EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0379

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015.
TOP Logistics BV u Van Caem International BV vs Bacardi Co. Ltd u Bacardi International Ltd- Bacardi & Company Ltd u Bacardi International Ltd vs TOP Logistics BV u Van Caem International BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Den Haag.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 5 – Prodotti li għandhom trade mark irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera u mqiegħda taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark – Dritt ta’ dan il-proprjetarju li jopponi dan it-tqegħid – Kunċett ta’ ‘użu fil-kummerċ’.
Kawża C-379/14.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:497

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 5 — Prodotti li għandhom trade mark irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera u mqiegħda taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark — Dritt ta’ dan il-proprjetarju li jopponi dan it-tqegħid — Kunċett ta’ ‘użu fil-kummerċ’”

Fil-Kawża C‑379/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2014, fil-proċeduri

TOP Logistics BV,

Van Caem International BV

vs

Bacardi & Company Ltd,

Bacardi International Ltd,

u

Bacardi & Company Ltd,

Bacardi International Ltd

vs

TOP Logistics BV,

Van Caem International BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TOP Logistics BV, minn G. van der Wal u M. Tsoutsanis, advocaten,

għal Van Caem International BV, minn J. S. Hofhuis, advocaat,

għal Bacardi & Company Ltd u Bacardi International Ltd, minn N.W. Mulder, advocaat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F. Gloaguen, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Rebelo u N. Vitorino, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u F.W. Bulst kif ukoll minn L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, TOP Logistics BV (iktar ’il quddiem “TOP Logistics”) u Van Caem International BV (iktar ’il quddiem “Van Caem”) u, min-naħa l-oħra, Bacardi & Company Ltd u Bacardi International Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Bacardi”) kif ukoll bejn, minn naħa, Bacardi u, min-naħa l-oħra, TOP Logistics u Van Caem dwar prodotti li joriġinaw minn Bacardi li ddaħħlu, mingħajr il-kunsens ta’ din tal-aħħar, fi-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li hemmhekk tqiegħdu taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 89/104

3

L-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 89/104 kien jistabbilixxi li:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ [fil-kummerċ]:

(a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

(b)

kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

[…];

(b)

li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

(ċ)

jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

[…].”

4

Id-Direttiva 89/104 tħassret mid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008. Madankollu, il-kawżi prinċipali jibqgħu rregolati, fid-dawl tad-data tal-fatti, mid-Direttiva 89/104.

Id-Direttiva 92/12/KEE

5

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1):

“Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

[…],

alkoħol u xorb alkoħoliku,

[…]”

6

L-Artikolu 4(b) u (ċ) tad-Direttiva 92/12 kien jipprevedi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom jgħoddu id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)

maħżen tat-taxxa: lok fejn oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, proċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat fil-kors tan-negozju tiegħu, bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn icon [ikun] jinsab il-maħżen tat-taxxa;

(ċ)

arranġament ta’ sospensjoni: arranġament ta’ taxxa applikat għall-produzzjoni, proċessar, żamma u ċaqliq ta’ prodotti, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

[...]”

7

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12/KEE kien ifformulat kif ġej:

“Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 2 jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju.

‘Importazzjoni ta’ prodott soġġett għad-dazju tas-sisa’ għandha tfisser id-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità [...]

Iżda, meta l-prodott jitqiegħed taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità mad-dħul fit-territorju tal-Komunità, l-importazzjoni għandha titqies li seħħ meta jkun għadda mill-proċedura tad-dwana tal-Komunità.”

8

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12/KE kien jistabbilixxi li:

“Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum [...]

Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:

(a)

kull tluq, inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni;

(b)

kull manifattura, inkluża manifattura irregolari, ta’ dawk il-prodotti barra arranġament ta’ sospensjoni;

(ċ)

kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni irregolari, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni.”

9

Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 92/12:

“Il-produzzjoni, ipproċessar u żamma tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, fejn dan ta’ l-aħħar ma jkunx tħallas, għandu jseħħ f’maħżen tat-taxxa.”

10

B’effett mill-1 ta’ April 2010, id-Direttiva 92/12 tħassret mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009 L 9, p. 12). Madankollu, il-kawżi prinċipali jibqgħu rregolati, fid-dawl tad-data tal-fatti, mid-Direttiva 92/12.

Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

11

L-Artikolu 91(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 221, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) kien jipprevedi li:

“Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

(a)

merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]”

12

L-Artikolu 92 tal-istess kodiċi kien jistabbilixxi li:

“1.   Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni.

2.   L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura meta jkunu f’pozizzjoni li jistbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement.”

13

L-Artikolu 98(1) tal-Kodiċi Doganali kien jipprevedi li:

“Il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali għandha tippermetti l-ħażna f’maħżen doganali ta’:

(a)

merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji ta’ l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]”

14

Il-Kodiċi Doganali tħassar mir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawżi prinċipali, il-merkanzija msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza hija rregolata mill-Kodiċi Doganali.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

15

TOP Logistics, li qabel kellha l-isem “Mevi Internationaal Expeditiebedrijf BV” (iktar ’il quddiem “Mevi”), hija impriża attiva fil-ħżin u fit-trasbord ta’ merkanzija. Hija għandha awtorizzazzjoni ta’ ġestjoni ta’ maħżen doganali u ta’ maħżen tat-taxxa.

16

Van Caem hija impriża attiva fil-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti tad-ditta.

17

Bacardi tipproduċi u tikkummerċjalizza xorb alkoħoliku. Hija proprjetarja ta’ diversi trade marks għal dawn il-prodotti.

18

Matul is-sena 2006, fuq talba ta’ Van Caem, diversi kunsinni prodotti minn Bacardi, ittrasportati lejn il-Pajjiżi l-Baxxi minn Stat terz, ġew maħżuna minn Mevi fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

19

Din il-merkanzija tqiegħdet taħt is-sistema doganali sospensiva ta’ tranżitu estern jew ta’ ħażna doganali, billi tali merkanzija kienet magħrufa bħala “merkanzija T1”.

20

Parti minn din il-merkanzija ġiet, sussegwentement, irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera u tqiegħdet taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. B’hekk, din il-merkanzija ma baqgħetx taħt is-sistemi doganali sospensivi rregolati mill-Artikolu 91, 92 u 98 tal-Kodiċi Doganali u tqiegħdet f’maħżen tat-taxxa.

21

Billi hija ma kinitx tat il-kunsens tagħha għall-introduzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fiż-ŻEE u billi saret taf, barra minn hekk, li l-kodiċi tal-prodotti kienu tneħħew mill-fliexken li kienu jagħmlu parti mill-kunsinni kkonċernati, Bacardi ordnat is-sekwestru tagħhom u talbet diversi miżuri lir-Rechtbank te Rotterdam. Hija invokat, għal dan il-għan, ksur tat-trade marks Benelux tagħha.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2008, ir-Rechtbank te Rotterdam (qorti ta’ Rotterdam) ikkonstatat li l-introduzzjoni fiż-ŻEE tal-merkanzija inkwistjoni kienet tikser it-trade marks Benelux ta’ Bacardi u ħadet ċerti miżuri mitluba.

23

TOP Logistics appellat quddiem il-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell, Van Caem ġiet awtorizzata tintervjeni.

24

Permezz ta’ sentenza interlokutorja tat-30 ta’ Ottubru 2012, din il-qorti ddeċidiet li, sakemm il-merkanzija inkwistjoni kellha l-istatus ta’ merkanzija T1, ma kienx hemm ksur tat-trade marks Benelux ta’ Bacardi.

25

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-trade marks inkwistjoni ġewx miksura ladarba huma tqiegħdu taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, l-imsemmija qorti ddikjarat, fis-sentenza interlokutorja tagħha, li kellha l-intenzjoni tressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

26

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Gerechtshof Den Haag tiddikjara li, bil-kontra ta’ dak li jiġri fil-każ ta’ merkanzija T1, id-dazji fuq l-importazzjoni eventwalment dovuti tħallsu għall-merkanzija li tinsab fil-maħżen tat-taxxa. Konsegwentement, din il-merkanzija ġiet importati fis-sens tad-Direttiva 92/12 u rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera. Hija saret merkanzija Komunitarja.

27

Madankollu, skont il-Gerechtshof Den Haag, dawn il-konstatazzjonijiet ma jwasslux neċessarjament għall-konklużjoni li l-merkanzija inkwistjoni ġiet importata fis-sens tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 89/104.

28

Barra minn hekk, il-Gerechtshof Den Haag għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk, fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, jistax ikun hemm “użu”“matul il-kummerċ [fil-kummerċ]”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 u riskju li tiġi ppreġudikata waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Dawn id-domandi jikkonċernaw merkanzija li toriġina barra miż-ŻEE li, wara li tkun iddaħħlet fit-territorju taż-ŻEE (mhux mill-proprjetarju tat-trade mark u lanqas bil-kunsens tiegħu), tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern jew taħt il-proċedura ta’ ħażna fl-imħażen doganali [...] fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

1)

Fejn tali merkanzija hija sussegwentement, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, imqiegħda taħt proċedura ta’sospensjoni tad-dazji tas-sisa, din għandha tkun ikkunsidrata bħala importata fis-sens tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 89/104 [...], fis-sens li tikkonċerna ‘[użu tas-sinjal] fl-eżerċizzju tal-kummerċ’ li jista’ jiġi pprojbit mill-proprjetarju tat-trade mark skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva?

2)

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, is-sempliċi preżenza ta’ tali merkanzija fi Stat Membru (imqiegħda taħt proċedura ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa f’dak l-Istat Membru) ma taffettwax jew ma tkunx tista’ taffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark, b’tali mod li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jinvoka drittijiet ta’ trade mark nazzjonali f’dak l-Istat Membru ma jkunx jista jopponi din il-preżenza?”

Fuq id-domandi preliminari

30

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew iktar jistax jopponi li terz iqiegħed merkanzija li għandha din it-trade mark taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa wara li, mingħajr il-kunsens ta’ dan il-proprjetarju, jkun introduċiha fiż-ŻEE u rrilaxxaha għal ċirkulazzjoni libera.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li huwa essenzjali li proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew iktar ikun jista’ jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-prodotti li għandhom din it-trade mark (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 33; Makro Zelfbedieningsgroothandel et, C‑24/08, EU:C:2009:633, punt 32, kif ukoll L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 60).

32

Għal dan l-iskop, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark dritt esklużiv li jippermettilu li jipprojbixxi lil terzi kollha, b’mod partikolari, li jimportaw prodotti li jkollhom it-trade mark tiegħu, li joffruhom, li jqegħduhom fis-suq jew li jżommuhom għal dan il-għan mingħajr il-kunsens tiegħu (sentenzi Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 40; Van Doren + Q, C‑244/00, EU:C:2003:204, point 33, kif ukoll Peak Holding, C‑16/03, EU:C:2004:759, punt 34).

33

F’dan il-każ, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġiet prodotta fi Stat terz. Hija ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark u tqiegħdet taħt sistema doganali sospensiva. Sussegwentement, din ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera, liema fatt temm l-imsemmija sistema doganali u wassal għall-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni, u dan mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju.

34

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma għadhiex suġġetta għal sistema doganali sospensiva. Konsegwentement, il-ġurisprudenza li tgħid li t-tqegħid ta’ prodotti tad-ditta taħt sistema doganali sospensiv, bħal dik ta’ tranżitu estern msemmija fl-Artikolu 91 u 92 tal-Kodiċi Doganali jew ta’ ħażna doganali msemmija fl-Artikolu 98 ta’ dan il-kodiċi, ma jistax fih innifsu jippreġudika d-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Philips u Nokia, C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) ma tapplikax f’kawżi bħal dawk prinċipali.

35

Għall-kuntrarju, billi id-dazji fuq l-importazzjoni tħallsu għall-merkanzija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u billi din ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera, din il-merkanzija għandha titqies li ġiet importata fis-sens tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 89/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Class International, C‑405/03, EU:C:2005:616, punti 43 u 44, kif ukoll id-digriet Canon, C‑449/09, EU:C:2010:651, punt 18).

36

Barra minn hekk, billi taqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali saret wkoll, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, merkanzija importata fis-sens tal-istess direttiva malli hija ħarġet mis-sistema doganali.

37

Madankollu, id-dubji li l-qorti tar-rinviju għandha dwar il-kwistjoni jekk il-proprjetarju tat-trade mark jistax jopponi li l-merkanzija, li tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera mingħajr il-kunsens tiegħu, titqiegħed taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa huma, l-ewwel nett, marbuta mal-fatt li, skont ir-regoli stabbiliti mid-Direttiva 92/12, matul din il-ħażna għal skopijiet ta’ taxxa d-dazji tas-sisa ma jitħallsux u li, konsegwentement, il-merkanzija kkonċernata tkun għadha ma tistax tiġi rrilaxxata għall-konsum.

38

Issa, hekk kif osservaw Bacardi u l-Gvern Franċiż, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104, kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark ma huwa bl-ebda mod obbligat li jistenna r-rilaxx għall-konsum ta’ merkanzija li għandha t-trade mark tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt esklużiv tiegħu. Fil-fatt, huwa jista’ jopponi wkoll ċerti atti li jitwettqu, mingħajr il-kunsens tiegħu, qabel dan ir-rilaxx għall-konsum. Fost dawn l-atti hija inkluża, b’mod partikolari, l-importazzjoni tal-merkanzija kkonċernata u ż-żamma tagħha għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq tagħha.

39

Abbażi ta’ qari konġunt tal-Artikolu 5(3) u tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, għandu jiġi kkonstatat li l-atti ta’ operatur ekonomiku bħal, f’dan il-każ, Van Caem, li jikkonsistu fl-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark u fit-tqegħid ta’ din il-merkanzija taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, kif ukoll fiż-żamma tagħha f’maħżen tat-taxxa fl-istennija tal-ħlas tad-dazji tas-sisa u tar-rilaxx għall-konsum, għandhom jiġu kklassifikati bħala “[użu] matul il-kummerċ [fil-kummerċ] [ta’] kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija [...] li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104.

40

Huwa minnu li, billi jimporta u jaħżen merkanzija li għandha sinjal identiku għal trade mark ta’ ħaddieħor għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, l-imsemmi operatur ekonomiku ma jkunx qed juża dan is-sinjali fit-tranżazzjonijiet imwettqa mal-konsumaturi. Madankollu, bil-konsegwenza li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104 jiġi mċaħħad mil-effettività tiegħu, il-kliem “użu” u “matul il-kummerċ [fil-kummerċ]” użati fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jirreferu biss għar-relazzjonijiet immedjati bejn negozjant u konsumatur.

41

Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, il-kunċett ta’ “użu”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li jkun hemm użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, meta l-operatur ekonomiku kkonċernat juża dan is-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu (sentenza Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 56).

42

Dan huwa l-każ, pereżempju, meta operatur ekonomiku jimporta jew jagħti lil persuna responsabbli minn maħżen merkanzija li għandha trade mark li ma tkunx proprjetà tiegħu bl-għan li din il-merkanzija titqiegħed fis-suq. Kieku kien mod ieħor, l-atti ta’ importazzjoni u ta’ żamma għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq, imsemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104 u normalment imwettqa fl-assenza ta’ kuntatt dirett mal-konsumaturi potenzjali, ma jkunux jistgħu jiġi kklassifikati bħala “użu” fis-sens ta’ dan l-artikolu u ma jkunux jistgħu jiġu pprojbiti, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni identifikahom espressament bħala atti li jistgħu jiġu pprojbiti.

43

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-espressjoni “matul il-kummerċ [fil-kummerċ]”, hija ġurisprudenza stabbilita li l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark iseħħ fil-kummerċ meta jseħħ fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex jinkiseb vantaġġ ekonomiku u mhux fil-kuntest privat (sentenzi Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 40; Céline, C‑17/06, EU:C:2007:497, punt 17, kif ukoll Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 50).

44

Dan huwa ċertament il-każ meta, bħal fil-kawżi prinċipali, operatur ekonomiku li jkun attiv fil-kummerċ parallel ta’ prodotti tad-ditta jimporta jew jaħżen tali prodotti.

45

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-persuna responsabbli mill-maħżen bħal, f’dan il-każ, TOP Logistics, għandu jiġi kkonstatat li l-provvista minn din tal-aħħar tas-servizz ta’ ħżin ta’ merkanzija li għandha t-trade mark ta’ ħaddieħor ma tikkostitwixxix użu tas-sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti u servizzi identiċi jew simili għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata. Sa fejn tali fornitur jippermetti lill-klijenti tiegħu li jagħmlu użu ta’ dan it-tip, ir-rwol tiegħu ma jistax jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 iżda, jekk ikun il-każ, għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet legali oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Frisdranken Industrie Winters, C‑119/10, EU:C:2011:837, punti 28 sa 35).

46

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-riskju li jiġu ppreġudikati l-funzjonijiet tat-trade mark li jista’ jiġi kkawżat mill-att li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ merkanzija li għandha trade mark ta’ ħaddieħor taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. Hija ssemmi, f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark għandu jkun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark, kemm jekk tkun il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini jew waħda mill-funzjonijiet l-oħra tagħha (sentenzi Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 79, kif ukoll Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 38).

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni tal-oriġini tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark bħala li joriġina minn impriża partikolari, liema impriża hija dik li taħt il-kontroll tagħha jiġi kkummerċjalizzat il-prodott jew is-servizz (sentenza Backaldrin Österreich The Kornspitz Company, C‑409/12, EU:C:2014:130, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Hekk kif josservaw Bacardi u l-Gvern Franċiż, kull att ta’ terz li jipprekludi lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew iktar milli jeżerċità d-dritt tiegħu, rikonoxxut mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-prodotti li għandhom din it-trade mark, jippreġudika min-natura tiegħu stess l-imsemmija funzjoni essenzjali tat-trade mark. L-importazzjoni ta’ prodotti mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata u ż-żamma f’maħżen tat-taxxa ta’ dawn il-prodotti fl-istennija tar-rilaxx tagħhom għall-konsum fl-Unjoni għandhom l-effett li jċaħħdu lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark mill-possibbiltà li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-prodotti li għandhom it-trade mark tiegħu. Għaldaqstant, tali atti jippreġudikaw il-funzjoni tat-trade mark li tikkonsisti f’li tiġi identifikata l-impriża li minnha joriġinaw il-prodotti u li taħt il-kontroll tagħha jiġi organizzat l-ewwel tqegħid fis-suq.

49

Din l-analiżi ma hijiex invalidata mill-fatt li l-merkanzija importata u mqiegħda taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa tista’, sussegwentement, tiġi esportati lejn Stat terz u għalhekk ma tiġi qatt irrilaxxata għall-konsum fi Stat Membru. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li kull merkanzija f’ċirkulazzjoni libera tista’ tiġi esportata. Din il-possibbiltà ma tistax tostakola l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tat-trade marks fil-konfront tal-merkanzija importata fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-esportazzjoni hija fiha nnifisha att kopert mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew iktar jista’ jopponi li terz iqiegħed merkanzija li għandha din it-trade mark taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa wara li, mingħajr il-kunsens ta’ dan il-proprjetarju, jkun introduċiha fiż-ŻEE u rrilaxxaha għal ċirkulazzjoni libera.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew iktar jista’ jopponi li terz iqiegħed merkanzija li għandha din it-trade mark taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa wara li, mingħajr il-kunsens ta’ dan il-proprjetarju, jkun introduċiha fiż-Żona Ekonomika Ewropea u rrilaxxaha għal ċirkulazzjoni libera.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top