EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0081

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015.
Nannoka Vulcanus Industries BV vs College van gedeputeerde staten van Gelderland.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/13/KE – Anness II B – Tniġġis atmosferiku – Taħlit organiku volatili – Tnaqqis tal-emissjonijiet – Użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet – Obbligi applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti – Estensjoni tat-terminu.
Kawża C-81/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:575

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 1999/13/KE — Anness II B — Tniġġis atmosferiku — Taħlit organiku volatili — Tnaqqis tal-emissjonijiet — Użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet — Obbligi applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti — Estensjoni tat-terminu”

Fil-Kawża C‑81/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), b’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Nannoka Vulcanus Industries BV

vs

College van gedeputeerde staten van Gelderland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nannoka Vulcanus Industries BV, minn M. Baneke, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, B. Koopman u C. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u S. Petrova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Anness II B tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE, tal-11 ta’ Marzu 1999, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiku f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 118, u rettifika ĠU 1999 L 188, p. 54).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nannoka Vulcanus Industries BV (iktar ’il quddiem, “Nannoka”) u l-College van gedeputeerde staten van Gelderland (Bord Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Gelderland, iktar ’il quddiem, il-“College”), rigward ordni, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, imposta minn dan tal-aħħar fuq Nannoka minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni Olandiża li tittrasponi d-Direttiva 1999/13.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 sa 9 tad-Direttiva 1999/13 jipprevedu:

“(5)

Billi, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, l-użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet joħolqu emissjonijiet ta’ taħlit organiku fl-arja li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa pubblika u/jew jikkontribwixxu għall-formazzjoni lokali u barra l-fruntieri ta’ ossidji fotokimiċi fis-saff tal-fruntiera tat-troposfera li tikkawża danni għar-riżorsi naturali ta’ importanza vitali ambjentali u ekonomika u, taħt ċertu kondizzjonijiet ta’ espożizzjoni, għandhom effett ta’ ħsara fuq is-saħħa umana;

(6)

Billi l-inċidenza għolja ta’ konċentrazzjonijiet għolja troposferiċi tal-ożonu fl-aħħar snin qajmu tħassib kbir rigward l-impatt fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent;

(7)

Billi, għalhekk, azzjoni ta’ prevenzjoni hi meħtieġa biex tipproteġġi s-saħħa pubblika u l-ambjent kontra l-konsegwenzi ta’ emissjonijiet partikolarment ta’ ħsara mill-użu ta’ solventi organiċi u biex tiggarantixxi liċ-ċittadini d-dritt għall-ambjent nadif u b’saħħtu.

(8)

Billi emissjonijiet ta’ taħlit organiku jistgħu jiġu evitati jew imnaqqsa f’ħafna attivitajiet u stallazzjonijiet għaliex sustanzi potenzjalment anqas ta’ ħsara huma disponibbli jew se jsiru disponibbli fis-snin li ġejjin; billi, fejn sustanzi xierqa m’humiex disponibbli, miżuri tekniċi għandhom jittieħdu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-ambjent skont kemm hu ekonomikament u teknikament possibbli;

(9)

Billi l-użu ta’ solventi organiċi u l-emissjoni ta’ taħlit organiku li għandhom l-aktar effett serju fuq is-saħħa pubblika għandhom jitnaqqsu skont l-aktar li hu teknikament possibbli”.

4

Il-premessi 14 u 15 tal-imsemmija direttiva jipprevedu:

“(14)

Billi livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali jeħtieġ it-twaqqif u l-kisba ta’ limiti ta’ emissjoni għal taħlit orġaniċi u kondizzjonijiet ta’ ħidma xierqa, bi qbil mal-prinċipju ta’ l-aħjar tekniċi disponibbli, għal ċerti stallazzjonijiet u attivitajiet li jużaw solventi organiċi fil-Komunità;

(15)

Billi f’ċerti każi l-Istati Membri jistgħu jeżentaw operaturi milli jaqblu mal-valuri ta’ limitu ta’ emissjoni għaliex miżuri oħra, bħall-użu ta’ prodotti bi ftit solvent jew mingħajr solvent jew tekniki, jipprovdu mezzi alternattivi biex jilħqu tnaqqis ta’ emissjonijiet ekwivalenti”.

5

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/13, din għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas l-effetti diretti u indiretti tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili fl-ambjent, l-aktar fl-arja, u r-riskji potenzjali għas-saħħa umana, permezz ta’ miżuri u proċeduri li għandhom jiġu implementati fl-attivitajiet industrijali ddefiniti fl-Anness I ta’ din id-direttiva, sa fejn huma jaqbżu l-limiti massimi indikati fl-Anness II A ta’ din.

6

L-Artikolu 2, punt 1, tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi “installazzjoni” għall-finijiet ta’ din tal-aħħar bħala unit stazzjonarju tekniku fejn isiru attività waħda jew iktar li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ddefinit fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, kif ukoll kwalunkwe attività relatata direttament miegħu li hija marbuta teknikament mal-attivitajiet eżerċitati fuq is-sit u li jista’ jkollha effetti fuq l-emissjonijiet.

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jaddottaw il-miżuri neċċessarji biex jassiguraw li:

1)

L-istallazzjonjiet ġodda kollha jaqblu ma’ l-Artikoli 5, 8 u 9;

[...]”.

8

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/61/KE [tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80)], l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jassiguraw li:

1)

Stallazzjonijiet eżistenti jaqblu ma’ l-Artikolu 5, 8 u 9 mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2007;

[...]

3)

Dawk l-istallazzjonijiet li jridu jiġu awtorizzati jew registrati bl-użu ta’ l-iskema tat-tnaqqis ta’ l-Anness II B javżaw dan lill-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2005;

[...]”.

9

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/13:

“L-istallazzjonijiet kollha għandhom jaqblu ma’:

a)

jew il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni f’gassijiet li ġejjin mill-iskart u valuri ta’ emissjonijiet klandestini, jew il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni totali, u ħtiġijiet oħra mniżżla fl-Anness II A;

b)

il-ħtigijiet ta’ l-iskema ta’ tnaqqis speċifikati fl-Anness II B”.

10

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 1999/13/KE huwa fformulat kif ġej:

“Konformità ma’ dan li ġej għandha tintwera għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti:

[...]

il-ħtiġijiet ta’ l-iskema tat-tnaqqis taħt l-Anness IIB,

[...]”.

11

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), tad-Direttiva 1999/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta’ April 2001. Huma għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni fil-pront”.

12

L-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, intitolat “Skema ta’ tnaqqis”, huwa fformulat kif ġej:

“1.

Prinċipji

L-għan ta’ l-iskema tat-tnaqqis hija li tikkonċedi lil operatur il-possibbilta li jilħaq permezz ta’ mezzi oħra ta’ emissjoni tnaqqis, ekwivalenti għal dawk milħuqa jekk il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni jkollhom jiġu applikati. Għal dak il-għan l-operatur jista’ juża l-iskema tat-tnaqqis, speċjalment maħsubha għal din l-istallazzjoni, provdut li fl-aħħar emissjoni ekwivalenti tintlaħaq. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-ilħuq ta’ l-istess tnaqqis ta’ emissjoni, inkluż l-esperjenza mill-applikazzjoni ta’ l-iskema tat-tnaqqis.

2.

Prattika

Fil-każ tal-applikazzjoni tal-kisi, verniċi, kolla jew linka, l-iskema li ġejja tista’ tintuża. Fejn il-metodu li ġej mhux xieraq l-awtorità kompetenti tista’ tħalli operatur japplika skema ta’ eżenzjoni alternattiva li hi sodisfatta tħares il-prinċipji mniżżla hawn. Id-disinn ta’ l-iskema jieħu kunsiderazzjoni tal-fatti li ġejjin:

i)

fejn sostituti li jkollhom fihom ftit jew l-ebda solvent għadhom qed jiżviluppaw, estenzjoni taż-żmien trid tingħata lill-operatur biex jimplimenta l-pjanijiet tat-tnaqqis ta’ l-emissjoni tiegħu;

ii)

il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis ta’ l-emissjoni għandhom jikkorrispondu mill-aktar viċin possibbli ma’ l-emissjonijiet li jirriżultaw li ma ħadux azzjoni ta’ tnaqqis.

L-iskema li ġejja għandha topera għall-istallazzjonijiet li għalihom kontenut solidu u kostanti ta’ prodott jistgħu jiġu maħsuba u użati biex jiddefinixxu l-punt ta’ referenza għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet:

i)

l-operatur għandu [jippreżenta] il-pjan tat-tnaqqis ta’ emissjoni li tinkludi partikolarment tnaqqis fil-kontenut tas-solvent medju ta’ l-input totali u/jew żieda effiċjenti fl-użu [fil-grad ta’ effiċjenza fl-użu] ta’ solidi biex jintlaħaq tnaqqis ta’ l-emissjonijiet totali mill-istallazzjoni sa persentaġġ mogħti tar-referenza ta’ emissjonijiet annwali, termina l-emissjoni immirata. Dan għandu jsir fil-qafas taż-żmien li ġej:

Perjodu ta’ ħin

Emissjonijiet annwali Massimi konċessi

Installazzjonijiet ġodda

Installazzjonijiet eżistenti

Mill[Sal]-31.10 2001

Mill[Sal]-31.10.2005

Emissjoni mmirata × 1.5

Mill tal[Sal]-31.10.2004

Mill[Sal]-31.10.2007

Emissjoni mmirata

ii)

L-emissjoni ta’ referenza annwali hi kalkulata kif ġejja:

a)

Il-massa totali ta’ solidi fil-kwantità tal-kisi u/jew linka, verniċ jew kolla konsmata f’sena hi determinata. Solidi huma [meqjusin bħala] materjali [kollha] fil-kisi, linka, verniċ u kolla li jsiru solidi meta l-ilma jew taħlit organiku volatili jevapora.

[...]”

13

Mis-7 ta’ Jannar 2014, id-Direttiva 1999/13 ġiet issostitwita bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17).

14

Mill-premessa 1 tad-Direttiva 2010/75 jirriżulta li din ifformulat mill-ġdid seba’ direttivi, fosthom id-Direttiva 1999/13.

15

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(1), tad-Direttiva 2010/75:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull installazzjoni tikkonforma ma’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

a)

l-emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi minn installazzjonijiet m’għandhomx jaqbżu l-valuri limitu ta’ emissjoni f’gassijiet ta’ skart u valuri ta’ emissjonijiet maħruba, jew il-valuri limitu totali ta’ emissjonijiet, u rekwiżiti oħra stabbiliti fil-Partijiet 2 u 3 tal-Anness VII jiġu osservati;

b)

ir-rekwiżiti tal-iskema ta’ tnaqqis stabbiliti fil-Parti 5 tal-Anness VII bil-kondizzjoni li jinkiseb tnaqqis ekwivalenti ta’ emissjonijiet meta mqabbel ma’ dak miksub permezz tal-applikazzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmija fil-punt (a)”.

16

L-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2010/75 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ [...] ial-punt 1 tal-Parti 5 [...] tal-Anness VII [...] sas-7 ta’ Jannar 2013.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn dik id-data stess.

[...]”.

17

L-Artikolu 81(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Id-Direttivi [...] 1999/13 [...] huma mħassra b’effett mis-7 ta’ Jannar 2014, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness IX, il-Parti B”.

18

Il-Parti 5, intitolata “Skema ta’ tnaqqis”, tal-Anness VII tad-Direttiva 2010/75, li huwa nnifsu huwa intitolat “Dispożizzjonijiet tekniċi relatati ma’ installazzjonijiet u attivitajiet li jużaw solventi organiċi”, hija fformulata kif ġej:

“1.

L-operatur jista’ juża‘ kwalunkwe skema ta’ tnaqqis, imfassla b’mod speċjali għall-installazzjoni tiegħu.

2.

Fil-każ tal-applikazzjoni tal-kisi, verniċi, kolla jew linka, l-iskema li ġejja tista’ tintuża. Fejn il-metodu li ġej mhux xieraq l-awtorità kompetenti tista’ tħalli operatur japplika skema ta’ alternattiva li tilħaq tnaqqisiet ekwivalenti fl-emissjonijiet għal dawk miksuba jekk il-valuri limitu tal-emissjonijiet fil-Partijiet 2 u 3 jkunu applikati. Id-disinn ta’ l-iskema jieħu kunsiderazzjoni tal-fatti li ġejjin:

a)

fejn sostituti li jkollhom fihom ftit jew l-ebda solvent għadhom qed jiżviluppaw, estenzjoni taż-żmien trid tingħata lill-operatur biex jimplimenta l-pjanijiet tat-tnaqqis ta’ l-emissjoni tiegħu;

b)

il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis ta’ l-emissjoni għandhom jikkorrispondu mill-aktar viċin possibbli ma’ l-emissjonijiet li jirriżultaw li ma ħadux azzjoni ta’ tnaqqis.

3.

L-iskema li ġejja għandha titħaddem għall-installazzjonijiet li għalihom jistgħu jiġu maħsuba kontenut solidu u kostanti ta’ prodott:

a)

L-emissjoni ta’ referenza annwali hi kalkulata kif ġej:

i)

Il-massa totali ta’ solidi fil-kwantità tal-kisi u/jew linka, verniċ jew kolla konsmata f’sena hi determinata. Solidi huma [meqjusin bħala] materjali [kollha] fil-kisi, linka, verniċ u kolla li jsiru solidi meta l-ilma jew taħlit organiku volatili jevapora.

ii)

L-emissjonijiet ta’ referenza annwali huma kalkulati billi tkun multiplikata l-massa determinata f’(i) mill-fattur xieraq imniżżel fit-tabella hawn taħt. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġġustaw dawn il-fatturi għall-installazzjonijiet individwali biex jirriflettu effiċjenza miżjuda dokumentata fl-użu ta’ solidi.

[...]”.

Id-dritt Olandiż

19

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli 4(1) u 5(2) tad-Direttiva 1999/13 ġew ittrasposti fid-dritt Olandiż permezz tal-Artikoli 3(1) u 5(a) tad-deċiżjoni dwar is-solventi li timplementa d-Direttiva 1999/13 (Oplosmiddelenbesluit omzetting EG-VOS-richtlijn milieubeheer, Stb. 2001, Nru 161, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ‘Solvants’”).

20

Dawn id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni “Solvants” kienu jobbligaw lill-impriżi kkonċernati jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu mod li l-installazzjonijiet tagħhom ikunu, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2007, konformi mal-valuri limitu ta’ emissjoni li jinsabu fl-Anness II A ta’ din id-deċiżjoni, jew mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-iskema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili (iktar ’il quddiem, l-“iskema ta’ tnaqqis”) ippreżentata fid-dettall fl-Anness II B tal-imsemmija deċiżjoni. Il-kontenut tal-anness imsemmi l-aħħar huwa identiku għal dak tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Nannoka topera installazzjoni għall-proċessi ta’ tiżbigħ u ta’ kisi.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2010, il-College impona ordni, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, fuq Nannoka minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 3(1) u 5(a) tad-deċiżjoni “Solvants”.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2011, il-College ċaħad l-azzjoni amministrattiva ppreżentata minn Nannoka kontra d-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010.

24

Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, ir-Rechtbank Arnhem (qorti distrettwali ta’ Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Nannoka kontra d-deċiżjoni tal-College tat-13 ta’ Lulju 2011.

25

Nannoka appellat kontra din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat).

26

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-fatt li d-deċiżjoni tal-College tas-7 ta’ Ottubru 2010 ġiet irtirata fis-7 ta’ Marzu 2013 ma jċaħħadx lil Nannoka mill-interess tagħha fil-kawża prinċipali għal deċiżjoni fuq il-mertu tal-appell tagħha. Fil-fatt, din il-kumpannija tistabbilixxi b’mod konvinċenti r-realtà tad-dannu li hija sofriet minħabba li d-deċiżjoni ġiet irtirata, peress li din ġiegħlitha tagħti b’subappalt parti mill-attivitajiet tagħha lil impriża oħra.

27

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li, fid-data tal-31 ta’ Ottubru 2007, Nannoka ma kinitx ikkonformat ruħha mal-valuri limitu ta’ emissjoni previsti fl-Anness II A tad-deċiżjoni “Solvants”.

28

Madankollu Nannoka ssostni quddiem il-qorti tar-rinviju li hija kienet tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-iskema ta’ tnaqqis deskritta fl-Anness II B tal-imsemmija deċiżjoni, għaliex, fil-fehma tagħha, dan l-anness kien jagħtiha estensjoni tat-terminu lil hinn mill-31 ta’ Ottubru 2007 għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tagħha.

29

Fil-fatt, skont Nannoka, l-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 jipprevedi li l-operatur għandu jingħata estensjoni tat-terminu biex jimplementa l-iskema ta’ tnaqqis tiegħu, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati. Nannoka tqis li dan kien il-każ fil-kawża prinċipali.

30

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li Nannoka, b’ittra tas-27 ta’ Ottubru 2005, innotifikat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bl-intenzjoni tagħha li tuża skema ta’ tnaqqis. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li Nannoka stabbilixxiet tali skema ta’ tnaqqis. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-iskema ta’ tnaqqis ma kinitx tippermettilha, madankollu, tilħaq, sad-data tal-31 ta’ Ottubru 2007, il-“valur immirat” previst fit-tieni paragrafu tal-punt 2 tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13.

31

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 ma jimponix l-adozzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis unika, iżda jistabbilixxi prinċipji, indikazzjonijiet u rekwiżiti li, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, l-operatur għandu jikkonforma ruħu magħhom meta jistabbilixxi l-iskema ta’ tnaqqis tiegħu.

32

L-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 ma jippermettix madankollu li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni la s-sitwazzjonijiet li fihom l-estensjoni tat-terminu li huwa jipprevedi tista’ tingħata legalment, u lanqas it-tul ta’ żmien possibbli ta’ tali estensjoni tat-terminu.

33

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dan l-anness jipprevedi, f’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis partikolari (iktar ’il quddiem, l-“iskema standard”). Dan l-anness jagħti mbagħad kalendarju sabiex wieħed jasal għall-emissjonijiet imsejħa “immirati”, kif ukoll għal metodu ta’ kalkolu sabiex jiġu ddefiniti dawn l-emissjonijiet.

34

L-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li, fil-kawża prinċipali, l-installazzjonijiet ta’ Nannoka ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-applikazzjoni ta’ din l-iskema standard. Jidher li, fis-sitwazzjonijiet li fihom l-imsemmija skema standard tkun applikabbli, ma jistax jiġi injorat il-kalendarju li jinsab fl-Anness II B tad-Direttiva 1999/13. Peress li dan kien jipprevedi li l-emissjoni mmirata kellha tintlaħaq sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2007 u peress li, kif huwa ċar, l-iskema ta’ tnaqqis ta’ Nannoka ma kinitx kapaċi li tasal għal tali riżultat, jeżisti dubju, skont il-qorti tar-rinviju, rigward il-konformità ta’ din l-iskema ta’ tnaqqis mar-rekwiżiti tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13.

35

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmi anness jindika li huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li estensjoni tat-terminu għandha tingħata lill-operatur għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli, anki meta l-iskema standard tkun applikabbli, li ssir madankollu devjazzjoni mill-kalendarju li hija tagħmel parti minnu.

36

B’dan il-mod il-qorti tar-rinviju tikkunsidra żewġ interpretazzjonijiet possibbli tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13. Skont l-ewwel interpretazzjoni, l-estensjoni tat-terminu tista’ tingħata biss meta l-iskema standard ma tkunx adattata għas-sitwazzjoni kkonċernata u meta tip ieħor ta’ skema ta’ tnaqqis ikun, għal din ir-raġuni, stabbilit. Skont it-tieni interpretazzjoni, anki jekk l-iskema standard tkun applikabbli, estensjoni tat-terminu tista’ tinkiseb b’deroga mill-kalendarju previst minn din l-iskema.

37

Fil-każ li tiġi adottata din it-tieni interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kundizzjonijiet mitluba sabiex operatur ikun jista’ jibbenefika minn estensjoni tat-terminu u dwar it-tul ta’ żmien possibbli ta’ tali estensjoni. Fil-fatt, l-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 ma jispeċifikax, pereżempju, jekk tali estensjoni tat-terminu hijiex suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti jew jekk tistax isseħħ ipso jure. Dan l-anness lanqas ma jindika sa fejn l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent għandu jiġi kkonkretizzat, u lanqas l-istadju li dan l-iżvilupp għandu jkun laħaq sabiex jagħti dritt għal estensjoni tat-terminu. Huwa lanqas ma jispeċifika l-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien tal-estensjoni.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Anness II B tad-Direttiva tal-Kunsill [1999/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ta’ stallazzjonijiet li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi, u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi definit il-punt ta’ riferiment għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għandu jkun jista’, meta l-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu jinkludu ftit jew ebda solventi jkunu għadhom qed jiġi żviluppati, jibbenefika minn estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu, b’deroga mill-perijodu stabbilit fl-imsemmi anness?

[F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1:]

2)

Estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis, kif prevista mill-Anness II B tad-Direttiva [1999/13], tirrikjedi t-twettiq ta’ att partikolari mill-operatur tal-installazzjonijiet ikkonċernati jew awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti?

3)

Abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi stabbilit it-tul tal-estensjoni tat-terminu previst fl-Anness II B tad-Direttiva 1999/13?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

39

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-estensjoni tat-terminu li huwa jipprevedi fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tiegħu, tista’ tingħata lill-operatur ta’ “installazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2, punt 1 tal-imsemmija direttiva, sabiex japplika l-iskema ta’ tnaqqis tiegħu, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, meta jista’ jiġi preżunt, għal din l-installazzjoni, kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

40

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/13, l-installazzjonijiet kollha koperti minn din id-direttiva għandhom ikunu konformi jew mal-valuri limitu ta’ emissjoni ta’ taħlit organiku volatili li jinsabu fl-Anness II A tal-imsemmija direttiva, jew mar-rekwiżiti tal-iskema ta’ tnaqqis ippreżentata fl-Anness II B ta’ din.

41

Skont il-punt 1 tal-Anness II B ta’ din id-direttiva, skema ta’ tnaqqis għandha toffri lill-operatur il-possibbiltà li jikseb, permezz ta’ mezzi oħra għajr l-applikazzjoni ta’ dawn il-valuri limitu ta’ emissjoni, tnaqqis tal-emissjonijiet li jkun ekwivalenti għal dak li huwa jikseb bl-applikazzjoni ta’ dawn il-valuri. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tagħha, skema ta’ tnaqqis hija bbażata fuq l-użu ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni u proċessi li jiġġeneraw inqas emissjonijiet.

42

Mill-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 jirriżulta li, għall-proċessi ta’ tiżbigħ u ta’ kisi, ta’ kolla jew ta’ linka, skema speċifika, ippreżentata fit-tieni paragrafu tal-punt 2 ta’ dan l-anness, jiġifieri l-iskema standard, tista’ tiġi segwita. Skont id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, din l-iskema hija applikabbli għall-installazzjonijiet li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-ewwel paragrafu tal-punt (2), tal-imsemmi anness jispeċifika li, fil-każijiet fejn dan il-metodu ma jkunx adattat, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operatur japplika kwalunkwe metodu ieħor li, fil-fehma tagħha, jissodisfa l-prinċipji esposti fil-punt 1 ta’ dan l-anness.

43

Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ebda element ma jippermetti l-konklużjoni li l-installazzjonijiet ta’ Nannoka ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba għall-applikazzjoni tal-iskema standard.

44

Peress li l-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 jipprevedi li estensjoni tat-terminu għandha tingħata lill-operatur ikkonċernat għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, għandu jiġi stabbilit jekk din l-estensjoni tat-terminu għandhiex tkun tista’ tingħata tkun xi tkun l-iskema ta’ tnaqqis applikabbli għall-installazzjoni ta’ dan l-operatur jew jekk l-għoti ta’ tali estensjoni tat-terminu huwiex possibbli biss fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis differenti mill-iskema standard.

45

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-imsemmi anness ma tippermettix li tingħata risposta ċara għal din id-domanda.

46

Jekk il-formulazzjoni tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 donnha tindika li estensjoni tat-terminu għandha tingħata lil operatur għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, is-sekwenza tat-tliet fażijiet ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-imsemmi punt (2) ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk estensjoni tat-terminu għandhiex tingħata anki fil-każ partikolari fejn dan l-operatur japplika l-iskema standard.

47

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li jekk, fil-verżjoni Franċiża tad-Direttiva 1999/13, l-espressjoni “[à] cet effet”, li tintroduċi t-tielet sentenza tal-punt 2 tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, tidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, li tirreferi biss għall-ipoteżi, imsemmija fis-sentenza preċedenti ta’ dan il-punt, tal-applikazzjoni ta’ “skema ta’ eżenzjoni alternattiva [minflok l-iskema standard]”, din l-interpretazzjoni ma tidhirx madankollu li tista’ tiġi kkonfermata mingħajr ekwivoku, fid-dawl ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva 1999/13, bħall-verżjoni Ingliża, dik Ġermaniża u dik Olandiża, li ma jinkludux espressjoni ekwivalenti għall-espressjoni “[à] cet effet”. F’dawn il-verżjonijiet, din it-tielet sentenza tista’ tiġi għaldaqstant interpretata b’mod ġenerali, fis-sens li tirreferi għal kwalunkwe skema ta’ tnaqqis, inkluża l-iskema standard.

48

F’dan il-kuntest, il-Gvern Olandiż isostni li, tkun xi tkun l-iskema ta’ tnaqqis applikata mill-operatur ikkonċernat, estensjoni tat-terminu mogħtija lil dan tal-aħħar ma setgħetx tmur lil hinn mill-31 ta’ Ottubru 2007, peress li din id-data hija dik li fiha l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet eżistenti kellhom josservaw, skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/13 u skont il-punt (i) tat-tieni paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B ta’ din, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-valuri limitu msemmija fl-Anness II A tagħha jew l-iskema ta’ tnaqqis deskritta fl-Anness II B tagħha.

49

Madankollu din il-pożizzjoni ma tistax tiġi adottata.

50

Fil-fatt, il-possibbiltà, prevista b’mod espliċitu fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, li operatur jingħata estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu timplika neċessarjament li t-termini kollha msemmija f’din id-direttiva, b’mod partikolari dak li jiskadi fil-31 ta’ Ottubru 2007 f’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet eżistenti, jistgħu jiġu estiżi. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tagħha, il-pożizzjoni tal-Gvern Olandiż tispiċċa tneħħi n-natura normattiva tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B ta’ din id-direttiva u tnaqqsu għal sempliċi spjegazzjoni tal-kalkolu tat-terminu inkwistjoni.

51

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, waqt l-adozzjoni, fl-2010, tad-Direttiva 2010/75, il-leġiżlatur tal-Unjoni rriproduċa, fil-punt 2(a) tal-Parti 5 tal-Anness VII ta’ din id-direttiva, f’termini identiċi għal dawk li kienu jinsabu fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, il-possibbiltà li operatur jingħata estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis. Xejn ma juri, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tad-Direttiva 1999/13 kellha tinbidel fl-integrazzjoni tagħha fid-Direttiva 2010/75. Il-leġiżlatur ibbaża ruħu fuq il-prinċipju li estensjoni tat-terminu kienet prevedibbli anki qabel il-31 ta’ Ottubru 2007.

52

Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li t-tieni paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 jinkludi regola speċjali applikabbli għall-installazzjonijiet li fihom jintuża prodott b’kontenut kostanti ta’ solidi, li tipprevali fuq id-dispożizzjoni dwar l-estensjoni tat-terminu. Skont il-Kummissjoni, estensjoni tat-terminu hija, b’dan il-mod, biss possibbli għall-installazzjonijiet li fihom jintuża prodott li ma għandux kontenut kostanti ta’ solidi.

53

F’dan ir-rigward, għalkemm, skont it-tieni paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, skema ta’ tnaqqis speċifika, jiġifieri l-iskema standard, hija applikabbli għall-installazzjonijiet li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, din l-iskema ma tikkostitwixxix madankollu regola speċjali li teskludi l-għoti ta’ estensjoni tat-terminu lill-operaturi ta’ tali installazzjonijiet.

54

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 jindika li, għall-proċessi ta’ tiżbigħ u ta’ kisi, ta’ kolla jew ta’ linka, l-iskema standard “tista’” tintuża u li, fil-każijiet fejn din l-iskema ma tkunx adattata, l-awtorità kompetenti “tista’” tippermetti lill-operatur japplika kwalunkwe metodu ieħor li, fil-fehma tiegħu, jissodisfa l-prinċipji esposti fil-punt 1 tal-Anness II B ta’ din id-direttiva. Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda element fil-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma jippermetti li tiġi eskluża, fil-każ li l-iskema standard ma tkunx adattata, l-applikazzjoni ta’ metodu ieħor ukoll fir-rigward tal-installazzjonijiet li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi. B’dan il-mod, bl-istess mod bħalma l-iskema standard tista’ ma tkunx applikata għal tali installazzjonijiet, estensjoni tat-terminu tista’ tingħata għal dawn meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati.

55

Barra minn hekk, il-possibbiltà li tingħata estensjoni tat-terminu f’dak li jirrigwarda t-tipi kollha ta’ installazzjonijiet, tkun xi tkun l-iskema ta’ tnaqqis adottata, hija kkonfermata permezz tar-ratio legis li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/13 rigward l-estensjoni tat-terminu u l-installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi.

56

Minn naħa, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-estensjoni tat-terminu tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, jidher eċċessiv li l-operaturi ta’ installazzjoni jiġu mitluba jwettqu investimenti intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili ta’ installazzjoni qabel data speċifika jekk dawn l-emissjonijiet jistgħu jiġu evitati jew imnaqqsa b’mod kunsiderevoli fil-ġejjieni qrib, bi spejjeż inqas, ladarba prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent, u li jkunu għadhom qed jiġu żviluppati, ikunu disponibbli. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 1999/13, din hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-emissjonijiet ta’ taħlit organiku jistgħu jiġu evitati jew imnaqqsa permezz ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni inqas dannużi eżistenti jew li ser ikunu disponibbli matul is-snin li ġejjin. Fil-fatt, jekk impriża, permezz ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni, tkun tista’ tevita miżuri bi spejjeż għoljin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, din għandha mnejn tkun lesta li tiżviluppa tali prodotti jew tippromwovi l-iżvilupp tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent jistgħu jikkontribwixxu, lil hinn mill-installazzjonijiet ikkonċernati, għal-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili fl-ambjent, l-iżvilupp tagħhom jista’ jiġġustifika perijodu tranżitorju itwal.

57

F’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet li fihom jintuża prodott b’kontenut kostanti ta’ solidi, mit-tieni paragrafu tal-punt 2 tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 jirriżulta li dan il-kontenut jista’ jintuża “biex jiddefinixxu[i] l-punt ta’ referenza għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet”. Kif il-persuni kkonċernati spjegaw waqt is-seduta, il-preżenza ta’ kontenut kostanti ta’ solidi tippermetti b’dan il-mod li jiġi identifikat metodu ta’ determinazzjoni tal-għanijiet ta’ emissjonijiet tal-installazzjonijiet ikkonċernati, metodu li ma jistax jintuża mill-operatur ikkonċernat fl-assenza ta’ użu ta’ prodott b’tali kontenut kostanti. Barra minn hekk, ma jirriżulta mill-ebda dispożizzjoni ta’ dan l-anness li l-għan tal-introduzzjoni tal-kriterju marbut mal-preżenza ta’ kontenut kostanti ta’ solidi huwa li jiġi eskluż l-għoti ta’ estensjoni tat-terminu lill-operatur ta’ installazzjoni li fiha jintuża prodott b’tali kontenut kostanti.

58

L-imsemmi kriterju donnu għalhekk nieqes minn kwalunkwe rabta mar-ratio legis li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/13 rigward il-possibbiltà li tingħata estensjoni tat-terminu fil-każ fejn prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati. Għaldaqstant ma huwiex iġġustifikat li tiġi stabbilita distinzjoni, f’dak li jirrigwarda din il-possibbiltà, bejn l-installazzjonijiet li fihom jintuża prodott b’kontenut kostanti ta’ solidi u l-installazzjonijiet l-oħra, u tali distinzjoni lanqas ma tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B ta’ din id-direttiva.

59

Huwa minnu li matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva 1999/13, kien jeżisti diġà numru kbir ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni b’kontenut kostanti ta’ solidi. Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni dan il-fatt u għandu jitqies, meta ffissa, fil-punt (i) fit-tieni paragrafu tal-punt 2 tal-Anness II B ta’ din id-direttiva, it-termini applikabbli għall-iskema standard, li xtaq jeskludi kull possibbiltà ta’ estensjoni tat-terminu f’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi.

60

Madankollu, la d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/13, u lanqas id-dokumenti preparatorji ta’ din ma jippermettu l-konfermazzjoni tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni.

61

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li interpretazzjoni tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 fis-sens li din tal-aħħar tipprekludi l-għoti ta’ estensjoni tat-terminu, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, lill-operatur ta’ installazzjoni li għaliha jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi tmur, f’kull każ, kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jitlob li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jafu mingħajr ambigwità l-obbligi tagħhom u jieħdu azzjoni konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BGL, C‑78/01, EU:C:2003:490, punt 71, kif ukoll ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 68).

62

Fil-fatt, sa fejn tali interpretazzjoni ma tistax tiġi dedotta biċ-ċar mill-formulazzjoni tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 u lanqas ma tidher li tista’ tiġi kkonfermata la fid-dawl tar-ratio legis li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) ta’ dan l-anness, dwar l-estensjoni tat-terminu, u lanqas fid-dawl tal-istruttura tal-imsemmi anness, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li, abbażi ta’ dan l-anness, impriża, bħal Nannoka, tiġi pprojbita l-possibbiltà li tibbenefika minn tali estensjoni tat-terminu.

63

Għalhekk għandu jitqies li estensjoni tat-terminu għandha tkun tista’ tingħata tkun xi tkun l-iskema ta’ tnaqqis applikabbli għall-installazzjoni kkonċernata, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati.

64

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estensjoni tat-terminu li huwa jipprevedi fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tiegħu, tista’ tingħata lill-operatur ta’ “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2, punt 1 ta’ din id-direttiva, għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, anki meta jista’ jiġi preżunt, għal din l-installazzjoni, kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

65

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B, tad-Direttiva 1999/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis teżiġi t-twettiq ta’ att partikolari mill-operatur tal-installazzjoni kkonċernata jew awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, u, min-naħa l-oħra, abbażi ta’ liema kriterji t-tul ta’ żmien ta’ din l-estensjoni tat-terminu jista’ jiġi ffissat.

66

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni nnifisha tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B, tad-Direttiva 1999/13 jirriżulta li l-estensjoni tat-terminu msemmija f’din id-dispożizzjoni għandha “tingħata”. Minn dan jirriżulta li tali estensjoni tat-terminu ma tistax isseħħ ipso jure u għandha neċessarjament tirriżulta minn deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, tali deċiżjoni tippreżupponi neċessarjament talba minn qabel tal-operatur tal-installazzjoni kkonċernata, peress li dan jixtieq jiġi awtorizzat jidderoga minn rekwiżiti li, fin-nuqqas ta’ estensjoni tat-terminu, ikunu applikabbli għalih.

67

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ir-rwol ċentrali mogħti lill-awtoritajiet kompetenti permezz tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/13 fil-kuntest tal-applikazzjoni minn operatur ta’ skema ta’ tnaqqis.

68

Fil-fatt, skont l-Artikolu 4, punt 3 tad-Direttiva 1999/13, l-operaturi li jkunu jixtiequ japplikaw skema ta’ tnaqqis kienu marbuta jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti b’dan sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2005. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, il-konformità tal-iskema ta’ tnaqqis innotifikata b’dan il-mod mar-rekwiżiti tal-iskema ta’ tnaqqis li tinsab fl-Anness II B tal-imsemmija direttiva għandha tiġi pprovata mill-operatur “għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti”. Fl-aħħar nett, skont il-punt (2) tal-Anness II B tal-istess direttiva, fil-każijiet fejn l-iskema standard ma tkunx adattata, “l-awtorità kompetenti tista’ tħalli operatur japplika skema ta’ eżenzjoni alternattiva li hi sodisfatta li tħares il-prinċipji” esposti fil-punt (1) ta’ dan l-anness.

69

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-awtorità kompetenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija jkollha tiddeċiedi fuq it-talba ta’ operatur sabiex dan jiġi awtorizzat japplika skema ta’ tnaqqis.

70

L-istess jgħodd neċessarjament fir-rigward tal-għoti ta’ estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ tali skema ta’ tnaqqis, għaliex dan l-għoti huwa marbut fil-qrib mal-awtorizzazzjoni mogħtija lil operatur sabiex japplika din l-iskema.

71

Estensjoni tat-terminu tista’ għaldaqstant isseħħ biss bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tal-operatur ikkonċernat.

72

F’dan ir-rigward, il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B, tad-Direttiva 1999/13, sempliċement jipprevedi li, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, estensjoni tat-terminu għandha tingħata lill-operatur għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu.

73

Inkwantu eċċezzjoni mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 1999/13, l-estensjoni tat-terminu prevista fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B, ta’ din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan ir-rigward, mill-kliem innifsu tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, li jipprevedi biss “estenz[s]joni” tat-terminu, jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis ibbażata fuq dan l-anness għandha tkun limitata fiż-żmien.

75

Sabiex jiġi stabbilit jekk estensjoni tat-terminu għandhiex tingħata lil operatur għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis u sabiex jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu eventwalment mogħtija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, rigward l-estensjoni tat-terminu, jiġifieri, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, minn naħa, li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni u, min-naħa l-oħra, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

76

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tagħha, huma għalhekk l-awtoritajiet kompetenti, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, li għandhom jivverifikaw, fost l-oħrajn, li prodotti ta’ sostituzzjoni adattati biex jintużaw fl-installazzjonijiet ikkonċernati u biex inaqqsu l-emissjonijiet tat-taħlit organiku volatili effettivament qed jiġu żviluppati, u li x-xogħol li hu għaddej, fid-dawl tal-elementi pprovduti, huwa kapaċi li jwassal sabiex jiġu ffinalizzati tali prodotti.

77

Fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-estensjoni tat-terminu mitlub fir-rigward tal-għan li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn, minn naħa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jista’ jintlaħaq permezz tal-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu qed jiġu żviluppati kif ukoll l-ispejjeż ta’ dawn u, min-naħa l-oħra, l-emissjonijiet addizzjonali kkawżati mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll l-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi. Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat li ma teżistix miżura alternattiva li tista’ twassal, bi spejjeż inqas, għal tnaqqis simili ta’ emissjonijiet, jew saħansitra ikbar, u b’mod partikolari li prodotti oħra ta’ sostituzzjoni ma humiex diġà disponibbli.

78

Għalhekk l-iżvilupp ta’ prodott ta’ sostituzzjoni li jwiegħed tnaqqis importanti tal-emissjonijiet huwa tali li jippermetti l-għoti ta’ tali estensjoni lill-operatur ikkonċernat.

79

Fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu eventwalment mogħtija, għandu jiġi kkonstatat li la l-Anness IIB tad-Direttiva 1999/13 u lanqas l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jipprovdu indikazzjoni f’dan ir-rigward.

80

Taħt piena li titneħħa kull effettività tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 1999/13, il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B ta’ din id-direttiva ma jistax madankollu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu lill-operatur ikkonċernat estensjoni tat-terminu sakemm prodotti ta’ sostituzzjoni jsiru disponibbli, mingħajr l-ebda limitazzjoni fiż-żmien.

81

F’dan ir-rigward, mill-premessa 8 tad-Direttiva 1999/13 jirriżulta li l-għoti ta’ estensjoni tat-terminu skont il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B ta’ din id-direttiva huwa prevedibbli biss jekk prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu effettivament qed jiġu żviluppati fid-data li fiha din l-estensjoni tat-terminu għandha tingħata u jekk jista’ jiġi preżunt li ser ikunu disponibbli “matul is-snin li ġejjin”.

82

Jekk minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-estensjoni tista’ tkun fuq diversi snin, għandu madankollu jitqies li t-tul ta’ żmien ta’ din ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-iżvilupp tal-prodotti ta’ sostituzzjoni. Dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, u b’mod partikolari billi jiġu mwieżna, minn naħa, l-ammont tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li ser jippermettu l-prodotti ta’ sostituzzjoni li qed jiġu żviluppati kif ukoll l-ispejjeż ta’ dawn il-prodotti u, min-naħa l-oħra, l-ammont tal-emissjonijiet addizzjonali li jirriżulta mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll l-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi.

83

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li l-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis teżiġi awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, li tippreżupponi talba minn qabel min-naħa tal-operatur ikkonċernat. Sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex tingħata estensjoni tat-terminu lil operatur għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis u sabiex jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu eventwalment mogħtija, huma dawn l-awtoritajiet kompetenti, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, li għandhom jivverifikaw, fost l-oħrajn, li prodotti ta’ sostituzzjoni adattati biex jintużaw fl-installazzjonijiet ikkonċernati u biex inaqqsu l-emissjonijiet tat-taħlit organiku volatili effettivament qed jiġu żviluppati, li x-xogħol li hu għaddej, fid-dawl tal-elementi pprovduti, huwa kapaċi li jwassal sabiex jiġu ffinalizzati tali prodotti, li ma teżistix miżura alternattiva li tista’ twassal, bi spejjeż inqas, għal tnaqqis simili ta’ emissjonijiet, jew saħansitra ikbar, u b’mod partikolari li prodotti oħra ta’ sostituzzjoni ma humiex diġà disponibbli. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn, minn naħa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jista’ jintlaħaq permezz tal-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu qed jiġu żviluppati kif ukoll l-ispejjeż ta’ dawn u, min-naħa l-oħra, l-emissjonijiet addizzjonali kkawżati mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll l-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi. It-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-iżvilupp tal-prodotti ta’ sostituzzjoni. Dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, u b’mod partikolari fid-dawl tal-ammont tal-emissjonijiet addizzjonali li jirriżulta mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll fid-dawl tal-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi meta mqabbla mal-ammont tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li jippermettu l-prodotti ta’ sostituzzjoni li qed jiġu żviluppati u mal-ispejjeż ta’ dawn il-prodotti.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Anness II B tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE, tal-11 ta’ Marzu 1999, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiku f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estensjoni tat-terminu li huwa jipprevedi fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tiegħu, tista’ tingħata lill-operatur ta’ “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2, punt 1 ta’ din id-direttiva, għall-applikazzjoni tal-iskema tiegħu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, anki meta jista’ jiġi preżunt, għal din l-installazzjoni, kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

 

2)

Il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili teżiġi awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, li tippreżupponi talba minn qabel min-naħa tal-operatur ikkonċernat. Sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex tingħata estensjoni tat-terminu lil operatur għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili u sabiex jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu eventwalment mogħtija, huma dawn l-awtoritajiet kompetenti, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, li għandhom jivverifikaw, fost l-oħrajn, li prodotti ta’ sostituzzjoni adattati biex jintużaw fl-installazzjonijiet ikkonċernati u biex inaqqsu l-emissjonijiet tat-taħlit organiku volatili effettivament qed jiġu żviluppati, li x-xogħol li hu għaddej, fid-dawl tal-elementi pprovduti, huwa kapaċi li jwassal sabiex jiġu ffinalizzati tali prodotti u li ma teżistix miżura alternattiva li tista’ twassal, bi spejjeż inqas, għal tnaqqis simili ta’ emissjonijiet, jew saħansitra ikbar, u b’mod partikolari li prodotti oħra ta’ sostituzzjoni ma humiex diġà disponibbli. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn, minn naħa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jista’ jintlaħaq permezz tal-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu qed jiġu żviluppati kif ukoll l-ispejjeż ta’ dawn u, min-naħa l-oħra, l-emissjonijiet addizzjonali kkawżati mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll l-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi. It-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-iżvilupp tal-prodotti ta’ sostituzzjoni. Dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, u b’mod partikolari fid-dawl tal-ammont tal-emissjonijiet addizzjonali li jirriżulta mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll fid-dawl tal-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi meta mqabbla mal-ammont tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li jippermettu l-prodotti ta’ sostituzzjoni li qed jiġu żviluppati u mal-ispejjeż ta’ dawn il-prodotti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top