EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0397

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ April 2016.
Polkomtel sp. z o.o. vs Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Artikolu 28 – Numri mhux ġeografiċi – Aċċess tal-utenti finali residenti fl-Istat Membru tal-operatur għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi – Direttiva 2002/19/KE – Artikoli 5, 8 u 13 – Setgħat u responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-aċċess u l-interkonnessjoni – Impożizzjoni, modifika jew tneħħija ta’ obbligi – Impożizzjoni ta’ obbligi fuq impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali – Kontroll tal-prezzijiet – Impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq – Direttiva 2002/21/KE – Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi – Deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni u l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi għas-servizzi bejn impriżi.
Kawża C-397/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:256

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 28 — Numri mhux ġeografiċi — Aċċess tal-utenti finali residenti fl-Istat Membru tal-operatur għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikoli 5, 8 u 13 — Setgħat u responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-aċċess u l-interkonnessjoni — Impożizzjoni, modifika jew tneħħija ta’ obbligi — Impożizzjoni ta’ obbligi fuq impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali — Kontroll tal-prezzijiet — Impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq — Direttiva 2002/21/KE — Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi — Deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni u l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi għas-servizzi bejn impriżi”

Fil-Kawża C‑397/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Polkomtel sp. z o.o.

vs

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej,

fil-preżenza ta’:

Orange Polska S.A., li kienet Telekomunikacja Polska S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Polkomtel sp. z o.o., minn M. Bieniek u E. Barembruch, radcowie prawni,

għall-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, minn S. Szabliński, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif ukoll tal-Artikoli 5(1) u 8(3) tad-Direttiva 2002/19/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva “Aċċess”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Polkomtel sp. z o.o (iktar ’il quddiem “Polkomtel”) u Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (president tal-uffiċċju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“President tal-UKE”), fil-preżenza ta’ Orange Polska S.A., li qabel kienet Telekomunikacja Polska S.A. (iktar ’il quddiem “Orange Polska”), dwar deċiżjoni meħuda mill-President tal-UKE fil-kuntest ta’ tilwima bejn dawn l-impriżi dwar termini ta’ kooperazzjoni u l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi għas-servizzi ta’ aċċess għal numri mhux ġeografiċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-qafas regolatorju ġdid applikabbli għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

3

Il-qafas regolatorju ġdid applikabbli għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jikkonsisti fid-Direttiva 2002/21/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), u xi direttivi speċifiċi li jmorru magħhom, jiġifieri d-Direttiva 2002/20/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), id-Direttiva “Aċċess”, id-Direttiva “Servizz Universali” kif ukoll id-Direttiva 97/66/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar tad-dejta ta’ natura personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1998, L 24, p. 1).

– Id-Direttiva Qafas

4

L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) għandhom jiżguraw li jiġu osservati. Il-paragrafi (3) u (4) huma fformulati kif ġej:

“3.   L-[ANR] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra:

[...]

b)

jinkoraġġixxu l-istabbilir u l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej u l-interoperabilità ta’ servizzi trans-Ewropej, u l-konnettività tarf ma’ tarf;

[...]

4.   L-[ARN] għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra:

[...]

b)

jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ konsumaturi meta jittrattaw mal-provdituri [...];

[...]”

5

L-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim, l-[ANR] għandha tieħu deċiżjonijiet immirati lejn il-ksib tal-miri stipulati f’Artikolu 8. Kull obbligazzjonijiet iimposti fuq impriża mill-[ANR] fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-Direttivi speċifiċi.”

– Id-Direttiva “Aċċess”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva “Aċċess”, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u miri”, jipprevedi:

“1.   Fi ħdan il-qafas stipulat fid-[Direttiva Qafas], din id-Direttiva tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ma’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju, skond il-prinċipji tas-suq intern, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li ser jirriżultaw f’kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi għall-operaturi u għall-[impriżi] li jfittxu interkonnessjoni u/jew aċċess għan-networks tagħhom jew faċilitajiet assoċjati. Tistabbilixxi l-miri għall-[ARN] fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni [...]”

7

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Setgħat u responsabbiltajiet ta’ l-[ARN] fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni”, jipprovdi:

“1.   L-[ARN] għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabilità ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq skond Artikolu 8, l-[ARN] għandhom ikunu jistgħu jimponu:

a)

sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġ żgurata konnettività tarf sa tarf, obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ;

[...]

3.   L-obbligi u l-kondizzjonijiet imposti skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom jiġu mplimentati skond il-proċedura msemmija f’Artikoli 6 u 7 tad-[Direttiva Qafas].

4.   Fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impriżi, fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet involuti, sabiex tiżgura l-għanijiet tal-politika ta’ Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-[Direttiva Qafas].”

8

L-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”, bit-titolu “Impożizzjoni, emendar jew irtirar ta’ l-obbligi”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13.

2.   Fejn operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas], l-[ARN] għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal:

[...]

d-dispożizzjonijiet ta’ Artikoli 12 u 13 tad-[Direttiva Qafas], Kondizzjoni 7 fit-Taqsima B ta’ l-Anness li jinsab mad-[Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni] kif applikata bis-saħħa ta’ Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva, Artikoli 27, 28 u 30 tad-[Direttiva ‘Servizz Universali’] [...] li fiha obbligi fuq imprizi li ma jkunux dawk identifikati bħala li għandhom saħħa tas-suq sinjifikanti [...]

[...]

l-[ARN] m’għandhomx jimponu l-obbligi imniżżla f’Artikoli 9 sa 13 fuq operaturi li ma jkunux ġew identifikati skond il-paragrafu 2.

[...]

4.   L-obbligi imposti skond dan Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas]. Dawn l-obbligi għandhom ikunu imposti biss wara konsultazzjoni skond Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva.

[...]”

9

L-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess”, intitolat “Kontroll tal-prezzijiet u obbligi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż”, huwa fformulat, fil-paragrafu 1 tiegħu, kif ġej:

“L-[ARN] tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq jindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur konċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment ta’ l-utenti finali. [...]”

– Id-Direttiva “Servizz Universali”

10

Id-Direttiva “Servizz Universali” tistabbilixxi, fil-premessa 38 tagħha:

“L-aċċess mill-utenti finali għar-riżorsi kollha ta’ numerar [fl-Unjoni] huwa kondizzjoni vitali minn qabel għal suq wieħed. Għandu jinkludi telefon bla ħlas, rata primjum, u numri mhux ġeografiċi oħrajn ħlief fejn l-abbonat li jirċievi t-telefonata jkun għażel, għal raġunijiet kummerċjali, li jillimita l-aċċess minn ċerti żoni ġeografiċi. [...]”

11

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u miri” jipprevedi b’mod partikolari li l-“għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-[Unjoni] kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta maċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġiet ta’ l-utenti finali ma jitħarsux b’mod sodisfaċjenti mis-suq”.

12

Il-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi d-definizzjoni segwenti:

“‘numri mhux ġeografiċi’ tfisser numru minn pjan nazzjonali ta’ enumerar li ma jkunx numru ġeografiku. Jinkludi fost ħwejjeġ oħra numri mobbli, bla ħlas u b’rati primjum.”

13

L-Artikolu 28 tal-istess direttiva, intitolat “Numri mhux ġeografiċi”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-utenti finali mill-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jaċċessaw numri mhux ġeografiċi ġewwa t-territorju tagħhom fejn teknikament u ekonomikament possibbli, ħlief fejn abbonat li jissejjaħ ikun għażel għal raġunijiet kummerċjali li jillimita l-aċċess billi jsejjaħ partijiet lokati f’żoni speċifiċi ġeografiċi.”

Id-Direttiva 2009/136/KE

14

Bit-titolu “Emendament tad-Direttiva [‘Servizz Universali’]”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/136/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttiva 2002/22/KE, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 337, p. 11), jipprevedi, fil-punt 19 tiegħu:

“L-Artikolu 28 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 28

Aċċess għal numri u servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, u bl-eċċezzjoni ta’ meta abbonat imsejjaħ, għal raġunijiet kummerċjali, għażel li jillimita aċċess billi jsejjaħ partijiet li jinsabu f’żoni ġeografiċi speċifiċi, awtoritajiet nazzjonali rilevanti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu:

a)

jkollhom aċċess u jużaw servizzi bl-użu ta’ numri non-ġeografiċi [fl-Unjoni]; [...]

[...]’”

15

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/136, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill‑25 ta’ Mejju 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Direttiva.

Id-dritt Pollakk

16

Skont l-Artikolu 27(2) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet (ustawa Prawo telekomunikacyjne), tas‑16 ta’ Lulju 2004 (Dz. U. Nru 171, pożizzjoni 1800), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni tal-President tal-UKE, tas‑6 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet”):

“Jekk in-negozjati ma jinbdewx, jekk l-aċċess jiġi rrifjutat mill-istabbiliment obbligat li jagħtih jew jekk l-ebda kuntratt ma jiġi konkluż fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1, kull parti tista’ titlob lill-President tal-UKE biex jiddeċiedi dwar il-punti inkwistjoni jew biex jiddefinixxi t-termini tal-kollaborazzjoni.”

17

L-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet huwa fformulat kif ġej:

“Il-President tal-UKE għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-aċċess fi żmien 90 jum mid-data li fiha titressaq it-talba msemmija fl-Artikolu 27(2), billi jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:

1)

l-interess tal-utenti tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet;

2)

l-obbligi imposti fuq l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet;

3)

il-promozzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet moderni;

4)

in-natura tal-kwistjonijiet kontenzjużi eżistenti u l-possibbiltà prattika li jiġu implementati soluzzjonijiet dwar l-aspetti tekniċi u ekonomiċi tal-aċċess għat-telekomunikazzonijiet, bħal dawk proposti mill-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet li huma partijiet fin-negozjati kif ukoll dawk li jistgħu jikkostitwixxu soluzzjonijiet alternattivi;

5)

il-ħtieġa li jiġu żgurati:

a)

l-integrità tan-netwerk u l-interoperabbiltà tas-servizzi,

b)

kundizzjonijiet nondiskriminatorji għall-aċċess għat-telekommunikazzjonijiet,

ċ)

l-iżvilupp ta’ suq kompetittiv ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet;

6)

is-saħħa fis-suq tal-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet li n-netwerks tagħhom huma interkonnessi;

[...]”

18

L-Artikolu 79(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Operatur ta’ netwerk pubbliku tat-telefonija għandu jiżgura li l-utenti finali tan-netwerk tiegħu u ta’ Stati Membri oħra jkunu f’pożizzjoni li jaċċedu għan-numri mhux ġeografiċi fit-territorju Pollakk, sa fejn dan l-aċċess ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, ħlief meta l-abbonat li jirċievi t-telefonata jkun illimita l-aċċess għal utenti finali li jkunu jinsabu f’ċerti żoni ġeografiċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Polkomtel u Orange Polska jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku u xi servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-abbonati tagħhom. Peress li Polkomtel u Orange Polska ma waslux għal ftehim dwar l-iffissar tat-termini ta’ kollaborazzjoni u l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi għas-servizzi tal-aċċess tal-utenti tan-netwerk ta’ Polkomtel għas-servizzi ta’ netwerk intelliġenti pprovduti permezz tan-netwerk ta’ Orange Polska, li juża numri mhux ġeografiċi, il-President tal-UKE ġie adit b’talba għar-riżoluzzjoni tat-tilwima.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2009, il-President tal-UKE solva din it-tilwima billi impona b’mod partikolari fuq Polkomtel l-obbligu li tiżgura għall-abbonati tagħha l-aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk ta’ Orange Polska bħala korrispettiv għall-ħlas minn din tal-aħħar ta’ remunerazzjoni.

21

F’din id-deċiżjoni, il-President tal-UKE stabbilixxa wkoll il-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi bejn dawn l-impriżi għal dan l-aċċess. Peress li qies li l-oriġini ta’ telefonata min-netwerk ta’ Polkomtel kienet teħtieġ riżorsi ta’ netwerk simili għal dawk meħtieġa sabiex tintemm telefonata fuq l-imsemmi netwerk, huwa, b’mod partikolari, stabbilixxa l-ħlas għal din l-oriġini ta’ telefonata minn Orange Polska f’livell iddeterminat b’riferiment għal dak tat-tariffa applikabbli għat-tmiem ta’ telefonata fuq in-netwerk ta’ Polkomtel.

22

Polkomtel ikkontestat id-deċiżjoni tal-President tal-UKE, tas‑6 ta’ Mejju 2009, quddiem is-Sąd Okręgowy (qorti reġjonali). Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, din il-qorti ċaħdet it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Polkomtel appellat mis-sentenza tas-Sąd Okręgowy (qorti reġjonali) quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) li ċaħdet l-imsemmi appell permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2013. Għalhekk Polkomtel ressqet appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema).

23

Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u materjali tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali. Hija tirrileva, minn naħa, li d-deċiżjoni tal-President tal-UKE, tas‑6 ta’ Mejju 2009, kienet adottata qabel l-emenda tal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” bid-Direttiva 2009/136 u, b’hekk, l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tal-aħħar fid-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, fil-formulazzjoni inizjali tiegħu, kien jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-utenti finali tal-Istati Membri l-oħrajn ikunu jistgħu jaċċedu għan-numri mhux ġeografiċi fit-territorju tagħhom. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali kienet tipprevedi, min-naħa tagħha, l-obbligu li jiġi żgurat li l-utenti finali kollha jkunu jistgħu jaċċedu għan-numri mhux ġeografiċi fit-territorju Pollakk. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk din il-leġiżlazzjoni setgħetx timponi obbligu iktar wiesa’ minn dak previst fl-imsemmi artikolu.

24

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ARN tistax timponi fuq l-operaturi, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “Aċċess”, obbligi intiżi li jimplementaw l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Hija għandha xi dubji f’dan ir-rigward minħabba, b’mod partikolari, l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà ta’ intrapriża stipulata fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ kunflitt eventwali bejn din il-libertà u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta.

25

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ARN tistax tistabbilixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, modalitajiet tal‑impożizzjoni ta’ tariffi bejn operaturi abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “Aċċess”, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Hija tqis, fil-fatt, li tqum il-kwistjoni ta’ liema huma l-limiti tal-intervent tal-ARN f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-prezzijiet fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn impriżi li ma għandhomx saħħa sinjifikattiva fis-suq. Hija tistaqsi wkoll dwar il-konformità ta’ tali intervent mal-libertà ta’ intrapriża stipulata fl-Artikolu 16 tal-Karta u tistaqsi jekk dan l-intervent jistax jiġi ġġustifikat bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi ggarantita mill-Artikolu 38 tal-Karta.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 28 tad-Direttiva [‘Servizz Universali’], fil-verżjoni inizjali tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi għandu jiġi żgurat mhux biss għall-utenti finali ta’ Stati Membri oħra, iżda wkoll għal dawk tal-Istat Membru ta’ operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet, bir-riżultat li l-evalwazzjoni mill-[ARN] dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu hija suġġetta għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni?

2)

F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 28 tad-Direttiva [‘Servizz Universali’], moqri flimkien mal-Artikolu 16 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jitwettaq l-obbligu previst fl-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, huwa possibbli li jsir rikors għall-proċedura prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [‘Aċċess’]?

3)

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [‘Aċċess’], moqri flimkien mal-Artikolu 28 tad-Direttiva [‘Servizz Universali’] u mal-[Artikolu] 16 tal-[Karta], jew l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [‘Aċċess’], moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [‘Aċċess’] u mal-Artikolu 16 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi żgurat għall-utenti finali ta’ operatur nazzjonali ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet l-aċċess għas-servizzi bl-użu ta’ numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk ta’ operatur nazzjonali ieħor, l-[ARN] tista’ tistabbilixxi regoli bejn operaturi skont l-oriġini ta’ telefonata billi tirrikorri għar-rati applikabbli għat-terminazzjoni ta’ telefonata li ġew stabbiliti fir-rigward ta’ wieħed minn dawn l-operaturi skont l-ispejjeż, abbażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [‘Aċċess’], meta l-operatur ippropona l-applikazzjoni tal-imsemmija rati matul negozjati li saru b’eżekuzzjoni tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [‘Aċċess’] u li ma kellhomx eżitu pożittiv?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jipprevedi li operatur ta’ netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jiżgura li l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi jkun żgurat għall-utenti finali kollha tan-netwerk tiegħu f’dan l-Istat u mhux biss għal dawk tal-Istati Membri l-oħrajn.

28

Din id-domanda tirriżulta mill-fatt li l-imsemmi Artikolu 28 ma kienx jipprevedi, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-President tal-UKE, li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-utenti finali tal-Istati Membri l-oħrajn ikunu jistgħu jaċċedu n-numri mhux ġeografiċi fit-territorju tagħhom, meta dan kien teknikament u ekonomikament possibbli, ħlief meta abbonat imsejjaħ ikun għażel, għal raġunijiet kummerċjali, li jillimita l-aċċess minn min iċempel li jinsab f’ċerti żoni ġeografiċi, filwaqt li l-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, issa jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li “[l-] Istati Membri għandhom jiżguraw li [...] awtoritajiet nazzjonali rilevanti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu [...] jkollhom aċċess u jużaw servizzi bl-użu ta’ numri non-ġeografiċi [fl-Unjoni]”.

29

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfittex jekk dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 79(1) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet li tinkludi, essenzjalment, obbligu iktar wiesa’ minn dak previst fl-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, tippreġudikax l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

30

Għandu jiġi rrilevat li l-premessa 38 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi, b’mod ġenerali, li l-aċċess mill-utenti finali għar-riżorsi kollha ta’ nnumerar fl-Unjoni, inklużi n-numri mhux ġeografiċi, huwa kundizzjoni vitali għal suq uniku.

31

Barra minn hekk, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva “Servizz Universali” jirriżulta li, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, id-Direttiva “Servizz Universali” tikkonċerna l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali. Hija intiża, b’mod partikolari, li tiżgura d-disponibbiltà, fl-Unjoni Ewropea kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku grazzi għal kompetizzjoni u għażla effettivi.

32

F’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-qafas leġiżlattiv li tagħmel parti minnu d-Direttiva “Servizz Universali”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 29 tas-sentenza Telekomunikacja Polska (C‑522/08, EU:C:2010:135), li minkejja li, fit-twettiq tal-inkarigi tagħhom, l-ARN huma, skont l-Artikolu 8(4)(b) tad-Direttiva Qafas, obbligati li jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni billi jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, id-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Servizz Universali” ma jipprevedux armonizzazzjoni kompleta tal-aspetti relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur.

33

Barra minn hekk, il-fatt li jiġi ggarantit għall-utenti ta’ Stat Membru l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi, anki fil-kuntest ta’ sitwazzjoni purament nazzjonali, jista’ jikkontribwixxi għas-suq intern peress li l-utenti finali abbonati ma’ operatur fi Stat Membru ieħor jirrikorru għas-servizzi ta’ oriġini ta’ telefonata fuq in-netwerk ta’ operatur f’dan l-ewwel Stat Membru, matul il-mawra tagħhom f’dan tal-aħħar, minħabba ftehim ta’ roaming konkluż bejn dawn l-operaturi.

34

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, interpretat fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-obbligu li jiġi żgurat l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi fit-territorju nazzjonali għall-utenti finali kollha.

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru jista’ jipprevedi li operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jiżgura li l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi jkun żgurat għall-utenti finali kollha tan-netwerk tiegħu f’dan l-Istat u mhux biss għal dawk fi Stati Membri oħrajn.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

Fuq l-ammissibbiltà

36

Polkomtel issostni li t-tielet domanda hija inammissibbli għar-raġuni li hija ma għamlitx lil Orange Polska, matul in-negozjati tagħhom, il-proposti msemmija mill-qorti tar-rinviju dwar il-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi għas-servizzi tal-oriġini ta’ telefonata meqjusa. Għalhekk, it-tielet domanda ssemmi ċirkustanzi esterni għall-fatti fil-kawża prinċipali.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Maatschap T. Van Oosterom en A. Van Oosterom-Boelhouwer, C‑485/12, EU:C:2014:250, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-imsemmija kawża (sentenza Maatschap T. Van Oosterom en A. Van Oosterom-Boelhouwer, C‑485/12, EU:C:2014:250, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ jekk Polkomtel għamlitx proposti f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi bejnha u Orange Polska għas-servizzi ta’ oriġini ta’ telefonata meqjusa tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika.

40

Konsegwentement, it-tielet domanda għandha titqies li hija inammissibbli.

Fuq il-mertu

41

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5(1) u 8(3) tad-Direttiva “Aċċess”, moqrija flimkien mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu li ARN, fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn żewġ operaturi, timponi fuq wieħed l-obbligu li jiżgura għall-utenti finali l-aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk tal-ieħor u li tistabbilixxi, abbażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess”, modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi, bejn l-imsemmija operaturi, għal dan l-aċċess bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, id-Direttiva “Aċċess”, li tidħol fi ħdan il-qafas stipulat fid-Direttiva Qafas, tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għall-faċilitajiet assoċjati, kif ukoll l-interkonnessjoni tagħhom. L-għan tad-Direttiva “Aċċess” huwa li jiġi stabbilit, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tan-netwerks u tas-servizzi, qafas regolatorju li jiffavorixxi t-twaqqif ta’ kompetizzjoni sostenibbli u li jiggarantixxi l-interoperabbiltà ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi filwaqt li jibbenefika lill-konsumaturi, u dan konformement mal-prinċipji tas-suq intern. Din id-direttiva tiddefinixxi, b’mod partikolari, l-għanijiet mogħtija lill-ARN fir-rigward tal-aċċess u l-interkonnessjoni.

43

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jirrigwarda s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-ARN fir-rigward tal-aċċess u l-interkonnessjoni. L-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva jipprevedi li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, l-ARN għandhom iħeġġu u, jekk ikun il-każ, jiżguraw, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, kif ukoll interoperabbiltà ta’ servizzi, waqt li jippromwovu l-effiċjenza ekonomika, jiffavorixxu kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li, mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “Aċċess”, jirriżulta li l-ARN għandhom l-għan li jiżguraw aċċess u interkonnessjoni xierqa kif ukoll l‑interoperabbiltà ta’ servizzi b’mezzi li ma humiex elenkati b’mod limitat [ara, dwar din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37), is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata].

45

F’dan il-kuntest, skont il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “Aċċess”, u mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq skont l-Artikolu 8 tagħha, l-imsemmija awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jimponu “obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network”, bl-għan uniku li jiżguraw il-konnettività minn tarf sa tarf (ara, dwar din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva “Aċċess”, min-naħa tiegħu, jispeċifika li l-ARN, meta dawn jintervjenu fuq talba tal-partijiet ikkonċernati sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Aċċess” kif ukoll mal-proċeduri msemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 6, 7 u 20 tad-Direttiva Qafas.

47

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva Qafas, l-ARN fl-implementazzjoni tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi prevista f’dan l-artikolu, huma ggwidati mit-tfittxija tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, li jipprevedi fil-paragrafu (3)(b) tiegħu, li l-ARN jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern, b’mod partikolari billi jinkoraġġixxu l-interoperabbiltà ta’ servizzi trans-Ewropej u l-konnettività minn tarf sa tarf.

48

Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva “Aċċess” jippermettu lill-ARN li jieħdu, fil-kuntest ta’ tilwima bejn operaturi, miżuri intiżi li jiżguraw aċċess u interkonnessjoni xierqa kif ukoll l-interoperabbiltà ta’ servizzi, bħal deċiżjoni li timponi fuq operatur l-obbligu li jiżgura għall-utenti finali l-aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk ta’ operatur ieħor.

49

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tali miżuri, meta jkunu adottati skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, jistgħux jinkludu obbligi tariffarji, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Aċċess”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ARN ikollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi msemmija fl-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-obbligi marbuta mal-kontroll tal-prezzijiet skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, fejn wara analiżi tas-suq imwettqa konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, operatur huwa identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq speċifiku, l-ARN għandhom jimponu fuqu l-imsemmija obbligi (ara, dwar id-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, kif ukoll id-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Aċċess”, kif emendati bid-Direttiva 2009/140, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 40).

50

Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “Aċċess”, bla ħsara għal ċerti dispożizzjonijiet, fosthom tal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li jimponu obbligi fuq impriżi oħra li ma humiex dawk indikati bħala li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, l-ARN jistgħu jimponu l-obbligi dwar il-kontroll tal-prezzijiet iddefiniti b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess” biss fuq operaturi li huma indikati bħala li għandhom saħħa sinjifikattiva konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din l-istess direttiva (ara, dwar id-Direttiva “Aċċess”, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, u d-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 41).

51

Konsegwentement, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “Aċċess” għandu jiġi interpretat fis-sens li, ħlief fil-kuntest ta’ ċerti dispożizzjonijiet u b’mod partikolari tal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-ARN ma jistgħux jimponu obbligi marbuta mal-kontroll tal-prezzijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess” fuq l-operaturi li ma humiex meqjusa li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq partikolari. Għalhekk, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “Aċċess” ma jipprekludix li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, obbligi marbuta mal-kontroll ta’ prezzijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” ikunu imposti fuq l-operatur li ma għandux saħħa sinjifikattiva fis-suq partikolari, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, dwar id-Direttiva “Aċċess”, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, u d-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 42).

52

Minn dan jirriżulta li l-ARN jistgħu jimponu obbligi tariffarji paragunabbli ma’ dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, fuq operatur li ma għandux saħħa sinjifikattiva fis-suq, iżda jikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali, jekk tali obbligi jikkostitwixxu miżuri meħtieġa u proporzjonati sabiex jiggarantixxu li l-utenti finali jkunu jistgħu jaċċedu għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni (ara, dwar id-Direttiva “Aċċess”, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, u d-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 43).

53

Għalhekk, l-ARN jistgħu b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ tilwima bejn operaturi, jimponu obbligi tariffarji, bħall-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi, bejn l-imsemmija operaturi, għall-aċċess tal-utenti finali għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk ta’ wieħed minnhom, jekk tali obbligi jkunu meħtieġa u proporzjonati, konstatazzjoni li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

54

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 5(1) u (3) u 8(4) tad-Direttiva “Aċċess” jipprevedu l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw l-obbligi imposti mill-ARN fuq l-operaturi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikoli 5(1) u 8 ta’ din id-direttiva (ara, dwar l-imsemmija direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 45).

55

B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva “Aċċess” jipprevedi li l-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti b’mod partikolari skont il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u għandhom ikunu implementati skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas (ara, dwar id-Direttiva “Aċċess” u d-Direttiva Qafas, kif emendati bid-Direttiva 2009/140, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 46).

56

Skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva “Aċċess”, l-obbligi imposti konformement ma’ dan l-artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, ikunu proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, u jistgħu jiġu imposti biss wara l-konsultazzjoni prevista fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas (ara, dwar id-Direttiva “Aċċess” u d-Direttiva Qafas, kif emendati bid-Direttiva 2009/140, is-sentenza KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 47).

57

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata skont l-Artikoli 5(1) u 8(3) tad-Direttiva “Aċċess”, moqrija flimkien mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, sabiex tiżgura għall-utenti finali ta’ operatur l-aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk ta’ operatur ieħor, għandha wkoll tissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 52, 55 u 56 ta’ din is-sentenza.

58

Peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà għal ARN, adita b’tilwima bejn operaturi, li tistabbilixxi modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi billi tibbaża ruħha fuq it-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata li ġew stabbiliti għal wieħed minnhom skont l-ispejjeż, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess” ma jirregolax tali modalitajiet. Għalhekk, huma l-ARN li għandhom jistabbilixxu dawn il-modalitajiet billi jiżguraw li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva.

59

Peress li l-imsemmija qorti tistaqsi wkoll, fid-dawl tal-libertà ta’ intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta, dwar il-possibbiltà għal ARN li tadotta deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissostitwixxi kuntratt bejn l-operaturi kkonċernati, għandu jiġi rrilevat li l-Karta, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009, ma tapplikax ratione temporis għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li d-deċiżjoni tal-President tal-UKE ġiet adottata fis‑6 ta’ Mejju 2009.

60

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali tagħmel parti, l-istess bħad-dritt għall-proprjetà, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji madankollu ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-rwol tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali, bħall-użu tad-dritt għall-proprjetà, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu effettivament jikkorrispondu għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jkunux jikkostitwixxu, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-qofol stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, EU:C:2004:443, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Issa, huwa stabbilit li d-deċiżjoni tal-President tal-UKE, tas‑6 ta’ Mejju 2009, ġiet adottata abbażi ta’ liġi nazzjonali li tittrasponi b’mod partikolari d-Direttivi “Servizz Universali” u “Aċċess” u tissodisfa għan ta’ interess ġenerali hekk irrikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-aċċess għall-utenti finali tal-Unjoni għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi. Għalhekk, din id-deċiżjoni ma tiksirx l-libertà ta’ intrapriża sakemm, bħalma diġà ġie indikat fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, l-obbligi imposti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn l-operaturi kkonċernati kienu meħtieġa u proporzjonati, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

62

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 5(1) u 8(3) tad-Direttiva “Aċċess”, moqrija flimkien mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu li ARN, fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn żewġ operaturi, timponi fuq wieħed l-obbligu li jiżgura għall-utenti finali l-aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk tal-ieħor u li tistabbilixxi, abbażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess”, modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi, bejn l-imsemmija operaturi, għal dan l-aċċess bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dawn l-obbligi jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji, ibbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, u fejn il-proċeduri previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva tal-aħħar ikunu, skont il-każ, ġew osservati, fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru jista’ jipprevedi li operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jiżgura li l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi jkun żgurat għall-utenti finali kollha tan-netwerk tiegħu f’dan l-Istat u mhux biss għal dawk fi Stati Membri oħrajn.

 

2)

L-Artikoli 5(1) u 8(3) tad-Direttiva 2002/19/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva “Aċċess”), moqrija flimkien mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu li awtorità regolatorja nazzjonali, fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn żewġ operaturi, timponi fuq wieħed l-obbligu li jiżgura għall-utenti finali l-aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi pprovduti fuq in-netwerk tal-ieħor u li tistabbilixxi, abbażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19, modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi, bejn l-imsemmija operaturi, għal dan l-aċċess bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dawn l-obbligi jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji, ibbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”), u fejn il-proċeduri previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva tal-aħħar ikunu, skont il-każ, ġew osservati, fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top