This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0147
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 25 June 2015.#Loutfi Management Propriété Intellectuelle SARL v AMJ Meatproducts NV and Halalsupply NV.#Request for a preliminary ruling from the Hof van beroep te Brussel.#Reference for a preliminary ruling — Community trade mark — Regulation (EC) No 207/2009 — Article 9(1)(b) — Effects — Rights conferred by a Community trade mark — Identical or similar signs — Prohibition of use — Likelihood of confusion — Assessment — Taking into consideration the use of a language other than an official language of the European Union.#Case C-147/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015.
Loutfi Management Propriété Intellectuelle SARL vs AMJ Meatproducts NV u Halalsupply NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 9(1)(b) — Effetti — Drittijiet mogħtija minn trade mark Komunitarja — Sinjali identiċi jew li jixxiebhu — Projbizzjoni ta’ użu — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ lingwa li ma hijiex lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-147/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015.
Loutfi Management Propriété Intellectuelle SARL vs AMJ Meatproducts NV u Halalsupply NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 9(1)(b) — Effetti — Drittijiet mogħtija minn trade mark Komunitarja — Sinjali identiċi jew li jixxiebhu — Projbizzjoni ta’ użu — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ lingwa li ma hijiex lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-147/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:420
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
25 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 9(1)(b) — Effetti — Drittijiet mogħtija minn trade mark Komunitarja — Sinjali identiċi jew li jixxiebhu — Projbizzjoni ta’ użu — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ lingwa li ma hijiex lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑147/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura
Loutfi Management Propriété intellectuelle SARL
vs
AMJ Meatproducts NV,
Halalsupply NV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Loutfi Management Propriété intellectuelle SARL, minn P. Péters, advocaat, |
— |
għal AMJ Meatproducts NV u Halalsupply NV, minn C. Dekoninck u K. Roox, advocaten, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u F. Bulst, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Loutfi Management Propriété intellectuelle SARL (iktar ’il quddiem, “Loutfi”) u, min-naħa l-oħra, AMJ Meatproducts NV (iktar ’il quddiem, “Meatproducts”) u Halalsupply NV (iktar ’il quddiem, “Halalsupply”), rigward allegat ksur ta’ żewġ trade marks Komunitarji rreġistrati minn Loutfi. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”, jistabbilixxi d-drittijiet li jingħataw lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja. Din id-dispożizzjoni tipprevedi: “It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
4 |
Loutfi hija l-proprjetarja tat-trade marks Komunitarji li ġejjin:
|
— |
it-trade mark Komunitarja Nru 10217198, ippreżentata fl-24 ta’ Awwissu 2011 u rreġistrata fit-8 ta’ Jannar 2012 għal prodotti li jaqgħu taħt il-Klassi 29 (fosthom il-laħam, il-ħut, it-tjur u t-tjur tal-kaċċa) u taħt il-Klassi 30 (fosthom iz-zokkor, il-ħobż, il-prodotti tal-għaġina u l-għasel), fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, għas-sinjal li ġej, li jikkombina l-kuluri aħmar, abjad u aħdar: |
5 |
Fit-3 ta’ Novembru 2011, Meatproducts, li dak iż-żmien kien jisimha “Deko Vleeswarenfabriek”, ippreżentat it-trade mark Benelux EL BAINA għal prodotti li jaqgħu taħt:
|
6 |
It-trade mark EL BAINA ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Frar 2012 taħt in-Numru 909776 u għandha s-sinjal li ġej, mingħajr kombinazzjoni ta’ kuluri (iktar ’il quddiem, is-“sinjal ikkunsidrat”):
|
7 |
Halalsupply ħadet il-valur ta’ twillija ta’ Meatproducts, inkluż il-portafoll ta’ trade marks ta’ din tal-aħħar. |
8 |
Loutfi ppreżentat, quddiem il-President tar-rechtbank van koophandel te Brussel (tribunal tal-kummerċ ta’ Brussell), proċedura ta’ sekwestru abbażi ta’ falsifikazzjoni taħt l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex, fost l-oħrajn, “Deko, Halalsupply, kif ukoll kull detentur tal-prodotti [mibjugħa taħt it-trade mark EL BAINA], tal-ippakkjar tagħhom kif ukoll tad-dokumenti marbuta magħhom jiġu pprojbiti milli jiddiponu minnhom taħt piena ta’ pagament ta’ penalità”. |
9 |
Din it-talba ntlaqgħet b’digriet tal-5 ta’ April 2012. |
10 |
B’digriet tal-31 ta’ Lulju 2012, il-President tar-rechtbank van koophandel te Brussel, fuq talba ta’ Meatproducts u ta’ Halalsupply, ordna l-irtirar tal-miżuri kawtelatorji li kienu s-suġġett tad-digriet tal-5 ta’ April 2012. |
11 |
Loutfi appellat mid-digriet tal-31 ta’ Lulju 2012 quddiem il-hof van beroep te Brussel (Qorti tal-Appell ta’ Brussell). |
12 |
Fis-sentenza tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva b’mod partikolari li s-sinjal ikkunsidrat jirrigwarda l-istess prodotti jew, mill-inqas, prodotti li jixbhu lil dawk identifikati permezz taż-żewġ trade marks Komunitarji. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li l-prodotti kkummerċjalizzati kemm minn Loutfi kif ukoll minn Meatproducts u Halalsupply huma prodotti “halal”, ippreparati skont ir-ritwal previst mir-reliġjon Musulmana u, konsegwentement, essenzjalment intiżi għal pubbliku Musulman. |
14 |
Minn dan il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-pubbliku rilevanti għandu, f’dan il-każ, jiġi ddefinit bħala l-pubbliku kompost minn konsumaturi Musulmani ta’ oriġini Għarbija, li jikkonsmaw prodotti tal-ikel “halal” fl-Unjoni Ewropea u li għandhom mill-inqas għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-elementi verbali “EL BNINA”, “EL BENNA” u “EL BAINA”, li huma termini Għarbin traskritti fl-alfabett Latin, huma dominanti kemm fit-trade marks Komunitarji kif ukoll fis-sinjal ikkunsidrat, kif inhuma dawk fil-kitba Għarbija, minkejja li dawn l-elementi msemmija l-aħħar huma ftit inqas dominanti minn dawk tal-ewwel. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, barra minn hekk, li, jekk il-kliem Għarbi, li jidher bil-kitba Latina u b’dik Għarbija fuq iż-żewġ trade marks Komunitarji u fis-sinjal ikkunsidrat, għandhom ċertu xebh fuq il-livell viżiv, jibqa’ l-fatt li l-pronunzja ta’ dan il-kliem b’din il-lingwa hija differenti b’mod sostanzjali, l-istess bħat-tifsira li għandha kull waħda minnhom. F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju ssemmi li, fl-imsemmija lingwa, “el benna” tfisser “it-togħma”, “el bnina”, “il-ħlewwa” u “el baina”, “il-vista”. |
17 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn iż-żewġ trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat tista’ tvarja skont jekk jittiħdux inkunsiderazzjoni jew le t-tifsira u l-pronunzja tal-elementi verbali fil-lingwa Għarbija, ippreżentati bil-kitba kemm Latina kif ukoll dik Għarbija f’kull waħda minn dawn it-trade marks Komunitarji kif ukoll fis-sinjal ikkunsidrat. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 207/2009 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade mark Komunitarja li tinkludi kelma Għarbija dominanti u sinjal li jinkludi kelma oħra Għarbija differenti, iżda viżwalment simili, id-differenza fil-pronunzja u fit-tifsira ta’ dawn il-kliem tista’, jew saħansitra għandha, tiġi eżaminata u meħuda inkunsiderazzjoni mill-qrati kompetenti tal-Istati Membri, anki jekk l-Għarbi la huwa lingwa uffiċjali tal-Unjoni u lanqas tal-Istati Membri?” |
Fuq id-domanda preliminari
19 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn trade mark Komunitarja u sinjal, li jkopru prodotti identiċi jew li jixxiebhu u li jinkludu t-tnejn li huma kelma Għarbija dominanti bil-kitba Latina u b’dik Għarbija, u dan il-kliem jixxiebah fuq il-livell viżiv, f’ċirkustanzi fejn il-pubbliku rilevanti tat-trade mark Komunitarja u tas-sinjal inkwistjoni jkollu għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba, it-tifsira u l-pronunzja ta’ dan il-kliem jistgħu jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
20 |
Qabel kollox għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 207/2009, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 9(1)(b) tiegħu, ma jirreferi għall-użu tal-ebda lingwa jew tal-ebda alfabett partikolari li kellu jew li ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti min-naħa tal-pubbliku. |
21 |
Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, b’mod partikolari, tiġi evalwata abbażi tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu, pubbliku li huwa magħmul mill-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti jew servizzi, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Id-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti u l-konstatazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat jirriżultaw minn evalwazzjonijiet fattwali li l-qorti nazzjonali għandha twettaq. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qieset li l-pubbliku rilevanti għandu jiġi ddefinit bħala l-pubbliku magħmul minn konsumaturi Musulmani ta’ oriġini Għarbija, li jikkonsmaw prodotti tal-ikel “halal” fl-Unjoni u li għandhom mill-inqas għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba. Barra minn hekk, hija kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, l-identiċità jew mill-inqas ix-xebh tal-prodotti koperti miż-żewġ trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat. |
23 |
Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li tista’ teżisti bejn it-trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ tali probabbiltà għandha tiġi evalwata globalment filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni tinkludi paragun viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi jew dominanti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punti 59 u 60, kif ukoll XXXLutz Marken vs UASI, C‑306/11 P, EU:C:2012:401, punt 39). |
24 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-elementi verbali “EL BNINA”, “EL BENNA” u “EL BAINA” kienu dominanti kemm fiż-żewġ trade marks Komunitarji kif ukoll fis-sinjal ikkunsidrat, kif kienu, iżda f’livell inqas, il-kliem bil-kitba Għarbija. Hija osservat ukoll li, jekk, fuq il-livell viżiv, dawn l-elementi verbali kellhom ċertu xebh, mill-elementi ppreżentati minn Meatproducts u minn Halalsupply kien jirriżulta li l-pronunzja u t-tifsira tal-imsemmija elementi verbali kienet sostanzjalment differenti. |
25 |
Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi fuq il-livell fonetiku u kunċettwali, għaliex, fin-nuqqas ta’ dan, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ssir biss parzjalment u, għaldaqstant, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li jipproduċu t-trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat fuq il-pubbliku rilevanti. |
26 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn trade mark Komunitarja u sinjal, li jkopru prodotti identiċi jew li jixxiebhu u li jinkludu t-tnejn li huma kelma Għarbija dominanti bil-kitba Latina u b’dik Għarbija, u dan il-kliem jixxiebah fuq il-livell viżiv, f’ċirkustanzi fejn il-pubbliku rilevanti tat-trade mark Komunitarja u tas-sinjal inkwistjoni jkollu għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba, it-tifsira u l-pronunzja ta’ dan il-kliem għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
27 |
Peress li r-risposta għad-domanda preliminari tista’ tiġi dedotta mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata miegħu, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-effetti eventwali ta-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fuq l-imsemmija risposta. |
Fuq l-ispejjeż
28 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn trade mark Komunitarja u sinjal, li jkopru prodotti identiċi jew li jixxiebhu u li jinkludu t-tnejn li huma kelma Għarbija dominanti bil-kitba Latina u b’dik Għarbija, u dan il-kliem jixxiebah fuq il-livell viżiv, f’ċirkustanzi fejn il-pubbliku rilevanti tat-trade mark Komunitarja u tas-sinjal inkwistjoni jkollu għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba, it-tifsira u l-pronunzja ta’ dan il-kliem għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.