EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0505

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Novembru 2015.
Klausner Holz Niedersachsen GmbH vs Land Nordrhein-Westfalen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Münster.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE – Deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tistabbilixxi l-validità tal-kuntratt li jagħti din l-għajnuna – Awtorità ta’ res judicata – Interpretazzjoni konformi – Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C-505/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:742

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE — Deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tistabbilixxi l-validità tal-kuntratt li jagħti din l-għajnuna — Awtorità ta’ res judicata — Interpretazzjoni konformi — Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑505/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Münster (qorti reġjonali ta’ Münster, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Klausner Holz Niedersachsen GmbH

vs

Land Nordrhein-Westfalen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur), C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Klausner Holz Niedersachsen GmbH, minn D. Reich, avukat,

għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn G. Schwendinger, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Sauer, T. Maxian Rusche u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE u tal-prinċipju ta’ effettività.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Klausner Holz Niedersachsen GmbH (iktar ’il quddiem “Klausner Holz”) u l-Land Nordrhein-Westfalen (Land ta’ Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-“Land”), dwar nuqqas ta’ eżekuzzjoni, min-naħa tal-Land, ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ njam konklużi ma’ Klausner Holz.

Id-dritt Ġermaniż

3

L-Artikolu 322(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), intitolat “Awtorità materjali ta’ res judicata”, jaqra kif ġej:

“Is-sentenzi jistgħu jibbenefikaw mill-awtorità ta’ res judicata biss sa fejn tkun ingħatat deċiżjoni fuq it-talba mressqa fit-talba ġudizzjarja jew f’kontrotalba.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4

Fl-20 ta’ Frar 2007, il-grupp Klausner, li Klausner Holz tifforma parti minnu, u l-amministrazzjoni tal-foresti tal-Land ikkonkludew kuntratt ta’ provvista ta’ njam. Skont dan il-kuntratt, il-Land obbliga ruħu li jbigħ lil Klausner Holz kwantitajiet fissi ta’ njam, matul is-snin 2007 sa 2014, bi prezzijiet iddeterminati minn qabel skont id-daqs u l-kwalità tal-injam. Barra minn hekk, il-Land obbliga ruħu li ma jwettaqx bejgħ ieħor bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk iffissati fil-kuntratt.

5

Fis-17 ta’ April 2007, Klausner Holz u l-Land ikkonkludew “kuntratt qafas ta’ bejgħ” li ssupplimenta l-kuntratt tal-20 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kuntratti inkwistjoni”).

6

Matul l-ewwel sitt xhur tal-istess sena, il-Land ikkonkluda wkoll, ma’ sitt xerrejja kbar oħra ta’ njam artab, kuntratti ta’ provvista ta’ njam għal perijodi mill-2007 sal-2011 jew sal-2012, skont il-każ, jew, f’każ wieħed, sal-2014. Skont dawn il-kuntratti, il-prezzijiet miftiehma għall-injam imwaqqa’ bir-riħ ipprovdut matul is-snin 2007 u 2008 kienu simili għal dawk iffissati fil-kuntratti inkwistjoni, filwaqt li l-prezzijiet għall-injam frisk ipprovdut mis-sena 2009 ’l quddiem kienu ġeneralment ogħla mill-prezzijiet iffissati fil-kuntratti inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-possibbiltà ta’ aġġustament ta’ dawn il-prezzijiet taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti limiti.

7

Matul is-snin 2007 u 2008, il-Land wettaq provvisti ta’ njam lil Klausner Holz, iżda l-kwantitajiet previsti ta’ xiri ta’ njam imwaqqa’ bir-riħ ma ntlaħqux. Matul is-sena 2008, Klausner Holz affaċċjat diffikultajiet finanzjarji, li kultant wasslu għal dewmien fil-ħlasijiet. F’Awwissu 2009, il-Land xolja l-“kuntratt qafas ta’ bejgħ” li ssupplimenta l-kuntratt tal-20 ta’ Frar 2007 u, mit-tieni sitt xhur ta’ dik is-sena, waqaf jipprovdi l-injam lil Klausner Holz skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratti inkwistjoni.

8

Permezz ta’ deċiżjoni dikjaratorja tas-17 ta’ Frar 2012, il-Landgericht Münster (qorti reġjonali ta’ Münster) ikkonstata li l-kuntratti inkwistjoni kienu għadhom fis-seħħ. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm), fuq appell, permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2012, li llum għandha l-awtorità ta’ res judicata.

9

Għalhekk Klausner Holz ippreżentat rikors kontra l-Land quddiem il-qorti tar-rinviju, intiż, l-ewwel nett, għall-ħlas ta’ danni minħabba n-nuqqas ta’ provvista ta’ njam matul is-sena 2009, li jammontaw għal madwar EUR 54 miljun, it-tieni nett, għall-provvista ta’ madwar 1.5 miljun metru kubu ta’ njam tal-arżnu b’eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni għall-perijodu bejn is-sena 2010 u x-xahar ta’ Frar 2013 kif ukoll, it-tielet nett, għall-kisba ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji li taħthom il-ħames l-ikbar xerrejja ta’ njam artab akkwistaw injam tal-arżnu maqtugħ mingħand il-Land matul il-perijodu mis-sena 2010 sas-sena 2013.

10

Min-naħa tiegħu, il-Land isostni quddiem il-qorti tar-rinviju, ħaġa li ma għamilx quddiem l-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm), li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, sa fejn dawn tal-aħħar jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, implementati bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.

11

F’Lulju 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni Ewropea bl-eżistenza ta’ għajnuna mhux innotifikata, jiġifieri l-kuntratti inkwistjoni, li, fl-opinjoni ta’ dan l-Istat Membru, kienet inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, f’Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet ilmenti mingħand diversi kompetituri ta’ Klausner Holz li kienu jinkludu l-istess oġġezzjonijiet ta’ inkompatibbiltà.

12

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Mejju 2014, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Kummissjoni talba għal kjarifiki bbażata fuq l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1). B’risposta għal din l-ittra, l-imsemmija istituzzjoni spjegat li, fid-dawl tal-istadju tal-proċeduri mibdija wara l-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-ilmenti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifformula pożizzjoni definittiva fuq l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, liema pożizzjoni kellha fi kwalunkwe każ tiġi rriżervata għad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċeduri.

13

Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis, abbażi ta’ eżami tad-diversi klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni, li dawn tal-aħħar tabilħaqq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba, b’mod partikolari, il-vantaġġ li jagħtu lil Klausner Holz permezz ta’ riżorsi tal-Istat u n-nuqqas ta’ osservanza tat-test ta’ bejjiegħ privat. Barra minn hekk, hija tosserva li din l-għajnuna ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ebda regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija u li ma tikkostitwixxix għajnuna de minimis, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, p. 5).

14

Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, din l-għajnuna ġiet implementata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Issa skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja), kuntratt irregolat mid-dritt privat li jagħti għajnuna mill-Istat bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandu jitqies li huwa null u bla effett.

15

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija prekluża milli tislet il-konsegwenzi tal-ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE minħabba d-deċiżjoni dikjaratorja tal-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm), tat-3 ta’ Diċembru 2012, imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li permezz tagħha ġie kkonstatat li l-kuntratti inkwistjoni kienu għadhom fis-seħħ.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Münster (qorti reġjonali ta’ Münster) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali intiża li tistabbilixxi l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata timpedixxi lill-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat li l-kuntratti li jkunu s-suġġett tat-tilwima pendenti quddiemha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, implementata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, milli tislet il-konsegwenzi kollha ta’ dan il-ksur, minħabba deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, li tkun saret definittiva, li, mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni jekk dawn il-kuntratti jistabbilixxux għajnuna mill-Istat, ikkonstatat li huma għandhom jibqgħu fis-seħħ.

18

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġdida (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

L-għan tal-kontroll organizzat b’dan il-mod huwa li tkun biss l-għajnuna kompatibbli li tiġi implementata. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-implementazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna għandha tiġi ddifferita sakemm id-dubju dwar il-kompatibbiltà tiegħu jitneħħa permezz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

L-implementazzjoni ta’ din is-sistema ta’ kontroll hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali, u r-rwoli rispettivi tagħhom huma komplementari iżda distinti (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ eventwali ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Jistgħu għalhekk jitressqu tilwimiet quddiem il-qrati nazzjonali li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari sabiex jiddeterminaw jekk miżura statali stabbilita mingħajr ma tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni l-proċedura ta’ kontroll minn qabel tal-Artikolu 108(3) TFUE għandhiex tkun suġġetta għal din il-proċedura jew le (ara, f’dan is-sens is-sentenza Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C‑354/90, EU:C:1991:440, punti 910 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

L-intervent tal-qrati nazzjonali huwa r-riżultat tal-effett dirett irrikonoxxut tal-projbizzjoni tal-implementazzjoni ta’ proġetti tal-għajnuna stabbilita mit-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-applikabbiltà immedjata tal-projbizzjoni tal-implementazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni testendi għal kull għajnuna li tkun ġiet implementata mingħajr ma ġiet innotifikata (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Il-qrati nazzjonali għandhom għalhekk jiggarantixxu lill-individwi li ser jinsiltu l-konsegwenzi kollha minn ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, fir-rigward kemm tal-validità tal-atti ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ eventwali miżuri provviżorji (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Konsegwentement, l-għan tal-funzjoni tal-qrati nazzjonali huwa li jadottaw il-miżuri xierqa sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità tal-implementazzjoni tal-għajnuna, sabiex il-benefiċjarju ma jibqax ikollu din l-għajnuna għad-dispożizzjoni libera tiegħu matul iż-żmien li jkun għad baqa’ sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għal dan il-għan, meta jikkonstataw li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, li tkun ġiet implementata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-qrati nazzjonali jistgħu jiddeċiedu jew li jissospendu l-implementazzjoni ta’ din il-miżura u li jordnaw l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa, li jordnaw miżuri provviżorji sabiex jissalvagwardaw, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 43, u d-digriet Flughafen Lübeck, C‑27/13, EU:C:2014:240, punt 26).

27

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, konformement mal-funzjoni hekk mogħtija lilha, ikkonstatat li l-kuntratti inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, li ġiet implementata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Madankollu, hija kkunsidrat li hija prekluża milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tislet il-konsegwenzi kollha ta’ dan il-ksur, minħabba l-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjoni dikjaratorja tal-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm) li tikkonferma li l-kuntratti inkwistjoni kienu għadhom fis-seħħ.

28

F’dan ir-rigward, mill-proċess li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li t-tilwima li kienet wasslet għal din id-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm) la prinċipalment u lanqas inċidentalment ma kienet tirrigwarda n-natura ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-kuntratti inkwistjoni, b’mod li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din il-kwistjoni ma ġietx eżaminata mill-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm), u lanqas ma ġiet eżaminata mil-Landgericht Münster (qorti reġjonali ta’ Münster), meta ddeċidiet fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-istess tilwima.

29

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li s-suġġett tat-tilwima li wasslet għas-sentenza dikjaratorja tal-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm) kien biss li jiġi ddikjarat li l-kuntratti inkwistjoni kienu għadhom fis-seħħ, minkejja x-xoljiment tagħhom mil-Land. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwarda, l-ewwel nett, il-ħlas ta’ danni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ parti minn dawn il-kuntratti, it-tieni nett, l-eżekuzzjoni ta’ parti oħra minnhom u, it-tielet nett, il-kisba ta’ ċerta informazzjoni, b’mod partikolari, dwar il-prezzijiet applikati fis-settur.

30

Filwaqt li taċċetta li jeżistu ċerti limiti oġġettivi, suġġettivi u ratione temporis kif ukoll ċerti eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, kif konċepit fid-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li dan id-dritt jipprekludi mhux biss l-eżami mill-ġdid, fit-tieni tilwima, tal-motivi li diġà ġew espressament deċiżi b’mod definittiv, iżda wkoll li jiġu ttrattati kwistjonijiet li setgħu tqajmu fil-kuntest ta’ tilwima preċedenti u li ma tqajmux.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, b’mod li l-applikazzjoni tagħhom tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 60).

32

Ċertament, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100, u Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39).

33

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li hija affaċċjata b’tali limitu, meta tenfasizza li d-dritt nazzjonali ma joffrilha “ebda […] possibbiltà li tipprekludi l-eżekuzzjoni [tal-kuntratti inkwistjoni]”.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan li dan tal-aħħar ifittex li jilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fuq din il-bażi, jekk hija tistax tasal għal tali interpretazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, minn naħa, l-elementi msemmija fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 31) u, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li minnha jirriżulta li, sabiex jisiltu l-konsegwenzi ta’ ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-qrati nazzjonali jistgħu, jekk ikun il-każ, jordnaw miżuri provviżorji. F’dan il-każ, hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-possibbiltà li tordna miżura bħas-sospensjoni temporanja tal-kuntratti inkwistjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura, ħaġa li tista’ tippermetti lil din il-qorti tosserva l-obbligi tagħha taħt it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE mingħajr madankollu ma tiddeċiedi fuq il-validità tal-kuntratti inkwistjoni.

36

Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, ibbażati fuq id-dritt proċedurali ċivili Ġermaniż, ma kinux applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 322(1) taz-ZPO, sentenza jkollha biss l-awtorità materjali ta’ res judicata sa fejn tkun ingħatat deċiżjoni fuq it-talba mressqa fit-talba ġudizzjarja jew f’kontrotalba. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk tali limitu, imsemmi espressament mill-Artikolu 322 taz-ZPO, ma jawtorizzahiex tinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li, meta jiġi invokat ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għat-talbiet legali li fuqhom tkun iddeċidiet il-qorti u, għaldaqstant, ma tipprekludix li qorti tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ tilwima sussegwenti, fuq punti ta’ liġi li fuqhom din id-deċiżjoni definittiva ma ppronunzjatx ruħha.

37

Fil-fatt, miżura, bħal dik prevista fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jew interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ma jkollhomx il-konsegwenza li jqiegħdu fid-dubju l-awtorità ta’ res judicata definittivament marbuta mad-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm).

38

Fil-każ li tali miżura jew tali interpretazzjoni madankollu ma jkunux possibbli, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jitqiegħdu iktar fid-dubju d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti d-drittijiet ta’ appell disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn id-drittijiet (ara s-sentenzi Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 22 u Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 28).

39

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali fil-każijiet kollha l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rrimedjat ksur tad-dritt tal-Unjoni mid-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi Kapferer, C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 22; Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, C:2009:506, punt 23; Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Slovakka, C‑507/08, EU:C:2010:802, punt 60; Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 59; u Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 29).

40

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 24, u Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 27, u Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 3637 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konsegwenza ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif deskritta fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, tista’ tkun, b’mod partikolari, li jingħataw effetti lil deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, f’dan il-każ l-Oberlandesgericht Hamm (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamm), li f’dan il-każ jimpedixxu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tirrendi impossibbli l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiggarantixxu l-osservanza tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.

43

Fil-fatt, minn dan jirriżulta li kemm l-awtoritajiet statali kif ukoll il-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu jevadu l-projbizzjoni stabbilita mit-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, billi jiksbu, mingħajr ma jinvokaw id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni dikjaratorja li l-effett tagħha, fl-aħħar mill-aħħar, jippermettilhom ikomplu jimplementaw l-għajnuna inkwistjoni matul diversi snin. Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jirrepeti ruħu għal kull provvista ġdida ta’ njam, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi rrimedjat.

44

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ ċċaħħad mill-effettività l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li tevalwa, filwaqt li tkun suġġetta għal stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni, il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern. Fil-fatt, fil-każ li l-Kummissjoni, li lilha fil-frattemp ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat il-miżura ta’ għajnuna li jikkostitwixxu l-kuntratti inkwistjoni, kellha tikkonkludi li din il-miżura hija inkompatibbli mas-suq intern u tordna l-irkupru tagħha, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha tkun iddestinata li tfalli jekk kontriha tkun tista’ tiġi inforzata deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, li tiddikjara li l-kuntratti li jinkludu din l-għajnuna huma “fis-seħħ”.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li regola nazzjonali li timpedixxi lill-qorti nazzjonali milli tislet il-konsegwenzi kollha tal-ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE minħabba deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li jkollha l-awtorità ta’ res judicata u li tingħata fir-rigward ta’ tilwima li ma għandhiex l-istess suġġett u li ma kinitx tirrigwarda n-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-kuntratti inkwistjoni, għandha titqies li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, ostakolu ta’ tali portata għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tar-regoli fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ma jistax jiġi raġonevolment iġġustifikat mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenzi Fallimento Olimpiclub, EU:C:2009:506, punt 31, u Ferreira da Silva e Britto, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 59).

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali intiża li tistabbilixxi l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata timpedixxi lill-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat li l-kuntratti li jkunu s-suġġett tat-tilwima pendenti quddiemha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, implementata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, milli tislet il-konsegwenzi kollha ta’ dan il-ksur, minħabba deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, li tkun saret definittiva, li, mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni jekk dawn il-kuntratti jistabbilixxux għajnuna mill-Istat, ikkonstatat li huma għandhom jibqgħu fis-seħħ.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali intiża li tistabbilixxi l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata timpedixxi lill-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat li l-kuntratti li jkunu s-suġġett tat-tilwima pendenti quddiemha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, implementata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, milli tislet il-konsegwenzi kollha ta’ dan il-ksur, minħabba deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, li tkun saret definittiva, li, mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni jekk dawn il-kuntratti jistabbilixxux għajnuna mill-Istat, ikkonstatat li huma għandhom jibqgħu fis-seħħ.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top