EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61999CJ0414

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Novembru 2001.
Zino Davidoff SA vs A & G Imports Ltd u Levi Strauss & Co. et. vs Tesco Stores Ltd et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Patent Court) - ir-Renju Unit.
Direttiva 89/104/KEE.
Każijiet Magħquda C-414/99 sa C-416/99.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2001:617

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

20 ta' Novembru 2001"

Trade marks Direttiva 89/104/KEE Artikolu 7(1) Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark Tqegħid fis-suq barra ż-ŻEE – Importazzjoni fiż-ŻEE Kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark Neċessità ta' kunsens espress jew taċitu Liġi applikabbli għall-kuntratt Preżunzjoni ta' kunsens Inapplikabbiltà

Fil-kawżi magħquda C-414/99 sa C-416/99

li għandhom bħala suġġett talbiet indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Patent Court) (ir-Renju Unit) u intiżi sabiex jiksbu, fil-kawżi pendenti quddiem din il-qorti bejn

Zino Davidoff SA

u

A & G Imports Ltd (C 414/99),

bejn

Levi Strauss & Co.,

Levi Strauss (UK) Ltd

u

Tesco Stores Ltd,

Tesco plc (C 415/99)

u bejn

Levi Strauss & Co.,

Levi Strauss (UK) Ltd

u

Costco Wholesale UK Ltd, preċedentement Costco UK Ltd (kawża C- 416/99),

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7 ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p 1), kif emendata mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta' Mejju 1992 (ĠU L 1, 1994, p 3),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann, N. Colneric u S. von Bahr, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann (Relatur), D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, L. Sevón, V. Skouris u C. W. A. Timmermans, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Zino Davidoff SA, minn M. Silverleaf, QC, u R. Hacon, barrister, inkarigati minn R. Swift, solicitor,

–       għal Levi Strauss & Co. u Levi Strauss (UK) Ltd, minn H. Carr u D. Anderson, QC, inkarigati minn Baker & MacKenzie, solicitors,

–       għal A & G Imports Ltd, minn G. Hobbs, QC, u C. May, barrister, inkarigati minn A. Millmore u I. Mackie, solicitors,

–       għal Tesco Stores Ltd u Tesco plc, minnG. Hobbs u D. Alexander, barrister, inkarigati minn C. Turner u E. Powell, solicitors,

–       għal Costco Wholesale UK Ltd, minn G. Hobbs u D. Alexander, inkarigati minn G. Heath u G. Williams, solicitors,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, A. Dittrich u B. Muttelsee-Schön, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger u A. Maitrepierre, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn O. Fiumara, vice avvocato generale dello Stato,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Banks, bħala aġent,

–       għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn A.-L. H. Rolland, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta' Zino Davidoff SA, irrappreżentata minn M. Silverleaf, ta' Levi Strauss & Co. u ta' Levi Strauss (UK) Ltd, irrappreżentati minn H. Carr u D. Anderson, ta' A & G Imports Ltd, irrappreżentata minn G. Hobbs u C. May, ta' Tesco Stores Ltd, ta' Tesco plc u ta' Costco Wholesale UK Ltd, irrappreżentati minn G. Hobbs u D. Alexander, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn H. Heitland, bħala aġent, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn A. Maitrepierre, tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn K. Banks, u ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn P. Dyrberg u D. Sif Tynes, bħala aġenti, fis-seduta tas-16 ta' Jannar 2001,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta' April 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B' digriet ta' l-24 ta' Ġunju 1999 (kawża C-414/99), u żewġ digrieti tat-22 ta' Lulju 1999 (kawżi C-415/99 u C-416/99), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Ottubru 1999, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (Patent Court) għamlet, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 234 KE, sitt domandi preliminari, fl-ewwel kawża u tliet domandi preliminari identiċi f'kull waħda miż-żewġ kawżi l-oħra, dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7 ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p 1), kif emendata mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta' Mejju 1992 (ĠU L 1, 1994, p 3; iktar 'il quddiem id-“Direttiva”).


2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' tliet kawżi bejn, min-naħa, żewġ proprjetarji ta' trade marks irreġistrati fir-Renju Unit u proprjetarju ta' liċenzja għall-użu ta' trade mark u min-naħa l-oħra erba' kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, dwar l-ikkummerċjalizzar fir-Renju Unit ta' prodotti li preċedentement kienu tqiegħdu fis-suq barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem iż-“ŻEE”).

 Il-kuntest legali

3       L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark” jipprovdi kif ġej:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

(a) kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

[…]

3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti [taħt il-paragrafu 1]:

[…]

(ċ) jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

[…]”.

4       L-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi kif ġej:

“1. It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ merkanzija li tqiegħdet fuq is-suq [fil-Komunità] taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju biex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni ta’ l-merkanzija, speċjalment fejn il-kundizzjoni ta’ l-merkanzija hi mibdula jew danneġġjata wara li tqiegħdet fuq is-suq”.

5       Skond l-Artikolu 65(2) moqri flimkien mal-punt 4 ta' l-Anness XVII tal-Ftehim, dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104 kien ġie emendat għall-finijiet ta' l-imsemmi ftehim, fejn l-espressjoni “fil-Komunità” ġiet sostitwita bil-kliem “f' Parti Kontraenti” .

6       Id-Direttiva kienet ġiet trasposta fir-Renju Unit, b'effett mill-31 ta' Ottubru 1994, permezz tat-Trade marks Act 1994 (Liġi ta' l-1994 dwar it-Trade marks).

 Il-kawżi prinċipali

 Kawża C-414/99

7       Zino Davidoff SA (iktar 'il quddiem: “Davidoff”) hija l-proprjetarja ta' żewġ trade marks “Cool Water” u “Davidoff Cool Water”, li huma rreġistrati fir-Renju Unit u użati għal gamma wiesgħa ta' prodotti ta' fwieħa u kosmetiċi. Il-prodotti mmanifatturati minn Davidoff jew f'isimha u mogħnija b'dawn it-trade marks bil-kunsens ta' Davidoff, huma mibjugħa minnha jew f'isimha kemm fiż-ŻEE kif ukoll barra minn din iż-żona.

8       Dawn il-prodotti għandhom numru ta' kunsinna. Din il-marka hija intiża sabiex jiġu rrispettati d-dispożizzjonijeit tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, tas-27 ta' Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (ĠU L 262, p. 169), trasposta fir-Renju Unit permezz tal-Cosmetic Products (Safety) Regulations 1996 (Regolamenti ta' l-1996 dwar is-sigurtà tal-prodotti kosmetiċi) (SI 2925/1996). Il-kwistjoni dwar jekk in-numri ta' kunsinna humiex ukoll intiżi għal finijiet oħra għajr l-osservanza tad-Direttiva 76/768 u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li implementawha ma kinitx ġiet deċiża mill-qorti tar-rinviju.

9       Fl-1996, Davidoff ikkonkludiet kuntratt ta' distribuzzjoni esklużiva ma' operatur f'Singapor. Skond dan il-kuntratt, id-distributur intrabat biex, minn naħa, ibigħ il-prodotti ta' Davidoff f'territorju stabbilit biss, barra miż-ŻEE, lil sotto-distributuri, sotto-aġenti jew bejjiegħa bl-imnut lokali u, min-naħa l-oħra, biex huwa stess jimponi fuq dawn il-kontropartijiet projbizzjoni milli jerġgħu jbigħu l-prodotti kkonċernati barra mit-territorju stabbilit. Il-partijiet ftiehmu espressament li dan il-kuntratt ta' distribuzzjoni kellu jkun esklużivament suġġett għal-liġi Ġermaniża.

10     A & G Imports Ltd (iktar 'il quddiem: “A & G”) xtrat xi kunsinni ta' prodotti ta' Davidoff, immanifatturati fiż-ŻEE, li oriġinarjament kienu tqiegħdu fis-suq ta' Singapor minnha jew bil-kunsens tagħha.

11     A & G importat dawn il-prodotti fir-Renju Unit u bdiet tbigħhom. Hija stess, jew operatur ieħor fil-katina ta' distribuzzjoni neħħiet jew ħassret b'mod sħiħ jew parzjali n-numri ta' kunsinna.

12     Fl-1998 Davidoff bdiet proċeduri ġudizzjarji kontra A & G quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (Patent Court), fejn sostniet, b'mod partikulari, li l-importazzjoni u l-bejgħ fir-Renju Unit ta' dawn il-prodotti, kienu jiksru d-drittijiet tagħha ta' trade mark.

13     A & G invokat id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(1) u 7(1) tad-Direttiva, billi sostniet li l-importazzjoni u l-bejgħ kienu saru bil-kunsens ta' Davidoff jew kellhom ikunu meqjusa li saru b'tali kunsens, b'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi li fihom il-prodotti kienu tqiegħdu fis-suq f'Singapor.

14     Davidoff ċaħdet li qatt tat il-kunsens tagħha jew setgħet tiġi kkunsidrata bħala li tat il-kunsens tagħha għall-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE. Minbarra dan, hija invokat motivi leġittimi, skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva sabiex topponi għall-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha. Dawn il-motivi kienu bbażati fuq it-tneħħija jew it-tħassir b'mod sħiħ jew parzjali tan-numri ta' kunsinna.

15     B'deċiżjoni tat-18 ta' Mejju 1999, il-qorti tar-rinviju ċaħdet talba ta' Davidoff għal deċiżjoni sommarja, għaliex ikkunsidrat li l-kawża kellha tkun is-suġġett ta' proċess komplut. Madanakollu, hija ddeċidiet li, għall-finijiet ta' dan il-proċess, il-portata u l-effett ta' l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva kellhom ikunu ppreċiżati.

16     F'dan il-kuntest, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (Patent Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)       Hemm lok li l-kunċett ta' tqegħid fis-suq fil-Komunità bil-kunsens tal- proprjetarju ta' trade mark skond l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1), jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi kull kunsens kemm espress kif ukoll taċitu u kemm dirett kif ukoll indirett?

2)      Meta,

a)       il-proprjetarju ta' trade mark ippermetta jew ta l-kunsens tiegħu sabiex il-prodotti jkunu trasferiti lil terza persuna f'ċirkustanzi tali li d-dritt ta' din it-terza persuna sabiex tikkummerċjalizza ulterjorment prodotti jiddependi fuq il-liġi tal-kuntratt li taħtu hija tkun xtrat dawn il-prodotti, u

b)       din il-liġi tippermetti lill-bejjiegħ jimponi restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri jew l-użu tal-prodotti mix-xerrej iżda tipprovdi wkoll illi, sakemm ma jkunux ġew imposti restrizzjonijiet effettivi fuq id-dritt tax-xerrej li jipproċedi għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodott minn jew f'isem il-proprjetarju, it-terza persuna għandha d-dritt li tikkummerċjalizza l-prodotti f'kull pajjiż, inkluża l-Komunità,

f'dan il-każ, dejjem jekk ebda restrizzjoni effettiva ma kienet ġiet imposta skond din il-liġi sabiex tillimita d-dritt tat-terza persuna li tikkummerċjalizza l-prodotti, id-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunsens tal-proprjetarju għad-dritt hekk miksub mit-terza persuna li tikkummerċjalizza l-prodotti fil-Komunità għandu jkun preżunt?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda [preċedenti] tkun fl-affermattiv, għandhom ikunu l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, restrizzjonijiet effettivi kienu ġew imposti fuq it-terza persuna?

4)      Hemm lok li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jiġi interpretat fis-sens li kull att ta' terza persuna li jeffettwa b'mod kunsiderevoli l-valur, il-ġibda lejn jew id-dehra tat-trade mark jew tal-prodotti mogħnija biha jikkostitwixxi motiv leġittimu li l-proprjetarju jista' juża sabiex jopponi għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti tiegħu?

5)       Hemm lok li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija jew it-tħassir minn terzi persuni ta' kwalunkwe marka (b'mod sħiħ jew parzjali) li hemm fuq il-prodott tikkostitwixxi motiv leġittimu li l-proprjetarju jista' juża sabiex jopponi għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti tiegħu, meta tali tneħħija jew tħassir ma jwassalx fil-verità għal dannu gravi jew sostanzjali lir-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-prodotti mogħnija b'din it-trade mark ?

6)       Hemm lok li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija jew it-tħassir minn terzi persuni (b'mod sħiħ jew parzjali) tan-numri ta' kunsinna li jidhru fuq il-prodotti tikkostitwixxi motiv leġittimu li l-proprjetarju jista' juża sabiex jopponi għall-kummerċjalizzazjoni ulterjuri tal-prodotti tiegħu, meta jirriżulta minn tali tneħħija jew tħassir li l-prodotti kkonċernati

         a) jiksru xi parti tal-kodiċi kriminali ta' Stat Membru (li ma tirrigwardax it-trade marks), jew

         b) jiksru d-dispożizzjonijet tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (ĠU L 262, 1976, p 169)?”

 Kawżi C-415/99 u C-416/99

17     Levi Strauss & Co, kumpannija kostitwita skond il-liġijiet ta' l-Istat ta' Delaware (l-Istati Uniti), hija l-proprjetarja tat-trade marks Levi's u 501, irreġistrati fir-Renju Unit u użati, b'mod partikulari, għal jeans.

18     Levi Strauss (UK) Ltd, kumpannija kkostitwita skond il-liġi Ingliża, hija l-proprjetarja, fir-Renju Unit, ta' liċenzja ta' trade mark konċessa minn Levi Strauss & Co., għall-manifattura, il-bejgħ u d-distribuzzjoni, b'mod partikolari, ta' jeans Levi's 501. Hija tbigħ dawn il-prodotti fir-Renju Unit hija stess jew tagħti liċenzji lil numru ta' bejjiegħa bl-imnut fil-kuntest ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva.

19     Tesco Stores Ltd u Tesco plc (iktar 'il quddiem, flimkien: “Tesco”) huma żewġ kumpanniji kostitwiti skond il-liġi Ingliża, li minnhom it-tieni hija l-kumpannija parent ta' l-ewwel. Tesco hija waħda mill-ktajjen ta' supermarkets ewlenin fir-Renju Unit. Hija tbigħ, fost affarijiet oħra, ħwejjeġ.

20     Costco Wholesale UK Ltd (iktar 'il quddiem: “Costco”), kumpannija kostitwita skond il-liġi Ingliża, tbigħ fir-Renju Unit gamma kbira ta' prodotti tad-ditta, b'mod partikulari ħwejjeġ.

21     Levi Strauss & Co. u Levi Strauss (UK) Ltd (iktar 'il quddiem, flimkien, “Levi's”) dejjem irrifjutaw li jbigħu jeans Levi's 501 lil Tesco u lil Costco u ma aċċettawx li dawn isiru distributuri awtorizzati ta' dawn il-prodotti.

22     Tesco u Costco kisbu jeans Levi's 501, prodotti awtentiċi li oriġinarjament kienu mibjugħa minn Levi's jew f'isimha, minn operaturi li importawhom minn pajjiżi barra miż-ŻEE. Il-kuntratti li bihom xtraw dawn il-prodotti ma kellhom ebda restrizzjoni li kienet timplika li l-prodotti kellhom jew ma kellhomx jiġu mibjugħa f'territorju partikolari. Il-jeans mixtrija minn Tesco kienu ġew immanifatturati fl-Istati Uniti, fil-Messiku jew fil-Kanada minn Levi's jew f'isimha. Dawk mixtrija minn Costco kienu ġew immanifatturati fl-istess kundizzjonijiet fl-Istati Uniti jew fil-Messiku.

23     Il-fornituri ta' Tesco u ta' Costco kienu kisbu l-merkanzija direttament jew indirettament minn bejjiegħa bl-imnut awtorizzati fl-Istati Uniti, fil-Kanada jew fil-Messiku jew mingħand grossisti li kienu xtrawhom mingħand “akkumulaturi”, jiġifieri mingħand persuni li jixtru jeans fi kwantitajiet żgħar minn ħafna ħwienet awtorizzati, b'mod partikolari fl-Istati Uniti u fil-Kanada.

24     Fl-1998, Levi’s bdiet proċeduri ġudizzjarji kontra Tesco u Costco quddiem il- High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (Patent Court). Hija sostniet li l-importazzjoni u l-bejgħ ta’ jeans Levi's minnhom kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tagħha ta' trade mark.

25     Hija ddikjarat li hija kienet tat lill-bejjiegħa bl-imnut awtorizzati tagħha fl-Istati Uniti u fil-Kanada, kemm permezz ta' ittri kif ukoll oralment, direttivi li kienu jinkludu projbizzjoni ta' bejgħ bl-ingross, li kienet tfisser li l-prodotti setgħu jinbiegħu biss lix-xerrej finali. Fil-formoli tagħha ta' konferma bil-miktub, hija rriżervat id-dritt, li hija użat kemm il-darba, li twaqqaf il-provvista ta' prodotti lil bejjiegħ li jikser din il-projbizzjoni. Hija staqsiet ukoll lill-bejjiegħa bl-imnut awtorizzati tagħha jillimitaw il-bejgħ ta' ħwejjeġ tagħhom għal ċertu ammont għal kull klijent, normalment sitta, u li jwaħħlu fil-ħwienet tagħhom kartelluni li jindikaw il-politika ta' projbizzjoni ta' bejgħ bl-ingross tagħha kif ukoll l-imsemmi limitu kummerċjali. Fil-Messiku, hija kienet biegħet il-prodotti tagħha lill-grossisti awtorizzati. Hija kienet dejjem informathom, b'mod partikolari, permezz ta' komunikazzjonijiet bil-miktub ripetuti, dwar ir-regola tagħha li l-merkanzija ma setgħetx tinbiegħ għall-esportazzjoni..

26     Tesco ammettiet li f'dak iż-żmien hija kienet taf li Levi's xtaqet li l-jeans tagħha jiġu mibjugħa fiż-ŻEE minn bejjiegħa bl-imnut awtorizzati biss. Għall-kuntrarju, Costco sostniet li ma kinitx taf b'dan.

27     Tesco u Costco sostnew li huma ma kinux marbuta b'ebda restrizzjoni kuntrattwali. Levi's ma kinitx ippruvat timponi xi restrizzjoni marbuta mal-merkanzija jew li xxerred xi informazzjoni dwar dan is-suġġett u hija l-anqas ma kienet irriżervat drittijiet bl-ebda mod. Konsegwentement, fl-opinjoni tagħhom, l-operatur li xtara l-jeans in kwistjoni kellu d-dritt li jiddisponi minnhom liberament.

28     F'dan il-kuntest, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (Patent Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari:

“1) Meta merkanzija li għandha trade mark irreġistrata, tqiegħdet fis-suq ta' pajjiż li m'huwiex parti miż-Żona Ekonomika Ewropea mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu, u din il-merkanzija kienet ġiet importata jew mibjugħa minn terza persuna fiż-Żona Ekonomika Ewropea, id-Direttiva 89/104/KEE (id-“Direttiva”) għandha bħala effett li tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi importazzjoni bħal din jew bejgħ bħal dan jekk huwa ma jkunx ta, espressament u espliċitament, il-kunsens tiegħu jew tali kunsens jista' jkun taċitu?

2)       F'każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-kunsens jista' jkun taċitu, tali kunsens għandu jkun dedott mill-fatt li l-merkanzija kienet inbiegħet mill-proprjetarju jew għan-nom tiegħu, mingħajr restrizzjonijiet kuntrattwali li jipprojbixxu l-bejgħ mill-ġdid fiż-Żona Ekonomika Ewropea u li jorbtu kemm l-ewwel xerrej kif ukoll ix-xerrejja kollha sussegwenti?

3)       Meta l-merkanzija li għandha trade mark irreġistrata tqiegħdet mill-proprjetarju tat-trade mark fis-suq f'pajjiż li m'huwiex parti miż-Żona Ekonomika Ewropea,

         a) f'liema miżura huwa rilevanti jew determinanti għall-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tax il-kunsens tiegħu sabiex din il-merkanzija titqiegħed fis-suq fiż-ŻEE, skond id-Direttiva:

                  i) li l-persuna li, minkejja li m'hijiex bejjiegħ bl-imnut awtorizzat, tqiegħed fis-suq merkanzija b'konoxxenza tal-fatt li hija l-proprjetarja legali u li l-merkanzija m'għandha ebda indikazzjoni li tipprojbixxi t-tqegħid tagħha fis-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea; u/jew

                  ii) li l-persuna li, minkejja li m'hijiex bejjiegħ bl-imnut awtorizzat, tqiegħed il-merkanzija fis-suq, b'konoxxenza tal-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark joġġezzjona għat-tqegħid ta' tali merkanzija fis-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea; u/jew

                  iii) li l-persuna li, minkejja li m'hijiex bejjiegħ bl-imnut awtorizzat, tqiegħed il-merkanzija fis-suq b'konoxxenza tal-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark joġġezzjona għall-fatt li l-merkanzija titqiegħed fis-suq minn persuna li mhijiex bejjiegħ awtorizzat; u/jew

                  iv) li l-merkanzija kienet ġiet mixtrija mingħand bejjiegħa bl-imnut awtorizzati f'pajjiż li m'huwiex membru taż-Żona Ekonomika Ewropea li kienu ġew informati mill-proprjetarju tat-trade mark li huwa kien joġġezzjona għall-bejgħ ta' din il-merkanzija bil-għan ta' bejgħ mill-ġdid, iżda li ma imponewx fuq ix-xerrejja tagħhom stess restrizzjonijiet kuntrattwali fir-rigward tal-mod li bih dawn setgħu jiddisponu mill-merkanzija; u/jew

                  v) li l-merkanzija kienet ġiet mixtrija mingħand grossisti awtorizzati f'pajjiż li m'huwiex membru taż-Żona Ekonomika Ewropea li kienu ġew informati mill-proprjetarju tat-trade mark li l-merkanzija kellha tinbiegħ lil bejjiegħa bl-imnut li jinstabu f'dan l-istess pajjiż barra miż-Żona Ekonomika Ewropea u ma kellhiex tinbiegħ għall-esportazzjoni, iżda li ma imponewx fuq ix-xerrejja tagħhom stess restrizzjonijiet kuntrattwali fir-rigward tal-mod li bih dawn ta' l-aħħar setgħu jiddisponu mill-merkanzija; u/jew

                  vi) li l-proprjetarju tat-trade mark ikkomunika jew ma kkomunikax lix-xerrejja sussegwenti kollha tal-merkanzija (jiġifieri dawk li jinsabu bejn l-ewwel xerrej li xtara l-merkanzija mingħand il-proprjetarju u l-persuna li tqiegħed il-merkanzija fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea) dwar l-oġġezzjoni tiegħu għall-bejgħ ta' merkanzija bil-għan ta' bejgħ mill-ġdid; u/jew

                  vii) li l-proprjetarju tat-trade mark impona jew ma imponix restrizzjoni kuntrattwali li permezz tagħha l-ewwel xerrej huwa legalment ipprojbit milli jbiegħ lil kull persuna oħra għajr lix-xerrej finali bil-għan ta' bejgħ mill-ġdid;

         b]Il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tat-trade mark tax il-kunsens tiegħu jew le sabiex il-merkanzija titqiegħed fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea, tiddependi, skond id-Direttiva, fuq fatturi oħra u, jekk dan ikun il-każ, fuq liema?”

29     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1999, il-kawżi C-414/99, C-415/99 u C-416/99 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza skond l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq id-domandi li jirrigwardaw l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva

 Osservazzjonijiet preliminari

30     Jeħtieġ li jiġi osservat li fil-kawża C-414/99, id-domandi huma magħmula b'referenza għal prodotti mqiegħda fis-suq fil-Komunità, filwaqt li, fil-kawżi C-415/99 u C-416/99 id-domandi huma magħmula b'referenza għal prodotti mqegħda fis-suq fiż-ŻEE, jiġifieri b'kunsiderazzjoni ta' l-emenda li saret lill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104 mill-Ftehim dwar iż-ŻEE.

31     Peress li, f'dak li jirrigwarda l-Istati Membri tal-Komunità, il-kontenut tar-risposti li għandhom jingħataw huwa l-istess għas-sitwazzjoni waħda jew l-oħra, fil-kumplament ta' din is-sentenza ser issir referenza għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE.

32     Jeħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li, fl-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa r-regola ta' l-eżawriment Komunitarju, jiġifieri dik ir-regola li, permezz tagħha, id-dritt mogħti mit-trade mark ma jippermettix lill-proprjetarju tagħha jipprojbixxi l-użu tagħha għal prodotti li tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE taħt din it-trade mark minnu stess jew bil-kunsens tiegħu. Meta adotta dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur Komunitarju ma ħalliex lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark għal prodotti mqiegħda fis-suq f'pajjiżi terzi (sentenza tas-16 ta' Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C-355/96, Ġabra p I-4799, punt 26).

33     Għaldaqstant l-effett tad-Direttiva huwa li tillimita l-eżawriment tad-dritt mogħti lill-proprjetarju tat-trade mark għal dawk il-każijiet biss fejn il-prodotti huma mqegħda fis-suq fiż-ŻEE u li tippermetti lill-proprjetarju jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu barra minn din iż-żona mingħajr ma din il-kummerċjalizzazzjoni ma teżawrixxi d-drittijiet tiegħu fiż-ŻEE. Għaldaqstant billi jippreċiża li t-tqegħid fis-suq barra miż-ŻEE ma jeżawrixxix id-dritt tal-proprjetarju li jopponi għall-importazzjoni ta' dawn il-prodotti mingħajr il-kunsens tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju ppermetta lill-proprjetarju tat-trade mark jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE ta' prodotti mogħnija bit-trade mark (sentenza ta' l-1 ta' Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois, kawża C-173/98, Ġabra p I-4103, punt 21).

34     Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid prinċipalment tkun taf f'liema ċirkustanzi l-proprjetarju ta' trade mark jista' jitqies li ta l-kunsens tiegħu, direttament jew indirettament, sabiex terzi persuni, li huma proprjetarji attwali ta' prodotti mogħnija b'din it-trade mark u mqegħda fis-suq barra miż-ŻEE mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, jimportaw dawn il-prodotti u jqiegħduhom fis-suq fiż-ŻEE.

 Fuq il-possibbiltà ta' kunsens taċitu tal-proprjetarju ta' trade mark għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE

35     Bl-ewwel domanda magħmula f'kull waħda mill-kawżi C-414/99 sa C-416/99, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fi-sens li l-kunsens tal-proprjetarju ta' trade mark għal kummerċjalizzazzjoni fis-suq fiż-ŻEE ta' prodotti mogħnija b'din it-trade mark li preċedentement kienu tqegħdu fis-suq barra miż-ŻEE minn dan il-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, għandu jkun espress jew jekk tali kunsens jistax ukoll ikun taċitu.

36     Għaldaqstant, din id-domanda hija intiża sabiex jiġi ppreċiżat il-mod ta' espressjoni tal-kunsens ta' proprjetarju tat-trade mark għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE

37     Ir-risposta għal domanda bħal din teħtieġ li l-ewwel ikun stabbilit jekk, fil-każ ta' sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-kunċett ta' “kunsens” użat fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandux ikun interpretat b'mod uniformi fis-sistema ġuridika Komunitarja.

38     Il-Gvern Taljan iqis li, f'każ ta' kummerċjalizzazzjoni barra miż-ŻEE, id-drittijiet ta' trade mark qatt ma jistgħu jkunu eżawriti bħala konsegwenza ta' dispożizzjoni Komunitarja, għaliex tali eżawriment m'huwiex previst mid-Direttiva. Il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta' kunsens espliċitu jew taċitu għal importazzjoni mill-ġdid fiż-ŻEE ma tikkonċernax il-kunsens għall-eżawriment, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, iżda att ta' dispożizzjoni dwar id-dritt ta' trade mark, tad-dritt mogħti minn trade mark li jaqa' taħt id-dritt nazzjonali in kwistjoni.

39     Jeħtieġ li jkun imfakkar f'dan ir-rigward li l-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva jwettqu armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli li jikkonċernaw id-drittijiet mogħtija mit-trade mark u li għaldaqstant jiddefinixxu d-drittijiet li għandhom il-proprjetarji ta' trade marks fil-Komunità (sentenza Silhouette International Schmied, iċċitata iktar 'il fuq, punti 25 u 29).

40     L-Artikolu 5 tad-Direttiva jagħti lill-proprjetarju ta' trade mark dritt esklużiv li, b'mod partikulari, jippermettilu jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li “m'għandhomx il-kunsens tiegħu”, illi jimportaw prodotti mogħnija bit-trade mark tiegħu. L-Artikolu 7(1) fih eċċezzjoni għal din ir-regola f'dak li jipprovdi li d-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark huwa eżawrit meta l-prodotti jitqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju jew “bil-kunsens tiegħu”.

41     Għaldaqstant, jidher li l-kunsens, li jekwivali għal rinunċja mill-proprjetarju tad-dritt esklużiv li għandu taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha milli jimportaw prodotti mogħnija bit-trade mark tiegħu, jikkostitwixxi element deċiżiv għat-tmiem ta' dan id-dritt.

42     Issa, kieku l-kunċett ta' kunsens kellu jiddependi fuq id-dritt nazzjonali ta' l-Istati Membri, il-konsegwenza tista' tkun li l-protezzjoni għall-proprjetarji tat-trade marks tvarja skond il-liġi kkonċernata. L-għan ta' “l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta' l-Istati Membri” stabbilit fid-disa' premessa tad-Direttiva 89/104 u deskritt bħala “fundamentali”, ma jintlaħaqx.

43     Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta' “kunsens” għat-tqegħid fis-suq fiż-ŻEE, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

44     Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, Finlandiż u Żvediż kif ukoll l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA jammettu, espliċitament jew fis-sustanza, li l-kunsens għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE ta' prodotti preċedentement kkummerċjalizzati barra minn din iż-żona, jista' jkun espress jew taċitu. Għall-kuntrarju, il-Gvern Franċiż isostni li l-kunsens għandu jkun espress. Skond il-Kummissjoni, il-kwistjoni m'hijiex dwar jekk il-kunsens għandux ikun espress jew taċitu, iżda jekk il-proprjetarju tat-trade mark kellux l-ewwel okkażjoni biex jibbenefika mid-drittijiet esklużivi li huwa għandu fiż-ŻEE.

45     Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, b'kunsiderazzjoni ta' l-importanza ta' l-effett tiegħu li jtemm id-dritt esklużiv tal-proprjetarji tat-trade marks kkonċernati fil-kawżi prinċipali - dritt li jippermettilhom li jikkontrollaw l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE -, il-kunsens għandu jkun espress b'mod li juri b'ċertezza r-rieda ta' rinunzja ta' dan id-dritt.

46     Rieda bħal din tirriżulta normalment minn formulazzjoni espressa tal-kunsens. Madanakollu, ma jistax jiġi eskluż illi, f'ċerti każijiet, il-kunsens jista' jirriżulta b'mod implicitu minn elementi u ċirkustanzi preċedenti, simultanji jew wara t-tqegħid fis-suq barra ż-ŻEE, li, skond il-qorti nazzjonali, juru wkoll b'mod ċert rinunzja tal-proprjetarju għad-dritt tiegħu.

47     Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula f'kull waħda mill-kawżi C-414/99 sa C-416/99, tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fi-sens li l-kunsens tal-proprjetarju ta' trade mark għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE ta' prodotti mogħnija b'din it-trade mark li preċedentement kienu tqiegħdu fis-suq barra miż-ŻEE minn dan il-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, jista' jkun taċitu, meta dan jirriżulta minn elementi u ċirkustanzi preċedenti, simultanji jew wara t-tqegħid fis-suq barra ż-ŻEE, li, skond il-qorti nazzjonali, juru b'mod ċert ir-rinunzja tal-proprjetarju għad-dritt tiegħu li jopponi għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE.

 Fuq il-possibbiltà ta' kunsens taċitu li jirriżulta mis-sempliċi silenzju tal-proprjetarju ta' trade mark

48     Bit-tieni domanda u bis-subparagrafi a) i), vi) u vii) tat-tielet domanda tagħha, fil-kawżi C-415/99 u C-416/99 u bit-tieni domanda tagħha fil-kawża C 414/99, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl ta' l-elementi tal-kawżi prinċipali, kunsens taċitu jistax jirriżulta:

–       min-nuqqas ta' komunikazzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark, lix-xerrejja kollha sussegwenti tal-prodotti mqegħda fis-suq barra miż-ŻEE, dwar l-oppożizzjoni tiegħu għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE;

–       min-nuqqas ta' indikazzjoni, fuq il-prodotti, ta' projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq fiż-ŻEE;

–       mill-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ittrasferixxa l-proprjetà tal-prodotti mogħnija bit-trade mark mingħajr ma għamel ebda restrizzjonijiet kuntrattwali u li, skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt, fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet bħal dawn, id-dritt ta' proprjetà ttrasferit jinkludi dritt illimitat ta' bejgħ suċċessiv jew, ta' l-anqas, dritt għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti fiż-ŻEE.

49     Billi jirreferu, b'mod partikulari, għas-sentenzi Silhouette International Schmied u Sebago u Maison Dubois, iċċitati iktar 'il fuq, A & G, Tesco u Costco isostnu li l-konvenut f'azzjoni dwar vjolazzjoni ta' trade mark għandu jiġi preżunt li aġixxa bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, sakemm dan ta' l-aħħar ma jressaqx prova kuntrarja.

50     Fl-opinjoni tagħhom, il-proprjetarju ta' trade mark li jkun jixtieq li d-dritt esklużiv tiegħu jkun riżervat fiż-ŻEE għandu jassigura:

–       li l-prodotti mogħnija bit-trade mark ikollhom indikazzjoni ċara dwar l-eżistenza ta' restrizzjonijiet f'dan is-sens, u

–       li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu stipulati fil-kuntratti ta' bejgħ u ta' bejgħ mill-ġdid tal-prodotti msemmija.

51     A & G issostni li l-klawżola tal-kuntratt konkluż bejn Davidoff u d-distributur tagħha f'Singapor, li permezz tiegħu huwa aċċetta li jimponi lis-sub-distributuri, sub-aġenti u/jew bejjiegħa bl-imnut tiegħu li ma jbigħux il-prodotti barra mit-territorju stabbilit, ma kinitx tipprojbixxi la lid-distributur u l-anqas lis-sub-distributuri, sub-aġenti u/jew bejjiegħa bl-imnut tiegħu milli jbigħu dawn il-prodotti lil terzi persuni fil-limiti ta' l-imsemmi territorju bi drittijiet illimitati ta' bejgħ mill-ġdid. Issa fil-proċess tal-kawża prinċipali m'hemm ebda element ta' prova li juri li l-prodotti kkonċernati kienu ġew mibjugħa mid-distributur jew mis-sub-distributori, sub-aġenti u/jew bejjiegħa bl-imnut tiegħu, barra mit-territorju stabbilit. Minbarra dan, ma kien hemm ebda indikazzjoni fuq il-prodotti jew fuq l-imballaġġ tagħhom dwar l-eżistenza ta' restrizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid u dawn il-prodotti kienu ġew mixtrija u mbagħad mibjugħa lil A & G mingħajr ebda restrizzjonijiet ta' dan it-tip.

52     Tesco u Costco jissottomettu li, fin-nuqqas, f'kuntratti li permezz tagħhom operatur jakkwista prodotti ta' marka mqiegħda fis-suq barra miż-ŻEE, ta' restrizzjonijiet rigward il-bejgħ mill-ġdid tagħom, il-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark seta' għarraf, permezz ta' avviżi jew bi kwalunkwe mod ieħor, li huwa ma xtaqx li dawn i-prodotti jinbiegħu fiż-ŻEE mill-imsemmi operatur, huwa rrilevanti.

53     Madanakollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, mir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fit-tliet kawżi C-414/99 sa C-416/99, jirriżulta li l-kunsens għandu jkun espress b'mod pożittiv u li l-elementi meqjusa sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta' kunsens taċitu għandhom juru b'mod ċert li l-proprjetarju tat-trade mark irrinunċja għall-infurzar tad-dritt esklużiv tiegħu.

54     Minn dan isegwi li huwa l-operatur li jinvoka l-eżistenza ta' kunsens li għandu jġib il-provi dwar dan u mhux il-proprjetarju tat-trade mark li għandu jipprova nuqqas ta' tali kunsens.

55     Konsegwentement, kunsens taċitu għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE ta' prodotti mqiegħda fis-suq barra minn din iż-żona ma jistax jirriżulta minn sempliċi silenzju tal-proprjetarju tat-trade mark.

56     Bl-istess mod, kunsens taċitu ma jistax jirriżulta la min-nuqqas ta' komunikazzjoni, mill-proprjetarju tat-trade mark, ta' l-oppożizzjoni tiegħu għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE u l-anqas min-nuqqas ta' indikazzjoni, fuq il-prodotti, ta' projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq fiż-ŻEE.

57     Fl-aħħarnett, kunsens bħal dan ma jistax jirriżulta mill-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ittrasferixxa l-proprjetà tal-prodotti mogħnija bit-trade mark mingħajr ma impona restrizzjonijiet kuntrattwali u li, skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt, fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet bħal dawn, id-dritt ta' proprjetà ttrasferit jinkludi, dritt ta' bejgħ mill-ġdid illimitat jew, ta' l-inqas, dritt ta' kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti fiż-ŻEE.

58     Fil-fatt, liġi nazzjonali li tieħu in kunsiderazzjoni sempliċi silenzju tal-proprjetarju tat-trade mark ma tkunx qed tirrikonoxxi kunsens taċitu iżda kunsens preżunt. Għaldaqstant, liġi bħal din ma tirrispettax il-bżonn ta' kunsens mogħti pożittivament, kif jirriżulta mid-dritt Komunitarju.

59     Issa, safejn huwa l-leġiżtratur Komunitarju li għandu jistabbilixxi d-drittijiet tal-propjetarju ta' trade mark fl-Istati membri tal-Komunità, ma jistax ikun aċċettat li jkunu applikati dispożizzjonijiet legali, taħt il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni barra miż-ŻEE, sabiex tiġi limitata l-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju ta' trade mark mill-Artikoli 5(1) u 7(1) tad-Direttiva.

60     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda u għas-subparagrafi a) i), vi) u vii) tat-tielet domanda, fil-kawżi C-415/99 u C-416/99 kif ukoll għat-tieni domanda fil-kawża C 414/99 għandha tkun li kunsens taċitu ma jistax jirriżulta:

–       min-nuqqas ta' komunikazzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark, lix-xerrejja kollha sussegwenti tal-prodotti mqegħda fis-suq barra miż-ŻEE, dwar l-oppożizzjoni tiegħu għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE;

–       min-nuqqas ta' indikazzjoni, fuq il-prodotti, ta' projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq fiż-ŻEE;

–       mill-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ittrasferixxa l-proprjetà tal-prodotti mogħnija b' tali trade mark mingħajr ma impona restrizzjonijiet kuntrattwali u li, skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt, fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet bħal dawn, id-dritt ta' proprjetà ttrasferit jinkludi dritt ta' bejgħ mill-ġdid illimitat jew, ta' l-anqas, dritt għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti fiż-ŻEE.

61     Fid-dawl ta' din ir-risposta, m'hemmx lok li tingħata tweġiba għat-tielet domanda magħmula fil-kawża C-414/99.

 Fuq il-konsegwenza tan-nuqqas ta' għarfien, mill-operatur li jimporta fiż-ŻEE prodotti mogħnija b'trade mark, ta' oppożizzjoni għal din l-importazzjoni espressa mill-proprjetarju ta' l-imsemmija trade mark

62     Permezz tas-subparagrafi (a, ii) sa v) tat-tielet domanda magħmula fil-kawżi C 415/99 u C 416/99, il-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment jekk huwiex rilevanti, f'dak li jikkonċerna l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark:

–       li l-operatur li jimporta l-prodotti mogħnija bit-trade mark ma kienx jaf dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju għat-tqegħid fis-suq tagħhom fiż-ŻEE jew għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom f'dan is-suq minn operaturi għajr bejjiegħa bl-imnut awtorizzati; jew

–       li l-bejjiegħa bl-imnut u l-grossisti awtorizzati ma kinux imponew fuq ix-xerrejja tagħhom stess restrizzjonijiet kuntrattwali li jiddikjaraw din l-oppożizzjoni, anki jekk huma kienu ġew informati b'dan mill-proprjetarju tat-trade mark.

63     Dawn id-domandi jqajmu l-kwistjoni dwar jekk restrizzjoni, imposta fuq l-ewwel xerrej mill-ewwel bejjiegħ, għad-dritt li jiddisponi liberament mill-merkanzija, jew li tirriżulta minn ftehim bejn iż-żewġ partijiet fil-bejgħ, tistax tiġi użata kontra terza persuna li xtrat tali merkanzija.

64     Dawn id-domandi huma differenti mid-domanda dwar l-effett fuq id-dritt tat-trade mark tal-kunsens għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE. Infatti, safejn kunsens bħal dan ma jirriżultax mis-silenzju tal-proprjetarju tat-trade mark, l-espressjoni eventwali ta' projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE, li fir-rigward tagħha l-proprjetarju m'huwiex obbligat, u iktar u iktar l-inklużjoni ta' din il-projbizzjoni f'kuntratt wieħed jew aktar konklużi fil-katina ta' distribuzzjoni ma jikkostitwixxux il-kundizzjoni tal-konservazzjoni tad-dritt esklużiv tiegħu.

65     Għaldaqstant, ir-regoli nazzjonali dwar l-infurzar ta' restrizzjonijiet fuq il-bejgħ kontra terzi persuni m'humiex rilevanti għas-soluzzjoni ta' kontroversja bejn il-proprjetarju tat-trade mark u operatur ulterjuri fil-katina ta' distribuzzjoni dwar il-konservazzjoni jew it-tmien tad-dritt ta' trade mark.

66     Għaldaqstant, ir-risposta għas-subparagrafi a), ii) sa (v) tat-tielet domanda magħmula fil-kawżi C 415/99 u C 416/99 għandha tkun li, f'dak li jikkonċerna l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark, m'huwiex rilevanti

–       li l-operatur li jimporta l-prodotti mogħnija bit-trade mark ma kienx jaf dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju għat-tqegħid fis-suq tagħhom fiż-ŻEE jew għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom f'dan is-suq minn operaturi għajr bejjiegħa bl-imnut awtorizzati; jew

–       li l-bejjiegħa bl-imnut u l-grossisti awtorizzati ma kinux imponew fuq ix-xerrejja tagħhom stess restrizzjonijiet kuntrattwali li jiddikjaraw din l-oppożizzjoni, anki jekk huma kienu ġew infurmati b'dan mill-proprjetarju tat-trade mark.

67     Fid-dawl ta' din ir-risposta u r-risposti li ngħataw iktar 'il fuq, m'hemmx lok li tingħata tweġiba għas-subparagrafu b) tat-tielet domanda magħmula fil-kawżi C-415/99 u C 416/99.

 Fuq id-domandi li jirrigwardaw l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva

68     Fid-dawl tar-risposti li ngħataw lid-domandi eżaminati iktar 'il fuq, m'huwiex neċessarju, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li tingħata risposta għar-raba', il-ħames u s-sitt domandi magħmula fil-kawża C-414/99.

 Fuq l-ispejjeż

69     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Finlandiż u Żvediż kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress illi l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali n-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

bi tweġiba għad-domandi rinvijati lilha mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Patent Court), permezz ta' digrieti ta' l-24 ta' Ġunju u tat-22 ta' Lulju 1999 taqta' u tiddeċiedi li:

1)      l-Artikolu 7(a) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 li tqarreb il-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks ta' l-Istati Membri, kif emendata mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomija Ewropea tat-2 ta' Mejju 1992, għandu jiġi interpretat fi-sens li l-kunsens tal-proprjetarju ta' trade mark għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE ta' prodotti mogħnija b'din it-trade mark li preċedentement kienu tqiegħdu fis-suq barra miż-ŻEE minn dan il-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, jista' jkun taċitu, meta dan jirriżulta minn elementi u ċirkustanzi preċedenti, simultanji jew wara t-tqegħid fis-suq barra ż-ŻEE, li, skond il-qorti nazzjonali, juru b'mod ċert ir-rinunzja tal-proprjetarju għad-dritt tiegħu li jopponi għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE.


2)      Kunsens taċitu ma jistax jirriżulta:

–       min-nuqqas ta' komunikazzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark, lix-xerrejja kollha sussegwenti tal-prodotti mqegħda fis-suq barra miż-ŻEE, dwar l-oppożizzjoni tiegħu għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE;

–       min-nuqqas ta' indikazzjoni, fuq il-prodotti, ta' projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq fiż-ŻEE;

–       mill-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ittrasferixxa l-proprjetà tal-prodotti mogħnija b'tali trade mark mingħajr ma impona restrizzjonijiet kuntrattwali u li, skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt, fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet bħal dawn, id-dritt ta' proprjetà ttrasferit jinkludi dritt ta' bejgħ mill-ġdid illimitat jew, ta' l-anqas, dritt għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti fiż-ŻEE.

3)      F'dak li jikkonċerna l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark, m'huwiex rilevanti :

–       li l-operatur li jimporta l-prodotti mogħnija bit-trade mark ma kienx jaf dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju għat-tqegħid fis-suq tagħhom fiż-ŻEE jew għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom f'dan is-suq minn operaturi għajr bejjiegħa bl-imnut awtorizzati; jew

–       li l-bejjiegħa bl-imnut u l-grossisti awtorizzati ma kinux imponew fuq ix-xerrejja tagħhom stess restrizzjonijiet kuntrattwali li jiddikjaraw din l-oppożizzjoni, anki jekk huma kienu ġew informati b'dan mill-proprjetarju tat-trade mark.

Rodríguez Iglesias

Jann

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Puissochet

Sevón

Skouris

 

      Timmermans

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta' Novembru 2001.


R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President

Top