Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0369

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015.
    Sommer Antriebs- und Funktechnik GmbH vs Rademacher Geräte-Elektronik GmbH & Co. KG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Köln.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku – Direttiva 2002/96/KE – Artikoli 2(1) u 3(a), kif ukoll l-Annessi I A u I B – Direttiva 2012/19/UE – Artikoli 2(1)(a), 2(3)(b) u 3(1)(a) u (b), kif ukoll l-Annessi I u II – Kunċetti ta’ ‘tagħmir elettriku u elettroniku’ u ta’ ‘[g]ħodod elettriċi u elettroniċi’ – Apparat għal bibien ta’ garaxx.
    Kawża C-369/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:491

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku — Direttiva 2002/96/KE — Artikoli 2(1) u 3(a), kif ukoll l-Annessi I A u I B — Direttiva 2012/19/UE — Artikoli 2(1)(a), 2(3)(b) u 3(1)(a) u (b), kif ukoll l-Annessi I u II — Kunċetti ta’ ‘tagħmir elettriku u elettroniku’ u ta’ ‘[g]ħodod elettriċi u elettroniċi’ — Apparat għal bibien ta’ garaxx”

    Fil-Kawża C-369/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

    Sommer Antriebs- und Funktechnik GmbH

    vs

    Rademacher Geräte-Elektronik GmbH & Co. KG,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Sommer Antriebs- und Funktechnik GmbH, minn J. Stock, avukat,

    għal Rademacher Geräte-Elektronik GmbH & Co. KG, minn S. Pietzcker, avukat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz, C. Hermes u D. Loma-Osorio Lerena, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikoli 2(1) u 3(a), kif ukoll tal-Annessi I A u I B tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU Kapitolu 15, Vol. 7, p. 359) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 2(1)(a) u 3(b) tal-Artikolu 3(1)(a) u (b), kif ukoll tal-Annessi I u II tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, p. 38).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sommer Antriebs- und Funktechnik GmbH (iktar ’il quddiem “Sommer”) u Rademacher Geräte-Elektronik GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Rademacher”) dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din tal-aħħar fl-iStiftung elektro-altgeräte register (ir-Reġistru Nazzjonali Ġermaniż għall-iskart tat-tagħmir elettriku, iktar ’il quddiem l-“iStiftung ear”) bħala produttriċi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (iktar ’il quddiem it-“TEE”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2002/96

    3

    Skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2012/19, id-Direttiva 2002/96 tħassret b’effett mill-15 ta’ Frar 2014.

    4

    Il-premessi 10, 15 u 16 tad-Direttiva 2002/96 jipprovdu:

    “(10)

    Din id-Direttiva għandha tkopri t-tagħmir kollu ta’ l-elettriku u elettroniku użati minn konsumaturi u tagħmir ta’ l-elettriku u elettroniku maħsub għall-użu professjonali.[...]

    [...]

    (15)

    Ġbir separat huwa l-kondizzjoni minn qabel biex jiġu żgurat trattament speċifiku u r-riċiklaġġ ta’ [skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (iktar ’il quddiem les ‘STEE’)] u huwa meħtieġ biex jiġi akkwistat il-livell magħżul ta’ protezzjoni ta’ saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent fil-Komunità.[...]

    (16)

    Sabiex jinkiseb il-livell magħżul ta’ protezzjoni u ta’ għanijiet ambjentali armonizzati tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jimminimizzaw ir-rimi/qerda ta’ [STEE] bħala skart muniċipali mhux magħżul u biex jinkiseb livell għoli ta’ ġbir separat ta’ [STEE].[...]”

    5

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għanijiet”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, bħala l-ewwel prijorità, il-prevenzjoni ta’ [STEE], u b’żieda ma’ dan, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ skart bħal dan biex jintnaqqas ir-rimi/qerda ta’ skart. Tfittex ukoll li ttejjeb il-qadi ambjentali ta’ l-operaturi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ tagħmir ta’ l-elettriku u elettroniku, per eżempju produtturi, distributuri u konsumaturi u partikolarment dawk l-operaturi involuti direttament fit-trattament ta’ [STEE].”

    6

    L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal tagħmir ta’ [t-TEE] li jidħol taħt il-kategoriji ddikjarati fl-Anness I A basta li t-tagħmir ikkonċernat mhuwiex parti minn tip ieħor ta’ tagħmir li ma jidħolx fl-iskop ta’ din id-Direttiva. L-Anness I B jikkontjeni lista ta’ prodotti li jidħlu taħt il-kategoriji dikjarati fl-Anness I A.”

    7

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    [‘TEE’]: [...] tfisser tagħmir dipendenti fuq kurrenti tal-elettriku jew kampijiet elettromanjetiċi sabiex jaħdem sew u tagħmir għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta’ kurrenti u kampijiet bħal dawn u ddisinjat għall-użu ma’ vultaġġ massimu li ma jaqbiżx l-1000 volt għal kurrent alternanti u l-1500 volt għal kurrent dirett;

    [...]”

    8

    L-Anness I A tad-Direttiva 2002/96 telenka l-kategoriji ta’ TEE koperti minnu. Għalhekk il-punt 6 ta’ dan l-anness jirrigwarda l-“[g]ħodda ta’ l-elettriku u elettroni[ċi] (bl-eċċezzjoni ta’ għodda industrijali fissi fuq skala kbira)”.

    9

    Il-punt 6 tal-Anness I B ta’ din id-direttiva, intitolata “Lista ta’ prodotti li għandhom jigu meqjusa għal-fini ta’ din id-Direttiva u li jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ l-Anness I A”, hija redatta kif ġej:

    “[g]ħodod elettriċi u elettroniċi (ħlief għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira)

    Apparat li jħaffer

    [Segi]

    Magni tal-ħjata

    Tagħmir għat-tidwir, milling, sanding, [d]ħin, tqattigħ, shearing, tħaffir, toqob, punching, tiwi, tgħawwiġ jew proċessar simili ta’ l-injam, il-metall u materjali oħra

    Għodda għal[l-irbatt], [tismir] jew [invitar] jew it-tneħħija ta’ rivits, imsiemer, viti jew użu simili

    Għodod għall-iwweldjar, l-istanjar jew użu simili

    Tagħmir għall-isprejar, il-frix, jew trattament ieħor ta’ sustanzi likwidi jew gassużi permezz permezz ta’ mezzi oħra

    Tagħmir għall-[bexx, tixrid, tferrix] jew xi trattament ieħor ta’ sustanzi likwidi jew gassużi permezz ta’ mezzi oħra

    Għodod għall-ħsad jew attivitajiet oħra ta’ xogħol fil-ġnien”.

    Id-Direttiva 2012/19

    10

    Il-premessi 6, 9, 14 u 15 tad-Direttiva 2012/19 jistabbilixxu:

    “(6)

    L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli bil-prevenzjoni ta’ [ST]EE bħala l-prijorità ewlenija, u barra dan, bl-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ skart ta’ dan it-tip sabiex tnaqqas ir-rimi ta’ skart u tikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-irkupru ta’ materja prima sekondarja prezzjuża. Tfittex ukoll li ttejjeb ir-rendiment ambjentali tal-operaturi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ [T]EE, pereżempju l-produtturi, id-distributuri u l-konsumaturi u b’mod partikolari dawk l-operaturi involuti direttament fil-ġbir u t-trattament ta’ [ST]EEE. B’mod partikolari, applikazzjonijiet nazzjonali differenti tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-produttur jistgħu jwasslu għal differenzi sostanzjali fil-piż finanzjarju fuq l-operaturi ekonomiċi. Linji politiċi nazzjonali differenti dwar il-ġestjoni tal-[ST]EE jfixklu l-effikaċja tal-politika ta’ riċiklaġġ. Għal dik ir-raġuni l-kriterji essenzjali għandhom jiġu stipulati fil-livell tal-Unjoni u għandhom jiġu żviluppati standards minimi għat-trattament tal-[ST]EE.

    [...]

    9)

    Din id-Direttiva għandha tkopri [t-T]EE kollu użat minn konsumaturi u [T]EE maħsub għall-użu professjonali. [...] L-objettivi ta’ din id-Direttiva jistgħu jinkisbu mingħajr ma jkunu inklużi installazzjonijiet fissi ta’ skala kbira bħal pjattaformi taż-żejt, sistemi għat-trasport tal-bagalji fl-ajruporti jew liftijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, kull tagħmir li mhuwiex iddisinjat u installat speċifikament bħala parti minn dawk l-installazzjonijiet, u li jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu anki jekk ma jkunx parti minn dawk l-installazzjonijiet, għandu jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan jirriferi pereżempju għal tagħmir bħal tagħmir ta’ tidwil jew pannelli fotovoltajċi.

    [...]

    (14)

    Il-ġbir separat huwa kundizzjoni ddeterminata minn qabel sabiex jiġi żgurat it-trattament speċifiku u r-riċiklaġġ tal-[ST]EE, u huwa meħtieġ biex jinkiseb il-livell magħżul ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fl-Unjoni. Il-konsumaturi għandhom jikkontribwixxu b’mod attiv għas-suċċess ta’ dan it-tip ta’ ġbir u għandhom jiġu inkoraġġuti biex jirritornaw il-[ST]EE. [...]

    (15)

    Sabiex jinkiseb il-livell magħżul ta’ protezzjoni u tal-għanijiet ambjentali armonizzati tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jimminimizzaw ir-rimi tal-WEEE bħala skart muniċipali mhux isseparat u biex jinkiseb livell għoli ta’ ġbir separat ta’ [ST]EE. [...]”

    11

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku [STEE] u bit-tnaqqis tal-impatti ġenerali mill-użu ta’ riżorsi u t-titjib tal-effiċjenza f’dan it-tip ta’ użu skont l-Artikoli 1 u 4 tad-[Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3)], u b’hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli.”

    12

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ambitu”, jipprevedi li:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal [TEE] [...] kif ġej:

    a)

    mit-13 ta’ Awwissu 2012 sal-14 ta’ Awwissu 2018 (perjodu tranżizzjonali), soġġett għall-paragrafu 3, għal [T]EE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I. L-Anness II fih lista indikattiva ta’ [T]EE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I;

    [...]

    3.   Din id-Direttiva ma għandha tapplika għall-ebda wieħed mill-[T]EE li ġej:

    [...]

    b)

    tagħmir li huwa ddisinjat u installat speċifikament bħala parti minn tip ieħor ta’ tagħmir li huwa eskluż jew ma jaqax taħt l-ambitu ta’ din id-Direttiva u li jista’ jintuża biss jekk ikun jagħmel parti minn dak it-tagħmir;

    [...]”

    13

    L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi li:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    [‘TEE’]: tfisser tagħmir dipendenti fuq kurrenti tal-elettriku jew kampijiet elettromanjetiċi sabiex jaħdem sew u tagħmir għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta’ kurrenti u kampijiet bħal dawn u ddisinjat għall-użu ma’ vultaġġ massimu li ma jaqbiżx l-1000 volt għal kurrent alternanti u l-1500 volt għal kurrent dirett;

    b)

    ‘għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira’ tfisser montatura ta’ daqs kbir ta’ magni, tagħmir, u/jew komponenti, li jaħdmu flimkien għal applikazzjoni speċifika, installati permanentement u disinstallati minn nies professjonisti f’post partikolari, u użati minn nies professjonisti kif ukoll li fuqhom issir manutenzjoni minn nies professjonisti f’faċilità tal-manifattura industrijali jew faċilità għar-riċerka u l-iżvilupp;

    [...]”

    14

    Il-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2012/19, intitolata “Kategoriji ta’ [T]EE koperti minn din id-Direttiva matul il-perjodu tranżizzjonali kif previst fl-Artikolu 2(1)(a)” hija identika għall-punt 6 tal-Anness I A tad-Direttiva 2002/96.

    15

    Il-punt 6 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/19, intitolata “Lista indikattiva ta’ [T]EE li jaqgħu fil-kategoriji tal-Anness I”, jipprevedi s-segwenti:

    “Għodod elettriċi u elettroniċi (bl-eċċezzjoni ta’ għodod industrijali fissi ta skala kbira)

    Apparat li jħaffer

    Srieraq

    Magni tal-ħjata

    Tagħmir għal tidwir, xkatlar, tħin, tqattigħ, tħaffir, titqib, ippanċjar, tiwi, tgħawwiġ jew proċessar simili tal-injam, metall u materjali oħrajn

    Għodod għall-irbuttar, it-tismir jew l-irbit bil-viti jew it-tneħħija ta’ rivets, imsiemer, viti jew użu simili

    Għodod għall-iwweldjar, l-istanjar jew użu simili

    Tagħmir għall-isprejjar, it-tifrix jew xi trattament ieħor ta’ sustanzi likwidi jew gassużi permezz ta’ mezzi oħra

    Għodod għall-ħsad jew attivitajiet oħra ta’ xogħol fil-ġnien”

    Id-dritt Ġermaniż

    16

    Skont l-Artikolu 3(1) tal-liġi kontra l-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, BGBl. 2010 I, p. 1513), kif emendata bil-liġi tal-1 ta’ Ottubru 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3714, iktar ’il quddiem l-“UWG”), intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiki Kummerċjali Żleali”, jipprevedi:

    “Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali meta jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew ta’ operaturi tas-suq oħra. [...]”

    17

    Skont l-Artikolu 4 tal-UWG, intitolat “Eżempji ta’ prattiki kummerċjali żleali”:

    “Persuna taġixxi b’mod żleali, b’mod partikolari, meta

    [...]

    11.

    tikser dispożizzjoni legali li hija, intiża wkoll li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq.”

    18

    Il-liġi dwar it-tqegħid fis-suq, l-irtirar u r-rimi mingħajr riskju għall-ambjent ta’ tagħmir elettriku u elettroniku [Gesetz über das Inverkehrbringen, die Rücknahme und die umweltverträgliche Entsorgung von Elektro- und Elektronikgeräten (Elektro- und Elektronikgerätegesetz), BGBl. 2005 I, p. 762, iktar ’il quddiem l-“ElektroG”], tas-16 ta’ Marzu 2005, fiha l-Artikolu 2 intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” li huwa redatt kif ġej:

    “(1)   Din il-liġi tapplika għat-[TEE] li jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin, sakemm ma jkunux jiffurmaw parti minn tagħmir li ma jkunx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi:

    [...]

    6.

    Għodod elettriċi u elettroniċi (salv għodod industrijali fissi fuq skala kbira)

    [...]”

    19

    L-Artikolu 3 tal-ElektroG, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “(1)   Skont din il-liġi [‘TEE’] għandu jfisser:

    1.

    It-tagħmir li jaħdem b’kurrent elettriku jew permezz ta’ kampijiet elettromanjetiċi,

    2.

    It-tagħmir intiż għall-produzzjoni, it-trasferiment u tkejjil ta’ dawn il-kurrenti u l-kampijiet,

    ddisinnjat għall-użu ma’ vultaġġ massimu li ma jaqbiżx l-1 000 Volt għal kurrent alternanti u 1500 volt għal kurrent dirett;

    [...]

    (11)   ‘produttur’, skont din il-liġi, għandu jfisser kull persuna li, irrispettivament mill-metodu ta’ bejgħ użat, inkluż permezz ta’ komunikazzjoni minn distanza skont l-Artikolu 312b(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch [(Kodiċi Ċivili)], professjonalment

    1.

    timmanifattura taħt it-trade mark tagħha u tikkummerċjalizza għall-ewwel darba fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi t-[TEE].

    [...]”

    20

    L-Artikolu 6(2), ta’ din il-liġi, intitolat “L-istabbiliment ta’ organu komuni, reġistrazzjoni, garanzija ta’ finanzjament”, jipprevedi dan li ġej:

    “Kull produttur għandu jirreġistra ruħu mal-awtorità kompetenti (Artikolu 16) konformement mat-tieni u t-tielet sentenzi, qabel ma jikkummerċjalizza t-tagħmir elettriku jew elettroniku. [...]”

    21

    Il-punt 6 tal-Anness I tal-ElektroG, intitolat “Lista ta’ kategoriji u tagħmir”, huwa identiku għal-punt 6 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/19.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22

    Skont l-Artikolu 6(2), tal-ElektroG, Sommer, li timmanifattura apparat għal bibien ta’ garaxx u prodotti oħra, hija rreġistrat mal-iStiftung ear bħala produttur ta’ TEE.

    23

    Rademacher tipproduċi wkoll apparat għal bibien ta’ garaxx. Dan l-apparat li jaħdem permezz ta’ vultaġġ elettriku ta’ madwar 220 sa 240 volts, huwa ddisinjat sabiex ikun inkorporat, mal-bieb tal-garaxx korrispondenti, fl-istruttura tal-bini u jista’ fi kwalunkwe mument jiżżarma, jintrama u/jew jiżdied mal-imsemmi apparat (iktar ’il quddiem l-“apparat inkwistjoni”). Rademacher ma hijiex irreġistrata mal-iStiftung ear bħala produttur ta’ [T]EE.

    24

    Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fix-xahar ta’ Lulju 2013, Sommer ressqet lil Rademacher quddiem il-Landgericht Köln (tribunal reġjonali ta’ Köln) għal kompetizzjoni żleali, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx irreġistrat ruħha mal-iStiftung ear bħala produttur ta’ [T]EE. Dan ir-rikors li ppreżentat Sommer huwa intiż, b’mod partikolari, li jipprekludi lil Rademacher li tikkummerċjalizza l-apparat inkwistjoni sakemm ma tirreġistrax ruħha mal-iStiftung ear, kif ukoll li tikkundanna lil din il-kumpannija li tikkumpensa kull dannu eventwalment ikkawżat lil Sommer bil-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan l-apparat.

    25

    Sommer tikkunsidra li Rademacher hija “produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(11) tal-ElektroG, u li, konsegwentement, din il-kumpannija kienet obbligata li tirreġistra ruħha mal-iStiftung ear qabel ma tikkummerċjalizza t-TEE. F’dan ir-rigward, Sommer issostni li l-apparat inkwistjoni ma jikkostitwixxux “għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira”, iżda “[g]ħodod elettriċi u elettroniċi ”, skont l-punt 6 tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, peress li dan huwa tagħmir intiż sabiex jintuża fid-djar, li dan l-apparat jaħdmu permezz tal-kurrenti elettriċi jew ta’ kampijiet elettromanjetiċi, li huma ddisinjati sabiex jużaw vultaġġ li ma jaqbiżx l-1 000 volts f’kurrent alternat (AC) u 1500 volts f’kurrent dirett (DC) u li ma jistgħux jitneħħew. Skont Sommer, l-imsemmija apparat għandhom funzjoni individwali ma jiffurmawx parti minn tagħmir li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ElektroG.

    26

    Rademacher tikkontesta din il-pożizzjoni. Hija tqis li l-apparat inkwistjoni ma jikkostitwixxix “għodod”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija ppreċiżata mill-punt 6 tal-Anness I tal-ElektroG, li jinkludi lista ta’ prodotti. Ċertament, din il-lista ma hijiex eżawrjenti iżda l-prodotti inklużi fiha kollha għandhom, madankollu, bħala karatteristika komuni l-azzjoni fuq il-materjali, jiġifieri l-materjali u s-sustanzi għall-ipproċessar u li jbiddilhom fiżikament. Madankollu, sa fejn l-apparat inkwistjoni jkollhom biss bħala funzjoni li jalimentaw is-sistema ta’ enerġija u li joperawha, l-użu ta’ dawn il-prodotti ma jimplika ebda trasformazzjoni diretta jew azzjoni fuq materjali jew sustanzi, ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala “[g]ħodod elettriċi u elettroniċi”, skont il-punt 6 tal-Artikolu 2(1) tal-ElektroG. Rademacher tqis li, fi kwalunkwe każ, l-apparat inkwistjoni ma għandhomx funzjoni individwali u jikkostitwixxu komponent ta’ prodott prinċipali li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ElektroG.

    27

    Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, jekk Rademacher kellha tiġi kkunsidrata bħala produttur suġġett għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 6(2), tal-ElektroG, il-kummerċjalizzazzjoni, minn din il-kumpannija, tal-apparat inkwistjoni tikser l-Artikoli 3(1) u 4(11) tal-UWG, moqrija flimkien mal-Artikoli 2 u 6(2) tal-ElektroG, sakemm l-imsemmija kumpannija ma tiġix rreġistrata mal-iStiftung ear.

    28

    Peress li ElektroG għandha bħala għan it-traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż tad-Direttiva 2002/96, din il-qorti tistaqsi jekk l-apparat inkwistjoni jaqax taħt il-kunċett ta’ “[g]ħodod elettriċi u elettroniċi”, skont din id-direttiva u d-Direttiva 2012/19. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jevita sa fejn huwa possibbli li l-materjali utli u s-sustanzi tossiċi li joħorġu mill-komponenti elettriċi u elettroniċi jispiċċaw fl-iskart ġenerali kif ukoll id-definizzjoni mogħtija mill-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) lill-kunċett ta’ “għodda”, jiġifieri “strument li jippermetti l-azzjoni mekkanika fuq l-oġġetti”, timmilita favur risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-prodotti msemmija fil-punti 6 rispettivament tal-Anness I B tad-Direttiva 2002/96 u tal-Anness II tal-Direttiva 2012/19 jaġixxu mekkanikament fuq l-oġġetti jew il-partijiet, b’mod li jittrasformawhom u, għaldaqstant, ibiddlu l-oġġetti jew il-materjali, filwaqt li l-apparat inkwistjoni ma jittrasformax la l-oġġetti u lanqas il-materjali, iżda sempliċiment iħaddem il-bieb tal-garaxx, jistiednu risposta negattiva.

    29

    Skont il-qorti tar-rinviju, jekk l-apparat inkwistjoni jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “[g]ħodod elettriċi u elettroniċi”, xorta għandha tivverifika jekk dan l-apparat huwiex eskluż mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttivi 2002/96 u 2012/19 peress li jikkostitwixxi komponent ta’ “għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira” jew jifforma parti minn “tip ieħor ta’ tagħmir” li ma jaqax fil-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-fatt li l-imsemmi apparat jiġi armat, mal-bieb tal-garaxx, fil-bini u jintuża sabiex jikkontrollah, jindika li huwa ma għandux funzjoni awtonoma u jikkostitwixxi sistema ġenerali fissa, filwaqt li l-fatt li dan l-istess apparat jista’ fi kwalunkwe mument jiġi żarmat, armat mill-ġdid jew miżjud mal-istruttura tal-bini jippermettilu li jiġi kkunsidrat bħala li għandu funzjoni individwali li tiddistingwieh minn tagħmir elettriku fiss.

    30

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(a), kif ukoll l-Annessi IA u IB tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku u/jew l-Artikolu 2(1)(a), l-Artikolu 3(1)(a) u l-Annessi I u II tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li apparat għal bibien (ta’ garaxx) li għandhom vultaġġ [...]elettriku ta’ madwar 220 sa 240 volts, u li huwa intiż li jkun inkorporat fl-istruttura tal-bini flimkien mal-bieb (tal-garaxx), jaqa’ taħt il-kunċett ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, b’mod partikolari l-kunċett ta’ [g]ħodod elettriċi u elettroniċi?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (1):

    Il-punt 6 tal-Anness IA u l-punt 6 tal-Anness IB tad-Direttiva 2002/96/KE u/jew l-Artikolu 3(1)(b), il-punt 6 tal-Anness I Nru 6 u l-punt 6 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/19/UE għandhom jiġu interpretati fis-sens li apparat (għal bibien ta’ garaxx) bħal dak deskritt fid-domanda (1) għandu jitqies li huwa komponent ta’ għodda industrijali fuq skala kbira fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (1) u ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda (2):

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/96/KE u/jew l-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2012/19/UE għandhom jiġu interpretati fis-sens li apparat (għal bibien ta’ garaxx) bħal dak deskritt fid-domanda (1) għandu jitqies li huwa parti minn tip ieħor ta’ tagħmir li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva rilevanti?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    31

    Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li r-riferiment għad-Direttiva 2002/96 ma għandhiex rilevanza għall-eżami tat-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn din id-direttiva tkun ġiet, konformement għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2012/19, imħassra b’effett mill-15 ta’ Frar 2014.

    32

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba, bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (is-sentenzi Fish Legal u Shirley, C-279/12, EU:C:2013:853, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Idrodinamica Spurgo Velox et, C-161/13, EU:C:2014:307, punt 29).

    33

    F’dan il-każ, jekk il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax ir-raġunijiet li għalihom hija qed titlob l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/96 “u/jew” tad-Direttiva 2012/19, huwa madankollu ċar mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa waħda, li din l-ewwel qorti ġiet adita bir-rikors ippreżentat minn Sommer fix-xahar ta’ Lulju 2013, jiġifieri qabel id-data li fiha d-Direttiva 2002/96 waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha, jiġifieri fil-15 ta’ Frar 2014, u, min-naħa l-oħra, li, permezz tar-rikors tagħha, Sommer qed titlob, b’mod partikolari, li tikkundanna lil Rademacher sabiex tikkumpensa d-danni kollha li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tissubixxi minħabba l-aġir allegatament żleali ta’ Rademacher, li manifestament inbeda taħt id-Direttiva 2002/96 u kompla taħt Direttiva 2012/19.

    34

    Konsegwentement, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 2002/96 u tad-Direttiva 2012/19 ma għandhiex xi relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali.

    35

    Għalhekk, it-talbiet huma inammissibbli fl-intier tagħhom.

    Fuq il-mertu

    36

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(1) u 3(a), kif ukoll il-punt 6 tal-Anness I A u l-punt 6 tal-Anness I B, tad-Direttiva 2002/96, minn naħa waħda, u l-Artikolu 2(1)(a) u 3(b) l-Artikolu 3(1)(a) u (b), kif ukoll l-punt 6 tal-Anness I u II, tad-Direttiva 2012/19, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li apparat għal bibien ta’ garaxx, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandu vultaġġ ta’ madwar 220 sa 240 volts, u li huwa ddisinjat sabiex ikun inkorporat fl-istruttura tal-bini flimkien mal-bieb tal-garaxx korrispondenti, u li jista’ fi kwalunkwe mument jiġi żarmat, armat mill-ġdid u/jew miżjud, jaqax fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva 2002/96 u tad-Direttiva 2012/19 matul il-perijodu tranżitorju stabbilit mill-Artikolu 2(1)(a) ta’ din l-aħħar direttiva (iktar ’il quddiem il-“perijodu tranżitorju”).

    37

    Mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/96, jirriżulta li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-prodotti li jissodisfaw tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, li jikkostitwixxu TEE, it-tieni nett, li jaqgħu fil-kategoriji elenkati fl-Anness I A ta’ din id-direttiva u, t-tielet nett, li ma jkunux jiffurmaw parti minn tip ta’ apparat li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u li ma jikkostitwixxix tali apparat. Dawn l-istess kundizzjonijiet huma riprodotti, essenzjalment, fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/19, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li minnu jirriżulta li d-Direttiva 2012/19 tapplika, matul il-perijodu tranżitorju, għat-[T]EE li jaqgħu fil-kategoriji elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u li ma humiex imsemmija fl-Artikolu 2(3) tagħha.

    38

    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/96 u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2012/19 jiddefinixxu l-kunċett ta’ “TEE” b’mod kważi identiku, jiġifieri bħala li jinkludi tagħmir dipendenti fuq kurrenti tal-elettriku jew kampijiet elettromanjetiċi sabiex jaħdem sew u tagħmir għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta’ kurrenti u kampijiet bħal dawn u ddisinjat għall-użu ma’ vultaġġ massimu li ma jaqbiżx l-1000 volt għal kurrent alternanti u l-1500 volt għal kurrent dirett. L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/96 iżid ma’ din id-definizzjoni r-rekwiżit li l-apparat għandu jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I A ta’ din l-aħħar direttiva.

    39

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-apparat inkwistjoni jiffunzjona b’kurrenti elettriċi li l-vultaġġ tagħhom huwa madwar 220 sa 240 volts, jew li ma jaqbiżx l-1000 għal kurrent alternanti u l-1500 volt għal kurrent dirett. Minn dan isegwi li dan l-apparat jista’ jikkostitwixxi TEE fis-sens tad-Direttiva 2002/96 u li huwa TEE fis-sens tad-Direttiva 2012/19.

    40

    Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta jekk l-apparat inkwistjoni jaqax fil-punt 6 “[g]ħodda ta’ l-elettriku u elettroni[ċi] (bl-eċċezzjoni ta’ għodda industrijali fissi fuq skala kbira)” tal-Anness I A tad-Direttiva 2002/96 “u/jew” tal-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2012/19, li huwa redatt f’termini identiċi.

    41

    Għandu jiġi osservat li, minn naħa waħda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/96 jispeċifika li l-Anness I B tagħha “jikkontjeni lista ta’ prodotti li jidħlu taħt il-kategoriji dikjarati fl-Anness I A”, filwaqt li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/19 jipprevedi li l-Anness II tagħha “fih lista indikattiva ta’ [T]EE li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness I”. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-apparat għal bibien ta’ garaxx ma jissemmix bħala tali fost il-prodotti elenkati fil-punt 6 “[g]ħodda ta’ l-elettriku u elettroni[ċi] (bl-eċċezzjoni ta’ għodda industrijali fissi fuq skala kbira)” tal-Anness I B tad-Direttiva 2002/96 u lanqas fost dawk imsemmija fil-punt 6 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/19, intitolat b’mod identiku.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-kontenut ta’ dan il-punt jikkorrispondi għall-punt 6 tal-Anness I B tad-Direttiva 2002/96, , jirriżulta b’mod ċar mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/19, kif ukoll mit-titolu tal-Anness II tagħha, li l-lista ta’ TEE stabbilita f’dan l-anness bħala indikattiva, filwaqt li d-Direttiva 2002/96 ma tipprevedix espressament li l-lista prevista fl-Anness I B tagħha għandha tali karattru indikattiv.

    43

    Madankollu, din ċ-ċirkustanza waħida mhix tali li tagħti karattru eżawrjenti lill-lista li tidher fl-Anness I B tad-Direttiva 2002/96. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 2(1), ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, mill-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li l-Anness I B tal-imsemmija direttiva fih “il-” lista “ta’” prodotti li jaqgħu fil-kategoriji elenkati fl-Anness I A tagħha, iżda lista “ta’” tali prodotti, li hija indikattiva.

    44

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/96 u l-Anness I B tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li din tal-aħħar fiha lista indikattiva tal-prodotti li jaqgħu fil-kategoriji msemmija fl-Anness I A ta’ din id-direttiva.

    45

    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-apparat inkwistjoni jistax jaqa’ fil-kategorija “[g]ħodda ta’ l-elettriku u elettroni[ċi] (bl-eċċezzjoni ta’ għodda industrijali fissi fuq skala kbira)”, fis-sens tad-Direttivi 2002/96 u 2012/19.

    46

    F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ definizzjoni tat-terminu “għodod” f’dawn id-direttivi, għandu jsir riferiment, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dak it-terminu, għas-sens ġenerali u komunement aċċettat tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Endendijk, C-187/07, EU:C:2008:197, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan it-terminu jindika abitwalment kull oġġett użat għat-twettiq ta’ operazzjoni jew biċċa xogħol iddeterminat.

    47

    Konsegwentement, sa fejn, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ladarba meta l-apparat inkwistjoni jkun operat bl-elettriċità huwa jippermetti l-operar u l-kontroll tal-bibien ta’ garaxx, dan jikkostitwixxi għodda elettrika jew elettronika fis-sens tal-imsemmija direttiva.

    48

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument ta’ Rademacher skont liema, peress li l-apparat inkwistjoni ma huwiex użat biex iċaqlaq oġġetti bħalma huma l-biebien ta’ garaxx, ma jistax jaqa’ taħt il-prodotti msemmija fil-punti 6 rispettivament tal-Anness I B tad-Direttiva 2002/96 u tal-Anness II tad-Direttiva 2012/19, peress li dawn il-prodotti għandhom bħala karatteristika komuni li jiġu użati għall-ipproċessar tal-oġġetti. Fil-fatt, kif enfasizzat ukoll Sommer fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-karatteristika ma tistax tiġi kklassifikata bħala komuni għall-prodotti kollha elenkati fl-imsemmija punti 6, peress li xi wħud minn dawn il-prodotti, bħalma huma l-għodod għall-invitar jew it-tneħħija viti, ma jipproċessawx l-oġġetti li fuqhom jaġixxu direttament iżda sempliċiment iċaqilquhom.

    49

    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-apparat inkwistjoni jikkostitwixxix “għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira” esklużi mill-kategorija “[g]ħodda ta’ l-elettriku u elettron[iċi]”, fis-sens tad-Direttivi 2002/96 u 2012/19, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa waħda, li l-ewwel direttiva ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira”. Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett komunement jirreferi għall-għodod jew il-magni industrijali li huma użati bħala parti minn proċess ta’ manifattura jew ipproċessar industrijali tal-prodotti, li huma installati f’pożizzjoni fissa u normalment ma jkunux jistgħu jiċaqilqu jew jitneħħew. Minn dan jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, l-apparat inkwistjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala “għodod industrijali”, sa fejn dan l-apparat ma jiġix użat fil-kuntest ta’ proċess ta’ manifattura jew ipproċessar industrijali tal-prodotti. Minn naħa l-oħra, l-imsemmi apparat ma jikkorrispondix għad-definizzjoni ta’ “għodod industrijali weqfin ta’ skala kbira” stabbilita fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2012/19, peress li ma huwiex prinċipalment “użat[...] minn nies professjonisti kif ukoll li fuq[u] issir manutenzjoni minn nies professjonisti f’faċilità tal-manifattura industrijali jew faċilità għar-riċerka u l-iżvilupp”.

    50

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-apparat inkwistjoni jaqa’ fil-kategorija “[g]ħodda ta’ l-elettriku u elettroni[ċi] (bl-eċċezzjoni ta’ għodda industrijali fissi fuq skala kbira)”, fis-sens tad-Direttivi 2002/96 u 2012/19.

    51

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju sadanittant tistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat li l-apparat inkwistjoni jiffurmax parti minn tip t’apparat ieħor li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/96, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha, “u/jew” huwiex tali apparat li jikkostitwixxi tagħmir li huwa ddisinjat u installat speċifikament bħala parti minn tip ieħor ta’ tagħmir li huwa eskluż jew ma jaqax taħt l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19 jew li jista’ jintuża biss jekk ikun jifforma parti minn dak it-tagħmir, fis-sens tal-Artikolu 2(3)(b) ta’ din l-aħħar direttiva.

    52

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2002/96 għandha bħala għanijiet il-prevenzjoni f’dak li jirrigwarda l-iskart ta’ TEE, l-użu mill-ġdid tiegħu, ir-riċiklaġġ tiegħu u l-forom l-oħra ta’ rkupru ta’ dan l-iskart, b’mod li titnaqqas il-kwantità ta’ skart li għandhom jiġu eliminati, kif ukoll it-titjib tal-prestazzjonijiet ambjentali tal-operaturi kollha kkonċernati matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tat-TEE. Konformement mal-premessi 10, 15 u 16 tagħha, din id-direttiva hija intiża sabiex tkopri t-TEE użati mill-konsumaturi kif ukoll dawk intiżi għal użu professjonali u li tilħaq livell għoli ta’ ġbir kollettiv tal-STEE, sabiex tiggarantixxi l-livell magħżul ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Barra minn hekk, mill-premessi 6, 9, 14 u 15 tad-Direttiva 2012/19 jirriżulta li hija ssegwi essenzjalment, l-istess għanijiet.

    53

    Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, l-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, previsti rispettivament fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/96 u fl-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2012/19, għandhom jiġu interpretati ristrettivament.

    54

    Rademacher targumenta, essenzjalment, li l-apparat inkwistjoni ma huwiex kopert mill-imsemmi direttivi peress li ma għandux funzjoni awtonoma iżda jifforma parti minn komponenti inkorporati b’mod fiss fl-istruttura tal-bini kkonċernat.

    55

    Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/96, TEE, fis-sens ta’ din id-direttiva, li, bħall-apparat inkwistjoni, jista’ jiġi żarmat jew armat mill-ġdid u/jew miżjud mal-istruttura tal-bini fi kwalunkwe mument, ma huwiex ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sempliċiment għax huwa “ddisinjat sabiex ikun inkorporat fl-[imsemmija] struttura [...].” Fil-fatt, tali interpretazzjoni għandha bħala konsegwenza li teskludi numru kbir ta’ TEE li jaqgħu espressament fil-kategoriji elenkati fl-Anness I A tad-Direttiva 2002/96 sempliċiment minħabba l-fatt li huma inkorporati f’bini jew għax huma mqabbdin mas-sistema elettrika tiegħu u għaldaqstant imorru kontra l-għanijiet tad-direttiva.

    56

    Fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2012/19, din għandha tiġi interpretata b’mod iktar ristrettiv minn dik prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/96, peress li din l-eċċezzjoni mhix intiża li teskludi li t-tagħmir “li huwa ddisinjat u installat speċifikament” bħala parti minn tip ieħor ta’ tagħmir u li “li jista’ jintuża biss jekk ikun jagħmel parti minn dak it-tagħmir”. F’dan ir-rigward, skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2012/19, l-għanijiet tagħha jistgħu jinkisbu mingħajr ma jkunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-installazzjonijiet fissi ta’ skala kbira bħal pjattaformi taż-żejt, sistemi għat-trasport tal-bagalji fl-ajruporti jew liftijiet. Madankollu, din l-istess premessa tipprovdi żewġ eżempji ta’ TEE, jiġifieri tagħmir ta’ tidwil u l-pannelli fotovoltajċi, li, minkejja li normalment jiġu inkorporati għal installazzjonijiet fissi ta’ skala kbira, bħalma huwa bini, ma humiex, madankollu, ikkunsidrati bħala “speċifikament” intiżi sabiex jiġu inkorporati f’installazzjonijiet u huma kkunsidrati bħala li jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom anki jekk ma jkunux inkorporati.

    57

    Madankollu, fid-dawl ta’ dawn l-eżempji u sa fejn l-apparat inkwistjoni jista’ fi kwalunkwe mument jiġi żarmat, armat mill-ġdid u/jew miżjud mal-istruttura tal-bini u ma huwiex konsegwentement, iddisinjat sabiex jiffunzjona, b’mod esklużiv, ma’ ċerti bibien, dan l-apparat ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ikkunsidrat bħala “li huwa ddisinjat u installat speċifikament” bħala parti mill-imsemmija struttura fis-sens tal-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2012/19.

    58

    Għalhekk, l-apparat għal bibien ta’ garaxx bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fl-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) tad- Direttiva 2002/96 u fl-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2012/19.

    59

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 3(a), kif ukoll il-punt 6 tal-Anness I A u l-punt 6 tal-Anness I B tad-Direttiva 2002/96, minn naħa waħda u l-Artikolu 2(1)(a) u 3(b) l-Artikolu 3(1)(a) u (b), kif ukoll l-punt 6 tal-Anness I u II tad-Direttiva 2012/19, minn naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li apparat għal bibien ta’ garaxx, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jiffunzjona permezz ta’ vultaġġ ta’ madwar 220 sa 240 volts, u li huwa ddisinjat sabiex ikun inkorporat fl-istruttura tal-bini flimkien mal-bieb tal-garaxx korrispondenti, u li jista’ fi kwalunkwe mument jiġi żarmat, armat mill-ġdid u/jew miżjud mal-imsemmija struttura, jaqa’ fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva 2002/96 u tad-Direttiva 2012/19 matul il-perijodu tranżitorju.

    Fuq l-ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 2(1) u 3(a), kif ukoll il-punt 6 tal-Anness I A u l-punt 6 tal-Anness I B, tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) minn naħa waħda, u l-Artikolu 2(1)(a) u 3(b) l-Artikolu 3(1)(a) u (b), kif ukoll il-punt 6 tal-Anness I u tal-Anness II tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), minn naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li apparat għal bibien ta’ garaxx, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jiffunzjoni permezz ta’ vultaġġ ta’ madwar 220 sa 240 volts, u li huwa ddisinjat sabiex ikun inkorporat fl-istruttura tal-bini flimkien mal-bieb tal-garaxx korrispondenti, u li jista’ fi kwalunkwe mument jiġi żarmat, armat mill-ġdid u/jew miżjud mal-imsemmija struttura, jaqa’ fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva 2002/96 u tad-Direttiva 2012/19 matul il-perijodu tranżitorju stabbilit mill-Artikolu 2(1)(a) ta’ din l-aħħar direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top