EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0458

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-25 ta’ Frar 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:122

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-25 ta’ Frar 2016 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑458/14 u C‑67/15

Promoimpresa srl

vs

Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro,

Regione Lombardia (C‑458/14)[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tar-reġjun tal-Lombardija, l‑Italja)]

u

Mario Melis,

Tavolara Beach Sas,

Dionigi Piredda,

Claudio Del Giudice

vs

Comune di Loiri Porto San Paolo,

Provincia di Olbia Tempio (C‑67/15)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (qorti amministrattiva reġjonali tar-reġjun ta’ Sardenja, l-Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Operat ta’ beni pubbliċi marittimi u tal-għadajjar — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 4(6) — Kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ — Artikolu 12 — Numru limitat ta’ awtorizzazzjonijiet minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali — Tiġdid awtomatiku tal-awtorizzazzjonijiet — Interpretazzjoni konformi — Effett tad-direttiva fl-ordinament ġuridiku intern”

Introduzzjoni

1.

Il-kawżi magħquda preżenti jikkonċernaw l-istess problematika tal-estensjoni ta’ drittijiet esklużivi għall-operat ta’ beni pubbliċi marittimi u tal-għadajjar fl-Italja.

2.

Il-qrati Taljani għandhom quddiemhom rikorsi għall-annullament ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jitterminaw atti li taħt il-liġi Taljana jikkwalifikaw bħala “konċessjonijiet”, relatati mal-operat ta’ żoni pubbliċi li jinsabu ħdejn l-għadira ta’ Garda u l-kosti ta’ Sardegna ( 2 ). Fil-kontestazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-konċessjonarji preżenti jinvokaw il-liġi li testendi d-data tal-iskadenza ta’ dawn l-atti. Il-qrati tar-rinviju għandhom id-dubji tagħhom dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-liġi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll ma’ dawk tad-Direttiva 2006/123/KE ( 3 ).

3.

Għalhekk dawn il-kawżi joffru l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli applikabbli għal konċessjonijiet ta’ servizzi, meta mqabbla ma’ dak tad-dispożizzjonijiet relatati mal-awtorizzazzjoni tal-attività tas-servizz, kif ukoll li tinterpreta l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 dwar l-iskema tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, li n-numru tagħhom huwa limitat minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 fihom dispożizzjonijiet li japplikaw għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li jikkundizzjonaw l-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi jew it-twettiq tagħhom.

5.

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għażla minn fost diversi kandidati”, jipprovdi:

“1.   Fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari hu limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali disponibbli jew kapaċità teknika, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ għażla għal kandidati potenzjali li tipprovdi garanziji sħaħ ta’ imparzjalità u trasparenza, inkluż, b’mod partikolari, reklamar adegwat dwar it-tnedija, il-kondotta u t-tlestija tal-proċedura.

2.   Fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu limitat xieraq u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, lanqas tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew kwalunkwe persuna oħra li għandha rabtiet partikolari ma’ dak il-fornitur.

3.   Soġġett għall-paragrafu 1 u għall-Artikoli 9 u 10, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont, fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ l-għażla, konsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, objettivi ta’ politika soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħarsien ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u raġunijiet aktar importanti oħrajn li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, skond il-liġi Komunitarja.”

Id-dritt Taljan

Il-leġiżlazzjoni relatata mal-konċessjonijiet marittimi

6.

Il-beni li jagħmlu parti mill-proprjetà pubblika marittima huma rregolati mill-kodiċi tan-navigazzjoni li jipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 36 tiegħu, li dawn il-beni jistgħu jkunu fil-mira ta’ konċessjoni.

7.

Dan il-kodiċi kien jipprevedi, barra minn hekk, fl-Artikolu 37(2) tiegħu, preferenza favur il-konċessjonarju eżistenti, f’każ ta’ tiġdid tal-konċessjoni.

8.

Wara l-ftuħ ta’ proċedura għal ksur mill-Kummissjoni Ewropea, dan id-dritt ta’ preferenza tħassar permezz tal-Artikolu 1(18) tad-digriet-liġi Nru 194 (decreto-legge n. 194 – Proroga di termini previsti da disposizioni legislative), tat-30 ta’ Diċembru 2009 (GURI Nru 302, tat-30 ta’ Diċembru 2009, iktar ’il quddiem id-“digriet-liġi Nru 194/2009”).

9.

Dan l-Artikolu estenda l-perijodu tal-konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi marittimi li kienu ser jiskadu sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, sa din id-data.

10.

Meta d-digriet-liġi Nru 194 sar liġi permezz tal-liġi Nru 25 (legge n. 25), tas-26 ta’ Frar 2010 (GURI Nru 48, tas-27 ta’ Frar 2010), din id-dispożizzjoni ġiet emendata fis-sens li l-perijodu ta’ konċessjonijiet li jiskadu sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015, ġie estiż sa din id-data.

11.

Din id-dispożizzjoni ġiet sussegwentement emendata permezz tal-Artikolu 34k tad-digriet-liġi Nru 179 (decreto-legge n. 179 – Ulteriori misure urgenti per la crescita del Paese), tat-18 ta’ Ottubru 2012 (GURI Nru 245, tad-19 ta’ Ottubru 2012), li nbidel fil-liġi Nru 221 (legge n. 221), tas-17 ta’ Diċembru 2012 (GURI Nru 294, tat-18 ta’ Diċembru 2012), fis-sens li l-perijodu tal-konċessjonijiet ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Il-leġiżlazzjoni li ttrasponiet id-Direttiva 2006/123

12.

Id-Direttiva 2006/123 ġiet trasposta, fid-dritt Taljan, permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 59 (decreto legislativo n. 59 – Attuazione della direttiva 2006/123/CE relativa ai servizi nel mercato interno), tas-26 ta’ Marzu 2010 (GURI Nru 94, tat-23 ta’ April 2010).

13.

L-Artikolu 16(4) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi li meta n-numru ta’ liċenzji disponibbli huwa limitat minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali, dawn il-liċenzji ma jistgħux jiġġeddu awtomatikament.

Il-fatti li taw lok għall-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑458/14

14.

Permezz tad-deċiżjonijiet tas-16 ta’ Ġunju u tas-17 ta’ Awwissu 2006, il-Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro (iktar ’il quddiem il-“Consorzio”) ħareġ favur Promoimpresa srl (iktar ’il quddiem “Promoimpresa”) konċessjoni għall-operat ta’ żona għal finijiet rikreattivi, fil-proprjetà tal-għadira ta’ Garda.

15.

L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni għall-għoti ta’ din il-konċessjoni kien jipprevedi l-konċessjoni ipso jure ta’ din tal-aħħar sal-31 ta’ Diċembru 2010.

16.

Fl-14 ta’ April 2010, Promoimpresa ressqet talba għat-tiġdid tal-konċessjoni, li ġiet miċħuda mill-Consorzio permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2011, għar-raġuni li l-konċessjoni fil-kawża prinċipali kienet limitata għal perijodu ta’ ħames snin bl-esklużjoni ta’ kull forma ta’ tiġdid awtomatiku u li l-konċessjoni l-ġdida kellha tingħata permezz tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti.

17.

Promoimpresa ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi invokat, b’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 1(18) tad-digriet-liġi Nru 194/2009. Hija osservat li għalkemm dan id-digriet-liġi jikkonċerna konċessjonijiet marittimi, japplika wkoll għal konċessjonijiet ta’ beni fil-proprjetà tal-għadajjar.

18.

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjoni kkonċernata, inkwantu tipprevedi l-estensjoni tal-perijodu ta’ konċessjonijiet ta’ żoni pubbliċi, toħloq restrizzjoni inġusta għal libertà ta’ stabbiliment u għal libertà li jiġi pprovduti s-servizzi, billi trendi impossibbli l-aċċess għall-konċessjonijiet li jkunu skadew favur kompetituri oħra.

19.

Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tar-reġjun tal-Lombardija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikoli 49, 56 u 106 TFUE, kif ukoll il-prinċipju tar-raġuni inkluż fihom, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’effett ta’ interventi leġiżlattivi suċċessivi, tipprovdi estensjoni ripetuta tad-data ta’ skadenza ta’ konċessjonijiet fuq beni tal-qasam marittimu, tal-lagi u tax-xmajjar, importanti fuq il-pjan ekonomiku, li t-tul tagħha tiżdied b’mill-inqas ħdax-il sena permezz ta’ liġi, b’mod li l-istess konċessjonarju jżomm dritt esklużiv ta’ użu ekonomiku tal-beni, minkejja l-iskadenza tat-tul tal-konċessjoni mogħtija preċedentement lill-imsemmi konċessjonarju, b’konsegwenza li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jiġu esklużi minn kull possibbiltà li l-beni jiġi attribwit lilhom fi tmiem ta’ proċeduri pubbliċi ta’ sejħa għal offerti?”

Il-kawża C-67/15

20.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni tas-sindikat għaż-żoni tal-għawm, huma ġestjonarji ta’ attivitajiet turistiċi u rekreattivi fiż-żona tal-bajja tal-Comune di Loiri Porto San Paolo (Muniċipalità ta’ Loiri Porto San Paolo, iktar ’il quddiem il-“Muniċipalità”), u dan bis-saħħa ta’ konċessjonijiet attribwiti minnha fl-2004 għal perijodu ta’ sitt snin, li wara ġew estiżi għal perijodi ta’ sena, sal-2011.

21.

Huma ressqu talba lill-muniċipalità għall-estensjoni tal-konċessjonijiet għas-sena 2012. Peress li din it-talba baqgħet mingħajr tweġiba, huma qiesu li jistgħu jkomplu jwettqu l-attivitajiet tagħhom, skont l-Artikolu 1(18) tad-digriet-liġi Nru 194/2009.

22.

Fil-11 ta’ Mejju 2012, il-muniċipalità ppubblikat avviż, fid-dawl ta’ seba’ attribuzzjonijiet ġodda, li xi wħud minnhom kienu jinsabu f’żoni li diġà kienu fil-mira ta’ konċessjonijiet attribwiti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

23.

Fis-6 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw l-atti rilevanti quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (qorti amministrattiva reġjonali tar-reġjun ta’ Sardegna). Sussegwentement huma estendew l-ilmenti tagħhom għad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2012, li permezz tagħha l-muniċipalità kienet attribwiet konċessjonijiet lil xi persuni differenti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u wara kkontestaw il-miżuri li permezz tagħhom il-pulizija distrettwali kienet ordnatilhom jirtiraw it-tagħmir tagħhom.

24.

Fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom, huma kkritikaw lill-muniċipalità talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-estensjoni awtomatika tal-konċessjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

25.

Il-qorti tar-rinviju tqis li din l-estensjoni awtomatika timpedixxi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123. L-Artikolu 16 tad-digriet leġiżlattiv Nru 59/2010, li jittrasponi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, jidher, essenzjalment, li mhux qed jiġi applikat minħabba l-intervent ta’ regola leġiżlattiva speċjali li testendi l-konċessjonijiet kurrenti.

26.

F’dan il-kuntest, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (qorti amministrattiva reġjonali tar-reġjun ta’ Sardegna) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikoli 49, 56 u 106 TFUE, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, permezz tal-effett ta’ interventi leġiżlattivi suċċessivi, tipprevedi proroga ripetuta tad-data ta’ skadenza ta’ konċessjonijiet ta’ beni tal-qasam marittimu, ta’ rilevanza ekonomika?

2)

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123/KE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik tal-punt 18 tal-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 194 [tad-29] ta’ Diċembru 2009, li sar liġi bil-Liġi Nru 25 tas-26 ta’ Frar 2010 kif ukoll emendi u żidiet suċċessivi, li tippermetti l-proroga awtomatika tal-konċessjonijiet fis-seħħ fl-oqsma marittimi ddestinati għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, sal-31 ta’ Diċembru 2015; jew anki sal-31 ta’ Diċembru 2020, fis-sens tal-Artikolu 34k tad-Digriet-Liġi Nru 179 tat-18 ta’ Ottubru 2012, li ddaħħal bl-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 221 tas-17 ta’ Diċembru 2012, ta’ konverżjoni f’liġi tad-digriet-liġi ċċitat iktar ’il fuq?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.

Id-deċiżjonijiet tar-rinviju waslu fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2014 (Kawża C‑458/14) u fit-12 ta’ Frar 2015 (Kawża C‑67/15). Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni (fiż-żewġ kawżi), kif ukoll mill-Gvernijiet Griegi (Kawża C‑458/14) u Ċeki (Kawża C‑67/15). Il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2015.

28.

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-Muniċipalità, il-Gvernijiet tal-Italia u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni kienu preżenti għas-smigħ tat-3 ta’ Diċembru 2015.

Analiżi

29.

Permezz tad-domandi tagħhom, il-qrati tar-rinviju jixtiequ jkunu jafu jekk l-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 106 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-estensjoni awtomatika tad-data tal-iskadenza ta’ konċessjonijiet ta’ beni fil-proprjetà marittima u tal-għadajjar.

30.

Barra minn hekk, permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑67/15, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123.

31.

Għalkemm id-domanda preliminari fil-Kawża C‑458/14 ma tirreferix għad-Direttiva 2006/123, madankollu l-Artikolu 12 tagħha ġie diskuss mill-partijiet u mill-persuni interessati. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sabiex tipprovdi risposta utli, tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkun għamlet l-ebda referenza fit-test tad-domanda tagħha ( 4 ).

Dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

32.

Il-Gvern Taljan għandu d-dubji tiegħu dwar l-ammissibbiltà tad-domanda tar-rinviju fil-Kawża C‑458/14, u jindika li meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1(18) tad-digriet-liġi Nru 194/09 kien jikkonċerna esklużivament il-konċessjonijiet pubbliċi marittimi. L-estensjoni tal-effetti ta’ din il-liġi għall-konċessjonijiet tal-għadajjar, li saret wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju, ma tapplikax, skont dan il-gvern, ratione temporis.

33.

F’dan ir-rigward, infakkar li, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija fil-prinċipju marbuta li ssejjes ruħha fuq il-klassifikazzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, peress li, skont ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti biex tinterpreta d-dritt intern tal-Istat Membru ( 5 ).

34.

Għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(18) tad-digriet-liġi Nru 194/09 għall-kawżi prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑458/14 jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka l-ksur ta’ din d-dispożizzjoni billi ssostni li din tapplika wkoll għall-konċessjonijiet pubbliċi tal-għadajjar. Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dibattitu quddiemha huwa ffokat fuq dan il-motiv u tindika diversi raġunijiet għaliex tqis li l-fatti fil-kawżi prinċipali jidħlu fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

35.

F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju fiha bosta preċiżazzjonijiet li jikkonċernaw ir-rilevanza tad-domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tirrikorri għall-ipoteżi li tippermetti ċ-ċaħda tad-domanda preliminari meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 6 ).

36.

Fit-tieni lok, fiż-żewġ kawżi, il-Gvern Taljan josserva li l-Artikolu 34k tad-digriet-liġi Nru 179/2012, li jestendi l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-31 ta’ Diċembru 2020, huwa sussegwenti għall-atti kkontestati fil‑kawża prinċipali u li d-domandi preliminari huma ammissibbli biss fir-rigward tal-estensjoni tal-konċessjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2015.

37.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li d-domandi preliminari jikkonċernaw l-ipoteżi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika u rrepetuta tad-data tal-iskadenza ta’ konċessjonijiet ta’ beni fil-proprjetà marittima u tal-għadajjar. Fir-rigward tal-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli humiex dawk li jestendu din l-iskadenza sal-31 ta’ Diċembru 2015, jew anki sal-31 ta’ Diċembru 2020, din mhux biss taqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali, iżda wkoll ma taffettwax l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari kif redatti.

38.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, inqis li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123

Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2006/123 u t-Trattat FUE

39.

Id-domandi preliminari jikkonċernaw kemm l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju kif ukoll dawk tad-Direttiva 2006/123.

40.

Irrid ngħid li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta proprjetà partikolari tkun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fi ħdan l-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata magħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, bl-esklużjoni ta’ dawk tad-dritt primarju ( 7 ).

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza Rina Services et ( 8 ), li d-Direttiva 2006/123 wettqet tali armonizzazzjoni eżawrjenti għas-servizzi li jidħlu fil-kamp tal-applikazzjoni tagħha, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 14 tagħha dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Fiż-żewġ kawżi l-oħra li fihom id-Direttiva 2006/123 kienet applikabbli fil-kawża prinċipali li tat lok għas-sentenzi Trijber u Harmsen kif ukoll Hiebler, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ħadet l-istess approċċ, billi llimitat ruħha għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 10, 11 u 15 ta’ din id-direttiva mingħajr ma ppronunzjat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE ( 9 ).

42.

Inqis li din l-attitudni tgħodd għall-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123, li fihom id-dispożizzjonijiet relatati mal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u b’mod partikolari mal-Artikolu 12 tagħha.

43.

Kif inhu l-każ fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, li jistabbilixxi lista tar-rekwiżiti pprojbiti fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-direttiva, sensiela ta’ dispożizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mill-Istat Membru meta l-attività ta’ servizz tkun suġġetta għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni. Dan il-leġiżlatur għalhekk wettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proprjetà kkonċernata.

44.

B’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li, meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli huwa limitat minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali jew tal-kapaċitajiet tekniċi, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont proċedura tal-għażla imparzjali u trasparenti, għal perijodu limitat, u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tiġdid awtomatiku.

45.

Dawn id-dispożizzjonijiet jitilfu l-effett utli tagħhom jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jonqsu minnhom billi jinvokaw ġustifikazzjoni abbażi tad-dritt primarju.

46.

Inqis għalhekk li fil-każ fejn japplika l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, l-eżami tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandu jsir fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, bl-esklużjoni tar-regoli tad-dritt primarju.

L-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123

47.

Preliminarjament, nosserva li l-att li permezz tiegħu Stat Membru jikkonċedi dritt esklużiv għall-operat ta’ proprjetà pubblika jista’, fil-prinċipju, jiġi evalwat mill-perspettiva ta’ bosta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 106 TFUE, kif ukoll tar-regoli tal-kuntratti pubbliċi.

48.

Sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 għall-kawża preżenti, għandu jiġi eżaminat jekk l-għoti ta’ konċessjoni ta’ proprjetà pubblika marittima jew tal-għadajjar abbażi tad-dritt Taljan, jikkostitwixxix skema ta’ awtorizzazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

49.

L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2006/123 jiddefinixxi “skema ta’ awtorizzazzjoni” bħala waħda li tirreferi għal kull proċedura li l-effett tagħha huwa li tobbliga lil kull fornitur jew destinatarju jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali mill-awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha.

50.

Nosserva, f’dan ir-rigward, li b’differenza mill-Artikolu 49 TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, relatati mal-libertà ta’ stabbiliment, japplikaw indipendentement mill-eżistenza ta’ element transkonfinali ( 10 ). Mhux meħtieġ għalhekk li jiġi ddeterminat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, jekk l-awtorizzazzjoni inkwistjoni fihiex interess transkonfinali ċert.

51.

L-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 12 għall-kawżi preżenti tirrikjedi, min-naħa l-oħra, l-analiżi ta’ tliet elementi diskussi mill-partijiet, jiġifieri, fl-ewwel lok, ix-xebh bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni u dik ta’ kirja kummerċjali, fit-tieni lok, id-differenza meta mqabbla ma’ konċessjoni ta’ servizzi u, fit-tielet lok, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet limitati minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali.

– Dwar l-argument li jinvoka x-xebh ma’ kirja kummerċjali

52.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fiż-żewġ kawżi, u l-Gvern Grieg isostnu li l-konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fil-proprjetà marittima u tal-għadajjar ikkonċernati, jikkostitwixxu kirjiet kummerċjali li jikkonċedu lil individwu partikolari, il-possibbiltà li jgawdi proprjetà pubblika, mingħajr il-kostituzzjoni ta’ awtorizzazzjoni li tikkundizzjona l-aċċess għall-attività ta’ servizz.

53.

Din it-teżi ma tikkonvinċinix.

54.

Jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li l-aċċess għall-attività relatata mal-operat ta’ beni fil-proprjetà pubblika marittima jew tal-għadajjar fl-Italja, bħall-ġestjoni ta’ żona pubblika mal-kosta għal għanijiet turistiċi u rikreattivi, teħtieġ l-għoti ta’ att konċessjonali mill-awtorità muniċipali kompetenti. Dan l-att għalhekk jissuġġetta l-aċċess għall-attività ta’ servizz inkwistjoni.

55.

Barra minn hekk huma dawn l-atti li jiċħdu l-estensjoni ta’ tali awtorizzazzjoni li qed jiġu kkontestati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

56.

Il-fatt li l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni jimplika wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod esklużiv ta’ proprjetà pubblika taħt forma ta’ kirja, ma jistax jaffettwa l-klassifikazzjoni ta’ din is-sistema bħala sistema ta’ awtorizzazzjoni.

– Dwar id-distinzjoni meta mqabbla ma’ konċessjonijiet ta’ servizz

57.

Nosserva li sistema li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sistema ta’ awtorizzazzjoni” hija madankollu eskluża mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123, meta tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi ( 11 ).

58.

F’dan ir-rigward, fil-kawża preżenti, il-qrati nazzjonali jindikaw li l-konċessjonijiet pubbliċi marittimi u tal-għadajjar inkwistjoni jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu konċessjonijiet ta’ servizzi.

59.

Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk il-kwistjoni fil-kawża preżenti tikkonċernax konċessjonijiet ta’ servizzi, f’liema każ dawn ma jkunux jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 iżda taħt il-prinċipji u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

60.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma kklassifikati bħala “konċessjonijiet” taħt id-dritt Taljan, bl-ebda mod ma jippreġudika l-klassifikazzjoni tagħhom — awtonoma — taħt id-dritt tal-Unjoni.

61.

Kif ġustament josserva l-Gvern Olandiż, it-terminu “konċessjoni” spiss jintuża sabiex jidentifika dritt esklużiv jew att ta’ awtorizzazzjoni, mingħajr ma dan ikun ifisser li l-kwistjoni tikkonċerna konċessjoni fis-sens tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi ( 12 ).

62.

Konċessjoni ta’ servizzi hija b’mod partikolari kkaratterizzata mill-fatt li l-awtorità tikkonferixxi l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz, normalment servizz li l-provvista tiegħu taqa’ fuq din l-awtorità, lill-konċessjonarju, billi tobbligah jipprovdi s-servizz partikolari ( 13 ).

63.

Il-klassifikazzjoni ta’ att ta’ konċessjoni ta’ servizzi timplika għalhekk id-dikjarazzjoni li l-provvista ta’ servizzi hija suġġetta għal rekwiżiti speċifiċi ddefiniti mill-awtorità kkonċernata, u li l-operatur ekonomiku ma huwiex liberu li jirrinunzja għal tali provvista.

64.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati permezz tal-premessa 14 tad-Direttiva 2014/23 ( 14 ), minn fejn jirriżulta li ċerti atti, bħall-awtorizzazzjonijiet jew il-liċenzji, ma għandhomx ikollhom l-istatus ta’ konċessjonijiet, b’mod partikolari meta l-operatur ekonomiku jirriżerva d-dritt li jirrinunzja għal provvista ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi. Kuntrarjament għal dawn l-atti, il-kuntratti ta’ konċessjoni jwasslu għal obbligi li jorbtu lil partijiet reċiprokament, li abbażi tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew tas-servizzi tkun suġġetta għal rekwiżiti speċifiċi ddefiniti mill-awtorità kontraenti.

65.

Issa, fil-kawża preżenti ma jirriżultax mill-fatti deskritti fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu obbligati, abbażi tal-atti li taħt id-dritt nazzjonali jikklassifikaw bħala “konċessjonijiet pubbliċi”, li jeżerċitaw attività ta’ servizzi speċifikament konċessa lilhom minn awtorità pubblika u li hija suġġetta għal rekwiżiti speċifiċi ddefiniti minn din l-awtorità.

66.

Kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, l-atti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma għandhomx bħala għan il-provvista ta’ servizzi ddeterminati mill-awtorità kontraenti, iżda t-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi turistiċi-rikreattivi f’żona ħdejn il-baħar, bl-implikazzjoni tal-użu esklużiv ta’ din il-proprjetà pubblika.

67.

Minn dawn iċ-ċirkustanzi, bir-riżerva tal-verifika tagħhom mill-qorti nazzjonali, jirriżulta li l-kuntratti fil-kawżi prinċipali ma jikkostitwixxux konċessjonijiet ta’ servizzi fis-sens tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

68.

Inqis għalhekk li d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħalma huma dawk li jirrigwardaw l-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet pubbliċi marittimi u tal-għadajjar taħt id-dritt Taljan, jikkostitwixxu skema ta’ awtorizzazzjoni li taqa’ taħt l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123.

69.

Inżid ngħid li fl-ipoteżi fejn il-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kellhom jiġu kklassifikati bħala “konċessjonijiet ta’ servizzi” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, bil-konsegwenza li r-regoli armonizzati tad-Direttiva 2006/123 ma jkunux applikabbli, ir-rekwiżiti imposti mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi tar-regoli fundamentali tat-trattat u tal-prinċipji li jirriżultaw minnu jkunu essenzjalment l-istess. Fil-fatt, sakemm il-kwistjoni tkun tikkonċerna attivitajiet ekonomiċi b’interess transkonfinali li jkun ċert, f’dak li jikkonċerna l-obbligu tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli fundamentali u ta’ dawn il-prinċipji, awtorizzazzjoni ma tiddistingwix ruħha minn konċessjoni ta’ servizzi ( 15 ).

– Dwar l-eżistenza ta’ numru limitat ta’ awtorizzazzjonijiet minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali

70.

Infakkar li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 jirregola l-każ speċifiku tal-iskemi b’numru limitat ta’ awtorizzazzjonijiet, minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali jew tal-kapaċitajiet tekniċi.

71.

Nosserva li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-awtorizzazzjonijiet ikkonċernati fil-kawżi preżenti ngħataw fil-livell muniċipali u li n-numru tagħhom huwa limitat.

72.

Iż-żoni pubbliċi li jinsabu ħdejn l-għadajjar jew il-kosti marittimi u li jistgħu jkunu suġġetti għal operat ekonomiku fi ħdan muniċipalità partikolari huma mingħajr dubju limitati u għalhekk jistgħu jiġu kklassifikati bħala “riżorsi naturali rari” fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123.

73.

Barra minn hekk, il-partijiet ma jinvokawx, ħlief ir-rarità tar-riżorsi naturali, xi raġuni imperattiva oħra ta’ interess ġenerali, li tista’ tiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli fil-kawżi preżenti.

74.

F’dan ir-rigward, l-argument magħmul mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kif ukoll mill-gvern Taljan, li jgħid li l-kosti marittimi Taljani fit-totalità tagħhom ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “riżorsi rari”, jidhirli li jiżvijja d-dibattitu.

75.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fil-livell muniċipali, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żoni pubbliċi kkonċernati. Huwa ċar li fil-kawżi preżenti, in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet huwa limitat u dan ipoġġi f’kompetizzjoni l-kandidati potenzjali għall-proċedura tal-għażla stabbilita fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123.

76.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 huwa applikabbli għall-kawżi preżenti.

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123

77.

Infakkar li, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123, meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari jkun limitat minħabba r-rarità tar-riżorsi naturali jew tal-kapaċitajiet tekniċi, l-għoti tagħhom għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ għażla li tirrispetta l-garanziji ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità.

78.

Skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, l-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan il-mod għandu jkollha perijodu xieraq, ma tistax tiġġedded awtomatikament u ma għandha tistabbilixxi l-ebda vantaġġ għall-fornitur kurrenti.

79.

Bir-rekwiżit tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għal perijodu limitat, skont proċedura trasparenti u imparzjali, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati jiżguraw li l-attività li tinvolvi numru limitat ta’ operaturi minħabba r-rarità tar-riżorsi, tibqa’ miftuħa għall-kompetizzjoni u b’hekk potenzjalment aċċessibbli għal fornituri ġodda ta’ servizzi.

80.

Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma msejsa fuq ġurisprudenza ferm stabbilita li tgħid li n-nuqqas ta’ proċedura tal-għażla trasparenti, f’kundizzjonijiet bħal dawn, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, li fil-prinċipju jmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment ( 16 ).

81.

Nosserva li l-estensjoni ex lege tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/123 tmur, qabel kollox, kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

82.

L-estensjoni tad-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti tikser l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123, li tiġi stabbilita proċedura trasparenti u imparzjali sabiex jintgħażlu l-kandidati.

83.

Barra minn hekk, l-estensjoni ex lege tad-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjonijiet hija ekwivalenti għal tiġdid awtomatiku, li huwa eskluż espliċitament mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/123.

84.

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u l-Gvern Taljan isostnu madankollu li l-estensjoni tal-konċessjonijiet ikkonċernati tista’ tkun iġġustifikata bħala miżura tranżitorja għal-raġunijiet taċ-ċertezza legali.

85.

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jargumentaw li l-estensjoni tal-konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi marittimi u tal-għadajjar hija meħtieġa sabiex il-persuni kkonċernati jifdu l-investimenti mwettqa, inkwantu huma seta’ kellhom l-aspettattiva leġittima tat-tiġdid awtomatiku tal-awtorizzazzjonijiet u dan abbażi tal-leġiżlazzjoni li kienet applikabbli fiż-żmien meta saret l-għotja tagħhom u sal-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 194/2009.

86.

Din il-pożizzjoni hija wkoll sostnuta mill-Gvern Taljan, li jindika li l-estensjoni ta’ dawn il-konċessjonijiet tikkostitwixxi miżura tranżitorja fil-kuntest tal-bidla minn tiġdid awtomatiku għal sistema ta’ attribuzzjoni li tinvolvi proċedura tas-sejħa għall-offerti. Tali miżura hija ġġustifikata, skont dan il-gvern, mill-ħtieġa li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu profitt fuq l-investimenti tagħhom, skont il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

87.

Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-aspettattivi leġittimi tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, inkwantu dan jipprevedi, fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/123, li l-awtorizzazzjonijiet, meta n-numru tagħhom ikun limitat minħabba r-rarità tar-riżorsi, għandu jkollhom perijodu xieraq.

88.

Fid-dawl tal-premessa 62 ta’ din l-istess direttiva, dan il-perijodu għandu jiġi stabbilit b’mod li ma jirrestrinġix jew ma jillimitax il-kompetizzjoni libera lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati l-ammortizzazzjoni tal-investimenti u r-remunerazzjoni ekwa tal-kapitali investiti ( 17 ).

89.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, fil-prinċipju, għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont id-Direttiva 2006/123.

90.

Issa, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet li ma kinux suġġetti għal proċedura skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123, dan l-artikolu jipprekludi Stat Membru milli jġeddidhom mal-iskadenza tagħhom, biex b’hekk jerġa’ jipposponi l-proċedura tal-għażla billi jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

91.

Għalkemm l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jqisu kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali meta jistabbilixxu r-regoli għall-proċedura tal-għażla, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-Istati Membri jinvokaw kunsiderazzjonijiet sabiex jaħarbu mill-organizzazzjoni ta’ din il-proċedura.

92.

F’kull każ, inqis li l-ġustifikazzjoni msejsa fuq il-protezzjoni taċ-ċertezza legali, invokata mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u mill-gvern Taljan, teħtieġ evalwazzjoni għal kull każ partikolari, li tippermetti li jiġi pprovat, permezz ta’ elementi konkreti, li d-detentur tal-awtorizzazzjoni seta’ kellu l-aspettattiva leġittima li l-awtorizzazzjoni tiegħu tiġġedded u li huwa għamel l-investimenti korrispondenti.

93.

Din il-ġustifikazzjoni ma tistax għalhekk tiġi validament invokata insostenn ta’ estensjoni awtomatika, bħalma hija dik stabbilita mil-leġiżlatur Taljan, li tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-konċessjonijiet kollha ta’ beni pubbliċi marittimi u tal-għadajjar.

94.

Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija kontradetta mis-sentenza ASM Brescia ( 18 ), li tikkonċerna każ partikolari ta’ applikazzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ konċessjoni ta’ servizzi fir-rigward tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

95.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-imsemmi prinċipju jista’ jimponi li r-rexissjoni ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-gass, tkun akkumpanjata minn perijodu tranżitorju, b’kunsiderazzjoni kemm tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku kif ukoll tal-aspetti ekonomiċi.

96.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet inkunsiderazzjoni sensiela ta’ elementi, jiġifieri, fl-ewwel lok, li d-direttivi tal-Unjoni ma kinux qed iqajmu l-kwistjoni tal-konċessjonijiet eżistenti ta’ distribuzzjoni tal-gass; fit-tieni lok, li l-konċessjoni kienet ġiet attribwita fl-1984 b’effetti sal-2029, bl-antiċipazzjoni għalhekk tat-twettiq tagħha; u fl-aħħar nett, fit-tielet lok, li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, filwaqt li fiż-żmien meta l-konċessjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienet ġiet attribwita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx għadha ddeċidiet li ċerti kuntratti b’interess transkonfinali setgħu jiġu suġġetti għal obbligi ta’ trasparenza abbażi tad-dritt primarju ( 19 ).

97.

Issa, ebda waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza abbażi tal-prinċipju taċ-ċertezza legali ma tikkaratterizza t-tilwim fil-kawżi prinċipali.

98.

Fil-fatt, l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li jikkonċernaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi-rikreattivi f’żoni pubbliċi marittimi u tal-għadajjar, ingħataw fl-2004 u fl-2006, fi żmien meta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fil-qasam tal-konċessjonijiet, kienet diġà stabbilita sewwa ( 20 ). L-atti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu jistabbilixxu espliċitament id-data tal-iskadenza tagħhom għall-2010, biex b’hekk jippermettu lid-detenturi tagħhom jistabbilixxu l-ammont tal-investimenti tagħhom abbażi ta’ perijodu ta’ ammortizzazzjoni magħruf minn qabel.

99.

Is-soluzzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ASM Brescia ( 21 ), ibbażata fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali, ma tistax għalhekk tiġi trasposta għat-tilwim fil-kawżi prinċipali.

100.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi b’mod awtomatiku d-data tal-iskadenza tal-awtorizzazzjonijiet relatati mal-operat ta’ proprjetà pubblika marittima u tal-għadajjar.

L-effett tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali

101.

F’dak li jikkonċerna l-effett tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, irrid infakkar li l-qrati nazzjonali huma marbuta bl-obbligu tal-interpretazzjoni konformi.

102.

Dan l-obbligu ma huwiex limitat għall-analiżi tad-dispożizzjonijiet interni introdotti fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/123, iżda jitlob it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali fit-totalità tiegħu, sabiex jiġi evalwat f’liema miżura dan tal-aħħar jista’ jkun reċettiv ta’ applikazzjoni li ma twassalx għal riżultat li jmur kontra dak previst mill-imsemmija direttiva ( 22 ).

103.

Dan japplika iktar meta l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet interni li ġew speċifikament introdotti għat-traspożizzjoni ta’ direttiva. L-imsemmija qorti għandha tippreżumi f’dan ir-rigward, li l-Istat Membru kellu l-intenzjoni jeżegwixxi b’mod sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva kkonċernata ( 23 ).

104.

Fil-fehma tiegħi, meta, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju interpretattiv, il-qorti nazzjonali jkollha quddiemha kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2006/123 u dawk li jirregolaw qasam speċifiku, għandha ssolvi dan il-kunflitt billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tad-Direttiva 2006/123.

105.

Dan wara kollox jirriżulta mill-punt 1.2.1 tal-manwal għall-implementazzjoni tad-direttiva “servizzi” ( 24 ), li jippreċiża li jekk l-Istati Membri jagħżlu li jittrasponu d-Direttiva 2006/123 jew xi wħud mill-artikoli tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura orizzontali — kif inhu l-każ fl-Italja — għandhom jaċċertaw li tali leġiżlazzjoni orizzontali jkollha prevalenza fuq il-liġi speċifika. Barra minn hekk, skont il-punt 6.1 ta’ dan il-manwal, id-dispożizzjonijiet relatati mal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, fid-dawl tar-rwol trasversali tagħhom, għandhom jiġu inkorporati fil-leġiżlazzjoni orizzontali.

106.

Għalhekk, fil-kawżi preżenti, il-qrati Taljani huma marbuta jinterpretaw id-dritt intern, sakemm dan ikun possibbli, b’mod li jiżgura li l-Artikolu 16 tad-digriet leġiżlattiv Nru 59/2010, li jittrasponi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, jipprevali fuq il-leġiżlazzjoni speċifika relatata mal-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika marittima u tal-għadajjar.

107.

Din il-kunsiderazzjoni hija iktar importanti fil-kawżi preżenti, peress li kif tindika l-qorti tar-rinviju fil-kawża C-67/15, l-estensjoni mogħtija mil-leġiżlatur Taljan twassal sabiex l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, għalkemm formalment trasposta mil-leġiżlatur, tirriskja fir-realtà li ma tiġix applikata fil-qasam tal-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika, minħabba l-intervent ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

108.

F’kull każ, nosserva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 jikkonfermaw l-obbligi li diġà jirriżultaw mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE fil-qasam tal-għoti ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet li jirrigwardaw lil attivitajiet ta’ servizzi.

109.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-libertajiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE għandhom effett dirett, fis-sens li jistgħu jiġu direttament invokati f’tilwima li tinvolvi relazzjonijiet kuntrattwali, sabiex tippermetti l-ftuħ għall-kompetizzjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi ( 25 ).

110.

L-istess effett dirett għandu, għalhekk, jiġi rrikonoxxut lill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, li jimplementa dawn il-prinċipji.

Dwar l-interpretazzjoni, sussidjarjament, tal-Artikolu 49 TFUE

111.

Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi li tgħid li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 jipprekludi l-estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, ma huwiex meħtieġ li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kkonċernati mid-domandi preliminari.

112.

Madankollu, sussidjarjament, irrid nenfasizza li, fl-ipoteżi fejn id-Direttiva 2006/123 ma tkunx applikabbli, għar-raġuni li l-atti kkonċernati jkunu jikkostitwixxu konċessjonijiet ta’ servizzi, l-estensjoni tagħhom tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tal-Artikolu 49 TFUE.

113.

Infakkar li l-awtoritajiet pubbliċi, meta jagħtu konċessjonijiet ta’ servizzi ta’ natura li jinteressaw lil operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jidher li huwa l-każ fil-kawżi preżenti ( 26 ), huma marbuta li josservaw ir-regoli fundamentali tat-trattati, b’mod partikolari l-Artikolu 49 TFUE, inkluż l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom ( 27 ).

114.

Dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jaħarbu minn dawn ir-rekwiżiti billi jiddeċiedu li jestendu awtomatikament l-iskadenza tal-konċessjonijiet li kienu ngħataw mingħajr l-ebda trasparenza. Miżura nazzjonali li twassal għall-posponiment tal-attribuzzjoni ta’ konċessjoni ġdida permezz ta’ proċedura trasparenti, fil-fatt tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li fil-prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 49 TFUE ( 28 ). Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali miżura nazzjonali tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta maċ-ċertezza legali, huwa ċar li l-kundizzjonijiet li tirrikjedi din is-soluzzjoni ma humiex issodisfatti fil-kawżi preżenti ( 29 ).

Konklużjoni

115.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tar-reġjun tal-Lombardija) u mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (qorti amministrattiva reġjonali tar-reġjun ta’ Sardegna):

L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli testendi b’mod awtomatiku d-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjonijiet relatati mal-operat tal-proprjetà pubblika marittima u tal-għadajjar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) L-istess problematika tqajmet fil-kawża Regione autonoma della Sardegna (C‑449/15), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 59) kif ukoll Efir (C‑19/12, EU:C:2013:148, punt 27).

( 5 ) Sentenza Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Sentenza Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1996:205, punt 18) u UPC DTH (C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 63). Ara, għall-analiżi ta’ din il-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:159, punt 12).

( 8 ) C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 37 u 38. L-istess soluzzjoni, f’dak li jikkonċerna l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123, ġiet proposta mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2015:619, punt 73), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 9 ) Sentenzi Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641) kif ukoll Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843).

( 10 ) Inħossni liberu li nirreferi għall-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:472) kif ukoll għall-punti 49 sa 57 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505).

( 11 ) Ara l-premessa 57 tad-Direttiva 2006/123.

( 12 ) Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 tal-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar konċessjonijiet taħt id-dritt Komunitarju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2000, C 121, p. 2).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 33). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża BFI Holding (C‑360/96, EU:C:1998:71) kif ukoll dawk tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża RI.SAN. (C‑108/98, EU:C:1999:161, punt 50).

( 14 ) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, p. 1), għalkemm inapplikabbli għall-kawżi preżenti ratione temporis, tista’ sservi bħala sors ta’ ispirazzjoni għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konċessjoni ta’ servizzi”.

( 15 ) Sentenzi Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punti 4649); Engelmann (C‑64/08, EU:C:2010:506, punti 52 sa 54); u Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 33).

( 16 ) Ara, fir-rigward ta’ konċessjoni ta’ servizzi, is-sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) u fir-rigward ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni, is-sentenza Engelmann (C‑64/08, EU:C:2010:506, punti 4651 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) L-istess kunsiderazzjonijiet jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi li l-perijodu ta’ awtorizzazzjoni għandu jiġi ġġustifikat permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-ħtieġa, b’mod partikolari, tal-operatur partikolari li jammortizza l-investimenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Engelmann (C‑64/08, EU:C:2010:506, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) C‑347/06, EU:C:2008:416. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, għal “ċirkostanza oġġettiva”, jirriżulta mir-raġunament sussegwenti li l-kwistjoni hija waħda ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 38).

( 19 ) Sentenza ASM Brescia (C‑347/06, EU:C:2008:416, punti 67 sa 71). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 40).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punti 60 sa 62).

( 21 ) C‑347/06, EU:C:2008:416.

( 22 ) Sentenzi Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8) u Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38).

( 23 ) Sentenza Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Għalkemm ma jikkostitwixxix att vinkolanti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà bbażat ir-raġunament tagħha fuq dan il-manwal fis-sentenza Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punti 32, 57 u 73).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punti 60 sa 62); ASM Brescia (C‑347/06, EU:C:2008:416, punti 69 sa 70); kif ukoll Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 40).

( 26 ) Il-qorti tar-rinviju, fil-kawża C‑458/14, tosserva li l-konċessjoni inkwistjoni tippreżenta interess transkonfinali ċert, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika tal-proprjetà u tal-valur ekonomiku tal-konċessjoni.

( 27 ) Sentenzi Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punti 60 sa 62); Coname (C‑231/03, EU:C:2005:487, punti 16 sa 19); Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punti 46 sa 48); Wall (C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 33); Engelmann (C‑64/08, EU:C:2010:506, punti 51 sa 53); u Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 33).

( 28 ) Sentenza ASM Brescia (C‑347/06, EU:C:2008:416, punt 63).

( 29 ) Ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top