Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0229

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015.
Ender Balkaya vs Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Verden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 98/59/KE – Artikolu 1(1)(a) – Tkeċċijiet kollettivi – Kunċett ta’ ʽħaddiemʼ – Membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Persuna li taħdem fil-kuntest ta’ miżura ta’ tagħlim u ta’ reintegrazzjoni professjonali u li tirċievi għajnuna pubblika għat-taħriġ mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega.
Kawża C-229/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:455

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Artikolu 1(1)(a) — Tkeċċijiet kollettivi — Kunċett ta’ ‘ħaddiem’ — Membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Persuna li taħdem fil-kuntest ta’ miżura ta’ tagħlim u ta’ reintegrazzjoni professjonali u li tirċievi għajnuna pubblika għat-taħriġ mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega”

Fil-Kawża C‑229/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Arbeitsgericht Verden (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Ender Balkaya

vs

Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Balkaya, minn M. Barton, Rechtsanwalt,

għal Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH, minn P. Wallenstein, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Balkaya u Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH (iktar ’il quddiem “Kiesel Abbruch”) dwar il-legalità ta’ tkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi mogħtija minn din tal-aħħar, fl-okkażjoni tal-għeluq ta’ stabbiliment, mingħajr ma hija nnotifikat il-pjan ta’ tkeċċija kollettiva lill-Bundesagentur für Arbeit (Aġenzija Federali għall-impjieg) qabel din it-tkeċċija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:

a)

‘redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar- redundancies huwa:

i)

jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

ii)

jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

b)

‘rappreżentanti tal-ħaddiema’ jfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mill-liġijiet jew mill-prattiċi ta’ l-Istati Membri.

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal-raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jgħid:

“1.   Kull min iħaddem għandu jinnotifika lil awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

[...]

2.   Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rapreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1.

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibgħatu xi kummenti li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti.”

5

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Il-redundancies kollettivi proġettati nnotifikati lil awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 1(1) bla ħsara għal xi disposizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

2.   Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġgettati.”

6

Skont l-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva:

“Din id-Direttiva ma għandiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.”

Id-dritt Ġermaniż

7

L-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija inġusta (Kündigungsschutzgesetz, iktar ’il quddiem il-“KSchG”), li tikkonċerna n-notifika ta’ tkeċċijiet inġusti, hija fformulata kif ġej:

“(1)   Il-persuna li timpjega hija marbuta li tagħmel notifika lill-Aġenzija għall-impjieg qabel it-tkeċċija:

l.

fi stabbilimenti li jimpjegaw normalment iżjed minn 20 u inqas minn 60 ħaddiem, ta’ iktar minn 5 ħaddiema;

[...]

matul perijodu ta’ 30 jum kalendarju. It-tkeċċijiet huma assimilati ma’ forom oħra ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg li saru fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega.

(2)   Meta persuna li timpjega għandha l-intenzjoni li tagħmel tkeċċiijiet suġġetti għal notifika skont il-paragrafu 1, hija marbuta li tipprovdi, fi żmien utli, l-informazzjoni kollha utli għall-kunsill tax-xogħol, u b’mod partikolari li tinformah bil-miktub dwar:

1.

ir-raġunijiet għat-tkeċċijiet ippjanati;

2.

in-numri u l-kategoriji professjonali ta’ ħaddiema li ser jitkeċċew;

3.

in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema normalment impjegati;

4.

il-perijodu meta t-tkeċċiijiet ippjanati għandhom jiġu effettwati;

5.

il-kriterji proposti għall-għażla tal-ħaddiema li ser jitkeċċew;

6.

il-kriterji proposti għall-kalkolu ta’ eventwali kumpens.

[...]

(3)   Il-persuna li timpjega hija marbuta li tibgħat fl-istess ħin lill-Aġenzija għall-impjieg kopja tal-komunikazzjoni lill-kunsill tax-xogħol; hija għandha jkun fiha għall-inqas l-informazzjoni preskritta fil-punti 2 sa 5 tal-paragrafu 2.

[...]

(5)   Ma jitqiusx ħaddiema fis-sens ta’ dan il-paragrafu:

1.

Fl-istabbilimenti ta’ persuna ġuridika, il-membri tal-korp responsabbli mir-rappreżentanza legali ta’ din il-persuna;

2.

Fl-istabbilimenti ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati mil-liġi, mill-istatuti jew mill-istatut ta’ assoċjazzjoni, li jirrappreżentaw din l-assoċjazzjoni;

3.

id-diretturi ta’ impriża, maniġers ta’ stabbiliment u persuni oħra li għandhom pożizzjonijiet ta’ maniġers simili, sa fejn għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet huma dwar ir-reklutatġġ u t-tkeċċija ta’ ħaddiema.”

8

L-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-kumpannija b’responsabbiltà limitata (Gesetz betreffend die Gesellschaft mit beschränkter Haftung, iktar ’il quddiem il-“GmbHG”), dwar l-istatus ta’ direttur, jipprovdi:

“(1)   Il-kumpannija għandu jkollha direttur wieħed jew iktar.

(2)   Hija biss persuna fiżika li għandha l-kapaċità ġuridika sħiħa li twettaq atti ġuridiċi li tista’ tkun direttur. [...]

(3)   Jistgħu jkunu maħtura diretturi l-imsieħba jew kwalunkwe persuna oħra. Il-ħatra issir jew mill-istatut ta’ assoċjazzjoni jew konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din il-liġi.

[...]”

9

L-Artikolu 35 tal-GmbHG jipprovdi:

“(1)   Il-kumpanija hija rrappreżentata ġudizzjarjament u extraġudizzjarjament mid-diretturi. [...]

(2)   Fejn jinħatru diversi diretturi, dawn huma intitolati għar-rappreżentazzjoni b’mod konġunt sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor fl-istatut ta’ assoċjazzjoni. [...]

[...]”

10

L-Artikolu 37 tal-GmbHG, intitolat “Limitazzjoni għas-setgħat ta’ rappreżentanza”, jipprovdi:

“(1)   Id-diretturi huma marbuta lejn il-kumpannija li josservaw il-limitazzjonijiet imposti fuq is-setgħa tagħhom ta’ rappreżentanza mill-istatuti jew, salv klawżola statutorja kuntrarja, bid-deċiżjonijiet tal-imsieħba.

(2)   Il-limiti tas-setgħa ta’ rappreżentanza tad-diretturi huma vinkolanti fuq it-terzi. Dan japplika, b’mod partikolari, meta r-rappreżentanza hija limitata għal ċerti atti ġuridiċi jew kategoriji ta’ atti leġiżlattivi, jew għal ċerti ċirkustanzi, jew għal ċertu perijodu, jew għal ċerti postijiet speċifikati jew ukoll fejn il-kunsens tal-imsieħba jew ta’ korp tal-kumpannija huwa rikjest għal ċerti atti.”

11

L-Artikolu 38 tal-GmbHG, relatat mar-revoka tad-diretturi, jipprovdi:

“(1)   Id-diretturi jistgħu jitneħħew fi kwalunkwe ħin, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt għad-danni li jirriżulta minn kuntratti eżistenti.

(2)   L-istatuti jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ revoka għal raġunijiet serji li jiġġustifikaw tali deċiżjoni. Jitqiesu bħala tali raġunijiet serji, b’mod partikolari, nuqqas serji jew l-inabbiltà li jitmexxa kif xieraq in-negozju tal-kumpannija.”

12

L-Artikolu 43 tal-GmbHG, relatat mar-responsabbiltà tad-diretturi, jipprevedi:

“(1)   Id-diretturi għandhom imexxu n-negozju tal-kumpannija bid-diliġenża ta’ negozjant prudenti.

(2)   Id-diretturi li jiksru l-obbligi tagħhom huma responsabbli in solidum lejn il-kumpannija għad-danni li huma jikkawżaw.

[...]”

13

L-Artikolu 46 tal-GmbHG, intitolat “Kompetenzi tal-imsieħba” huwa fformulat kif ġej:

“Huma suġġetti għad-deċiżjoni tal-imsieħba:

1.

il-konstatazzjoni tal-kontijiet annwali u l-allokazzjoni tal-profitti;

1a.

id-deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni tar-riżultati finanzjarji skont l-standards internazzjonali ta’ kontabbiltà [...] u fuq l-approvazzjoni tal-kontijiet annwali redatti mid-diretturi;

1b.

l-approvazzjoni ta’ kontijiet kkonsolidati tal-grupp stabbilit mid-diretturi;

2.

l-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet;

3.

ir-rimbors ta’ pagamenti addizzjonali;

4.

is-suddiviżjoni, il-konsolidazzjoni kif ukoll l-amortizzazzjoni ta’ ishma;

5.

il-ħatra, it-tneħħija jew it-tkeċċija ta’ diretturi;

6.

il-miżuri ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tat-tmexxija;

7.

il-ħatra ta’ persuna li għandhom prokura u persuni awtorizzati għat-tmexxija tan-negozju kollu, li jwettqu atti f’isem il-kumpannija;

8.

l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet għad-danni kontra d-diretturi jew imsieħba, minħabba l-formazzjoni tal-kumpannija jew it-tmnexxija tagħha, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni tal-kumpanija meta hija f’kawża mad-diretturi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Kiesel Abbruch, kumpannija rregolata taħt id-dritt Ġermaniż b’responsabbiltà limitata, impjegat lil E. Balkaya, mill-1 ta’ April 2011, bħala tekniku. Dan tal-aħħar kien assenjat fi ħdan l-impriża u mal-klijenti.

15

Kiesel Abbruch itterminat, b’effett mid-data tal-15 ta’ Frar 2013, il-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati tagħha, inkluż dak ta’ E. Balkaya, u waqqfet l-attivitajiet kollha tagħha, li spiċċaw bi żbilanċ, fuq is-sit Achim (il-Ġermanja). It-tkeċċija ta’ E. Balkaya ġiet innotifikata lilu permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2013.

16

Huwa paċifiku li Kiesel Abbruch ma nnotifikatx il-pjan ta’ tkeċċija kollettiva lill-Bundesagentur für Arbeit qabel ma ħabbret it-tkeċċija ta’ E. Balkaya.

17

E. Balkaya tinvoka din l-ommissjoni sabiex tikkontesta, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-validità tat-tkeċċija tagħha, billi ssotni li n-numru ta’ ħaddiema, normalment impjegati minn Kiesel Abbruch fl-istabbiliment tagħha f’Achim kien jaqbeż il-limitu ta’ 20 persuna previst mill-punt 1 tal-Artikolu 17(1) tal-KSchG, peress li din tal-aħħar kienet marbuta, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li tagħmel din in-notifika qabel ma tħabbarha.

18

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat, għal 18-il persuna fosthom E. Balkaya, li dawn kienu fost il-ħaddiema normalment impjegati minn Kiesel Abbruch fl-imsmemi stabbiliment fid-data li fiha tħabbret it-tkeċċija.

19

Madankollu, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk, barra minn hekk, għandhomx jingħaddu, f’din il-kategorija, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitu ta’ 20 persuna previst fil-punt 1 tal-Artikolu 17(1) tal-KSchG intlaħaqx, tliet persuni oħra li kienu wkoll impjegati minn Kiesel Abbruch.

20

L-ewwel nett, dan jirrigwarda lil S., li kien impjegat bħala prodottur u huwa stess irrexxinda l-kuntratt tiegħu b’effett mis-7 ta’ Diċembru 2012.

21

It-tieni nett, Kiesel Abbruch kien jimpjega, fid-data tat-tkeċċijiet li hija ħabbret, lil L. bħala direttur. Dan tal-aħħar ma kellu ebda ishma ta’ Kiesel Abbruch u kien intitolat li jirrappreżentaha biss b’mod konġunt ma’ direttur ieħor.

22

It-tielet nett, f’din id-data, Kiesel Abbruch kienet timpjega lil S., li kienet issegwi taħriġ ta’ tibdil għall-funzjonijiet ta’ assistenta tal-uffiċċju ffinanzjat mill-Jobcentre im Landkreis Diepholz (servizz pubbliku tal-impjieg għad-distrett ta’ Diepholz). Assistenza finanzjarja, li kienet ekwivalenti għar-remunerazzjoni sħiħa li titħallas lil S. bħala korrispettiv tal-attività tagħha fil-kuntest tat-taħriġ tagħha, kienet titħallas lilha direttament mill-Bundesagentur für Arbeit.

23

Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tal-aħħar tqis bħala stabbilit li S. jaqa’ fil-kategorija ta’ ħaddiema normalment impjegati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 17(1) tal-KSchG, dispożizzjoni li permezz tagħha l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 ġie trasposta fid-dritt Ġermaniż. B’hekk, ikun jirriżulta li 19-il ħaddiem jinsabu f’din il-kategorija.

24

Għaldaqstant, il-kwistjoni tqum jekk għandux jiġi inkluż ukoll fil-kategorija ta’ ħaddiema impjegati, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, direttur, bħall L., u persuna li ssegwi taħriġ għal tibdil, bħal S. sabiex, fil-kawża prinċipali, iktar minn 20 ħaddiema jkunu normalment impjegati minn Kiesel Abbruch fi ħdan l-istabbiliment tagħha fid-data tat-tkeċċija meqjusa.

25

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, fl-ewwel lok, sa fejn jikkonċerna L. li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 17(5) tal-KSchG, ma humiex ikkunsidrati ħaddiema jew impjegati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-membri tal-korp ta’ persuna ġuridika responsabbli għar-rappreżentanza legali ta’ din il-persuna. L-ikbar grupp skont in-numru ta’ dawn il-membri jkun dak ta’ diretturi ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (“Gesellschaften mit beschränkter Haftung”).

26

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva, dwar ir-relazzjonijiet bejn direttur u tali kumpannija, li d-dritt Ġermaniż jiddistingwi strettament bejn istatus tad-direttur bħala korp, minn naħa waħda, u d-drittijiet u l-obbligi tad-direttur fir-rigward ta’ din il-kumpannija, min-naħa l-oħra. Filwaqt li l-akkwist ta’ dan l-istatus jirriżulta mill-ħatra tad-direttur mill-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, l-iktar korp qawwi tal-kumpannija, id-drittijiet u l-obbligi tad-direttur fir-rigward tal-istess kumpannija huma rregolati bil-kuntratt ta’ ingaġġ bħala direttur. Dan il-kuntratt huwa kuntratt ta’ servizz li jieħu l-forma ta’ kuntratt ta’ tmexxija tan-negozju, u ma jikkostitwixxix, skont il-ġurisprudenza Ġermaniża dominanti, kuntratt ta’ xogħol.

27

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju li jirriżulta mis-sentenza Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674) relatat ma membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija, magħmul sabiex jiddetermina l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, tal-eżerċizzju ta’ attività taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ tali kumpannija.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ persuna bħal S., deskritta bħala “stagiaire”, li teżerċita attività prattikata’ f’impriża sabiex takkwista jew tiżviluppa għarfien jew issegwi taħriġ professjonali, il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li, normalment, it-taħriġ professjonali rikonoxxut iwassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt għal dan il-għan bejn l-impriża ta’ taħriġ u l-apprendista u għall-ħlas ta’ remunerazzjoni minn din l-impriża, it-taħriġ mogħti lil S. ma kienx is-suġġett ta’ tali kuntratt u Kiesel Abbruch ma ħallsitlux remunerazzjoni.

29

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji xierqa għall-evalwazzjoni dwar jekk in-nies li jsegwu tali taħriġ professjonali jew tali stages humiex ħaddiema, is-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, u b’mod partikolari, fuq ir-rilevanza f’dan ir-rigward tal-fatt li r-remunerazzjoni titħallas direttament mill-persuna li timpjega.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Verden iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni rilevanti, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġijiet jew prattiki nazzjonali li ma jieħdux inkunsiderazzjoni membru tal-amministrazzjoni [tal-bord tad-diretturi] ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju fil-kalkolu tal-persunal previst minn din id-dispożizzjoni anki meta dan jeżerċita l-attività tiegħu taħt id-direzzjoni u taħt il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ din il-kumpannija, dan jirċievi kumpens għall-attività tiegħu u meta huwa stess ma għandu l-ebda sehem fil-kumpannija?

2)

Id-dritt tal-Unjoni rilevanti, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprovdi b’mod vinkolanti li għandhom ukoll jitqiesu bħala ħaddiema fil-kalkolu tal-persunal previst minn din id-dispożizzjoni, il-persuni li jeżerċitaw attività prattika f’impriża, mingħajr ma jirċievu remunerazzjoni mill-persuna li timpjega, iżda li jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja mill-organu pubbliku responsabbli għall-promozzjoni tax-xogħol għal din l-attività rikonoxxuta minnu, sabiex jiksbu jew jiżviluppaw l-għarfien jew isegwu taħriġ professjonali (‘stagiaire’) jew huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-liġijiet jew il-prattiki nazzjonali f’dan ir-rigward?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu (1)(a) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati previst minn din id-dispożizzjoni, membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċita l-attività tiegħu taħt id-direzzjoni u taħt il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ din il-kumpannija, li jirċievi kumpens bħala korrispettiv għall-attività tiegħu u meta huwa stess ma għandu l-ebda sehem fl-imsemmija kumpannija?

32

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, minn naħa, li, billi armonizza r-regoli applikabbli għat-tkeċċijiet kollettivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni, kemm li jiżgura l-protezzjoni komparabbli tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri differenti kif ukoll li jqarreb l-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn ir-regoli ta’ protezzjoni għall-impriżi tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 48, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑596/12, EU:C:2014:77, punt 16).

33

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni Kiesel Abbruch, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri iżda għandu tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 49). Inkella, il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-limiti massimi previsti fiha, ikunu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, u dan b’hekk jippermetti lil dawn tal-aħħar li jbiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jċaħħduha mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Confédération générale du travail et, C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 47).

34

Insegwitu, mill-ġurisprudeneza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi kunċett ta’ “ħaddiem” għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg, b’kunsiderazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni kkonċernati. F’dan il-kuntest, il-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija l-fatt li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑596/12, EU:C:2014:77, punt 17, li tagħmel riferiment, b’analoġija, għas-sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 39).

35

F’dan ir-rigward, sa fejn il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ direttur bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata, b’mod partikolari, permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg bħala direttur, li ma jikkostitwixxix, skont il-ġurisprudenza Ġermaniża, kuntratt ta’ xogħol, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg fir-rigward tad-dritt nazzjonali ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan jirriżulta li, sa fejn persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, in-natura tar-rabta ġuridika li torbot lill-parti l-oħra tar-relazzjoni ta’ impjieg hija irrilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59 (ara, b’analoġija, is-sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 40).

37

Fit-tieni lok, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, fuq l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta’ rabta’ ta’ subordinazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-kunċett ta’ ħaddiem, peress li l-grad ta’ dipendenza jew ta’ subordinazzjoni ta’ direttur, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jkun ta’ intensità inqas minn dik ta’ ħaddiem fis-sens normali tad-dritt Ġermaniż, hemm lok li jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ tali rabta ta’ subordinazzjoni għandha tkun evalwata f’kull każ partikolari skont l-elementi kollha u ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 46).

38

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli fil-kuntest tad-Direttiva 98/59, jirriżulta li l-fatt li persuna għandha l-kwalità ta’ membru ta’ korp li tmexxi kumpannija b’kapital azzjonarju ma jistax, bħala tali, jeskludi li din il-persuna tinsab f’rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 47, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑596/12, EU:C:2014:77, punti 14, 17 u 18). Fil-fatt għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom dan il-membru ġie rreklutat, in-natura tal-funzjonijiet li ngħatawlu, il-kuntest li fihom dawn tal-aħħar huma eżerċitati, il-portata tas-setgħat tal-persuna kkonċernata u l-kontroll li huwa suġġett għalih fi ħdan il-kumpannija, kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom huwa jista’ jitneħħa (ara s-sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 47).

39

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li membru ta’ bord ta’ diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li jipprovdi, bħala korrispettiv ta’ remunerazzjoni, servizzi lill-kumpannija li ħatritu u li minnha huwa jagħmel parti integrali, li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ din il-kumpannija u li jista’, f’kull mument, jitneħħa mill-kariga tiegħu mingħajr restrizzjonijiet, jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 51 u 56).

40

F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li direttur ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinħatar mill-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ din il-kumpannija, liema laqgħa tista’ tirrevoka l-mandat tiegħu fi kwalunkwe ħin kontra r-rieda tad-direttur. Barra minn hekk, dan huwa, fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu, suġġett għad-direzzjoni u l-kontroll tal-imsemmi korp kif ukoll, b’mod partikolari, għar-rekwiżiti u l-limitazzjonijiet imposti fuqu għal dan il-għan. Barra minn hekk, mingħajr ma dan l-element ikun deċiżiv għalih biss f’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi osservat li direttur bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippossjedi ebda sehem fil-kumpannija li għaliha jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, anki jekk tali membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju għandu marġni ta’ diskrezzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu li jeċċedu, b’mod partikolari, dak ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt Ġermaniż, li jista’ jiġi preskritt mill-persuna li timpjega, kif osservat il-qorti tar-rinviju fid-dettall, il-kompiti li għandu jwettaq u l-mod kif dawn għandhom jitwettqu, jibqa’ l-fatt li jinsab f’rabta ta’ subordinazzjoni għal din il-kumpannija fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 49 sa 51).

42

Barra minn hekk, huwa paċifiku li direttur bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirċievi remunerazzjoni għall-attività tiegħu.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu, għaldaqstant, jiġi kkonstatat li membru tal-membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, bħal dik inkwistjoni, għandu jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 u, konsegwentement, meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-limiti massimi previsti fih.

44

Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-għan tad-direttiva li għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi. Konformement ma’ dan l-għan, ma tistax tingħata definizzjoni ristretta tal-kunċetti li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, inklużi fiha l-kunċett ta’ “ħaddiem” li jinsab fl-Artikolu 1(1)(a) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Athinaïki Chartopoiïa, C‑270/05, EU:C:2007:101, punti 25 u 26, kif ukoll, b’analoġija, Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 22).

45

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Kiesel Abbruch u tal-Gvern Estonjan li jgħid li direttur bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkollux ħtieġa tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 98/59 fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi.

46

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li ma hemm xejn x’juri li impjegat li huwa membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, b’mod partikolari ta’ kumpannija ta’ daqs żgħir jew medju daqs bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun neċessarjament f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ persuni oħra impjegati mill-istess kumpannija fir-rigward tal-ħtieġa li jittaffew il-konsegwenzi tal-tkeċċija tiegħu, u, b’mod partikolari, sabiex jipprevjeni, għal dan il-għan, skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità pubblika kompetenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ ssib soluzzjonijiet għall-problemi li jirriżultaw mit-tkeċċijiet kollha meqjusa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 48, kif ukoll Claes et, C‑235/10 sa C‑239/10, EU:C:2011:119, punt 56).

47

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju fil-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati previst fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 hija tali li taffettwa mhux biss il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lil dawn il-membri, iżda speċjalment li ċċaħħad lill-ħaddiema kollha impjegati minn ċerti impriżi, normalment b’iktar minn 20 ħaddiem, mid-drittijiet li huma jisiltu minn din id-direttiva, drittijiet u li, għaldaqstant, minn dan il-fatt, jippreġudikaw l-effettività tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Confédération générale du travail et, C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 48).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu (1)(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati previst minn din id-dispożizzjoni, membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċita l-attività tiegħu taħt id-direzzjoni u taħt il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ din il-kumpannija, li jirċievi kumpens bħala korrispettiv għall-attività tiegħu u meta huwa stess ma għandu l-ebda sehem fl-imsemmija kumpannija.

Fuq it-tieni domanda

49

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżerċita attività prattika f’impriża fil-forma ta’ stage, mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni mill-persuna li timpjega, iżda li tibbenefika minn għajnuna finanzjarja mill-organu pubbliku responsabbli għall-promozzjoni tax-xogħol għal din l-attività rikonoxxuta minn dan l-organu sabiex tikseb jew tiżviluppa għarfien jew issegwi taħriġ professjonali, għandhiex titqies li għandha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

50

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt tal-Unjoni jestendi għal dawk li jwettqu stage preparatorju jew perijodi ta’ taħriġ fi professjoni, li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu tħejjija prattika marbuta mal-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni, peress li l-imsemmija perijodi huma mwettqa taħt il-kundizzjonijiet ta’ impjieg ġenwin u effettiv imħallas, favur u taħt id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-produttività tal-persuna kkonċernata hija baxxa, li ma twettaqx kompitu sħiħ u li, għaldaqstant, taħdem biss numru mnaqqas ta’ sigħat fil-ġimgħa u tirċievi konsegwentement remunerazzjoni limitata (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punti 19 sa 21; Bernini, C-3/90, EU:C:1992:89, punti 15 u 16; Kurz, C‑188/00, EU:C:2002:694, punti 33 u 34, kif ukoll Kranemann, C‑109/04, EU:C:2005:187, punt 13).

51

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li la l-kuntest ġuridiku tar-relazzjoni ta’ impjieg skont il-liġi nazzjonali li fil-kuntest tiegħu jsir taħriġ professjonali jew stage, u lanqas l-oriġini tar-riżorsi assenjati għar-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, bħal f’din il-kawża, il-finanzjament tiegħu permezz ta’ sussidji pubbliċi, ma jista’ jkollhom ebda konsegwenza dwar ir-rikonoxximent jew le ta’ persuna bħala ħaddiem (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Bettray, 344/87, EU:C:1989:226, punti 15 u 16; Birden, C‑1/97, EU:C:1998:568, punt 28, kif ukoll Kurz, C‑188/00, EU:C:2002:694, punt 34).

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula, b’mod partikolari fil-punti 33, 34 u 44 ta’ din is-sentenza, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżerċita attività prattika f’impriża fil-forma ta’ stage, mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni mill-persuna li timpjega, iżda li tibbenefika minn għajnuna finanzjarja mill-organu pubbliku responsabbli għall-promozzjoni tax-xogħol għal din l-attività rikonoxxuta minn dan l-organu sabiex tikseb jew tiżviluppa għarfien jew issegwi taħriġ professjonali, għandha titqies li għandha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati previst minn din id-dispożizzjoni, membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċita l-attività tiegħu taħt id-direzzjoni u taħt il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ din il-kumpannija, li jirċievi kumpens bħala korrispettiv għall-attività tiegħu u meta huwa stess ma għandu l-ebda sehem fl-imsemmija kumpannija.

 

2)

L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżerċita attività prattika f’impriża fil-forma ta’ stage, mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni mill-persuna li timpjega, iżda li tibbenefika minn għajnuna finanzjarja mill-organu pubbliku responsabbli għall-promozzjoni tax-xogħol għal din l-attività rikonoxxuta minn dan l-organu sabiex tikseb jew tiżviluppa għarfien jew issegwi taħriġ professjonali, għandha titqies li għandha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top