EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0531

Kawża T-531/14: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Lulju 2014 – Sotiropoulou et vs Il-Kunsill

ĠU C 351, 6.10.2014, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/11


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2014 – Sotiropoulou et vs Il-Kunsill

(Kawża T-531/14)

2014/C 351/13

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Leimonia Sotiropoulou (Patra, il-Greċja) u 63 rikorrent ieħor (rappreżentant: K. Chrisogonos, dikigoros)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-konvenut, komplessivament, sabiex jikkumpensa t-telf finanzjarju mġarrab mir-rikorrenti mill-1/1/2013 sal-31/5/2014 minħabba fit-tnaqqis illegali tal-pensjonijiet prinċipali tagħhom permezz tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċċitati hawn taħt, għal total ta’ EUR 8 7 0 50  411;

tikkundanna lill-konvenut, komplessivament, sabiex iħallas lil kull wieħed u waħda mir-rikorrenti l-ammont ta’ EUR 3  000,00 bħala danni morali mġarrba minħabba fit-tnaqqis illegali tal-pensjonijiet prinċipali tagħhom permezz tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċċitati hawn taħt, u

tikkundanna lill-konvenut, komplessivament, għall-ħlas tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors jirrigwarda talba għal kumpens, skont l-Artikolu 268 TFUE, għal danni kkawżati lir-rikorrenti minħabba fit-tnaqqis drastiku tal-pensjonijiet prinċipali tagħhom skont il-miżuri u l-azzjonijiet li ttieħdu fir-rigward tas-sistema tal-pensjoni tal-Greċja skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2010/320/UE, tat-8 ta’ Ġunju 2010 (1), 2010/486/UE, tas-7 ta’ Settembru 2010 (2), 2011/57/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2010 (3), 2011/257/UE, tas-7 ta’ Marzu 2011 (4), 2011/734/UE, tat-12 ta’ Lulju 2011 (5), 2011/791/UE, tat-8 ta’ Novembru 2011 (6), 2012/211/UE, tat-13 ta’ Marzu 2012 (7), u 2013/6/UE, tal-4 ta’ Diċembru 2012 (8), allegatament illegali.

Insostenn tar-rikors ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi:

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi u ta’ sussidjarjetà

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ miżuri dettaljati, ta’ politika u ta’ azzjonijiet li jikkonċernaw skemi soċjali u dwar is-sistema tal-pensjonijiet, meta ġew adottati mill-Kunsill, dan mar lil hinn mill-poteri li t-Trattat jagħtih u bi ksur tal-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi u ta’ sussidjarjetà skont l-Artikoli 4 u 5 TUE, flimkien mal-Artikoli 2 sa 6 TFUE. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeafl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet, skont l-Artikoli 126(9) u 136 TFUE, indirizzati lill-Greċja, ma jistax jistabbilixxi fid-dettall il-politika li l-Greċja trid ssegwi fl-oqsma msemmija, li huma r-responsabbiltà unika ta’ din tal-aħħar bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-imsemmija deċiżjonijiet, flimkien mal-kontenut tagħhom, huma għaldaqstant illegali u jqajjmu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea sabiex hija tikkumpensa lir-rikorrenti d-danni mġarrba minħabba l-fatt li dawn l-istess deċiżjonijiet naqqsu l-pensjonijiet tagħhom.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali skont l-Artikoli 1, 25 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċċitati iktar 'il fuq imponew l-adozzjoni ta’ miżuri dwar is-sistema tal-pensjoni li ħarbtu radikalment is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti u wettqu biddla sostanzjali fis-sitwazzjoni li sa dak iż-żmien huma kienu jserrħu fuqha. It-tnaqqis drastiku fil-pensjonijiet impost skont il-miżuri identifikati fid-deċiżjonijiet iċċitati iktar 'il fuq tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien ifisser tnaqqis radikali tal-kopertura tal-assigurazzjoni u biddla għall-agħar u f’daqqa fl-istandard ta’ għajxien tal-pensjonanti, li fosthom hemm ir-rikorrenti, li, minħabba fit-tnaqqis tal-pensjoni, ittieħdilhom l-ikbar parti mid-dħul li huma qabel kienu jużufruwixxu minnu. L-adozzjoni u l-implementazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni stabbilew il-ksur dirett tad-drittijiet tar-rikorrenti għad-dinjità tal-bniedem, għal ħajja dinjituża u indipendenti tal-anzjani kif ukoll għal aċċess għas-servizzi ta’ sigurtà soċjali u għas-servizzi soċjali li jiżguraw protezzjoni lill-anzjani, drittijiet stabbiliti direttament fl-Artikoli 1, 25 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan kollu jwassal għall-konklużjoni li d-deċiżjonijiet huma minnhom innifishom illegali u tqajjem ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti għad-danni mġarrba minħabba l-fatt li dawn l-istess deċiżjonijiet naqqsu l-pensjonijiet tagħhom.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE, tat-8 ta’ Ġunju 2010, indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 145, 11.06.2010, p. 6).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/486/UE, tas-7 ta’ Settembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv (ĠU L 241, 14.09.2010, p. 12).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/57/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv (ĠU L 26, 29.01.2011, p. 15).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/257/UE, tas-7 ta’ Marzu 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 110, 29.04.2011, p. 26).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE, tat-12 ta’ Lulju 2011, indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (riformulazzjoni) (ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/791/UE, tat-8 ta’ Novembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/211/UE, tat-13 ta’ Marzu 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tinnotifika lill-Greċja sabiex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 113, 25.04.2012, p. 8).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/6/UE, tal-4 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 4, 9.01.2013, p. 40).


Top