Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.
Dokument 62014CJ0492
Judgment of the Court (Second Chamber) of 29 September 2016.#Essent Belgium NV v Vlaams Gewest and Others.#Request for a preliminary ruling from the Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel.#Reference for a preliminary ruling — Regional legislation requiring the distribution, through the systems located in the region concerned, of electricity produced from renewable energy sources to be free of charge — Different treatment depending on the origin of the green electricity — Articles 28 EC and 30 EC — Free movement of goods — Directive 2001/77/EC — Articles 3 and 4 — National support mechanisms for the production of green energy — Directive 2003/54/EC — Articles 3 and 20 — Directive 96/92/EC — Articles 3 and 16 — Internal market in electricity — Access to distribution systems on non-discriminatory tariff conditions — Public service obligations — Lack of proportionality.#Case C-492/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2016.
Essent Belgium NV vs Vlaams Gewest et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjonijiet reġjonali li jimponu d-distribuzzjoni bla ħlas, fin-netwerks li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat, tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu – Distinzjoni skont l-oriġini tal-elettriku aħdar – Artikoli 28 u 30 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Direttiva 2001/77/KE – Artikoli 3 u 4 – Mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra – Direttiva 2003/54/KE – Artikoli 3 u 20 – Direttiva 96/92/KE – Artikoli 3 u 16 – Suq intern tal-elettriku – Aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni b’kundizzjonijiet tariffarji nondiskriminatorji – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Nuqqas ta’ proporzjonalità.
Kawża C-492/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2016.
Essent Belgium NV vs Vlaams Gewest et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjonijiet reġjonali li jimponu d-distribuzzjoni bla ħlas, fin-netwerks li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat, tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu – Distinzjoni skont l-oriġini tal-elettriku aħdar – Artikoli 28 u 30 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Direttiva 2001/77/KE – Artikoli 3 u 4 – Mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra – Direttiva 2003/54/KE – Artikoli 3 u 20 – Direttiva 96/92/KE – Artikoli 3 u 16 – Suq intern tal-elettriku – Aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni b’kundizzjonijiet tariffarji nondiskriminatorji – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Nuqqas ta’ proporzjonalità.
Kawża C-492/14.
Sammlung der Rechtsprechung – allgemein
ECLI-Identifikator: ECLI:EU:C:2016:732
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
29 ta’ Settembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Leġiżlazzjonijiet reġjonali li jimponu d-distribuzzjoni bla ħlas, fin-netwerks li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat, tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu — Distinzjoni skont l-oriġini tal-elettriku aħdar — Artikoli 28 u 30 KE — Moviment liberu tal-merkanzija — Direttiva 2001/77/KE — Artikoli 3 u 4 — Mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra — Direttiva 2003/54/KE — Artikoli 3 u 20 — Direttiva 96/92/KE — Artikoli 3 u 16 — Suq intern tal-elettriku — Aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni b’kundizzjonijiet tariffarji nondiskriminatorji — Obbligi ta’ servizz pubbliku — Nuqqas ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑492/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell), b’deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura
Essent Belgium NV
vs
Vlaams Gewest,
Inter-Energa,
IVEG,
Infrax West,
Provinciale Brabantse Energiemaatschappij CVBA (PBE),
Vlaamse Regulator van de Elektriciteits- en Gasmarkt (VREG),
fil-preżenza ta:
Intercommunale Maatschappij voor Energievoorziening Antwerpen (IMEA),
Intercommunale Maatschappij voor Energievoorziening in West- en Oost-Vlaanderen (IMEWO),
Intercommunale Vereniging voor Energielevering in Midden-Vlaanderen (Intergem),
Intercommunale Vereniging voor de Energiedistributie in de Kempen en het Antwerpse (IVEKA),
Iverlek,
Gaselwest CVBA,
Sibelgas CVBA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Essent Belgium NV, minn D. Haverbeke u W. Vandorpe, avukati, |
— |
għall-Vlaams Gewest u l-VREG, minn S. Vernaillen, avukat, |
— |
għar-Repubblika Ellenika, minn S. Lekkou u V. Pelekou, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u G. Wilms kif ukoll minn O. Beynet, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12, 28 u 30 KE kif ukoll tal-Artikolu 3(1) u (4) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211 u r-rettifika ĠU 2004, L 16, p. 74). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn Essent Belgium NV u l-Vlaams Gewest (reġjun tal-Vlaanderen, il-Belġju) et rigward ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ dan tal-aħħar minħabba l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet reġjonali suċċessivi li jillimitaw il-benefiċċju tad-distribuzzjoni bla ħlas fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu f’dan ir-reġjun, inizjalment, biss għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (iktar ’il quddiem, l-“elettriku aħdar”) alimentat direttament fl-imsemmija netwerks ta’ distribuzzjoni permezz tal-impjanti ta’ produzzjoni konnessi ma’ dawn, u, imbagħad, biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament permezz tal-impjanti ta’ produzzjoni fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fl-Istat Membru kollu li dan ir-reġjun jagħmel parti minnu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/77/KE
3 |
Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121) tħassret, mill-1 ta’ Jannar 2012, permezz tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30 (ĠU 2009, L 140, p. 16). Madankollu, fid-dawl tad-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77. |
4 |
Skont il-premessi 1 sa 3 u 14 tad-Direttiva 2001/77:
[...]
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/77 kien jipprevedi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tkun promossa żieda fil-kontribuzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli għall-produzzjoni ta’ l-elettriku fis-suq intern għall-elettriku u biex tinħoloq bażi għal qafas tal-Komunità fil-ġejjieni tiegħu.” |
6 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa bix jinkoraġġixxu konsum akbar ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli skont il-miri indikattivi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2. Dawn il-passi għandhom ikunu fi proporzjon ma’ l-oġġettiv li għandu jintlaħaq. 2. Mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2002 u kull ħames snin wara, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw rapport li jiffissa miri indikattivi nazzjonali għall-konsum futur ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’termini ta’ perċentwal ta’ konsum ta’ l-elettriku għall-għaxar snin li jmiss. [...] Biex jintlaħqu dawn il-miri sas-sena 2010, l-Istati Membri għandhom:
|
7 |
Taħt it-titolu “Skemi ta’ appoġġ”, l-Artikolu 4 tal-istess direttiva kien jipprevedi, fil-paragrafu 1: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skont liema produttur tal-elettriku, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.” |
8 |
Bit-titolu “Kwistjonijiet fuq is-sistema tad-distribuzzjoni”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/77 kien jipprevedi: “1. Bla ħsara għaż-żamma ta’ l-affidabbiltà u s-sigurtà tad-distribuzzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni fit-territorju tagħhom jiggarantixxu t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Għandhom jipprovdu wkoll għall-aċċess prijoritarju għas-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku prodott sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Meta jintbagħtu stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, l-operaturi tas-sistema għandhom jagħtu prijorità lil stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinovabbli safejn tippermetti l-operazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ l-elettriku. 2. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ qafas legali jew jeħtieġu operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni u operturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni biex jistabbilixxu u jippubblikaw ir-regoli standard tagħhom rigward min jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ l-addattamenti tekniċi, bħal konnessjonijiet mad-distribuzzjoni u rinforzi għad-distribuzzjoni, li huma meħtieġa biex ikunu integrati produtturi ġodda li jagħtu l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija prodott minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded fis-sistema ta’ distribuzzjoni interkonnessa. [...] 3. Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u operatri tas-sistema ta’ distribuzzjoni jħallsu, għal kollox jew f’parti, l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2. [...] 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ma jiddiskriminawx kontra l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluż partikolarment elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli prodotti f’reġjuni periferiċi, bħal reġjuni ta’ ġżejjer u reġjuni b’densità ta’ popolazzjoni baxxa. Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ qafas legali jew jeħtieġu li operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiżguraw li d-drittijiet għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku minn impjanti li jużaw is-sorsi ta’ enerġija rinovabbli jirriflettu benefiċċji ta’ spiża realizabbli li jirriżultaw mill-konnessjoni ta’ l-impjant mat-netwerk. Dawn il-benefiċċji ta’ l-ispiża jistgħu joħorġu mill-użu dirett tad-distribuzzjoni b’vultaġġ baxx. [...]” |
Id-Direttiva 96/92/KE
9 |
Il-premessi 3, 15 u 19 tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3), kienu jipprevedu:
[...]
[...]
|
10 |
Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku. Din tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u funzjoni tas-settur ta’ l-elettriku, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċedura applikabbli għas-sejħiet ta’ offerti u l-provvista ta’ awtorizzazzjonijiet u l-operazzjoni ta’ sistemi.” |
11 |
L-Artikolu 2 tal-istess direttiva kien jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ dan id-Direttiva: [...]
[...]
[...]” |
12 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/92 kien jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fuq bażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’rigward xieraq tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, illi, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi tal-elettriku huma mħaddma skont il-prinċipji ta’ din id-Direttiva, bl-iskop illi jinkiseb suq kompettitiv fl-elettriku, u ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi fir-rigward kemm ta’ drittijiet kif ukoll ta’ obbligi. [...] 2. Wara li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 90, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi illi joperaw fis-settur ta’ l-elettriku, fl-interess ġenerali ekonomiku, obbligi tas-servizz pubbliku illi jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluż sigurtà ta’ provvista, ir-regolarità, il-kwalità u prezzijiet tal-provvisti u għall-protezzjoni ta’ l-ambjent. Dawk l-obbligi għandhom jiġu definiti b’mod ċar, b’mod trasparenti, non-diskriminatorju u verifikabbli; [...] 3. Stati Membri jistgħu jiddeċiedu illi ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5, 6, 17, 18 u 21 sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ixxekkel it-twettieq, fil-liġi jew fil-fatti, ta’ l-obbligi imposti fuq l-impriża ta’ l-elettriku fl-interess ġenerali ekonomiku u sakemm l-iżvilupp tal-Kummerċ ma jkunx affettwat sal-punt illi jmur kontra l-interessi Komunitarji. L-interessi tal-Komunità jinkludu, inter alia, kompetizzjoni fir-rigward ta’ konsumaturi skont din id-Direttiva u l-Artikolu 90 tat-Trattat.” |
13 |
L-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 96/92 kien jipprevedi: “2. Fi kwalunkwe każ, [l-amministratur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku] ma għandux jiddiskrimina bejn utenti ta’ sistemi jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistemi, b’mod partikolari favur is-sussidjarji tiegħu jew ta’ min għandu ishma. 3. Stat Membru jista’ jitlob l-operatur tas-sistema, meta jibgħat l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, biex jagħti prijorità lill-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni illi jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġeded jew skart jew jipproduċu kumbinazzjoni ta’ sħana u elettriku.” |
14 |
L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi: “Għall-organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema, Stati Membri jistgħu jagħżlu bejn il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 17 u/jew fl-Artikolu 18. Iz-zewġ proċeduri għandhom joperaw skont kriterji oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji.” |
Id-Direttiva 2003/54
15 |
Id-Direttiva 2003/54 tħassret, b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011, permezz tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (ĠU 2009, L 211, p. 55). |
16 |
Il-premessi 2, 4, 6, 7, 13, 15 u 17 tad-Direttiva 2003/54 kienu jipprevedu:
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
|
17 |
Bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/54 kien jipprevedi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur ta’ l-elettriku, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi.” |
18 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
[...]
[...]” |
19 |
Intitolat “L-obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijent”, l-Artikolu 3 tal-istess direttiva kien jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fuq il-bażi ta’ l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’rabta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għal paragrafu 2, l-impriżi ta’ l-elettriku jiħaddmu f’konfomità mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, assikurat, u sostenibbli ambjentalment fil-qasam ta’ l-elettriku, u dawn m’għandhomx joħolqu diskriminazzjoni bejn dawn l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom. 2. F’kunsiderazzjoni sħiħa lejn id-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 miġjub fih, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur ta’ l-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, inklużi l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, non-diskriminatorji, li jistgħu jiġu verifikati, u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza ta’ l-aċċess li l-kumpaniji ta’ l-elettriku ta’ l-UE ikollhom għall-klijenti nazzjonali. [...] [...] 4. Meta jkun hemm kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklussivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq ta’ l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, dan għandu jsir f’manjiera non-diskriminatorja u trasparenti. [...] 8. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6, 7, 20 u 22 kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-verità, ta’ l-obbligi imposti fuq l-impriżi ta’ l-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-Komunità. L-interessi tal-Komunità jinkludu, fost oħrajn, il-kompetizzjoni dwar il-konsumaturi eliġibbli f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-Artikolu 86 tat-Trattat. [...]” |
20 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/54 kien jipprevedi: “[...] 2. Fi kwalunkwe ħaġa li tiġri, dan m’għandux jiddiskrimina bejn l-utenti tas-sistema jew inkella bejn klassijiet ta’ utenti tas-sistema, partikolarment favur l-impriżi relatati tiegħu. [...] 4. Stat Membru jista’ jitlob lill-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni, meta jkun qed jittrassmetti stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, biex jagħti prijorità lil stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkunu qed jużaw għejun ta’ enerġija mġedda jew skart jew inkella dawk li jkunu qed jipproduċu sħana u qawwa kumbinata. [...]” |
21 |
Skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmija direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi partijiet lejn is-sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni bbażati fuq tariffi ppubblikati, li jkunu japplikaw għall-klijenti kollha eliġibbli u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu moħbija fil-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ f’konformità ma’ l-Artikolu 23 u li dawn it-tariffi, u il-metodoloġiji - fejn il-metodoloġiji jkunu approvati - jiġu ppubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ.” |
22 |
L-Artikolu 23 tal-istess direttiva kien jipprevedi: “[...] 2. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu reponsabbli minn ta’ l-anqas għall-iffissar u l-approvazzjoni, qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, tal-metodoloġiji użati biex ikunu kkalkulati u stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet għal:
[...] 4. L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni, jekk ikun meħtieġ, biex jimmodifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet, it-tariffi, ir-regoli, il-mekkaniżmi u l-metodoloġiji msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, biex ikun żgurat li dawn ikunu verament proporzjonati u applikati f’manjiera li ma tkunx diskriminatorja. [...]” |
Il-leġiżlazzjoni tal-Vlaanderen
Id-digriet dwar l-elettriku
23 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Vlaams decreet houdende de organisatie van de elektriciteitsmarkt (digriet tal-Vlaanderen dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku), tas-17 ta’ Lulju 2000 (Belgisch Staatsblad, 22 ta’ Settembru 2000, p. 32166, iktar ’il quddiem, id-“digriet dwar l-elettriku”): “Għall-finijiet ta’ dan id-digriet:
[...]” |
24 |
Inkluż fil-Kapitolu III tad-digriet dwar l-elettriku, intitolat “Aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni”, l-Artikolu 15 tal-imsemmi digriet jipprevedi: “L-amministratur tan-netwerk iwettaq bla ħlas il-kompiti kollha neċessarji għad-distribuzzjoni tal-elettriku aħdar, bl-esklużjoni tal-konnessjoni man-netwerk ta’ distribuzzjoni. Il-Gvern tal-Vlaanderen jista’ jillimita s-sistema prevista fl-ewwel paragrafu.” |
25 |
L-Artikolu 15 tad-digriet dwar l-elettriku tħassar permezz tal-Artikolu 61 tal-Vlaams decreet houdende bepalingen tot begeleiding van de begroting 2005 (digriet tal-Vlaanderen li jinkludi diversi miżuri supplementarji għall-baġit 2005), tal-24 ta’ Diċembru 2004 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 2004, p. 87220). |
Id-digrieti li jiffavorixxu l-produzzjoni ta’ elettriku aħdar
26 |
Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 14 tal-Besluit van de Vlaamse regering inzake de bevordering van elektriciteitsopwekking uit hernieuwbare energiebronnen (deċiżjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen li tiffavorixxi l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu), tat-28 ta’ Settembru 2001 (Belgisch Staatsblad, 23 ta’ Ottubru 2001, p. 36778, kien jipprevedi: “Kull fornitur għandu jikkomunika kull xahar, għal kull klijent u għal kull perijodu ta’ tariffa, lill-amministraturi tan-netwerk ikkonċernati, il-kwantità ta’ elettriku ttrasportat permezz tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħhom u li ġej mis-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu stabbiliti fl-Artikolu 8(1). L-amministratur tan-netwerk iwettaq bla ħlas il-missjonijiet imniżżla fl-Artikolu 15 tad-Digriet [dwar] l-elettriku, abbażi tan-notifika imposta mill-paragrafu preċedenti. Għall-elettriku li ma huwiex prodott fir-reġjun tal-Vlaanderen, l-awtorità responsabbli sabiex toħroġ iċ-ċertifikati tal-elettriku [aħdar] għall-postijiet ta’ produzzjoni kkonċernati, għandha tagħti lill-awtorità regolatorja attestazzjoni li tiggarantixxi li dan l-elettriku huwa prodott minn sors ta’ enerġija li jiġġedded li jinsab fil-lista, prevista fl-Artikolu 8(1), u huwa intiż għal klijent finali stabbilit fil-Fjandri. [...]” |
27 |
Fil-verżjoni ġdida tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Besluit van de Vlaamse regering tot wijziging van het besluit van de Vlaamse regering van 28 september 2001 (deċizjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen li temenda d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen tat-28 ta’ Settembru 2001) tal-4 ta’ April 2003 (Belgisch Staatsblad, 30 ta’ April 2003, p. 23334, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tal-4 ta’ April 2003”) u li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ April 2003, l-imsemmi Artikolu 14 kien jipprevedi: § 1. “Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tad-Digriet [dwar] l-elettriku, id-distribuzzjoni bla ħlas, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tal-istess digriet, hija limitata għall-alimentazzjoni ta’ elettriku prodott mill-impjanti ta’ produzzjoni konnessi man-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fir- reġjun tal-Vlaanderen. § 2. Fornitur tal-elettriku li huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, iċċitati fl-Artikolu 8, ma jimputa l-ebda ħlas għad-distribuzzjoni tiegħu, imsemmija fl-Artikolu 15(1), fil-fattura intermedjarja u fil-kont finali tal-klijent finali ta’ dan l-elettriku. [...]” |
28 |
Peress li Essent Belgium ippreżentat rikors quddiemu, intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-4 ta’ April 2003, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat, il-Belġju), issospenda l-eżekuzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Jannar 2004. |
29 |
Id-Deċiżjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen li tiffavorixxi l-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, tat-28 ta’ Settembru 2001, tħassret u ġiet issostitwita permezz tal-Besluit van de Vlaamse regering inzake de bevordering van elektriciteitsopwekking uit hernieuwbare energiebronnen (deċiżjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen li tiffavorixxi l-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu), tal-5 ta’ Marzu 2004 (Belgisch Staatsblad, 23 ta’ Marzu 2004, p. 16296, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2004”). |
30 |
L-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2004 kien jipprevedi: § 1. “B’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tad-Digriet [dwar] l-elettriku, id-distribuzzjoni bla ħlas, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tal-istess digriet, hija limitata għall-elettriku pprovdut lill-klijenti finali konnessi ma’ netwerk ta’ distribuzzjoni li jinstab fir- reġjun tal-Vlaanderen, li huwa prodott minn sors ta’ enerġija li jiġġedded, previst fl-Artikolu 15, f’impjant ta’ produzzjoni li jalimenta l-elettriku tiegħu direttament f’netwerk ta’ distribuzzjoni li jinstab fil-Belġju. § 2. Fornitur tal-elettriku, bħal dak imsemmi fil-paragrafu 1, ma jimputa l-ebda ħlas għad-distribuzzjoni tiegħu, imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Digriet [dwar] l-elettriku, fil-kont finali tal-klijent finali ta’ dan l-elettriku. [...]” |
31 |
Peress li Essent Belgium ippreżentat rikors quddiemu, intiż għall-annullament tal-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2004, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat), issospenda l-eżekuzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2004. |
32 |
Wara t-tħassir tal-Artikolu 15 tad-digriet dwar l-elettriku permezz tad-digriet tal-24 ta’ Diċembru 2004, li jinkludi diversi miżuri supplementarji għall-baġit 2005, l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2004 tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, permezz tal-Besluit van de Vlaamse regering (Deċiżjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen) tal-25 ta’ Marzu 2005 (Belgisch Staatsblad, 27 ta’ Mejju 2005, p. 24763). |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
33 |
Essent Belgium tipprovdi lil impriżi u lil klijenti privati li jinsabu fil-Fjandri elettriku li hija timporta, prinċipalment mill-Pajjiżi l-Baxxi, u li huwa, skont ma ssostni, elettriku aħdar. |
34 |
Essent Belgium, peress li qieset li sofriet dannu mill-fatt li l-elettriku aħdar importat b’dan il-mod minn Stat Membru ieħor, wara emendi leġiżlattivi suċċessivi introdotti permezz tad-deċiżjonijiet tal-4 ta’ April 2003 u tal-5 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem, il-“leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), ġie eskluż mis-sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas fin-netwerk ta’ distribuzzjoni li jinstab fil-Fjandri li huwa kien jibbenefika minnha inizjalment, ippreżentat quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell), żewġ rikors intiżi, essenzjalment, sabiex ir- reġjun tal-Vlaanderen jiġi kkundannat iħallasha ammont ta’ EUR 15958252 bħala kumpens għall-imsemmi dannu. |
35 |
Bl-istess mod, Essent Belgium, daħħlet fil-kawża l-Vlaamse Regulator van de Elektriciteits- en Gasmarkt (VREG) (awtorità regolatorja tal-Vlaanderen tas-suq tal-elettriku u tal-gass), korp kompetenti sabiex jiddikjara ruħu fuq it-tariffi tad-distribuzzjoni, kif ukoll diversi amministraturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni li talbuha l-pagament tal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni, sabiex is-sentenzi li jingħataw jiġu ddikjarati applikabbli għal dawn il-partijiet l-oħra. |
36 |
Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, Essent Belgium sostniet, fost l-oħrajn, li, billi adotta l-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir- reġjun tal-Vlaanderen kiser id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikoli 18 u 34 TFUE kif ukoll l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 96/92. |
37 |
Huwa f’dan il-kuntest li n-Nederlandstalige Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
38 |
Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u (4) tad-Direttiva 2003/54, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet bħal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din id-dispożizzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. |
40 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda spjegazzjoni rigward ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2003/54. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv nazzjonali inkluża f’din id-deċiżjoni lanqas ma tippermetti li jiġi mifhum b’liema mod l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha mnejn teżerċita influwenza kwalunkwe fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali. |
41 |
B’dan il-mod, filwaqt li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2003/54 jipprevedi li meta kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens jew drittijiet esklużivi jkunu offruti minn Stat Membru għat-twettiq ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, dawn għandhom jingħataw b’mod nondiskriminatorju u trasparenti, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi l-ebda forma ta’ kumpens jew drittijiet esklużivi li l-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedu l-għoti tagħhom lid-distributuri tal-elettriku sabiex jikkumpensaw l-obbligu ta’ distribuzzjoni bla ħlas ta’ elettriku aħdar impost fuqhom. Mill-imsemmija deċiżjoni lanqas ma jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda tali kumpens jew drittijiet esklużivi. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn hija tirrigwarda l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2003/54. |
Fuq il-mertu
Kunsiderazzjonijiet preliminari
43 |
Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, id-domanda preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bir-rikorsi tagħha fil-kawża prinċipali, Essent Belgium titlob, essenzjalment, kumpens għad-dannu li hija tallega li sostniet minħabba li ma setgħetx tkompli tibbenefika mis-sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar, imposta mil-leġiżlazzjoni reġjonali tal-Vlaanderen fuq l-amministraturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fil-Vlaanderen, għad-distribuzzjoni li hija wettqet, fl-imsemmi reġjun, ta’ elettriku aħdar importat minn Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju. B’dan il-mod, Essent Belgium issostni li ġiet imċaħħda mill-benefiċċju ta’ din is-sistema matul, rispettivament, minn naħa, il-perijodu inkluż bejn it-30 ta’ April 2003, data ta’ dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-4 ta’ April 2003, u t-12 ta’ Jannar 2004, data li minnha l-imsemmija deċiżjoni ġiet sospiża mir-Raad van State (Kunsill tal-Istat), u, min-naħa l-oħra, il-perijodu inkluż bejn it-23 ta’ Marzu 2004, data ta’ dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2004, u l-31 ta’ Diċembru 2004, data li fiha tħassar l-Artikolu 15 tad-digriet dwar l-elettriku. |
45 |
Fid-dawl kemm tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali deskritt b’dan il-mod, kif ukoll tal-kuntest taż-żmien tal-imsemmija tilwima, għandu jiġi osservat li, sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, fir-rigward tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/54, iżda dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva kif ukoll, barra minn hekk, dispożizzjonijiet inklużi, rispettivament, fid-Direttivi 96/92 u 2001/77. |
46 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-Direttivi 96/92 u 2003/54 li jistabbilixxu regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, jirriżulta, fl-ewwel lok, mill-Artikoli 29 sa 31 tad-Direttiva 2003/54 li din daħlet fis-seħħ biss fl-4 ta’ Awwissu 2003 u kellha tiġi trasposta mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2004, data ta’ tħassir tad-Direttiva 96/92, b’tali mod li din tal-aħħar, li għaliha, fost l-oħrajn, irreferew ir-reġjun tal-Vlaanderen u l-VREG fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li Essent invokat il-ksur tagħha insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, hija applikabbli, ratione temporis, f’dak li jirrigwarda parti mill-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
47 |
It-tieni nett, u mil-lat tar-ratione materiae, għandu jiġi osservat, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali mfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li, minkejja li l-qorti tar-rinviju tirreferi fit-tielet domanda tagħha għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/54 li jeskludi kull diskriminazzjoni fir-rigward ta’ drittijiet u ta’ obbligi tal-impriżi tal-elettriku, l-imsemmija direttiva tinkludi dispożizzjoni, jiġifieri l-Artikolu 20(1) tagħha, li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw ruħhom li ma jkunx hemm diskriminazzjoni relatata mal-aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni u mal-kundizzjonijiet, b’mod partikolari tariffarji, li jirregolaw tali aċċess. B’dan il-mod, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar. |
48 |
Fir-rigward tad-Direttiva 96/92, għal raġunijiet analogi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, mhux l-Artikolu 3(1) tagħha, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/54, iżda l-Artikolu 16 tagħha li jirrigwarda, huwa wkoll, il-kundizzjonijiet nondiskriminatorji għal aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni. |
49 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-amministraturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fil-Fjandri huma obbligati, skont il-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiddistribwixxu bla ħlas l-elettriku aħdar alimentat direttament fl-imsemmija netwerks jew fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fil-Belġju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 3(2) u (8) tad-Direttiva 2003/54, dwar l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Istati Membru jistgħu jimponu fuq l-impriżi tas-settur tal-elettriku u li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-protezzjoni tal-klima. L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet analogi inklużi fid-Direttiva 96/92 fl-Artikolu 3(2) u (3) tagħha. |
50 |
Fit-tieni lok, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif imfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet ta’ promozzjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar segwiti mil-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 3, 4 u 7 tad-Direttiva 2001/77 li l-għan tagħhom huwa preċiżament li tiġi promossa żieda ta’ tali produzzjoni fis-suq intern tal-elettriku. |
51 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 28 u 30 KE, kif ukoll tal-Artikolu 3(2) u (8) u tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54, tal-Artikolu 3(2) u (3) u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92 kif ukoll tal-Artikoli 3, 4 u 7 tad-Direttiva 2001/77, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjonijiet bħal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jimponu sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat filwaqt li jillimitaw il-benefiċċju ta’ din is-sistema, fir-rigward tal-ewwel waħda, biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament permezz ta’ impjanti ta’ produzzjoni fl-imsemmija netwerks ta’ distribuzzjoni u, fir-rigward tat-tieni waħda, biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament permezz ta’ tali impjanti f’netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fl-Istat Membru li dan ir-reġjun jagħmel parti minnu, u b’dan il-mod jeskludu minn dan il-benefiċċju l-elettriku aħdar importat minn Stati Membri oħra. |
Fuq id-Direttiva 2001/77
52 |
Peress li l-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar, sabiex jippromwovu l-produzzjoni ta’ tali elettriku, huma għandhom jinftiehmu, qabel kollox, mill-perspettiva tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77. |
53 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikoli 1, 3, 4 u 7 ta’ din id-direttiva, din għandha preċiżament l-għan li tiġi promossa żieda fil-kontribuzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-produzzjoni ta’ elettriku fis-suq intern tal-elettriku u tinkludi, fid-dawl ta’ dan, dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar, kif ukoll il-kundizzjonijiet għal aċċess ta’ tali elettriku għan-netwerks ta’ distribuzzjoni. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, skont il-premessi 1 sa 3 tal-imsemmija direttiva, tali promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, li tinsab fl-ewwel livell tal-prijoritajiet tal-Unjoni, hija ġġustifikata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-isfruttament ta’ dawn is-sorsi ta’ enerġija jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-iżvilupp sostenibbli u tal-fatt li dan l-isfruttament jista’ jikkontribwixxi għas-sigurtà kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġiji u jista’ jħaffef il-proċess sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-protokoll ta’ Kyoto (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 56). |
55 |
Kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 2001/77, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, fl-adozzjoni ta’ dan it-test, li l-fatt li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tad-diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ għal sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fuq il-livell nazzjonali li japplikaw l-Istati Membri jikkostitwixxi mezz importanti sabiex jintlaħaq l-għan segwit permezz ta’ din id-direttiva, b’tali mod li tinżamm il-fiduċja tal-investituri, sakemm jiġi implementat qafas Komunitarju. |
56 |
Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jenfasizza li tali mekkaniżmi huma tali li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 6 KE u fl-Artikolu 174(1) KE, u din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar telenka l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 59 u 60). |
57 |
L-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għas-salvagwardja, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali kif ukoll il-promozzjoni, fuq il-livell internazzjonali, ta’ miżuri intiżi sabiex jittrattaw problemi ambjentali kemm reġjonali kif ukoll globali (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 60). |
58 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-forma li jista’ jkollhom il-mekkaniżmi ta’ appoġġ għal sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fuq il-livell nazzjonali, għandu jiġi osservat li l-premessa 14 tad-Direttiva 2001/77 sempliċement telenka d-diversi tipi ta’ miżuri li ġeneralment jużaw l-Istati Membri għal dan l-għan, jiġifieri ċ-ċertifikati ħodor, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxa, rifużjonijiet tat-taxxa jew skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva sempliċement jindika, min-naħa tiegħu, li l-mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ li l-adozzjoni tagħhom huwa inkoraġġut b’dan il-mod mil-leġiżlatur tal-Unjoni għandhom l-għan li jippermettu lill-produtturi ta’ elettriku aħdar jibbenefikaw minn għajnuna diretta jew indiretta. |
60 |
Isegwi, fost l-oħrajn, li d-Direttiva 2001/77 tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni ta’ tali skemi ta’ appoġġ lill-produtturi ta’ elettriku aħdar (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
F’dan il-każ, in-natura ta’ bla ħlas tad-distribuzzjoni prevista mil-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix vantaġġ u lanqas appoġġ mogħti direttament lill-produtturi ta’ elettriku aħdar għaliex din in-natura ta’ bla ħlas tibbenefika, primarjament, lill-fornituri u, għaldaqstant, fil-prinċipju, lill-konsumatur. B’dan il-mod, huwa biss indirettament li aċċess bla ħlas għan-netwerks ta’ distribuzzjoni jista’, fejn xieraq, jirriżulta wkoll sors ta’ appoġġ lill-imsemmija produtturi u jaqa’, f’dan ir-rigward, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/77. |
62 |
Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, f’dan il-kuntest, dak li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/77, jiġifieri li l-mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ lill-produtturi ta’ elettriku msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77, li huma fost l-oħrajn mitluba jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu, mill-Istati Membri, il-miri indikattivi nazzjonali rispettivi li huma imposti fuqhom skont l-imsemmi Artikolu 3, għandhom fil-prinċipju jwasslu għal tisħiħ tal-produzzjoni interna ta’ elettriku aħdar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punti 56 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Barra minn hekk, u kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/77, tali mekkaniżmi għandhom, f’dan ir-rigward, u bħall-miżuri l-oħra kollha adottati mill-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-imsemmija miri indikattivi nazzjonali, ikunu fi proporzjon mal-għan li għandu jintlaħaq. |
64 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 28 u 30 KE (f’dan ir-rigward, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192). |
65 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat li ser jiġu ttrattati iktar ’il quddiem f’din is-sentenza titlob, fejn xieraq, li dawn il-leġiżlazzjonijiet jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità diġà msemmi fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-eżami tar-rekwiżiti li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmi prinċipju għandu jiġi pospost għal stadju ulterjuri tal-analiżi. |
66 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/77 rigward diversi kwistjonijiet marbuta man-netwerks, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, bil-kontra ta’ dak li sostnew f’dan ir-rigward ir- reġjun tal-Vlaanderen u l-VREG fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-paragrafu 3 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 7 ma humiex tali li jistgħu jiġġustifikaw miżuri ta’ natura bla ħlas selettiva tad-distribuzzjoni bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
67 |
Fil-fatt, l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jirrigwarda mhux l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni, iżda l-ispejjeż marbuta mal-adattamenti tekniċi bħall-konnessjoni man-netwerk u t-tisħiħ tan-netwerk li huma meħtieġa sabiex jiġu intergrati l-produtturi l-ġodda ta’ elettriku aħdar. Rigward it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 7, huwa sempliċement jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni tal-elettriku aħdar, tat-tnaqqis fl-ispejjeż li jista’ jsir permezz tal-konnessjoni man-netwerk ta’ impjanti ta’ produzzjoni li jużaw sorsi li jiġġeddu. Ma ġiex stabbilit, u lanqas allegat, liema huwa l-għan tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jipprevedi n-natura ta’ bla ħlas pura u sempliċi tad-distribuzzjoni tal-elettriku aħdar sabiex tiġi promossa ż-żieda fil-produzzjoni ta’ dan tal-aħħar. |
68 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 2001/77, li għalih irrefera fost l-oħrajn l-Avukat Ġenerali fil-punti 57, 62 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa minnu li għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni ma toħloq l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-elettriku aħdar. |
69 |
Madankollu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex, sa fejn hija tipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet kontra l-elettriku aħdar, tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi wkoll għad-differenzi fit-trattament li huma osservati bejn diversi tipi ta’ elettriku aħdar skont, b’mod partikolari, il-provenjenza rispettiva tagħhom, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92 u l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 li ser jiġu ttrattati iktar ’il quddiem jinkludu dispożizzjonijiet li jirrigwardaw b’mod speċifiku l-aċċess tal-fornituri għan-netwerks ta’ distribuzzjoni, f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji, b’mod partikolari, mil-lat tariffarju. Issa, peress li l-applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-kawża prinċipali hija, f’dan il-każ, ċerta, biżżejjed, f’dan il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn imsemmija l-aħħar. |
Fuq id-Direttivi 96/92 u 2003/54
70 |
Peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda spejjeż ta’ distribuzzjoni li għalihom hija responsabbli Essent Belgium minħabba l-użu minnha, fil-kwalità ta’ fornitur, ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 96/92 u tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54, spejjeż li l-persuna kkonċernata tallega li huma ta’ natura diskriminatorja għaliex hija ma setgħetx tkompli tibbenefika, b’mod differenti mill-fornituri li jikkummerċjalizzaw elettriku aħdar ta’ oriġini nazzjonali, mis-sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar imposta fuq id-distributuri permezz tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, kif ġie osservat fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza, ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi. |
– Fuq l-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92 u l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54, dwar l-aċċess nondiskriminatorju għan-netwerks ta’ distribuzzjoni
71 |
L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita, “sistema ta’ aċċess għal terzi partijiet lejn is-sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni [...], li jkunu japplikaw għall-klijenti kollha eliġibbli”, u tali sistema għandha tkun “bbażat[a] fuq tariffi ppubblikati” u “[tkun] applikat[a] b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema”. |
72 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, minn naħa, tal-kunċett ta’ “aċċess għan-netwerk” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din għandha tinftiehem mhux bħala l-konnessjoni li tikkorrispondi għall-konnessjoni fiżika man-netwerk, iżda bħala d-dritt li jintużaw in-netwerks tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 42). |
73 |
It-terminu “aċċess” huwa għalhekk marbut mal-provvista ta’ elettriku, inklużi l-ispejjeż tas-servizz. F’dan ir-rigward, il-premessi 2, 6, 13, 15 u 17 tad-Direttiva 2003/54 jenfasizzaw b’mod partikolari li l-imsemmi aċċess għandu jkun disponibbli bi prezz ġust u juża tariffi nondiskriminatorji sabiex l-atturi kollha tas-suq jiġu ggarantiti aċċess effettiv għas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 40). |
74 |
Min-naħa l-oħra, rigward il-kunċett ta’ “terzi” fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54, għandu jitfakkar li t-test innifsu tal-imsemmija dispożizzjoni jispeċifika dan il-kunċett billi juża wkoll dak ta’ “utenti tas-sistema [tan-netwerk]”, li huwa ddefinit fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva u jkopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jfornu, jew huma fornuti minn, netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 44). |
75 |
Fost l-imsemmija utenti jinsabu l-fornituri ta’ elettriku, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat b’mod partikolari li, sabiex il-klijenti eliġibbli jkunu jistgħu, kif tenfasizza l-premessa 4 tad-Direttiva 2003/54, jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom, dawn għandhom ikunu jistgħu jaċċedu għan-netwerks ta’ distribuzzjoni li jwasslu l-elettriku sal-klijenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punti 32, 33 u 43). |
76 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-aċċess liberu tat-terzi għan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni stabbilit b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54, jikkostitwixxi waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membru huma marbuta jimplementaw sabiex jiġi kkompletat is-suq intern tal-elettriku (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Fir-rigward tad-Direttiva 96/92, għandu jitfakkar li, kif jipprevedi l-Artikolu 16 ta’ din, jekk, għall-organizzazzjoni tal-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħżlu bejn il-formola tal-aċċess għan-netwerk jew dik tax-xerrej uniku, imsemmija rispettivament fl-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva, iż-żewġ formoli kellhom jiġu implementati b’mod konformi ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. |
78 |
L-imsemmi Artikolu 16 jipprojbixxi, b’dan il-mod, lill-Istati Membri milli jorganizzaw l-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni b’mod diskriminatorju, u tali projbizzjoni tkopri, b’mod ġenerali, id-diskriminazzjonijiet kollha, inklużi, għaldaqstant, eventwali diskriminazzjonijiet fuq il-livell tal-ispiża sostnuta għall-użu tan-netwerk ta’ distribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino, C‑128/03 u C‑129/03, EU:C:2005:224, punt 59, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punti 36, 45 u 46). |
79 |
Rigward il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjonijiet reġjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinvolvux diskriminazzjonijiet bi ksur tal-imsemmija Artikoli 16 tad-Direttiva 96/92 u 20(1) tad-Direttiva 2003/54, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar li jitolbu li l-azzjoni tal-Istat fl-implementazzjoni tal-aċċess għan-netwerk tkun nondiskriminatorja huma espressjonijiet partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza (ara, fir-rigward tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92, sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni teżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux trattati b’mod differenti, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 48). |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit‑trattament ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
F’dan il-każ, minkejja li l-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplikaw b’mod identiku għall-fornituri tal-elettriku kollha li jagħmlu użu minn netwerk ta’ distribuzzjoni li jinsab fir-reġjun ikkonċernat, dawn ma jwasslux madankollu biex jiġi eżentat mill-ispejjeż ta’ distribuzzjoni l-elettriku kkunsinnat minn dawn il-fornituri ħlief fejn dan l-elettriku jkun l-elettriku aħdar alimentat direttament f’tali netwerk jew f’netwerk ta’ distribuzzjoni li jinsab fl-Istat Membru li dan ir-reġjun jagħmel parti minnu u, b’dan il-mod, biex jiġu ttrattati b’mod differenti l-fornituri tal-elettriku, skont, b’mod partikolari, kif tilmenta dwaru Essent Belgium fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, il-provenjenza tal-elettriku aħdar li dawn il-fornituri jikkummerċjalizzaw. |
83 |
Fir-rigward tal-eventwali ġustifikazzjoni ta’ tali differenza fit-trattament, għandu jiġi osservat qabel kollox li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r- reġjun tal-Vlaanderen u l-VREG, l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 96/92 jew l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2003/54 ma jistgħux jiġu invokati bħala tali sabiex din tiġi ġġustifikata. Fil-fatt, mingħajr ma tirrigwarda l-imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni, l-imsemmija dispożizzjonijiet sempliċement jipprevedu li l-amministraturi ta’ netwerk jistgħu jiġu obbligati minn Stat Membru, meta huma jordnaw lill-impjanti ta’ produzzjoni, li jagħtu l-prijorità b’mod partikolari lil dawk li jipproduċu elettriku aħdar. |
84 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura leġittima tal-għan segwit permezz tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-promozzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku aħdar, ma hijiex f’dubju. F’dan ir-rigward, għandu, fost l-oħrajn, jitfakkar li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għall-produzzjoni tal-elettriku hija utli għall-protezzjoni tal-ambjent, sa fejn jikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fost il-kawżi prinċipali tal-bdil fil-klima li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jiġġieldu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
85 |
Il-kwistjoni li tqum, għaldaqstant, hija dik dwar jekk l-imsemmi għan jistax jiġġustifika d-differenza fit-trattament imsemmija hawn fuq, jiġifieri, essenzjalment, jekk din hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli u fi proporzjon mal-għan segwit. |
86 |
Madankollu, fid-dawl, minn naħa, tal-multipliċità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, tal-parametri, fir-rigward ta’ liema l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, kif diġà ġie osservat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, tiġi eżaminata, u, min-naħa l-oħra, tan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, f’dan il-kuntest, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttivi 96/92 u 2003/54 li ser jiġu ttrattati iktar ’il quddiem, l-imsemmi eżami ta’ proporzjonalità għandu jiġi pospost għal stadju ulterjuri tal-analiżi. |
– Fuq l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 96/92 u l-Artikolu 3(2) u (8) tad-Direttiva 2003/54, rigward l-obbligi ta’ servizz pubbliku
87 |
Kemm l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 96/92 kif ukoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 jawtorizzaw lill-Istati Membri jimponu fuq l-impriżi tas-settur tal-elettriku obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-protezzjoni tal-klima. |
88 |
Kif sostniet il-Kummissjoni, dan jidher li huwa l-każ tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn dawn jimponu fuq l-amministraturi kollha ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fil-Fjandri obbligu ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar alimentat direttament mill-produtturi f’dawn in-netwerks jew fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fil-Belġju u huma intiżi b’dan il-mod għall-promozzjoni taż-żieda tal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar. |
89 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, l-obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti taħt dawn għandhom ikunu nondiskriminatorji. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 iżid, barra minn hekk, li l-imsemmija obbligi għandhom jiggarantixxu lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali. |
90 |
Jekk jidher li l-amministraturi kollha ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni huma suġġetti għal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’tali mod li l-ebda differenza fit-trattament bejn dawn tal-aħħar ma tidher li tista’ tiġi osservata, diġà ġie osservat, fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, li dawn il-leġiżlazzjonijiet ma jwasslux madankollu biex jiġi eżentat mill-ispejjeż ta’ distribuzzjoni l-elettriku kkunsinnat mill-fornituri ħlief fejn dan l-elettriku jkun l-elettriku aħdar alimentat direttament f’netwerk li jinsab fir-reġjun ikkonċernat jew f’netwerk ta’ distribuzzjoni li jinsab fl-Istat Membru li dan ir-reġjun jagħmel parti minnu u, b’dan il-mod, biex jiġu ttrattati b’mod differenti l-fornituri tal-elettriku, skont, b’mod partikolari, il-provenjenza tal-elettriku aħdar li dawn il-fornituri jikkummerċjalizzaw. L-imsemmija differenza fit-trattament hija, b’dan il-mod, b’mod partikolari tali li taffettwa l-aċċess ugwali tal-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54. |
91 |
Barra minn hekk, jirriżulta, huwa minnu, mill-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2003/54 li, b’mod differenti mis-sistema li kienet teżisti taħt id-Direttiva 96/92 f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 16 ta’ din (f’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 65), l-Istati Membri huma awtorizzati li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54 li jipprevedu aċċess nondiskriminatorju tat-terzi għan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar ikollha mnejn tostakola t-twettiq, fid-dritt jew fil-fatt, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti b’dan il-mod fuq l-impriżi tal-elettriku. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex issir deroga minn dak li huwa stabbilit mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jivverifikaw jekk it-twettiq, mill-amministraturi tan-netwerks, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom, jistax isir b’mezzi oħra li ma jippreġudikawx id-dritt ta’ aċċess għan-netwerks, li jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet stabbiliti permezz tad-Direttiva 2003/54 (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 60). |
92 |
It-tieni nett, għandu jiġi osservat ukoll li l-obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti taħt id-Direttivi 96/92 u 2003/54 għandhom jiġu hekk stabbiliti, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) ta’ kull waħda mill-imsemmija direttivi, b’teħid sħiħ inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, li fosthom jinsabu l-Artikolu 90 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86 KE), li għalih jirreferu l-Artikolu 3(2) ta’ kull waħda mill-imsemmija direttivi, iżda wkoll l-Artikoli 30 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 28 KE) u 36 tat-Trattat KE (li sar, wara modifika, l-Artikolu 30 KE), li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-merkanzija, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 3, 15 u 19 tad-Direttiva 96/92. |
93 |
Fir-rigward tal-Artikolu 86 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54, moqri flimkien mal-imsemmiija dispożizzjoni tat-Trattat, li jiġu imposti fuq l-impriżi inkarigati bl-amministrazzjoni ta’ servizz pubbliku obbligi rigward, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-elettriku, leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi tali obbligu għandha tkun tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit minnha u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq, b’mod li jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Enel Produzione, C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 55). |
94 |
Fir-rigward tal-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġie, madankollu, osservat fil-punti 65 u 86 ta’ din is-sentenza li, fid-dawl tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li b’kunsiderazzjoni tagħhom għandhom isir, f’dan il-każ, l-imsemmi eżami, dan għandu jiġi temporanjament pospost. |
95 |
Fir-rigward tal-Artikoli 28 u 30 KE, li għandhom ukoll jiġu osservati mill-obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti taħt l-Artikolu 3(2) ta’ kull waħda mid-Direttivi 96/92 u 2003/54, dan ser jiġi ttrattat iktar ’il quddiem. |
Fuq l-Artikoli 28 u 30 KE
96 |
Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 28 KE, meta jipprojbixxi bejn l-Istati Membri l-miżuri li għandhom effetti ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, ikopri kull miżura nazzjonali li għandha mnejn tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment il-kummerċ intra-Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5; tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 66, u tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 77). |
97 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjonijiet bħal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jostakolaw, mill-inqas indirettament u potenzjalment, l-importazzjonijiet ta’ elettriku, b’mod partikolari dak aħdar, mill-Istati Membri l-oħra. |
98 |
Fil-fatt, tali leġiżlazzjonijiet għandhom, minħabba b’mod partikolari li huma jinkoraġġixxu lill-operaturi, b’mod partikolari l-fornituri tal-elettriku, sabiex jixtru elettriku aħdar prodott fir-reġjun ikkunsidrat jew fl-Istat Membru li dan ir-reġjun jagħmel parti minnu minħabba l-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta min-natura ta’ bla ħlas tad-distribuzzjoni ta’ dan l-elettriku, jiġu kklassifikati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 28 KE (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 103/84, EU:C:1986:229, punti 2 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
99 |
Rigward l-affermazzjoni tar-reġjun tal-Vlaanderen u tal-VREG skont liema kull ostakolu eventwali għall-moviment liberu tal-elettriku jibqa’, f’dan il-każ, ta’ portata relattivament limitata peress, b’mod partikolari, li, fiż-żmien ikkunsidrat, il-proporzjon tal-elettriku aħdar prodott fil-Fjandri kienet għadha biżżejjed baxxa, biżżejjed jitfakkar li, anki jekk jingħad li dan huwa minnu, jibqa’ l-fatt li, f’kull każ, miżura nazzjonali ma tevitax il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 28 KE għas-sempliċi fatt li l-ostakolu maħluq għall-importazzjoni huwa dgħajjef u li jeżistu possibbiltajiet oħra sabiex il-prodotti importati jiġu kkummerċjalizzati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 103/84, EU:C:1986:229, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
100 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ madankollu tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn rekwiżiti imperattivi. Fi kwalunkwe każ, il-miżura nazzjonali għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tali għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
101 |
Miżuri nazzjonali li għandhom mnejn jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju jistgħu għalhekk, b’mod partikolari, jiġu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, mill-għan li tiġi promossa żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għall-produzzjoni tal-elettriku li, kif diġà tfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, huwa utli għall-imsemmija protezzjoni u li huwa intiż, barra minn hekk, ukoll għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-preservazzjoni tal-pjanti, raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 77 sa 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
102 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għad irid jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjonijiet reġjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità
103 |
Kif jirriżulta mill-punti 63, 85, 93 u 100 ta’ din is-sentenza, il-konformità, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77, tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92, tal-Artikolu 3(2) u (8), u tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 kif ukoll tal-Artikoli 28 u 30 KE ta’ leġiżlazzjonijiet reġjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi f’dan il-każ fuq jekk l-imsemmija leġiżlazzjonijiet jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
104 |
Kif tfakkar fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, sabiex dan ikun il-każ, l-imsemmija leġiżlazzjonijiet reġjonali għandhom ikunu kemm xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li huma jsegwu u n-natura leġittima ta’ liema, f’dan il-każ, diġà ġiet stabbilita fil-punti 54, 84 u 101 ta’ din is-sentenza, jiġifieri, il-promozzjoni ta’ żieda fil-produzzjoni tal-elettriku aħdar, u meħtieġa għal dan l-għan. |
105 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li skema nazzjonali ta’ appoġġ tkun ġiet maħsuba b’mod li tibbenefika direttament lill-produzzjoni tal-elettriku aħdar pjuttost milli biss lill-konsum ta’ dan għandu mnejn, fost l-oħrajn, ikun spjegat mill-fatt li n-natura ħadra tal-elettriku tirrigwarda biss il-mod ta’ produzzjoni ta’ dan u li, għalhekk, huwa primarjament fl-istadju tal-produzzjoni li l-għanijiet ambjentali marbuta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet jistgħu effettivament jiġu segwiti (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
106 |
Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li, kif diġà tfakkar fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, mill-qari flimkien tal-Artikolu 3(1) u (2) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77 jirriżulta li l-mekkaniżmi ta’ appoġġ nazzjonali lill-produtturi tal-elettriku msemmija f’dan l-artikolu msemmi l-aħħar, li huma fost l-oħrajn mitluba jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu, mill-Istati Membri, il-miri indikattivi nazzjonali rispettivi imposti fuqhom permezz tal-imsemmija direttiva, fil-prinċipju għandhom iwasslu għal tisħiħ tal-produzzjoni interna tal-elettriku aħdar (ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
107 |
Dan il-fatt, b’mod partikolari kkombinat mal-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma wettaqx armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali għall-elettriku aħdar, ifisser li, fil-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-benefiċċju ta’ tali skemi għall-produzzjoni tal-elettriku aħdar li tinstab fit-territorju tagħhom (ara, b’mod analogu, b’rabta mad-Direttiva 2009/28, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 94 u 97 sa 99). |
108 |
Fir-rigward tal-kapaċità ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali għall-produzzjoni tal-elettriku aħdar sabiex jintlaħaq l-għan intiż sabiex tiżdied tali produzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li obbligu ta’ xiri, bi prezzijiet minimi, tal-elettriku aħdar kien tali li jagħti vantaġġ ekonomiku ċert lill-produtturi ta’ dan it-tip ta’ elettriku, sa fejn jiggarantilhom, mingħajr l-ebda riskju, profitt ogħla milli kieku jagħmlu fl-assenza tiegħu (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 54). |
109 |
Bl-istess mod, meta esprimiet ruħha rigward l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ li jużaw il-mekkaniżmu msejjaħ taċ-“ċertifikati ħodor”, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-obbligu għall-fornituri tal-elettriku li jakkwistaw mingħand produtturi tal-elettriku aħdar kwota ta’ tali ċertifikati kien b’mod partikolari intiż sabiex jiggarantixxi lill-imsemmija produtturi domanda għaċ-ċertifikati li ġew attribwiti lilhom u b’dan il-mod li jiġi ffaċilitat il-bejgħ tal-enerġija ħadra li huma jipproduċi bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq tal-enerġija klassika. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-effett ta’ inċentiv li teżerċita tali skema fuq il-produtturi tal-elettriku b’mod ġenerali sabiex twassalhom iżidu l-produzzjoni tagħhom tal-elettriku aħdar ma kienx jidher li jista’ jiġi ddubitat, u lanqas, għaldaqstant, il-kapaċità ta’ din li tilħaq l-għan leġittimu segwit fiċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punti 109 u 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
110 |
Tali skemi ta’ appoġġ għall-enerġija ħadra li l-ispejjeż għall-produzzjoni tagħha għadhom jidhru biżżejjed għolja meta mqabbla ma’ dawk tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li ma jiġġeddux huma intiżi essenzjalment, b’mod partikolari għall-promozzjoni, minn perspettiva fit-tul, tal-investimenti f’impjanti ta’ produzzjoni ġodda, billi jagħtu lill-produtturi ċerti garanziji rigward il-kummerċjalizzazzjoni futura tal-produzzjoni tagħhom tal-elettriku aħdar (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 103). |
111 |
F’dan il-każ, fir-rigward tas-sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar stabbilita mil-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat qabel kollox li din, b’mod differenti mill-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali għall-elettriku aħdar fil-forma ta’ obbligi ta’ xiri jew ta’ ċertifikati ħodor li hemm riferiment għalihom fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, ma għandhiex l-għan li tagħti appoġġ dirett lill-produtturi tal-elettriku aħdar. |
112 |
Fil-fatt, kif diġà ġie osservat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, id-distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar tikkostitwixxi vantaġġ finanzjarju mogħti, primarjament, lill-fornitur tal-imsemmi elettriku, li jista’, jekk ikun il-każ, u skont, b’mod partikolari, il-prezz ta’ bejgħ li l-konsumatur jiġi ffatturat mill-fornitur għall-elettriku tiegħu, jibbenefika wkoll sa ċertu punt u indirettament lill-konsumatur. |
113 |
Min-naħa l-oħra, tali mekkaniżmu ta’ appoġġ ma joffri l-ebda ċertezza rigward il-fatt li l-vantaġġ ekonomiku li huwa joħloq b’dan il-mod għall-fornituri se jiġi, finalment, effettivament u essenzjalment mitlub jibbenefika lill-produtturi tal-elettriku aħdar, u b’mod partikolari lill-iżgħar impjanti ta’ produzzjoni lokali li r-reġjun tal-Vlaanderen jafferma li xtaq jappoġġja, li ma jiġbrux fl-istess waqt il-kwalitajiet ta’ produttur u ta’ fornitur. |
114 |
Fil-fatt, il-benefiċċju meħud, jekk ikun il-każ, minn tali produtturi tal-elettriku aħdar mill-vantaġġ ekonomiku jiddependi minn diversi fatturi speċifiċi għas-swieq, bħal, pereżempju, il-prezzijiet tal-elettriku f’dawn is-swieq, l-offerta u d-domanda jew inkella l-bilanċ ta’ saħħa li jeżisti bejn l-operaturi involuti u l-punt sa liema l-fornituri jkunu lesti li jippermettu lill-produtturi jibbenefikaw mill-imsemmi vantaġġ. |
115 |
Fid-dawl tan-natura għalhekk fl-istess waqt indiretta, inċerta kif ukoll każwali tal-eventwali appoġġ li jista’ jirriżulta, għall-produttur tal-elettriku aħdar innifsu, mis-sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li l-kapaċità nnifisha ta’ din is-sistema li tilħaq l-għan leġittimu segwit f’dan il-każ u intiż sabiex jinkoraġġixxi b’mod effettiv lill-operaturi sabiex jipproduċu iktar elettriku aħdar minkejja l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni li jikkaratterizzawha, u b’hekk tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu, mill-Istati Membri, il-miri indikattivi ta’ produzzjoni li huma imposti fuqhom f’dan ir-rigward taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77, ma ġietx stabbilita. |
116 |
Fid-dawl ta’ din in-natura fl-istess waqt indiretta, inċerta kif ukoll każwali, u peress li kienu jeżistu, barra minn hekk, mezzi oħra bħal, pereżempju, l-għoti ta’ ċertifikati ħodor, li, min-naħa tagħhom, jikkontribwixxu b’mod ċert u effettiv sabiex jiġi segwit l-għan intiż għaż-żieda fil-produzzjoni tal-elettriku aħdar mingħajr, b’mod partikolari, ma tiġi ppreġudikata l-introdzzjoni tal-aċċess liberu tat-terzi għan-netwerks ta’ distribuzzjoni f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54, inkwantu waħda mill-miżuri essenzjali sabiex jiġi kkompletat is-suq intern tal-elettriku, għandu jitqies li leġiżlazzjonijiet reġjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-indħil li huma jinvolvu għall-imsemmi aċċess liberu u għall-moviment liberu tal-merkanzija ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu ġġustifikati mill-imsemmi għan. |
117 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li, peress li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjonijiet reġjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiskru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 u 30 KE, kif ukoll tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92, tal-Artikolu 3(2) u (8), u tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54 u tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/77. |
Fuq l-Artikolu 12 KE
118 |
Fid-dawl, minn naħa, tal-konstatazzjoni li saret fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza li minnha jirriżulta li leġiżlazzjonijiet reġjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiksru b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 30 KE, u, fl-assenza min-naħa l-oħra, ta’ kwalunkwe spjegazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju rigward ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-imsemmija leġiżlazzjonijiet jagħtu lok għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fis-sens tal-Artikolu 12 KE, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
119 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 u 30 KE kif ukoll tal-Artikolu 3(2) u (8), u tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54, tal-Artikolu 3(2) u (3), u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92 u tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/77, moqrija flimkien għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet bħal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jimponu sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat filwaqt li jillimitaw il-benefiċċju ta’ din is-sistema, fir-rigward tal-ewwel waħda, biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament minn impjanti ta’ produzzjoni fl-imsemmija netwerks ta’ distribuzzjoni u, fir-rigward tat-tieni waħda, biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament minn tali impjanti ta’ produzzjoni f’netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fl-Istat Membru li jagħmel parti minnu l-imsemmi reġjun. |
Fuq l-ispejjeż
120 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 u 30 KE kif ukoll tal-Artikolu 3(2) u (8), u tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE, tal-Artikolu 3(2) u (3), u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku, u tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern tal-elettriku, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet bħall-Besluit van de Vlaamse regering tot wijziging van het besluit van de Vlaamse regering van 28 september 2001 (deċizjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen li temenda d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen tat-28 ta’ Settembru 2001), tal-4 ta’ April 2003, u l-Besluit van de Vlaamse regering inzake de bevordering van elektriciteitsopwekking uit hernieuwbare energiebronnen (deċiżjoni tal-Gvern tal-Vlaanderen li tiffavorixxi l-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu), tal-5 ta’ Marzu 2004, li jimponu sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat filwaqt li jillimitaw il-benefiċċju ta’ din is-sistema, fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni, biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament minn impjanti ta’ produzzjoni fl-imsemmija netwerks ta’ distribuzzjoni u, fir-rigward tat-tieni deċiżjoni, biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament minn tali impjanti ta’ produzzjoni f’netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fl-Istat Membru li jagħmel parti minnu l-imsemmi reġjun. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.