Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0355

    Kawża T-355/14: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Mejju 2014 – STC vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 223, 14.7.2014, p. 64–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 223/64


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2014 – STC vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-355/14)

    (2014/C 223/66)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: STC SpA (Forlì, l-Italja) (rappreżentanti: A. Marelli u G. Delucca, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, bil-konsegwenzi legali kollha, u, b’mod partikolari, b’dan il-mod:

    tikkundanna lill-awtorità kontraenti għall-kumpens tad-danni subiti minħabba tali deċiżjonijiet illegali, jew bil-mod speċifiku mitlub, jiġifieri permezz tat-teħid mill-ġdid tad-deċiżjoni favur ir-rikorrenti, jew b’mod ekwivalenti u, f’dan l-aħħar każ, billi tħallas il-kumpens għat-telf tal-qligħ tal-impriża u tad-dannu totali li jammonta għal 15 % tal-prezz indikat fl-offerta tar-rikorrenti jew, alternattivament, 15 % tal-valur tal-offerta, jew inkella, ammont ikbar jew iżgħar, li jkun ikkunsidrat xieraq, ibbażat fuq valutazzjoni ekwa; fi kwalunkwe każ flimkien mal-interessi kumpensatorji bħala kumpens għad-danni għad-dewmien; u barra minn hekk:

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-kawża, li jinkludu spejjeż aċċessorji, varji u kwalunkwe spejjeż oħra dovuti skont il-liġi, suġġett għal kwantifikazzjoni.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikors preżenti ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni negattiva tal-offerta mitfugħa mir-rikorrenti, fis-sejħa għal offerti JRC IPR 2013 C04 0031 OC, tat-Taqsima Manutenzjoni u Servizzi, tad-Direttorat ta’ Tmexxija tas-Sit ta’ Ispra, taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, u kkomunikata permezz ta’ nota datata t-3.4.2014 Ref. Ares(2014)1041060; kontra id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lil kumpannija oħra; kif ukoll kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti.

    L-għan tas-sejħa għal offerti inkwistjoni kienet tikkonsisti fid-disinn eżekuttiv, fil-provvista ta’ tagħmir u fil-kostruzzjoni ta’ impjant ġdid tat-turbogas bi tliet sistemi, b’kuntratt ta’ manutenzjoni ordinarja u straordinarja għal perijodu ta’ 6 snin, li minnhom l-ewwel 2 huma koperti mill-garanzija.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dritt tar-rikorrenti li taċċessa d-dokumenti tas-sejħa għal offerti. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward il-ksur:

    tal-Artikoli 42 u 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal-lista ta’ kriterji għas-sejħa għal offerti u għall-punti miksuba mill-offerenti l-oħra u għat-test sħiħ tar-rapport tal-evalwazzjoni li jirrigwarda lir-rikorrenti.

    tad-drittijiet tad-difiża u ta’ rimedju effettiv.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-offerta ekonomika mitfugħa mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward il-ksur:

    tal-Artikolu 296 TFUE minħabba motivazzjoni kontradittorja u inadegwata.

    tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif deskritt fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    tal-Artikolu 112(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).

    tal-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).

    ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-offerti għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratti, u nuqqas ta’ rikonoxximent tal-opportunitajiet ugwali lill-offerenti kollha.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-offerta teknika mitfugħa mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni l-ksur:

    tal-Artikolu 296 TFUE minħabba motivazzjoni kontradittorja u inadegwata.

    tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif deskritt fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    tal-Artikolu 112(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).

    tal-Artikoli 139(1) u 160(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).

    tal-prinċipju ta’ transparenza u tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-riżultati dokumentarji ġew żnaturati.


    Top