Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0375

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-26 ta’ Novembru 2015.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:788

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fis-26 ta’ Novembru 2015 ( 1 )

    Kawża C‑375/14

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Rosanna Laezza

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Frosinone (qorti ta’ Frosinone, l-Italja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet iddikjarat inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-liċenzji għall-attività ta’ ġbir ta’ mħatri — Riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ sejħa għal offerti ġdida — Tul ta’ żmien imnaqqas tal-liċenzji — Trasferiment mingħajr ħlas tal-użu ta’ beni materjali u immaterjali miżmumin taħt titolu ta’ proprjetà u li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri — Kompatibbiltà mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE — Parametri rilevanti fl-eżami tal-proporzjonalità tal-miżura”

    1. 

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Frosinone (qorti ta’ Frosinone), tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra R. Laezza, minħabba li hija ma osservatx il-leġiżlazzjoni Taljana li tirregola l-ġbir ta’ mħatri, u li jirrigwardaw ordni ta’ sekwestru ta’ ċertu tagħmir informatiku għar-riċezzjoni u għat-trażmissjoni ta’ mħatri tal-isports jew fuq avvenimenti oħrajn.

    2. 

    Għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża hija waħda minn sensiela ta’ diversi rinviji għal deċiżjoni preliminari li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertu numru ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw is-settur tal-logħob tal-ażżard, u b’mod partikolari tal-leġiżlazzjoni Taljana fuq il-ġbir tal-imħatri ( 2 ). Madankollu, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjoni ġdida, li fuqha ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi, jiġifieri l-kompatibbiltà, mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE kif ukoll mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, tal-obbligu impost fuq id-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja li jittrasferixxu mingħajr ħlas, b’mod partikolari, it-tagħmir użat għall-attività ta’ ġbir ta’ mħatri fil-każ li tieqaf din l-attività.

    3. 

    Għalkemm mad-daqqa ta’ għajn, il-kawża toffri l-opportunità li jsiru ċerti preċiżazzjonijiet fuq il-parametri li għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Istati Membri fis-settur tal-logħob tal-ażżard, fil-fehma tiegħi din turi l-limiti tal-interpretazzjoni li titlob il-qorti tar-rinviju fil-preżenza ta’ informazzjoni li fiha lakuni dwar il-kundizzjonijiet ta’ elaborazzjoni u l-modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    4.

    Il-leġiżlazzjoni Taljana tistabbilixxi, essenzjalment, li l-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, inkluż il-ġbir ta’ mħatri, hija suġġetta għall-kisba ta’ liċenzja u ta’ awtorizzazzjoni mill-pulizija.

    5.

    Skont l-Artikolu 88 tad-Digriet Irjali Nru 773, tat-18 ta’ Ġunju 1931, li japprova t-test uniku tal-liġijiet fuq is-sigurtà pubblika ( 3 ), kif emendat bl-Artikolu 37(4) tal-Liġi Nru 338, tat-23 ta’ Diċembru 2000 ( 4 ), il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni mill-pulizija jiddependi fuq il-kisba ta’ liċenzja mill-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji tal-Istat (Agenzia della Dogane e dei Monopoli di Stato, iktar ’il quddiem l-“ADM”). Din l-awtorizzazzjoni mill-pulizija tippermetti lill-persuni detenturi jiġbru l-prenotazzjonijiet ta’ mħatri f’żona territorjali speċifika. Għalhekk, in-nuqqas ta’ kisba tal-liċenzja timpedixxi l-kisba tal-awtorizzazzjoni mill-pulizija. L-eżerċizzju tal-attività ta’ mħatri fin-nuqqas ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni mill-pulizija huwa ssanzjonat kriminalment.

    6.

    Fl-1999, l-awtoritajiet Taljani taw permezz ta’ sejħa pubblika għal offerti 1000 liċenzja għall-ġestjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi. B’mod parallel, 671 liċenzja ġdida kienu ngħataw, l-istess b’sejħa pubblika għall-offerti, għall-ġestjoni ta’ mħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel u 329 liċenzja eżistenti kienu ġew imġedda awtomatikament. Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’din id-data, l-operaturi kkostitwiti fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, li l-azzjonijiet tagħhom kienu kkwotati fis-swieq irregolati, kienu ġew esklużi mis-sejħa għal offerti, għar-raġuni li ma kinitx possibbli l-identifikazzjoni kostanti u preċiża tal-azzjonisti individwali. L-illegalità ta’ din l-esklużjoni fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 49 KE ġiet ikkonstatata b’mod partikolari fis-sentenza Placanica et ( 5 ) .

    7.

    Id-Digriet-Liġi Nru 223 ( 6 ) irriforma s-settur tal-logħob fl-Italja, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Dan id-digriet ippreveda l-għoti ta’ madwar 16300 liċenzja ġdida għal-logħob tal-ażżard li żdiedu mal-liċenzji l-oħrajn mogħtija fl-1999.

    8.

    Wara, b’mod partikolari, is-sentenza Costa u Cifone ( 7 ), is-settur tal-logħob tal-ażżard kien ġie rriformat mill-ġdid bid-Digriet-Liġi Nru 16 ( 8 ).

    9.

    Għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti bil-għan tal-għoti ta’ liċenzji għall-ġbir ta’ mħatri, l-Artikolu 10(9g) u (9h) tad-digriet-liġi tal-2012 jistabbilixxi:

    “9g   Fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-logħob pubbliku, inklużi dawk fil-qasam tal-imħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu huma intiżi li jiffavorixxu l-imsemmija riorganizzazzjoni, permezz ta’ allinjament temporali inizjali tal-iskadenzi tal-liċenzji li jkopru l-ġbir tal-imħatri inkwistjoni, filwaqt li jitħares ir-rekwiżit ta’ aġġustament tar-regoli nazzjonali ta’ selezzjoni tal-persuni li, f’isem l-Istat, jiġbru l-imħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, għall-prinċipji li joħorġu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Frar 2012, fil-Kawżi [Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80)]. Għal dan il-għan, fid-dawl tal-iskadenza li jmiss ta’ grupp ta’ liċenzji għall-ġbir tal-imsemmija mħatri, l-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat għandha torganizza immedjatament u, fi kwalunkwe każ, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2012, sejħa għal offerti għas-selezzjoni tal-persuni li jiġbru l-imsemmija mħatri b’osservanza, minn tal-inqas, tal-kriterji segwenti:

    a)

    possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għall-persuni li diġà jeżerċitaw attività ta’ ġbir ta’ mħatri f’wieħed mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea, fejn ikollhom is-sede legali u operattiva tagħhom, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni valida u effettiva maħruġa skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku tal-imsemmi Stat u li jkollhom ukoll il-kwalitajiet ta’ onorabbiltà u ta’ affidabbiltà kif ukoll il-kwalitajiet ekonomiċi u patrimonjali indikati mill-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan il-qasam imsemmija fil-Liġi Nru 220 [ ( 9 )], tat-13 ta’ Diċembru 2010, u fid-Digriet-Liġi Nru 98, tas-6 ta’ Lulju 2011, mibdul f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 111, tal-15 ta’ Lulju 2011;

    b)

    għoti ta’ liċenzji, validi sat-30 ta’ Ġunju 2016, għall-ġbir, esklużivament f’netwerk fiżiku, ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, fi ħdan aġenziji, sa massimu ta’ 2000, li jkollhom bħala attività esklużiva l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ logħob pubbliku, mingħajr limitazzjoni fir-rigward tad-distanzi minimi bejn dawn l-aġenziji jew fir-rigward ta’ postijiet oħra ta’ ġbir, li huma diġà attivi, ta’ mħatri identiċi;

    c)

    previżjoni, bħala parti mill-prezz, ta’ valur bażiku tal-kuntratt ta’ EUR 11000 għal kull aġenzija;

    d)

    konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja li l-kontenut tiegħu jkun konformi ma’ kull prinċipju ieħor stabbilit fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2012, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet nazzjonali kompatibbli fis-seħħ fil-qasam tal-logħob pubbliku;

    e)

    possibbiltà li l-aġenziji jiġu operati fi kwalunkwe komun jew provinċja, mingħajr limiti numeriċi fuq bażi territorjali u mingħajr kundizzjonijiet favorevoli għad-detenturi ta’ liċenzja diġà awtorizzati sabiex jiġbru mħatri identiċi jew li jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikunu favorevoli għal dawn tal-aħħar;

    f)

    stabbiliment ta’ garanziji koerenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Nru 98, tas-6 ta’ Lulju 2011, mibdul f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 111, tal-15 ta’ Lulju 2011.

    9h   Id-detenturi ta’ liċenzja għall-ġbir tal-imħatri msemmija fil-paragrafu 9g, li l-liċenzja tagħhom tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012, għandhom ikomplu jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ ġbir tagħhom sad-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ liċenzja mogħtija skont il-paragrafu ċċitat. Għandhom jitħassru l-paragrafi 37 u 38 tal-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Nru 98, tas-6 ta’ Lulju 2011, mibdul f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 111, tal-15 ta’ Lulju 2011, l-ittra (e) tal-paragrafu 287 tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004, kif ukoll l-ittra (e) tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 38 tad-[Digriet-Liġi Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, li jipprevedi dispożizzjonijiet urġenti għall-irkupru ekonomiku u soċjali, għall-kontroll u għar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, u li jipprevedi interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali], mibdul f’liġi, wara li sarulu emendi, bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006.”

    10.

    Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom l-effett ta’ għoti ta’ liċenzji għal perijodu ta’ erbgħin xahar, filwaqt li l-liċenzji mogħtijin qabel kienu għal perijodu ta’ bejn disa’ u tnax-il sena.

    11.

    Skont l-Artikolu 1(77) tal-Liġi Nru 220, kif emendat:

    “Sabiex jiżgura bilanċ korrett bejn l-interessi pubbliċi u privati fil-kuntest tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni tal-logħob pubbliku, fid-dawl tal-monopolju tal-Istat fir-rigward tal-logħob [...] kif ukoll tal-prinċipji, anki tal-Unjoni Ewropea, dwar is-selezzjoni kompetittiva, li japplikaw f’dan is-settur, u billi jikkontribwixxi wkoll għall-konsolidazzjoni tal-bażijiet ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja aħjar tal-azzjoni ta’ ġlieda kontra t-tixrid tal-logħob irregolari jew illegali fl-Italja, tal-protezzjoni tal-konsumaturi, partikolarment tal-minuri, tal-ordni pubbliku, tal-ġlieda kontra l-logħob tal-minuri u l-infiltrazzjonijiet tal-kriminalità organizzata fis-settur tal-logħob [...] il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi – Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat għandu jaġġorna bla dewmien il-mudell ta’ ftehim li jagħti aċċess għal-liċenzji għall-eżerċizzju u għall-ġbir ta’ mħatri pubbliċi, iżda mhux mill-bogħod, jew, fi kwalunkwe każ permezz ta’ netwerk fiżiku”.

    12.

    L-Artikolu 1(78)(b)(26) tal-Liġi Nru 220 jippreċiża dan li ġej:

    “previżjoni tat-trasferiment mingħajr ħlas jew tad-devoluzzjoni tan-netwerk infrastrutturali ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri lill-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat fil-mument tal-iskadenza tat-tul ta’ żmien tal-liċenzja, esklużivament fuq talba minn qabel ta’ din tal-aħħar, ikkomunikata tal-inqas sitt xhur qabel din l-iskadenza, jew ikkomunikata meta tingħata d-deċiżjoni ta’ revoka jew ta’ skadenza tal-liċenzja”.

    13.

    Id-dispożizzjonijiet inklużi fir-regoli tas-sejħa għal offerti dwar il-kawżi ta’ revoka u ta’ skadenza tal-liċenzja huma previsti mill-abbozz ta’ kuntratt relatat mar-relazzjoni taħt il-liċenzja għall-eżerċizzju ta’ logħob pubbliku (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ kuntratt”), skont l-Artikolu 10(9g) tad-digriet-liġi tal-2012.

    14.

    Dawn id-dispożizzjonijiet, inklużi fl-Artikolu 23(2) (a), (e) u (k) tal-abbozz ta’ kuntratt, jirrigwardaw b’mod partikolari l-każ ta’ rinviju quddiem qorti għal ksur li l-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat tikkunsidra li huma tali li jeskludu l-affidabbiltà, il-professjonalità u l-kwalità morali meħtieġa tad-detentur ta’ liċenzja; il-każijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ eżerċizzju u ta’ ġbir ta’ logħob pubbliku skont modalitajiet u tekniki differenti minn dawk previsti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u kuntrattwali fis-seħħ, u l-każijiet ta’ ksur, ikkonstatat mill-korpi kompetenti, tal-leġiżlazzjoni dwar is-soppressjoni tal-imħatri u tal-logħob.

    15.

    L-Artikolu 25 tal-abbozz ta’ kuntratt, id-dispożizzjoni speċifikament inkwistjoni f’din il-kawża, jistabbilixxi li:

    “[...] Fuq talba espressa tal-ADM u għall-perijodu li huwa stabbilit fiha, id-detentur ta’ liċenzja għandu jimpenja ruħu li jittrasferixxi mingħajr ħlas, meta tieqaf l-attività minħabba l-iskadenza tat-tul ta’ żmien tal-liċenzja jew minħabba l-effett ta’ deċiżjonijiet ta’ skadenza jew ta’ revoka, lill-ADM jew lil detentur ta’ liċenzja ieħor magħżul minnha wara proċedura ta’ kompetizzjoni, l-użu tal-beni materjali u immaterjali miżmumin taħt titolu ta’ proprjetà u li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri, ħielsa minn drittijiet u pretenzjonijiet ta’ terzi, skont il-modalitajiet iffissati fil-paragrafi li ġejjin. 2. Il-beni li huma s-suġġett tat-trasferiment għandhom jiġu indikati fl-inventarju u fl-emendi ulterjuri tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(e). 3. L-operazzjonijiet ta’ trasferiment ? li għandhom iseħħu skont proċedura kontradittorja bejn l-ADM u d-detentur ta’ liċenzja, inkluż ir-redazzjoni ta’ minuti stabbiliti għal dan l-iskop ? għandhom jibdew matul is-semestru ta’ qabel l-iskadenza tal-ftehim, b’osservanza tar-rekwiżit li ma jitpoġġiex fil-perikolu, anki matul dan il-perijodu, il-funzjonament tas-sistema,peress li l-beni għandhom jiġu ttrasferiti lill-ADM f’kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-funzjonament tan-netwerk elettroniku. L-ispejjeż tat-trasferiment materjali eventwali tal-apparat, tat-tagħmir u ta’ kull element ieħor li jikkomponi n-netwerk elettroniku għandhom jiġu sostnuti mid-detentur ta’ liċenzja […]”.

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16.

    Fil-5 ta’ Ġunju 2014, wara kontroll magħmul minn tim tal-pulizija finanzjarja (Compagnia Guardia di Finanza) ta’ Frosinone (l-Italja) fil-postijiet ta’ ċentru ta’ tranżmissjoni ta’ data, iġġestit minn R. Laezza u marbut kuntrattwalment ma’ Stanleybet Malta Ltd, kumpannija Maltija, dawn l-awtoritajiet ikkonstataw li l-attività ta’ ġbir ta’ mħatri kienet qegħda tiġi eżerċitata hemmhekk mingħajr awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 88 tad-Digriet Irjali Nru 773, tat-18 ta’ Ġunju 1931, li japprova t-test uniku tal-liġijiet fuq is-sigurtà pubblika, kif emendat bl-Artikolu 37(4) tal-Liġi Nru 338, tat-23 ta’ Diċembru 2000.

    17.

    B’deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2014, l-imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari tat-Tribunale di Cassino (qorti ta’ Cassino) ordna fir-rigward ta’ R. Laezza li jitpoġġew taħt sekwestru preventiv il-beni użati għall-attività ta’ ġbir ta’ mħatri.

    18.

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, fis-7 u fil-15 ta’ Novembru 2013, R. Laezza ressqet talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt sekwestru. Barra min hekk, l-istess bħall-kumpanniji li magħhom huwa affiljat iċ-ċentru ta’ trażmissjoni ta’ data li hija tiġġestixxi, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25), hija talbet l-annullament tal-aħħar sejħa għal offerti għal-liċenzji tal-logħob tal-ażżard fl-Italja billi invokat in-natura diskriminatorja tagħha u talbet li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti.

    19.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) diġà għamel żewġ domandi preliminari analogi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25), imma tikkunsidra li s-suġġett taż-żewġ domandi, partikolarment it-tul ta’ żmien imnaqqas tal-liċenzji l-ġodda meta mqabbel mal-liċenzji l-antiki, ma huwiex problematiku fih innifsu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

    20.

    Madankollu, din il-qorti tfakkar il-kontenut tal-Artikolu 25 ta’ dan l-abbozz ta’ kuntratt, meqjus li ġie iffirmat mid-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja, li jirrigwarda l-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas tal-użu tal-beni materjali u immaterjali miżmumin taħt titolu ta’ proprjetà u li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri fil-mument tal-waqfien tal-attività minħabba l-iskadenza tat-tul ta’ żmien tal-liċenzja jew minħabba l-effett ta’ deċiżjonijiet ta’ skadenza jew ta’ revoka.

    21.

    Skont din il-qorti, għalkemm din id-dispożizzjoni, mingħajr preċedent fl-Italja, tista’ eventwalment tirrifletti loġika ta’ sanzjoni fir-rigward tad-detentur ta’ liċenzja fil-każijiet ta’ skadenza u/jew ta’ revoka, din tidher li hija madankollu partikolarment żvantaġġuża fil-każijiet fejn it-trasferiment mingħajr ħlas huwa sempliċiment marbut mal-aspett temporali tal-iskadenza tat-tul massimu tal-liċenzja. Ma’ dan hemm ukoll l-obbligu sorprendenti tad-detentur ta’ liċenzja li jsostni l-ispejjeż kollha ta’ dan it-trasferiment mingħajr ħlas.

    22.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li differenza bħal din fit-trattament bejn id-detenturi l-antiki ta’ liċenzja u d-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja ma tidhirx li tikkostitwixxi rekwiżit imperattiv ta’ interess pubbliku.

    23.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    24.

    R. Laezza, il-Gvern Taljan u dak Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    25.

    Inżammet seduta fis-17 ta’ Settembru 2015, li fiha pparteċipaw dawn l-intervenjenti kollha.

    III – Analiżi

    26.

    Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim, imposta fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Taljana li tirregola s-sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet fis-settur tal-imħatri tal-isports. Din id-dispożizzjoni tobbliga lid-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja, wara t-tmiem naturali tal-liċenzja jew fil-każ ta’ skadenza jew ta’ revoka antiċipata tagħha, jittrasferixxu mingħajr ħlas, lill-awtorità li toħroġ il-liċenzji jew lil detentur ta’ liċenzja ieħor indikat minnha, l-użu tal-beni materjali u immaterjali miżmumin taħt titolu ta’ proprjetà u li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri.

    27.

    L-ewwel nett, nixtieq nenfasizza li din id-domanda preliminari ma għandhiex tiġi eżaminata bħala li tpoġġi fid-dubju s-sistema l-ġdida ta’ liċenzji li implementat l-Italja fl-2012 fis-settur tal-logħob tal-ażżard fit-totalità tiegħu.

    28.

    Hawnhekk għandna quddiemna biss il-miżura li tikkonsisti fl-impożizzjoni, fuq id-detentur ta’ liċenzja, tat-trasferiment mingħajr ħlas tal-użu ta’ ċertu numru ta’ tagħmir meħtieġ sabiex jitwettaq is-servizz li huwa s-suġġett tal-liċenzja fil-każ ta’ waqfien ta’ attività fil-kundizzjonijiet imsemmijin fl-anness tal-kuntratt ta’ liċenzja. Fi kliem ieħor, din il-proċedura ma tirrigwardax ir-riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi, implementata bid-digriet-liġi tal-2012, li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fil-kawża li wasslet għas-sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25), imma tirrigwarda miżura distinta, li tinsab fl-abbozz ta’ kuntratt li għandu jiġi konkluż ma’ dawk li jingħataw il-liċenzji sabiex jiġi rregolat l-eżerċizzju tal-attività tagħhom ( 10 ).

    29.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, f’din is-sentenza, għamlet diversi preċiżazzjonijiet utli fuq is-sistema implementata fl-Italja wara d-dħul fis-seħħ tad-digriet-liġi tal-2012 fis-settur tal-logħob tal-ażżard.

    30.

    Hija ikkunsidrat għalhekk li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida fir-rigward ta’ liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat minħabba riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi tal-liċenzji ( 11 ).

    31.

    Għandu jiġi nnutat li, sabiex tasal għal konklużjoni bħal dik, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-awtoritajiet nazzjonali kienu jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li timplika l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali u, sakemm jiġu osservati wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien għal kull Stat Membru li jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi segwiti minnu, kienx neċessarju li jiġu pprojbiti totalment jew parzjalment l-attivitajiet tal-logħob u tal-imħatri, jew li jiġu sempliċement ristretti u li jiġu previsti għal dan il-għan modalitajiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti.

    32.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li f’dan il-kuntest partikolari, ir-riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi setgħet, billi tipprevedi tul ta’ żmien għal-liċenzji l-ġodda li huwa iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat, tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu b’mod koerenti l-għanijiet leġittimi tat-tnaqqis tal-opportunitajiet għal-logħob jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob u setgħet tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità meħtieġa ( 12 ).

    33.

    Għalhekk, dik il-kawża tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sistema ta’ liċenzji tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi mekkaniżmu effikaċi li jippermetti li jiġu kkontrollati l-operaturi attivi fis-settur tal-logħob tal-ażżard bil-għan li jiġi prekluż l-isfruttament ta’ dawn l-attivitajiet għal finijiet kriminali u frawdolenti ( 13 ).

    34.

    F’dan il-każ, qabel ma nittratta l-kwistjoni mqajma, nixtieq ngħid ftit kliem fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

    A – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

    35.

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, jekk wieħed joqgħod mal-ewwel qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, jiġi nnutat li l-aspetti kollha tal-proċeduri kriminali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jidhru limitati għall-Italja.

    36.

    Issa, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Taljani u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, bħala regola ġenerali tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet relattivi għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE biss sa fejn din tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri ( 14 ).

    37.

    F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax jekk l-operatur (jew l-organizzatur ta’ mħatri) li miegħu r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali hija probabbilment marbuta b’relazzjonijiet kuntrattwali, huwiex stabbilit fl-Italja jew fi Stat Membru ieħor.

    38.

    Minkejja dan in-nuqqas, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riferiment għall-kuntest li taħtu kienet taqa’ s-sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25), tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni f’dan il-każ, billi l-preżenza ta’ element transkonfinali, u għaldaqstant, ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi eskluża a priori. Fil-fatt jidher li l-qorti tar-rinviju telqet mill-ipoteżi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija marbuta ma’ operatur ta’ Stat Membru ieħor li ma għandux awtorizzazzjoni, peress li dan kien ġie illegalment eskluż mis-sejħa għal offerti mnedija fl-2012.

    39.

    Fit-tieni lok, għalkemm ħadd mill-intervenjenti ma qajjem riżervi reali fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jidhirli li hija, f’diversi modi, lakunarja u, f’ċertu sens, tista’ titqies bħala li ma tissodisfax ir-rekwiżiti li l-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar b’mod kostanti.

    40.

    B’mod partikolari, jiena tal-fehma li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax, kif teħtieġ il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas impost fuq id-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja previst mill-miżura kkontestata. Issa, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti, b’mod partikolari, minn tal-inqas spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ( 15 ).

    41.

    F’dan il-każ, ma huwiex faċli li jiġi ddeterminat għal liema raġunijiet il-miżura kkontestata, jiġifieri l-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas tal-użu tal-beni li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ logħob mal-iskadenza tal-kuntratt ta’ liċenzja, hija direttament imqegħda inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, it-tpoġġija taħt sekwestru preventiv ta’ beni użati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-attività tal-ġbir ta’ mħatri, li hija speċifikament inkwistjoni fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, jidhirli li ma għandhiex rabta ma’ implementazzjoni ta’ din il-miżura.

    42.

    B’mod iktar ġenerali, wieħed jista’ jistaqsi serjament dwar l-użu li għandu, fil-kawża prinċipali, it-tqegħid inkwistjoni tal-klawżola li timponi, fl-iskadenza tal-kuntratt ta’ liċenzja, it-trasferiment mingħajr ħlas tal-użu ta’ ċerti beni meħtieġa għat-twettiq tal-attività ta’ ġbir ta’ mħatri.

    43.

    Kif se neżamina iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, u bid-differenza mis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Costa u Cifone ( 16 ) kif ukoll Stanley International Betting u Stanleybet Malta ( 17 ), ir-riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ sejħa ġdida għal offerti – f’dan il-każ dik li saret wara l-intervent tal-leġiżlatur bid-digriet-liġi tal-2012 – bl-ebda mod ma qed tiġi kkontestata fit-totalità tagħha. F’dan il-kuntest, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-miżura kkontestata tistax effettivament ikollha influwenza fuq is-sitwazzjoni kriminali ta’ R. Laezza.

    44.

    Għaldaqstant, id-domanda preliminari tidher li hija bbażata fuq rappreżentazzjonijiet fattwali li ma humiex direttament sostnuti mill-proċess tal-kawża prinċipali.

    45.

    F’kundizzjonijiet bħal dawn, ir-regolarità formali tad-deċiżjoni tar-rinviju tista’ titpoġġa serjament f’dubju u d-domanda preliminari tista’, b’dan il-mod, tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli. Għalkemm hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tal-kawża, il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-istadju tal-proċeduri li fih hemm lok li jsiru dawn id-domandi ( 18 ), xorta hemm il-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 19 ).

    46.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra, permezz ta’ interpretazzjoni komprensiva ħafna fir-rigward tal-qorti tar-rinviju u billi tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li tirriżulta mill-preċedenti tal-ġurisprudenza, li għalihom irreferiet espressament din tal-aħħar, li l-kwistjoni li tinqala’ f’dan il-każ hija jekk Stat Membru, li jipprova jirrimedja għal esklużjonijiet illegali li seħħew qabel billi jniedi sejħa ġdida għal offerti, jimponix f’dan il-kuntest rekwiżiti li jagħtu vantaġġ supplimentari lill-operaturi eżistenti jew li jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-operaturi illegalment esklużi. Għalhekk id-domandi tal-qorti tar-rinviju jistrieħu fuq l-ipoteżi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ sanzjoni kriminali, R. Laezza ma tistax tiġi kkritikata li ma hijiex detentur ta’ liċenzja – u, għaldaqstant, ta’ awtorizzazzjoni mill-pulizija – fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti organizzata skont regoli u f’kundizzjonijiet li jiksru d-dritt tal-Unjoni.

    B – Fuq il-mertu

    47.

    Jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li skematikament hemm żewġ fehmiet kontra xulxin.

    48.

    Skont l-ewwel waħda minn dawn il-fehmiet, li tiddefendi R. Laezza u, b’mod inqas affermattiv, il-Kummissjoni, il-miżura kkontestata ma hijiex kompatibbli mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, peress li, b’mod partikolari, din tinvolvi restrizzjonijiet li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati mill-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz ta’ ġbir ta’ mħatri filwaqt li jiġu inkanalati l-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard f’ċirkuwiti kontrollabbli sabiex jiġi prekluż l-isfruttament tagħhom għall-finijiet kriminali u frawdolenti. Iżda fi kwalunkwe każ, din il-miżura ma hijiex proporzjonata.

    49.

    Skont it-tieni waħda, li magħha jaqblu l-Gvern Taljan u dak Belġjan, din il-leġiżlazzjoni hija kompatibbli għal kollox mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività. Il-gvernijiet intervenjenti jsostnu wkoll li l-miżura kkontestata, l-ewwel nett, ma hijiex diskriminatorja (peress li, b’mod partikolari, din hija applikabbli indistintament għall-impriżi li kienu pparteċipaw fis-sejħa għal offerti mnedija fl‑2012), it-tieni nett, hija ġġustifikata għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u, it-tielet nett, hija proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq.

    50.

    Sa mis-sentenza Schindler ( 20 ), ilu stabbilit li, fid-dawl tad-differenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali li jeżistu bejn l-Istati Membri, il-qasam tal-logħob tal-ażżard baqa’ mhux armonizzat fil-livell Ewropew u l-Istati Membri jgawdu minħabba dan minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-livell ta’ protezzjoni tal-ġugaturi, u għalhekk, tal-konsumaturi, li huma jikkunsidraw l-iktar xieraq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tagħhom għal raġunijiet ta’ interess ġenerali u tal-proporzjonalità tagħhom ( 21 ).

    51.

    Skont il-kuntest analitiku ġeneralment adottat f’dan il-qasam, hemm lok li tiġi eżaminata fi tliet stadji l-problema li ġiet sottomessa lilna.

    52.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjoni kkontestata tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-libertajiet li jistabbilixxu l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE u, jekk ikun il-każ, jekk din ir-restrizzjoni hijiex diskriminatorja.

    53.

    Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk ir-raġunijiet invokati mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġġustifikaw dan l-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas jistgħux, b’mod ġenerali, jiġġustifikaw restrizzjoni bħal dik.

    54.

    Fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat jekk miżura bħal dik f’din il-kawża tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja u proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

    55.

    Għalkemm, l-ewwel żewġ stadji tal-analiżi ma jidhirx li joħolqu diffikultajiet partikolari, it-tielet wieħed, fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet relatati mal-miżura kkontestata, jidhirli li huwa iktar delikat sabiex jinftiehem

    1. Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni potenzjali fuq l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE u ta’ diskriminazzjoni f’dan ir-rigward ( 22 )

    a) Identifikazzjoni ta’ restrizzjoni

    56.

    Il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħudin minn Stat Membru li, għalkemm applikabbli indistintament, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn u għalhekk jostakolaw l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ( 23 ).

    57.

    Jidher li l-ġurisprudenza tadotta definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ dak li jikkostitwixxi potenzjalment “restrizzjoni”.

    58.

    Fis-settur tal-logħob tal-ażżard, ġew għalhekk ikkunsidrati bħala restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u/jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri adottati mill-Istati Membri li għandhom bħala effett li jipprojbixxu jew, fi kwalunkwe każ, li jillimitaw f’diversi gradi d-dritt li jiġi organizzat u propost logħob fit-territorju tal-Istati Membri. Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sistema Taljana ta’ monopolji tal-Istat u ta’ liċenzji li jirregolaw l-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet iddeċidiet li din kienet tinvolvi dawn ir-restrizzjonijiet ( 24 ).

    59.

    Fil-fehma tiegħi, minn dan wieħed għandu jikkonkludi l-istess ukoll fir-rigward ta’ miżuri li jimponu ċerti kundizzjonijiet fuq l-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti organizzata għall-kisba ta’ liċenzja.

    60.

    Jidhirli li dan huwa l-każ tal-miżura kkontestata, jiġifieri l-obbligu, li jirriżulta minn ftehim, ta’ trasferiment mingħajr ħlas impost mill-Artikolu 25 tal-abbozz ta’ kuntratt applikabbli għal-liċenzji mogħtija wara s-sejħa għal offerti mnedija fl-2012.

    61.

    Fil-fatt, miżura bħal din tidher bħala żvantaġġuża għall-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jwettqu l-attività ta’ ġbir ta’ mħatri.

    62.

    Fil-fatt jidher li l-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas tal-użu tat-tagħmir użat għall-ġbir ta’ mħatri fil-każ ta’ waqfien tal-attività, inkluż fil-każ ta’ sempliċi skadenza tal-liċenzja, jista’ jkun ta’ natura li jagħmel l-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika inqas attraenti. Ir-riskju għal impriża li jkollha tittrasferixxi, mingħajr korrispettiv finanzjarju, l-użu ta’ beni fil-pussess tagħha, li b’hekk jipperkludiha milli tikseb dħul mill-investiment tagħha, huwa ta’ natura li jirrendi inqas attraenti l-parteċipazzjoni tagħha fis-sejħa għal offerti tal-2012, jekk mhux jiskoraġġixxiha milli tipparteċipa f’tali sejħa għal offerti, bil-għan tal-għoti ta’ liċenzja.

    63.

    L-obbligu kkontestat ta’ trasferiment mingħajr ħlas jidher iktar u iktar vinkolanti u dissważiv (restrittiv) għaliex dan jista’, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 25 tal-abbozz ta’ kuntratt, ikun akkumpanjat b’obbligi supplimentari, bħall-obbligu eventwali li t-tagħmir imsemmi jingħata liberu minn drittijiet u minn pretenzjonijiet ta’ terzi, l-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż tat-trasferiment fiżiku tat-tagħmir kif ukoll l-ispejjeż eventwali li jirriżultaw min-neċessità ta’ trasferiment tal-beni inkwistjoni “f’kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-funzjonament tan-netwerk elettroniku”. Bl-istess mod, l-obbligi “li [l-awtorità kkonċernata] tingħata d-data u l-informazzjoni utli kollha sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-ġestjoni”, li “jiġi inkluż, fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi mal-fornituri tagħha, klawżola li tipprevedi favur [l-ADM] il-fakultà ta’ surroga u/jew ta’ tiġdid tal-kuntratti fl-iskadenza tagħhom” (bil-ħlas tal-korrispettivi eventwalment meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola) u, fl-aħħar nett, li “tintemm, wara talba tal-[ADM], kull relazzjoni ta’ subordinazzjoni u ta’ kollaborazzjoni stabbilita għall-implementazzjoni tal-liċenzja”, obbligi li huma espressament previsti fl-Artikolu 25(4) sa (6) tal-abbozz ta’ kuntratt, isaħħu n-natura partikolarment restrittiva tal-miżura kkontestata.

    64.

    Fl-aħħar nett, il-miżura kkontestata, li timponi fuq l-offerenti fis-sejħa għal offerti tal-2012 sensiela ta’ obbligi ta’ natura li jinvolvu fir-rigward tagħhom konsegwenzi ekonomiċi sinjifikattivi, hija ta’ natura li tinfluwixxi fuq id-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw jew le f’dik is-sejħa għal offerti, u għaldaqstant, potenzjalment tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    b) Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni imposta b’mod diskriminatorju

    65.

    Qabel ma nittratta l-kwistjoni tal-ġustifikazzjonijiet invokati insostenn tad-dispożizzjoni kkontestata, għandu jiġi ddeterminat fil-qosor jekk ir-restrizzjonijiet kkontestati kinux ġew imposti b’mod diskriminatorju. Fil-fatt, huma biss ir-restrizzjonijiet li huma applikabbli mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità li jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ( 25 ).

    66.

    F’dan il-każ, jidhirli li jirriżulta mill-elementi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżura kkontestata hija imposta fuq l-operaturi kollha li jixtiequ jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti mnedija fl-2012, u dan ikun li jkun il-post ta’ stabbiliment tagħhom.

    67.

    Anki jekk wieħed iqis li għandu jiġi kkunsidrat, kif tagħti x’tifhem R. Laezza, sostnuta fuq dan il-punt mill-qorti tar-rinviju, li l-miżura kkontestata fil-verità tapplika biss għall-kandidati l-ġodda detenturi ta’ liċenzja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, din il-miżura ma jidhirlix li tinvolvi wkoll xi diskriminazzjoni fir-rigward tal-operaturi li ma humiex stabbiliti fit-territorju Taljan. Fil-fatt, anki f’dan il-każ, il-miżura kkontestata għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi kkunsidrata bħala applikabbli mingħajr distinzjoni għall-kandidati fis-sejħa għal offerti organizzata fl-2012.

    2. Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni kkontestata

    68.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll il-prevenzjoni tal-frodi u l-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob ( 26 ). Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Taljana fuq il-logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-għan relatat mal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-logħob tal-ażżard huwa ta’ natura li jiġġustifika r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni ( 27 ).

    69.

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 25 tal-abbozz ta’ kuntratt fih biss ftit indikazzjonijiet dwar l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti bl-adozzjoni tal-miżura kkontestata, u din tal-aħħar tillimita ruħha ssemmi biss li l-“beni għandhom jiġu ttrasferiti […] f’kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-funzjonament tan-netwerk elettroniku”.

    70.

    Għalkemm il-qorti tar-rinviju esprimiet l-idea li din il-miżura probabbilment kienet tobdi “loġika ta’ sanzjoni” mingħajr preċedent, il-Gvern Taljan, min-naħa tiegħu, indika li l-miżura inkwistjoni kienet, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet differenti li jinstabu fl-Artikolu 25 tal-abbozz ta’ kuntratt u fl-Artikolu 1(77) tal-Liġi Nru 220, iġġustifikata min-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz ta’ ġbir legalment awtorizzat u għalhekk tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġbir illegali billi operatur li ma jkollux iktar l-awtorizzazzjonijiet neċessarji jiġi prekluż milli jkompli l-ġbir. Hija tenfasizza, f’dan il-kuntest, li, hekk kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, il-logħob tal-ażżard fil-fatt jinvolvi riskji partikolarment għolja ta’ reati u ta’ frodi, fid-dawl tal-importanza tas-somom li dan jippermetti li jinġabru u tal-qligħ li dan jista’ joffri lill-ġugaturi ( 28 ).

    71.

    Fil-fehma tiegħi, l-għan tal-kontinwità tas-servizz, bil-għan aħħari tal-ġlieda kontra l-ġbir illegali ta’ mħatri u l-kriminalità, jista’, b’mod globali, jirrappreżenta raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, billi l-operaturi attivi f’dan is-settur jiġu suġġetti għal kontroll u billi jiġu inkanalati l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fis-sistemi kkontrollati b’dan il-mod, huwa rrikonoxxut bħala li huwa ta’ natura li jiġġustifika restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali ( 29 ).

    72.

    Barra minn hekk u kif semma l-Gvern Taljan, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ liċenzji, li l-prinċipju tagħha kien ġie vvalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja, timplika l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzji li jinvolvu impenji reċiproċi vinkolanti bejn l-awtorità li tagħti l-liċenzja u l-impriża li tingħatalha din il-liċenzja.

    73.

    F’kuntest bħal dan, u kif huwa previst fid-diversi dispożizzjonijiet nazzjonali, it-trasferiment, mingħajr ħlas, ta’ ċerti beni speċifiċi mal-iskadenza tal-kuntratt ta’ liċenzja huwa konċepibbli f’ċerti ipoteżijiet.

    74.

    Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ beni msejħin “ta’ ritorn”, magħrufin fid-dritt amministrattiv Franċiż, fil-każ ta’ liċenzji fir-rigward ta’ servizz pubbliku. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, dawn il-beni, li jitqiesu indispensabbli għall-eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku, huma kkunsidrati bħala l-proprjetà ab initio tal-amministrazzjoni u għalhekk għandhom jiġu rritornati lilha mingħajr ħlas, anki jekk ikunu ġew iffinanzjati u maħluqa mill-persuna delegata. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-kwalità ta’ beni ta’ ritorn tista’ ma teskludix kumpens, fir-rigward tal-parti mhux ammortizzata tal-beni ( 30 ).

    75.

    Għandu jiġi indikat ukoll li, għalkemm dan it-trasferiment “mingħajr ħlas” huwa ġġustifikat għal kollox ekonomikament fil-preżenza ta’ infrastrutturi partikolarment għoljin u li għandhom natura mhux funġibbli u mhux trasferibbli, dan huwa iktar diffiċilment konċepibbli fil-preżenza ta’ beni li l-akkwist tagħhom jew il-ħolqien tagħhom ma jqajmux diffikultajiet partikolari.

    76.

    Madankollu, jekk wieħed jissupponi li l-qorti tar-rinviju tasal sabiex tikkunsidra li l-għan veru li għandu jintlaħaq mill-miżura kkontestata ma huwiex il-kontinwità tas-servizz u l-ġlieda kontra l-kriminalità, imma sempliċi massimazzjoni tad-dħul tal-Istat, allura, kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan uniku ta’ massimazzjoni tad-dħul tat-Teżor pubbliku ma jippermettix restrizzjoni bħal din fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 31 ). Fil-fatt, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jwasslux verament sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawhom u, jekk ikun il-każ, jekk ir-restrizzjonijiet li dawn jimponu jidhrux li huma sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet ( 32 ). F’dan il-kuntest, huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jinvoka għan adattat sabiex jilleġittima l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandu jipprovdi lill-qorti mitluba tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-elementi kollha li jistgħu jippermettulha tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tissodisfa sew ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 33 ).

    77.

    Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tapprova r-raġunijiet ta’ interess leġittimu mressqin mill-Gvern Taljan, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll li l-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas ikkontestat jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    3. Fuq in-natura proporzjonata tal-miżura fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali allegat

    78.

    Għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tar-rinviju ftit tagħti indikazzjonijiet utli dwar il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni u għall-applikazzjoni tal-miżura kkontestata. B’mod partikolari, la l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom it-trasferiment mingħajr ħlas u lanqas in-natura tas-setgħa li tiġi ordnata miżura bħal din (diskrezzjonali jew le) ma huma msemmijin.

    79.

    Kif se ngħid iktar ’l isfel, din l-informazzjoni hija, għalhekk, parametru rilevanti u essenzjali fl-eżami tan-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni.

    80.

    Dan ir-rekwiżit għandu importanza kbira meta jiġu diskussi preċiżament kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ qasam, bħal dak tal-logħob tal-ażżard, li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li ma teżistix armonizzazzjoni fuq skala Ewropea u li l-Istati Membri jkomplu jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’qasam bħal dan, l-awtoritajiet nazzjonali inġenerali, u l-qorti nazzjonali b’mod partikolari, huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jidentifikaw l-għanijiet leġittimi li effettivament għandhom jintlaħqu u l-mezzi sabiex dawn jintlaħqu.

    81.

    Il-ftit informazzjoni pprovduta dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-miżura kkontestata hija, jekk ikun il-każ, imposta fuq id-detentur ta’ liċenzja tirrendi impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta definittiva u għalhekk utli għad-domanda magħmula.

    82.

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha tindika li, għalkemm l-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas tal-użu tal-beni, previst fl-Artikolu 25 tal-abbozz ta’ kuntratt, ma jidhirx li huwa irraġonevoli fil-każijiet ta’ skadenza u ta’ revoka tal-liċenzja, għall-kuntrarju dan ma jidhirx li huwa l-każ fl-ipoteżi fejn l-obbligu huwa sempliċiment marbut mal-iskadenza tat-tul limitu ta’ żmien tal-liċenzja u mhux ma’ ħtija jew ma’ nuqqas tad-detentur ta’ liċenzja.

    83.

    Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda dettall fuq in-natura u l-valur tal-beni li l-użu tagħhom, bis-saħħa tal-miżura kkontestata, għandu jiġi ttrasferit mingħajr ħlas.

    84.

    Jidhirli li dawn id-dettalji huma madankollu kruċjali sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar is-sitwazzjoni fattwali u ġuridika nazzjonali, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tipprovdiha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel biss kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali u tagħmel konġetturi mhux wisq mixtieqa.

    85.

    Minkejja n-nuqqas ta’ dawn id-dettalji u peress li għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi definittivament dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura kkontestata, jiena jidhirli, madankollu, li jkun opportun li jingħataw lill-qorti tar-rinviju, sa fejn ikun possibbli, indikazzjonijiet dwar il-parametri li hija għandha, fi kwalunkwe każ, tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżami tagħha.

    86.

    L-ewwel nett ser nittratta l-kwistjoni tan-natura xierqa tal-miżura kkontestata, sabiex imbagħad nittratta, it-tieni nett, il-kwistjoni tal-proporzjonalità tagħha.

    87.

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-punt jekk il-miżura kkontestata hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet invokati mill-Istat Membru (eżami tan-natura xierqa), naħseb li jista’ jkun hemm dubji dwar dan.

    88.

    L-ewwel nett, jidher li ma jistax jiġi eskluż li t-trasferiment mingħajr ħlas, lill-ADM jew lil detentur ta’ liċenzja ieħor, tal-użu tal-beni materjali u immaterjali li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri, jista’, fil-każijiet – probabbilment rari – tat-terminazzjoni f’daqqa tal-kuntratt ta’ liċenzja b’riżultat ta’ skadenza jew ta’ revoka, ikun xieraq sabiex jiggarantixxi l-kontinwità tas-servizz, dan ma jidhirx li huwa neċessarjament il-każ fl-ipoteżi fejn il-kuntratt ta’ liċenzja jasal fl-iskadenza naturali tiegħu.

    89.

    Biex immorru lura għall-kawża prinċipali, jirriżulta b’mod ċar mid-digriet-Liġi tal-2012 [ara l-Artikolu 10(9g)(b)] li l-liċenzji l-ġodda jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2016. F’dawk il-kundizzjonijiet, ir-rekwiżit ta’ kontinwità tal-attività awtorizzata ta’ ġbir ta’ mħatri, li jidher li jimmotiva l-miżura ta’ trasferiment mingħajr ħlas ikkontestata, jidher li diffiċli jinftiehem, għaliex id-data ta’ skadenza tal-liċenzja hija fatt perfettament magħruf mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti.

    90.

    Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-għan ta’ kontinwità tal-funzjonament tan-netwerks awtorizzati ta’ logħob, bil-għan aħħari li tiġi inkanalata t-talba għal-logħob lejn sistemi legali, jekk wieħed jassumi li l-ilħiq ta’ dan l-għan iseħħ, għandu jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku.

    91.

    Bl-istess mod, jirriżulta mid-dispożizzjoni kkontestata li t-trasferiment mingħajr ħlas tal-użu tal-beni li jikkostitwixxi n-netwerk ta’ logħob ma huwiex impost b’mod sistematiku, imma biss “[f]uq talba espressa tal-ADM”, fatt li, fin-nuqqas ta’ dettalji mogħtija f’dan ir-rigward, iħalli dubju dwar il-kundizzjonijiet preċiżi li fihom dan huwa impost u għalhekk, dwar in-natura xierqa u trasparenti tal-miżura kkontestata.

    92.

    F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-miżura kkontestata sempliċement tagħti setgħa kuntrattwali lill-ADM, li bl-ebda mod ma hija obbligata li titlob it-trasferiment mingħajr ħlas tal-użu ta’ beni intiżi għall-ġestjoni u għan-netwerk ta’ logħob u li, fi kwalunkwe każ, ma tistax teżerċitaha arbitrarjament. Mistoqsi fuq dan il-punt matul is-seduta, il-Gvern Taljan indika li ma setax jagħti iktar indikazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-ADM tirrikorri għall-miżura kkontestata, billi din il-miżura qatt ma ġiet attivata.

    93.

    Anki hemmhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-miżura kkontestata, kif isostni l-Gvern Taljan, hija intiża sabiex tapplika biss fl-ipoteżijiet estremi u ristretti b’mod ċar bil-għan li jiġi ggarantit li jintlaħqu l-għanijiet invokati minn dan il-gvern. Bl-istess mod, hija għandha tivverifika li din il-miżura hija imposta konkretament b’mod mhux diskriminatorju, oġġettiv u trasparenti.

    94.

    It-tieni nett, fil-każ li l-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li l-obbligu kkontestat ta’ trasferiment mingħajr ħlas jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li jsemmi l-Gvern Taljan, u li dan huwa impost b’mod mhux diskriminatorju, oġġettiv u trasparenti, dan tal-aħħar xorta għandu jivverifika li l-miżura kkontestata ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    95.

    L-ewwel nett, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-għan allegat ta’ kontinwità tal-attivitajiet ta’ ġabra ta’ mħatri bejn il-liċenzji mogħtija fl-2012, wara d-digriet-liġi tal-2012, u l-liċenzji li ser jingħataw fl-2016 ma jistax jintlaħaq b’mezzi oħrajn, wara li titqies b’mod partikolari l-iskadenza magħrufa ta’ dawn tal-aħħar, bħat-tnedija, f’waqtha, ta’ sejħa ġdida għal offerti – u, fl-istess ħin, l-għoti ta’ malajr ta’ liċenzji ġodda – jew, ħafna iktar sempliċi, it-tiġdid tal-liċenzji mogħtija diġà, li jidher mezz ħafna iktar probabbli ( 34 ).

    96.

    Sussegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha timpenja ruħha, f’kull każ, li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-beni kkonċernati mill-obbligu tat-trasferiment mingħajr ħlas.

    97.

    Jekk jiġi konkluż li dan il-valur, partikolarment dak tat-tagħmir informatiku intiż għall-ġestjoni u għall-ġbir ta’ mħatri, huwa simboliku, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-EUR 11000 li l-offerenti għandhom, fi kwalunkwe każ, iħallsu bħala valur bażiku tal-kuntratt skont l-Artikolu 10(9g)(c) tad-digriet-liġi tal-2012, jista’ għalhekk jiġi konkluż li l-miżura kkontestata hija proporzjonata.

    98.

    Fl-evalwazzjoni tal-valur ta’ dawn il-beni, il-fatt, li jsemmi l-Gvern Taljan, li dawn jiġu, għal kollox jew parzjalment, “ammortizzati” fl-iskadenza tal-liċenzja jħalli barra, fil-fehma tiegħi, żewġ elementi fundamentali. L-ewwel wieħed huwa li l-miżura kkontestata hija intiża li tiffunzjona mhux biss fl-iskadenza naturali tal-liċenzja, imma wkoll fil-każ ta’ waqfien forzat u antiċipat tal-liċenzja. It-tieni wieħed huwa li, anki jekk wieħed kellu jassumi li l-beni li huma s-suġġett tat-trasferiment mingħajr ħlas ġew ammortizzati, dan bl-ebda mod ma jfisser li d-detentur ta’ liċenzja kkonċernat ma jbatix dannu ekonomiku, billi huwa jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jittrasferixxihom bi ħlas skont il-valur tas-suq ta’ dawn il-beni.

    99.

    Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li miżura inqas vinkolanti, bħal trasferiment forżat, imma bi ħlas, tista’ tikkostitwixxi miżura inqas vinkolanti li l-awtoritajiet Taljani jkunu f’pożizzjoni li jimponu sabiex jiżguraw l-għan mixtieq li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz tal-ġbir ta’ mħatri.

    100.

    Huwa wara kunsiderazzjoni ta’ dawn il-parametri kollha li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 35 ).

    IV – Konklużjoni

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li r-risposta għad-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju tkun:

    L-Artikoli 49 TFUE et seq kif ukoll 56 TFUE et seq, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jistgħu jipprekludu klawżola, inkluża f’abbozz ta’ kuntratt ta’ liċenzja bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli, li tipprevedi l-obbligu għal detentur ta’ liċenzja li jittrasferixxi l-użu tal-beni materjali u immaterjali miżmuma taħt titolu ta’ proprjetà li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri fil-każ tal-waqfien tal-attività ta’ detentur ta’ liċenzja, minħabba l-iskadenza tat-tul limitu ta’ żmien tal-liċenzja jew minħabba l-effett ta’ deċiżjonijiet ta’ skadenza jew ta’ revoka.

    Sabiex jiġi eskluż li dan huwa l-każ, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan l-obbligu ta’ trasferiment:

    huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta’ interess leġittimu, fatt li jimplika eżami ddettaljat tar-raġunijiet imressqa f’dan ir-rigward mill-awtorità pubblika li toħroġ il-liċenzji insostenn ta’ din il-miżura;

    huwa ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess leġittimu mixtieq, fatt li jeħtieġ, fil-każ li jirriżulta li l-awtorità pubblika li toħroġ il-liċenzji għandha għan ta’ kontinwità tal-funzjonament tan-netwerks awtorizzati tal-logħob, li l-qorti tivverifika li dan l-għan qiegħed jipprova jintlaħaq b’mod koerenti u mhux diskriminatorju, u

    huwa proporzjonat fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali li jrid jintlaħaq, jiġifieri li ma huwiex impost b’mod arbitrarju u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-eżami tal-proporzjonalità jimplika, b’mod partikolari, eżami tal-valur tas-suq tat-tagħmir ikkonċernat f’dan it-trasferiment.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   Fil-fatt din it-talba taqa’ taħt kuntest ġuridiku u fattwali esplorat, b’mod partikolari, mis-sentenzi Zenatti (C‑67/98, EU:C:1999:514); Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597); Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133); Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑260/04, EU:C:2007:508); Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80); Biasci et (C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550), kif ukoll, b’mod iktar partikolari u riċenti, Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25). Din l-aħħar talba tidħol, barra minn hekk, fi grupp ta’17-il kawża li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li kollha jirrigwardaw problema simili [kawżi Tomassi (C‑210/14); Di Adamo (C‑211/14); De Ciantis (C‑212/14); Biolzi (C‑213/14); Proia (C‑214/14); Rosa (C‑433/14); Mignone (C‑434/14); Barletta (C‑435/14); Cazzorla (C‑436/14); Seminario (C‑437/14); Carlucci (C‑462/14); Baldo (C‑467/14); Pontillo (C‑474/14); Gaiti et (C‑534/14); Santoro (C‑65/15) kif ukoll Conti (C‑504/15)] u għandha tinqara flimkien ma’ tliet kawżi oħrajn, ukoll pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrigwardaw aspett differenti tal-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għal dan is-settur, jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar il-prova tal-kapaċità finanzjarja u ekonomika tal-operaturi [kawżi Politanò (C‑225/15); Durante (C‑438/15), kif ukoll Manzo )542/15)].

    ( 3 )   _ GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931.

    ( 4 )   Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2000.

    ( 5 )   C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/14, EU:C:2007:133.

    ( 6 )   Digriet-liġi, tal-4 ta’ Lulju 2006, li jipprevedi dispożizzjonijiet urġenti għall-irkupru ekonomiku u soċjali, għall-kontroll u għar-razjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, u li jipprevedi interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, mibdul f’liġi bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (GURI Nru 18, tal-11 ta’ Awwissu 2006).

    ( 7 )   C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80.

    ( 8 )   Digriet-liġi tat-2 ta’ Marzu 2012, li jipprevedi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta’ semplifikazzjoni fiskali, ta’ titjib tal-effiċjenza u ta’ tisħiħ tal-proċeduri ta’ kontroll (GURI Nru 52, tat-2 ta’ Marzu 2012, p. 1), mibdul, wara li sarulu emendi, fil-Liġi Nru 44, tas-26 ta’ April 2012 (GURI Nru 99, tat-28 ta’ April 2012, u suppliment ordinarju tal-GURI Nru 85, p. 1 et seq; test ikkoordinat, p. 23 et seq, iktar ’il quddiem id-“digriet-liġi tal-2012”).

    ( 9 )   Liġi li tipprevedi dispożizzjonijiet għat-tħejija tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (liġi ta’ stabbiltà 2011) [legge n. 220 — Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2011)], tat-13 ta’ Diċembru 2010 (Suppliment ordinarju fil-GURI Nru 297, tal-21 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 220”).

    ( 10 )   Din il-preċiżazzjoni jidhirli li hija iktar u iktar importanti għaliex, f’ċertu numru ta’ kawżi attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjonijiet mqajmin mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw dejjem is-sistema ta’ liċenzji implementata mid-digriet-liġi tal-2012 [ara r-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmulin mill-Corte suprema di cassazione (qorti tal-kassazzjoni) fil-kawżi Tomassi (C‑210/14); Di Adamo (C‑211/14); De Ciantis (C‑212/14); Biolzi (C‑213/14), u Proia (C‑214/14)).].

    ( 11 )   Ara s-sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 55).

    ( 12 )   Ara s-sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 5253).

    ( 13 )   Ara s-sentenza Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 57).

    ( 14 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Garkalns (C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 )   C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80.

    ( 17 )   C‑463/13, EU:C:2015:25.

    ( 18 )   Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 10); Schmelz (C‑97/09, EU:C:2010:632, punt 28) kif ukoll Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 15).

    ( 19 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, EU:C:2008:758, punt 17).

    ( 20 )   C‑275/92, EU:C:1994:119.

    ( 21 )   Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C-42/07 EU:C:2009:519, punt 57 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 )   Il-kwistjoni ser tiġi eżaminata hawnhekk mingħajr ma ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-libertà ta’ stabbiliment u, min-naħa l-oħra, il-libertà li jiġu provduti servizzi.

    ( 23 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 67).

    ( 24 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata); Biasci et (C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550, punt 21) kif ukoll Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punti 6970).

    ( 25 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 )   Sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 )   Ara s-sentenza Biasci et (C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550, punt 23).

    ( 28 )   Ara s-sentenza Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 )   Sentenza Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punti 4849).

    ( 30 )   Għal eżempju riċenti tar-regoli li dawn il-beni huma suġġetti għalihom, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Conseil d’État (Assemblée), tal-21 ta’ Diċembru 2012, Komun ta’ Douai Nru 342788 (ECLI:FR:CEASS:2012:342788.20121221).

    ( 31 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 55).

    ( 32 )   Ara s-sentenzi Gambelliet (C‑243/01, EU:C:2003:597, punt 75) kif ukoll Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133 punt 58).

    ( 33 )   Ara s-sentenza Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 )   F’dan ir-rigward, wieħed għandu jfakkar li l-liċenzji mogħtija fl-1999 (imsejħin “CONI”), li skadewfit-30 ta’ Ġunju 2012, ġew preċiżament imġeddin, sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tal-attivitajiet, sa Lulju 2013.

    ( 35 )   Sentenza Digibet u Albers (C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top