Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0377

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ April 2016.
Ernst Georg Radlinger u Helena Radlingerová vs Finway a.s.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 7 – Regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ta’ insolvenza – Djun li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur – Azzjoni ġudizzjarja effettiva – Punt 1(e) tal-anness – Karattru mhux proporzjonat tal-ammont tal-kumpens – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(l) – Ammont totali ta’ kreditu – Punt I tal-Anness I – Ammont tal-ġbid ta’ kreditu – Kalkolu tar-rata perċentwali annwali globali – Artikolu 10(2) – Obbligu ta’ informazzjoni – Eżami ex officio – Sanzjoni.
Kawża C-377/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:283

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 7 — Regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ta’ insolvenza — Djun li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur — Azzjoni ġudizzjarja effettiva — Punt 1(e) tal-anness — Karattru mhux proporzjonat tal-ammont tal-kumpens — Direttiva 2008/48/KE — Artikolu 3(l) — Ammont totali ta’ kreditu — Punt I tal-Anness I — Ammont tal-ġbid ta’ kreditu — Kalkolu tar-rata perċentwali annwali globali — Artikolu 10(2) — Obbligu ta’ informazzjoni — Eżami ex officio — Sanzjoni”

Fil-Kawża C‑377/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Ernst Georg Radlinger,

Helena Radlingerová

vs

Finway a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader (Relatur), F. Biltgen, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Radlinger u Radlingerová, minn I. Ulč,

għal Finway a.s., minn L. Macek,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Kuon, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek kif ukoll minn G. Goddin u K. Walkerová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll tal-punt 1(e) tal-Anness ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 10(2) u 22(2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66, u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40 ĠU 2011, L 234, p. 46 u ĠU 2005, L 36, p. 15) kif ukoll tal-punt I tal-Anness I ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn E. Radlinger u H. Radlingerová (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Radlinger”) u Finway a.s. (iktar ’il quddiem “Finway”) dwar krediti rreġistrati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza u li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 93/13 għandha bħala l-għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

4

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, klawżola fi ftehim ma’ konsumatur li ma tiġix innegozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. L-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jindika li “[l]-Anness [tagħha] għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti”. Skont il-punt 1(e) ta’ dan l-anness, hemm b’mod partikolari fost dawn il-klawżoli dawk li għandhom bħala għan jew bħala effett li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.

5

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu”.

6

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

7

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

[...]”.

Id-Direttiva 2008/48

8

Bħalma jispeċifika l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2008/48 huwa li jiġu armonizzati ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur.

9

Skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar ma tapplikax, b’mod partikolari, għall-“ftehim ta’ kreditu li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli”. Il-premessa 10 tal-imsemmija direttiva tindika li, minkejja li din tiddefinixxi espressament il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-Istati Membri jistgħu madankollu japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha għal kwistjonijiet li ma jaqgħux fi ħdan dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

10

Skont il-premessi 6, 7, 9, 19 u 31, id-Direttiva 2008/48 għandha bħala għanijiet, b’mod partikolari, it-twaqqif ta’ suq ta’ kreditu lill-konsumatur iktar trasparenti u effiċjenti fis-suq intern, il-kisba ta’ armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumatur li tiżgura lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ftehim ta’ kreditu jkunu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti u sabiex ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-ftehim ta’ kreditu, u l-garanzija li l-konsumatur jirċievi, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, informazzjoni xierqa, li tirrigwarda b’mod partikolari r-rata effettiva fis-sena globali (iktar ’il quddiem l-“APR”) fl-Unjoni kollha, li tippermettilu jikkompara dawn ir-rati.

11

Barra minn hekk, il-premessa 43 tad-Direttiva 2008/48 tistabbilixxi, b’mod partikolari, li, minkejja l-formula matematika uniformi għall-kalkolu tagħha, l-APR għadha ma hijiex komparabbli b’mod sħiħ fl-Unjoni kollha. Din id-direttiva hija intiża għalhekk li tiddefinixxi b’mod ċar u komprensiv l-ispiża totali ta’ kreditu lill-konsumatur.

12

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

g)

‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

h)

‘ammont totali pagabbli mill-konsumatur’ tfisser is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur;

i)

[APR] tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2);

[...]

l)

‘ammont totali ta’ kreditu’ tfisser il-limitu massimu jew is-somom totali disponibbli taħt ftehim ta’ kreditu;

[...]”

13

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi speċifikata fil-ftehim ta’ kreditu, jeħtieġ, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor. Il-paragrafu 2 tiegħu jelenka t-tipi ta’ informazzjoni li għandhom jissemmew b’mod ċar u konċiż fi kwalunkwe ftehim ta’ kreditu. Din il-lista tinkludi b’mod partikolari:

“[...]

d)

l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu;

[...]

f)

ir-rata tas-self, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tar-rata tas-self u, fejn huma disponibbli, kwalunkwe indiċi jew rata ta’ referenza applikabbli għar-rata inizjali tas-self, kif ukoll il-perijodi, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għal bidliet fir-rata tas-self u, jekk ikunu applikabbli rati tas-self differenti f’ċirkostanzi differenti, l-informazzjoni ta’ hawn fuq rigward ir-rati kollha applikabbli;

g)

[l-APR] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

h)

l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura;

[...]”.

14

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Kalkolu [tal-APR], jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   [L-APR], li tekwavali, fuq bażi annwali, għall-valur preżenti ta’ l-impenji kollha (ġbid ta’ kreditu, radd lura u imposti), futuri jew eżistenti, miftehma bejn il-kreditur u l-konsumatur, għandha tiġi kkalkolata skond il-formola matematika mniżżla fil-Parti I ta’ l-Anness I.

2.   Għall-fini tal-kalkolu [tal-APR], l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur għandha tiġi determinata, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe imposta pagabbli mill-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe impenn min-naħa tiegħu stabbilit fil-ftehim ta’ kreditu u imposti barra mill-prezz tax-xiri li, għal xiri ta’ merkanzija u servizzi, hu obbligat iħallas irrispettivament minn jekk it-transazzjoni issirx permezz ta’ flus kontanti jew permezz ta’ kreditu.

L-ispejjeż biex jinżamm kont li jirreġistra kemm transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll ta’ ġbid ta’ kreditu, l-ispejjeż ta’ l-użu ta’ mezz ta’ ħlas kemm għal transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll għal ġbid ta’ kreditu, u spejjeż oħrajn relatati ma’ transazzjonijiet ta’ ħlas għandhom jiġu inklużi fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur sakemm il-ftuħ tal-kont ma jkunx obbligatorju u l-ispejjeż tal-kont ikunu ntwerew b’mod ċar u separatament fil-ftehim ta’ kreditu jew fi kwalunkwe ftehim ieħor konkluż mal-konsumatur.”

15

L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-Direttiva.”

16

Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

17

Il-Parti I tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48 tispeċifika, b’mod partikolari:

“[...]

L-ekwazzjoni bażika, li tistabbilixxi [l-APR], fuq bażi annwali, hija daqs il-valur totali preżenti ta’ ġbid ta’ kreditu min-naħa l-waħda u t-total tal-valur preżenti ta’ radd lura u ħlas ta’ imposti min-naħa l-oħra [...]”.

Id-dritt Ċek

Il-proċeduri ta’ insolvenza

18

Mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċeduri ta’ insolvenza huma rregolati bil-Liġi Nru 182/2006, dwar l-insolvenza u l-modi tar-riżoluzzjoni tagħha (liġi dwar l-insolvenza) [zákon č. 182/2006 Sb., o úpadku a způsobech jeho řešení (insolvenční zákon)], kif emendata bil-Liġi Nru 185/2013 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-insolvenza”).

19

Skont din il-liġi, debitur b’mod partikolari jitqies fallut, fis-sens ta’ din tal-aħħar, meta ma jkunx jista’ jonora l-impenji finanzjarji tiegħu iktar minn 30 jum wara li l-ħlasijiet jiġu dovuti. Debitur li ma huwiex negozjant jista’ jirrikorri għall-qorti kompetenti fil-qasam tal-insolvenza sabiex is-sitwazzjoni tiegħu tiġi ttrattata fil-forma ta’ liberazzjoni. L-awtorizzazzjoni għal liberazzjoni hija suġġetta, minn naħa, għall-konstatazzjoni tal-qorti li, permezz ta’ din it-talba, id-debitur ma għandux interess diżonest u, min-naħa l-oħra, għall-preżunzjoni raġonevoli li l-kredituri mingħajr garanzija rreġistrati se jieħdu lura, fil-kuntest tal-liberazzjoni, mill-inqas 30 % tal-krediti kkonstatati. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ta’ insolvenza, il-qorti ma tistax, skont l-Artikolu 410 ta’ din il-liġi, teżamina, la ex officio u lanqas fuq talba tad-debitur, il-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-krediti, anki meta dawn jqajmu kwistjonijiet dwar id-Direttivi 93/13 jew 2008/48, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal liberazzjoni.

20

Huwa biss meta l-qorti kompetenti fil-qasam tal-insolvenza tkun approvat ir-riżoluzzjoni ta’ insolvenza permezz ta’ liberazzjoni li d-debitur ikun jista’ jippreżenta rikors inċidentali sabiex jikkontesta l-krediti rreġistrati, b’dan ir-rikors ikun madankollu limitat għall-krediti infurzabbli mhux iggarantiti biss. Barra minn hekk, f’dan il-każ, id-debitur jista’ jinvoka biss, sabiex jiġġustifika l-kontestazzjoni tal-eżistenza jew tal-ammont ta’ dan il-kreditu, l-estinzjoni jew il-preskrizzjoni tiegħu.

Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi

21

L-Artikoli 51a et seq tal-Liġi Nru 40/1964, li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili (Zákon č. 40/1964 Sb., občanský zákoník), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) ittrasponew id-Direttiva 93/13 fid-dritt Ċek.

22

Konformement mal-Artikolu 56(1) ta’ dan il-kodiċi, il-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma għandhomx jinkludu klawżoli li, kontra l-ħtieġa ta’ bona fide, jikkawżaw żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Skont l-Artikolu 55(2) tal-imsemmi kodiċi, klawżoli ta’ dan it-tip li jinsabu fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi huma nulli. L-Artikolu 55(3) ta’ dan l-istess kodiċi jinkludi elenku indikattiv ta’ klawżoli inġusti li huwa ispirat mill-anness tad-Direttiva 93/13 iżda li ma jinkludix il-klawżola, imsemmija fil-punt 1(e) ta’ dan l-anness, li għandha l-għan jew l-effett li timponi fuq il-konsumatur inadempjenti multa ta’ ammont għoli b’mod sproporzjonat.

23

Id-Direttiva 2008/48 ġiet trasposta fid-dritt Ċek bil-Liġi 145/2010, dwar il-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur u li temenda ċerti liġijiet fil-verżjoni inizjali tagħhom (Zákon č. 145/2010 Sb., o spotřebitelském úvěru a o změně některých zákonů, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kreditu lill-konsumatur”).

24

L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni tal-kreditur fil-konfront tal-konsumatur, jipprovdi:

“i(l)-ftehim li jagħti l-kreditu lill-konsumatur għandu jiġi stabbilit bil-miktub u jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness 3 ta’ din il-liġi, ippreżentata b’mod ċar, konċiż u viżibbli. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni jew tal-forma bil-miktub ma jaffettwax il-validità tal-kuntratt [...]”

25

Skont l-Artikolu 8 tal-liġi dwar il-kreditu lill-konsumatur, jekk il-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur ma jinkludix dak imsemmi fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi, u jekk il-konsumatur jopponi dan il-fatt mal-kreditur, l-interessi prodotti mill-kreditu lill-konsumatur jitqiesu, mill-bidu, ikkalkulati abbażi tar-rata ta’ skont applikabbli fid-data ta’ konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, kif ippubblikata mill-Bank Nazzjonali Ċek, u l-modalitajiet ta’ ħlas l-oħrajn li jirrigwardaw il-kreditu lill-konsumatur ma jkunux validi.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Fid-29 ta’ Awwissu 2011, il-konjuġi Radlinger ikkonkludew ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur ma’ Smart Hypo s. r. o., li permezz tiegħu ingħatalhom self fl-ammont ta’ CZK 1170000 (madwar EUR 43300).

27

Bħala korrispettiv għall-għoti ta’ dan is-self, il-konjuġi Radlinger qablu li jħallsu lura lill-kreditur is-somma ta’ CZK 2958000 (madwar EUR 109500) f’120 pagament mensili. Din is-somma tinkludi s-somma prinċipali, interessi bir-rata ta’ 10 % fis-sena fuq is-somma prinċipali għat-tul tal-ftehim ta’ kreditu, miżati pagabbli lill-kreditur, ammont ta’ CZK 585000 (madwar EUR 21600), u spejjeż ta’ iktar minn CZK 33000 (madwar EUR 1200). L-APR tal-kreditu lill-konsumatur inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jammonta għal 28.9 %.

28

Il-konjuġi Radlinger impenjaw ruħhom ukoll li jagħtu lill-kreditur, barra l-interessi moratorji stabbiliti bil-liġi, multa kuntrattwali li tammonta għal 0.2 % tas-somma prinċipali mislufa inizjalment għal kull jum mibdi ta’ dewmien, penalità kuntrattwali waħda ta’ CZK 117000 (madwar EUR 4300), fil-każ li d-dewmien jeċċedi x-xahar, u multa waħda ta’ CZK 50000 (madwar EUR 1850), li tikkorrispondi għall-ispejjeż sabiex is-somma dovuta tittieħed lura.

29

Fl-aħħar, il-kreditur irriżerva għalih id-dritt li jeżiġi, b’mod immedjat, ir-rimbors sħiħ tas-somom dovuti, fil-każ li waħda mill-pagamenti mensili ma titħallasx kollha jew fil-ħin, jew jekk il-kunsens tiegħu jirriżulta li kien ivvizzjat b’ħabi intenzjonali fuq in-naħa tal-konjuġi Radlinger.

30

Bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ebda somma ma ngħatat effettivament lill-konjuġi Radlinger. Fil-fatt, il-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali intuża sabiex jitħallsu xi djun preċedenti bil-marixxall, l-ispejjeż notarili, kif ukoll, lis-sellief, l-ispejjeż relatati mal-imsemmi kreditu, l-ewwel pagament mensili tiegħu u parti mill-pagamenti mensili sussegwenti.

31

Fis‑27 ta’ Settembru 2011, Finway, li lilha Smart Hypo s. r. o. kienet ċediet il-krediti li hija kellha fuq il-konjuġi Radlinger, informathom dwar l-infurzabbiltà immedjata tad-dejn kollu, li kien jammonta b’hekk għal CZK 2873751 (madwar EUR 106300), għar-raġuni li kienet tħalliet barra xi informazzjoni essenzjali matul il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont Finway, il-konjuġi Radlinger kienu ħbew li mandat, fl-ammont ta’ CZK 4285 (madwar EUR 160) kien ġie ordnat fuq il-proprjetajiet tagħhom.

32

Permezz ta’ intimazzjoni tad‑19 ta’ Novembru 2012, din il-kumpannija mill-ġdid talbet lill-konjuġi Radlinger sabiex iħallsu lura d-dejn, li issa kien jammonta għal CZK 3794786 (madwar EUR 140500), billi speċifikat li l-kreditu tagħha kien sar immedjatament infurzabbli minħabba l-fatt li l-persuni kkonċernati ma kinux ħallsu lura l-kreditu regolarment u fil-ħin.

33

Fil‑5 ta’ Frar 2013, il-konjuġi Radlinger adixxew il-Krajský soud v Plzni (qorti reġjonali ta’ Pilsen) sabiex tiddikjarahom insolventi u tilqa’ t-talba tagħhom għal liberazzjoni mill-falliment permezz ta’ ħlas bin-nifs, peress li huma ma setgħux jonoraw l-impenji tagħhom u li kellhom dewmien fil-ħlas ta’ iktar minn tliet xhur. Din it-talba ntbagħtet lill-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga), qorti kompetenti ratione loci sabiex tisma’ din it-talba, u din il-qorti tal-aħħar, permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ April 2013, ikkonstatat l-insolvibbiltà tal-konjuġi Radlinger, innominat amministratur ġudizzjarju u stiednet lill-kredituri sabiex jiddikjaraw il-krediti tagħhom fi żmien 30 jum.

34

Fit‑23 ta’ Mejju 2013, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza, Finway irreġistrat żewġ krediti infurzabbli, l-ewwel, fl-ammont ta’ CZK 3045991 (madwar EUR 112700), iggarantit b’ipoteka, u t-tieni, fl-ammont ta’ CZK 1359540 (madwar EUR 50300), mhux iggarantit u li jirrappreżenta l-multa kuntrattwali prevista mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita f’0.2 % tas-somma prinċipali mislufa inizjalment, għal kull ġurnata tard, għall-perijodu bejn it‑23 ta’ Settembru 2011 u l‑25 ta’ April 2013.

35

Fit‑3 ta’ Lulju 2013, il-konjuġi Radlinger aċċettaw li l-krediti kienu infurzabbli, iżda kkontestaw l-ammont, billi invokaw l-inkompatibbiltà tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-moralità.

36

B’digriet tat‑23 ta’ Lulju 2013, il-qorti tar-rinviju approvat il-liberazzjoni mill-falliment tal-konjuġi Radlinger permezz ta’ ħlas in solidum bin-nifs.

37

Fl‑24 ta’ Lulju 2013, din il-qorti ġiet adita mill-konjuġi Radlinger b’talba inċidentali li permezz tagħha, fil-kwalità tagħhom ta’ debituri, huma talbu li tiġi kkonstatata l-illegalità parzjali jew totali tal-krediti rreġistrati minn Finway.

38

Fir-rigward ta’ din it-talba, l-imsemmija qorti tikkonstata li, skont il-liġi dwar l-insolvenza, id-debitur għandu biss id-dritt li jikkontesta l-krediti mhux iggarantiti, u dan biss fil-kuntest ta’ talba inċidentali u għar-raġunijiet relatati mal-preskrizzjoni jew mal-estinzjoni tad-dejn biss.

39

Peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-krediti rreġistrati minn Finway joriġinaw minnu, jikkostitwixxu kemm ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 2008/48, kif ukoll kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tal-aħħar japplikawx ukoll għall-qorti kompetenti fil-qasam tal-insolvenza adita b’kontestazzjoni ta’ krediti li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu.

40

Din il-qorti għandha wkoll dubji dwar in-natura regolari tal-APR kif tidher fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tistaqsi wkoll f’dan ir-rigward liema somom ġew inklużi mis-sellief fl-ammont ta’ ġbid ta’ kreditu, fis-sens tal-punt I tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48, għall-finijiet tal-kalkolu tal-APR, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż relatati ma’ dan il-kreditu kif ukoll l-ewwel żewġ pagamenti mensili ġew immedjatament imnaqqsa mill-ammont tal-imsemmi kreditu.

41

Fl-aħħar hija tistaqsi dwar il-mod kif, mill-angolu tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, għandhom jiġu eżaminati l-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedi li, fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas, il-kreditur jista’ jitlob mingħand id-debitur il-ħlas lura immedjat tal-kreditu inkwistjoni kollu, inklużi l-interessi u l-ħlasijiet futuri tal-kreditur, il-ħlas ta’ penalità kuntrattwali ta’ 0.2 % fuq is-somma prinċipali għal kull ġurnata tard mibdija u, fil-każ li dan id-debitur ikun iktar minn xahar tard, il-ħlas ta’ multa kuntrattwali waħda ta’ CZK 117000 (madwar EUR 4300).

42

Peress li qieset li r-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tiddependi mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni, il-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [...] 93/13 [...] u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48 [...], jew dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, jipprekludu:

il-kunċett tal- [...] liġi dwar l-insolvenza [...], li jippermetti lill-qorti teżamina l-eżistenza, l-ammont jew il-klassifikazzjoni tad-djun, li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta’ konsum, unikament abbażi ta’ rikors inċidentali ppreżentat mir-rappreżentant ġudizzjarju, kreditur jew (skont il-limitazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq) id-debitur (konsumatur)?

id-dispożizzjonijiet li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-proċedura ta’ insolvenza, jillimitaw id-dritt tad-debitur (konsumatur), li jikkonsisti f’talba għal stħarriġ ġudizzjarju tad-djun iddikjarat mill-kredituri (fornituri ta’ oġġetti jew servizzi), għall-każijiet biss fejn ir-riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tal-konsumatur ġiet approvata fil-forma ta’ tnaqqis tad-dejn – u dan unikament għal dak li jirrigwarda djun li ma għandhomx garanzija – u fejn, fil-preżenza ta’ dejn rikonoxxut b’titolu eżekuttiv permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, l-ilmenti ta’ debitur huma barra minn hekk limitati għall-possibbiltà unika li jiġi invokat it-tmiem jew il-preskrizzjoni ta’ dejn, kif jipprovdu r-regoli li jissemmew fl-Artikolu 192(3) u fl-Artikolu 410(2) u (3) tal-Liġi dwar l-insolvenza?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti għandha, fil-proċedura dwar l-eżami ta’ dejn li jirriżulta minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, tieħu inkunsiderazzjoni ex officio, anki fl-assenza ta’ ilmenti mqajjma mill-konsumatur, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu għall-konsum skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 u minn dan tiddeduċi l-konsegwenzi, previsti mid-dritt nazzjonali, li jieħdu l-forma ta’ nullità tal-klawżoli kuntrattwali?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

3)

Id-dispożizzjonijiet tad-direttivi applikati iktar 'fuq għandhom effett dirett u l-applikazzjoni diretta tagħhom hija jew ma hijiex eskluża minħabba l-fatt li, meta bdiet l-azzjoni inċidentali ex officio (jew meta sar eżami ta’ dejn li huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali minħabba f’kontestazzjoni li ma għandha l-ebda effett tad-debitur konsumatur), il-qorti indaħħlet fir-relazzjoni orizzontali bejn il-konsumatur u l-fornitur tal-oġġetti jew ta’ servizzi?

4)

Liema somma tirrappreżenta l-“ammont totali ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 u liema somom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala ‘l-ammonti ta’ ġbid ta’ kreditu’ meta tiġi kkalkolata [l-APR] skont il-formula msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2008/48, peress li l-ftehim ta’ kreditu jwiegħed formalment il-ħlas ta’ somma speċifika, pero’ fl-istess ħin jistipula li, hekk kif jitħallas id-dejn, l-ammont ta’ djun tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala spejjeż għall-faċilità ta’ kreditu u bħala l-ewwel pagament (fil-każ ineżami, il-pagamenti sussegwenti) ser, sa ċertu punt, jitnaqqas mis-somma mwiegħda, hekk li l-ammont miżmum b’dan il-mod qatt ma huwa ser ikun fil-verità mħallas lill-konsumatur, jew fil-kont bankarju tiegħu, u jibqa’ fi kwalunkwe mument għad-dispożizzjoni tal-kreditur? L-inklużjoni ta’ dan l-ammont, li ma huwiex fil-verità mħallas, għandu impatt fuq il-kalkolu [tal-APR]?

Minkejja r-risposta għad-domandi preċedenti:

5)

Sabiex tiġi evalwata n-natura sproporzjonata tal-kumpens stipulat, fis-sens tal-punt 1(e) fl-Anness tad-Direttiva 93/13, huwa xieraq li jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli penali kollha previsti fil-ftehim, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kreditur jinsistix effettivament fuq l-eżekuzzjoni kompleta tagħhom u jekk, fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali, xi wħud minnhom jistgħux jiġu kkunsidrati invalidi, jew jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-ammont totali tas-sanzjonijiet effettivament applikati jew li jistgħu jiġu applikati?

6)

Fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura abużiva tal-penalitajiet kuntrattwali, huwa xieraq li ma jiġux applikati kull waħda mis-sanzjonijiet speċifiċi – liema sanzjonijiet, meta kkunsidrati flimkien biss, wasslu lill-qorti sabiex tiddeċidi li l-ammont tal-kumpens kien ta’ natura sproporzjonata fis-sens tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, – jew biss xi wħud minnhom (u f’dan il-każ, skont liema kriterju dan għandu jiġi deċiż)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 7(1) tad-Direttiva 93/13 u 22(2) tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fi proċeduri ta’ insolvenza, ma tippermettix, minn naħa, lill-qorti adita b’din il-proċedura li teżamina ex officio l-karattru potenzjalment inġust ta’ klawżoli kuntrattwali li krediti rreġistrati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura joriġinaw minnhom u li, min-naħa l-oħra, tawtorizza lill-imsemmija qorti tipproċedi biss għall-eżami ta’ krediti mhux iggarantiti, u dan biss għal numru ta’ motivi limitati għall-preskrizzjoni u l-estinzjoni tagħhom.

44

Skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplementaw din id-direttiva jew li jikkorrispondu għaliha. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-konjuġi Radlinger ċedew id-drittijiet mogħtija lilhom skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li jimplementaw l-imsemmija direttiva. Minn dan jirriżulta, bħalma rrilevat l-avukat ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, li din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda.

45

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, fl-interess tal-konsumaturi, jeżistu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur.

46

Fost dawn il-mezzi hemm dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-konsumaturi, billi joffrulhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-kuntratt kontenzjuż fil-qorti, inkluż fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza, u dan f’kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli, b’mod li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari termini jew spejjeż, li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 59).

47

F’dan il-każ, l-ewwel domanda magħmula tirrigwarda l-organizzazzjoni tal-proċeduri fil-qasam tal-insolvibbiltà, fil-kuntest ta’ tilwima fejn id-debitur-konsumatur jikkontesta l-fondatezza tal-krediti rreġistrati.

48

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali għar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili ta’ dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, u bħalma rrilevat l-avukat ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda informazzjoni ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, kull sitwazzjoni li fiha tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. Madankollu, il-karatteristiċi partikolari tal-proċeduri ma għandhomx jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li għandhom jibbenefikaw minnha dawn il-konsumaturi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punti 5253 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, il-punt (a) tal-ewwel domanda jsemmi l-kompatibbiltà mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ta’ sistema proċedurali nazzjonali, bħal dik spjegata fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, li tipprekludi lill-qorti adita bi proċeduri ta’ insolvenza milli teżamina ex officio l-karattru potenzjalment inġust ta’ klawżoli kuntrattwali li krediti rreġistrati fil-kuntest ta’ din il-proċedura joriġinaw minnhom.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni mixtieqa minn din id-direttiva, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, estern għall-partijiet fil-kuntratt, tal-qorti nazzjonali adita b’tali tilwimiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovost’,C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fi proċeduri ta’ insolvenza ma tippermettix lill-qorti adita b’dawn il-proċeduri teżamina ex officio l-karattru potenzjalment inġust ta’ klawżoli kuntrattwali li krediti rreġistrati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura joriġinaw minnhom, minkejja li din il-qorti għandha l-punti ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan.

55

F’dak li jirrigwarda l-punt (b) tal-ewwel domanda, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li jiġu kkontestati mhux il-krediti kollha li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu li jista’ jinkludi klawżoli inġusti, iżda biss dawk fosthom li ma jirriżultawx minn garanzija, u dan biss għal motiv bbażat fuq il-preskrizzjoni jew l-estinzjoni tagħhom.

56

Issa, bħalma tenfasizza l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-konsumatur ikun awtorizzat jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-fondatezza tal-krediti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu li jinkludi klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti, irrispettivament minn jekk ikunux iggarantiti jew le.

57

Barra minn hekk, minkejja li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tawtorizza lid-debitur, li jkollu l-ħsieb jikkontesta kreditu mhux iggarantit, li jinvoka biss il-preskrizzjoni jew l-estinzjoni ta’ dan il-kreditu, għandu jitfakkar li limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali li tinjora ex officio klawżoli inġusti hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mill-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 35).

58

Għalhekk, billi ma tippermettix il-konstatazzjoni li ċerti krediti li jirriżultaw minn ftehim lill-konsumatur li ċerti klawżoli tiegħu jistgħu jiġu ddikjarati inġusti u għal numru ta’ motivi limitati għall-preskrizzjoni jew għall-estinzjoni tagħhom, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tosservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fi proċeduri ta’ insolvenza, ma tippermettix, minn naħa, lill-qorti adita b’din il-proċedura li teżamina ex officio l-karattru potenzjalment inġust ta’ klawżoli kuntrattwali li krediti rreġistrati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura joriġinaw minnhom, filwaqt li din il-qorti jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan u li, min-naħa l-oħra, tawtorizza lill-imsemmija qorti tipproċedi biss għall-eżami tal-krediti mhux iggarantiti, u dan biss għal numru ta’ motivi limitati relatati mal-preskrizzjoni jew mal-estinzjoni tagħhom.

Fuq it-tieni domanda

60

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq qorti nazzjonali, adita b’tilwima dwar krediti li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu fis-sens ta’ din id-direttiva, l-obbligu li teżamina ex officio l-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni u li tiġbed il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn ksur ta’ dan l-obbligu.

61

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu ta’ informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, jikkontribwixxi, bħal dawk preskritti fl-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din tal-aħħar, li jikkonsisti, bħalma jirriżulta mill-premessi 7 u 9 tagħha, li jipprevedi, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumatur, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċerta numru ta’ oqsma importanti, li hija meqjusa bħala meħtieġa sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi tal-Unjoni kollha livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern li jiffunzjona ta’ kreditu lill-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dak li jirrigwarda l-punt (a) tat-tieni domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi l-obbligi imposti fuq il-qorti nazzjonali li twettaq ex officio eżami tal-ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-konsumatur [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32; fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal‑20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín, C‑227/08, EU:C:2009:792, punt 29, u, fir-rigward tad-Direttiva 1999/44/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223), sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Duarte Hueros, C‑32/12, EU:C:2013:637, punt 39].

63

Bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 et seq tal-konklużjonijiet tagħha, tali rekwiżit huwa ġġustifikat bil-kunsiderazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni hija bbażata, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan ir-rigward, l-informazzjoni, qabel u waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx ikun marbut bil-kundizzjonijiet imniżżla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Constructora Principado, C‑226/12, EU:C:2014:10, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Barra minn hekk, jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari b’nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur ma tistax tintlaħaq jekk il-qorti nazzjonali ma setgħetx tevalwa ex officio l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard, C‑429/05, EU:C:2007:575, punti 6165).

67

Fil-fatt, bħalma tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni mixtieqa minn din id-direttiva, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, estern għall-partijiet fil-kuntratt, tal-qorti nazzjonali adita b’tali tilwim.

68

L-eżami ex officio mill-qorti nazzjonali tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48 jikkostitwixxi barra minn hekk mezz xieraq sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva u jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-premessi 31 u 43 tagħha (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovost’, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, is-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ din id-direttiva għandu jkollhom karattru dissważiv. Issa, mingħajr dubju, l-eżami ex officio mill-qrati nazzjonali tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-istess direttiva għandu tali karattru.

70

Peress li l-qorti nazzjonali qiegħda tintalab tiżgura l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi, mixtieqa mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48, ir-rwol li b’hekk huwa attribwit lilha bid-dritt tal-Unjoni, fil-qasam meqjus, ma huwiex limitat għall-possibbiltà biss li tagħti deċiżjoni dwar l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li din il-kwistjoni tiġi eżaminata ex officio, minn meta hija jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32).

71

Barra minn hekk, meta l-qorti nazzjonali tkun ikkonstatat ex officio ksur tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, hija għandha, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur jippreżenta talba għal dan il-għan, tiġbed il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali minn tali ksur, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 36, u tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 42).

72

F’dan il-kuntest, għandu wkoll jitfakkar li mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implementati. Minbarra n-natura dissważiva tagħhom, dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi u proporzjonati.

73

F’dan ir-rigward, meta qorti nazzjonali tikkonstata l-ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni, hija għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha previsti mid-dritt nazzjonali, sakemm is-sanzjonijiet stabbiliti minnu jkunu josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190).

74

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq qorti nazzjonali, adita b’tilwima dwar krediti li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu fis-sens ta’ din id-direttiva, l-obbligu li teżamina ex officio l-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni u li tiġbed il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw fid-dritt nazzjonali għal ksur ta’ dan l-obbligu, sakemm is-sanzjonijiet josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva.

Fuq it-tielet domanda

75

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, wara li rrilevat li l-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ individwi, tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 93/13 u 2008/48 għandhomx effett dirett.

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-direttiva, filwaqt li torbot lil kull Stat Membru destinatarju bir-riżultat li għandu jintlaħaq, tħalli f’idejn il-qrati nazzjonali il-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-forma u tal-mezzi. B’hekk, direttiva ma tistax minnha nfisha toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Xorta jibqa’ l-fatt li l-obbligu ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jinkiseb ir-riżultat stabbilit minn direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mid-direttiva stess. Dan l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

F’dan il-każ, minn naħa, l-obbligu li jsir l-eżami ex officio tal-karattru inġust ta’ ċerti klawżoli u tal-inklużjoni ta’ ċerta informazzjoni obbligatorja fi ftehim ta’ kreditu, jikkostitwixxi regola proċedurali imposta, mhux fuq individwu, iżda fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 67, kif ukoll tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Min-naħa l-oħra, bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw, fit-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u kif ukoll fl-implementazzjoni tagħha, li jkunu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

79

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta japplikaw il-liġi nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 2008/48 sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu t-tilwim li jkollhom quddiemhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba ’ domanda

81

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, b’liema mod għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “ammont totali ta’ kreditu” u ta’ “ammont ta’ ġbid ta’ kreditu” li jidhru, l-ewwel wieħed, fl-Artikoli 3(l) u 10(2) tad-Direttiva 2008/48 u, it-tieni wieħed, fil-punt I tal-Anness I tagħha.

82

Din il-qorti fil-fatt tosserva li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu s-sellief impenja ruħu li jagħti kreditu lill-konjuġi Radlinger iddikjara li, mill-ftuħ ta’ dan il-kreditu, l-ispejjeż ta’ ftuħ tiegħu kif ukoll l-ewwel pagament mensili u, skont il-każ, il-pagamenti mensili sussegwenti, jitnaqqsu mill-ammont totali tal-imsemmi kreditu. Tqum ukoll il-kwistjoni, b’mod partikolari, dwar jekk il-parti ta’ dan l-istess kreditu li ma tpoġġietx fid-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati setgħetx tiġi inkluża fl-ammont ta’ ġbid ta’ kreditu, fis-sens tal-punt I tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48, għall-finijiet tal-kalkolu tal-APR.

83

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammont totali tal-kreditu, fis-sens tad-Direttiva 2008/48, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(l) tagħha bħala l-limitu massimu jew is-somom totali disponibbli taħt ftehim ta’ kreditu.

84

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur tinkludi l-ispejjeż kollha li huwa għandu jħallas għall-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufa mis-sellief. Fl-aħħar, skont l-Artikolu 3(i) tal-imsemmija direttiva, l-APR jikkorrispondi mal-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, espressa bħala perċentwali annwali tal-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ din l-istess direttiva.

85

Peress li l-kunċett ta’ “ammont totali pagabbli mill-konsumatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2008/48 bħala “is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, minn dan jirriżulta li l-kunċetti ta’ “ammont totali ta’ kreditu” u ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” huma esklużivi għal xulxin u li, b’hekk, l-ammont totali ta’ kreditu ma jista’ jinkludi ebda somma inkluża fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur.

86

Għalhekk, ma tista’ tiġi inkluża fl-ammont totali ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikoli 3(l) u 10(2) tad-Direttiva 2008/48, ebda somma intiża li tonora l-impenji miftiehma taħt il-kreditu inkwistjoni, bħall-ispejjeż amministrattivi, l-interessi, il-kummissjonijiet u kull tip ta’ spiża oħra li l-konsumatur għandu jħallas.

87

Għandu jiġi enfasizzat li l-inklużjoni irregolari, fl-ammont totali ta’ kreditu, ta’ somom li jaqgħu taħt l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur neċessarjament ikollha bħala effett li tissottovaluta l-APR, peress li l-kalkolu tiegħu jiddependi mill-ammont totali tal-kreditu.

88

Fil-fatt, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2008/48 jispeċifika li l-APR, li tekwivali, fuq bażi annwali, għall-valur preżenti tal-impenji kollha miftiehma bejn is-sellief u l-konsumatur, hija kkalkolata skont il-formola matematika li tinsab fil-Parti I tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Issa, din id-direttiva tistabbilixxi li l-ekwazzjoni bażika, li tistabbilixxi l-APR, fuq bażi annwali, hija daqs il-valur totali preżenti ta’ ġbid ta’ kreditu, minn naħa waħda, u t-total tal-valur preżenti ta’ rimborsi u ta’ ħlasijiet ta’ spejjeż, min-naħa l-oħra. Għalhekk, l-ammont ta’ ġbid ta’ kreditu, fis-sens tal-Parti I tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48, jikkorrispondi għall-ammont totali ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 3(l) ta’ din id-direttiva.

89

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk somma waħda jew diversi msemmija fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza ġewx inklużi irregolarment fl-ammont totali ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 3(l) tad-Direttiva 2008/48, b’dan il-fatt ikun jista’ jkollu effett fuq il-kalkolu tal-APR u jaffettwa, konsegwentement, l-eżattezza tal-informazzjoni li s-sellief kellu jsemmi, skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, fil-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

90

Issa, bħalma jindikaw essenzjalment il-premessi 31 u 43 tad-Direttiva 2008/48, l-informazzjoni tal-konsumatur dwar l-ispiża totali tal-kreditu, fil-forma ta’ rata kkalkolata skont formola matematika unika, għandha importanza essenzjali. Fil-fatt, minn naħa, din l-informazzjoni tikkontribwixxi għat-trasparenza tas-suq inkwantu tgħin lill-konsumatur iqabbel l-offerti ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, din tgħin lill-konsumatur jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2004, Cofinoga, C‑264/02, EU:C:2004:127, punt 26, u d-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovost’, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 70).

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 3(l) u 10(2) tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll il-punt I tal-Anness I ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont totali ta’ kreditu u l-ammont ta’ ġbid ta’ kreditu jinkludu s-somom kollha mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, li jeskludi dawk użati mis-sellief għall-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-kreditu inkwistjoni u li ma humiex effettivament mogħtija lil dan il-konsumatur.

Fuq il-ħames u s-sitt domanda

92

Permezz tal-ħames u s-sitt domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi evalwat il-karattru għoli b’mod sproporzjonat, fis-sens tal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, tal-ammont ta’ kumpens impost fuq il-konsumatur li ma jimplementax l-obbligi tiegħu, għandu jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha relatati ma’ dan fil-kuntratt inkwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kreditur jinsistix effettivament fuq l-eżekuzzjoni kompleta ta’ kull waħda minnhom u jekk, għal dawk li jinstab li huma inġusti, il-qrati nazzjonali għandhomx ma japplikawx dawn il-klawżoli kollha jew uħud minnhom biss.

93

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-anness li jirreferi għalih l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti, li fosthom hemm b’mod partikolari, bħalma jirriżulta mill-punt 1(e) ta’ dan l-anness, dawk li għandhom bħala għan jew bħala effett li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.

94

Fl-evalwazzjoni tal-karattru potenzjalment inġust ta’ klawżola kuntrattwali, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jindika li t-tweġiba għandha tqis in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-ftehim u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw il-konklużjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovost’, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 59, u s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C‑348/14, EU:C:2015:447, punt 48).

95

Għalhekk, bħalma rrilevat l-avukat ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. Tali evalwazzjoni hija ġġustifikata, peress li huma japplikaw fit-totalità tagħhom, u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kreditur jinsistix effettivament fuq l-eżekuzzjoni kompleta tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 42).

96

Fit-tieni lok, għandu jiġu enfasizzat li, skont l-ewwel frażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma jorbtux lill-konsumatur, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-drittijiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, it-tieni frażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika li tali kuntratt “għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

97

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li il-qrati nazzjonali huma obbligati biss li ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma huma awtorizzati jirrevedu l-kontenut tagħha. Il-kuntratt għandu jibqa’ validu, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief għal dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-għan u l-ispirtu ġenerali tad-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li jikkostitwixxi l-bażi tal-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi, din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, li jipprovdu mezzi xierqa u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”. Issa, kieku kien possibbli għall-qorti nazzjonali li tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti inklużi f’tali kuntratti, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan għal żmien twil previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, peress li dan idgħajjef l-effett dissważiv fuq il-bejjiegħa u l-fornituri bil-pur u bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli inġusti (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li klawżola hija inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13, tkun għalhekk din il-qorti li għandha tieħu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovost’, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Minn dan jirriżulta li, bħalma rrilevat essenzjalment l-avukat ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat li diversi klawżoli f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur huma inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandha teskludi dawn il-klawżoli inġusti kollha u mhux biss uħud minnhom.

101

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi evalwat il-karattru għoli b’mod sproporzjonat, fis-sens tal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, tal-ammont ta’ kumpens impost fuq il-konsumatur li ma jimplementax l-obbligi tiegħu, għandu jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha relatati ma’ dan fil-kuntratt inkwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kreditur jinsistix effettivament fuq l-eżekuzzjoni kompleta ta’ kull waħda minnhom u li, skont il-każ, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, jieħdu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ ċerti klawżoli, billi ma japplikawx il-klawżoli kollha li jinstab li huma inġusti, sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut bihom.

Fuq l-ispejjeż

102

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fi proċeduri ta’ insolvenza, minn naħa, ma tippermettix lill-qorti adita b’din il-proċedura li teżamina ex officio l-karattru potenzjalment inġust ta’ klawżoli kuntrattwali li krediti rreġistrati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura joriġinaw minnhom, filwaqt li din il-qorti jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan u li, min-naħa l-oħra, tawtorizza lill-imsemmija qorti tipproċedi biss għall-eżami tal-krediti mhux iggarantiti, u dan biss għal numru ta’ motivi limitati għall-preskrizzjoni jew għall-estinzjoni tagħhom.

 

2)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq qorti nazzjonali, adita b’tilwima dwar krediti li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu fis-sens ta’ din id-direttiva, l-obbligu li teżamina ex officio l-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni u li tieħu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw fid-dritt nazzjonali għal ksur ta’ dan l-obbligu, sakemm is-sanzjonijiet josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva

 

3)

L-Artikoli 3(l) u 10(2) tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll il-punt I tal-Anness I ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont totali ta’ kreditu u l-ammont ta’ ġbid ta’ kreditu jinkludu s-somom kollha mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, li jeskludi dawk użati mis-sellief għall-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-kreditu inkwistjoni u li ma humiex effettivament mogħtija lil dan il-konsumatur.

 

4)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi evalwat il-karattru għoli b’mod sproporzjonat, fis-sens tal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, tal-ammont ta’ kumpens impost fuq il-konsumatur li ma jimplementax l-obbligi tiegħu, għandu jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha relatati ma’ dan fil-kuntratt inkwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kreditur jinsistix effettivament fuq l-eżekuzzjoni kompleta ta’ kull waħda minnhom u li, skont il-każ, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, jieħdu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ ċerti klawżoli, billi ma japplikawx dawk kollha li jinstab li huma inġusti, sabiex jiġi żgurat il-konsumatur ma jkunx marbut bihom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top