EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0147

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015.
Loutfi Management Propriété Intellectuelle SARL vs AMJ Meatproducts NV u Halalsupply NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 9(1)(b) — Effetti — Drittijiet mogħtija minn trade mark Komunitarja — Sinjali identiċi jew li jixxiebhu — Projbizzjoni ta’ użu — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ lingwa li ma hijiex lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-147/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:420

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

25 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 9(1)(b) — Effetti — Drittijiet mogħtija minn trade mark Komunitarja — Sinjali identiċi jew li jixxiebhu — Projbizzjoni ta’ użu — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ lingwa li ma hijiex lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑147/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Loutfi Management Propriété intellectuelle SARL

vs

AMJ Meatproducts NV,

Halalsupply NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Loutfi Management Propriété intellectuelle SARL, minn P. Péters, advocaat,

għal AMJ Meatproducts NV u Halalsupply NV, minn C. Dekoninck u K. Roox, advocaten,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u F. Bulst, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Loutfi Management Propriété intellectuelle SARL (iktar ’il quddiem, “Loutfi”) u, min-naħa l-oħra, AMJ Meatproducts NV (iktar ’il quddiem, “Meatproducts”) u Halalsupply NV (iktar ’il quddiem, “Halalsupply”), rigward allegat ksur ta’ żewġ trade marks Komunitarji rreġistrati minn Loutfi.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”, jistabbilixxi d-drittijiet li jingħataw lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja. Din id-dispożizzjoni tipprevedi:

“It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4

Loutfi hija l-proprjetarja tat-trade marks Komunitarji li ġejjin:

it-trade mark Komunitarja Nru 8572638, ippreżentata fl-24 ta’ Settembru 2009 u rreġistrata fit-22 ta’ Marzu 2010 għal prodotti li jaqgħu taħt il-Klassi 29 (fosthom il-laħam, il-ħut, it-tjur u t-tjur tal-kaċċa), taħt il-Klassi 30 (fosthom iz-zokkor, il-ħobż, il-prodotti tal-għaġina u l-għasel) u taħt il-Klassi 32 (fosthom il-birer, l-ilma minerali u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi), fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Nice”). Din it-trade mark Komunitarja għandha s-sinjal li ġej, li jikkombina l-kuluri aħmar, abjad u aħdar:

Image

it-trade mark Komunitarja Nru 10217198, ippreżentata fl-24 ta’ Awwissu 2011 u rreġistrata fit-8 ta’ Jannar 2012 għal prodotti li jaqgħu taħt il-Klassi 29 (fosthom il-laħam, il-ħut, it-tjur u t-tjur tal-kaċċa) u taħt il-Klassi 30 (fosthom iz-zokkor, il-ħobż, il-prodotti tal-għaġina u l-għasel), fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, għas-sinjal li ġej, li jikkombina l-kuluri aħmar, abjad u aħdar:

Image

5

Fit-3 ta’ Novembru 2011, Meatproducts, li dak iż-żmien kien jisimha “Deko Vleeswarenfabriek”, ippreżentat it-trade mark Benelux EL BAINA għal prodotti li jaqgħu taħt:

il-klassi 29, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice (“Laħam, prodotti mil-laħam, prodotti ppreparati minn qabel abbażi ta’ laħam, prodotti ppreparati minn qabel abbażi ta’ tjur, laħam ipproċessat, laħam ipproċessat abbażi ta’ laħam, laħam ipproċessat abbażi ta’ tjur, laħam ipproċessat abbażi ta’ tjur tal-kaċċa, ikel ippreparat minn qabel abbażi ta’ laħam, ħut, tjur u tjur tal-kaċċa sakemm ma jaqax taħt klassijiet oħra; estratti tal-laħam; prodotti ċċitati iktar ’il fuq ippreparati skont l-Iżlam”), u

il-klassi 30, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice (“Ikel ippreparat minn qabel sakemm ma jaqax taħt klassijiet oħra; kafé, té, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, [...] dqiq u preparazzjonijiet magħmula minn ċereali, ħobż, prodotti tal-għaġina u ħlewwiet [...], prodotti ċċitati iktar ’il fuq ippreparati skont l-Iżlam”).

6

It-trade mark EL BAINA ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Frar 2012 taħt in-Numru 909776 u għandha s-sinjal li ġej, mingħajr kombinazzjoni ta’ kuluri (iktar ’il quddiem, is-“sinjal ikkunsidrat”):

Image

7

Halalsupply ħadet il-valur ta’ twillija ta’ Meatproducts, inkluż il-portafoll ta’ trade marks ta’ din tal-aħħar.

8

Loutfi ppreżentat, quddiem il-President tar-rechtbank van koophandel te Brussel (tribunal tal-kummerċ ta’ Brussell), proċedura ta’ sekwestru abbażi ta’ falsifikazzjoni taħt l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex, fost l-oħrajn, “Deko, Halalsupply, kif ukoll kull detentur tal-prodotti [mibjugħa taħt it-trade mark EL BAINA], tal-ippakkjar tagħhom kif ukoll tad-dokumenti marbuta magħhom jiġu pprojbiti milli jiddiponu minnhom taħt piena ta’ pagament ta’ penalità”.

9

Din it-talba ntlaqgħet b’digriet tal-5 ta’ April 2012.

10

B’digriet tal-31 ta’ Lulju 2012, il-President tar-rechtbank van koophandel te Brussel, fuq talba ta’ Meatproducts u ta’ Halalsupply, ordna l-irtirar tal-miżuri kawtelatorji li kienu s-suġġett tad-digriet tal-5 ta’ April 2012.

11

Loutfi appellat mid-digriet tal-31 ta’ Lulju 2012 quddiem il-hof van beroep te Brussel (Qorti tal-Appell ta’ Brussell).

12

Fis-sentenza tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva b’mod partikolari li s-sinjal ikkunsidrat jirrigwarda l-istess prodotti jew, mill-inqas, prodotti li jixbhu lil dawk identifikati permezz taż-żewġ trade marks Komunitarji.

13

Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li l-prodotti kkummerċjalizzati kemm minn Loutfi kif ukoll minn Meatproducts u Halalsupply huma prodotti “halal”, ippreparati skont ir-ritwal previst mir-reliġjon Musulmana u, konsegwentement, essenzjalment intiżi għal pubbliku Musulman.

14

Minn dan il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-pubbliku rilevanti għandu, f’dan il-każ, jiġi ddefinit bħala l-pubbliku kompost minn konsumaturi Musulmani ta’ oriġini Għarbija, li jikkonsmaw prodotti tal-ikel “halal” fl-Unjoni Ewropea u li għandhom mill-inqas għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba.

15

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-elementi verbali “EL BNINA”, “EL BENNA” u “EL BAINA”, li huma termini Għarbin traskritti fl-alfabett Latin, huma dominanti kemm fit-trade marks Komunitarji kif ukoll fis-sinjal ikkunsidrat, kif inhuma dawk fil-kitba Għarbija, minkejja li dawn l-elementi msemmija l-aħħar huma ftit inqas dominanti minn dawk tal-ewwel.

16

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, barra minn hekk, li, jekk il-kliem Għarbi, li jidher bil-kitba Latina u b’dik Għarbija fuq iż-żewġ trade marks Komunitarji u fis-sinjal ikkunsidrat, għandhom ċertu xebh fuq il-livell viżiv, jibqa’ l-fatt li l-pronunzja ta’ dan il-kliem b’din il-lingwa hija differenti b’mod sostanzjali, l-istess bħat-tifsira li għandha kull waħda minnhom. F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju ssemmi li, fl-imsemmija lingwa, “el benna” tfisser “it-togħma”, “el bnina”, “il-ħlewwa” u “el baina”, “il-vista”.

17

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn iż-żewġ trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat tista’ tvarja skont jekk jittiħdux inkunsiderazzjoni jew le t-tifsira u l-pronunzja tal-elementi verbali fil-lingwa Għarbija, ippreżentati bil-kitba kemm Latina kif ukoll dik Għarbija f’kull waħda minn dawn it-trade marks Komunitarji kif ukoll fis-sinjal ikkunsidrat.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 207/2009 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade mark Komunitarja li tinkludi kelma Għarbija dominanti u sinjal li jinkludi kelma oħra Għarbija differenti, iżda viżwalment simili, id-differenza fil-pronunzja u fit-tifsira ta’ dawn il-kliem tista’, jew saħansitra għandha, tiġi eżaminata u meħuda inkunsiderazzjoni mill-qrati kompetenti tal-Istati Membri, anki jekk l-Għarbi la huwa lingwa uffiċjali tal-Unjoni u lanqas tal-Istati Membri?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn trade mark Komunitarja u sinjal, li jkopru prodotti identiċi jew li jixxiebhu u li jinkludu t-tnejn li huma kelma Għarbija dominanti bil-kitba Latina u b’dik Għarbija, u dan il-kliem jixxiebah fuq il-livell viżiv, f’ċirkustanzi fejn il-pubbliku rilevanti tat-trade mark Komunitarja u tas-sinjal inkwistjoni jkollu għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba, it-tifsira u l-pronunzja ta’ dan il-kliem jistgħu jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

20

Qabel kollox għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 207/2009, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 9(1)(b) tiegħu, ma jirreferi għall-użu tal-ebda lingwa jew tal-ebda alfabett partikolari li kellu jew li ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti min-naħa tal-pubbliku.

21

Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, b’mod partikolari, tiġi evalwata abbażi tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu, pubbliku li huwa magħmul mill-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti jew servizzi, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Id-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti u l-konstatazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat jirriżultaw minn evalwazzjonijiet fattwali li l-qorti nazzjonali għandha twettaq. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qieset li l-pubbliku rilevanti għandu jiġi ddefinit bħala l-pubbliku magħmul minn konsumaturi Musulmani ta’ oriġini Għarbija, li jikkonsmaw prodotti tal-ikel “halal” fl-Unjoni u li għandhom mill-inqas għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba. Barra minn hekk, hija kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, l-identiċità jew mill-inqas ix-xebh tal-prodotti koperti miż-żewġ trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat.

23

Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li tista’ teżisti bejn it-trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ tali probabbiltà għandha tiġi evalwata globalment filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni tinkludi paragun viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi jew dominanti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punti 59 u 60, kif ukoll XXXLutz Marken vs UASI, C‑306/11 P, EU:C:2012:401, punt 39).

24

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-elementi verbali “EL BNINA”, “EL BENNA” u “EL BAINA” kienu dominanti kemm fiż-żewġ trade marks Komunitarji kif ukoll fis-sinjal ikkunsidrat, kif kienu, iżda f’livell inqas, il-kliem bil-kitba Għarbija. Hija osservat ukoll li, jekk, fuq il-livell viżiv, dawn l-elementi verbali kellhom ċertu xebh, mill-elementi ppreżentati minn Meatproducts u minn Halalsupply kien jirriżulta li l-pronunzja u t-tifsira tal-imsemmija elementi verbali kienet sostanzjalment differenti.

25

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi fuq il-livell fonetiku u kunċettwali, għaliex, fin-nuqqas ta’ dan, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ssir biss parzjalment u, għaldaqstant, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li jipproduċu t-trade marks Komunitarji u s-sinjal ikkunsidrat fuq il-pubbliku rilevanti.

26

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn trade mark Komunitarja u sinjal, li jkopru prodotti identiċi jew li jixxiebhu u li jinkludu t-tnejn li huma kelma Għarbija dominanti bil-kitba Latina u b’dik Għarbija, u dan il-kliem jixxiebah fuq il-livell viżiv, f’ċirkustanzi fejn il-pubbliku rilevanti tat-trade mark Komunitarja u tas-sinjal inkwistjoni jkollu għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba, it-tifsira u l-pronunzja ta’ dan il-kliem għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

27

Peress li r-risposta għad-domanda preliminari tista’ tiġi dedotta mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata miegħu, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-effetti eventwali ta-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fuq l-imsemmija risposta.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ teżisti bejn trade mark Komunitarja u sinjal, li jkopru prodotti identiċi jew li jixxiebhu u li jinkludu t-tnejn li huma kelma Għarbija dominanti bil-kitba Latina u b’dik Għarbija, u dan il-kliem jixxiebah fuq il-livell viżiv, f’ċirkustanzi fejn il-pubbliku rilevanti tat-trade mark Komunitarja u tas-sinjal inkwistjoni jkollu għarfien bażiku tal-lingwa Għarbija miktuba, it-tifsira u l-pronunzja ta’ dan il-kliem għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top