 TFUE ma huwiex bażi legali xierqa għad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 u li l-Artikolu 29 UE ma huwiex bażi legali xierqa għad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-ftehim ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja (3).

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu interferenza sproporzjonata għal-libertà ta’ impriża u għad-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti. Dawn ma humiex xierqa biex jintlaħaq l-għan tagħhom (u b’hekk lanqas ma huma neċessarji) u, f’kull każ, jimponu piżijiet li jaqbżu b’ħafna l-benefiċċji eventwali kollha.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK, tat-8 ta’ Settembru 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 271, p. 54)

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014, tat-8 ta’ Settembru 2014, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 271, p. 3)

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-kunsill tat-30 ta' Ottubru 1997 dwar l-ilħuq tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq in-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 327, p. 1).


    Top