Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014FJ0011

    Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Mejju 2015.
    Bruno Dupré vs Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
    Servizz pubbliku — Persunal tas-SEAE — Membru tal-persunal temporanju — Artikolu 98 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 2(e) tar-RAA — Kuntratt ta’ reklutaġġ — Klassifikazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni tal-grad AD 5 miftuħa għall-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali u għall-uffiċjali tal-gradi AD 5 sa AD 14 — Prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg — Sentenza fil-kontumaċja.
    Kawża F-11/14.

    ECLI identifier: ECLI:EU:F:2015:47

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

    18 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

    “Servizz pubbliku — Persunal tas-SEAE — Membru tal-persunal temporanju — Artikolu 98 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 2(e) tar-RAA — Kuntratt ta’ reklutaġġ — Klassifikazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni tal-grad AD 5 miftuħa għall-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali u għall-uffiċjali tal-gradi AD 5 sa AD 14 — Prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg — Sentenza fil-kontumaċja”

    Fil-Kawża F‑11/14,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA fuq il-bażi tal-Artikolu 106a tiegħu,

    Bruno Dupré, membru tal-persunal temporanju tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Etterbeek (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Rodrigues u A. Tymen, avukati,

    rikorrent,

    vs

    Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u M. Silva, bħala aġenti,

    konvenut,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

    komposta minn K. Bradley, President, H. Kreppel u M. I. Rofes i Pujol (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: W. Hakenberg,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal fis-7 ta’ Frar 2014, B. Dupré talab l-annullament tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), iffirmat fl-1 ta’ April 2013, sa fejn huwa ġie kklassifikat fil-grad AD 5, u kumpens għad-dannu allegatament sostnut.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom maħruġa mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, kif finalment emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1240/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), huwa redatt kif ġej:

    “1.   Il-posizzjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skont in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, fi grupp tal-funzjoni ta’ amministraturi (minn issa ’l quddiem ‘AD’) u grupp tal-funzjoni tal-assistenti (minn issa ’l quddiem ‘AST’).

    2.   Il-grupp tal-funzjoni AD għandu jkun fih tnax-il grad, li jikkorrospondu mad-dmirijiet amministrattivi, ta’ konsulenza, lingwistiċi u xjentifiċi. […]

    3.   Il-ħatra għandha teħtieġ mill-anqas:

    […]

    (b)

    fil-gruppi tal-funzjoni AD għall-gradi 5 u 6:

    (i)

    livell ta’ edukazzjoni li jikkorrospondi ma’ studi universitarji konklużi ta’ mill-anqas tliet snin iċċertifikat b’diploma, jew

    (ii)

    […];

    (ċ)

    fil-gruppi tal-funzjoni AD għall-gradi 7 sa 16:

    (i)

    livell ta’ edukazzjoni li jikkorrospondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b’diploma meta l-perjodu normali ta’ l-edukazzjoni universitarja hija erba’ snin jew aktar, jew

    (ii)

    livell ta’ edukazzjoni li jikkorrospondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b’diploma, esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena, meta l-perjodu normali ta’ l-edukazzjoni universitarja hija mill-anqas tliet snin jew aktar […]

    […]”

    3

    Skont l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “1.   Il-kandidati magħżula għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni, ippreżentat fl-avviż tal-kompetizzjoni li għaddew minnha.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(2), l-uffiċjali għandhom ikunu reklutati biss taħt il-gradi AST 1 sa AST 4, jew AD 5 sa AD 8. Il-grad tal-avviż tal-kompetizzjoni għandu jkun stabbilit mill-istituzzjoni skont il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-iskop tar-reklutaġġ ta’ l-uffiċjali sa l-ogħla standard kif definit fl-Artikolu 27 [tar-Regolamenti tal-Persunal];

    (b)

    il-kwalità ta’ l-esperjenza professjonali meħtieġa.

    […]”

    4

    L-Artikolu 32 tar Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

    “Uffiċjal jista’ jkun reklutat fl-ewwel skala tal-grad tiegħu.

    L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tippermetti senjorità addizzjonali sa massimu ta’ 24 xahar, biex tikkunsidra l-esperjenza professjonali tiegħu. Id-disposizzjonijeit ġeneral ta’ l-implimentazzjoni għandhom ikunu adottati biex idaħħlu fis-seħħ dan l-Artikolu.

    […]”

    5

    Skont l-Artikolu 98 tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea] u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra [tal-Unjoni Ewropea]:

    “1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 29(1)(a) [tar-Regolamenti tal-Persunal], meta jkun qed jimtela post vakanti fis-SEAE, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra l-applikazzjonijiet ta’ uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], il-Kummissjoni [Ewropea] u s-SEAE, ta’ persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2(e) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra [tal-Unjoni Ewropea] u ta’ persunal minn servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri mingħajr ma tingħata prijorità lill kwalunkwe waħda minn dawk il-kategoriji. Sat-30 ta’ Ġunju 2013, b’deroga mill-Artikolu 29, għar-reklutaġġ minn barra l-istituzzjoni, is-SEAE għandu jirrekluta esklużivament uffiċjali mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u mill-Kummissjoni [Ewropea] kif ukoll persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri.

    […]”

    6

    L-Artikolu 2(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom tar-Regolament Nru 723/2004, kif finalment emendati bir-Regolament Nru 1240/2010 (iktar ’il quddiem il-“KIO”), jipprovdi dispożizzjoni introdotta bir-Regolament Nru 1080/2010:

    “Għall-iskopijiet ta’ dawn il-kondizzjonijiet ta’ l-impieg, ‘persunal temporanju’ tfisser:

    […]

    (e)

    persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri ingaġġat biex jimla temporanjament post permanenti fis-SEAE.”

    7

    L-Artikolu 10 tal-KIO jistabbilixxi:

    “1.   […] [L]-Artikolu 5(1), (2), (3) u (4) u l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw b’analoġija.

    2.   Il-grad u l-iskala li fihom se jkun ingaġġat il-persunal temporanju għandhom jingħadu fil-kuntratt tagħhom.

    […]”

    8

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-KIO:

    “Persunnal temporanju għandu fil-bidu ikun ikklassifikat skond l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

    9

    L-Artikolu 50b tal-KIO, introdott bir-Regolament Nru 1080/2010, huwa redatt kif ġej:

    “1.   Persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri li kienu ntgħażlu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 98(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u li huma ssekondati mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tagħhom għandhom ikunu ingaġġati bħala persunal temporanju skont l-Artikolu 2(e) [tal-KIO].

    2.   Jistgħu jkunu ingaġġati għal perijodu massimu ta’ erba’ snin. Il-kuntratti jistgħu jiġġeddu għal perijodu massimu ta’ erba’ snin. L-ingaġġament tagħhom m’għandux ikun għal aktar minn tmien snin b’kollox. Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fl-interess tas-servizz, fi tmiem it-tmien sena, il-kuntratt jista’ jiġi estiż għal perijodu massimu ta’ sentejn. Kull Stat Membru għandu jagħti lill-uffiċjali tiegħu li jkunu saru aġenti temporanji fis-SEAE garanzija li hu jaċċettahom lura minnufih fl-aħħar tal-perijodu tas-servizz tagħhom mas-SEAE, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali tiegħu.

    […]”

    10

    L-Artikolu 6, intitolat “Persunal”, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE, tas-26 ta’ Lulju 2010, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-[SEAE] (ĠU L 201, p. 30) huwa redatt kif ġej:

    “[…]

    7.   L-uffiċjali tal-Unjoni u l-aġenti temporanji li ġejjin mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi, u għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-eliġibbiltà tagħhom li jassumu l-pożizzjonijiet kollha [fi ħdan is-SEAE] taħt kondizzjonijiet ekwivalenti. M’għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn aġenti temporanji li ġejjin minn servizzi diplomatiċi nazzjonali u uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għoti tad-dmirijiet biex jitwettqu fl-oqsma kollha tal-attivitajiet u l-politiki implimentati mis-SEAE. […]

    […]

    11.   F’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali tiegħu, kull Stat Membru għandu jipprovdi l-uffiċjali tiegħu li saru aġenti temporanji fis-SEAE b’garanzija ta’ reintegrazzjoni immedjata fi tmiem il-perjodu ta’ servizz tagħhom mas-SEAE. Dan il-perijodu ta’ servizz, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50b [tal-KIO], ma għandux ikun aktar minn tmien snin, ħlief jekk jiżdied b’mhux aktar minn sentejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fl-interess tas-servizz.

    […]”

    Il-fatti kif jirriżultaw mir-rikors

    11

    Ir-rikorrenti ħadem, l-ewwel għall-Kummissjoni Ewropea u mbagħad għas-SEAE, bħala espert nazzjonali kkollokat, mill-2007 sal-31 ta’ Marzu 2013. Il-pożizzjoni tax-xogħol tiegħu hija deskritta bħala membru tal-persunal inkarigat bil-politika ta’ sigurtà fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (“Policy Officer – Security in the area of [Chemical, Biological, Radiological and Nuclear] Risk mitigation”).

    12

    Qabel ma skada l-kollokament tiegħu bħala espert nazzjonali kkollokat mas-SEAE, ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni prevista fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti EEAS/2012/AD/36 li kien jipprevedi r-reklutaġġ fi ħdan id-Diviżjoni “Politika ta’ sigurtà u sanzjonijet” ta’ membru tal-persunal inkarigat bil-politika ta’ sigurtà fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (“Policy Officer – Security in the area of [Chemical, Biological, Radiological and Nuclear] Risk mitigation”) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”).

    13

    Mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jirriżulta li l-kandidati kellhom ikunu jew uffiċjali ta’ ċerti istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-grad AD 5 sa AD 14, jew membri tal-persunal temporanju rreklutati skont l-Artikolu 2(e) tal-KIO, jew membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-kandidati membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jindika li, apparti l-fatt li jkollhom in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri, dawn kellu jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu komplut ta’ studji universitarji ssanzjonat b’diploma meta t-tul normali ta’ dawn l-istudji jkun ta’ mill-inqas tliet snin. Minn dawn tal-aħħar kien meħtieġ ukoll li jkunu ħadmu għal tal-inqas sentejn ma’ amministrazzjoni nazzjonali.

    14

    Mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jirriżulta wkoll li, jekk l-għażla taqa’ fuq uffiċjal tal-Unjoni, dan jinħatar fil-grad tiegħu. Jekk il-kandidat magħżul jappartjeni għall-persunal tas-servizz diplomatiku ta’ wieħed mill-Istati Membri, dan jiġi offrut kuntratt skont l-Artikolu 2(e) tal-KIO, li t-tul tiegħu ma jistax jeċċedi erba’ snin, u jinħatar fil-grad AD 5.

    15

    Il-kandidatura tar-rikorrent intlaqgħet u, fl-1 ta’ April 2013, huwa ffirma kuntratt ta’ reklutaġġ mas-SEAE. Mill-kuntratt jirriżulta li r-rikorrent ġie rreklutat b’effett minn din id-data bħala membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(e) tal-KIO, fil-grad AD 5, skala 2. Il-post tax-xogħol ġie stabbilit li huwa Brussell (il-Belġju).

    16

    Peress li qies li l-grad AD 5 ma kienx jikkorrispondi la għall-funzjonijiet previsti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u lanqas għal dawk li huwa kien jeżerċita u li huwa ġie suġġett għal diskriminazzjoni meta mqabbel mal-uffiċjali tal-Unjoni, ir-rikorrent ressaq “[talba fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal]” fis-27 ta’ Ġunju 2013, bl-għan li jiġi kkoreġut żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tiegħu.

    17

    L-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tas-SEAE qieset it-talba tar-rikorrent bħala “lment fis-sens tal-Artikolu 90[(2)] tar-Regolamenti tal-Persunal” u ċaħditha b’deċiżjoni datata t-28 ta’ Ottubru 2013.

    It-talbiet tar-rikorrent u l-proċedura

    18

    Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal jogħġbu:

    “–

    […] jannulla d-deċiżjoni [li tinsab fil-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu] tal-1 ta’ April 2013 [li tipprevedi] l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad AD 5;

    [s]a fejn meħtieġ, [...] jannulla d-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2013 li tiċħad l-ilment […];

    […]

    […] jordna l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni [tiegħu] […] fi grad li jikkorrispondi għal-livell tar-responsabbiltajiet tiegħu;

    […] jordna [lis-SEAE] li jadotta l-konsegwenzi kollha, partikolarment pekunjarji, ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid, retroattivament sa minn meta assuma l-funzjonijiet tiegħu;

    […] jikkumpensa d-dannu morali sostnut […], evalwat ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 5000;

    […]

    […] jikkundanna [lis-SEAE] għall-ispejjeż kollha.”

    19

    Skont l-Artikolu 39(1) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tiegħu fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors.

    20

    Kif jirriżulta mir-riferta tan-notifika tar-rikors, dan ġie regolarment riċevut fl-14 ta’ Frar 2014 fl-indirizz tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fi Brussell, indirizz li preċedentement kien ġie kkomunikat lit-Tribunal mis-SEAE għall-finijiet tan-notifika tal-atti ta’ proċedura.

    21

    It-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata tar-risposta skada fl-24 ta’ April 2014, terminu ta’ distanza inkluż, mingħajr ma ġiet ippreżentata risposta mis-SEAE.

    22

    Ir-Reġistru tat-Tribunal informa lir-rikorrent bl-assenza ta’ preżentata ta’ risposta fit-terminu stabbilit u bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub, b’ittra tat-2 ta’ Lulju 2014. F’din l-okkażjoni, ir-Reġistru informa lir-rikorrent bil-possibbiltà li huwa kellu li jitlob lit-Tribunal, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ dak iż-żmien, li jilqa’ t-talbiet tiegħu. Fl-ittra tiegħu, ir-Reġistru tat-Tribunal ġibed l-attenzjoni tar-rikorrent ukoll għall-kliem tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, li jipprovdi li sentenza mogħtija fil-kontumaċja tista’ madankollu tiġi opposta. Permezz ta’ ittra bl-istess data tat-2 ta’ Lulju 2014, ir-Reġistru tat-Tribunal bagħat lis-SEAE l-ittra indirizzata lir-rikorrent, filwaqt li informa lis-SEAE bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub.

    23

    B’ittra datata l-10 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrent talab lit-Tribunal jilqa’ t-talbiet tiegħu, kif jirriżultaw fir-rikors tiegħu. Din it-talba ġiet innotifikata lis-SEAE.

    24

    Fil-11 ta’ Lulju 2014, is-SEAE talab lit-Tribunal, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ dak iż-żmien, il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura dwar it-talba tar-rikorrent tal-10 ta’ Lulju 2014 u l-komunikazzjoni ta’ kopja tar-rikors. It-Tribunal bagħat kopja tar-rikors lis-SEAE u, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2014, ma laqax it-talba għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura dwar l-imsemmija talba.

    Id-dritt

    25

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 121(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jirriproduċu dawk tal-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2014, qabel ma jagħti sentenza fil-kontumaċja, it-Tribunal għandu jeżamina l-ammissibbiltà tar-rikors u jivverifika jekk il-formalitajiet ikunux ġew regolarment osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati. Huwa jista’ jieħu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew jordna miżuri istruttorji.

    26

    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikors quddiem it-Tribunal ġie ppreżentat fit-terminu statutorju ta’ tliet xhur miżjud bit-terminu ta’ distanza perentorju ta’ għaxart ijiem dekorribbli min-notifika tar-rikorrent taċ-ċaħda tal-ilment; li r-rikorrent jikkontesta l-att ta’ klassifikazzjoni fir-reklutaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju, li huwa jikkunsidra li jikkawżalu preġudizzju, u li huwa għandu interess ġuridiku sa fejn huwa jikkontesta deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali li tipproduċi effetti ġuridiċi mandatorji ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tiegħu.

    27

    Mill-proċess jirriżulta wkoll li r-rikors ġie regolarment innotifikat lis-SEAE fl-indirizz ta’ Brussell li dan tal-aħħar ipprovda lir-Reġistru tat-Tribunal għall-finijiet tan-notifika tal-atti ta’ proċedura u li s-SEAE ma ppreżentax risposta fit-terminu.

    28

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, ma hemm ebda dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors u li l-formalitajiet ġew regolarment osservati.

    29

    Huwa issa l-kompitu tat-Tribunal li jivverifika jekk, fid-dawl tar-rikors u tal-annessi tiegħu, it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati. Għal dan il-għan, it-Tribunal ma qiesx li kien neċessarju li jadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew li jordna miżura ta’ istruttorja.

    Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment

    30

    Ir-rikorrent jitlob, kemm-il darba jkun meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2013, li tiċħad l-ilment.

    31

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu kundizzjoni preliminari sabiex tkun tista’ tiġi adita l-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk formalment ikun dirett kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jadixxi lill-qorti bl-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu jkun sar l-ilment ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment tkun ta’ portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu dan l-ilment ikun sar. F’diversi okkażjonijiet, ġie deċiż li deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma tkunx ta’ natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta din tibdel jew tikkompleta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew jiġi kkunsidrat bħala att li jikkawża preġudizzju li jieħu post dan tal-aħħar (sentenza Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 32).

    32

    Peress li, fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna kkonċernata għandha tressaq ilment kontra d-deċiżjoni li hija tikkontesta u għandha tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment, il-qorti tal-Unjoni qieset ir-rikors ammissibbli, kemm jekk ikun dirett biss kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment, kif ukoll jekk ikun dirett kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jew kontra dawk iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, sa fejn l-ilment u r-rikors jitressqu fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tagħti deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment meta tikkonstata li dawn ma għandhomx kontenut awtonomu u li fil-verità jikkoinċidi mat-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun tressaq l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8). Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ meta l-qorti tal-Unjoni tikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, jekk ikun il-każ minħabba li tkun impliċita, tkun purament konfermatorja tad-deċiżjoni li kontra tagħha jkun sar l-ilment u li, għalhekk, l-annullament tagħha ma jkollux effett distint fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata b’mod differenti minn dak li jirriżulta mill-annullament tal-oħra (sentenza Adjemian et vs Il-Kummissjoni, EU:T:2011:506, punt 33).

    33

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma tinkludi ebda eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda, iżda tikkonferma d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fil-grad AD 5, skala 2, li tidher fil-kuntratt ta’ reklutaġġ tar-rikorrent, u sempliċement tittratta l-motivi u l-argumenti mqajma mir-rikorrent u tagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni. F’każ bħal dan, hija l-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li għandha tiġi eżaminata filwaqt li titqies il-motivazzjoni li tidher fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, billi tali motivazzjoni għandha tikkoinċidi ma’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Konsegwentement, it-talbiet għal annullament diretti kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu u r-rikors għandu jitqies li huwa dirett kontra d-deċiżjoni, li tinsab fil-kuntratt ta’ reklutaġġ tar-rikorrent tal-1 ta’ April 2013, li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad AD 5 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata”) u li l-motivazzjoni tagħha hija ppreċiżata permezz tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-28 ta’ Ottubru 2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eveillard vs il-Kummissjoni, T‑258/01, EU:T:2004:177, punti 31 u 32, u Buxton vs Il-Parlament, F‑50/11, EU:F:2012:51, punt 21).

    35

    Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni separata fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

    Fuq it-talbiet intiżi għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni tar-rikorrent u sabiex is-SEAE japplika retroattivament il-konsegwenzi kollha tal-klassifikazzjoni mill-ġdid

    36

    Fir-rigward tat-talbiet intiżi sabiex it-Tribunal, minn naħa, jordna l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni tar-rikorrent fi grad li jikkorrispondi għal-livell tar-responsabbiltajiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, jordna lis-SEAE japplika l-konsegwenzi kollha, partikolarment pekunjarji, ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid, retroattivament sa minn meta r-rikorrent assuma l-funzjonijiet tiegħu, għandu jitfakkar li, fl-ambitu ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti ma’ tistax, mingħajr ma tidħol fil-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva, tagħmel dikjarazzjonijiet jew konstatazzjonijiet ta’ prinċipju jew tindirizza ordnijiet lil istituzzjoni (ara d-digriet Caminiti vs Il-Kummissjoni, F‑71/09, EU:F:2011:53, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-istituzzjoni tista’ titwassal sabiex tieħu miżuri, bħal dawk mitluba mir-rikorrent, fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tilqa’ t-talbiet ta’ annullament tar-rikorrent.

    37

    Minn dan isegwi li t-talbiet intiżi sabiex it-Tribunal jordna l-klassifikazzjoni mill-ġdid għal grad li jikkorrispondi għal-livell tar-responsabbiltajiet tiegħu u sabiex jordna lis-SEAE japplika l-konsegwenzi kollha, partikolarment pekunjarji, ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid, retroattivament sa minn meta r-rikorrent assuma l-funzjonijiet tiegħu, ma humiex ammissibbli.

    Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta ’ klassifikazzjoni kkontestata

    38

    Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata, ir-rikorrent iressaq motiv wieħed, ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li fuq il-bażi tiegħu huwa ġie rreklutat, diviż fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal‑punt A, tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni parti hija dedotta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tielet parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 6(7) tad-Deċiżjoni 2010/427.

    39

    It-Tribunal jikkonstata li, fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jesponi l-argumentazzjoni tiegħu biss fir-rigward tal-ewwel u t-tielet partijiet tal-motiv uniku. It-tieni parti tal-motiv uniku tar-rikors, dedotta mill-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, ma hija sostnuta minn ebda argumentazzjoni, u dan b’mod kuntrarju għar-regola prevista fl-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ meta r-rikors ġie ppreżentat u li hija riprodotta fl-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, hemm lok li t-tieni parti tal-motiv uniku tar-rikors tiġi ddikjarata inammissibbli.

    Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal

    40

    Ir-rikorrent jsostni l-illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti sa fejn dan jipprevedi ħatra għall-grad AD 5 biss għall-kandidati li kienu membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri. Issa, dan il-grad, li fih huwa ġie kklassifikat bħala membru tal-persunal temporanju, ma jikkorrispondix għad-dmirijiet li r-rikorrent huwa mitlub jeżegwixxi u la jirrifletti l-importanza tagħhom u lanqas ir-responsabbiltajiet imposti fuqu. Fil-fatt, l-amministrazzjoni tal-fajls “sensittivi” assenjati lilu teħtieġ imperattivament esperjenza twila fil-qasam tal-kompetenza li huwa għandu u, fi kwalunkwe każ, ma tistax tiġi żgurata minn uffiċjal li jkun jinsab fil-bidu tal-karriera, b’esperjenza ta’ sentejn biss, kif meħtieġ mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Huwa jżid li, mill-ħamsa u għoxrin sena ta’ esperjenza professjonali, huwa ħadem ħmistax-il sena fil-qasam tal-kompetenza prevista mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li l-poizzjoni li huwa kien jokkupa bħala espert nazzjonali kkollokat tqieset bħala “sensittiva” minħabba l-kapaċitajiet meħtieġa. Issa, il-funzjonijiet tiegħu baqgħu strettament identiċi meta nħatar bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 5.

    41

    Ir-rikorrent isostni wkoll li d-deskrizzjonijiet tal-pożizzjoni ta’ żewġ membri oħra tat-tim tiegħu, li huwa ppreżenta bħala anness mar-rikors, huma identiċi għal dik tal-pożizzjoni li huwa jokkupa, filwaqt li, minn naħa, iż-żewġ uffiċjali li jokkupaw dawn il-pożizzjonijiet huma kklassifikati wieħed fil-grad AD 12 u l-ieħor fil-grad AD 13 u, min-naħa l-oħra, huwa nħatar fil-grad AD 5 meta kien qed jieħu post uffiċjal fil-grad AD 13 u sabiex jeżerċita l-istess funzjonijiet. Dawn iċ-ċirkustanzi jenfasizzaw l-inadegwatezza tal-grad li fih huwa ġie kklassifikat mal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu.

    42

    Ir-rikorrent iżid li l-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-grad AD 5 jikkorrispondi għal pożizzjonijiet ta’ assistent meta huwa ma jaħdem bħala assistent ta’ ħadd u juri indipendenza kbira fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-deskrizzjoni tal-pożizzjoni li huwa ppreżenta bħala anness mar-rikors, dwar il-pożizzjoni tal-espert nazzjonali kkollokat li daħal minfloku b’effett minn Ottubru 2013, teżiġi esperjenza ta’ mill-inqas tmien snin fil-qasam ta’ speċjalizzazjoni tiegħu u li, fil-prattika, fit-tim tiegħu, ebda wieħed mill-kollegi tiegħu ma ġie rreklutat fil-grad AD 5.

    43

    Finalment, ir-rikorrent jafferma li d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata kienet konsegwenza ta’ eżiġenzi baġitarji, meta, skont l-Artikolu 6(8) tad-Deċiżjoni 2010/427, is-selezzjoni tal-persunal għandha ssir fuq bażi oġġettiva u għandha tfittex li tiżgura li jinħatar persunal li jkollu l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità. Ir-rikorrent huwa tal-fehma li l-argument marbut ma’ eżiġenzi baġitarji min-naħa tas-SEAE huwa infondat peress li, kieku ntgħażel il-kandidat ikklassifikat fit-tieni post fis-selezzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, peress li dan huwa uffiċjal, ir-remunerazzjoni menswali tiegħu kienet tikkorrispondi għal dik ta’ uffiċjal ikklassifikat fil-grad AD 13.

    44

    It-Tribunal jikkonstata, fl-ewwel lok, li l-affermazzjoni tar-rikorrent li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kienet tipprevedi ħatra fil-grad AD 5 biss għall-kandidati li jkunu ġejjin mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri hija bbażata fuq qari ħażin tal-kliem tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

    45

    Fil-fatt, mill-punt 1 tal-ewwel grupp ta’ kundizzjonijiet ta’ ammissjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 98 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati kellhom ikunu jew uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni jew tas-SEAE, jew membri tal-persunal temporanju li għalihom japplika l-Artikolu 2(e) tal-KIO, jiġifieri membri tal-persunal ikkollokat tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri rreklutati sabiex jokkupaw temporanjament pożizzjoni permanenti mas-SEAE, jew membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri.

    46

    Għalhekk, peress li kien hemm tliet kategoriji possibbli ta’ kandidati, jiġifieri dawk li kienu uffiċjali tal-Unjoni, dawk li kienu diġà rreklutati mas-SEAE bħala membri tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(e) tal-KIO u dawk li, bħar-rikorrent, ma kienu jaqgħu taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppreveda li l-klassifikazzjoni fi grad tal-kandidat magħżul kellha ssir, għall-uffiċjali tal-Unjoni, fil-grad li dawn ikollhom u, għall-oħrajn, jiġifieri għall-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri, fil-grad AD 5.

    47

    Minkejja li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppermetta lil uffiċjali mill-grad AD 5 sa AD 14 li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-pożizzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, li kieku l-kandidat magħżul kien uffiċjal fil-grad AD 5, dan kien jiġi kklassifikat f’dan l-istess grad. Għalhekk, l-argument tar-rikorrent li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti huwa illegali minħabba l-fatt li huwa kien jipprevedi li huma biss il-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri rreklutati f’din il-pożizzjoni li jinħatru fil-grad AD 5 ma jistax jirnexxi.

    48

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet rikjesti mill-kandidati membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri, fil-punt 2 tat-tieni grupp tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni, jiġifieri li jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu komplut ta’ studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin, issanzjonat b’diploma, jikkoinċidu mal-kundizzjoni rikjesta fl-Artikolu 5(3)(b)(i) tar-Regolamenti tal-Persunal għal ħatra fil-gradi 5 u 6 tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi (AD), kundizzjoni li hija manifestament differenti minn dik rikjesta fl-Artikolu 5(3)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal għal ħatra fil-gradi 7 sa 16 tal-istess grupp ta’ funzjonijiet.

    49

    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-livell ta’ edukazzjoni ogħla rikjest mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-kandidati membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri, jiġifieri dak previst fl-Artikolu 5(3)(b)(i) tar-Regolamenti tal-Persunal għal ħatra fil-gradi 5 u 6 tal-grupp ta’ funzjonijiet AD, kif ukoll tan-numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali minima mitlub, li kien biss ta’ sentejn, il-kandidati membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri, fosthom ir-rikorrent, ma setgħux jifhmu ħażin il-grad li kien jikkorrispondi għall-pożizzjoni li kellha timtela. Fil-fatt, kieku s-SEAE xtaq jimla l-pożizzjoni bil-grad AD 7 jew ogħla, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien jitlob il-livell ta’ edukazzjoni previst fl-Artikolu 5(3)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal u, fi kwalunkwe każ, iktar snin ta’ esperjenza professjonali.

    50

    Fit-tieni lok, it-Tribunal ma jistax jilqa’ l-argument tar-rikorrent dwar id-diskrepanza bejn ir-responsabbiltajiet mogħtija lilu, u li huwa jafferma li seta’ jwettaq biss minħabba l-esperjenza twila tiegħu fil-qasam tal-kompetenza prevista fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u l-grad AD 5 li fih huwa nħatar.

    51

    Fil-fatt, mill-qari tad-deskrizzjoni tad-dmirijiet prinċipali jirriżulta li l-kandidat magħżul ikun mistenni jwettaq, kif ipprovdut fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, dak li jikkorrispondi kompletament ma’ dak li wieħed jagħti lil uffiċjal fil-bidu tal-karriera tiegħu. B’hekk, dawn id-dmirijiet huma deskritti, f’diversi okkażjonijiet, bil-mod li ġej: “[j]ikkontribwixxi” fil-preparazzjoni ta’ dokumenti, b’kooperazzjoni mill-qrib partikolarment ma’ istituzzjonijiet oħra, Stati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali; “[j]ikkontribwixxi” fir-redazzjoni tal-leġiżlazzjoni bażika; “[j]fittex li jiżgura” l-koordinazzjoni; “[j]ipparteċipa [fi] u/jew jirrapreżenta d-Diviżjoni [‘Politika ta’ sigurtà u sanzjonijiet’]” partikolarment f’laqgħat ma’ istituzzjonijiet tal-Unjoni, Stati Membri jew pajjiżi terzi, funzjonijiet li ma jeżiġux li wieħed ikollu esperjenza twila preċedenti sabiex iwettaqhom.

    52

    Għandu jingħad ukoll li l-argument tar-rikorrent li l-funzjonijiet ta’ amministratur ikklassifikat fil-grad AD 5, kif riprodotti fil-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkorrispondu partikolarment ma’ dawk ta’ assistent ġurist, assistent ekonomist, assistent xjenzjat, li ma jaqblux mar-responsabbiltajiet li huwa jassumi waħdu, mingħajr ma jkun l-assistent ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor, ma jiħux, manifestament, inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li jidhru fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li jindika, bħala wieħed mid-dmirijiet prinċipali, dak li “[j]ipprepara aġġornamenti, noti u dokumenti oħra […] intiżi għall-uffiċjali diriġenti jew tal-livell politiku”.

    53

    Fit-tielet lok, lanqas ma jistgħu jirnexxu l-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tat-teżi tiegħu li huwa kellu jiġi kklassifikat fi grad ogħla, jiġifieri, l-ewwel nett, li l-pożizzjoni li huwa kien jokkupa bħala espert nazzjonali kkollokat tqieset bħala “sensittiva” fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-pożizzjoni tiegħu minħabba l-kapaċitajiet partikolari meħtieġa, filwaqt li l-funzjonijiet tiegħu baqgħu strettament identiċi meta huwa nħatar bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 5; it-tieni nett, li f’Diċembru 2012 din id-deskrizzjoni ta’ pożizzjoni kienet tikkoinċidi ma’ dawk taż-żewġ membri l-oħra tal-istess tim, li kienu uffiċjali, wieħed ikklassifikat fil-grad AD 12 u l-ieħor fil-grad AD 13; u, it-tielet nett, li huwa ġie rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju u kklassifikat fil-grad AD 5, meta l-preċedessur tiegħu kien uffiċjal fil-grad AD 13.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni timplika paragun bejn il-funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċjal jew il-membru tal-persunal u l-grad tiegħu fil-ġerarkija, fid-dawl tan-natura tagħhom, tal-importanza tagħhom u tal-portata tagħhom (sentenza Michail vs Il-Kummissjoni, F‑100/09, EU:F:2011:132, punt 65). Fil-każ ineżami, mill-punti 48, 51 u 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li kemm id-dmirijiet kif deskritti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kif ukoll il-kundizzjoni dwar il-livell tal-edukazzjoni rikjest għall-pożizzjoni li għandha timtela huma ekwivalenti, tal-ewwel, għad-dmirijiet tipikament mogħtija lil uffiċjali u membri tal-persunal fil-grad AD 5 u, tat-tieni, għal-livell tal-edukazzjoni minimu neċessarju għall-ħatra ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal għal dan il-grad.

    55

    Fir-rigward tal-ewwel argument tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li minn sempliċi paragun bejn l-enumerazzjoni tal-funzjonijiet li kellhom jiġu eżerċitati mill-membru tal-persunal temporanju tal-grad AD 5 li jiġi rreklutat, kif tirriżulta mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u dik li tidher fid-deskrizzjoni li tikkorrispondi għall-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent meta kien espert nazzjonali kkollokat, jirriżulta li dan l-argument huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, l-ewwel grupp ta’ funzjonijiet li jidhru fid-deskrizzjoni tal-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent bħala espert nazzjonali kkollokat ma jidhirx fid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tar-raba’ u l-ħames dmirijiet tat-tielet grupp ta’ funzjonijiet li jinsabu fid-deskrizzjoni tal-pożizzjoni hawn fuq imsemmija, kif ukoll fir-rigward tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ dmirijiet tar-raba’ grupp ta’ funzjonijiet li jinsabu fid-deskrizzjoni tal-pożizzjoni hawn fuq imsemmija.

    56

    Fir-rigward tat-tieni argument tar-rikorrent, li huwa bbażat fuq id-deskrizzjonijiet tal-pożizzjoni taż-żewġ membri tat-tim tiegħu, żewġ uffiċjali, ikklassifikati wieħed fil-grad AD 12 u l-ieħor fil-grad AD 13, għandu jiġi rrilevat li d-dmirijiet li jidhru fihom jikkoinċidu sewwa mal-enumerazzjoni tal-funzjonijiet tal‑pożizzjoni ta’ espert nazzjonali kkollokat li r-rikorrent kien jokkupa, iżda huma sostanzjalment differenti minn dawk elenkati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

    57

    Fir-rigward tat-tielet argument tar-rikorrent, anki jekk jitqies li huwa ġie rreklutat f’pożizzjoni li qabel kienet okkupata minn uffiċjal fil-grad AD 13, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata, li kklassifikat lir-rikorrent fil-grad bażiku tal-grupp tal-funzjonijiet AD skont l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li għaliha huwa applika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BV vs Il-Kummissjoni, F‑133/11, EU:F:2013:199, punti 64 sa 67).

    58

    Fi kwalunkwe każ, il-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent bħala espert nazzjonali kkollokat mas-SEAE, qabel ma ġie rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju tas-SEAE, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ paragun mal-funzjonijiet eżerċitati fil-pożizzjoni li huwa jokkupa skont il-kuntratt ta’ reklutaġġ inkwistjoni, peress li, bħala espert nazzjonali kkollokat, ir-rikorrent ma setax jipprevalixxi ruħu minn klassifikazzjoni fi grad skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

    59

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, huma wkoll iddestinati li ma jirnexxux l-argumenti tar-rikorrent insostenn tal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-premessa li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppermetta li ssir applikazzjoni minn uffiċjali kklassifikati f’firxa ta’ gradi bejn il-grad AD 5 u l-grad AD 14 u, it-tieni wieħed, fuq il-premessa li uffiċjali li jaħdmu jew li kienu ħadmu fl-istess servizz bħar-rikorrent u li preżumibbilment wettqu l-istess funzjonijiet ġew ikklassifikati fi grad ogħla minn dak li fih huwa ġie kklassifikat.

    60

    Fil-fatt, sa mill-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal li saret fl-1 ta’ Mejju 2004, bl-eċċezzjoni tal-gradi AD 15 u AD 16, irriżervati għall-pożizzjonijiet ta’ direttur u/jew ta’ direttur ġenerali, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxux korrispondenza bejn il-funzjonijiet eżerċitati u l-grad partikolari, iżda jippermettu d-dissoċjazzjoni bejn il-grad u l-funzjoni (sentenza Bouillez et vs Il-Kunsill, F‑53/08, EU:F:2010:37, punt 54), bil-konsegwenza li l-uffiċjali li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet AD isegwu karriera lineari, li tista’ titla’ mill-grad AD 5 sal-grad AD 14, bil-promozzjoni.

    61

    Fil-każ ineżami, peress li d-deskrizzjoni tad-dmirijiet, ipprovduta fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li jikkorrispondu għal funzjonijiet ta’ ppjanar u ta’ studju, funzjonijiet li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, huma eżerċitati mill-persunal tal-grupp ta’ funzjonijiet AD mill-grad AD 5 ’il fuq, l-avviż għal pożizzjoni vakanti kien korrett meta ppreveda li l-uffiċjali setgħu japplikaw għall-pożizzjoni inkwistjoni mill-grad AD 5 u sal-grad AD 14 u li l-kandidat magħżul kellu jinħatar fil-grad tiegħu.

    62

    Diġà ġie deċiż li funzjonijiet identiċi jew simili jistgħu jiġu eżerċitati minn persuni fi gradi differenti, kif jirriżulta mill-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi, fir-rigward tal-parti l-kbira tal-funzjonjiet elenkati fih, li dawn jistgħu jiġu eżerċitati minn uffiċjali fi gradi differenti. B’hekk, ir-regola tal-korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni tinkiser biss jekk il-funzjonijiet eżeċitati jkunu, fit-totalità tagħhom, ferm lil hinn minn dawk li jikkorrispondu għall-grad u l-pożizzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenza Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑88/09 u F‑48/10, EU:F:2012:171, punt 138, suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑88/13 P). Din il-ġurisprudenza, intiża għall-uffiċjali, hija applikabbli wkoll għall-membri tal-persunal temporanju.

    63

    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-klassifikazzjoni tiegħu għall-grad AD 5 hija konsegwenza ta’ eżiġenzi baġitarji, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mill-proċess ma jirriżultax li s-SEAE bbaża ruħu fuq tali raġunijiet meta ddeċieda li l-pożizzjoni li għandha timtela, suġġett tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, hija tal-grad AD 5.

    64

    Minn dan isegwi li r-rikorrent baqa’ ma weriex l-inadegwatezza bejn il-grad AD 5 u l-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jew li l-pożizzjoni li huwa jokkupa ma tikkorrispondix għall-grad li fih huwa ġie kklassifikat, peress li, f’dan ir-rigward, huwa sempliċement ressaq affermazzjonijiet sempliċi dwar ir-responsabbiltajiet li huwa jeżerċita u dwar il-grad miżmum minn xi wħud mill-uffiċjali kollegi tiegħu.

    65

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 6(7) tad-Deċiżjoni 2010/427

    66

    Ir-rikorrent jinvoka l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6(7) tad-Deċiżjoni 2010/427 sabiex jasserixxi l-ugwaljanza fit-trattament bejn membri tal-persunal temporanju u uffiċjali. F’dan il-każ, mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jirriżulta li, fil-pożizzjoni li għaliha r-rikorrent inħatar, il-membri tal-persunal temporanju li joriġinaw mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri setgħu jiġu rreklutati biss fil-grad AD 5, filwaqt li, fir-rigward tal-uffiċjali, dawn setgħu jinħatru fi grad bejn il-grad AD 5 u l-grad AD 14.

    67

    Ir-rikorrent huwa tal-fehma li tali differenza fil-klassifikazzjoni sabiex jiġu eżerċitati l-istess funzjonijiet ma tirriflettix ir-rekwiżit ta’ aċċess għall-pożizzjonijiet f’kundizzjonijiet ekwivalenti stipulat fl-Artikolu 6(7) tad‑Deċiżjoni 2010/427. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-firxa ta’ gradi proposti għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tippermettilhom li jżommu u jeżerċitaw l-anzjanità tagħhom filwaqt li l-membri tal-persunal li jappartjenu għas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri huma pprojbiti milli jipprevalixxu ruħhom mill-esperjenza tagħhom, u dan iwassal għal inugwaljanza fit-trattament minħabba l-oriġini tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ u tal-pożizzjoni tal-impjieg, minkejja li dawn huma lkoll suġġetti għal proċedura ta’ selezzjoni komuni.

    68

    Dawn l-argumenti tar-rikorrent ma jistgħux jirnexxu.

    69

    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni japplika biss għal persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi jew paragunabbli u jeħtieġ, inter alia, li d-differenzi fit-trattament bejn kategoriji differenti ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal temporanju jkunu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u li din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex minn din id-differenzazzjoni (sentenza Afari vs BĊE, T‑11/03, EU:T:2004:77, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkunux essenzjalment differenti minn xulxin jingħataw trattament differenti u meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku (sentenza Schönberger vs Il-Parlament, F‑7/08, EU:F:2009:10, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    F’dan il-każ, huwa veru li, skont l-Artikolu 6(7) tad-Deċiżjoni 2010/427, l-uffiċjali tal-Unjoni u l-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri għandhom l-istess drittijiet u obbligi u jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament, partikolarment f’termini ta’ aċċess għall-pożizzjonijiet kollha f’kundizzjonijiet ekwivalenti.

    71

    Mill-kliem tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jirriżulta li kemm il-lista tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni previsti kif ukoll il-kriterji ta’ selezzjoni kienu l-istess għall-uffiċjali tal-Unjoni u għall-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri, bl-unika differenza tkun li dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet marbuta man-nazzjonalità u mal-livell ta’ edukazzjoni li l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AD huma mistennija li jissodisfaw meta jiġu rreklutati. Għalhekk, hemm lok li jiġi affermat li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma stabbilixxiex distinzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-pożizzjoni skont l-oriġini tal-kandidati.

    72

    Fir-rigward tal-grad ta’ klassifikazzjoni, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li, li kieku l-kandidat magħżul kien uffiċjal fil-grad AD 5 huwa kien jiġi ttrasferit u kien iżomm dan l-istess grad, li huwa dak li fih ir-rikorrent ġie kklassifikat bħala membru tal-persunal temporanju. Għalhekk, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jistabbilixxix differenza fir-rigward tal-klassifikazzjoni fil-grad bażiku tal-grupp ta’ funzjonijiet AD skont jekk il‑kandidat magħżul kienx uffiċjal tal-Unjoni jew membru tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri.

    73

    Madankollu, ir-rikorrent iqis li huwa safa vittma ta’ diskriminazzjoni minħabba l-fatt li uffiċjal fi grad ogħla mill-grad AD 5 kien iżomm il-grad tiegħu kieku nħatar fil-pożizzjoni prevista fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, filwaqt li, bi klassifikazzjoni għall-membri tal-persunal temporanju li setgħet issir biss fil-grad AD 5, huwa ġie pprojbit milli jinvoka l-anzjanità tiegħu.

    74

    Dan l-argument huwa ddestinat li jfalli, peress li l-uffiċjali tal-Unjoni u l-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri li huma kkollokati mas-SEAE ma humiex, mill-perspettiva tal-qafas li fih il-karriera tagħhom hija mistennija tiżvolġi, jew mill-mod li bih l-amministrazzjoni ta’ oriġini tagħhom tevalwa l-anzjanità tagħhom, f’sitwazzjoni identika jew simili.

    75

    Fil-fatt, minn naħa, il-membri tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tas-SEAE, li setgħu japplikaw għall-pożizzjoni prevista fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kemm-il darba kienu jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ klassifikazzjoni fi grad, kienu uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AD, li, bħala tali, huma maħsuba li jkomplu l-karriera tagħhom fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, billi jwettqu b’mod partikolari funzjonijiet ta’ ppjanar u ta’ studju, mill-grad AD 5 sal-grad AD 14.

    76

    Diversament, mill-Artikolu 50b tal-KIO jirriżulta li l-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri, anki jekk dawn huma rreklutati bħala membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(e) tal-KIO, huma mistennija li jkomplu, sussegwentement, il-karriera tagħhom mal-amministrazzjoni ta’ oriġini tagħhom, peress li dawn jistgħu jiġu rreklutati mis-SEAE biss għal perijodu massimu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded darba waħda biss għal perijodu massimu ieħor ta’ erba’ snin, b’possibbiltà eċċezzjonali ta’ proroga addizzjonali tal-kuntratt ta’ sentejn, li jfisser, b’kollox, kollokament massimu ta’ għaxar snin b’garanzija ta’ reintegrazzjoni immedjata min-naħa tal-Istati Membri fit-tmiem tal-perijodu ta’ attività tagħhom mas-SEAE.

    77

    Min-naħa l-oħra, meta dawn jeżerċitaw il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tagħhom sabiex jiddeċiedu l-korrispondenza bejn il-pożizzjonijiet u l-gradi, filwaqt li jqisu l-importanza tad-dmirijiet mogħtija lill-funzjonijiet inkwistjoni u fid-dawl biss tal-interess tas-servizz, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, funzjonijiet identiċi jew simili jistgħu jiġu eżerċitati minn persuni ta’ gradi differenti, kif jirriżulta mill-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi, għall-parti l-kbira tal-funzjonijiet hemm elenkati, li dawn jistgħu jiġu eżerċitati minn uffiċjali fi gradi differenti.

    78

    Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent innifsu jirriżulta li, għall-proċedura ta’ promozzjoni 2013, 15-il uffiċjal tas-SEAE setgħu jiġu promossi għall-grad AD 6; 18-il uffiċjal setgħu jiġu promossi għall-grad AD 7; 15-il uffiċjal setgħu jiġu promossi għall-grad AD 8; 26 uffiċjal setgħu jiġu promossi għall-grad AD 9 u l-istess numru ta’ uffiċjali setgħu jiġu promossi għall-grad AD 10; 47 uffiċjal setgħu jiġu promossi għall-grad AD 11; 33 uffiċjal setgħu jiġu promossi għall-grad AD 12; 130 uffiċjal setgħu jiġu promossi għall-grad AD 13 u 102 uffiċjal setgħu jiġu promossi għall-grad AD 14. Jekk stess huwa veru li dawn iċ-ċifri ma jikkoinċidux eżattament man-numru ta’ uffiċjali tas-SEAE kklassifikati f’kull grad, peress li xi wħud minn dawn l-uffiċjali ma setgħux jiġu promossi matul l-imsemmija proċedura ta’ promozzjoni, dawn madankollu jipprovaw suffiċjentement skont il-liġi li, li kieku l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti llimita għall-uffiċjali tas-SEAE fil-grad AD 5 l-possibbiltà li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-pożizzjoni li għandha timtela, kważi l-uffiċjali kollha tas-SEAE kienu jiġu esklużi mill-proċedura ta’ selezzjoni, u dan fid-dawl tal-grad għoli li fih l-uffiċjali kollha huma kklassifikati.

    79

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa legalment korrett, u mingħajr ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward kemm tal-aċċess għall-pożizzjoni f’kundizzjonijiet ekwivalenti bejn l-uffiċjali tal-Unjoni u l-membri tal-persunal tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll tal-klassifikazzjoni fi grad tal-kandidat magħżul, li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti seta’ jipprevedi li r-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju jsir fil-grad AD 5 filwaqt li jipprevedi li uffiċjal tal-Unjoni kklassifikat mill-grad AD 5 sal-grad AD 14 jinħatar fil-grad tiegħu.

    80

    Konsegwentement, it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, kif ukoll ksur tal-Artikolu 6(7) tad-Deċiżjoni 2010/427, għandha wkoll tiġi miċħuda.

    81

    Mill-premess jirriżulta li l-motiv uniku bbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti huwa, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

    82

    Minn dan isegwi li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq it-talbiet għad-danni

    83

    Ir-rikorrent iqis li huwa safa vittma ta’ dannu materjali u morali. L-ewwel wieħed jirriżulta mill-fatt li r-remunerazzjoni tiegħu hija direttament marbuta mal-grad tiegħu: kieku ġie kklassifikat, pereżempju, fil-grad AD 12, huwa kien ikollu dritt għad-doppju tas-salarju li huwa jipperċepixxi. Bl-istess mod, il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad AD 5 hija ta’ natura li jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq il-perspettivi tal-karriera tiegħu fi ħdan is-SEAE, partikolarment fir-rigward tal-mobbiltà tiegħu, peress li l-possibbiltajiet tiegħu huma limitati għal pożizzjonijiet oħra tal-istess grad, u dan minkejja l-esperjenza tiegħu li tippermettilu li japplika għal pożizzjonijiet fi grad ferm ogħla.

    84

    Finalment, il-klassifikazzjoni għall-grad AD 5 kkawżat dannu morali lir-rikorrent fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li huwa kellu dritt li jkollu fil-konfront tal-persuna li timpjegah, ladarba huwa kien għażel volontarjament li jibqa’ mifrud mill-amministrazzjoni nazzjonali ta’ oriġini tiegħu sabiex jibqa’ jaħdem mas-SEAE.

    85

    Skont ġurisrpudenza stabbilita, meta d-dannu li rikorrent jinvoka joriġina mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ talbiet għal annullament, iċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet għal annullament iwasslu, bħala prinċipju, għaċ-ċaħda tat-talbiet għad-danni, peress li dawn tal-aħħar huma marbuta mill-qrib magħhom (sentenza Arguelles Arias vs Il-Kunsill, F‑122/12, EU:F:2013:185, punt 127).

    86

    Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li d-dannu materjali u morali li r-rikorrent jinvoka joriġina fl-aġir deċiżjonali tas-SEAE, li kklassifikah fil-grad AD 5, b’mod kuntrarju għax-xewqat u l-aspettattivi tar-rikorrent. Issa, ladarba t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni kkontestata ġew miċħuda mingħajr ma t-Tribunal ikkonstata irregolarità fl-aġir deċiżjonali tas-SEAE, it-talbiet għad-danni tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda.

    87

    Minn dan kollu premess jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    88

    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fin-nuqqas ta’ talbiet dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    89

    Is-SEAE, regolarment imħarrek, ma ppreżentax risposta u ma għamilx talbiet dwar l-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU(It-Tieni Awla)

    jaqta’ u jiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Bradley

    Kreppel

    Rofes i Pujol

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Mejju 2015.

    Reġistratur

    W. Hakenberg

    Il-President

    K. Bradley


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top