This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0043
Judgment of the Court (Second Chamber) of 26 February 2015.#ŠKO–Energo s. r. o. v Odvolací finanční ředitelství.#Request for a preliminary ruling from the Nejvyšší správní soud.#Reference for a preliminary ruling — Protection of the ozone layer — Scheme for greenhouse gas emission allowance trading within the European Union — Method of allocating allowances — Allocation of allowances free of charge — Application of gift tax to such an allocation.#Case C-43/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Frar 2015.
ŠKO–Energo s. r. o. vs Odvolací finanční ředitelství.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min- Nejvyšší správní soud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tas-saff tal-ożonu — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Applikazzjoni ta’ taxxa fuq id-donazzjonijiet għal tali allokazzjoni.
Kawża C-43/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Frar 2015.
ŠKO–Energo s. r. o. vs Odvolací finanční ředitelství.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min- Nejvyšší správní soud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tas-saff tal-ożonu — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Applikazzjoni ta’ taxxa fuq id-donazzjonijiet għal tali allokazzjoni.
Kawża C-43/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:120
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta’ Frar 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tas-saff tal-ożonu — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Applikazzjoni ta’ taxxa fuq id-donazzjonijiet għal tali allokazzjoni”
Fil-Kawża C‑43/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (Qorti Suprema Amministrattiva, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura
ŠKO-Energo s. r. o.
vs
Odvolací finanční ředitelství,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, aġent Imħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal ŠKO-Energo s. r. o., minn T. Zatloukal, konsulent, |
|
— |
għall-Odvolací finanční ředitelství, minn D. Jeroušek u E. Nedorostková, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Kružíková u P. Němečková kif ukoll minn K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ŠKO-Energo s. r. o. (iktar ’il quddiem “ŠKO-Energo”) u l-Odvolací finanční ředitelství (Direttorat tal-Finanzi), dwar il-ħlas ta’ taxxa fuq l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-snin 2011 u 2012. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87, din tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru [Qafas] tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24), f’kundizzjonijiet effikaċi, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u bl-inqas tnaqqis possibbli tal-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol. |
|
4 |
Il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/87 tipprovdi: “Id-disposizzjonijiet Komunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti mill-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.” |
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-materja tas-suġġett”, jipprevedi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità [...] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.” |
|
6 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-metodu ta’ l-allokazzjoni”, jipprovdi: “Għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 95 % tal-kwotai mingħajr ħlas. Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 90 % tal-kwoti mingħajr ħlas.” |
Id-dritt Ċek
|
7 |
Il-Liġi Nru 357/1992 dwar it-taxxa fuq is-suċċessjonijiet, dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet u dwar id-dazji fuq it-trasferimenti, kif emendata bil-Liġi Nru 402/2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 357/1992”), tipprevedi dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-akkwist mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal taxxa fuq id-donazzjonijiet. |
|
8 |
L-Artikolu 6(8) tal-Liġi Nru 357/1992 jipprevedi: “Is-suġġett tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet huwa l-akkwist mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-2011 u fl-2012 għall-produzzjoni tal-elettriku f’impjant li, fl-1 ta’ Jannar 2005 jew minn dakinhar, kien jipproduċi l-elettriku sabiex ibigħu lil terzi u li fih ma titwettaq l-ebda attività oħra koperta mill-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn produttur tal-elettriku minbarra l-ħruq ta’ karburanti [...].” |
|
9 |
L-Artikolu 7a ta’ din il-liġi, intitolat “Ammont taxxabbli fil-każ ta’ kwoti mingħajr ħlas”, jistabbilixxi: “1) L-ammont taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fir-rigward ta’ kwoti akkwistati mingħajr ħlas huwa l-valur tas-suq medju ta’ kwota ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra fit-28 ta’ Frar tas-sena kalendarja kkonċernata, immultiplikat bl-għadd ta’ kwoti akkwistati mingħajr ħlas għall-produzzjoni tal-elettriku fis-sena kalendarja kkonċernata. 2) Il-valur tas-suq medju ta’ kwota ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra fit-28 ta’ Frar tas-sena kalendarja kkonċernata għandu jitħabbar mill-Ministeru għall-Ambjent b’tali mod li jkun possibbli l-aċċess mill-bogħod.” |
|
10 |
L-Artikolu 14a tal-imsemmija liġi, intitolat “Rata tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fil-każ ta’ kwoti akkwistati mingħajr ħlas”, jippreċiża: “Ir-rata tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet għal kwoti akkwistati mingħajr ħlas tammonta għal 32 %.” |
|
11 |
L-Artikolu 20(1) u (15) tal-Liġi Nru 357/1992 huwa fformulat kif ġej: “1) dan li ġej huwa eżenti mit-taxxa fuq is-suċċessjoni kif ukoll mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet: l-akkwist ta’ oġġetti mingħajr ħlas
[...] 15) dan li ġej huwa eżenti mit-taxxa fuq id-donazzjonijet: l-akkwist tan-numru ta’ kwoti mingħajr ħlas li jikkorrispondi għall-proporzjon ta’ elettriku ġġenerat permezz ta’ produzzjoni kkombinata ta’ elettriku u ta’ sħana meta mqabbel mal-kwantità totali ta’ elettriku prodott fl-2005 u fl-2006.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
12 |
ŠKO-Energo akkwistat mingħajr ħlas, għas-snin 2011 u 2012, kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-produzzjoni tal-elettriku li għalihom il-Finanční úřad (uffiċċju tat-taxxa) qiegħed jitlobha l-ħlas tas-somma ta’ CZK 20 473 152 bħala taxxa fuq id-donazzjonijiet. |
|
13 |
ŠKO-Energo kkontestat, mingħajr suċċess, din it-taxxa quddiem il-Finanční ředitelství, u sussegwentement ressqet il-kawża quddiem il-Krajský soud v Praze, li quddiemha hija sostniet li din it-taxxa ma hijiex konformi mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. |
|
14 |
Il-Krajský soud v Praze laqgħet it-talba tagħha. |
|
15 |
Adita b’appell, in-Nejvyšší správní soud tesprimi dubji dwar il-konformità ta’ din it-taxxa mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 li jipprevedi l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ mill-inqas 90 % tal-kwoti ta’ emissjonijiet matul il-perijodu 2008–2012. |
|
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2003/87] għandu jiġu interpretat fis-sens li jimpedixxi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jissuġġettaw l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, matul il-perijodu rilevanti, għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
17 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, sa fejn jimponi fuq l-Istati Membri li jallokaw mingħajr ħlas tal-inqas 90 % mill-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-perijodu 2008–2012, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-applikazzjoni ta’ taxxa fuq id-donazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
18 |
Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, skont liema, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri għandhom jallokaw mingħajr ħlas tal-inqas 90 % tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 jipprekludi li jitħallsu taxxi fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-kwoti fihom infushom (sentenza Iberdrola et, C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punt 27). |
|
19 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li la l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jikkonċernaw l-użu ta’ dawn il-kwoti ta’ emissjonijiet jew ma jirrestrinġu b’mod espress id-dritt tal-Istati Membri li jadottaw miżuri li jistgħu jinfluwenzaw l-implikazzjonijiet ekonomiċi tal-użu ta’ tali kwoti (sentenza Iberdrola et, EU:C:2013:660, punt 28). |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jadottaw miżuri ta’ politika ekonomika, bħal kontroll tal-prezzijiet fis-swieq ta’ ċerti oġġetti jew riżorsi essenzjali, li jiddeterminaw il-mod kif valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra allokati mingħajr ħlas jaffettwa lill-konsumaturi (sentenza Iberdrola et, EU:C:2013:660, punt 29). |
|
21 |
L-adozzjoni ta’ tali miżuri madankollu ma tistax tinnewtralizza l-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u lanqas ma tista’ tippreġudika l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 (sentenza Iberdrola et, EU:C:2013:660, punt 30). |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ “mingħajr ħlas” previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 jipprekludi mhux biss l-iffissar dirett ta’ prezz għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iżda wkoll il-ġbir sussegwenti ta’ taxxa fil-kuntest tal-allokazzjoni ta’ tali kwoti (sentenza Iberdrola et, EU:C:2013:660, punt 31). |
|
23 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija imposta, b’rata ta’ 32 %, fuq il-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra akkwistati mingħajr ħlas għall-produzzjoni ta’ elettriku permezz tal-ħruq ta’ karburanti, bl-eċċezzjoni tal-koġenerazzjoni. |
|
24 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sempliċement l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u mhux l-użu tagħhom, barra minn hekk f’settur partikolari u matul perijodu limitat li jikkorrispondi parzjalment għal dak li matulu l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, b’mod provviżorju, il-prinċipju li l-kwoti għandhom jiġi allokati kważi mingħajr ħlas, tikkostitwixxi taxxa imposta fuq l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ mingħajr ħlas stabbilit bid-Direttiva 2003/87. |
|
25 |
Għandu jingħad ukoll li tali miżura, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kienet intiża li tikseb dħul addizzjonali għall-operaturi ta’ stabbilimenti fotovoltajċi, tfittex għanijiet differenti minn dawk tad-Direttiva 2003/87. Konsegwentement, hija lanqas ma tista’ titqies li hija miżura ta’ protezzjoni iktar iebsa fis-sens tal-Artikolu 193 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi Deponiezweckverband Eiterköpfe, C‑6/03, EU:C:2005:222, punti 49 u 52, kif ukoll Azienda Agro‑Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura, C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 50). |
|
26 |
Il-Gvern Ċek madankollu sostna li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 ma jipprekludix taxxa fuq id-donazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li fil-prattika din tolqot inqas minn 10 % tal-valur totali tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra allokati minn dan l-Istat Membru. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi rrilevat li t-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu tipprevedi, għall-perijodu kkonċernat, il-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ mill-inqas 90 % tal-kwoti, mingħajr riferiment għall-valur tagħhom. |
|
28 |
Hemm ukoll lok li jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-Gvern Ċek tikser l-għan imfittex mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 li tnaqqas b’mod provviżorju l-impatt ekonomiku tal-introduzzjoni, mill-Unjoni Ewropea, ta’ suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra billi jiġi evitat li tintilef il-kompetittività ta’ ċerti setturi ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt din id-direttiva (sentenza Iberdrola et, EU:C:2013:660, punt 39). Tali għan fil-fatt jimplika li l-limitazzjoni għal 10 % tan-numru ta’ kwoti li jistgħu jiġu attribwiti bi ħlas tiġi evalwata mill-perspettiva tal-operaturi ta’ kull wieħed mis-setturi kkonċernati u mhux f’rabta mal-kwoti kollha maħruġa mill-Istat Membru, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. |
|
29 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk it-taxxa fuq id-donazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li tosserva l-limitu ta’ 10 % ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. |
|
30 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 jipprekludi l-applikazzjoni ta’ taxxa fuq id-donazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn din it-taxxa ma tkunx tosserva l-limitu ta’ 10 % ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet previst f’dan l-artikolu, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
|
31 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ taxxa fuq id-donazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn din it-taxxa ma tkunx tosserva l-limitu ta’ 10 % ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet previst f’dan l-artikolu, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.