EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CC0377
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 19 November 2015.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2015.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2015.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:769
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑377/14
Ernst Georg Radlinger
Helena Radlingerová
vs
FINWAY a.s.
[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga, ir‑Repubblika Ċeka)]
“Direttiva 93/13/KE — Direttiva 2008/48/KE — Regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw proċeduri ta’ insolvenza — Obbligu ta’ qorti nazzjonali li teżamina ex officio kwistjonijiet relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fi proċeduri ta’ insolvenza — Tifsira ta’ “ammont totali tal-kreditu” — Kalkolu tar-rata perċentwali annwali — Klawżoli inġusti fi ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumatur — Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli penali — Konsegwenzi ta’ konstatazzjoni ta’ natura inġusta kumulattiva”
1. |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda rikors inċidentali magħmul minn debituri fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza. ( 2 ). Id-djun li wasslu għal din il-kawża joriġinaw mill-inabbiltà tad-debituri li jissodisfaw l-impenji tagħhom taħt ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur. F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga) tistaqsi dwar jekk regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw tali proċeduri, li jipprekluduha milli tikkunsidra jekk id-debituri jibbenefikawx mir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fid-Direttiva 93/13 ( 3 ) u d-Direttiva 2008/48 ( 4 ), humiex konsistenti mid-dritt tal-Unjoni. Essenzjalment hija tistaqsi sa liema punt hija għandha l-obbligu teżamina dawk id-dispożizzjonijiet ex officio, jekk l-obbligu tal-kredituri li jipprovdu informazzjoni skont id-Direttiva 2008/48 għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, kif għandhom jiġu evalwati l-penalitajiet taħt il-ftehim ta’ kreditu fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, u x’effetti għandu jkun hemm jekk jirriżulta li dawn il-penalitajiet, b’mod kumulattiv, huma inġusti. |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/13
2. |
Id-Direttiva 93/13 tapplika għal klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ( 5 ). L-għanijiet tad-Direttiva 93/13 jinkludu li jiġi żgurat li kuntratti mal-konsumatur ma jinkludux klawżoli inġusti, u li l-konsumaturi jiġu protetti mill-abbuż mill-poter minn bejjiegħa jew fornituri, b’mod partikolari permezz ta’ kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzjali f’kuntratti ( 6 ). Meta klawżola kuntrattwali ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, din għandha titqies inġusta “jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur” ( 7 ). Klawżoli abbozzati minn qabel, li l-konsumatur ma setax jinfluwenza għandhom dejjem jitqiesu li ma humiex “innegozjat[i] individwalment” għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) ( 8 ). L-Anness tad-Direttiva 93/13 jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu li huma inġusti ( 9 ), inkluż dawk li għandhom il-għan jew l-effett li jeżiġu li konsumatur li jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu jħallas somma għolja b’mod sproporzjonat bħala kumpens ( 10 ). |
3. |
In-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata, “billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu” ( 11 ). |
4. |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 93/13, li “klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” ( 12 ). |
5. |
L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li “fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” ( 13 ). |
Id-Direttiva 2008/48
6. |
Id-Direttiva 2008/48 ( 14 ) tarmonizza ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet li jkopru kreditu għall-konsumaturi ( 15 ). Il-premessa 10 tispjega li, minkejja li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 huwa espressament iddefinit fiha, l-Istati Membri jistgħu madankollu, skont id-dritt tal-Unjoni, japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha għal kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. L-għanijiet iddikjarati li ġejjin huma rilevanti hawnhekk: l-iżvilupp ta’ suq tal-kreditu lill-konsumaturi iktar trasparenti u effiċjenti fi ħdan is-suq intern ( 16 ); il-kisba ta’ armonizzazzjoni sħiħa filwaqt li jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha fl-Unjoni jgawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ( 17 ); li jiġi żgurat li ftehimiet ta’ kreditu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti u sabiex ikunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-ftehim ta’ kreditu, u jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni dwar ir-rata ta’ imposti perċentwali fis-sena (iktar ’il quddiem ir-“RIPS”) madwar l-Unjoni , li tagħmilha possibbli għalihom li jikkomparaw dawn ir-rati ( 18 ). |
7. |
Id-Direttiva 2008/48 tkopri ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi ( 19 ). Madankollu, ftehimiet “li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli” huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 20 ). |
8. |
Is-segwenti definizzjonijiet fl-Artikolu 3 huma rilevanti:
[...]
[...]” |
9. |
L-Artikolu 5 jimponi obbligu sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni qabel il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu. Minkejja li din id-dispożizzjoni ma hijiex, bħala tali, inkwistjoni f’din il-kawża, l-informazzjoni li tinkludi hija riflessa fil-lista obbligatorja ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehimiet ta’ kreditu fl-Artikolu 10. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar teżiġi li ftehimiet ta’ kreditu jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor. Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu ( 22 ). L-Artikolu 10(2) jelenka 22 tip ta’ informazzjoni li għandu jiġi speċifikat b’mod ċar u konċiż fi kwalunkwe ftehim ta’ kreditu. Din il-lista tinkludi: “l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self” ( 23 ). |
10. |
Sa fejn id-Direttiva 2008/48 tarmonizza ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi, l-Istati Membri huma preklużi milli jintroduċu dispożizzjonijiet diverġenti u milli jħallu konsumaturi jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom minn liġijiet nazzjonali li jimplementaw jew li jikkorrispondu ma’ din id-direttiva ( 24 ). |
11. |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2008/47 ( 25 ). |
Id-dritt nazzjonali
Il-proċeduri ta ’ insolvenza
12. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li r-regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ta’ insolvenza japplikaw b’dan il-mod. |
13. |
Individwu huwa fallut meta ma jkunx jista’ jonora l-impenji finanzjarji tiegħu iktar minn 30 jum wara li l-ħlasijiet jiġu dovuti. Debitur li ma huwiex negozjant jista’ jirrikorri għall-qorti ta’ insolvenza sabiex l-istatus ta’ falliment jiġi rivedut u riżolt permezz ta’ liberazzjoni. F’dawn il-proċeduri, il-qorti ta’ insolvenza ma tistax teżamina l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-krediti rreġistrati, anki meta jqumu kwistjonijiet irregolati bid-Direttiva 93/13 jew 2008/48, sakemm dawk il-krediti ma jkunux ikkontestati mill-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment, minn kreditur ieħor jew, eċċezzjonalment, mid-debitur innifsu. Rikors inċidentali f’dan ir-rigward għandu jsir lill-qorti ta’ insolvenza mill-parti rilevanti. |
14. |
Meta l-qorti tal-insolvenza tkun approvat ir-riżoluzzjoni ta’ insolvenza permezz ta’ liberazzjoni, debitur jista’ jippreżenta rikors inċidentali. Jekk dak ir-rikors jikkonċerna kreditu infurzabbli mhux iggarantit, il-qorti ta’ insolvenza tkun tista’ teżaminah. Madankollu, b’dan il-mod l-evalwazzjoni tal-qorti tal-insolvenza hija ristretta għal jekk il-kreditu spiċċax jew huwiex preskritt ( 26 ). Skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, il-qorti ta’ insolvenza ma tistax tinvestiga l-mertu ta’ rikors inċidentali sa fejn jirrigwarda krediti ggarantiti ( 27 ). |
Il-liġi tal-konsumaturi u l-kreditu lill-konsumatur
15. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li kwalunkwe att legali li bil-kontenut jew bil-għan tiegħu jikser jew jevita liġi jew li huwa kuntrarju għal prinċipji aċċettati ta’ moralità, huwa invalidu. |
16. |
Ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumatur għandhom ikunu bil-miktub u l-kreditur għandu jinkludi, inter alia, informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ kreditu u r-RIPS mitluba. In-nuqqas li jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti ma jrendix il-ftehim ta’ kreditu invalidu fl-intier tiegħu ( 28 ). Madankollu, meta l-konsumatur jibbaża ruħu fuq dan il-fatt kontra l-kreditur, l-interessi jitqiesu li kienu pagabbli fuq il-ftehim ta’ kreditu mid-data meta kien konkluż bir-rata ta’ skont applikabbli dak iż-żmien ippubblikata mill-bank nazzjonali Ċek; u kwalunkwe arranġamenti oħrajn fir-rigward ta’ ħlasijiet fil-ftehim ta’ kreditu jitqiesu invalidi ( 29 ). |
17. |
Arranġamenti f’kuntratti mal-konsumaturi li, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fede, jinvolvu żbilanċ kbir fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur huma invalidi ( 30 ). |
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
18. |
Fid-29 ta’ Awwissu 2011, Ernst Radlinger u Helena Radlingerová (iktar ’il quddiem “il-koppja Radlinger” jew “il-konsumaturi” jew “id-debituri”) ikkonkludew ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur ma’ Smart Hypo (“is-sellief”). Skont dan il-ftehim, Smart Hypo tat self ta’ CZK 1170000 (EUR 43205) ( 31 ). Min-naħa tagħhom, il-koppja Radlinger qablu li jħallsu lura s-somma ta’ CZK 2958000 (EUR 109231) f’120 pagament ta’ CZK 24375 (EUR 900) pagabbli fl-20 ta’ kull xahar (apparti l-ewwel pagament li kellu jitħallas fil-31 ta’ Awwissu 2011 u spejjeż ta’ CZK 33000: dawn l-ammonti tnaqqsu mis-somma prinċipali mislufa). Is-somma ta’ CZK 2958000 kienet tinkludi li ġej: (i) is-somma prinċipali ta’ CZK 1170000; (ii) interessi imposti bir-rata ta’ 10 % fis-sena fuq is-somma prinċipali għat-tul tal-ftehim ta’ kreditu (li wkoll jammonta għal CZK 1170000); (iii) miżati pagabbli lis-sellief li jammontaw għal CZK 585000 (EUR 21602); u (iv) l-ispejjeż indikati iktar ’il fuq ( 32 ). Mill-pjan ta’ pagament taħt il-ftehim irriżulta li l-pagamenti tal-koppja Radlinger kienu fil-fatt ser imorru għall-ħlas tal-ispejjeż, tal-interessi u tal-miżati tas-sellief bejn il-31 ta’ Awwissu 2011 u l-20 ta’ Lulju 2017. Kien biss mit-73 pagament mensili li huma kellhom jibdew iħallsu lura s-somma prinċipali. Ir-RIPS kienet ikkwantifikata bħala 28.9 % ( 33 ). |
19. |
Fl-istess ħin, il-koppja Radlinger qablet li tiggarantixxi s-self kif ġej: (i) permezz ta’ ipoteka fuq id-dar matrimonjali u l-art tagħhom; (ii) billi jagħmlu arranġamenti sabiex ikun hemm assigurazzjoni fuq din il-proprjetà b’mod li, jekk iseħħ l-avveniment assigurabbli, kwalunkwe benefiċċji jitħallsu direttament lis-sellief; u (iii) permezz ta’ att notarili li kien jinkludi klawżola fir-rigward tal-inforzabbiltà immedjata tad-dejn. |
20. |
Minbarra l-interessi moratorji li tipprovdi l-liġi, fil-ftehim ta’ kreditu l-koppja Radlinger intrabtu wkoll li jħallsu lis-sellief penalità kuntrattwali ta’ 0.2 % tas-somma prinċipali għal kull jum jew parti minn jum ta’ inadempjenza fil-ħlas ta’ din is-somma, tal-miżati tas-sellief jew tal-interessi. Fil-każ ta’ inadempjenza li taqbeż xahar, huma qablu wkoll li jħallsu multa kuntrattwali waħda ta’ CZK 117000 (EUR 4320) u somma f’daqqa ta’ CZK 50000 (EUR 1846) għall-ispejjeż tas-sellief sabiex jieħu lura l-ammonti dovuti, li ma kinitx tinkludi spejjeż ta’ arbitraġġ jew l-ispejjeż ta’ proċeduri fil-qorti jew ta’ rappreżentanza legali ( 34 ). |
21. |
Jekk il-koppja Radlinger ikunu inadempjenti fil-pagamenti jew jekk is-sellief jiskopri li huma kienu taw informazzjoni falza jew qarrieqa ħafna, jew ma pprovdewx informazzjoni importanti fl-applikazzjoni għall-kreditu, is-sellief seta’ jitlob il-ħlas lura b’mod immedjat tas-somma prinċipali u l-ispejjeż assoċjati elenkati fil-ftehim ta’ kreditu. Barra minn hekk, il-penalitajiet kuntrattwali u l-interessi moratorji jsiru pagabbli. |
22. |
Fis-27 ta’ Settembru 2011, is-sellief innotifika lill-koppja Radlinger li huwa sar jaf li huma ma kinux ipprovdew informazzjoni li tindika li l-proprjetà tagħhom preċedentement kienet suġġetta għal ordni ta’ infurzar. Din l-ordni kienet għall-ammont ta’ CZK 4285 (EUR 158). Madankollu, abbażi ta’ dan il-fatt is-sellief talab il-ħlas lura tad-dejn kollu b’mod immedjat. B’ittra tad-19 ta’ Novembru 2012, is-sellief tenna t-talba tiegħu, filwaqt li ddikjara li l-pagamenti tal-koppja Radlinger taħt il-ftehim ta’ kreditu kienu irregolari u tard. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-koppja Radlinger ma kinux inadempjenti sa Diċembru 2012. |
23. |
FINWAY a.s. (iktar ’il quddiem “Finway” jew “il-kreditriċi”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, sussegwentement ħadet f’idejha dawn it-talbiet minn Smart Hypo. |
24. |
Fis-26 ta’ April 2013, il-qorti tar-rinviju ddikjarat lill-koppja Radlinger falluti, appuntat amministratur ta’ proċedura ta’ falliment u talbet lill-kredituri sabiex jirreġistraw il-krediti tagħhom. Fit-23 ta’ Mejju 2013, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza, Finway irreġistrat żewġ krediti infurzabbli. L-ewwel waħda kienet kreditu ggarantit ta’ CZK 3045991 (EUR 112480). It-tieni waħda kienet kreditu mhux iggarantit fl-ammont ta’ CZK 1359540 (EUR 50204), li jirrappreżenta l-penalità kuntrattwali għal inadempjenza fil-pagamenti bir-rata ta’ 0.2 % kuljum mit-23 ta’ Settembru 2011 sal-25 ta’ April 2013. |
25. |
Fit-3 ta’ Lulju 2013, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżami mill-ġdid, il-koppja Radlinger aċċettaw li l-krediti kienu infurzabbli, iżda kkontestaw l-ammonti tal-krediti kemm iggarantiti kif ukoll mhux iggarantiti abbażi tal-fatt li l-klawżoli tal-ftehim ta’ kreditu oriġinali kienu kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità. Huma jargumentaw li l-ammont li huma għandhom iħallsu (CZK 1496801 (EUR 55272.70) huwa sostanzjalment inqas mill-krediti rreġistrati ta’ Finway. L-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment ma kkontestax it-talba ta’ Finway. |
26. |
B’ordni tat-23 ta’ Lulju 2013, il-qorti tar-rinviju approvat il-liberazzjoni mill-falliment tal-koppja Radlinger abbażi ta’ pjan ta’ pagamenti. L-għada, il-koppja Radlinger ippreżentat rikors inċidentali intiż għal dikjarazzjoni li l-krediti rreġistrati ta’ Finway ma humiex leġittimi għaliex huma kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità. |
27. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li r-regoli nazzjonali li jirregolaw proċeduri ta’ insolvenza jipprekluduha milli teżamina l-mertu tar-rikors inċidentali tal-koppja Radlinger. Taħt dawk ir-regoli, tali rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati biss f’każijiet meta r-riżoluzzjoni tal-falliment tad-debitur fil-forma ta’ liberazzjoni hija approvata mill-qorti ta’ insolvenza. Hawnhekk, ir-regoli nazzjonali jipprekludu totalment lill-koppja Radlinger milli jippreżentaw rikors inċidentali kontra l-kreditu ggarantit. Għalhekk, din il-parti tar-rikors għandha tiġi miċħuda. Madankollu, ir-regoli nazzjonali jagħtu possibbiltà lil debitur li jippreżenta rikors inċidentali fir-rigward tal-kreditu mhux iggarantit. |
28. |
Sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors inċidentali tal-koppja Radlinger, il-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga) titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domandi mqassra li ġejjin:
|
29. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-koppja Radlinger, Finway, mill-gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tal-15 ta’ Lulju 2015, il-Ġermanja u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali. |
Analiżi
L-ewwel domanda
30. |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk regoli nazzjonali li jirregolaw proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ dejn li joriġina minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, li (i) jirrikjedu li d-debitur jagħmel rikors inċidentali għall-proċeduri ta’ insolvenza prinċipali sabiex jevalwa l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-kreditu; u (ii) jirrestrinġu d-dritt tiegħu li jitlob eżami mill-ġdid ta’ dawk il-krediti, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 93/13 u d-Direttiva 2008/48. B’implikazzjoni, dan iqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ jekk tali regoli humiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività ( 35 ). |
31. |
Ser nibda billi nqis il-pożizzjoni fir-rigward tad-Direttiva 93/13, li tistabbilixxi sistema li tipproteġi u tipprekludi lill-konsumaturi milli jintrabtu bi klawżoli kuntrattwali inġusti u tirrikjedi lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jeżistu mezzi xierqa u effettivi sabiex jipprevjenu li tali klawżoli jibqgħu jintużaw f’kuntratti mal-konsumatur ( 36 ). Ma huwiex ikkontestat li l-koppja Radlinger huma konsumaturi u li s-sellief huwa fornitur għall-finijiet ta’ din id-direttiva. |
32. |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju tiddikjara fid-deċiżjoni tar-rinviju li qorti adita bi proċeduri ta’ insolvenza ma tistax teżamina l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ krediti fuq l-ebda bażi, sakemm il-persuna kkonċernata – l-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment, il-kreditur jew (bħal f’dan il-każ) id-debitur – ma tippreżentax rikors inċidentali. Din il-pożizzjoni ma hijiex differenti meta l-proċeduri ta’ insolvenza jikkonċernaw djun li joriġinaw minn kuntratt mal-konsumatur. B’hekk, ma hemm l-ebda informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tissuġġerixxi li regoli proċedurali nazzjonali li jirrikjedu lil debitur li jippreżenta rikors inċidentali – sabiex, pereżempju, jikkontesta l-validità ta’ kreditu ta’ kreditur peress li l-kuntratt li minnu joħroġ dan il-kreditu huwa inkompatibbli mar-regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni – huma inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili oħra. |
33. |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hija ġurisprudenza stabbilita li kull każ fejn tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi analizzat b’riferiment għall-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u n-natura speċifika tagħha, meħuda f’daqqa, quddiem il-varji istanzi nazzjonali ( 37 ). Għal dawk il-finijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura ( 38 ). |
34. |
Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali inkwistjoni, huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-qorti ta’ insolvenza sabiex teżamina l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-krediti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, u dawn ir-regoli jagħmluha eċċessivament diffiċli lil debitur li huwa konsumatur sabiex jikkontesta kreditu rreġistrat? |
35. |
Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, taħt dawk ir-regoli, hija prekluża fil-proċeduri inċidentali milli teżamina l-leġittimità tal-ewwel kreditu (fl-ammont ta’ CZK 3045991) għaliex dan il-kreditu huwa ggarantit. Hija tista’ teżamina r-rikors inċidentali fir-rigward tat-tieni kreditu (fl-ammont ta’ CZK 1359540), peress li dan il-kreditu huwa infurzabbli u mhux iggarantit. Madankollu, din l-evalwazzjoni hija suġġetta għal restrizzjonijiet sinjifikattivi. Tali krediti mhux iggarantiti jistgħu jiġu evalwati biss abbażi tal-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni li fihom huma stabbiliti, u d-debituri huma ristretti li jikkontestawhom biss abbażi tal-fatt li l-kreditu skada jew huwa preskritt ( 39 ). |
36. |
B’riżultat ta’ din in-natura partikolari, huwa impossibbli għal debituri fil-pożizzjoni tal-koppja Radlinger li jikkontestaw krediti ggarantiti. B’mod partikolari, meta krediti ggarantiti jikkonċernaw djun li ġejjin minn ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumatur, la l-validità tal-kreditu u lanqas il-kalkolu tas-somma dovuta ma jistgħu jiġu kkontestati. Il-kwistjoni ta’ jekk il-kuntratt li jwassal għad-dejn huwiex kompatibbli mar-regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni hija fundamentali sabiex jiġu stabbiliti speċifikament dawk iż-żewġ punti. Meta r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma ġewx osservati, il-konsegwenza taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandha tkun li l-klawżoli fil-kuntratt li jwassal għad-dejn jitqiesu inġusti u ma jorbtux lill-konsumatur. Iżda regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprekludu lill-qorti adita milli tagħmel l-evalwazzjoni neċessarja u jipprekludu lid-debitur innifsu milli jressaq azzjoni. |
37. |
Dan għalija jidher li huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-effettività. |
38. |
Fir-rigward tal-krediti infurzabbli mhux iggarantiti, jidher li, jekk ma huwiex impossibbli, ċertament huwa eċċessivament diffiċli għal debituri sabiex jikkontestaw il-leġittimità ta’ tali krediti abbażi tal-fatt li l-oriġini tad-dejn insolventi (il-kuntratt mal-konsumatur) huwa inkompatibbli mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni. Minkejja li huwa minnu li d-debituri jistgħu jippreżentaw rikorsi inċidentali li jikkontestaw il-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ tali krediti (din tal-aħħar ma tidhirx li hija rilevanti f’dan il-każ), ir-raġunijiet li abbażi tagħhom jistgħu jagħmlu dan huma limitati. Ir-regoli nazzjonali rilevanti ma jipprovdux għall-qorti nnifisha sabiex teżamina l-validità, jew l-ammont ta’ krediti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, u d-debituri huma limitati sabiex jargumentaw li l-krediti infurzabbli mhux iggarantiti skadew jew huma preskritti. Jidhirli li tali regoli fil-fatt jipprekludu lil konsumaturi li huma debituri milli jikkontestaw il-validità jew l-ammont ta’ tali krediti mhux iggarantiti meta dawk il-krediti jkunu bbażati fuq klawżoli li huma espressament ipprojbiti mid-Direttiva 93/13 ( 40 ). |
39. |
B’hekk nikkonkludi li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regoli proċedurali nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li: (i) jipprekludu qorti ta’ insolvenza meta tiddeċiedi dwar rikors inċidentali sabiex teżamina ex officio l-validità, l-ammont jew il-gradazzjoni ta’ krediti infurzabbli mhux iggarantiti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur; (ii) jipprekludu tali qorti milli teżamina ex officio l-leġittimità ta’ kreditu ggarantit; u (iii) jagħmluha impossibbli u/jew eċċessivament diffiċli għal konsumatur li huwa debitur sabiex jikkontesta kreditu infurzabbli mhux iggarantit, meta tali krediti jkunu ġejjin minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, minkejja li l-qorti ta’ insolvenza għandha l-elementi legali u fattwali neċessarji għal dak ir-rwol fid-dispożizzjoni tagħha. |
40. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni humiex preklużi mill-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48. Fl-opinjoni tiegħi ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal dan l-aspett tal-ewwel domanda. L-Artikolu 22(2) jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplementa jew tikkorrispondi għad-Direttiva 2008/48. Ma hemm xejn fir-regoli nazzjonali deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju li jirregolaw is-sitwazzjoni meta konsumatur iċedi d-drittijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 22(2) jidher li huwa rilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, ma hemm ebda indikazzjoni fid-deskrizzjoni tal-fatti mill-qorti tar-rinviju li l-koppja Radlinger ċedew id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48 ma jidhirx li għandu impatt fuq il-kwistjoni ta’ jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni humiex preklużi mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. |
It-tieni domanda
41. |
Fit-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, il-qrati nazzjonali għandhom jeżaminaw ex officio jekk kreditur naqas milli jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, anki meta d-debitur innifsu ma jibbażax ruħu fuq din ir-raġuni? It-tieni nett, jekk il-kreditur fil-fatt naqas milli jipprovdi din l-informazzjoni, il-ftehim ta’ kreditu huwa għalhekk invalidu kif previst taħt il-liġi nazzjonali? |
42. |
Qabel ma neżamina dawn id-domandi nfakkar li taħt il-ftehim ta’ kreditu fil-kawża prinċipali, il-koppja Radlinger qablu li jieħdu self iggarantit u li l-proċeduri ta’ insolvenza sussegwenti jirrigwardaw żewġ krediti fir-rigward ta’ dan id-dejn. L-ewwel kreditu (CZK 3045991) huwa ggarantit bi tliet modi, inkluż garanzija fil-forma ta’ ipoteka. It-tieni kreditu (CZK 1359540) jikkonsisti f’penalitajiet kuntrattwali imposti taħt il-ftehim ta’ kreditu b’riżultat tal-inadempjenza tal-koppja Radlinger. |
43. |
Huwa l-ftehim ta’ kreditu nnifsu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, iktar milli d-djun li jirriżultaw jew il-krediti tal-kreditur. Madankollu, ftehimiet ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 (Artikolu 2(2)(a)). Il-Kummissjoni tiddikjara fl-osservazzjonijiet tagħha li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni huma usa’ mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/48, peress li huma jkopru wkoll ftehimiet ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka. Din il-pożizzjoni ma hijiex inkonsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 2008/48. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu, skont id-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi ma’ wħud mid-dispożizzjonijiet, jew mad-dispożizzjonijiet kollha, tad-Direttiva 2008/48, li tkopri ftehimiet ta’ kreditu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 41 ). |
44. |
Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-bżonn ta’ rinviju u r-rilevanza tad-domandi magħmula ( 42 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari biss jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 43 ). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. B’hekk, minn tal-inqas, ma huwiex manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tistax tkun rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-ewwel kreditu ( 44 ). |
45. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha għalhekk tiġi applikata skont id-Direttiva 2008/48 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
46. |
F’dan il-każ, ma tagħmilx differenza għall-analiżi jekk il-ftehim ta’ kreditu li minnu joriġina d-dejn iggarantit kienx jaqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 fl-assenza tar-regoli ta’ implementazzjoni tar-Repubblika Ċeka, u jekk id-dejn mhux iggarantit kienx ikun irregolat minn din id-direttiva. Huwa għalhekk aħjar li dawk il-kwistjonijiet jitħallew miftuħa sabiex jiġu evalwati f’każ fil-futur meta jkunu rilevanti. |
47. |
Insegwitu, nosserva li l-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 jinkludi lista ta’ 22 tip ta’ informazzjoni li għandu jiġi ppreċiżat fi ftehim ta’ kreditu. Huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk qrati nazzjonali għandhomx jagħmlu evalwazzjoni ex officio fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn it-tipi? |
48. |
L-iskema leġiżlattiva tad-Direttiva 2008/48 tipprovdi li l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni kemm qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu kif ukoll fil-ftehim innifsu ( 45 ). L-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10 (“Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”) tirrifletti d-dsatax-il tip ta’ informazzjoni speċifikat fl-Artikolu 5 (“Informazzjoni prekuntrattwali”) u l-għanijiet taż-żewġ dispożizzjonijiet huma li jiġi żgurat li l-konsumatur ikun totalment informat ( 46 ). |
49. |
Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tixtieq tkun taf jekk qrati nazzjonali għandhomx jevalwaw ex officio jekk l-obbligu fl-Artikolu 10(2)(d) sabiex il-konsumatur jiġi informat bl-“ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self” ġiex issodisfatt. Il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni tan-nuqqas tas-sellief li jipprovdi dak li l-qorti nazzjonali tiddeskrivi bħala l-informazzjoni “korretta” fir-rigward tal-ammont totali tal-kreditu? Fis-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni, il-ftehim ta’ kreditu jistipula ammont ta’ kreditu li għandu jitħallas lil konsumatur, iżda taħt il-ftehim l-ispejjeż tas-sellief (pereżempju, miżati amministrattivi u l-ewwel pagamenti tal-interessi) għandhom jitnaqqsu mill-ammont tas-self u s-somom li jirrappreżentaw dawk l-ispejjeż fil-verità qatt ma jitpoġġew fid-dispożizzjoni tal-konsumatur. Meta l-ammont totali tal-kreditu jinkludi dawn l-ispejjeż, ir-RIPS tkun iktar baxxa minn meta dawk l-ispejjeż ikunu esklużi mill-ammont li fil-fatt jitħallas ( 47 ). Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi hekk qrati nazzjonali għandhomx jeżaminaw ex officio n-nuqqas ta’ kreditur li jipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-ammont totali ta’ kreditu kif jeżiġi l-Artikolu 10(2)(d). |
50. |
Din id-domanda għandha rilevanza partikolari sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali: jekk il-qorti tar-rinviju ssib li l-konsumatur ma kienx informat dwar l-ammont totali ta’ kreditu, tkun tapplika rata ta’ interessi differenti u arranġamenti oħrajn jitqiesu invalidi ( 48 ). |
51. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’numru ta’ drabi li qrati nazzjonali għandhom japplikaw ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni ex officio. Dan ir-rekwiżit “ġie ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn dawn id-direttivi hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ f’dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni u li jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari, b’nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih” ( 49 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dawn il-prinċipji (pereżempju) meta qieset id-dritt ta’ konsumatur li jfittex rimedji kontra min jagħti l-kreditu taħt l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102/EEC ( 50 ) u fir-rigward ta’ dritt ta’ konsumatur li jirtira minn kuntratt innegozjat ’il barra minn post tan-negozju ( 51 ). Fis-sentenza Faber, ( 52 ) fejn il-kwistjoni kienet jekk inkwistjoni kienx hemm garanzija li bejjiegħ għandu jagħti lil xerrej taħt kuntratt ta’ bejgħ ta’ karozza, il-qorti nazzjonali xtaqet tkun taf jekk kellhiex teżamina ex officio l-istatus tax-xerrej bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 1999/44/EC ( 53 ), minkejja l-fatt li Froukje Faber ma kinitx ibbażat ruħha fuq dan l-istatus fil-proċeduri nazzjonali. |
52. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-istess prinċipji jistgħu jiġu applikati b’mod utli fl-evalwazzjoni ta’ jekk regoli proċedurali nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmlux l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Fi kliem ieħor: dawn ir-regoli nazzjonali huma kompatibbli mal-prinċipju tal-effettività? ( 54 ) |
53. |
Mid-deskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju tar-regoli proċedurali li jirregolaw proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza jidher li qrati nazzjonali ma jistgħux jevalwaw jekk ġiex issodisfat ir-rekwiżit li kredituri għandhom jipprovdu lil konsumaturi li huma debituri l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2)(d). Jidher ukoll li l-koppja Radlinger innifishom ma setgħux iqajmu din il-kwistjoni. |
54. |
Konsumaturi għandhom bżonn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2)(d): (i) sabiex ikunu jistgħu jevalwaw l-ammont li qegħdin iħallsu għall-kreditu; (ii) sabiex jistabbilixxu jekk jistgħux isibu offerta aħjar xi mkien ieħor; u (iii) sabiex jorganizzaw il-finanzi personali tagħhom bil-għan li jevitaw id-diżabbiltajiet u l-inkonvenjenzi li jinvolvi l-istatus ta’ falliment. Dawn l-elementi huma konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2008/48 li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u sabiex jinħoloq suq intern ġenwin ( 55 ). Informazzjoni dwar l-ammont totali tal-kreditu hija rilevanti għall-kalkolu tar-RIPS taħt ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur ( 56 ). Li jista’ jkun anki ta’ importanza iktar immedjata lill-konsumatur huma l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu: kemm flus ser jitpoġġew fid-dispożizzjoni tiegħu taħt il-ftehim ta’ kreditu? |
55. |
Jekk regoli proċedurali nazzjonali jipprekludu konsumatur li sar debitur milli jqajjem in-nuqqas ta’ kreditur li jipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 10(2)(d), il-konsumatur jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2008/48. |
56. |
Il-kwistjoni ta’ jekk din l-informazzjoni ġietx ipproduta jew le f’din il-kawża tista’ taffettwa l-validità tal-kreditu tal-kreditur kif ukoll tal-ammont tar-responsabbiltà tad-debitur. Jekk il-qorti adita ma tistax teżamina din il-kwistjoni, hija ma tistax tiddetermina jekk il-krediti li ġejjin mill-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur jaqgħux fi ħdan ir-regoli nazzjonali (usa’) li jimplementaw id-Direttiva 2008/48. Lanqas ma tista’ tapplika regoli nazzjonali li jimponu penalitajiet meta kreditur jonqos milli jipprovdi informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ kreditu u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self. Dawk ir-regoli nazzjonali jistgħu jwasslu sabiex ir-responsabbiltà tal-konsumatur tonqos jew anki tispiċċa. |
57. |
Minn dan isegwi li regoli proċedurali li jipprekludu qorti nazzjonali milli teżamina jekk ir-rekwiżit elenkat fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 ġiex issodisfat jimminaw l-effettività tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva. Qorti nazzjonali għandu jkollha l-possibbiltà li twettaq din l-evalwazzjoni ex officio u, fejn meħtieġ, timponi penalitajiet taħt id-dritt nazzjonali għal nuqqas ta’ konformità ( 57 ) . |
58. |
B’hekk jiena nikkonkludi li l-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali adita bi proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur għandha teżamina ex officio jekk l-informazzjoni elenkata f’din id-dispożizzjoni ġietx ipprovduta mill-kreditur lid-debitur u timponi l-penali rilevanti taħt id-dritt nazzjonali meta dan l-obbligu ma ġiex issodisfatt ( 58 ). |
Ir-raba ’ domanda
59. |
F’ċirkustanzi meta ftehim ta’ kreditu jistipula ammont ta’ kreditu li għandu jitħallas, iżda jkun miftiehem li l-krediti tas-sellief għal miżata and għall-ewwel pagament(i) ser jitnaqqsu minn dan l-ammont, b’mod li dawk l-ammonti fil-fatt qatt ma jitħallsu lill-konsumatur iżda jinżammu fid-dispożizzjoni tas-sellief: (i) x’inhu “l-ammont totali ta’ kreditu” għall-finijiet tal-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48; (ii) x’inhuma “l-ammonti ta’ ġbid ta’ kreditu” fil-formula għall-kalkolu tar-RIPS fl-Anness I għal din id-direttiva; u (iii) l-inklużjoni ta’ dawn is-somom taffettwa dan il-kalkolu? |
60. |
L-“ammont totali ta’ kreditu” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(l) bħala li jfisser “[...] il-limitu massimu jew is-somom totali disponibbli taħt ftehim ta’ kreditu”. Madankollu, it-test tad-Direttiva 2008/48 ma jiddikjarax jekk din is-somma tinkludix, minbarra l-ammont tas-self li l-konsumatur fil-fatt jirċievi, spejjeż bħal miżati amministrattivi u kwalunkwe pagamenti inizjali ta’ interessi li jinżammu mis-sellief u li qatt ma jitħallsu lill-konsumatur; jew jekk tfissirx is-somma riċevuta mill-konsumatur mingħajr dawn l-ispejjeż ( 59 ). |
61. |
Huwa paċifiku bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u l-Polonja, li l-ammont totali ta’ kreditu jfisser dan tal-aħħar. Dawk il-partijiet jaqblu wkoll li jekk l-ammont totali ta’ kreditu minflok ikun iddefinit b’mod li tali spejjeż ikunu inklużi mal-ammont li fil-fatt jitħallas lill-konsumatur, l-effett ikun li jiġi ġġenerat RIPS li tidher iktar baxxa minn dak li kieku kien jiġi ġġenerat jekk ikun ikkalkolat abbażi biss tas-somma mħallsa lill-konsumatur mingħajr l-ispejjeż. La l-koppja Radlinger u lanqas Finway ma offrew kummenti dwar dan il-punt. |
62. |
Jidhirli li t-tifsira naturali tal-espressjoni “[...] is-somom totali disponibbli taħt ftehim ta’ kreditu” ( 60 ) hija “l-ammont tas-self mingħajr l-ispejjeż tas-sellief”. Dan huwa l-ammont li fil-fatt jitħallas lill-konsumatur u b’hekk imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur sabiex jużah. Din is-somma tikkorrispondi wkoll mal-ammont tal-ġbid ta’ kreditu fil-formula għall-kalkolu tar-RIPS fl-Anness I tad-Direttiva 2008/48. |
63. |
Tali interpretazzjoni hija konsistenti wkoll mal-iskema tad-Direttiva 2008/48 sa fejn l-Artikolu 3(h) jindika li l-“ammont totali pagabbli mill-konsumatur’ tfisser is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”. Jekk l-“ammont totali tal-kreditu” jitqies li jinkludi spejjeż bħal pagamenti tal-interessi u miżati amministrattivi, dawn l-ispejjeż ikunu magħdudin darbtejn fid-determinazzjoni tal-ammont totali pagabbli mill-konsumatur – darba fid-determinazzjoni tal-“ammont totali tal-kreditu” u darba oħra fid-determinazzjoni tal-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur kif iddefinit fl-Artikolu 3(g). Dan irendi l-iskema tad-direttiva inkoerenti. |
64. |
L-ispejjeż li konsumatur jista’ jintalab iħallas taħt ftehim ta’ kreditu jistgħu jvarjaw fin-natura tagħhom u jistgħu jiġu kkalkolati minn kredituri li jużaw metodi u varjabbli differenti ( 61 ). Jekk dawn kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-RIPS, l-għanijiet tad-Direttiva 2008/48 li jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabbiltà fir-rigward tal-offerti għall-kreditu jistgħu jiġu mminati. Meta l-ispejjeż ma humiex ikkalkolati b’riferiment għal regoli uniformi, l-inklużjoni ta’ spejjeż fl-“ammont totali tal-kreditu” tagħmel paragun realistiku diffiċli jekk mhux impossibbli. Tali spejjeż għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-kalkolu tar-RIPS sabiex, preċiżament, jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabbiltà. |
65. |
Finalment, jiena nenfasizza li d-Direttiva 2008/48 hija miżura ta’ armonizzazzjoni kompleta ( 62 ). Huwa għalhekk meħtieġ li “l-ammont totali tal-kreditu” u s-somom inklużi fil-ġbid ta’ kreditu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-formula fl-Anness I ikunu interpretati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. |
66. |
B’hekk jiena nqis li “l-ammont totali tal-kreditu” fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 jirreferi għas-somom li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumatur taħt ftehim ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(l), jiġifieri s-somom li fil-fatt jitħallsu mis-sellief lill-konsumatur u b’hekk imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumatur għall-użu tiegħu, mingħajr ebda spejjeż dovuti lill-kreditur. Il-ġbid ta’ kreditu fil-formula għall-finijiet tal-kalkolu tar-RIPS fl-Anness I ta’ din id-direttiva huwa l-istess bħall-ammont totali tal-kreditu. |
It-tielet domanda
67. |
Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u d-Direttiva 2008/48 għandhomx effett dirett, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrigwardaw tilwima “orizzontali” bejn individwi. |
68. |
Jidhirli li, strettament, din id-domanda hija irrilevanti. |
69. |
Id-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi ġew trasposti fid-dritt nazzjonali. B’hekk l-ebda parti fil-kawża prinċipali ma għandha bżonn tibbaża ruħha fuqhom direttament. |
70. |
Peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn konsumatur u fornitur, l-ebda waħda mill-partijiet ma tista’ tibbaża ruħha fuq l-effett dirett tad-Direttiva 93/13 jew tad-Direttiva 2008/48. Hija madankollu ġurisprudenza stabbilita li qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ tilwima bejn individwi għandha, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, tikkunsidra r-regoli tad-dritt nazzjonali fit-totalità tagħhom u tinterpretahom, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u l-għan tad-direttiva applikabbli sabiex jintlaħaq riżultat konsistenti mal-għan imfittex minn din id-direttiva ( 63 ). |
Il-ħames u s-sitt domanda
71. |
Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tifsira tal-punt 1(e) fl-Anness tad-Direttiva 93/13. Fis-sitt domanda hija tistaqsi jekk penalitajiet kuntrattwali, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, humiex inġusti għall-finijiet ta’ din id-direttiva u, jekk dan huwa l-każ, jekk il-qrati nazzjonali għandhomx jeskludu l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kollha jew ta’ wħud minnhom biss. Jiena ser nitratta ż-żewġ domandi flimkien. |
72. |
Skont il-punt 1(e) fl-Anness tad-Direttiva 93/13, klawżoli li għandhom il-għan jew l-effett li jirrikjedu li kwalunkwe konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jħallas somma għolja b’mod sproporzjonat f’kumpens huma inġusti għall-finijiet tad-direttiva u għalhekk, skont l-Artikolu 6(1), ma għandhomx ikunu vinkolanti. |
73. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxu l-kriterji ġenerali ta’ jekk klawżoli kuntrattwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva humiex inġusti. B’din il-bażi leġiżlattiva, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk klawżola partikolari hijiex inġusta għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) ( 64 ). Kriterji rilevanti għal din l-analiżi hawnhekk jinkludu s-saħħa relattiva tal-kumpannija finanzjarja meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ negozjar tal-konsumatur u jekk il-klawżoli penali kinux klawżoli standard imfassla minn qabel li ma kinux innegozjati mal-koppja Radlinger, b’mod li huma ma kellhom ebda influwenza fuqhom ( 65 ). |
74. |
Għandu jiġi evalwat l-effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli kollha fil-ftehim ta’ kreditu, peress li huma japplikaw sakemm ma jkunux suġġetti għal kontestazzjoni legali li tirnexxi. (Madankollu, il-konsumatur jista’ ma jkunx jaf li huwa jista’ jikkontesta tali klawżoli jew ma jkunx jista’ jagħmel dan għal raġunijiet ta’ spejjeż jew għaliex ikun prekluż minn regoli proċedurali nazzjonali). |
75. |
It-tieni parti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 espressament tipprovdi li kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ikomplu jorbtu lill-partijiet “fuq dawn il-klawżoli” jekk dan il-kuntratt jista’ jkompli jeżisti “mingħajr il-klawżoli inġusti”. B’hekk, “[i]l-qrati nazzjonali huma obbligati li jeliminaw l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta bil-għan li dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma huma awtorizzati jirrevedu l-kontenut ta’ din tal-aħħar” ( 66 ). Minn dan isegwi li meta klawżoli penali huma inġusti fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, qrati nazzjonali għandhom jeskludu dawn il-klawżoli kollha u mhux biss ftit minnhom. |
76. |
Minħabba n-natura u s-sinjifikat tal-interess pubbliku li jikkostitwixxi l-bażi tal-protezzjoni mogħtija lil konsumaturi taħt id-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprovdu mezzi xierqa u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (Artikolu 7(1)). Kieku l-qrati nazzjonali setgħu jirrevedu l-kontenut tal-klawżoli inġusti inklużi f’tali kuntratti, dan ikun jista’ (paradossalment) jikkomprometti li jintlaħaq il-għan fuq żmien twil tal-Artikolu 7, “peress li timmina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi ta’ tali klawżoli inġusti” ( 67 ). |
77. |
Jekk qorti nazzjonali tkun sabet li l-klawżoli penali huma inġusti għall-finijiet tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli kollha fi ftehim iktar milli tkun ristretta l-evalwazzjoni għal dawk li s-sellief jinsisti għandhom jiġu ssodisfatti jew jiġu injorati dawk ikkunsidrati invalidi taħt id-dritt nazzjonali? |
78. |
Fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv tal-klawżoli penali. |
79. |
L-ewwel nett, din il-pożizzjoni hija konsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 93/13, li jinkludu li tiġi eradikata l-prattika ta’ inklużjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur u li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti mill-abbuż minn bejjiegħa jew fornituri li jgawdu minn pożizzjoni ta’ negozjar iktar b’saħħitha meta kkomparati mal-konsumatur ( 68 ). It-tieni nett, huwa konsistenti mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 li l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli għandha tiġi injorata fit-totalità tagħhom sabiex tiskoraġġixxi lil bejjiegħa jew fornituri u b’mod partikolari kredituri fil-qasam politikament u ekonomikament sensittiv ta’ kreditu lill-konsumatur milli jinkludu klawżoli ta’ din in-natura fi ftehimiet ta’ kreditu. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta tali klawżoli jinsabu fi klawżoli standard li ma jkunux ġew innegozjati. |
80. |
B’hekk jiena nikkonkludi li, għall-finijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 u tal-punt 1(e) tal-Anness tagħha, huwa neċessarju li l-qorti tar-rinviju tqis jekk l-effett kumulattiv tal-klawżoli penali kollha fi ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur jeħtieġx mill-konsumatur li jħallas somma għolja b’mod disproporzjonat bħala kumpens, anki meta s-sellief ma jinsistix li dawn il-klawżoli kollha għandhom jiġu ssodisfatti fit-totalità tagħhom, jew meta ċerti klawżoli penali jitqiesu li huma invalidi taħt id-dritt nazzjonali. Meta tali klawżoli jinstabu li huma inġusti, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kollha fit-totalità tagħhom għall-konsumatur. |
Konklużjoni
81. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Krajský soud v Praze (qorti reġjonali ta’ Praga) b’dan il-mod:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Nifhem li l-espressjoni “rikors inċidentali” fid-dritt Ċek tfisser rikors magħmul matul proċeduri ta’ insolvenza li għandu jiġi ddeterminat minn qorti fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri.
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
( 4 ) Direttiva 2008/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66).
( 5 ) Artikolu 1(1).
( 6 ) Ir-raba’ u d-disa’ premessa fil-preambolu tad-Direttiva 93/13.
( 7 ) Artikolu 3(1).
( 8 ) Artikolu 3(2).
( 9 ) Artikolu 3(3).
( 10 ) Punt 1(e) tal-Anness.
( 11 ) Artikolu 4(1).
( 12 ) Artikolu 6(1).
( 13 ) Artikolu 7(1).
( 14 ) Id-Direttiva 2008/48 kienet sussegwentement emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE, tal-14 ta’ Novembru 2011, li temenda Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jipprovdi assunzjonijiet addizzjonali għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta (ĠU L 296, p. 35). Madankollu, id-Direttiva 2011/90 daħlet fis-seħħ wara d-data li fiha ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur.
( 15 ) Artikolu 1.
( 16 ) Premessi 6 u 7.
( 17 ) Premessa 9.
( 18 ) Premessi 19 u 31.
( 19 ) Artikolu 2(1).
( 20 ) Artikolu 2(2)(a).
( 21 ) L-Artikolu 19(1) jipprovdi li r-RIPS għandha tiġi kkalkolata skont il-formula mniżżla fil-Parti I tal-Anness I. L-Artikolu 19(2) jiddikjara li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-RIPS meta tiġi ddeterminata l-ispiża totali tal-kreditu, ċerti spejjeż pagabbli mill-konsumatur għandhom jiġu esklużi filwaqt li ċerti spejjeż għandhom jiġu inklużi. Id-dettalji ta’ dawn il-ħlasijiet u spejjeż ma humiex rilevanti għal dan il-każ u għalhekk ma semmejthomx hawnhekk.
( 22 ) Artikolu 10(1).
( 23 ) Artikolu 10(2)(d). It-terminu “ġbid ta’ self” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2008/48. Id-definizzjoni fix-Shorter Oxford English Dictionary tinkludi “Att ta’ ġbir ta’ flus permezz ta’ self; self” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ġieli jinftiehem ukoll bħala li jirreferi għal sitwazzjoni meta self isir disponibbli u l-persuna li tissellef taċċedi għall-fondi f’numru ta’ porzjonijiet.
( 24 ) Artikolu 22(1) u (2).
( 25 ) Artikolu 23.
( 26 ) Dan it-tip ta’ kreditu huwa ttrattat bl-istess mod bħallikieku l-kreditu kien ikkontestat mill-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment (paragrafu 410(2) u (3) tal-Liġi Nru 182/2006 dwar l-insolvenza u l-modi tar-riżoluzzjoni tagħha, kif emendat bil-Liġi Nru 185/2013 “Il-Liġi dwar l-Insolvenza”).
( 27 ) Paragrafu 160(4) tal-Liġi dwar l-Insolvenza.
( 28 ) Paragrafu 6(1) tal-Liġi Nru 145/2010 dwar kreditu lill-konsumaturi u l-Anness 3 għal din il-liġi.
( 29 ) Paragrafu 8 tal-Liġi dwar kreditu lill-konsumatur.
( 30 ) Paragrafi 55(2) u 56 tal-Kodiċi Ċivili.
( 31 ) Indikajt l-ekwivalenti approssimattiv f’euro fir-rata ta’ kambju kurrenti. Bl-aritmetika tiegħi, hemm diffikultà żgħira b’dan il-kalkolu. Jekk il-ftehim kien biex jitħallsu lura 120 × CZK 24375, allura t-total tal-ħlasijiet lura kien jammonta għal CZK 2925000, u għalhekk ma kienx jinkludi l-CZK 33000 (EUR 1219).
( 32 ) Nirreferi għall-punti (ii) (iii) u (iv) bħala l-“ispejjeż assoċjati” tas-self.
( 33 ) Hija l-qorti tar-rinviju, bħala l-qorti unika li tiddeċiedi fuq il-fatti, li għandha tivverifika l-kalkolu tar-RIPS. Bl-ammonti indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju u d-definizzjonijiet fl-Artikolu 3(g), (h), (i) u (l) tad-Direttiva 2008/48, ma nistax nifhem kif wieħed jasal għal RIPS ta’ 28.9 %.
( 34 ) Jiena nirreferi għal dawn l-ammonti f’daqqa bħala “l-penalitajiet kuntrattwali”.
( 35 ) Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw ir-regoli proċedurali jew il-kundizzjonijiet li jirregolaw azzjonijiet legali intiżi li jiżguraw il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali). Dan il-prinċipju huwa suġġett għall-kundizzjoni li tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jagħmluhiex eċċessivament diffiċli sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività); ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C-618/10, EU:C:2012:349, punt 46) u tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C-32/14, EU:C:2015:637, punt 51).
( 36 ) Ara l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Ara wkoll id-digriet f’Pohotovost’ (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 41).
( 37 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza Faber (C-497/13, EU:C:2015:357, punt 43) u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’dan il-każ, jiena ssuġġerejt formulazzjoni ftit differenti għal din: “[...] jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-irwol ta’ dispożizzjoni partikolari fi proċedura u l-iżvolġiment u l-partikolaritajiet speċjali ta’ din il-proċedura, meqjusa fit-totalità tagħhom, quddiem il-korpi nazzjonali [...]”. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Faber (C-497/13, EU:C:2014:2403, punt 59).
( 38 ) Ara s-sentenza Asturcom Telecommunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 39 ) Ara l-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq.
( 40 ) Ara l-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-punt 1(1)(e) fl-Anness I tad-Direttiva 93/13.
( 41 ) Ara l-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva 2008/48, iċċitata fil-punt 6 iktar ’il fuq, u s-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punti 40 sa 43).
( 42 ) Is-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punt 48).
( 43 ) Is-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punt 49).
( 44 ) Is-sentenza SC Volksbank România (C-602/10, EU:C:2012:443, punt 50), u d-digriet Pohotovost’ (C-76/10, EU:C:2010:685, punti 33 sa 35).
( 45 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.
( 46 ) Ara l-premessi 19 u 31 fil-preambolu tad-Direttiva 2008/48.
( 47 ) Ara l-punt 59 et seq iktar ’l isfel fejn nikkunsidra r-raba’ domanda.
( 48 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.
( 49 ) Ara s-sentenza Faber (C-497/13 EU:C:2015:357), punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 50 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326). Ara wkoll is-sentenza Rampion u Godard ( C‑429/05, EU:C:2007:575, punti 60 sa 65).
( 51 ) Ara s-sentenza Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:792).
( 52 ) Ara s-sentenzi Banco Español de Crédito (C-618/10, EU:C:2012:349, punti 45 sa 57) u Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 46).
( 53 ) Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).
( 54 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 iktar ’il fuq.
( 55 ) Ara l-premessi 6, 7, 8 u 9 fil-preambolu tad-Direttiva 2008/48.
( 56 ) Ir-RIPS hija ddefinita bħala l-ispiża totali ta’ kreditu espressa bħala perċentwali annwali ta’ dan l-ammont; ara wkoll l-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2008/48.
( 57 ) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-penalitajiet humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-finijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48. Mill-informazzjoni fil-punt 16 iktar ’il fuq, jidher li dan huwa l-każ.
( 58 ) Ara s-sentenza Kušionová (C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 59) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 59 ) Il-Kummissjoni tipprovdi illustrazzjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 12 fil-paġna 11 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Linji gwida fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE (Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur) dwar spejjeż u r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena” SWD(2012) 128 finali (iktar ’il quddiem “Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE”). Kreditur jipprovdi EUR 5000 iżda jinftiehem mal-konsumatur li spejjeż li jammontaw għal EUR 100 għandhom jitħallsu minn dan it-total u mhux mir-riżorsi l-oħrajn tal-konsumatur. Il-konsumatur għalhekk jista’ juża EUR 5000 nieqes EUR 100 = EUR 4900. Il-Kummissjoni tikkunsidra din l-aħħar somma bħala l-ammont totali ta’ kreditu ddefinit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/48.
( 60 ) Enfasi magħmula minni.
( 61 ) Ara l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE, p. 5.
( 62 ) Ara l-premessa 9.
( 63 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza Rampion u Godard, C‑429/05, EU:C:2007:199, punti 31 sa 33, u s-sentenza Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 33.
( 64 ) Ara s-sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito (C-488/11, EU:C:2013:341, punt 55) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 65 ) Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13; ara wkoll id-digriet Pohotovost’ (C‑76/10, EU:C:2010:685, punti 57 sa 59).
( 66 ) Ara s-sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punti 56 u 57) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 67 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 58).
( 68 ) Ara l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1); ara wkoll ir-raba’ u d-disa’ premessa fil-preambolu tad-Direttiva 93/13.