SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi — Direttiva 2008/48/KE — Artikoli 22, 24 u 30 — Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva — Applikabbiltà għal ftehim mhux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-imsemmija direttiva — Obbligi mhux previsti mill-istess direttiva — Limitu tal-kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef — Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63 TFUE — Obbligu ta’ implementazzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ proċeduri adegwati u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet”

Fil-Kawża C-602/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Călăraşi (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

SC Volksbank România SA

vs

Autoritatea Naţională pentru Protecţia Consumatorilor — Comisariatul Judeţean pentru Protecţia Consumatorilor Călăraşi (CJPC),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SC Volksbank România SA, minn M. Niculeasa, R. Damaschin u R. Nanescu, avukati,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu u R.-I. Munteanu, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22, 24 u 30 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66 u — ir-rettifiki — ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011 L 234, p. 46), kif ukoll l-Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC Volksbank România SA (iktar ’il quddiem “Volksbank”) u l-Autoritatea Naţională pentru Protecţia Consumatorilor ‐ Comisariatul Județean pentru Protecția Consumatorilor Călărași (CJPC) (awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi — għassa tad-dipartiment għall-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ Călărași, iktar ’il quddiem l-“ANPC”) dwar ċerti klawżoli inklużi fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi konklużi bejn Volksbank u l-klijenti tagħha li, skont l-ANPC, jiksru l-liġi nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3, 4 u 7 tad-Direttiva 2008/48 huma redatti kif ġej :

“(3)

[Hemm] differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet tad-diversi Stati Membri fil-qasam tal-kreditu lil persuni fiżiċi in ġenerali u fil-kreditu lill-konsumatur b’mod partikolari [...].

(4)

Is-sitwazzjoni de facto u de jure li tirriżulta minn dawk id-differenzi nazzjonali f’xi każijiet twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fost il-kredituri fil-Komunità u toħloq ostakoli għas-suq intern fejn Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet obbligatorji differenti aktar strinġenti minn dawk previsti fid-Direttiva 87/102/KEE [tal-Kunsill, tat-22 ta’ Dicembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), kif emendata bid-Direttiva 98/7KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 87/102”)]. Hi tirrestrinġi l-ħila tal-konsumaturi li jagħmlu użu dirett mid-disponibbiltà li dejjem qed tiżdied tal-kreditu trans-konfini [...]

[...]

(7)

Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. [...]”

4

Il-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2008/48 jistabbilixxu:

“(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. [...]

(10)

Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, per eżempju dwar ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti inqas minn EUR 200 jew iktar minn EUR 75 000. [...]”

5

Il-premessa 14 ta’ din id-direttiva hija redatta kif ġej :

“Ftehim ta’ kreditu li jkopru l-għoti ta’ kreditu garantit bi proprjetà għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak it-tip ta’ kreditu hu ta’ natura speċifika ħafna. Barra minn hekk, ftehim ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa li jiffinanzjaw l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. [...]”

6

Il-premessa 44 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:

“Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-istabbiltà tas-suq, u sakemm ikun hemm aktar armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri xierqa għar-regolamentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ kredituri jkunu f’posthom.”

7

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu :

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

a)

ftehim ta’ kreditu li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli;

b)

ftehim ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat;

(ċ)

ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammont totali ta’ kreditu inqas minn EUR 200 jew aktar minn EUR 75000;

[...]”

8

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri adegwati u effettivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti għas-soluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumatur dwar ftehim ta’ kreditu, billi fejn hu xieraq jintużaw korpi eżistenti.”

10

Skont l-Artikoli 27 u 29 tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar skada fil-11 ta’ Ġunju 2010, data li fiha d-Direttiva 87/102 ġiet imħassra.

11

Skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Miżuri transizzjonali”:

1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ftehim ta’ kreditu eżistenti fid-data li fiha l-miżuri implimentattivi nazzjonali jidħlu fis-seħħ.

2.   Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikoli 11, 12, 13, 17, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 18(1), u l-Artikolu 18(2) jiġu applikati anki għal ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi nazzjonali.”

Id-dritt Rumen

12

Id-digriet ta’ urġenza tal-Gvern 50/2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 389 tal-11 ta’ Ġunju 2010, iktar ’il quddiem l-“OUG 50/2010”) huwa intiż li jittrasponi d-Direttiva 2008/48 fid-dritt intern.

13

L-Artikolu 2(1) tal-OUG 50/2010 jistabbilixxi:

“Dan id-digriet ta’ urġenza japplika għall-ftehim ta’ kreditu, inklużi ftehim ta’ kreditu ggarantiti permezz ta’ ipoteka jew permezz ta’ dritt fuq immobbli, kif ukoll il-ftehim ta’ kreditu li s-suġġett tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq immobbli eżistenti jew ipproġettati, jew ir-rinnovazzjoni, l-iżvilupp, il-konsolidazzjoni, ir-riabilitazzjoni, l-estensjoni jew il-valorizzazzjoni ta’ immobbli, irrispettivament mill-ammont totali tal-kreditu.”

14

L-Artikolu 36 tal-OUG 50/2010 jipprovdi:

“Għall-kreditu mogħti, il-kreditur jista’ jirċievi biss il-kummissjoni mill-ipproċessar tal-fajl, il-kummissjoni mill-amministrazzjoni tal-kreditu jew il-kummissjoni mill-amministrazzjoni tal-kont kurrenti, il-kumpens fil-każ ta’ rimbors antiċipat, l-ispejjeż marbuta mal-assigurazzjoni, u jekk ikun il-każ, il-penalitajiet, kif ukoll kummissjoni waħda għas-servizzi pprovduti fuq talba tal-konsumaturi.”

15

L-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010 jistabbilixxi:

“Sabiex jintlaħaq ftehim bonarju tat-tilwim eventwali, u bla ħsara għad-dritt tal-konsumaturi li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-kredituri jew l-intermedjarji ta’ kreditu li jkunu kisru d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza jew għad-dritt tal-konsumaturi li jressaq kawża quddiem l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Konusmaturi l-[ANPC], il-konsumaturi jistgħu jużaw mekkaniżmi extraġudizzjarji dwar ilment u dwar kumpens tal-konsumaturi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 192/2006 fuq il-medjazzjoni u l-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ medjatur, kif emendata u kkompletata ulterjorment.”

16

L-Artikoli 86 sa 88 tal-OUG 50/2010 jiddefinixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet, li fosthom hemm dawk li jistgħu jiġu imposti mill-aġenti ANPC, fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet.

17

Skont l-Artikolu 94 tal-OUG 50/2010:

“Dan id-digriet ta’ urġenza għandu jidħol fis-seħħ għaxar t’ijiem wara d-data ta’ pubblikazzjoni tiegħu fil-Monitorul Oficial al României, Parti I.”

18

L-Artikolu 95 tal-OUG 50/2010 jipprovdi s-segwenti:

“1.   Fir-rigward ta’ ftehim fil-kors ta’ eżekuzzjoni, il-kredituri għandhom, fi terminu ta’ 90 jum wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, jiggarantixxu l-konformità tal-ftehim mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.

2.   L-emenda fil-ftehim fil-kors ta’ eżekuzzjoni għandha ssir permezz ta’ addendum, fi terminu ta’ 90 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Il-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew konklużi bejn Volksbank u l-klijenti tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010.

20

Dawn essenzjalment jirrigwardaw ftehim ta’ krediti mogħtija lil konsumaturi ggarantiti permezz ta’ ipoteki jew permezz ta’ drittijiet oħra fuq il-beni immobbli.

21

Dawn il-ftehim jinkludu ċerti klawżoli dwar kummissjonijiet bankarji li Volksbank għandha d-dritt li tuża fir-rigward tal-klijenti tiegħu u li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

22

Għalhekk, il-Klawżola 3.5 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intitolata “Kummissjoni għal riskju”, tipprovdi li, sabiex jingħata l-kreditu, il-persuna li tissellef tista’ tkun suġġetta, fir-rigward tal-bank, għal kummissjoni għal riskju, ikkalkolata fuq l-ammont tal-kreditu, li hija tagħti fix-xahar matul il-perijodu kollu tal-kreditu.

23

Il-Klawżola 5 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-imsemmija ftehim, intitolata wkoll “Kummissjoni għal riskju”, tispeċifika li din il-kummissjoni hija daqs 0.2 % tal-ammont tal-kreditu u li għandha titħallas fid-dati ta’ skadenza matul il-perijodu kollu tal-kreditu.

24

Wara t-22 ta’ Ġunju 2010, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010, Volksbank ħadet azzjoni biex temenda, fl-addenda tal-ftehim ta’ kreditu, l-isem tal-klawżoli inkwistjoni bl-isem ta’ “kummissjoni mill-amministrazzjoni ta’ kreditu”, kategorija ta’ kummissjoni msemmija fl-Artikolu 36 ta’ dan id-digriet, mingħajr ma emendat l-ammont tal-kummissjoni.

25

Ukoll wara d-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010, l-ANPC ikkonstatat, matul kontrolli mwettqa fuq Volksbank, li din tal-aħħar baqgħet tiġbor il-“kummissjoni għal riskju”, kif imniżżel fil-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sussegwentement imsemmi “kummissjoni mill-amministrazzjoni ta’ kreditu”.

26

L-ANPC, li qieset li l-ġbir ta’ din il-kummissjoni kien jikser l-Artikolu 36 tal-OUG 50/2010, ifformulat proċess verbal kontra Volksbank, li permezz tiegħu din tal-aħħar ġiet b’mod partikolari kkundannata tħallas multa kif ukoll sanzjonijiet addizzjonali. Volksbank ikkontestat dan il-proċess verbal quddiem il-qorti tar-rinviju.

27

Quddiem din il-qorti, Volksbank sostniet li ċerti dispożizzjonijiet tal-OUG 50/2010 jiksru d-Direttiva 2008/48. Għaldaqstant, fid-dawl ukoll tal-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti li tiġi stabbilita armonizzazzjoni sħiħa sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi offruti mill-istabbilimenti ta’ kreditu, Volksbank sostniet li l-imsemmija qorti kellha, fil-kawża prinċipali, tħalli dawn id-dispożizzjonijiet inapplikabbli.

28

Għalhekk, skont Volksbank, l-Artikolu 2(1) tal-OUG 50/2010, inkwantu jrendi applikabbli dan id-digriet għall-ftehim ta’ kreditu ggarantiti permezz ta’ ipoteka jew permezz ta’ dritt ieħor fuq il-beni immobbli, bħalma huma l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikser l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/48, għaliex din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi espressament li din id-direttiva ma tapplikax għal tali ftehim.

29

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ ftehim li jistgħu jitqiesu bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, Volksbank sostniet li l-Artikolu 36 tal-OUG, inkwantu jinkludi lista limitattiva ta’ kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru minn stabbiliment ta’ kreditu, jikser dan il-kamp ta’ applikazzjoni, għaliex din id-direttiva tirrigwarda biss ir-regoli fil-qasam tal-informazzjoni adegwata tal-konsumaturi.

30

Il-projbizzjoni ta’ ġbir ta’ kummissjonijiet li ma humiex dawk elenkati fl-imsemmi Artikolu 36 tikser barra minn hekk id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

31

Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-projbizzjoni tagħti lok, għall-istabbilimenti ta’ krediti li joffru s-servizzi tagħhom fir-Rumanija, għal żieda tal-ispejjeż li timpedixxi lil dawn tal-aħħar milli jkunu kompetittivi fil-livell tal-Unjoni. Din tostakola wkoll li l-istabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti lil hinn minn dan l-Istat Membru jidħlu fis-suq Rumen tal-krediti għall-konsum.

32

Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, il-konsumatur Rumen ma jistax jibqa’ jikseb krediti mingħand l-istabbilimenti stabbiliti lil hinn mill-imsemmi Stat Membru fid-dawl tal-fatt li huwa għandu d-dritt li jitlob it-tneħħija tal-kummissjonijiet jew tal-klawżoli mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-OUG 50/2010.

33

Fl-aħħar nett, Volksbank issostni li l-possibbiltà, għal konsumatur li jikkuntattja direttament lill-ANPC, prevista fl-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, kif ukoll is-setgħa ta’ din l-awtorità li timponi sanzjonijiet, meta hija tqis li hemm ksur ta’ dan id-digriet, ma tikkostitwixxix metodu adegwat u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarju ta’ tilwim, kif meħtieġ fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48, iżda, għall-kuntrarju, hija ta’ natura li tagħti lok għal multipliċità ta’ kawżi, kif fil-fatt seħħ fir-Rumanija.

34

Il-qorti tar-rinviju tispjega li s-suġġett essenzjali tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-validità tal-klawżola intitolata “kummissjoni għal riskju”, li tinsab fil-ftehim ta’ kreditu konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010 u li isimha, li nbidel wara din id-data, huwa “kummissjoni mill-amministrazzjoni ta’ kreditu”.

35

Din il-qorti tqis li d-dispożizzjonijiet tal-OUG 50/2010 ġew adottati sabiex tiġi trasposta b’mod urġenti d-Direttiva 2008/48 u li għalhekk dawn għandhom jiġu applikati skont din id-direttiva. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu traspożizzjoni inadegwata u inkompleta tal-imsemmija direttiva.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Judecătoria Călăraşi ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Sa fejn l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jipprovdu li l-liġi nazzjonali li tittrasponi d-direttiva hija applikabbli wkoll għall-kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik il-liġi?

2)

Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010 jikkostitwixxu traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjoni Komunitarja li hemm stabbilita fl-Artikolu 24[(1)] tad-Direttiva 2008/48, li jirrikjedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw proċeduri adegwati u effettivi għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwim mal-konsumaturi dwar kreditu għall-konsumatur?

3)

Sa fejn l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi armonizzazzjoni totali fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur, liema armonizzazzjoni ma tippermettix lill-Istati Membri:

a)

li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2008/48 għal kuntratti espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (bħall-kuntratti ta’ self b’ipoteka jew kuntratti li jirrigwardaw id-dritt ta’ proprjetà fuq immobbli) jew

b)

li jistabbilixxu obbligi addizzjonali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar it-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn jistgħu jirċievu, jew il-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li għalihom tista’ tirreferi r-rata ta’ interessi varjabbli fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni?

4)

Jekk ir-risposta għad-domanda 3 hija negattiva, sa fejn il-prinċipji tal-moviment liberu tas-servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod ġenerali, u l-Artikoli 56, 58 u 63(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari, għandhom jiġi interpretati fis-sens li Stat Membru huwa prekluż milli jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu miżuri li jipprojbixxu fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur l-applikazzjoni ta’ kummissjonijiet bankarji li ma humiex parti mil-lista ta’ kummissjonijiet permessi, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux definiti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat inkwistjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda (a)

37

Permezz tat-tielet domanda (a) tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ftehim ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li s-suġġett tagħhom huwa kreditu ggarantit permezz ta’ beni immobbli, minkejja li tali ftehim huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar.

38

Mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, interpretat fid-dawl tal-premessi 9 u 10 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tipprovdi għal armonizzazzjoni sħiħa u, kif jirriżulta mit-titolu tal-imsemmi Artikolu 22, għandu natura vinkolanti, li għandha tinftiehem fis-sens li, fl-oqsma speċifikament imsemmija minn din l-armonizzazzjoni, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex dawk previsti mill-imsemmija direttiva.

39

Barra minn hekk, skont b’mod partikolari l-premessi 3, 4 u 7 tad-Direttiva 2008/48, l-armonizzazzjoni li din tal-aħħar tirrigwarda f’ċerti oqsma importanti hija fundamentalment differenti minn dik li tirrigwarda d-Direttiva 87/102, li, imħassra u ssotitwita bid-Direttiva 2008/48, kienet biss tistabbilixxi armonizzazzjoni minima, kif kienet deskritta l-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C-76/10, Ġabra p. I-11557, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Madankollu, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 10 tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għal oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-ftehim ta’ kreditu li ma jidħolx taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, huma jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew għal ċerti dispożizzjonijiet tagħha.

41

Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-suġġett essenzjali tal-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-għoti ta’ krediti ggarantiti permezz ta’ beni immobbli.

42

Għalhekk, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/48 u fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, tali ftehim ta’ kreditu ma jidħlux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba l-ispeċifiċità ta’ dan it-tip ta’ krediti.

43

Għalhekk, kif jirriżulta wkoll mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ tali ftehim, l-armonizzazzjoni li tistabbilixxi d-Direttiva 2008/48 ma tipprekludix li Stat Membru jinkludi dan il-ftehim fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva, sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tagħha għal dawn il-ftehim.

44

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda (a) għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha ftehim ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom bħala suġġett l-għoti ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ beni immobbli, minkejja li tali ftehim huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar.

Fuq l-ewwel domanda

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha b’mod li din il-miżura tapplika wkoll għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżura nazzjonali.

Fuq l-ammissibbiltà

46

Il-Gvern Rumen iqis li din id-domanda hija fformulata b’mod wisq ġenerali, peress li tirrigwarda ftehim ta’ kreditu għal konsumaturi b’mod ġenerali, filwaqt li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna ftehim ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ ipoteka, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2008/48. Għalhekk, din id-domanda hija parzjalment inammissibbli.

47

Il-Kummissjoni Ewropea tirrileva li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità ta’ klawżoli li jinsabu fi ftehim ta’ kreditu ipotekarju. Issa, peress li d-Direttiva 2008/48 teskludi tali ftehim mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u ma tinkludix dispożizzjonijiet armonizzati dwar klawżoli kuntrattwali, ir-risposta għall-ewwel domanda ma għandhiex effett konkret fuq l-imsemmija kwistjoni.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola ġenerali, tipprovdi deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għalhekk, iċ-ċaħda ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Issa, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2008/48 u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern, l-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva jipprekludix li din il-miżura nazzjonali tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha b’mod li tapplika wkoll għal tali ftehim.

51

Għalhekk, fir-rigward ta’ domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li r-risposta għaliha ma tidhirx, tal-inqas, li hija manifestament mhux rilevanti għall-eżitu tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li twieġeb.

Fuq il-mertu

52

Kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2008/48, huma l-Istati Membri li bħala regola ġenerali għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom huma biħsiebhom jestendu s-sistema legali nazzjonali tagħhom li tittrasponi din id-direttiva għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jaqgħux taħt wieħed mill-oqsma li fir-rigward tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi dispożizzjonijiet armonizzati.

53

Minn dan isegwi li, għalkemm, għal dawn il-ftehim, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 regola li tikkorrispondi speċifikament għall-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva, huma jistgħu bħala regola wkoll, bl-osservanza tar-regoli tat-Trattat FUE u bla ħsara ta’ atti oħra tad-dritt sekondarju eventwalment rilevanti, jistabbilixxu miżura tranżitorja differenti, bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 95 tal-OUG 50/2010, li timplika li l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika wkoll għal ftehim fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoniratione temporis tagħha b’mod li din il-miżura tapplika wkoll għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżura nazzjonali.

Fuq it-tielet domanda (b)

55

Permezz tat-tielet domanda (b) tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern timponi obbligi, mhux previsti mill-imsemmija direttiva, fuq stabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jikkonċerna, minn naħa, it-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jiġbru fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsum li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, u, min-naħa l-oħra, il-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li fir-rigward tagħhom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ dawn il-ftehim tista’ tirreferi għalihom.

Fuq l-ammissibbiltà

56

Il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni jsostnu li din id-domanda hija inammissibbli inkwantu tirrigwarda kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li fir-rigward tagħhom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ dawn il-ftehim tista’ tirreferi għalihom.

57

Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, jiġu milqugħa.

58

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li mill-ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li d-dritt nazzjonali applikabbli jinkludi regoli li jimponu obbligi fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jirrigwarda l-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li tista’ tirreferi għalihom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsum li għandhom jiżdiedu ma’ dawk previsti mid-Direttiva 2008/48. L-imsemmi proċess ma jsemmix tali regoli tad-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, ma jindikax li dawn tal-aħħar huma s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

59

Minn dan isegwi li ma hemmx lok li t-tielet domanda (b) tingħata risposta, inkwantu hija tirrigwarda l-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li fir-rigward tagħhom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ dawn il-ftehim tista’ tirreferi għalihom.

Fuq il-mertu

60

Kif intqal fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 10 tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta b’mod partikolari li, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu li ma jidħlux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jew għal ċerti dispożizzjonijiet tagħha.

61

Għalhekk, id-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari l-Artikolu 22(1) tagħha, lanqas ma tipprekludi li, għal dawn il-ftehim, Stat Membru jimponi obbligi mhux previsti minn din id-direttiva, li huma intiżi sabiex jiġu protetti l-konsumaturi, bħal f’dan il-każ l-Artikolu 36 tal-OUG 50/2010 li jinkludi lista limitata ta’ kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef mingħand il-konsumaturi.

62

Fil-fatt, ma jidhirx li tali regola ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, f’qasam mhux armonizzat mid-Direttiva 2008/48, hija ta’ natura li taffettwa l-bilanċ li fuqu din id-direttiva hija bbażata, fil-qasam armonizzat minn din tal-aħħar, bejn l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-għan intiż li jiżgura l-implementazzjoni ta’ suq intern li jaħdem fil-qasam tal-krediti għall-konsumaturi.

63

Għandu jingħad ukoll, kif diġà ntqal fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, interpretat fid-dawl tal-premessi 9 u 10 ta’ din tal-aħħar, għandu jinftiehem fis-sens li, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din id-domanda anki jekk dawn ma humiex is-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmi artikolu jipprovdi għal armonizzazzjoni sħiħa u vinkolanti li, fl-oqsma speċifikament imsemmija minn din l-armonizzazzjoni, tostakola li Stati Membri jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex dawk li din tal-aħħar tinkludi.

64

Għalhekk, fir-rigward ta’ tali ftehim, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw obbligi bħalma huma dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 36 tal-OUG 50/210 fil-qasam tal-kummissjonijiet bankarji biss bil-kundizzjoni li d-Direttiva 2008/48 ma tinkludix dispożizzjonijiet armonizzati f’dan il-qasam.

65

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Direttiva 2008/48 tistabbilixxi obbligi dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-persuna li jsellef f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kummissjonijiet bankarji inkwantu dawn jifformaw parti mill-ispiża totali ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(ġ) ta’ din tal-aħħar, din id-direttiva min-naħa l-oħra ma tinkludix regoli dwar il-mertu relatati mat-tipi ta’ kummissjonijiet li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef.

66

Barra minn hekk, mill-premessa 44 tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-istabbiltà tas-suq, u fl-istennija ta’ armonizzazzjoni iktar wiesgħa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jimplementaw miżuri adegwati ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ kontroll applikabbli fil-konfornt tal-persuni li jsellfu.

67

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda (b) għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern timponi obbligi, mhux previsti mill-imsemmija direttiva, fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jirrigwarda t-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jirċievu fil-kuntest tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsum li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, anki jekk tali obbligi ma humiex previsti mill-imsemmija direttiva.

Fuq ir-raba’ domanda

68

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari l-Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63(1) TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lill-istabbilimenti ta’ kreditu milli jiġbru ċerti kummissjonijiet bankarji.

69

Preliminarjament, għandu jiġi indikat li ma hemmx lok li jsir eżami tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital.

70

Fil-fatt, meta miżura nazzjonali tirrigwarda kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi eżaminat sa fejn tali miżura jkollha effett fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, u jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom tipprevalix fuq l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola, teżamina l-miżura inkwistjoni fir-rigward ta’ waħda biss miż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fil-kawża inkwistjoni, waħda hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 34).

71

F’din il-kawża, fil-każ li għandu jiġi kkonstatat, kif issostni Volksbank, li, billi jrendu inqas aċċessibbli għall-klijenti stabbiliti fir-Rumanija l-krediti għall-konsum proposti minn kumpanniji li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra, din id-dispożizzjoni għandha bħala effett li tirrendi inqas frekwenti l-użu tal-imsemmija servizzi minn dawn il-klijenti, u, għalhekk, li tnaqqas il-fluss finanzjarju transkonfinali li jirriżulta minn tali servizzi, din hija biss konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

72

Fir-rigward tal-eżami tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attività ta’ stabbiliment ta’ kreditu li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti tikkostitwixxi servizz fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

73

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE jirrigwarda l-miżuri li jipprojbixxu, jinterferixxu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-565/08, Ġabra p. I-2101, punt 45).

74

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi miżura li tapplika indistintament għall-istabbilimenti kollha ta’ kreditu li jipprovdu servizzi fit-territorju Rumen, bħalma hija l-projbizzjoni ta’ ġbir ta’ ċertu kummissjonijiet bankarji inkwistjoni f’din il-kawża, tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tat-Trattat minħabba l-fatt biss li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas restrittivi jew ekonomikament iktar interessanti għal dawk li jipprovdu servizzi simili stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

75

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

76

Madankollu, f’din il-kawża ma ġiex sostnut li l-projbizzjoni stabbilita mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-persuni li jsellfu milli jirċievu ċerti kummissjonijiet bankarji hija imposta mill-kuntest ta’ awtorizzazzjoni fir-Rumanija ta’ stabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri oħra.

77

Lanqas mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-fatt li tiġi stabbilita tali projbizzjoni jikkostitwixxi indħil fil-libertà li jikkuntrattaw ta’ dawn l-istabbilimenti.

78

Fil-fatt, il-Gvern Rumen kif ukoll il-Kummissjoni sostnew, mingħajr ma ġew ikkontradetti fuq dan il-punt minn Volksbank, li għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita n-numru ta’ kummissjonijiet bankarji li jistgħu jiġu inklużi fil-ftehim ta’ kreditu, hija ma timponix rekwiżiti ta’ trażżin tariffarju, peress li ebda limitu ma huwa previst la fir-rigward tal-ammont tal-kummissjonijiet awtorizzati mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas fir-rigward tar-rati ta’ interess b’mod ġenerali.

79

Għalhekk, din id-dispożizzjoni nazzjonali, għalkemm tista’ teħtieġ adattament ta’ ċerti klawżoli tal-ftehim, waħedha ma twassalx għal spiża addizzjonali għall-istabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri oħra u lanqas, b’mod partikolari, għall-ħtieġa għal dawn l-impriżi li jirrivedu l-politika tagħhom u l-istrateġiji kummerċjali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq Rumen taħt kundizzjonijiet kompatibbli mal-liġi Rumena.

80

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-elementi invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali trendi inqas attraenti l-aċċess għall-imsemmi suq u, fil-każ ta’ aċċess għal dan is-suq, inaqqas il-kapaċità tal-impriżi kkonċernati li jipprovdu qabelxejn kompetizzjoni effettiva għall-impriżi tradizzjonalment stabbiliti fir-Rumanija.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett tal-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali fuq l-iskambji ta’ servizzi huwa wisq inċert u indirett biex tali miżura nazzjonali tkun tista’ titqies bħala ta’ natura li tostakola l-kummerċ intra-Komunitarju (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Francesco Guarnieri & Cie, C-291/09, Ġabra p. I-2685), punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Għalhekk, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi konkluż li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiksirx ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li r-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lill-istabbilimenti ta’ kreditu milli jiġbru ċerti kummissjonijiet bankarji.

Fuq it-tieni domanda

84

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 li, fil-qasam tal-kwistjonijiet dwar krediti għall-konsum, tippermetti lill-konsumaturi li jikkuntattjaw direttament lill-awtorità ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu minħabba ksur ta’ din il-miżura nazzjonali, u dan mingħajr il-ħtieġa li qabel tirrikorri għal proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarji kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal tali kwistjonijiet.

Fuq l-ammissibbiltà

85

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm f’din il-kawża l-miżura ta’ traspożizzjoni kkonċernata, jiġifieri l-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, tapplika fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsum li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tad-Direttiva 2008/48, huwa paċifiku li d-dispożizzjoni armonizzata li hija s-suġġett ta’ din il-kwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48, tapplika għal tali ftehim, u dan skont l-imsemmija miżura ta’ traspożizzjoni.

86

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikkjarat lilha nfisha kompetenti biex tiddeċiedi talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan u li għalhekk jaqgħu biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, iżda li fihom l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, Ġabra p. I-5989, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat f’dan ir-rigward li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun trid tikkonforma s-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni ma’ dawk li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex, pereżempju, tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini nazzjonali jew eventwali tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, jew inkella sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet komparabbli, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni għandhom jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet fejn ikollhom japplikaw (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Agafiţei et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

F’din il-kawża, tali interess jeżisti peress li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni armonizzata prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għal ftehim ta’ kreditu għal konsumaturi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis ta’ din id-direttiva hija intiża li tiżgura li proċedura unika tkun preżenti f’sitwazzjonijiet komparabbli f’dak li jikkonċerna r-riżoluzzjoni extraġudizzjarji ta’ kwistjonijiet dwar tali ftehim.

89

Barra minn hekk, il-Gvern Rumen kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li din it-tieni domanda hija inammissibbli peress li tirrigwarda proċeduri għar-riżoluzzjoni extraġudizzjarji ta’ kwistjonijiet filwaqt li, fil-kawża prinċipali, dawn il-proċeduri ma għandhomx rwol konkret. L-interpretazzjoni mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din id-domanda ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

90

Barra minn hekk, il-Gvern Rumen iqis li din id-domanda hija wkoll inammissibbli minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt nazzjonali, fatt li jaqa’ taħt il-kompetenza biss tal-qrati nazzjonali.

91

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-qorti tar-rinviju, Volksbank sostniet li, meta regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48, jiġifieri l-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, tippermetti li kawża titressaq quddiem awtorità ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu mingħajr ma jiġu qabel segwiti l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarji ta’ kwistjonijiet, din il-miżura tikser l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48, li jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu l-eżistenza ta’ proċeduri adegwati u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet dwar il-konsum li jikkonċernaw krediti għall-konsum.

92

Huwa wkoll paċifiku li, fil-kawża prinċipali, awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi, f’din il-kawża ANPC, effettivament imponiet multa fuq stabbiliment ta’ kreditu, f’din il-kawża Volksbank, minħabba l-fatt li ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi konklużi minn din tal-aħħar kienu jinkludu klawżoli li jiksru leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48, mingħajr ma dan l-istabbiliment kellu l-possibbiltà minn qabel li jsolvi din it-tilwima permezz ta’ rimedji extraġudizzjarji.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, peress li d-domanda hija waħda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li ma huwiex, tal-inqas, ċar li risposta rilevanti għall-finijiet tal-eżitu tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tingħata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li twieġeb.

Fuq il-mertu

94

Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 jeżiġi li l-proċeduri fil-qasam tar-riżoluzzjoni extraġudizzjarju ta’ kwistjonijiet ikunu adegwati u effikaċi, la din id-dispożizzjoni u lanqas elementi oħra tad-Direttiva 2008/48 li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ din tal-aħħar ma jiżviluppaw iktar fil-fond il-modalitajiet jew il-karatteristiċi ta’ dawn il-proċeduri.

95

Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirregolaw il-modalitajiet tal-imsemmija proċeduri, inkluża n-natura vinkolanti tagħhom, filwaqt li josservaw l-effettività ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Alassini et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

96

Huwa minnu li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ rikors minn qabel għal proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja sabiex jiġu riżolti kwistjonijiet, inkwantu tiggarantixxi n-natura sistematika tar-rikors għal tali proċedura, hija intiża li ssaħħaħ l-effettività tad-Direttiva 2008/48 (ara, b’analoġija, is-sentenza Alassini et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

97

Xorta jibqa’ l-fatt li la mill-kliem u lanqas, barra minn hekk, mill-għan tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 jew minn element ieħor kuntestwali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li dan jimponi li l-Istati Membri jittrasponu l-imsemmija dispożizzjoni billi jistabbilixxu tali obbligu.

98

Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/48 ma tistax tkun ta’ ostakolu għall-fatt li Stat Membru, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lilu minn din id-direttiva fil-qasam tar-regolamentar tal-modalitajiet proċedurali dwar ir-riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, jippermetti li l-konsumaturi jkollhom l-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-korpi speċjalment stabbiliti għad-difiża tal-interessi tagħhom minħabba, b’mod partikolari, ir-riskju li l-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbla mal-persuni li jsellfu f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, ma jkunux jafu bid-drittijiet tagħhom jew jiffaċċjaw diffikultajiet biex jeżerċitawhom.

99

Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija dik tal-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, inkwantu tippermetti li titressaq kawża direttament quddiem awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jkollha s-setgħa li timponi multi, għandha, għal din ir-raġuni biss, bħala effett li trendi l-proċeduri fil-qasam tar-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tal-kwistjonijiet dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsum, bħalma huma dawk previsti mid-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inadegwati, ineffikaċi jew bħala li ma josservawx l-effettività tad-Direttiva 2008/48.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva li, fil-qasam tal-kwistjonijiet dwar krediti għall-konsum, tippermetti lill-konsumaturi li jikkuntattjaw direttament awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu għal ksur ta’ din il-miżura nazzjonali, mingħajr ma tkun irrikorriet qabel għall-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal tali kwistjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha ftehim ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom bħala suġġett l-għoti ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ beni immobbli, minkejja li tali ftehim huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar.

 

2)

L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha b’mod li din il-miżura tapplika wkoll għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżura nazzjonali.

 

3)

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern timponi obbligi, mhux previsti mill-imsemmija direttiva, fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jirrigwarda t-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jirċievu fil-kuntest tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsum li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, anki jekk tali obbligi ma humiex previsti mill-imsemmija direttiva.

 

4)

Ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lill-istabbilimenti ta’ kreditu milli jiġbru ċerti kummissjonijiet bankarji.

 

5)

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva li, fil-qasam tal-kwistjonijiet dwar krediti għall-konsum, tippermetti lill-konsumaturi li jikkuntattjaw direttament awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu għal ksur ta’ din il-miżura nazzjonali, mingħajr ma tkun irrikorriet qabel għall-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal tali kwistjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.