Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0419

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018.
The Goldman Sachs Group, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Imputabbiltà tal-ksur – Preżunzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Ċertezza legali – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża T-419/14.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:445

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Imputabbiltà tal-ksur – Preżunzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Ċertezza legali – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T-419/14,

The Goldman Sachs Group, Inc., stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti tal-Amerika), irrappreżentanta minn W. Deselaers, J. Koponen u A. Mangiaracina, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, L. Malferrari, H. van Vliet u J. Norris-Usher, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Prysmian SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

Prysmian Cavi e Sistemi Srl, stabbilita f’Milano,

irrappreżentati minn C. Tesauro, F. Russo u L. Armati, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610 - Kejbils tal-Elettriku), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Ir-rikorrenti u s-settur ikkonċernat

1

Ir-rikorrenti, The Goldman Sachs Group, Inc., hija kumpannija Amerikana li taġixxi bħala bank ta’ investiment li jopera fiċ-ċentri finanzjarji prinċipali madwar id-dinja. Mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-28 ta’ Jannar 2009, permezz tal-fondi GS Capital Partners V (iktar ’il quddiem il-“fondi GSCOP V”) u ta’ kumpanniji intermedjarji oħra, hija kienet il-kumpannija omm indiretta ta’ Prysmian SpA kif ukoll tas-sussidjarja kkontrollata integralment minnha, Prysmian Cavi e Sistemi Srl (iktar’ il quddiem “PrysmianCS”), li qabel kienet Pirelli Cavi e Sistemi Energia SpA, u sussegwentement Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl. Prysmian u Prysmian CS jikkostitwixxu, flimkien, il-grupp Prysmian, operatur globali fis-suq tal-kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art.

2

Il-kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art jintużaw, rispettivament, għat-trasport u d-distribuzzjoni tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art. Dawn huma kklassifikati fi tliet kategoriji: vultaġġ baxx, vultaġġ medju kif ukoll vultaġġ għoli u għoli ħafna. Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, mibjugħa fil-kuntest ta’ proġetti. Dawn il-proġetti jikkonsistu f’kombinazzjoni ta’ kejbil tal-elettriku u ta’ tagħmir, ta’ faċilitajiet u ta’ servizzi addizzjonali meħtieġa. Il-kejbils elettriċi b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma mibjugħa globalment lil operaturi kbar ta’ netwerks nazzjonali u lil impriżi tal-elettriku oħra, prinċipalment fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi.

B. Il-proċedura amministrattiva

3

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2008, il-kumpannija Svediża ABB AB ipprovdiet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej serje ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti relatati ma’ prattiki kummerċjali restrittivi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar. Dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn id-dokumenti ġew prodotti fil-kuntest ta’ talba għall-immunità fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 144, 23.4.2016, p. 23, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Klemenza”).

4

Mit-28 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar 2009, wara d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ Prysmian u ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia kif ukoll ta’ kumpanniji oħra Ewropej ikkonċernati, jiġifieri Nexans SA u Nexans France SAS.

5

Fit-2 ta’ Frar 2009, il-kumpanniji Ġappuniżi Sumitomo Electric Industries Ltd, Hitachi Cable Ltd u J-Power Systems Corp. ippreżentaw talba konġunta għall-immunità tal-multa, konformement mal-punt 14 tal-Avviż dwar il-Klemenza jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tagħha, skont il-paragrafu 27 ta’ dan l-Avviż. Sussegwentement, huma ttrażmettew lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet orali oħra u dokumenti oħra.

6

Matul l-ispezzjoni, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u mal-paragrafu 12 tal-Avviż dwar il-Klemenza, lil impriżi tas-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar.

7

Fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni fetħet proċedura u adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet kontra l-entitajiet legali li ġejjin: Nexans France, Nexans, Pirelli & C. SpA, Prysmian Cavi e Sistemi Energia, Prysmian, Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable, J–Power Systems, Furukawa Electric Co. Ltd, Ltd, Fujikura Ltd, Viscas Corp., SWCC Showa Holdings Co. Ltd, Mitsubishi Cable Industries Ltd, Exsym Corp., ABB, ABB Ltd, Brugg Kabel AG, Kabelwerke Brugg AG Holding, nkt cables GmbH, NKT Holding A/S, Silec Cable SAS, Grupo General Cable Sistemas, SA, Safran SA, General Cable Corp., LS Cable & System Ltd, Taihan Electric Wire Co. Ltd u r-rikorrenti.

8

Mill-11 sat-18 ta’ Ġunju 2012, id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ Furukawa Electric, ipparteċipaw f’seduta amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

9

Permezz tas-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, EU:T:2012:596), u tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni (T-140/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:597), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni indirizzati, minn naħa, lil Nexans u lil Nexans France u, min-naħa l-oħra, lil Prysmian u lil Prysmian Cavi e Sistemi Energia, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw kejbils tal-elettriku għajr il-kejbils tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli taħt l-ilma u taħt l-art kif ukoll il-materjal assoċjat ma’ dawn il-kejbils l-oħra, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Fl-24 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw appell kontra l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi. Permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C-37/13 P, EU:C:2014:2030), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

10

Fit-2 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2014) 2139 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] (Każ AT.39610 — Kejbils tal-Elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

C. Id-deċiżjoni kkontestata

1.   Il-ksur inkwistjoni

11

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li diversi impriżi pparteċipaw, matul perijodi differenti, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE fis-settur tal-“kejbils tal-elettriku taħt l-art u/jew taħt il-baħar b’vultaġġ għoli (ħafna)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Essenzjalment, il-Kummissjoni kkonstatat li, b’effett minn Frar 1999 u sa tmiem Jannar 2009, il-produtturi ewlenin Ewropej, Ġappuniżi u mill-Korea t’Isfel taħt l-art ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art kienu ħadu sehem f’laqgħat bilaterali u multilaterali u f’kuntatti u stabbilixxew kuntatti intiżi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli (ħafna) f’territorji speċifiċi, billi qassmu s-swieq u l-klijenti u b’hekk ħolqu distorsjoni tal-proċess kompetittiv normali (premessi 10 sa 13 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

12

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kellu żewġ konfigurazzjonijiet ewlenin li jikkostitwixxu sett kompost. B’mod iktar preċiż, fl-opinjoni tagħha, l-akkordju kien kompost minn żewġ partijiet:

il-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju” li kienet tiġbor l-impriżi Ewropej, li normalment jissejħu “membri R”, l-impriżi Ġappuniżi, iddenominati bħala “membri A” u, fl-aħħar nett, l-impriżi Sud Koreani, iddenominati bħala “membri K”. L-imsemmija konfigurazzjoni kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan tal-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti bejn produtturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani. Din l-attribuzzjoni kienet issir skont ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”, li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani kienu naqsu milli jikkompetu għal proġetti li jseħħu fit-“territorju nazzjonali” tal-produtturi Ewropej, filwaqt li dawn tal-aħħar kienu impenjaw ruħhom li jibqgħu barra mis-swieq fil-Ġappun u tal-Korea t’Isfel. Ma’ dan kien hemm ukoll l-attribuzzjoni ta’ proġetti fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, jiġifieri fil-kumplament tad-dinja ħlief b’mod partikolari fl-Istati Uniti, li, għal ċertu perijodu, kienet tosserva “kwota 60/40”, li jfisser li 60 % tal-proġetti kienu rriżervati għall-produtturi Ewropej u l-kumplament ta’ 40 % għall-produtturi Ażjatiċi;

il-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li kienet tinvolvi l-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti mill-produtturi Ewropej għal proġetti li kellhom jitwettqu ġewwa t-“territorju nazzjonali” Ewropew jew proġetti attribwiti lil produtturi Ewropej (ara l-punt 3.3 tal-imsemmija deċiżjoni u, b’mod partikolari, il-premessi 73 u 74 ta’ din id-deċiżjoni).

13

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu stabbilixxew obbligi ta’ komunikazzjoni tad-data sabiex ikun hemm monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ tqassim (premessi 94 sa 106 u 111 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

14

B’kunsiderazzjoni għar-rwol tad-diversi parteċipanti fl-akkordju fl-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kklassifikathom fi tliet gruppi. Qabelxejn, hija ddefinixxiet l-qalba tal-akkordju, komposta, minn naħa, mill-impriżi Ewropej Nexans France, l-impriżi sussidjarji ta’ Pirelli & C., li qabel kienet Pirelli SpA, li sussegwentement ipparteċipat fl-akkordju, u Prysmian Cavi e Sistemi Energia u, min-naħa l-oħra, l-impriżi Ġappuniżi Furukawa Electric Co., Fujikura u l-impriża komuni tagħhom Viscas kif ukoll Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u l-impriża komuni tagħhom J-Power Systems (premessi 545 sa 561 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija identifikat grupp ta’ impriżi li ma kinux jagħmlu parti mill-qalba iżda li ma setgħux, madankollu, jitqiesu bħala atturi marġinali tal-akkordju u kklassifikathom f’dan il-grupp ABB, Exsym, Brugg Kabel u l-entità kkostitwita minn Sagem SA, Safran u Silec Cable (premessi 562 sa 575 tal-imsemmija deċiżjoni). Ltd, LS Cable, Taihan Electric Wire u nkt cables kienu atturi marġinali tal-akkordju (premessi 576 sa 594 ta’ din id-deċiżjoni).

2.   Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

15

Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ġiet ikkonstatata minħabba l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm ta’ Prysmian u ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-28 ta’ Jannar 2009.

16

B’mod partikolari, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, assumiet, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni Ewropea, li Prysmian kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia fis-suq, mill-inqas bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009, u li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian u ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia fis-suq, mill-inqas bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-3 ta’ Mejju 2007 (premessa 782 tad-deċiżjoni kkontestata).

17

It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-analiżi tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali tar-rikorrenti mas-sussidjarji tagħha, li din kienet effettivament eżerċitat influwenza determinati fuq l-aġir fis-suq ta’ Prysmian kif ukoll ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia, mill-inqas bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009 (premessa 783 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.   Il-multa imposta

18

L-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 37303000, “flimkien u in solidum” ma’ PrysmianCS u Prysmian, għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-perijodu bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009.

19

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-metodoloġija esposta fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni [tal-imsemmi artikolu] (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006”).

20

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multi, wara li ddeterminat il-valur tal-bejgħ xieraq, konformement mal-paragrafu 18 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 (premessi 963 sa 994 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon ta’ dan il-valur tal-bejgħ li jirrifletti l-gravità tal-ksur, konformement mal-paragrafi 22 u 23 tal-imsemmija linji gwida. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-ksur, min-natura tiegħu, kien jikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, li kien jiġġustifika rata ta’ gravità ta’ 15 %. Bl-istess mod, hija applikat żieda ta’ 2 % tal-koeffiċjent tal-gravità għad-destinatarji kollha minħabba parti mis-suq akkumulat kif ukoll minħabba l-portata ġeografika kważi dinjija tal-akkordju, li kienet tkopri b’mod partikolari t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Barra minn hekk, hija qieset, b’mod partikolari, li l-aġir tal-impriżi Ewropej kien iktar dannuż għall-kompetizzjoni minn dak tal-impriżi l-oħra, sa fejn, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fil-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, l-impriżi Ewropej kienu qasmu bejniethom il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità tal-ksur għal 19 % għall-kumpaniji Ewropej u għal 17 % għall-impriżi l-oħra (premessi 997 sa 1010 tal-imsemmija deċiżjoni).

21

Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset, fir-rigward tar-rikorrenti, koeffiċjent ta’ 3.5 għall-perijodu bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009. Barra minn hekk, mal-ammont bażiku tal-multa, hija inkludiet ammont addizzjonali, jiġifieri d-dritt tad-dħul, li jikkorrispondi għal 19 % tal-valur tal-bejgħ (premessi 1011 sa 1016 tad-deċiżjoni kkontestata).

22

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni ma kkonstatatx ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jaffettwaw l-ammont bażiku tal-multa stabbilit fil-konfront ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ ABB. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, hija ddeċidiet li, fl-ammont tal-multi, jiġi rifless l-irwol tal-impriżi differenti fl-implimentazzjoni tal-akkordju. Għaldaqstant, hija naqqset b’10 % l-ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost għal atturi marġinali tal-akkordju u b’ 5 % l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li l-involviment tagħhom fl-akkordju kien medju. Barra minn hekk, hija tat lil Mitsubishi Cable Industries u lil SWCC Showa Holdings, għall-perijodu qabel il-ħolqien ta’ Exsym, u lil LS Cable & System u lil Taihan Electric Wire, tnaqqis addizzjonali ta’ 1 % talli ma kellhomx għarfien dwar ċerti aspetti tal-ksur uniku u kontinwat u għan-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħhom relatata ma’ dawn l-aspetti. Min-naħa l-oħra, ebda tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ma ngħata lil impriżi li jappartjenu mal-qalba tal-akkordju, inklużi r-rikorrenti (premessi 1017 sa 1020 u 1033 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, tat-tnaqqis addizzjonali ta’ 3 % mill-ammont tal-multa imposta fuq Mitsubishi Cable Industries minħabba l-kooperazzjoni effettiva tagħha barra mill-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (premessa 1041 tal-imsemmija deċiżjoni).

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 u fil-11 ta’ Ottubru 2014, Prysmian u PrysmianCS, minn naħa, u l-European Private Equity and Venture Capital Association (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ekwità Privata u l-Kapital ta’ Riskju), min-naħa l-oħra, rispettivament talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

25

Permezz ta’ digrieti tal-25 ta’ Ġunju 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali (kompożizzjoni preċedenti), minn naħa, aċċetta l-intervent mitlub minn Prysmian u PrysmianCS, l-intervenjenti, u ordna li jintbagħtulhom il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tan-noti tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, huwa ċaħad it-talba għal intervent tal-European Private Equity and Venture Capital Association.

26

L-intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fid-29 ta’ Ottubru 2015. Permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni u r-rikorrenti rispettivament ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti tal-intervenjenti.

27

Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Settembru 2016, il-President tat-Tmien Awla (kompożizzjoni preċedenti) tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talbiet għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni, sa fejn dawn kienu kkontestati mill-intervenjenti.

28

Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla (kompożizzjoni ġdida), u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

29

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2017.

30

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, totalment jew parzjalment, l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernawha;

tnaqqas il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad it-talbiet kollha tar-rikorrenti;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

32

Fil-kuntest tar-rikors, ir-rikorrenti tressaq kemm talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġiet imposta fuqha.

A. Fuq it-talbiet għal annullament

33

Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti hija responsabbli għall-ksur imwettaq mill-intervenjenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, tal-insuffiċjenza tal-provi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tal-istess regolament, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

1.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

34

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta minħabba l-ksur imwettaq mill-intervenjenti bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009. Essenzjalment, hija tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-punti 15 sa 17 iktar ’il fuq, li jgħidu li, l-ewwel nett, seta’ jiġi preżunt l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq l-intervenjenti mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-3 ta’ Mejju 2007 u, it-tieni nett, li tali influwenza tista’, fi kwalunkwe każ, tiġi dedotta mill-analiżi tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjoni u legali eżistenti bejnha u l-intervenjenti għall-perijodu kollu li matulu hija kellha ishma fil-grupp Prysmian.

35

Ir-rikorrenti tippreżenta l-ewwel motiv tagħha fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni meta assumiet l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq l-intervenjenti għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-3 ta’ Mejju 2007. Fit-tieni parti, hija tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li, fi kwalunkwe każ, hija eżerċitat influwenza determinanti fuq l-intervenjenti matul il-perijodu kollu li matul tiegħu hija kellha ishma f’dawn tal-aħħar. Fit-tielet parti, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, essenzjalment, li hija ma kinitx sempliċi investitur finanzjarju.

a)   Fuq l-ewwel parti, dwar l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-3 ta’ Mejju 2007

36

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta assumiet influwenza determinanti min-naħa tagħha, peress li s-sehem tagħha fi Prysmian, permezz tal-fondi GSCP V u ta’ kumpanniji intermedjarji oħra, kien ferm inqas minn 100 % matul il-parti l-kbira tal-investiment tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, għajr 41 jum, is-sehem tagħha fi Prysmian kien jammonta għal mhux iktar minn bejn 84.4 % u 91.1 % sat-3 ta’ Mejju 2007, data li fiha l-ishma fi Prysmian tqiegħdu fil-Borża ta’ Milan permezz ta’ offerta pubblika inizjali (iktar ’il quddiem id-“data tal-OPI”). Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni qatt ma applikat il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti f’każ li jimplika sehem mill-kapital effettiv ta’ inqas minn 93 %.

37

Sussegwentement, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta applikat il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti b’referenza għad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian u mhux għall-kapital ta’ din l-aħħar kumpannija. Fil-fehma tagħha, tali approċċ huwa mingħajr preċedent fil-prassi deċiżjonali tagħha u ma huwiex ikkorroborat mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija ssostni, essenzjalment, li sehem ta’ 100 % fid-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ kumpannija ma huwiex identiku għas-sehem ta’ 100 % tal-kapital tal-imsemmija kumpannija.

38

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni la ħadet biżżejjed inkunsiderazzjoni it-trasferiment tal-ishma ta’ Prysmian li hija wettqet favur Apollo Investment Corp. (iktar ’il quddiem “Apollo”) u lanqas it-trasferiment tal-ishma ta’ Prysmian li hija wettqet favur it-tim maniġerjali ta’ din tal-aħħar. Fil-fehma tagħha, dawn it-trasferimenti juru li hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita 100 % tad-drittijiet tal-voti assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

39

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fir-rigward tal-perijodu li jippreċedi d-data tal-OPI, hija pproduċiet provi suffiċjenti sabiex tirribattiha.

40

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

41

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti, ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, applikat il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti sabiex tikkonstata r-responsabbli in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sad-data tal-IPO u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li din ma rnexxiliex tirribatti l-imsemmija preżunzjoni.

1) Fuq l-ewwel ilment, dwar l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-3 ta’ Mejju 2007

42

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali bejn dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-fatt, dan huwa l-każ peress li, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża unika, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Għalhekk, il-fatt li kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża unika fis-sens tal-imsemmi artikolu jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija omm, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Skont ġurisprudenza li hija wkoll stabbilita, fil-każ partikolari ta’ kumpannija omm li jkollha 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija omm tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija omm teżerċita effettivament tali influwenza determinati fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija omm hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li l-kumpannija omm hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija omm, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fil-każ partikolari li kumpannija jkollha 100 % tal-kapital ta’ kumpannija intermedjarja li, min-naħa tagħha, iżżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja tal-grupp tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hemm ukoll preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija intermedjarja u indirettament, permezz ta’ din tal-aħħar, fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C-508/11 P, EU:C:2013:289, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni applikat il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex 100 % tal-kapital ta’ Prysmian matul il-perijodu kollu mid-29 ta’ Lulju 2005 sad-data tal-OPI. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, kif jirriżulta mill-premessi 739 sa 747 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li s-sehem tar-rikorrenti fl-imsemmi kapital kien inizjalment ta’ 100 %, il-livell ta’ dan is-sehem naqas, ftit wara u progressivament, bħala segwitu, minn naħa, tat-trasferiment tal-ishma li sar fis-7 ta’ Settembru 2005 favur Apollo u, min-naħa l-oħra, tat-trasferiment tal-ishma li sar fil-21 ta’ Lulju 2006 favur it-tim maniġerjali ta’ Prysmian. Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija korretta meta tenfasizza fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, għajr il-41 jum li fih is-sehem tagħha kien ta’ 100 %, is-sehem tagħha qabel id-data tal-OPI kien bejn 91.1 % u 84.4 %.

48

Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi 748 sa 754 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq il-livell ta’ sehem tar-rikorrenti fil-kapital ta’ Prysmian, iżda fuq il-fatt li, minkejja t-trasferiment ta’ ċerti ishma, ir-rikorrenti kienet tikkontrolla 100 % tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma tal-imsemmija kumpannija. Skont il-Kummissjoni, dan kien ipoġġiha f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju uniku u esklużiv tal-grupp Prysmian.

49

F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinati setgħetx tapplika f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha d-dritt tirrikorri għall-imsemmija preżunzjoni meta l-kumpannija omm tkun tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju esklużiv, fir-rigward tal-poter tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T-206/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:250, punt 56; tat-12 ta’ Diċembru 2014, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, T-562/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1078, punt 42, u tal-15 ta’ Lulju 2015, Socitrel u Companhia Previdente vs Il-Kummissjoni, T-413/10 u T-414/10, EU:T:2015:500, punt 204).

50

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, kif indikat essenzjalment il-Kummissjoni, fil-premessa 754 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kumpannija omm iżżomm it-totalità tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma tas-sussidjarja tagħha, b’mod partikolari flimkien ma’ sehem b’maġġoranza kbira fil-kapital tal-imsemmija sussidjarja, bħal f’dan il-każ, l-imsemmija kumpannija omm tkun tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju esklużiv ta’ din is-sussidjarja, b’mod li l-kumpannija omm tkun f’pożizzjoni li tiddetermina l-istrateġija ekonomika u kummerċjali tas-sussidjarja, anki jekk hija ma jkollhiex it-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital azzjonarju ta’ ta’ din tal-aħħar.

51

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa bbażat fuq il-premessa li l-fatt li l-kumpannija omm ikollha 100 % jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha jippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi, mingħajr provi ta’ sostenn, li l-kumpannija omm għandha l-poter teżerċita influwenza determinati fuq is-sussidjarja mingħajr ma l-interessi tal-azzjonarji l-oħra neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi jew ta’ ġestjoni ta’ kuljum ta’ din is-sussidjarja, li tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq mhux b’mod awtonomu iżda billi tikkonforma mar-rieda ta’ din il-kumpannija omm (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:262, punt 73).

52

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli fl-intier tagħhom fil-każ fejn kumpannija omm ikollha l-possibbiltà li teżerċita d-drittijiet kollha tal-vot assoċjati mal-ishma tas-sussidjarja tagħha, peress li l-imsemmija kumpannija omm hija f’pożizzjoni li teżerċita kontroll sħiħ fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja mingħajr ma’ partijiet terzi, partikolarment azzjonisti oħra, ikunu fil-prinċipju jistgħu jopponu tali kontroll. Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, l-azzjonisti minoritarji li ma jkollhomx drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ din is-sussidjarja, jistgħu jeżerċitaw, fir-rigward ta’ tali sussidjarja, ċerti drittijiet li, skont il-każ, ikollhom ukoll influwenza fuq l-aġir tal-istess sussidjarja. Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-kumpannija omm tista’ tirribatti l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti billi tipproduċi elementi ta’ prova li juru li hija ma għandhiex tiddetermina l-politika kummerċjali tas-sussidjarja kkonċernata fis-suq.

53

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti tinsabx f’tali sitwazzjoni, għandu jitfakkar li, fil-premessi 751 sa 754 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet li għalihom ir-relazzjoni li kienet teżisti bejn ir-rikorrenti u Prysmian bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u d-data tal-OPI kienet, fil-fehma tagħha, analoga għal dik ta’ kumpannija omm li żżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha. Essenzjalment, hija tispjega li ż-żewġ trasferimenti tal-ishma ta’ Prysmian li twettqu mir-rikorrenti, minn naħa, favur Apollo u, min-naħa l-oħra, favur it-tim maniġerjali ta’ Prysmian, ġew suġġetti għal kundizzjonijiet li jiżguraw li l-azzjonisti l-ġodda huma sempliċi investituri passivi u ma jeżerċitaw l-ebda dritt ta’ vot assoċjat mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kapital.

54

Ir-rikorrenti ssostni, min-naħa tagħha, li l-investimenti li saru minn Apollo u mill-amministrazzjoni ta’ Prysmian ma kinux sempliċement passivi u lanqas ma kienu jinvolvu rinunzja tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ din l-aħħar kumpannija favur tagħha. Barra minn hekk, hija tallega li l-Kummissjoni “injorat”, fl-analiżi tagħha, iż-żewġ trasferimenti tal-ishma li hija wettqet, minn naħa, favur Apollo u, min-naħa tagħha, favur l-amministrazzjoni ta’ Prysmian.

55

L-ewwel nett, fir-rigward tat-trasferiment tal-ishma ta’ Prysmian li r-rikorrenti wettqet favur Apollo, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 751 tad-deċiżjoni kkontestata, dan seħħ permezz ta’ stabbiliment ta’ soċjetà in akkomandita ddenominata GS Prysmian Co-Invest LP, li Apollo kienet azzjonista limitata tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Klawżola 5.7 tal-kuntratt ta’ bejgħ u ta’ xiri ffirmat bejn il-fondi GSCP V u Apollo fis-7 ta’ Settembru 2005, bħal dak iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġa Nru 1115 tal-imsemmija deċiżjoni, jipprovdi kif ġej:

[kunfidenzjali] ( 1 )

56

Mill-punt 55 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont il-kuntratt ta’ bejgħ u ta’ xiri, Apollo rrikonoxxiet [kunfidenzjali].

57

Għalhekk, il-Kummissjoni kienet fondata meta qieset li t-trasferiment tal-ishma ta’ Prysmian magħmul mir-rikorrenti favur Apollo kien suġġett għal kundizzjonijiet li jiżguraw li l-azzjonist il-ġdid ikun sempliċi investitur passiv.

58

L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-formulazzjoni formali tal-kuntratt ta’ bejgħ u ta’ xiri ffirmat bejn il-fondi GSCP V u Apollo fis-7 ta’ Settembru 2005, li ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni reali maħluqa b’riżultat tat-trasferiment tal-ishma ta’ Prysmian magħmula mir-rikorrenti favur Apollo, ma jistax jikkonfuta din il-konklużjoni. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tista’ turi li dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, il-klawżola 5.7 tiegħu, ma jirriflettux is-sitwazzjoni reali stabbilita bejn l-imsemmi fondi u Apollo.

59

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-formulazzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u ta’ xiri ffirmat bejn il-fondi GSCP V u Apollo fis-7 ta’ Settembru 2005 kienet tieħu inkunsiderazzjoni biss ir-riskju li Apollo kienet lesta taċċetta fil-kuntest tal-investiment tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, li r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-imsemmi kuntratt huma rrilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk, wara trasferiment tal-ishma ta’ Prysmian li sar favur Apollo mir-rikorrenti, din tal-aħħar baqgħetx iżżomm il-possibbiltà li teżerċita t-totalità tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-imsemmija ishma.

60

Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li ż-żieda fin-numru ta’ azzjonisti fi ħdan Prysmian timplika minnha nnifisha l-eżistenza ta’ interessi oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fi ħdan l-impriża, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, fir-rigward tal-investimenti li twettqu minn Apollo, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar in-natura ta’ dawn l-interessi jew dwar kif dawn jistgħu jimmanifestaw ruħhom f’kuntest fejn Apollo ma setgħet teżerċita kwalunkwe dritt tal-vot.

61

It-tieni nett, fir-rigward tat-trasferiment ta’ ta’ Prysmian imwettaq mir-rikorrenti favur it-tmexxija tal-imsemmija kumpannija, mill-premessa 752 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan it-trasferiment kien akkumpanjat minn sett ta’ kundizzjonijiet li l-imsemmija amministrazzjoni kellha taċċetta u li ġew stabbiliti fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ koinvestiment u ta’ kuntratt fiduċjarju ma’ bank terz. B’mod partikolari, permezz ta’ dawn il-kuntratti, id-diretturi aċċettaw li l-ishma rispettivi tagħhom jiġu akkwistati u miżmuma mill-imsemmija banek bħala fiduċjarju. Barra minn hekk, jirriżulta, essenzjalment, mill-imsemmija kuntratti li d-diretturi ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom skont it-trasferiment permezz ta’ fiduċjarju, li min-naħa tiegħu, seta’ biss jattendi għal-laqgħat tal-azzjonisti ta’ Prysmian wara l-approvazzjoni ta’ struzzjonijiet ta’ votazzjoni tal-fondi GSCP V.

62

Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tat-trasferiment ta’ ishma ta’ Prysmian imwettaq minnha favur l-amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija, il-persuni involuti kienu jew membri tal-bord amministrattiv ta’ Prysmian jew ta’ dak ta’ PrysmianCS. Fil-fehma tagħha, dawn id-diretturi setgħu għalhekk jinfluwenzaw lil Prysmian u, sa fejn kienu responsabbli għall-politika kummerċjali ta’ dan il-grupp, ma setgħux jitqiesu bħala sempliċi investituri passivi. Barra minn hekk, hija ssostni li l-għan tal-imsemmi trasferiment kien parti minn skema ta’ inċentivi lil din l-amministrazzjoni, intiża għall-iżvilupp tal-impriża.

63

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-affermazzjonijiet ma jikkostitwixxux argumenti li jistgħu jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fil-premessa 752 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, peress li l-membri tal-amministrazzjoni ta’ Prsymian ma kinux intitolati jeżerċitaw drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma tal-imsemmija kumpannija, huma ma kinux azzjonisti li l-interessi tagħhom kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-kumpannija omm. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma turix li l-pożizzjoni ta’ direttur f’dan il-każ hija differenti minn dik ta’ direttur ta’ kumpannija sussidjarja li l-ishma tagħha huma miżmuma kompletament mill-kumpannija omm. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-istimulazzjoni tal-motivazzjoni tal-imsemmija membri tal-bord tad-diretturi Prsymian ma tiddependix mill-possibbiltà tagħhom li jeżerċitaw l-imsemmija drittijiet tal-vot u għalhekk ma hijiex marbuta mal-klawżoli espressi tal-kuntratt ta’ koinvestiment u tal-kuntratt fiduċjarju li jipprojbixxu l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni ta’ kwalunkwe dritt formali ta’ azzjonist.

64

Minn dan isegwi li t-trasferiment tal-ishma ta’ Prysmian imwettaq mir-rikorrenti favur Apollo u l-amministrazzjoni ta’ Prysmian seta’, ġustament, jitqies mill-Kummissjoni bħala sempliċement passiv u li kellu bħala konsegwenza, fil-fatt, ir-rinunzja għall-eżerċizzju ta’ drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian favur ir-rikorrenti, li għalhekk baqgħet iżżomm 100 % tal-imsemmija drittijiet tal-vot.

65

It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti tallega nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, sa fejn din “injorat” it-trasferimenti tal-ishma ta’ Prysmian li saru mir-rikorrenti favur Apollo u l-amministrazzjoni tagħha fl-analiżi tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-premessi 751 sa 754 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu, ċertament, motivazzjoni fid-dettall u suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita, sabiex ir-rikorrenti jkollha l-possibbiltà tifhem il-loġika tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-imsemmija evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-possibbiltà għar-rikorrenti li teżerċita influwenza determinanti fuq l-intervenjenti minħabba l-possibbiltà tagħha li teżerċita d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian kienet, skont il-fatti tal-kawża, paragunabbli għal dik li hija bbenefikat minnha bħala proprjetarja esklużiva u unika.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, wara li tkun saret spezzjoni fid-dettall, u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Prysmian eżerċitat influwenza determinanti fuq PrysmianCS, li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tal-intervenjenti fis-suq setgħet tapplika għar-rikorrenti għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-3 ta’ Mejju 2007.

68

Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti għandu jiġi miċħud.

2) Fuq it-tieni ilment, dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti

69

Skont ir-rikorrenti, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni applikat b’mod korrett u xieraq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, fi kwalunkwe każ hija ikkonfutat din il-preżunzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Hija tqis, essenzjalment, li hemm diversi provi li juri li l-intervenjenti aġixxew b’mod awtonomu fis-suq mingħajr ebda struzzjoni min-naħa tagħha.

70

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma wrietx li d-diretturi tal-fergħa tal-investiment dirett tad-diviżjoni tagħha “Merchant Banking” (iktar ’il quddiem il-“PIA”), li kienu jikkontrollaw il-fondi GSCP V, eżerċitaw influwenza fuq il-politika kummerċjali tal-intervenjenti. Hija tallega, f’dan ir-rigward, li l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian juru li kien t-tim maniġerjali tagħha li kien imexxi tali politika.

71

F’dan ir-rigward, kif tosserva l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssemmi ebda messaġġ elettroniku jew minuti speċifiċi insostenn tal-allegazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ dan l-ilment. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, hija r-rikorrenti li għandha tressaq provi li juru li, fil-verità, u kuntrarjament għal dak li ppreżumiet il-Kummissjoni, l-intervenjenti kienu jiddeterminaw l-istrateġija kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu. Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

72

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, fosthom waħda li saret fil-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 2005, li matul tagħha aġie allegatametn sostnut li Prysmian ma kinitx “suġġetta għat-tmexxija u għall-koordinazzjoni ta’ impriża oħra”. Hija żżid ukoll li, kieku l-intervenjenti kienu effettivament taħt il-kontroll tagħha, hija kienet tkun marbuta tiddikjara dan pubblikament, skont id-dritt Taljan.

73

Madankollu, hemm lok li jitqies, minn naħa, li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian setgħu jitwettqu waqt il-laqgħat tagħhom ma jistgħux fihom infushom jistabbilixxu l-veraċità tal-kontenut tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tikkorrobora il-veraċità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi.

74

Min-naħa l-oħra, il-fatt li tali dikjarazzjonijiet twettqu skont id-dritt Taljan, kif allegat mir-rikorrenti, ma huwiex ta’ natura li juri li r-rikorrenti ma kinitx, fil-fatt, il-kumpannija omm li tiżgura l-kontroll tal-grupp Prysmian. Kif tirrileva l-Kummissjoni, l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ evidenza fattwali, b’tali mod li l-kwistjoni dwar jekk sussidjarja tistax tiddeċiedi b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq jew jekk hijiex suġġetta għall-influwenza determinanti tal-kumpannija omm tagħha tistax tiġi evalwata biss fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkonċernat.

75

It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka r-risposta li l-intervenjenti pprovdew fuq talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2009 u, b’mod partikolari, il-fatt li dan id-dokument ma jinkludi ebda referenza li tikkonċernahom. Madankollu, għal darba oħra, is-sempliċi nuqqas ta’ referenza għar-rikorrenti f’dan id-dokument ma jfissirx li hija ma kienet eżerċitat ebda influwenza fuq il-partijiet intervenjenti, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ qabel id-data tal-OPI.

76

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tat ebda struzzjoni u ma eżerċitat ebda kontroll dirett fuq kwistjonijiet ta’ natura kummerċjali tal-grupp Prysmian. F’dan ir-rigward, hija tipprovdi “sommarju” ta’ serje ta’ argumenti li għandhom jiġu żviluppati “fid-dettall” fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv. Madankollu, fil-każ ineżami, tali riferiment ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-imsemmija argumenti. Fil-fatt, minkejja li fir-rikors ġew esposti l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuqhom, huwa madankollu importanti għar-rikorrenti li tippreżentahom b’mod koerenti u komprensibbli. B’mod partikolari, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex fl-elementi kollha invokati insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv jekk dawn l-elementi setgħux jintużaw ukoll insostenn ta’ dan l-ilment (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T-322/01, EU:T:2006:267, punt 209). Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, bla ħsara għall-analiżi li għandha ssir fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

77

Minn dak li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, hija ma rnexxiliex tikkonfuta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti bi provi suffiċjenti, ta’ natura li juru li l-intervenjenti kienu jaġixxu b’mod awtonomu fis-suq.

78

Għaldaqstant, it-tieni ilment tal-ewwel parti għandu jiġi miċħud, kif ukoll l-imsemmija parti fl-intier tagħha.

b)   Fuq it-tieni parti, dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-28 ta’ Jannar 2009

79

Ir-rikorrenti ssostni li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonstata r-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha għall-perijodu kollu tal-ksur ma jistabbilixxux li hija kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti jew li hija effettivament eżerċitata fuq l-intervenjenti. Essenzjalment, hija tqis li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement fid-dritt li l-intervenjenti kienu jiffurmaw unità ekonomika waħda fis-sens tal-ġurisprudenza.

80

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

81

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm partikolarment meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi.

82

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali bejn din is-sussidjarja u l-kumpannija omm, li jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor u li għalhekk ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il-Kummissjoni, C-490/15 P u C-505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T-92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Meta kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-fatt li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi ma huwiex neċessarjament relazzjoni ta’ instigazzjoni bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja, fejn il-kumpannija omm tinstiga l-ksur, u lanqas, a fortiori, l-involviment tal-kumpannija omm fl-imsemmi ksur, iżda pjuttost l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża unika fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il-Kummissjoni, C-490/15 P u C-505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Għandu jiġi osservat ukoll li, sabiex l-aġir ta’ sussidjarja jkun jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija omm hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha tivverifika wkoll jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il-Kummissjoni, C‑172/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:601, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Settembru 2013, The Dow Chemical Company vs Il-Kummissjoni, C‑179/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:605, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi inklużi f’dan l-att, l-eżerċizzju effettiv ta’ setgħa ta’ tmexxija tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-provi miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li timputa r-responsabbiltà tal-ksur lill-kumpannija omm. Għaldaqstant, l-unika kwistjoni rilevanti hija jekk hemmx evidenza tal-ksur fid-dawl tal-imsemmija provi (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T-104/13, EU:T:2015:610, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat il-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq l-intervenjenti billi bbażat ruħha, fil-fehma tagħha, fuq fatturi oġġettivi, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li hemm bejn ir-rikorrenti u l-grupp Prysmian. Dawn il-fatturi oġġettivi, kif deskritt fil-premessi 758 sa 781 tal-imsemmija deċiżjoni, huma, l-ewwel nett, is-setgħa li jinħatru l-membri oħra tal-bord ta’ Prysmian, it-tieni nett, is-setgħa li tlaqqa’ lill-azzjonisti għal-laqgħat u s-setgħa li jsiru proposti għar-revoka tad-diretturi jew ta’ bordijiet tad-diretturi sħaħ, it-tielet nett, ir-rappreżentazzjoni effettiva tar-rikorrenti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, ir-raba’ nett, is-setgħat ta’ ġestjoni ta’ rappreżentanti tar-rikorrenti fi ħdan il-bord tad-diretturi, il-ħames nett, l-importanza tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-kumitati stabbiliti minn Prysmian, is-sitt nett, l-aċċettazzjoni ta’ aġġornamenti regolari u ta’ rapporti mensili, is-seba’ nett, il-miżuri li jiżguraw it-tkomplija tal-kontroll deċiżiv wara l-OIP u, it-tmien nett, il-prova ta’ aġir tipiku ta’ proprjetarju industrijali.

87

Għandu jiġi rrilevat li, skont il-Kummissjoni, l-ewwel sitt fatturi oġġettivi msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq juru l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti min-naħa tar-rikorrenti kemm għall-perijodu qabel id-data tal-OPI kif ukoll matul il-perijodu wara l-imsemmija data. Min-naħa l-oħra, l-aħħar tnejn jirreferu esklużivament għal dan l-aħħar perijodu. F’dan il-kuntest, anki jekk, fir-rigward tal-perijodu qabel id-data tal-OPI, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li l-Kummissjoni applikat, ġustament, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u li r-rikorrenti ma rnexxiliex tikkonfutaha, l-eżami tal-fatturi kollha invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tibqa’ neċessarja, għaliex huma wkoll applikabbli għall-perijodu wara l-imsemmija data.

88

Għaldaqstant, hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ kull wieħed mill-fatturi invokati mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-argumenti magħmula mir-rikorrenti u, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 81 sa 85 iktar ’il fuq, jekk dawn il-fatturi jistgħux, fl-intier tagħhom, juru kemm il-kapaċità tar-rikorrenti li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-intervenjenti fis-suq kif ukoll l-eżerċizzju effettiv ta’ din l-influwenza.

1) Fuq is-setgħa ta’ ħatra ta’ membri tad-diversi bordijiet ta’ diretturi ta’ Prysmian kif ukoll is-setgħa li l-azzjonisti jiġu mlaqqa’ għal-laqgħat u s-setgħa li jsiru proposti għar-revoka tad-diretturi jew ta’ bordijiet ta’ diretturi sħaħ

89

Fil-premessi 758 sa 760 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li r-rikorrenti kellha s-setgħa taħtar diretturi fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian u li dan tal-aħħar eżerċita l-imsemmija setgħa matul it-tul kollu tal-ksur. Hija żżid li r-rikorrenti kellha wkoll is-setgħa li tlaqqa’ lill-azzjonisti għal-laqgħat u tipproponi, f’dawn il-laqgħat, ir-revoka tad-diretturi jew tal-bord ta’ diretturi kollu.

90

Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li tistabbilixxi s-setgħa tagħha li taħtar il-membri tal-bord ta’ diretturi ta’ Prysmian kif ukoll li tlaqqa’ lill-azzjonisti għal-laqgħat u tirrevoka diretturi jew il-bord tad-diretturi kollu. Hija lanqas ma tikkontesta, hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompożizzjoni konkreta tad-diversi bordijiet ta’ diretturi ta’ Prysmian matul il-perijodu tal-ksur. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li dawn is-setgħat ma kinux jawtorizzawha teżerċita kontroll effettiv fuq il-bord jew tinfluwenza, b’mod determinanti, il-politika kummerċjali ta’ Prysmian. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni tonqos milli tipprova l-fatt li hija eżerċitat tali kontroll effettiv.

91

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kapaċità tar-rikorrenti li teżerċita influwenza determinanti fuq l-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li tiġi ddefinita l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija jikkostitwixxi element oġġettiv li jiddetermina, fih innifsu, il-possibbiltà li jiġu kkontrollati d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-imsemmi bord u, għaldaqstant, mill-kumpannija kkonċernata. Fil-fatt, il-bord tad-diretturi jikkostitwixxi, minnu nnifsu, il-korp inkarigat mill-amministrazzjoni u mir-rappreżentazzjoni tal-kumpannija u l-funzjonijiet tiegħu jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għażla u l-monitoraġġ tal-politika kummerċjali tal-kumpannija inkwistjoni, kif ukoll id-denominazzjoni tat-tim maniġerjali ta’ din tal-aħħar. Fir-rigward, b’mod partikolari, Prysmian, il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tas-setgħa tar-rikorrenti li taħtar il-membri kollha li kellhom jokkupaw karigi fid-diversi bordijiet ta’ diretturi rispettivi tal-imsemmija kumpannija, għalkemm b’mod indirett, permezz tal-fondi GSCP V, tippermetti li jitqies li r-rikorrenti kellha l-kapaċità li tikkontrolla l-imsemmija bordijiet kif ukoll id-deċiżjonijiet li huma kellhom jadottaw fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

92

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti effettivament eżerċitatx dan il-kontroll, hemm lok li jiġi rrilevat, skont il-premessa 759 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll skont il-konstatazzjonijiet magħmula waqt l-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li r-rikorrenti kellha kontroll sħiħ fuq id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma ta’ Prysmian matul il-perijodu li jippreċedi d-data tal-OIP u kellha wkoll maġġoranza assoluta fl-assemblea tal-azzjonisti sa Novembru 2007. Għaldaqstant, ir-rikorrenti, kif ikkonfermat waqt is-seduta, ħatret il-membri kollha tal-bord tad-diretturi kemm, l-ewwel nett, il-kumpanniji GSCP Athena Srl u GSCP Athena Energia Srl, fid-9 u fil-11 ta’ Mejju 2005, li saru, essenzjalment, Prysmian u PrysmianCS rispettivament, kif ukoll, sussegwentement, dawk ta’ Prysmian, fil-15 ta’ Diċembru 2005 u fit-28 ta’ Frar 2007.

93

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 759 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bord tad-diretturi maħtur fit-28 ta’ Frar 2007, jiġifieri qabel id-data tal-OPI, inħatar għal perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2009 u li baqa’ bl-istess konfigurazzjoni, wara d-data tal-OPI, sad-data tat-tmiem tal-ksur. Minkejja li, matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti ma kellhiex iktar kontroll assolut tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian, tinżamm tal-istess kompożizzjoni tal-imsemmi bord tikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kompliet teżerċita kontroll fuq il-bord tad-diretturi.

94

L-evalwazzjonijiet preċedenti huma, barra minn hekk, ikkorroborati mill-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, li tgħid li din kellha wkoll is-setgħa li tlaqqa’ lill-azzjonisti u tipproponi r-revoka tad-diretturi, jew il-bord tad-diretturi kollu. Din is-setgħa tenfasizza l-kapaċità tar-rikorrenti li teżerċita kontroll fuq il-bordijiet tad-diretturi rispettivi ta’ Prysmian u fuq id-deċiżjonijiet li setgħu jadottaw. Huwa minnu li, kif tafferma r-rikorrenti, l-unika opportunità kkonstatata mill-Kummissjoni li fiha r-rikorrenti rrevokat il-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian kienet, skont il-premessa 760 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-9 ta’ April 2009, jiġifieri wara l-perijodu tal-ksur. Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, xejn ma jipprekludi li fatti li seħħew wara d-data tal-waqfien formali tal-ksur jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala indizji, minħabba r-rilevanza tagħhom, sabiex jiġu evalwati l-fatti li seħħew matul il-ksur. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti kellha l-istess setgħat matul it-tul kollu tal-ksur.

95

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq is-setgħa tar-rikorrenti li taħtar id-diretturi tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian kif ukoll is-setgħa tagħha li tipproponi r-revoka tagħhom, bħala fatturi oġġettivi sabiex turi li r-rikorrenti setgħet tikkontrolla l-imsemmi bord u kienet effettivament ikkontrollatu.

96

Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta li s-setgħa tagħha li taħtar id-diretturi tal-bord ta’ Prysmian u s-setgħa li tipproponi r-revoka tagħhom jikkostitwixxu fatturi oġġettivi li juru li hija kienet effettivament ikkontrollat l-imsemmi bord. L-ewwel nett, hija tallega li l-Kummissjoni kellha tipprova, fuq bażi supplimentari, kif ir-rikorrenti kienet, b’mod konkret, eżerċitat kontroll effettiv fuq il-membri tal-bord ta’ Prysmian. F’dan ir-rigward, hija tinvoka s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2012, FLS Plast vs Il-Kummissjoni (T-64/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:102).

97

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2012, FLS Plast vs Il-Kummissjoni (T-64/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:102), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, kienet tirrigwarda kumpannija omm li kellha 60 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, fejn l-40 % l-oħra kienu jappartjenu lil kumpannija terza. Il-Qorti Ġenerali, minn naħa, irrilevat li eżerċizzju ta’ kontroll mill-kumpannija omm ma jistax jiġi preżunt peress li, b’40 % tal-ishma, il-kumpannija terza tista’ wkoll tinfluwenza l-aġir tal-kumpannija sussidjarja. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet obbligata turi li kienet ir-rikorrenti li eżerċitat unilateralment influwenza determinanti. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma tatx spjegazzjoni dwar is-setgħa tar-rappreżentanti tal-kumpannija omm fi ħdan il-bord tad-diretturi tas-sussidjarja, b’mod li ma ġiex stabbilit li dawn ir-rappreżentanti kellhom is-setgħa li jimponu kontroll effettiv fuq il-bord tad-diretturi kollu matul parti mill-perijodu tal-ksur (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2012, FLS Plast vs Il-Kummissjoni, T-64/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:102, punti 39 u 43).

98

Għalhekk, il-fatti tal-kawża li taw lok għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2012, FLS Plast vs Il-Kummissjoni (T-64/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:102) huma differenti minn dawk tal-każ inkwistjoni li fih ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li teżerċita t-totalità tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian matul il-perijodu li jippreċedi d-data tal-OPI u, anki wara din id-data, ma kienx hemm, kif hija kkonfermat matul is-seduta, ebda azzjonist li b’sehem sinjifikanti li seta’ jaffettwa wkoll l-aġir tal-imsemmija sussidjarja. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax validament tibbaża ruħha fuq l-imsemmija sentenza sabiex issostni li l-Kummissjoni kellha tipprova, fuq bażi supplimentari, kif kienet, b’mod konkret, eżerċitat kontroll effettiv fuq il-membri tal-bord ta’ Prysmian.

99

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-diretturi tal-ewwel bord tad-diretturi ta’ Prysmian, tal-15 ta’ Diċembru 2005, inħatru, fir-realtà, minn B., li dak iż-żmien kien id-Direttur Ġenerali (CEO) ta’ Pirelli Cavi e Sistemi Energia u li, sussegwentement, sar iċ-CEO ta’ Prysmian.

100

Madankollu, kif jirrilevaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova ppreżentata mir-rikorrenti, b’mod partikolari bil-messaġġ elettroniku invokat, tal-20 ta’ Frar 2007, b’mod li għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li B., kien fil-fatt ippropona kandidati għall-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, ir-rikorrenti ma tistax issostni li kien B., u mhux hija stess, li għażlithom u nnominathom. Fl-aħħar nett, anki jekk ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li B kien iċ-CEO ta’ Pirelli Cavi e Sistemi Energia SpA, qabel ma ġiet akkwistata mill-fondi GSCP V, juri li Prysmian kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq konformement mal-istruzzjonijiet tal-amministrazzjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 781 tad-deċiżjoni kkontestata, B kien l-uniku membru tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian li kien impjegat minn Pirelli Cavi e Sistemi Energia qabel l-akkwist ta’ din tal-aħħar mill-fondi GSCP V. Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li, fl-akkwist ta’ kumpannija, kumpannija tissostitwixxi parti mid-diretturi jikkostitwixxi indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ din l-aħħar kumpannija fuq l-aġir tal-kumpannija akkwistata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, CEPSA vs Il-Kummissjoni, T‑497/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:438, punt 176).

101

It-tielet nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-bord tad-diretturi ta’ Prysmian kien jiltaqa’ kull tliet xhur, li jikkonferma, fil-fehma tagħha, li kien it-tim maniġerjali li kien jikkontrolla l-ġestjoni ta’ din il-kumpannija u mhux il-bord tad-diretturi tagħha. Madankollu, tali allegazzjoni, fir-rigward tar-regolarità jew tal-frekwenza tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi, ma jistax jikkonfuta l-fatt li l-bord tad-diretturi huwa l-korp li jiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tat-tim maniġerjali fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element konkret li jista’ jipprova li l-amministrazzjoni, b’mod partikolari B bħala ċ-CEO, kien assolutament indipendenti mill-imsemmi bord fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-kumpannija, kif issostni r-rikorrenti. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

102

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jitqies li s-setgħa ta’ nominazzjoni ta’ membri tal-bord tad-diretturi kif ukoll is-setgħa li l-azzjonisti jiġu mlaqqa’ għal-laqgħat u s-setgħa li jsiru proposti għar-revoka tad-diretturi jikkostitwixxu fatturi oġġettivi li juri li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni u effettivament eżerċitat influwenza fuq l-intervenjenti.

2) Fuq ir-rappreżentanza effettiva tar-rikorrenti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian

103

Fil-premessi 761 u 762 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li r-rikorrenti żgurat li tkun irrappreżentata direttament f’kull bord tad-diretturi ta’ Prysmian, bil-ħatra ta’ amministraturi li magħhom hija kellha rabtiet [kunfidenzjali]. Fil-fehma tagħha, dawn id-diretturi dejjem irrappreżentaw mill-inqas 50 % tad-diversi bordijiet tad-diretturi ta’ Prysmian. Hija żżid li, f’ċerti każijiet, id-diretturi marbuta mar-rikorrenti kellhom voti preponderanti, u dan jippermetti lir-rikorrenti żżomm kontroll effettiv fuq id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi.

104

Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konstatazzjoni u ssostni, qabelxejn, li d-diretturi li l-Kummissjoni identifikat bħala l-impjegati tagħha kienu, fil-verità, diretturi tal-PIA u kienu impjegati minn kumpannija “affiljata” mar-rikorrenti, jiġifieri GS Services Ltd. Sussegwentement, hija ssostni li d-diretturi l-oħra tal-bord tad-diretturi kienu diretturi indipendenti, li l-Kummissjoni ma wrietx li kienu naqsu mid-dmirijiet tagħhom ta’ indipendenza jew mid-dmirijiet fiduċjarji tagħhom. Fl-aħħar nett, hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija qatt ma kienet irrappreżentata mill-inqas minn 50 % tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian.

105

Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, minn naħa, hemm lok li jitqies li d-diretturi tar-rikorrenti msejħa “diretturi tal-PIA”, impjegati minn GS Services, kienu wkoll impjegati tar-rikorrenti, sa fejn, kif tispjega l-Kummissjoni [kunfidenzjali].

106

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti, matul il-perijodu kollu tal-ksur, kellha rabtiet mill-inqas ma’ 50 % tad-diretturi tal-bordijiet tad-diretturi suċċessivi ta’ Prysmian, huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li l-ogħla rappreżentanza tal-PIA f’dawn il-bordijiet kienet ta’ 43 % qabel id-data tal-OPI u ta’ madwar 33 % wara l-imsemmija data. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-premessi 761 u 762 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fin-noti ta’ qiegħ il-paġna rispettivi, il-Kummissjoni tipproduċi provi li juru, mingħajr ma r-rikorrenti ma tista’ tipprova l-kuntrarju, li dawn kellhom ukoll rabtiet ma’ membri oħra tal-bordijiet tad-diretturi ta’ Prysmian, b’mod partikolari minn [kunfidenzjali].

107

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-eżistenza ta’ entità ekonomika komposta mill-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha tista’ tkun ibbażata mhux biss fuq relazzjoni formali bejn it-tnejn, iżda wkoll fuq relazzjonijiet informali, li jikkonsistu, fost l-oħrajn, f’sempliċi rabtiet personali bejn entitajiet legali li jifformaw tali entità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C-440/11 P, EU:C:2013:514, punt 68).

108

Għalhekk, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-diretturi tal-PIA kif ukoll id-diretturi li magħhom ir-rikorrenti kellha tipi oħra ta’ rabtiet, b’mod partikolari, [kunfidenzjali], il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti żgurat li tkun irrappreżentata minn tal-inqas minn 50 % tal-membri tal-bord tad-diretturi matul il-perijodu kollu kkonċernat hija fondata. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikorrenti ssostni li d-diretturi li magħhom ir-rikorrenti kellha tipi oħra ta’ rabtiet kienu jaġixxu bħala diretturi indipendenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mir-risposta tar-rikorrenti għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2013, annessa mar-rikors, tali status huwa sempliċement ibbażat fuq evalwazzjoni mill-bord tad-diretturi ta’ Prysmian innifsu. Is-sempliċi fatt li dan il-bord ta’ diretturi evalwa uħud mid-diretturi tiegħu bħala indipendenti, jew li ppubblika tali evalwazzjoni fir-rapporti ta’ governanza korporattiva, kif tallega r-rikorrenti, ma jistax, fih innifsu, jikkonfuta l-konstazzjoni tal-Kummissjoni li dawn l-istess diretturi ma waqfux milli jkollhom rabtiet mar-rikorrenti.

109

Isegwi li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tibbaża ruħha, bħala fattur oġġettiv, fuq ir-rappreżentazzjoni effettiva tar-rikorrenti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian sabiex turi li hija kienet f’pożizzjoni li teżerċita u kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-intervenjenti.

3) Fuq is-setgħat amministrattivi tar-rappreżentanti tar-rikorrenti fuq il-bord tad-diretturi

110

Fil-premessa 763 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li r-rikorrenti żgurat ukoll li r-rappreżentanti tagħha fil-bord tad-diretturi għandhom jingħataw is-setgħat ta’ ġestjoni l-aktar wiesgħa possibbli. B’mod partikolari, hija tirrileva, fl-ewwel lok, li, fil-15 ta’ Diċembru 2005 u fis-16 ta’ Mejju 2007, erba’ diretturi tal-PIA ġew maħtura bħala “diretturi maniġerjali” ta’ Prysmian, li kien jinkludi s-setgħat delegati dwar il-ġestjoni ordinarja ta’ din l-aħħar kumpannija, inkluż l-iffirmar ta’ atti ta’ ġestjoni ta’ kuljum. Fit-tieni lok, hija tindika li, anki jekk, fis-16 ta’ Jannar 2007, għall-preparazzjoni tal-offerta pubblika inizjali, is-setgħat tad-diretturi ġestjonarji ġew irrevokati, żewġ diretturi tal-PIA ġew assenjati lil “kumitat strateġiku”, ippreżentat minn total ta’ tliet membri. Hija tirrikonoxxi li l-imsemmi kumitat ma kellux is-setgħat ta’ votazzjoni jew ta’ veto, iżda tenfasizza li dan kellu rwol ċentrali fl-appoġġ lill-bord tad-diretturi fir-rigward tal-kwistjonijiet strateġiċi u kummerċjali ta’ Prysmian. Fl-aħħar nett, hija tirrileva li dan il-kumitat ġie xolt f’Mejju 2010, eżatt wara t-trasferiment sħiħ tas-sehem tar-rikorrenti fi Prysmian.

111

Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni. Hija ssostni, minn naħa, li eżami imparzjali tal-elementi invokati insostenn tagħhom juri li d-diretturi maniġerjali tal-PIA ma kellhom ebda rwol fil-politika kummerċjali ta’ Prysmian qabel id-data tal-OPI. Min-naħa l-oħra, hija tallega li l-kumitat strateġiku ma kellu ebda rwol ċentrali fil-politika kummerċjali ta’ Prysmian u li kien jaġixxi sempliċement bħala korp konsultattiv. Fil-fehma tagħha, ebda prova ma tattesta barra minn hekk li d-diretturi tal-PIA eżerċitaw, permezz tal-appartenenza tagħhom mal-imsemmi kumitat, influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Prysmian.

112

Fir-rigward tal-ewwel allegazzjoni tar-rikorrenti, fir-rigward tal-perijodu li jippreċedi, essenzjalment, id-data tal-IPO, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-provi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 1142 sa 1145, juru, b’mod ċar u inekwivoku, li tliet diretturi tal-PIA ġew maħtura bħala diretturi maniġerjali ta’ Prysmian minn total ta’ erbgħa.

113

Sussegwentement, mill-annessi tar-rikors jirriżulta li, bis-saħħa ta’ setgħat iddelegati lill-imsemmija diretturi maniġerjali, id-diretturi tal-PIA kienu involuti fil-ġestjoni ta’ kuljum ta’ Prysmian. B’mod partikolari, huma ddeċidew, fost l-oħrajn, dwar talba għal permess sabiex tinfetaħ fergħa f’Qatar, dwar nomini ta’ bordijiet ta’ diretturi ta’ kumpanniji sussidjarji ta’ Prysmian u dwar kwistjonijiet ta’ xogħol ta’ din l-aħħar kumpannija.

114

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-diretturi tal-PIA ma kellhom ebda rwol fil-ħajja kummerċjali ta’ Prysmian qabel id-data tal-OPI għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikorrenti ssostni li, fil-maġġoranza tal-każijiet, id-deċiżjonijiet inkwistjoni kienu diġà ttieħdu mill-amministrazzjoni ta’ Prysmian, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-kumpannija omm jew ir-rappreżentanti tagħha għandhom japprovaw dawn il-proposti u, għalhekk, għandhom id-dritt li jagħmlux dan huwa, fil-fatt, prova ta’ influwenza determinanti (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2013, HSE vs Il-Kummissjoni, T-399/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:647, punt 84).

115

Fir-rigward tat-tieni allegazzjoni tar-rikorrenti, dwar il-perijodu wara d-data tal-OPI u, b’mod partikolari, il-kumitat strateġiku, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma tikkontestax li dan il-kumitat kien, fil-fatt, magħmul minn tliet membri, fosthom żewġ amministraturi tal-PIA. Fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom, mill-annessi tar-rikors jirriżulta li l-imsemmi kumitat kien formalment inkarigat li jeżamina l-baġits u l-investimenti ta’ Prysmian kif ukoll li jiżgura l-finanzjament tagħha u jassisti lill-bord tad-diretturi fil-funzjonijiet tiegħu. B’mod iktar speċifiku, l-aġenda tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 2008 turi li huwa eżamina kwistjonijiet ta’ strateġija kummerċjali, fosthom investimenti fil-Brażil, fiċ-Ċina, fit-Tuneżija, fl-Italja u fir-Russja.

116

Konsegwentement, anki jekk il-kumitat strateġiku ma kellux setgħat deċiżjonali, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fid-deċiżjoni kkontestata, dan ma jfissirx li dan ma kellux, bħalma tallega r-rikorrenti, irwol fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali strateġiku ta’ Prysmian.

117

Sussegwentement, ir-rikorrenti madankollu ssostni li, fi ħdan il-kumitat strateġiku, id-diretturi tal-PIA pprovdew biss pariri limitati permezz ta’ messaġġi elettroniċi qosra b’rabta mal-esperjenza tagħhom bħala professjonisti tal-investiment, dejjem fuq fuq l-inizjattiva u fuq it-talba tal-amministrazzjoni. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dawn il-messaġġi elettroniċi jservu jikkostitwixxu prova li id-diretturi tal-PIA kienu sistematikament kkuntattjati dwar deċiżjonijiet strateġiċi, inklużi dwar investimenti potenzjali, u li kienu attivament involuti f’deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-politika kummerċjali ta’ Prysmian.

118

Fl-aħħar nett, minkejja li r-rikorrenti ssostni li kien B, bħala ċ-CEO ta’ Prysmian, u t-tim maniġerjali tagħha, li kienu stabbilixxew il-kompożizzjoni tal-kumitat strateġiku, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali allegazzjoni ma hijiex issostanzjata mill-messaġġ elettroniku li hija tinvoka, tal-20 ta’ Frar 2007.

119

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, ġustament, li, l-ewwel nett, is-setgħat ta’ amministrazzjoni tad-diretturi tal-PIA fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, matul il-perijodu sad-data tal-OPI, u r-rwol tagħhom fil-kumitat strateġiku, b’effett minn dik id-data, jikkostitwixxu fatturi oġġettivi addizzjonali li jistgħu jipprovaw li r-rikorrenti kellha l-kapaċità li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-intervenjenti fis-suq u li hija kienet effettivament eżerċitat matul il-perijodu kollu tal-ksur.

4) Fuq l-importanza tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-kumitati stabbiliti minn Prysmian

120

Fil-premessa 764 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li d-diretturi tal-PIA kellhom ukoll rwol importanti f’kumitati oħra ta’ Prysmian, li twaqqfu fil-15 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri, il-kumitat tar-remunerazzjonijiet u l-kumitat tal-kontroll intern. Hija tgħid li tal-ewwel kien jittratta b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ remunerazzjoni u, sat-28 ta’ Frar 2007, kien kompost minn żewġ diretturi tal-PIA minn total ta’ tliet membri; filwaqt li tat-tieni kien jittratta kwistjonijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b’mod partikolari, dokumenti ta’ kontabbiltà, u kien jinkludi direttur tal-PIA minn total ta’ żewġ membri.

121

Ir-rikorrenti tirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tad-diretturi tal-PIA f’dawn il-kumitati, iżda ssostni li dan il-fatt ma huwiex prova tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq Prysmian. Barra minn hekk, hija tenfasizza li, b’effett mit-28 ta’ Frar 2007, direttur wieħed biss tal-PIA kien jipparteċipa fl-imsemmija kumitati, b’mod partikolari fil-kumitat tar-remunerazzjonijiet.

122

Fir-rigward tal-kumitat tar-remunerazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, sa fejn dan il-kumitat jista’ jiddetermina r-remunerazzjoni tal-amministrazzjoni tas-sussidjarja, il-maġġoranza tad-diretturi tal-PIA tal-imsemmi kumitat, bħalma huwa l-każ għall-perijodu qabel l-IPO, jista’ effettivament juri li l-kumpannija omm teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tuża dan il-fattur bħala indizju ta’ influwenza determinanti għall-perijodu wara din id-data, peress li, fi ħdan il-kumitat, kien hemm biss direttur wieħed tal-PIA minn tlieta.

123

Fir-rigward tal-kumitat ta’ kontroll intern, l-argument tal-Kummissjoni lanqas ma huwa fondat. Fil-fatt, sa fejn dan il-kumitat ma jissodisfax, f’dan il-każ, kompiti bħalma huma l-kontroll u l-verifika tad-dokumenti tal-kontabbiltà u l-assistenza għat-tfassil tal-karti tal-bilanċ, ma jistax jiġi konkluż li l-imsemmi kumitat kien jippermetti lir-rikorrenti tikkontrolla l-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 764 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda direttur tal-PIA ma kien membru f’dan il-kumitat mit-28 ta’ Frar 2007, b’tali mod li dan il-fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti għall-perijodu wara l-OPI.

124

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tad-diretturi tal-PIA fil-kumitati tar-remunerazzjonijiet u tal-kontroll intern bħala fattur oġġettiv li jista’ juri l-kapaċità u l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-intervenjenti matul il-perijodu kollu tal-ksur.

5) Fuq ir-riċezzjoni ta’ aġġornamenti regolari u ta’ rapporti mensili

125

Fil-premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għar-riċezzjoni ta’ aġġornamenti regolari u ta’ rapporti mensili mid-diretturi tal-PIA matul il-perijodu kollu tal-ksur.

126

Għar-rikorrenti, dawn ir-rapporti ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq l-intervenjenti, sa fejn dawn ma humiex redatti għaliha, iżda kellhom l-għan li jirrapportaw dwar ir-riżultati tal-impriża lill-pubbliku inġenerali. Barra minn hekk, hija ssostni li dawn ir-rapporti ma kellhomx bħala għan li jippermettu lid-diretturi maniġerjali tal-PIA jkollhom għarfien tar-riżultat tal-investiment fi Prysmian u ma kienu jeżiġu ebda kontribuzzjoni min-naħa tagħhom.

127

Kif tfakkar il-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali diġà stabbilixxiet li, permezz ta’ rapporti, il-bord superviżorju ta’ sussidjarja, li huwa kompost, fil-maġġoranza, minn rappreżentanti ta’ kumpannija omm, jista’ jżomm ruħu informat regolarment bl-evoluzzjoni tal-attività kummerċjali ta’ din is-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2013, HS vs Il-Kummissjoni, T-399/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:647, punt 93). Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti fis-sens oppost għandha tiġi miċħuda.

128

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-rapporti mensili inkwistjoni, id-diretturi tal-PIA kienu regolarment informati dwar l-evoluzzjoni tal-attività kummerċjali ta’ Prysmian. Huma rċevew, kif jirriżulta mill-eżempji ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1157 tad-deċiżjoni kkontestata, l-informazzjoni dwar l-attivitajiet kummerċjali ta’ din il-kumpannija fil-qasam tal-kejbils tal-elettriku, tal-finanzi, tal-enerġija, tat-telekomunikazzjoni, tal-operazzjonijiet, tar-riżorsi umani, tal-loġistika, tal-iżvilupp ta’ xiri u ta’ prodotti u tal-kwalità.

129

Għalhekk, fid-dawl ukoll tas-setgħa tar-rikorrenti li taħtar il-membri tad-diversi bordijiet tad-diretturi ta’ Prysmian u tas-setgħat iddelegati li kellhom id-diretturi tal-PIA, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 110 sa 119 iktar ’il fuq, ir-riċezzjoni ta’ aġġornamenti regolari u ta’ rapporti mensili tikkostitwixxi fattur ieħor li jispjega l-fatt li r-rikorrenti kienet informata regolarment bl-istrateġija kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, u dan jista’ jikkorrobora l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejniethom.

6) Fuq miżuri intiżi li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-kontroll deċiżiv wara d-data tal-OPI

130

Fil-premessi 766 sa 770 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li r-rikorrenti ħadet miżuri sabiex tiżgura li, anki wara l-offerta pubblika inizjali, hija tkun tista’ teżerċita kontroll determinanti fuq Prysmian. Skont il-Kummissjoni, dawn huma l-erba’ miżuri segwenti:

qabelxejn, ir-rikorrenti ħatret, fit-28 ta’ Frar 2007, fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist indirett uniku, il-bord tad-diretturi li mexxa lil Prysmian sad-9 ta’ April 2009. B’hekk, ir-rikorrenti setgħet tevita li jitwaqqaf bord tad-diretturi ġdid direttament wara l-offerta pubblika inizjali f’Mejju 2007;

sussegwentement, ir-rikorrenti bidlet, waqt il-laqgħa tal-azzjonisti ta’ Prysmian tas-16 ta’ Jannar 2007, l-istatuti ta’ din il-kumpannija billi introduċiet, b’mod partikolari, sistema ta’ lista provviżorja għan-nomina u għalll-ħatra ta’ bordijiet maniġerjali ġodda (il-Kummissjoni tispjega li, permezz ta’ din is-sistema, ir-rikorrenti setgħet tiżgura, b’sehem iżgħar, li tkun f’pożizzjoni li taħtar, fil-futur, mill-inqas ħames diretturi minn sitta u b’hekk jinżamm il-kontroll fuq Prysmian);

barra minn hekk, fit-12 ta’ Novembru 2007, 9.9 % tal-ishma ta’ Prysmian inbiegħu lil Taihan Electric Wire u, f’ittra tas-6 ta’ Novembru 2007, Taihan Electric Wire intrabtet fil-konfront Prysmian li ma jkollhiex investiment f’livelli ogħla minn 10 % tal-kapital totali ta’ Prysmian, li ma teżerċitax id-drittijiet ta’ vot fil-laqgħat tal-azzjonisti ta’ Prysmian, inkluż permezz ta’ kumpanniji oħra tal-grupp Taihan, għal iktar minn 10 % tal-ishma bi dritt tal-vot u ma tipproponi ebda kandidat għal ħatra fil-kariga ta’ direttur jew ta’ awditur statutorju ta’ Prysmian (skont il-Kummissjoni, dawn l-impenji, b’mod partikolari tal-aħħar, jiggarantixxu lir-rikorrenti li t-tieni l-ikbar azzjonist ta’ Prysmian ma jkunx jista’ jippreżenta lista provviżorja jew jaħtar rappreżentanti fil-bord tad-diretturi ta’ Prysmian);

fl-aħħar nett, hemm riferimenti ċari għas-sehem maġġoritarju tar-rikorrenti wara l-offerta pubblika inizjali, b’mod partikolari fil-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi tad-19 ta’ Diċembru 2007.

131

Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-affermazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rnexxiliex tipprova li hija kienet tikkostitwixxi unità ekonomika mal-intervenjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza, matul il-perijodu wara d-data tal-OPI. L-ewwel nett, hija qieset li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija applikat ir-responsabbiltà ta’ kumpannija omm għal livell ta’ sehem fil-kapital mingħajr preċedent. Sussegwentement, hija ssostni li n-nomina tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian fi Frar 2007 ma ggarantiliex pożizzjoni ta’ kontroll ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, hija tindika li l-introduzzjoni ta’ lista provviżorja ġiet deċiża għall-offerta pubblika inizjali. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-investiment ta’ Taihan Electric Wire ma jistax jiġi injorat.

132

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, applikat ir-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha għal livell ta’ sehem li, fil-fehma tagħha, huwa mingħajr preċedent. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sehem minoritarju jista’ jippermetti li kumpannija omm teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, jekk dan ikun allejat bi drittijiet li jmorru lil hinn minn dawk li normalment jingħataw lil azzjonisti minoritarji sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u li, meta jiġu eżaminati skont il-metodu tas-serje ta’ indizji konverġenti, ta’ natura ġuridika jew ekonomika, ikunu tali li jipprovaw li influwenza determinanti hija eżerċitata fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, Fuji Electric vs Il-Kummissjoni, T‑132/07, EU:T:2011:344, punt 183, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punt 97)

133

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ħatra tal-bord tad-diretturi, fit-28 ta’ Frar 2007, ma kinitx iggarantietlu pożizzjoni ta’ kontroll, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-bord tad-diretturi stabbilit f’din id-data, jiġifieri qabel id-data tal-OPI, ġie maħtur għal perijodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2009 u li baqa’ jopera, mingħajr tibdil, wara d-data tal-OPI u anki wara d-data tat-tmiem tal-ksur. Minkejja li, matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti ma kellhiex iktar kontroll assolut tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian, iż-żamma tal-istess kompożizzjoni tal-Bord tikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kompliet teżerċita kontroll fuq il-bord tad-diretturi wara l-offerta pubblika inizjali.

134

It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar is-sistema ta’ lista provviżorja, li tgħid li tali sistema kienet imposta mill-obbligi stabbiliti fil-kodiċi ta’ kondotta ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din is-sistema ppermettitilha tiżgura, b’sehem iżgħar, li tkun tista’ tinnomina tal-inqas ħames diretturi minn sitta tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian. Peress li huwa rrilevanti li s-sistema tirriżulta minn inizjattiva tar-rikorrenti jew minn impożizzjoni legali tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, hemm lok li tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din is-sistema ppermettiet lir-rikorrenti żżomm il-kontroll tagħha fuq il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian wara l-offerta pubblika inizjali. Barra minn hekk, anki jekk din is-sistema ma ntużatx mir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ ksur, għandu jiġi osservat li dan ma kienx meħtieġ minħabba li, kif diġà ġie indikat, il-bord tad-diretturi maħtur fit-28 ta’ Frar 2007 mir-rikorrenti baqa’ jopera, mingħajr tibdil, wara d-data tat-tmiem tal-ksur.

135

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-investiment ta’ Taihan Electric Wire, li sar fit-12 ta’ Novembru 2007, filwaqt li r-rikorrent issostni li dan ma pprekludiex l-imsemmija kumpannija milli teżerċita d-drittijiet tagħha, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-impenn li ma ssirx proposta għal kandidati fil-bord tad-diretturi, kif jirriżulta mill-klawżola Nru 2 tal-ittra tas-6 ta’ Novembru 2007, annessa mar-rikors, kien intiż sabiex l-imsemmija kumpannija ma tkunx tista’ tintervjeni fil-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, dan l-impenn ma kienx suġġett għaż-żieda mill-istess kumpannija tas-sehem tagħha fi Prysmian b’iktar minn 10 %. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament qieset li dan l-impenn kellu l-konsegwenza li r-rikorrenti żammet kontroll fuq il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian sa fejn it-tieni l-ikbar azzjonist tal-kumpannija kien irrinunzja milli jinfluwenza l-kompożizzjoni ta’ dan il-bord tad-diretturi.

136

Il-ħames nett, fir-rigward tar-riferiment espress għall-kontroll tar-rikorrenti li, skont il-Kummissjoni, jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi tad-19 ta’ Diċembru 2007, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-fatt, dan id-dokument juri li wieħed mid-diretturi tal-PIA ddikjara, waqt l-evalwazzjoni tat-trasferiment lil Taihan Electric Wire, li dan ma kienx “[kunfidenzjali]”. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju ta’ dan id-dokument, hemm lok li jiġi osservat li dan jirrigwarda minuti formali li, bħala tali, għandhom jirriproduċu l-kummenti li l-parteċipanti fl-imsemmi bord xtaqu li jiġu ddokumentati, u r-rikorrenti ma pproduċiet ebda provi li jistabbilixxu l-kuntrarju.

137

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament stabbilixxiet l-eżistenza ta’ erba’ miżuri li juru li r-rikorrenti żammet kontroll ta’ Prysmian wara d-data tal-OPI, jiġifieri, wara li ma kellhiex iktar il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-ishma tal-imsemmija kumpannija.

7) Fuq il-prova ta’ aġir tipiku ta’ proprjetarju industrijali

138

Fil-punt 771 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssotni li mill-provi jirriżulta li, anki fi tmiem l-2007, fejn ir-rikorrenti indirettament kienet iżżomm 31.69 % tal-ishma ta’ Prysmian, hija kienet tiffavorixxi, l-istess bħal proprjetarju industrijali, il-bejgħ inkroċjat bejn Prysmian u sussidjarji oħra tar-rikorrenti. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1165 tal-imsemmija deċiżjoni, hija tirreferi għall-posta elettronika skambjata bejn O u B fl-20 ta’ Diċembru 2007, għal messaġġ elettroniku mingħand O tat-2 ta’ Jannar 2008 u għal messaġġ elettroniku ta’ S tat-30 ta’ Jannar 2008.

139

Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni billi ssostni li, mill-posta elettronika inkwistjoni, O, bħala direttur maniġerjali tal-PIA, sempliċement ġibed l-attenzjoni ta’ Prysmian għal opportunitajiet kummerċjali u pprovda l-isem ta’ kuntatt fi ħdan kumpannija Norveġiża. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni b’mod żbaljat issostni li din il-posta elettronika kienet tikkonċerna bejgħ inkroċjat bejn il-grupp u tonqos milli turi li l-iskambju ta’ korrispondenza ta lok għal kuntatti sussegwenti u li dan l-iskambju jiżvela pressjoni fuq Prysmian sabiex tisfrutta dawn l-opportunitajiet.

140

Fir-rigward tal-posta elettronika inkwistjoni, mill-annessi tar-risposta jirriżulta li O ikkuntattja lil Prysmian sabiex jgħarrafha bl-akkwist il-ġdid mir-rikorrenti ta’ kumpannija li toffri servizzi televiżivi fin-Norveġja u sabiex joffri s-servizzi tiegħu bħala kuntratt mal-imsemmija kumpannija għall-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku. O ppropona wkoll li jipproċedi bl-istess mod fir-rigward ta’ kumpannija miżmuma mir-rikorrenti fl-Istati Uniti.

141

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-posta elettronika inkwistjoni tirrifletti l-fatt li l-impriżi attivi fis-suq kienu jikkunsidraw xieraq li jikkuntattjawha milli jikkuntattjaw direttament lill-grupp Prysmian, rigward il-bejgħ possibbli ta’ kejbils tal-elettriku, li jindika l-istatus tagħha bħala interlokutur fir-rigward tal-imsemmi grupp. Minkejja li, kif issostni r-rikorrenti, dawn l-ittri la jiżvelaw istruzzjoni mill-appellanti sabiex tistabbilixxi l-imsemmija kuntatti u lanqas prattika sistematika, il-Kummissjoni kinitx żbaljat meta inkludiethom fl-analiżi tagħha bħala fattur li jista’ juri l-involviment tar-rikorrenti fl-attività kummerċjali ta’ Prysmian.

142

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni, inklużi dawk skambjati bejn O u B fl-20 ta’ Diċembru 2007, bħala fattur li juri l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq Prysmian.

8) Fuq l-evalwazzjoni tal-fatturi kollha invokati fid-deċiżjoni kkontestata

143

Mill-punti 89 sa 142 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-intervenjenti, l-ewwel nett, fuq is-setgħa tagħha ta’ ħatra ta’ membri oħra ta’ diversi bordijiet maniġerjali ta’ Prysmian, it-tieni nett, fuq is-setgħa tagħha li tlaqqa’ l-azzjonisti għal-laqgħat u li tipproponi r-revoka ta’ diretturi jew ta’ bordijiet sħaħ, it-tielet nett, fuq tas-setgħat iddelegati tad-diretturi tal-PIA fi ħdan bordijiet maniġerjali u l-involviment tagħhom fil-kumitat strateġiku, ir-raba’ nett, fuq ir-riċezzjoni ta’ aġġornamenti regolari u rapporti mensili u, il-ħames nett, fuq il-miżuri elenkati mill-Kummissjoni intiżi sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta’ kontroll deċiżiv mir-rikorrenti wara l-offerta pubblika inizjali u, is-sitt nett, fuq il-prova li r-rikorrenti aġixxiet bħala proprjetarju industrijali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, wara li jkun sar kontroll fid-dettall, li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti, mhux biss qabel id-data tal-OPI, iżda wkoll matul il-perijodu kollu bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009.

144

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

c)   Fuq it-tielet parti, dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, essenzjalment, ir-rikorrenti ma kinitx sempliċi investitur finanzjarju

145

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-investiment tal-fondi GSCP V fil-grupp Prysmian ma kienx jikkorrispondi għal dak ta’ sempliċi investitur finanzjarju. Hija tallega li l-akkwist ta’ Prysmian mill-imsemmija fondi kienet magħmula minn azzjonisti professjonali u mhux minn amministraturi jew strateġisti. Konsegwentement, ebda responsabbiltà bħala kumpannija omm ma tista’ tiġi attribwita lilha.

146

B’mod partikolari, ir-rikorrenti tirrileva li l-fondi GSCP V la kellhom il-kompetenza u lanqas ir-riżorsi sabiex jiddeterminaw l-aġir tal-grupp Prysmian fis-suq, li l-ġestjoni ta’ kumpanniji f’portafoll ma jaqax fi ħdan il-mandat tal-PIA, li ħolqot l-imsemmija fondi, li t-tim maniġerjali eżistenti ta’ Prysmian, li ġie implimentat mill-proprjetarju preċedenti ta’ din il-kumpannija, kompla jmexxi l-attivitajiet kummerċjali tagħha, li d-diretturi tal-PIA kienu professjonisti tal-investiment li r-rwol tagħhom kien sempliċiment is-sorveljanza tal-investiment, li ma kien hemm ebda inċentiv għaliha li tikkontrolla lil Prysmian, kif jirriżulta mill-iżvestimenti li wettqet ftit wara l-akkwist tagħha u li l-grupp Prysmian ma kienx ipperċepit esternament bħala parti mill-grupp li hija l-kumpannija ommu tiegħu u ma kinitx inkluża f’dan l-aħħar grupp għal skopijiet ta’ kontabbilità.

147

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri li hija adottat fir-rigward tal-grupp Prysmian ma humiex identiċi għal dawk ta’ kumpannija holding ta’ grupp industrijali.

148

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni qieset li l-vantaġġ ekonomiku li hija siltet mill-investiment tagħha jippermetti li jiġi pprovat li hija ma kinitx investitur finanzjarju.

149

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

150

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Kummissjoni fil-premessi 773 sa 781 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom din tal-aħħar tindirizza l-argumenti li r-rikorrenti għamlet matul il-proċedura amministrattiva bil-għan li jiġi kkonstatat li l-aġir tagħha fil-konfront tal-grupp Prysmian kien dak ta’ sempliċi investitur finanzjarju.

151

Skont il-ġurisprudenza, l-imputazzjoni, lill-kumpannija omm, tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, ma hijiex applikabbli għal sempliċi investituri finanzjarji, jiġifieri fil-każ ta’ investitur li għandu ishma f’kumpannija għall-finijiet ta’ profitt finanzjarju, iżda li ma huwa involut b’ebda mod fl-amministrazzjoni u fil-kontroll tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, 1. Garantovaná vs Il-Kummissjoni, T-392/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:674, punti 50 sa 52). Madankollu, il-fatt ta’ “sempliċi investitur finanzjarju” ma jikkostitwixxix kriterju ġuridiku iżda, kuntrarjament, eżempju ta’ ċirkustanza fejn kumpannija omm tkun libera li tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:262, punt 75).

152

Fir-rigward, qabelxejn, tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu, minn naħa, li l-fondi GSCP V la kellhom il-kompetenza u lanqas ir-riżorsi sabiex jiddeterminaw l-aġir ta’ Prysmian fis-suq u, min-naħa l-oħra, li l-ġestjoni tas-sussidjarji ma kinitx tagħmel parti mill-mandat tal-PIA, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex rilevanti sabiex jiġi kkonstatat l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. Barra minn hekk, huma kontradetti mill-fatturi oġġettivi u mill-indizji li l-fondatezza tagħhom ġiet ikkonstatata fil-punt 143 iktar ’il fuq. Għandu jingħad ukoll, kif sostniet il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonstatax l-involviment tar-rikorrenti fil-ġestjoni kummerċjali ta’ Prysmian, iżda l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ din il-kumpannija. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex neċessarju li tiġi limitata l-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw biss il-politika kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq stricto sensu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, HIT Groep vs Il-Kummissjoni, T-436/10, EU:T:2015:514, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153

Fir-rigward, sussegwentement, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-diretturi tal-PIA li kienu sedenti f’diversi bordijiet maniġerjali ta’ Prysmian ma kellhomx il-kwalifiki jew l-esperjenza sabiex imexxu l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija, għandu jitqies, għal darba oħra, li tali fatt ma huwiex rilevanti għall-finijiet li tiġi kkonstatata l-ineżistenza tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha. Fi kwalunkwe każ, dan ma jistax jikkonfuta l-fatt li dawn id-diretturi kienu involuti fil-politika kummerċjali ta’ Prysmian sa fejn, kif ġie kkonstatat fil-punti 105 u 119 iktar ’il fuq, huma kienu sedenti fil-bordijiet maniġerjali ta’ din il-kumpannija u fil-kumitat strateġiku tagħha u kienu żammew setgħat iddelegati ta’ amministrazzjoni.

154

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma kellhiex interess li tikkontrolla lil Prysmian, din hija wkoll kontradetta mill-fatt li nnominat il-bordijiet tad-diretturi kollha ta’ din il-kumpannija matul il-perijodu tal-ksur kif ukoll li kienet sedenti fil-kumitat strateġiku tal-kumpannija wara l-offerta pubblika inizjali. Din l-allegazzjoni hija wkoll kontradetta bid-dikjarazzjoni tad-direttur tal-PIA eżaminata fil-punt 136 iktar ’il fuq.

155

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-grupp Prysmian ma kienx ipperċepit esternament bħala parti mill-grupp li hija l-kumpannija omm tiegħu u ma kienx inkluż fl-imsemmi grupp għall-finijiet ta’ kontabbiltà, hemm lok li din tiġi miċħuda peress li hija lanqas ma tista’ tikkonfuta l-fatturi u l-indizji esposti mill-Kummissjoni sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ influwenza determinanti.

156

Minn dak li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, hija ma rnexxilhiex tipprova li l-ishma tagħha fi grupp Prysmian kienu intiżi biss bħala sempliċi investiment finanzjarju u li hija kienet naqset minn kwalunkwe involviment fl-amministrazzjoni u fil-kontroll tal-imsemmija kumpannija.

157

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

2.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-insuffiċjenza tal-provi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE

158

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, sa fejn ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni r-relazzjoni eżistenti bejnha u l-intervenjenti għall-finijiet li tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha.

159

Ir-rikorrenti taqsam it-tieni motiv tagħha f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, hija ssostni li l-provi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha huma vvizzjati b’irregolaritajiet u dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati mressqa mill-intervenjenti fil-proċedura amministrattiva. Fit-tieni parti, hija tqis li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha suffiċjentement.

a)   Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, u fuq l-insuffiċjenza tal-provi

160

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet dwar ir-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-intervenjenti, anki jekk dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex, fil-fehma tagħha, preċiżi, konkordanti jew affidabbli.

161

B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti ma huma bbażati fuq ebda prova, u l-Kummissjoni kienu laqgħethom mingħajr approċċ kritiku. Hija tosserva wkoll li l-Kummissjoni deliberatament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minnha sabiex tikkontradixxi l-informazzjoni tal-intervenjenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni jmorru kontra d-dikjarazzjonijiet li dawn kienu għamlu qabel kif ukoll il-provi li ngħatawlha qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità id-dokumenti mogħtija mill-intervenjenti.

162

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

163

Ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjonijiet rigward ir-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata ms humiex ibbażati fuq provi suffiċjenti u affidabbli. Essenzjalment, hija ttenni hawnhekk il-parti l-kbira tal-argumenti invokati fil-kuntest tal-ewwel motiv u dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-kuntest tal-imsemmi motiv.

164

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rriproduċiet litteralment, mingħajr eżami kritiku, id-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti dwar is-setgħa tagħha li taħtar il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, il-parteċipazzjoni tad-diretturi tal-PIA fil-kumitat strateġiku, l-aġir tagħha bħala proprjetarja industrijali u s-setgħat iddelegati li kienu jibbenefikaw minnhom id-diretturi tal-PIA.

165

Fir-rigward, qabelxejn, tas-setgħa ta’ ħatra tal-bordijiet maniġerjali, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex biss ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Prysmian, iżda wkoll fuq l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u fuq l-istatuti tal-kumpannija, kif jirriżulta mill-premessa 762 tad-deċiżjoni kkontestata u minn-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 1138 sa 1141 tal-istess deċiżjoni. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ssostni, għal darba oħra, li l-ewwel bord tad-diretturi ntgħażel minn B, bħala ċ-CEO ta’ Prysmian, u mhux minnha stess, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat fil-punt 100 iktar ’il fuq, din l-allegazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova prodotta mir-rikorrenti.

166

Sussegwentement, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kumitat strateġiku, mill-premessa 763 u minn-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 1148 sa 1153 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq skambji ta’ messaġġi elettroniċi bejn id-diretturi tal-PIA u ċ-CEO ta’ Prysmian, kif ukoll fuq l-aġenda tal-laqgħat ta’ dan il-kumitat u fuq il-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti bħala bażi għall-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-imsemmi kumitat, bħalma tallega r-rikorrenti. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 115 iktar ’il fuq, l-aġenda tal-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2008 tenfasizza li l-istess kumitat eżamina kwistjonijiet ta’ strateġija kummerċjali, inkluż investimenti fil-Brażil, fiċ-Ċina, fit-Tuneżija, fl-Italja u fir-Russja, u dan jikkontradixxi l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-kumitat ikkonċernat ma kellu ebda rwol fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali strateġiku ta’ Prysmian.

167

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-konklużjoni li r-rikorrenti kienet tiffavorixxi l-bejgħ inkroċjat bejn il-grupp, din hija bbażata, kif spjegat fil-premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq messaġġi elettroniċi skambjati bejn O u B fl-20 ta’ Diċembru 2007, fuq għal messaġġ elettroniku ta’ O tat-2 ta’ Jannar 2008 u fuq messaġġ elettroniku ta’ S fit-30 ta’ Jannar 2008. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li tgħid li din il-konstatazzjoni hija bbażata biss fuq id-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti għandha tiġi miċħuda.

168

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-setgħat iddelegati lid-diretturi tal-PIA, mill-punti 112 sa 114 iktar ’il fuq jirriżulta li l-prova invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 1142 sa 1145 tal-imsemmija deċiżjoni, tikkonsisti fil-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian tal-15 ta’ Diċembru 2005. Kuntrarjament għal dak li tosserva r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx sempliċement il-konklużjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti. Fir-rigward tal-kumplament, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma kkonfermati permezz tad-dokumenti annessi mar-rikors, li jenfasizzaw li, bis-saħħa ta’ setgħat iddelegati lid-diretturi maniġerjali, id-diretturi tal-PIA kienu involuti fil-ġestjoni ta’ kuljum ta’ Prysmian. B’mod partikolari, huma ddeċidew, fost l-oħrajn, dwar talba għal permess sabiex tinfetaħ fergħa f’Qatar, dwar nomini ta’ bordijiet ta’ diretturi tas-sussidjarji ta’ Prysmian u dwar kwistjonijiet ta’ xogħol.

169

Minn dak li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ma humiex ibbażati esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-intervenjenti.

170

Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti huma kontradittorji u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minnha stess matul il-proċedura amministrattiva, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija ma ssemmix b’mod preċiż, liema huma dawn id-dikjarazzjonijiet jew provi, b’mod li l-allegazzjonijiet magħmula f’dan is-sens mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

171

Għaldaqstant, din il-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

172

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha skont l-Artikolu 296 TFUE. B’mod partikolari, hija takkuża lill-Kummissjoni b’ommissjoni ta’ informazzjoni ddettaljata li hija ppreżentat matul il-proċedura amministrattiva u b’nuqqas li ssostni suffiċjentement il-konklużjonijiet tagħha, b’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għall-perijodu li jippreċedi d-data tal-OPI, dwar il-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq il-grupp Prysmian matul il-perijodu kollu tal-ksur u fir-rigward tal-argument tagħha li jgħid li r-rwol tagħha fi ħdan Prysmian huwa dak ta’ sempliċi investitur finanzjarju.

173

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkonfutaw dawn l-allegazzjonijiet.

174

Skont l-Artikolu 296 TFUE, l-atti kollha, inklużi d-deċiżjonijiet, għandhom ikunu mmotivati.

175

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ deċiżjonjiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha l-għan, minbarra li tippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jagħmilha possibbli li tiġi kkontestata l-validità tagħha. Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, liema fondatezza hija bbażata fuq il-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146148 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-att huma għalhekk irrilevanti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, EU:C:2001:178, punti 35 sa 38, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T-349/03, EU:T:2005:221, punti 52 u 59).

177

F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti sabiex hija tkun taf bir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikkonstata r-responsabbiltà tagħha in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju inkwistjoni u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

178

Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni li tiġi applikata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għall-perijodu li jippreċedi d-data tal-OPI, mill-premessi 748 sa 754 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni spjegat li l-fatt li jiġu mistħarrġa indirettament id-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-ishma ta’ Prysmian qiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju uniku u esklużiv ta’ din l-aħħar kumpannija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari fil-premessi 751 sa 753 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-investimenti li saru minn Apollo u mill-amministrazzjoni ta’ Prysmian ma kinux purament passivi u ma kienu jinvolvu ebda rinunzja tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-istrumenti ta’ azzjoni ta’ Prysmian favur ir-rikorrenti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-premessi 697 sa 702 ta’ din id-deċiżjoni, li hija setgħet, ġustament, iżżomm lir-rikorrenti responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha.

179

Sussegwentement, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-intervenjenti għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni spjegat il-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti eżerċitat tali influwenza billi bbażat ruħha, skont il-ġurisprudenza, fuq fatturi oġġettivi, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li hemm bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti. Dawn il-fatturi ġew deskritti b’mod individwali u fid-dettall fil-premessi 758 sa 771 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll ponderati fl-intier tagħhom fil-premessi 772 sa 781 tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti prinċipali mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-ponderazzjoni finali, b’mod partikolari fil-premessi 773 sa 778 ta’ din id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni kkonċernaw, mhux biss il-perijodu li jippreċedi d-data tal-OPI, iżda wkoll il-perijodu wara din id-data, hekk kif juru l-miżuri eżaminati fil-premessi 766 sa 770 tal-istess deċiżjoni.

180

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-konklużjoni li r-rikorrenti ma aġixxietx, fil-konfront tal-grupp Prysmian, bħala sempliċi investitur finanzjarju, il-Kummissjoni tipprovdi tweġiba ċara lir-rikorrenti b’mod partikolari fil-premessa 779 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn issostni, b’mod partikolari, li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot dwar deċiżjonijiet strateġiċi għall-aġir kummerċjali tas-sussidjarja, bħall-ħatra tal-amministrazzjoni għolja u l-approvazzjoni ta’ pjanijiet kummerċjali u maniġerjali, jirrifletti l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti u mhux ta’ sempliċi investiment finanzjarju temporanju.

181

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE, kemm fir-rigward tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kif ukoll tal-konstatazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mir-rikorrenti fuq l-intervenjenti matul il-perijodu kollu tal-ksur. Hija, bl-istess mod, spjegat għaliex ir-rikorrenti ma setgħetx titqies bħala sempliċi investitur finanzjarju fil-konfront tal-grupp Prysmian.

182

Għaldaqstant, it-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

3.   Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

183

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet fundamentali tagħha.

184

B’mod partikolari, minn naħa, ir-rikorrenti tqis li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti applikat mill-Kummissjoni għall-perijodu li jippreċedi d-data tal-OPI tmur kontra l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u l-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-provi li hija tipproduċi sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

185

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent tqis li l-fatt li hija tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha, minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm, jikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, peress li la hija u lanqas ir-rappreżentanti tagħha fi ħdan l-imsemmija sussidjarji ma ħadu sehem fil-ksur imsemmi fl-Artikolu 101 TFUE.

186

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

187

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni tenniet kemm-il darba li l-Kummissjoni ma tiksirx l-imsemmija prinċipji meta tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

188

Fil-fatt, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-kumpannija omm ta’ grupp li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha, tista’ tiġi ddikjarata responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn dawn tal-aħħar, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, iżda huwa, għall-kuntrarju, l-espressjoni ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, il-kumpannija omm u s-sussidjarji sottomessi għall-influwenza determinanti tagħha jifformaw kollettivament impriża unika fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li huma responsabbli għaliha u, jekk b’intenzjoni jew b’negliġenza, din l-impriża tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, dan jagħti lok għar-responsabbiltà personali u in solidum tal-persuni ġuridiċi kollha fl-istruttura tal-grupp (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il-Kummissjoni, T-347/06, EU:T:2012:480, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:262, punt 97).

189

Sussegwentement, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma jiksirx id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, sa fejn, minn naħa, ma jwassalx għal preżunzjoni ta’ ħtija ta’ waħda jew l-oħra minn dawn il-kumpanniji (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa ta’ natura konfutabbli (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il-Kummissjoni, C-243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190

Fl-aħħar nett, huwa biżżejjed li jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li huwa diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma jimplikax, fih innifsu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din hija fil-fatt inkonfutabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C-155/14 P, EU:C:2016:446, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

191

Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija inkompatibbli mal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif previsti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta, għandu jiġi miċħud.

192

Fit-tieni lok, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li la hija u lanqas ir-rappreżentanti tagħha ma pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni ma tistax tintlaqa’ fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 188 iktar ’il fuq.

193

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma pprovdietx raġunijiet suffiċjenti sabiex tiċħad il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li tali argument diġà ġie eżaminat fil-kuntest tat-tieni motiv u għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

194

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħha, minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm ma jiksirx il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza fis-sens allegat mir-rikorrenti f’dan il-motiv.

195

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.   Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni

196

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni billi ma ddeterminatx il-piżijiet tas-sehem tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom u billi llimitat ruħha li tikkonstata l-obbligu in solidum tagħhom. Fil-fehma tagħha, tali determinazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa meta l-kumpanniji jappartjenu għall-istess grupp fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament, meta l-unità ekonomika magħmula minn dawn il-kumpanniji ma tkunx għadha teżisti, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħmel din id-determinazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

197

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

198

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, sa fejn hija ma kinitx għadha tifforma entità ekonomika waħda flimkien mal-intervenjenti, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet obbligata tiddetermina s-sehem tal-multa li għandha titħallas minn kull waħda minnhom fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom.

199

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ tqassim tal-multi bejn il-kumpanniji kkonċernati, għandu jitfakkar li l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa, sa fejn huwa biss manifestazzjoni ta’ effett ipso iure tal-kunċett ta’ impriża, jikkonċerna biss lill-impriża u mhux lill-kumpanniji li jikkomponuha (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200

Filwaqt li mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tikkundanna diversi kumpanniji għal ħlas ta’ multa in solidum, sa fejn huma kienu jagħmlu parti mill-istess impriża, la t-test ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas l-għan ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum ma jippermettu li jitqies li din is-setgħa ta’ sanzjoni testendi, lil hinn mid-determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, għas-setgħa li jiġi stabbilit is-sehem tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201

Kuntrarjament, il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum huwa intiż li jikkostitwixxi strument ġuridiku supplimentari, li l-Kummissjoni għandha sabiex issaħħaħ l-effettività tal-azzjoni tagħha fil-qasam tal-irkupru tal-multi imposti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li dan il-mekkaniżmu jnaqqas ir-riskju ta’ insolvenza għall-Kummissjoni bħala kreditur tad-dejn irrappreżentat minn dawn il-multi, li jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali persegwit mid-dritt tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202

Fir-relazzjoni interna eżistenti bejn kodebituri in solidum, id-determinazzjoni tas-sehem tagħhom ma ssegwix dan l-għan doppju. Din hija, fil-fatt, kwistjoni kontenzjuża li tiġi ttrattata fi stadju ulterjuri, u l-Kummissjoni ma għandhiex iktar interess fil-kwistjoni fil-każ li l-multa kollha tkun ġiet imħallsa lilha minn wieħed jew iktar minn dawn il-kodebituri (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203

Fil-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 199 sa 202 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tiddetermina s-sehem tar-rikorrenti u tal-intervenjenti fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom. Fil-fatt, sa fejn, kif jirriżulta mill-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, ir-rikorrenti u l-intervenjenti kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija setgħet tillimita ruħha li tiddetermina l-ammont tal-multa li dawn il-kumpanniji kienu responsabbli in solidum li jħallsu.

204

Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-intervenjenti ma kinux għadhom jikkostitwixxu flimkien magħha entità waħda ma jistax jikkonfuta l-konklużjoni li saret fil-punt 203 iktar ’il fuq.

205

Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-aċċettazzjoni tal-argument inkwistjoni tmur kontra s-sempliċi kunċett ta’ responsabbiltà in solidum. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jimplika, mid-definizzjoni tiegħu stess, li l-Kummissjoni tista’ tindirizza ruħha lejn il-kumpannija omm jew lejn il-kumpannija sussidjarja mingħajr ma tipprevedi responsabbiltà fis-sens allegat mir-rikorrenti. Fil-fatt, kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, ma teżistix “prijorità” fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa, mill-Kummissjoni, fuq waħda jew l-oħra minn dawn il-kumpanniji (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Dow Chemical et vs Il-Kummissjoni, C-499/11 P, EU:C:2013:482, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitqies li l-aċċettazzjoni ta’ tali argument jista’ jdgħajjef l-għan tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 201 iktar ’il fuq, huwa li jiġi kkostitwit strument legali supplimentari għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex jissaħħu kemm l-effiċjenza tal-irkupru tal-multi imposti kif ukoll l-għan ta’ dissważjoni li huwa ġeneralment persegwit mid-dritt tal-kompetizzjoni.

207

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jitqies, wara li tkun saret spezzjoni fid-dettall, li l-Kummissjoni la wettqet żball u lanqas kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni meta ma ddeterminatx is-sehem tar-rikorrenti u tal-intervenjenti fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom.

208

Għaldaqstant, ir-raba motiv għandu jiġi miċħud.

5.   Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

209

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Dan il-ħames motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tathiex aċċess għal dokumenti essenzjali għad-difiża tagħha, it-tieni nett, fuq il-fatt li l-Kummissjoni dewmet illegalment l-aċċess għal dokumenti oħra essenzjali u, it-tielet nett, fuq il-fatt li t-tul eċċessiv tal-proċedura affettwa l-kapaċità tagħha li tiddefendi ruħha.

a)   Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tatx aċċess lir-rikorrenti għal provi essenzjali għad-difiża tagħha

210

Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi provi sabiex tikkonstata r-responsabbiltà tagħha fl-akkordju, li ma ġewx ikkomunikati lilha. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti li jinkludi prova dwar il-portata tas-setgħat iddelegati lil diretturi tal-PIA kif ukoll dokumenti li jinkludu prova tar-rwol tal-kumitat tar-remunerazzjonijiet u tal-kumitat tal-kontroll intern.

211

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

212

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa dritt fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura kollha (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2014, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, T-72/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1094, punt 232 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tgħarraf b’mod effettiv l-opinjoni tagħha fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 66).

214

F’dan is-sens, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi, minn naħa, li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li huma s-suġġett tal-proċedura tagħha l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom fir-rigward tal-oġġezzjonijiet tagħha, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet.

215

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-oġġezzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li l-prova neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ din l-oġġezzjoni tista’ tiġi prodotta biss permezz ta’ riferiment għall-imsemmi dokument. Jekk kien hemm provi dokumentali oħra li l-partijiet kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li jipprovdu sostenn speċifiku għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala mezz ta’ prova tad-dokument inkriminanti li ma ġiex ikkomunikat ma tinvalidax il-fondatezza tal-oġġezzjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti kieku kellu jiġi eliminat bħala mezz ta’ prova inkriminanti dokument mhux ikkomunikat li fuqu l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha sabiex tikkonstata ksur fil-konfront ta’ din l-impriża (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216

F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li hija la rċeviet, mingħand il-Kummissjoni, id-dokument dwar il-portata tas-setgħat iddelegati lid-diretturi tal-PIA, u lanqas id-dokumenti dwar il-kumitat tar-remunerazzjonijiet u l-kumitat tal-kontroll intern, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni il-Kummissjoni, li din l-allegazzjoni ma għandha ebda bażi fattwali.

217

Qabelxejn, kif spjegat il-Kummissjoni, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, id-dokument dwar il-portata tas-setgħat iddelegati lid-diretturi tal-PIA ġie trażmess lir-rikorrenti fis-27 ta’ Marzu 2012 u din tal-aħħar kellha aċċess kemm għal verżjoni kunfidenzjali kif ukoll għal verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmi dokument.

218

Sussegwentement, id-dokument dwar il-kumitat tar-remunerazzjoni huwa l-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta tal-intervenjenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-4 ta’ Jannar u fit-12 ta’ Marzu 2012 kif ukoll fil-11 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti kellha aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din ir-risposta, li minnha tirriżulta l-informazzjoni msemmija mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata.

219

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokument dwar il-kumitat tal-kontroll intern, dan huwa dokument identiku għal dak li jinsab fl-Anness 15 tar-risposta tal-intervenjenti għal talba għal informazzjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009, li għaliha r-rikorrenti kellha aċċess, b’mod partikolari, fis-26 ta’ Jannar 2012.

220

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma ċaħditx l-aċċess għad-dokumenti indikati mir-rikorrenti fir-rikors u li, għalhekk, hija ssodisfat l-obbligi tagħha skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq.

221

Fir-rigward tal-kumplament, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex aċċess għal dokumenti oħra tal-fajl bħal, pereżempju, id-dokumenti [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]. Din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda sa fejn ġiet invokata għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali fl-istadju tar-replika u ma hijiex ibbażata fuq elementi li ġew żvelati matul il-proċedura. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, kif tosserva l-Kummissjoni, li d-dokument [kunfidenzjali] ġie trażmess lir-rikorrenti fit-8 ta’ Settembru 2011 u d-dokument [kunfidenzjali] jinkludi biss informazzjoni li hija aċċessibbli pubblikament, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1127 tad-deċiżjoni kkontestata.

222

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni dewmet illegalment l-aċċess għal dokumenti oħra essenzjali għad-difiża tar-rikorrenti

223

Ir-rikorrenti tallega, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni essenzjali għad-difiża tagħha biss fi stadju tard ħafna tal-investigazzjoni, jiġifieri fis-17 ta’ Mejju 2013, b’tali mod li hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita b’mod xieraq id-drittijiet ta’ difiża tagħha. Din l-informazzjoni, kemm inkriminanti kif ukoll li skaġunanti, kienet tikkonċerna, l-ewwel nett, provi sabiex jiġi ddeterminat l-irwol tal-kumitat strateġiku, it-tieni nett, provi dwar il-kumitat tar-remunerazzjoni u l-kumitat tal-kontroll intern, it-tielet nett, provi dwar kwistjonijiet diskussi fil-laqgħat mensili u, ir-raba’ nett, provi insostenn tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija aġixxiet bħal kreditur proprjetarju industrijali.

224

Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-iżvelar tardiv ta’ din l-informazzjoni ma rrettifikax il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, sa fejn hija ma kellhiex tali informazzjoni la fil-preparazzjoni tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas waqt is-seduta orali f’Ġunju 2012. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, li kieku kienet f’pożizzjoni li tgħarraf il-fehma tagħha dwar il-provi fi stadju iktar bikri, il-Kummissjoni kienet tkun iktar disposta li teħodha inkunsiderazzjoni.

225

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li d-dewmien fl-aċċess għal din l-informazzjoni huwa ġġustifikat min-neċessità li tiġi stabbilita, minn qabel, il-fondatezza tal-provi qabel il-komunikazzjoni tagħhom, ma hijiex fondata. Hija tirrileva li l-parti l-kbira tal-provi rilevanti kienet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni iktar minn sena qabel.

226

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, għall-eżami in camera, id-dokumenti rilevanti kollha ppubblikati internament mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Marzu 2012 u s-17 ta’ Mejju 2013, b’mod partikolari l-korrispondenza mas-Servizz Legali u mal-Uffiċjal tas-Seduta u l-minuti tal-laqgħat tat-tim inkarigat mill-kawża u l-istruzzjonijiet bil-miktub fi ħdan it-tim.

227

Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-argumenti.

228

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni tat aċċess għal dokumenti essenzjali għad-difiża tagħha tardivament.

229

Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 213 iktar ’il fuq, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża timplika, essenzjalment, li l-impriża kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tesprimi effettivament il-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati.

230

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti ma ssostnix, bħal ma għamlet fl-ewwel parti tal-motiv, li hija ma kellhiex aċċess għal dokumenti essenzjali għall-eżerċizzju tad-difiża tagħha kontra l-ilmenti li saru kontriha mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda tallega biss li l-Kummissjoni ttrażmettiet dawn id-dokumenti tardivament.

231

Madankollu, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-dokumenti invokati mir-rikorrenti ġew trażmessi fis-17 ta’ Mejju 2013, jiġifieri madwar għaxar xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fuq dawn l-elementi minħabba n-nuqqas ta’ żmien suffiċjenti sabiex jiġu eżaminati. Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti esprimiet ruħha effettivament dwar dawn id-dokumenti, b’mod partikolari fis-17 ta’ Ġunju 2013, xahar wara t-trażmissjoni tagħhom, u li xejn fl-atti tagħha ma jista’ juri, kif tallega r-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma kellhiex żmien biżżejjed sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tispjegax b’mod preċiż liema argumenti hija kienet tressaq li kieku ma kinitx prekluża bin-nuqqas ta’ żmien.

232

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fost id-dokumenti li r-rikorrenti tidentifika bħala li ġew ikkomunikati lilha b’mod tardiv, wieħed jikkonċerna l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-kumitati tar-remunerazzjoni u tal-kontroll intern ta’ Prysmian. Mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tal-ewwel motiv, fil-punti 120 sa 124 iktar ’il fuq, jirriżulta li dawn iż-żewġ dokumenti ma jistgħux jintużaw mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq l-intervenjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tar-rikorrenti rigward it-trażmissjoni tardiva ta’ dawn iż-żewġ dokumenti li jikkonċernaw dawn l-elementi għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fir-rigward tal-kumplament, minħabba l-qosor relattiv tad-dokumenti inkwistjoni, jiġifieri l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian u r-rapporti mensili, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija ma kellhiex żmien sabiex teżaminahom bil-għan li tipprepara d-difiża tagħha quddiem il-Kummissjoni.

233

It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li d-dokumenti kkomunikati fis-17 ta’ Mejju 2013 kienu jikkostitwixxu l-unika bażi tal-argumenti tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq diversi dokumenti oħra li, essenzjalment, ġew ikkomunikati lir-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-30 ta’ Ġunju 2011.

234

Ir-raba’ nett, anki jekk ir-rikorrenti ma setax ikollha aċċess għal dawn id-dokumenti għall-preparazzjoni tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tagħha għandhom natura purament provviżorja (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C-448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi li dokumenti rċevuti bħala tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jintużaw sussegwentement fid-deċiżjoni finali sakemm il-persuna kkonċernata tingħata l-possibbiltà, bħal f’dan il-każ, li tagħti l-fehma tagħha dwarhom.

235

Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ħames motiv bħala parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata. Fir-rigward, barra minn hekk, tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura proposta mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax kif din il-miżura ssostni l-argumentazzjoni tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi milqugħa t-talba tar-rikorrenti.

c)   Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

236

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fid-dawl tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, hija tosserva b’mod partikolari li l-investigazzjoni tkompliet matul iktar minn ħames snin, jiġifieri mid-9 ta’ Jannar 2009 sat-2 ta’ April 2014. Hija żżid li dan id-dewmien kellu konsegwenzi fuq id-difiża tagħha, peress li hija rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet biss fit-30 ta’ Ġunju 2011, data li fiha l-fondi GSCP V kienu diġà ttrasferixxew l-aħħar investimenti tagħhom fi Prysmian, fl-2010. Hija tqis ukoll li, fil-każ li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali għandha madankollu tnaqqas l-ammont b’mod ekwu tal-multa li ġiet imposta fuqha.

237

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

238

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C-452/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

239

Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T-214/06, Ġabra, EU:T:2012:275, punt 284 u l-ġurisprudenza ċċitata).

240

Il-kwistjoni dwar jekk iż-żmien għal kull fażi tal-proċedura huwiex raġonevoli għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest tiegħu, tal-mod kif jaġixxu l-partijiet matul il-proċedura, tal-interess li għandhom id-diversi impriżi kkonċernati u tal-livell ta’ kumplessità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, EU:T:1999:80, punt 126).

241

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva tista’ tagħti lok għall-eżami ta’ żewġ perijodi suċċessivi, li kull wieħed isegwi loġika interna partikolari għalih. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża ta’ ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar l-iżvolġiment tal-proċedura. Min-naħa tiegħu, it-tieni perijodu jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan il-perijodu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-ksur allegat (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, EU:C:2006:592, punt 38).

242

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C-113/04 P, EU:C:2006:593, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

243

Għandu jiġi ppreċiżat madankollu li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, in-nuqqas li jiġi osservat it-terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss fil-każijiet ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Għajr dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, EU:C:2006:592, punt 42).

244

Fl-aħħar nett, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju li n-natura fundamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu importanza kbira fi proċeduri bħal dik ineżami, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għal din ir-raġuni, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors ta’ kwalunkwe indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, EU:C:2006:592, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

245

Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri dik li testendi min-notifika lill-intervenjenti tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni f’Jannar 2009 sar-riċezzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet f’Ġunju 2011, kien iddekorra perijodu ta’ 29 xahar. It-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, li estendiet mir-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’April 2014, tkopri, min-naħa tagħha, perijodu ta’ 33 xahar.

246

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li t-tul tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva u dak tat-tieni fażi tal-imsemmija proċedura ma humiex eċċessivi fid-dawl tal-passi li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu sabiex tikkompleta l-investigazzjoni u tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

247

Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda akkordju ta’ portata globali, b’għadd kbir ta’ parteċipanti, li dam madwar għaxar snin u li matul tiegħu l-Kummissjoni kienet obbligata taġġorna kwantitajiet kunsiderevoli ta’ provi inklużi fil-fajl, inkluż il-provi kollha miġbura matul l-ispezzjonijiet u rċevuti mingħand l-applikanti għall-klemenza. Barra minn hekk, matul din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet lill-parteċipanti tas-settur ikkonċernat talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-paragrafu 12 tal-Avviż dwar il-Klemenza.

248

Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-volum ta’ provi wassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni ta’ 287 paġna fil-verżjoni Ingliża, li l-Anness 1 tagħha jinkludi r-referenzi kompluti għall-provi kollha miġbura matul il-fażi istruttorja u li d-daqs u l-portata tal-akkordju, kif ukoll id-diffikultajiet lingwistiċi, huma wkoll notevoli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kellha 26 destinatarju minn firxa wiesgħa ta’ pajjiżi u li parti kbira minnhom kienet ipparteċipat fl-akkordju f’diversi forom ġuridiċi u ġew ristrutturati matul u wara l-perijodu tal-akkordju. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-imsemmija deċiżjoni, imfassla bl-Ingliż, kellha tkun is-suġġett ta’ traduzzjoni sħiħa bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bit-Taljan.

249

Fl-aħħar nett, mill-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 3 sa 10 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni adottat sensiela ta’ passi li jiġġustifikaw it-tul ta’ kull fażi tal-imsemmija proċedura u li l-adegwatezza għall-iskop tal-investigazzjoni ma ġiex ikkontestata mir-rikorrenti speċifikament.

250

Għaldaqstant, it-tul ta’ żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva kien raġonevoli sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-provi u l-argumenti mqajma mill-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni.

251

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax issostni validament li t-tul tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kien eċċessiv u li din tal-aħħar kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

252

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġu kkonstatati n-natura possibbilment eċċessiva tat-tul globali tal-proċedura amministrattiva u l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, tali konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 242 sa 244 iktar ’il fuq, sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

253

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li n-natura eċċessiva tal-proċedura amministrattiva kellha “effett fuq l-abbiltà tagħha li tiddefendi ruħha”, b’mod partikolari sa fejn, fil-mument fejn hija ġiet informata li hija kienet is-suġġett tal-investigazzjoni, jiġifieri fid-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-30 ta’ Ġunju 2011, hija kienet ttrasferixxiet l-aħħar investiment tagħha fl-intervenjenti u, għalhekk, hija kellha biss aċċess limitat għall-provi tal-investiment tagħha. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-obbligu ġenerali tal-prudenza li hija suġġetta għalih kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, ir-rikorrenti hija obbligata tiżgura l-konservazzjoni tajba, fil-kotba tagħha u fl-arkivji tagħha, tal-elementi li jistgħu jipprovdu rendikont tal-attività tagħha, bil-għan, b’mod partikolari, li jkollha l-provi neċessarji fil-każ ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T-240/07, EU:T:2011:284, punt 301 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu japplika wkoll għall-iżvestiment ta’ sussidjarja, skont is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni (T-372/10, EU:T:2012:325, punt 152).

254

Fir-rigward tat-talba lill-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti, sabiex tnaqqas b’mod ekwu l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fil-każ li t-tul tal-proċedura amministrattiva ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hija għandha titqies li saret insostenn tat-talbiet tagħha għat-tnaqqis tal-ammont imsemmi, li ser jiġu eżaminati fil-punt 261 iktar ’il quddiem.

255

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

256

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova l-eżistenza ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-Kummissjoni li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tagħha.

257

Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament li saru mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

B. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

258

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-imsemmi ammont. Bl-istess mod, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tnaqqas b’mod ekwu dan l-ammont fil-każ li t-tul tal-proċedura amministrattiva ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tagħtiha l-benefiċċju ta’ kwalunkwe tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lill-intervenjenti wara r-rikors ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni fil-Kawża T-475/14, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni.

259

Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li hija rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija marbuta tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-389/10 P, EU:C:2011:816, punti 130 u 131).

1.   Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-imsemmi ammont

260

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba tar-rikorrenti intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-imsemmi ammont, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għal annullament ġew miċħuda, u, min-naħa l-oħra, ma hemmx elementi li, f’dan il-każ, huma ta’ natura li jiġġustifikaw tnaqqis ta’ dan l-ammont. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.   Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

261

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba tar-rikorrenti intiża għat-tnaqqis b’mod ekwu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli mill-Kummissjoni jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda minnha fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, tali ksur tal-imsemmi prinċipju, jekk jiġi stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017,Villeroy et Boch vs Il-Kummissjoni, C-644/13 P, EU:C:2017:59, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

262

Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 251 iktar ’il fuq, tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva ma setax jiġi kkonstatat f’dan il-każ. Isegwi li din it-talba għandha tiġi miċħuda.

3.   Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa sabiex ikun hemm benefiċċju minn kwalunkwe tnaqqis tal-imsemmi ammont mogħti lill-intervenjenti wara rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-475/14

263

Fir-rigward, fit-tielet u fl-aħħar lok, tat-talba tar-rikorrenti għal benefiċċju ta’ kwalunkwe tnaqqis tal-multa, mogħti mill-Qorti Ġenerali lill-intervenjenti wara r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-475/14, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti ma nżammitx responsabbli għall-akkordju inkwistjoni minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, hija nżammet responsabbli biss għall-ksur bħala kumpannija omm tal-intervenjenti.

264

Fil-każ fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm tirriżulta esklużivament mill-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja tagħha fil-ksur u fejn dawn iż-żewġ kumpanniji ppreżentaw rikorsi paralleli li għandhom l-istess għan, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tiddeċiedi ultra petita, tieħu inkunsiderazzjoni l-annullament tal-konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward tas-sussidjarja għal perijodu determinat u tnaqqas b’mod korrelattiv l-ammont tal-multa imposta fuq il-kumpannija omm in solidum mas-sussidjarja tagħha.

265

F’dan ir-rigward, minn naħa, sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ unità ekonomika, huwa neċessarju li titressaq prova li minn tal-inqas entità wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li din il-fatt jiġi rrilevat f’deċiżjoni li tkun saret definittiva u, min-naħa l-oħra, li r-raġuni li għaliha n-nuqqas ta’ aġir ta’ ksur tas-sussidjarja huwa kkonstatat tkun irrilevanti.

266

Huwa f’dan il-kuntest li hemm lok li jsir riferiment għan-natura kompletament idderivata tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm mġarrba minħabba l-fatt biss tal-parteċipazzjoni diretta ta’ sussidjarja fil-ksur. Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm toriġina mill-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha, li huwa attribwit lill-kumpannija omm fid-dawl tal-unità ekonomika kkostitwita minn dawn il-kumpanniji. Konsegwentement, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm tiddependi neċessarjament mill-fatti li jikkostitwixxu l-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha u li magħha hija marbuta mill-qrib ir-responsabbiltà tagħha.

267

Għal raġunijiet identiċi, għandu jiġi ppreċiżat li, f’sitwazzjoni fejn ebda fattur ma jikkaratterizza individwalment l-aġir allegat fil-konfront tal-kumpannija omm, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja in solidum mal-kumpannija omm tagħha għandu, fil-prinċipju, meta l-kundizzjonijiet proċedurali meħtieġa huma ssodisfatti, jiġi estiż lill-kumpannija omm.

268

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata u li dawn ir-rikorsi għandhom, parzjalment, l-istess għan, jiġifieri, prinċipalment, l-annullament tal-multa prevista fl-Artikolu 2(f) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn tikkonċernahom, u sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija multa li ġiet imposta fuqhom in solidum.

269

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi rrikonoxxut li r-rikorrenti hija intitolata tibbenefika bl-istess mod minn kwalunkwe annullament tad-deċiżjoni kkontestata bħall-intervenjenti fil-kuntest tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T-475/14.

270

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tas-sentenza tal-lum fil-Kawża T-475/14, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, jiġifieri kemm it-talbiet għal annullament ippreżentati mill-intervenjenti kif ukoll it-talbiet tagħhom intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom.

271

Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti għall-benefiċċju minn kull tnaqqis mogħti lill-intervenjenti wara r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-475/14, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni ma tistax tintlaqa’ u, għaldaqstant, it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

272

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

IV. Fuq l-ispejjeż

273

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

274

Peress li r-rikorrenti tilfet it-talbiet u l-motivi kollha tagħha, u l-Kummissjoni għamlet talba f’dan is-sens, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kollha.

275

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 138(1) u (2) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, hemm lok li jiġi ddikjarat li Prysmian u PrysmianCS għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

The Goldman Sachs Group, Inc. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Sistemi Srl għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Collins

Kancheva

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2018.

Firem

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

A. Ir-rikorrenti u s-settur ikkonċernat

 

B. Il-proċedura amministrattiva

 

C. Id-deċiżjoni kkontestata

 

1. Il-ksur inkwistjoni

 

2. Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

 

3. Il-multa imposta

 

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

III. Id-dritt

 

A. Fuq it-talbiet għal annullament

 

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

 

a) Fuq l-ewwel parti, dwar l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-3 ta’ Mejju 2007

 

1) Fuq l-ewwel ilment, dwar l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għall-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-3 ta’ Mejju 2007

 

2) Fuq it-tieni ilment, dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti

 

b) Fuq it-tieni parti, dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-28 ta’ Jannar 2009

 

1) Fuq is-setgħa ta’ ħatra ta’ membri tad-diversi bordijiet ta’ diretturi ta’ Prysmian kif ukoll is-setgħa li l-azzjonisti jiġu mlaqqa’ għal-laqgħat u s-setgħa li jsiru proposti għar-revoka tad-diretturi jew ta’ bordijiet ta’ diretturi sħaħ

 

2) Fuq ir-rappreżentanza effettiva tar-rikorrenti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian

 

3) Fuq is-setgħat amministrattivi tar-rappreżentanti tar-rikorrenti fuq il-bord tad-diretturi

 

4) Fuq l-importanza tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-kumitati stabbiliti minn Prysmian

 

5) Fuq ir-riċezzjoni ta’ aġġornamenti regolari u ta’ rapporti mensili

 

6) Fuq miżuri intiżi li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-kontroll deċiżiv wara d-data tal-OPI

 

7) Fuq il-prova ta’ aġir tipiku ta’ proprjetarju industrijali

 

8) Fuq l-evalwazzjoni tal-fatturi kollha invokati fid-deċiżjoni kkontestata

 

c) Fuq it-tielet parti, dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, essenzjalment, ir-rikorrenti ma kinitx sempliċi investitur finanzjarju

 

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-insuffiċjenza tal-provi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE

 

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, u fuq l-insuffiċjenza tal-provi

 

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

 

4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni

 

5. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tatx aċċess lir-rikorrenti għal provi essenzjali għad-difiża tagħha

 

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni dewmet illegalment l-aċċess għal dokumenti oħra essenzjali għad-difiża tar-rikorrenti

 

c) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

 

B. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

 

1. Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-imsemmi ammont

 

2. Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

 

3. Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa sabiex ikun hemm benefiċċju minn kwalunkwe tnaqqis tal-imsemmi ammont mogħti lill-intervenjenti wara rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-475/14

 

IV. Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Data kunfidenzjali ommessa.

Top