Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0223

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Novembru 2015.
    Tecom Mican SL u José Arias Domínguez.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Las Palmas de Gran Canaria.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Kunċett ta’ ‘att extraġudizzjarju' – Att privat – Impatt transkonfinali – Funzjonament tas-suq intern.
    Kawża C-223/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:744

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    11 ta’ Novembru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Kunċett ta’ ‘att extraġudizzjarju' — Att privat — Impatt transkonfinali — Funzjonament tas-suq intern”

    Fil-Kawża C‑223/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria (Qorti tal-Prim’Istanza Nru 7 ta’ Las Palmas de Gran Canaria, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

    Tecom Mican SL,

    José Arias Domínguez

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. BOT

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Marzu 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Tecom Mican SL, minn T. Rosales Hernández, avukat,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll A. Fonseca Santos u R. Chambel Margarido, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castillo de la Torre u M. Wilderspin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria (Qorti tal-Prim’Istanza Nru 7 ta’ Las Palmas de Gran Canaria) minn aġent kummerċjali, Tecom Mican SL (iktar ’il quddiem “Tecom”), kontra deċiżjoni tar-reġistratur ta’ din il-qorti li biha dan irrifjuta, mingħajr proċedura ġudizzjarja, li jinnotifika ittra ta’ intimazzjoni lil MAN Diesel & Turbo SE (iktar ’il quddiem “MAN Diesel”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tal-Aja, tal-15 ta’ Novembru 1965, dwar in-Notifika Barra mill-pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extra ġudizzjarji f’Materji Ċivili jew Kummerċjali (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni tal-Aja tal-1965”), jipprovdi:

    “L-atti extraġudizzjarji maħruġa mill-awtoritajiet u l-uffiċjali ministerjali ta’ Stat kontraenti jistgħu jintbagħtu għall-finijiet tan-notifika fi Stat kontraenti ieħor skont il-mezzi u l-kundizzjonijiet previsti f’din il-Konvenzjoni.”

    4

    Il-manwal prattiku dwar il-funzjonament tal-Konvenzjoni tal-Aja (Uffiċċju permanenti tal-Konferenza tal-Aja tad-dritt privat internazzjonali, Manwal prattiku dwar il-funzjonament tal-Konvenzjoni dwar in-Notifika tal-Aja, Ed. 3, Bruylant, Brussell, 2006), jindika b’mod partikolari li “l-atti extraġudizzjarji huma distinti mill-atti ġudizzjarji peress li dawn ma humiex direttament marbuta ma’ proċedura, u mill-atti purament privati minħabba li dawn jeħtieġu l-intervent ta’ ‘awtorità jew ta’ uffiċjal pubbliku’”.

    Id-dritt tal-Unjoni

    5

    B’att tas-26 ta’ Mejju 1997, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat UE (l-Artikoli K sa K.9 tat-Trattat UE ġew issostitwiti bl-Artikoli 29 UE sa 42 UE), il-Konvenzjoni dwar in-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU C 261, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1997”).

    6

    Din il-konvenzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ att extraġudizzjarju. Madankollu, ir-rapport ta’ spjega li jirrigwarda l-konvenzjoni stabbilit abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, dwar in-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1997, C 261, p. 26) jindika, fil-kummentarju relattiv għall-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, is-segwenti:

    “[…] Fir-rigward tal-atti extraġudizzjarji, ma jidhirx li huwa possibli li tingħata definizzjoni preċiża tagħhom. Jista’ jitqies li dawn huma atti li jsiru minn uffiċjal pubbliku, bħal pereżempju att notarili jew ċitazzjoni, atti li jiġu kompilati minn awtoritajiet uffiċjali tal-Istati Membri jew atti ta’ tip jew importanza li jeħtieġulhom li jiġu trażmessi jew jitqegħdu għall-attenzjoni tal-intimat permezz ta’ proċedura uffiċjali.”

    7

    Il-konvenzjoni msemmija ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri.

    8

    Ispirat mit-test tagħha, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 1, p. 227), kien jipprovdi fl-Artikolu 16 tiegħu:

    “Dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu ikunu trażmessi għan-notifika fi Stat Membru ieħor bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

    9

    L-Artikolu 17(b) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi t-tħejjija ta’ glossarju ta’ atti li jistgħu jiġu nnotifikati permezz ta’ dan ir-regolament.

    10

    Dan il-glossarju kien jikkostitwixxi l-Anness II tad-Deċiżjoni 2001/781/KE tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Settembru 2001, li tadotta manwal tal-aġenziji riċeventi u glossarju tad-dokumenti li jistgħu jiġu notifikati jew komunikati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 298, p. 1, u rettifiki ĠU 2002, L 31, p. 88, u ĠU 2003, L 60, p. 3), kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/500/KE tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 185, p. 24). Dan jinkludi l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17(b) tar-Regolament Nru 1348/2000. F’dak li jikkonċerna r-Renju ta’ Spanja, kien b’mod partikolari indikat fiha li, “[f]ir-rigward tal-atti extra-ġudizzjarji, li jistgħu jiġu nnotifikati, dawn huma dokumenti mhux ġudizzjarji ta’ awtorità pubblika kompetenti sabiex twettaq notifiki skont il-liġi Spanjola”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11

    Ir-Regolament Nru 1348/2000 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 1393/2007.

    12

    Skont il-premessi 2 u 6 tar-Regolament Nru 1393/2007:

    “(2)

    Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas-servizz bejn l-Istati Membri.

    […]

    (6)

    L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri […].”

    13

    L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘aġenżiji li jibagħtu’, kompetenti biex jittrasmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor.”

    14

    Konformement mal-Artikolu 23(1) tal-imsemmi Regolament, ir-Renju ta’ Spanja kkomunika lill-Kummissjoni Ewropea l-fatt li ħatar bħala “aġenżiji li jibagħtu” r-reġistratur tal-qrati nazzjonali (Secretario Judicial) (iktar ’il quddiem ir-“reġistratur”).

    15

    L-Artikoli 12 sa 15 tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdu “[m]ezzi oħra ta’ trasmissjoni u servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji”.

    16

    L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

    “Id-dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu mibgħuta għal servizz fi Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

    Id-dritt Spanjol

    17

    Il-Liġi 12/1992 dwar il-Kuntratt ta’ Aġenzija (Ley 12/1992, sobre contrato de agencia), tas-27 ta’ Mejju 1992 (BOE tad-29 ta’ Mejju 1992, iktar ’il quddiem il-“Liġi 12/1992”), ittrasponiet, fid-dritt intern Spanjol, id-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tad-drittijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw lill-aġenti kummerċjali indipendenti (ĠU L 382, p. 17).

    18

    L-Artikolu 15(2) tal-Liġi 12/1992 jipprovdi:

    “L-aġent għandu d-dritt li jeżiġi l-preżentazzjoni tal-kontabbiltà tal-prinċipal sa fejn ikun neċessarju biex ikun jista’ jivverifika l-elementi kollha relattivi għall-kummissjonijiet dovuti lilu u skont il-forma prevista mill-Kodiċi tal-Kummerċ. Bl-istess mod, l-aġent għandu wkoll id-dritt li jikseb informazzjoni li jkollu l-prinċipal u li tkun neċessarja biex jiġi vverifikat l-ammont tal-kummissjonijiet imsemmija.”

    19

    L-Artikolu 28 tal-liġi msemmija, intitolat “Kumpens għat-tkeċċija”, jipprovdi:

    “1.   Meta jintemm il-kuntratt ta’ aġenzija, għal żmien determinat jew indeterminat, l-aġent li jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew li jkun żviluppa sew it-tranżazzjonijiet mal-klijenti preeżistenti għandu dritt għal kumpens jekk l-attività preċedenti tiegħu tista’ tkompli tikseb vantaġġi sostanzjali lill-prinċipal u l-ħlas ta’ dan il-kumpens għandu jkun ekwu, fid-dawl tal-eżistenza ta’ klawżoli ta’ non kompetizzjoni, kif ukoll tal-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u taċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ.

    […]”

    20

    Skont l-Artikolu 31 tal-Liġi 12/1992:

    “L-azzjoni tista’ titlob il-kumpens għat-tkeċċija fejn il-kumpens għad-danni u l-ħsara subiti huwa preskritt fi żmien sena mit-terminazzjoni tal-kuntratt.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    21

    MAN Diesel, kumpannija Ġermaniża, u Tecom, kumpannija taħt il-liġi Spanjola, ikkonkludew kuntratt ta’ aġenzija f’Novembru 2009.

    22

    Fit-8 ta’ Marzu 2012, MAN Diesel xoljiet dan il-kuntratt b’mod unilaterali, b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2012.

    23

    Wara dan ix-xoljiment, fid-19 ta’ Novembru 2013, Tecom talbet lir-Reġistratur tal-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria (Qorti tal-Prim’Istanza Nru 7 ta’ Las Palmas de Gran Canaria) jinnotifika lil MAN Diesel, permezz tal-entità Ġermaniża kompetenti, ittra ta’ intimazzjoni li titlob, konformement mal-Liġi 12/1992, il-ħlas kemm ta’ ammont li Tecom tqis li huwa dovut lilha bħala kumpens għat-tkeċċija u ta’ somom relattivi għal kummissjonijiet dovuti u mhux imħallsa, jew, sussidjarjament, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni kontabbli. Din l-ittra kienet tindika, barra minn hekk, li l-istess taħrika kienet diġà ġiet indirizzata lil MAN Diesel b’intimazzjoni ulterjuri stabbilita quddiem nutar Spanjol biex jikkonferilha s-saħħa ta’ att notarili pubbliku.

    24

    Fil-11 ta’ Diċembru 2013, ir-Reġistratur irrifjuta li jilqa’ t-talba mressqa minn Tecom, peress li qies li ma kienet teżisti ebda proċedura ġudizzjarja li teħtieġ l-użu tal-att ta’ għajnuna ġudizzjarja reċiproka invokata.

    25

    Il-ġurnata segwenti, Tecom ippreżentat rikors intern kontra dak ir-rifjut, fejn sostniet li, skont is-sentenza Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395), l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jeħtieġx l-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja sabiex wieħed jipproċedi għan-notifika tal-att extraġudizzjarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    26

    F’kull każ, fit-13 ta’ Diċembru 2013, Tecom innotifikat lil MAN Diesel, bl-intervent ta’ nutar Spanjol, ittra ta’ intimazzjoni li titlob il-ħlas tal-kummissjonijiet dovuti u mhux imħallsa kif ukoll il-kumpens għat-tkeċċija, biex jiġi osservat it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena mix-xoljiment kuntrattwali stabbilit mill-Artikolu 31 tal-Liġi 12/1992 għall-eżerċizzju tal-kawża relattiva għal dan il-kumpens.

    27

    Bid-digriet tal-20 ta’ Diċembru 2013, ir-Reġistratur ċaħad ir-rikors intern u kkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut ikkontestata, billi ppreċiża li ma kienx possibbli li kull att privat jitqies li huwa “att extraġudizzjarju”, li jista’ jkun is-suġġett ta’ “notifika” fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007. B’mod partikolari, dan iddeċieda li huma biss l-atti extraġudizzjarji li, min-natura jew mill-karattru formali tagħhom, joħolqu effetti legali determinati li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    28

    B’ittra tat-2 ta’ Jannar 2014, Tecom ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra dan id-digriet, fejn osservat li anki att purament privat jista’ jiġi nnotifikat, bħala “att extraġudizzjarju”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007.

    29

    Meta tressaq ir-rikors quddiemha, il-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria (Qorti tal-Prim’Istanza Nru 7 ta’ Las Palmas de Gran Canaria) fakkret li, ċertament, skont is-sentenza Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395), il-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u li l-kooperazzjoni ġudizzjarja msemmija f’dan l-artikolu u fir-Regolament Nru 1393/2007 “tista’ timmanifesta ruħha kemm fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kif ukoll barra minn tali proċedura”. Madankollu, din ippreċiżat ukoll li ma għandha quddiemha ebda element li jippermettilha tiddetermina jekk att li ma jinħariġx minn awtorità jew minn uffiċjal pubbliku jew li ma ġiex imfassal minnhom jistax jiġi kkwalifikat bħala “att extraġudizzjarju”.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria (Qorti tal-Prim’Istanza Nru 7 ta’ Las Palmas de Gran Canaria) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Dokument purament privat jista’ jitqies bħala ‘dokument extra-ġudizzjarju’ fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, irrispettivament mill-fatt li dan ma nħariġx minn awtorità pubblika mhux ġudizzjarja jew minn uffiċjal pubbliku mhux ġudizzjarju?

    2)

    Jekk dan ikun il-każ, kull dokument privat jista’ jitqies bħala dokument extra-ġudizzjarju, jew dan id-dokument privat għandu jissodisfa ċerti karatteristiċi preċiżi?

    3)

    Anki meta d-dokument privat jissodisfa dawn il-karatteristiċi, ċittadin tal-Unjoni jista’ jitlob in-notifika permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 16 [tar-]Regolament Nru 1393/2007 [attwali], meta huwa jkun diġà wettaq din in-notifika permezz ta’ awtorità pubblika oħra mhux ġudizzjarja bħal, pereżempju, nutar?

    4)

    Fl-aħħar nett, għall-finijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-kooperazzjoni għandha implikazzjonijiet transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern? Meta hemm lok li jitqies li l-kooperazzjoni għandha ‘implikazzjoni transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern’?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    31

    Bl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju” msemmi f’dan l-artikolu jinkludi att privat li ma ġiex imfassal jew iċċertifikat minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku.

    32

    Sabiex tingħata risposta utli għal dawn id-domandi, għandu qabel kollox jitfakkar li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju” li jidher fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000, regolament li ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 1393/2007, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punti 4950). Issa, hekk kif enfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jeżisti ebda motiv biex ma jiġix interpretat bl-istess mod l-istess kunċett ta’ “att extraġudizzjarju” msemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi kunċett ta’ att extraġudizzjarju għandu jirċievi tifsira wiesgħa u ma jistax ikun limitat biss għall-atti li seħħew fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, u jista’ b’hekk jinkludi wkoll id-dokumenti mfassla min-nutara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punti 56 sa 59).

    34

    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi deċiż jekk tali kunċett jinkludix biss l-atti mfassla jew iċċertifikati, barra minn proċedura ġudizzjarja, minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku, jew jekk jestendix biex ikopri l-atti privati wkoll.

    35

    Issa, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni mill-kliem stess tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, biex tiġi ddeterminata għal dawn il-finijiet il-portata tal-kunċett imsemmi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-kuntest tal-imsemmi Artikolu 16 u tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-Regolament, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-oriġini tiegħu (ara s-sentenzi Drukarnia Multipress, C‑357/13, EU:C:2015:253, punt 22, u Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 30).

    36

    Qabel kollox, fir-rigward tal-kuntest, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1393/2007, adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, jistabbilixxi, hekk kif jissemma fil-premessa 1 tiegħu, mekkaniżmu ta’ notifika intrakomunitarja tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fil-qasam ċivili jew kummerċjali, intiż biex jimplementa progressivament spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

    37

    F’din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-premessa 2 ta’ dan ir-Regolament, dan għandu l-għan li jtejjeb u li jħaffef it-trażmissjoni bejn l-Istati Membri tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fil-qasam ċivili u kummerċjali, sabiex isaħħaħ il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 2934, kif ukoll Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 54).

    38

    Peress li lanqas minn dawn il-preċiżazzjonijiet ma tirriżulta ebda indikazzjoni determinanti fir-rigward tal-firxa tal-kunċett ta’ att extraġudizzjarju, jirriżulta neċessarju li jiġu mfittxija elementi utli oħra anki fil-predeċessuri leġiżlattivi tar-Regolament Nru 1393/2007, u iktar preċiżament fil-kuntest tal-iżvilupp relattiv għall-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili li dan jidħol fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 50).

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’att tas-26 ta’ Mejju 1997, saħansitra qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1348/2000, il-Kunsill kien adotta l-Konvenzjoni tal-1997.

    40

    Din il-konvenzjoni ma kinitx tiddefinixxi l-kunċett ta’ att extraġudizzjarju. Madankollu, ir-rapport ta’ spjega relattiv għaliha, imsemmi f’punt 6 iktar ’il fuq, kien jindika, fil-kummentarju li jikkonċerna l-Artikolu 1, li dan il-kunċett seta’ jinkludi mhux biss l-atti mfassla minn uffiċjal pubbliku, bħal att notarili jew ċitazzjoni, jew l-atti li jitfasslu minn awtoritajiet uffiċjali tal-Istat Membru, iżda anki l-atti privati “ta’ tip jew importanza li jeħtieġulhom li jiġu trażmessi jew jitqegħdu għall-attenzjoni tal-intimat permezz ta’ proċedura uffiċjali”.

    41

    Għalkemm il-konvenzjoni msemmija ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri, madankollu din serviet bħala sors ta’ ispirazzjoni fl-elaborazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000, li l-adozzjoni tiegħu kienet preċiżament intiża biex tiżgura l-kontinwità tar-riżultati miksuba fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ din l-istess konvenzjoni.

    42

    Ċertament, ir-Regolament Nru 1348/2000 lanqas ma kien jipprovdi definizzjoni preċiża u uniformi tal-kunċett ta’ att extraġudizzjarju, u, abbażi tal-Artikolu 17(b) tiegħu, kien sempliċement jikkonferixxi lill-Kummissjoni l-oneru li tistabbilixxi, bi ftehim mal-Istati Membri, lista li ssemmi l-atti li jistgħu jiġu nnotifikati, li l-informazzjoni tagħhom ikkomunikata mill-imsemmija Stati Membri kellha biss sempliċi valur indikattiv (ara s-sentenza Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punti 46 u 47).

    43

    Madankollu, il-qari ta’ din il-lista jindika li l-Istati Membri, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, kienu ddefinixxew b’mod differenti l-atti li kienu jqisu li setgħu jiġu nnotifikati b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara s-sentenza Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 47), u inkludew fil-kategorija tal-atti extraġudizzjarji, hekk kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhux biss l-atti li joħorġu minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku, iżda wkoll atti privati li għandhom importanza speċifika fis-sistema legali partikolari.

    44

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jista’ jiġi dedott li, konformement mal-orjentazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza u, hekk kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi fl-istess ħin kemm id-dokumenti mfassla jew iċċertifikati minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku u l-atti privati li t-trażmissjoni formali tagħhom lid-destinatarju tagħhom li jirrisjedi f’pajjiż barrani tkun neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għas-salvagwardja ta’ dritt jew ta’ pretensjoni legali fil-qasam ċivili jew kummerċjali.

    45

    Fil-fatt, it-trażmissjoni transkonfinali ta’ tali atti, permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika stabbilit bir-Regolament Nru 1393/2007, tikkontribwixxi wkoll biex issaħħaħ, fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-oqsma ċivili jew kummerċjali, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tgħin biex jiġi implementat progressivament spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fl-Unjoni Ewropea.

    46

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju”, imsemmi f’dan l-artikolu, jinkludi mhux biss l-atti mfassla jew iċċertifikati minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku, iżda wkoll l-atti privati li t-trażmissjoni formali tagħhom lid-destinatarju tagħhom li jirrisjedi f’pajjiż barrani tkun neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għas-salvagwardja ta’ dritt jew ta’ pretensjoni legali fil-qasam ċivili jew kummerċjali.

    Fuq it-tielet domanda

    47

    Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta’ att extraġudizzjarju konformement mal-metodi stabbiliti minn dan ir-regolament hija ammissibbli anki meta l-ewwel notifika ta’ dan l-att tkun diġà twettqet permezz ta’ metodu ieħor ta’ trażmissjoni.

    48

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li la mill-fajl u lanqas mill-preċiżazzjonijiet magħmula mill-partijiet waqt is-seduta ma jirriżulta b’mod ċar jekk l-ewwel notifika msemmija minn din id-domanda saritx permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni mhux previst mir-Regolament Nru 1393/2007 jew metodi ta’ trażmissjoni oħra implementati minnu.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat il-każ li fih rikorrent iwettaq l-ewwel notifika skont il-metodi mhux previsti mir-Regolament Nru 1393/2007.

    50

    F’dan ir-rigward, biżżejjed li jitfakkar li l-kliem tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li dan huwa applikabbli, fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, “fejn dokument […] extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk” (sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 20).

    51

    F’dan il-kuntest, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regolament imsemmi jipprovdi biss żewġ ċirkustanzi li fihom in-notifika ta’ att bejn l-Istati Membri ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u ma tistax titwettaq bil-mezzi implementati minnu, jiġifieri, minn naħa, meta d-domiċilju jew il-post ta’ soġġorn abitwali tad-destinatarju ma jkunx magħruf u, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ikun innomina rappreżentant b’mandat fl-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja (ara s-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 24).

    52

    B’hekk huwa stabbilit, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprovdi ebda eċċezzjoni ulterjuri għall-użu tal-metodi previsti għat-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ att extraġudizzjarju, fl-ipoteżi fejn rikorrent ikun diġà nnotifika dan l-istess att minn qabel permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni differenti minn dawk stabbiliti minn dan ir-Regolament.

    53

    Isegwi li, f’dan il-każ, in-notifika transkonfinali ta’ att extraġudizzjarju skont il-metodi ta’ trażmissjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 1393/2007 tibqa’ ammissibbli.

    54

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-konsegwenzi marbuta mal-każ li fih rikorrent ikun wettaq notifika inizjali konformement mal-metodi stabbiliti mir-Regolament Nru 1393/2007, għandu jiġi rrilevat li dan jipprovdi, b’mod eżawrjenti, metodi ta’ trażmissjoni differenti (ara s-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 32), li japplika għan-notifika tal-atti extraġudizzjarji abbażi tal-Artikolu 16 tiegħu.

    55

    B’mod partikolari, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li t-trażmissjoni tal-atti għandha ssir, fil-prinċipju, bejn l-aġenziji li jibagħtu u l-aġenziji li jirċievu nnominati mill-Istati Membri (sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 30).

    56

    Barra minn hekk, l-imsemmi regolament jipprovdi, fit-Taqsima 2 tiegħu, metodi ta’ trażmissjoni oħrajn bħat-trażmissjoni b’mezzi konsulari jew diplomatiċi, kif ukoll in-notifika minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, permezz tas-servizzi postali jew inkella, fuq talba ta’ kull persuna interessata, direttament permezz tal-uffiċjali pubbliċi, tal-uffiċjali jew ta’ persuni kompetenti oħra tal-Istat li jirċievi (sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 31).

    57

    Madankollu, f’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li r-Regolament Nru 1393/2007 ma stabbilixxiex ġerarkija bejn id-diversi metodi ta’ trażmissjoni li stabbilixxa (sentenzi Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 31, u Plumex, C‑473/04, EU:C:2006:96, punt 20).

    58

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 78 u 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni rapida tat-trażmissjoni transkonfinali tal-atti kkonċernati, dan ir-regolament ma jikkonferixxi la lill-aġenżiji li jibagħtu jew lill-aġenziji li jirċievu, la lill-aġenti diplomatiċi jew konsulari, la lill-uffiċjali pubbliċi, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat li jirċievi, l-oneru li jivverifikaw l-opportunità jew ir-rilevanza tar-raġunijiet għalfejn rikorrent wettaq in-notifika ta’ att permezz tal-metodi ta’ trażmissjoni stabbiliti.

    59

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fil-qasam tan-notifika ta’ att extraġudizzjarju, huwa mixtieq li r-rikorrent mhux biss jagħżel metodu ta’ notifika wieħed jew ieħor stabbilit mir-Regolament Nru 1393/2007, iżda wkoll li jirrikorri, fl-istess ħin jew suċċessivament, għal tnejn jew iktar mill-metodi li huwa jqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li huma l-iktar opportuni jew l-iktar xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Plumex, C‑473/04, EU:C:2006:96, punti 21, 2231).

    60

    Konsegwentement, in-notifika ta’ att extraġudizzjarju permezz ta’ wieħed mill-metodi stabbiliti mir-Regolament Nru 1393/2007 tibqa’ valida, anki jekk trażmissjoni inizjali ta’ dan l-att tkun diġà twettqet b’metodu differenti minn dawk previsti minnu.

    61

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta’ att extraġudizzjarju, konformement mal-metodi stabbiliti minn dan ir-Regolament, hija ammissibbli anki meta r-rikorrent ikun diġà wettaq notifika inizjali ta’ dan l-att permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni mhux previst mir-regolament imsemmi jew permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni ieħor stabbilit minnu.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    62

    Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi vverifikat, każ b’każ, li n-notifika ta’ att extraġudizzjarju għandha impatt transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    63

    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-impatt transkonfinali, biżżejjed jitfakkar li r-Regolament Nru 1393/2007 huwa miżura li, skont l-Artikoli 61(ċ) KE u 65 KE, jifforma parti mill-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandu preċiżament tali impatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 53).

    64

    B’hekk, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament imsemmi jipprovdi espressament li, mingħajr preġudizzju għas-setturi esklużi, dan japplika fil-qasam ċivili u kummerċjali meta att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju għandu jiġi trażmess “minn Stat Membru għal ieħor” biex jiġi nnotifikat hemm.

    65

    Minħabba dan, peress li l-impatt transkonfinali tat-trażmissjoni ta’ att ġudizzjarju jew, bħal f’dan il-każ, extraġudizzjarji jikkostitwixxi kundizzjoni oġġettiva għall-applikabbiltà tar-regolament Nru 1393/2007, dan għandu jitqies li huwa neċessarjament dejjem issodisfatt meta n-notifika ta’ tali att tkun tidħol fil-kamp ta’ applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, u b’hekk għandha titwettaq konformement mas-sistema stabbilita minnu.

    66

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa stabbilit li dan jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1393/2007, l-għan prinċipali tal-mekkaniżmu ta’ notifika stabbilit minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 55).

    67

    F’dan il-kuntest, peress li l-metodi kollha ta’ trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji previsti mir-regolament imsemmi ġew espressament implementati biex jilħqu l-għan imsemmi, huwa leġittimu li jitqies li, ladarba jkunu issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi, in-notifika ta’ tali atti tikkontribwixxi neċessarjament għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    68

    Konsegwentement, hekk kif enfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern ma jistax jitqies li huwa element li għandu jiġi eżaminat qabel kull notifika magħmula skont il-metodi stabbiliti mir-Regolament Nru 1393/2007 u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 16 tiegħu.

    69

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ma għandux jiġi vverifikat, każ b’każ, li n-notifika ta’ att extraġudizzjarju għandha impatt transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    Fuq l-ispejjeż

    70

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju”, imsemmi f’dan l-artikolu, jinkludi mhux biss l-atti mfassla jew iċċertifikati minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku, iżda wkoll l-atti privati li t-trażmissjoni formali tagħhom lid-destinatarju tagħhom li jirrisjedi f’pajjiż barrani tkun neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għas-salvagwardja ta’ dritt jew ta’ pretensjoni legali fil-qasam ċivili jew kummerċjali.

     

    2)

    Ir-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta’ att extraġudizzjarju, konformement mal-metodi stabbiliti minn dan ir-Regolament, hija ammissibbli anki meta r-rikorrent ikun diġà wettaq notifika inizjali ta’ dan l-att permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni mhux previst mir-regolament imsemmi jew permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni ieħor stabbilit minnu.

     

    3)

    L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ma għandux jiġi vverifikat, każ b’każ, li n-notifika ta’ att extraġudizzjarju għandha impatt transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża:l-Ispanjol

    Top