EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0314

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2015.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:667

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2015 ( 1 )

Kawża C‑314/14

Sanoma Media Finland Oy–Nelonen Media

vs

Viestintävirasto

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema, il-Finlandja)]

“Xandir televiżiv — Reklamar televiżiv — Direttiva 2010/13/UE — Artikolu 10(1)(c), Artikolu 19(1) u Artikolu 23 — Separazzjoni tar-reklamar mill-kontenuti l-oħrajn tal-programm — Teknika tad-diviżjoni tal-iskrin — Limitu fuq kemm idumu l-interruzzjonijiet ta’ reklamar — Informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni ta’ programmi — “Sekondi suwed” li jisseparaw l-ispots ta’ reklamar”

Introduzzjoni

1.

Il-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema) għamlet tliet domandi speċifiċi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-reklamar televiżiv u l-isponsorizzazzjoni tal-programmi televiżivi min-naħa tal-impriżi.

2.

Għalkemm id-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari ilhom japplikaw fid-dritt tal-Unjoni (minkejja li l-formulazzjoni tagħhom matul dak il-perijodu evolviet), id-domandi ġuridiċi li għamlet il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża għadhom ma ġewx eżaminati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, jidher li l-awtoritajiet amministrattivi u l-qrati nazzjonali jsegwu prattiki diverġenti fl-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha l-okkażjoni li tinterpretahom u, b’hekk, tagħti uniformità lil dawn il-prattiki.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3.

Id-domandi preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) ( 2 ).

4.

Skont l-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva 2010/13:

“Servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi li huma sponsorizzati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

[...]

c)

it-telespettaturi għandhom jiġu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza ta’ ftehim ta’ sponsorizzazzjoni. Programmi sponsorizzati għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-isem, il-logo u/jew kwalunkwe simbolu ieħor tal-isponsor bħal referenza għall-prodott(i) jew s-servizz(i) tiegħu jew sinjal distintiv tiegħu b’mod xieraq għal programmi fil-bidu, matul u/jew fit-tmiem tal-programmi.”

5.

L-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“Ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli u distinti minn kontenut editorjali. Mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ tekniki ta’ reklamar ġodda, ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping għandhom jinżammu separati sew minn partijiet oħra tal-programm b’mezzi ottiċi u/jew akustiċi u/jew spazjali.”

6.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 ta’ dik id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.   Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ teleshopping televiżiv f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u ma’ prodotti anċillari li joħorġu direttament minn dawk il-programmi, avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u tqegħid ta’ prodotti.”

Id-dritt Finlandiż

7.

Id-Direttiva 2010/13 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-Liġi Nru 744/1998 fuq l-attivitajiet tat-televiżjoni u tar-radju (televisio- ja radiotoiminnasta annettu laki 744/1998, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 744/1998”). It-traspożizzjoni tal-Artikolu 10(1)(c) tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 23(1) ta’ dik id-direttiva saret, rispettivament, mill-Artikoli 26(2), 22(1) u 29(1) tal-Liġi Nru 744/1998.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.

Sanoma Finland Oy–Nelonen Media, kumpannija fid-dritt Finlandiż (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Sanoma”) hija korp ta’ xandir televiżiv suġġett għall-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Finlandja fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/13.

9.

Fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Viestintävirasto (awtorità Finlandiża tal-komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Finlandiża ta’ Regolamentazzjoni”) adottat, fir-rigward tal-kumpannija Sanoma, deċiżjoni li imponitilha li tieqaf mill-ksur li hija kienet ikkonstatat tal-Liġi Nru 744/1998. Ir-riżervi li kellha l-Awtorità Finlandiża ta’ Regolamentazzjoni kienu jirrigwardaw il-ħin ta’ xandir ta’ spots ta’ reklamar, kif ukoll il-mod li bih il-kumpannija Sanoma kienet tissepara r-reklamar minn kontenuti oħrajn tal-programm.

10.

L-ewwel nett, il-kumpannija Sanoma użat teknika ta’ diviżjoni tal-iskrin li permezz tagħha l-programm “prinċipali” (b’mod partikolari l-closing credits) ixxandar fuq parti tal-iskrin, filwaqt li l-programmi ta’ wara ġew ippreżentati fuq l-oħra. L-Awtorità Finlandiża ta’ Regolamentazzjoni kkunsidrat li d-diviżjoni tal-iskrin f’parti ddedikata għax-xandir tal-programm prinċipali u oħra ddedikata għall-preżentazzjoni tal-programmi ta’ wara ma kinitx biżżejjed fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 744/1998 li ttrasponew l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13.

11.

It-tieni nett, l-Awtorità Finlandiża ta’ Regolamentazzjoni kkunsidrat li x-xandir tal-logo ta’ impriża li tisponsorizza xandira f’mument differenti minn dak tal-programm sponsorizzat kien, fil-verità, jikkostitwixxi reklamar, b’mod li dik ix-xandira kellha tiġi inkluża fil-ħin ta’ reklamar. Għalhekk, dik l-awtorità kkonstatat li l-kumpannija Sanoma kienet qabżet il-limitu tal-ħin ta’ xandir tal-ispots ta’ reklamar stabbilit fl-Artikolu 29(1) tal-Liġi Nru 744/1998 (Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13).

12.

It-tielet nett, l-Awtorità Finlandiża ta’ Regolamentazzjoni kkunsidrat li l-kumpannija Sanoma kienet qabżet il-ħin massimu msemmi iktar ’il fuq għar-reklamar, għar-raġuni li kellhom jiġu inklużi f’dan il-limitu l-pawżi qosra (imsejħin “sekondi suwed”) li jisseparaw id-diversi spots ta’ reklamar.

13.

Il-kumpannija Sanoma ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità Finlandiża ta’ Regolamentazzjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (tribunal amministrattiv ta’ Ħelsinki). Din il-qorti ċaħdet ir-rikors u żammet fis-seħħ id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. Il-kumpannija Sanoma ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

14.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto‑oikeus (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-qsim tal-iskrin ma huwiex ikkunsidrat bħala sinjal ta’ separazzjoni li timmarka l-limitu bejn programm awdjoviżiv u reklami fuq it-televiżjoni, jekk parti mill-iskrin tkun irriżervata għal-lista ta’ atturi eċċ. fl-aħħar tal-film [closing credits] u parti oħra mill-iskrin għall-preżentazzjoni tal-programmi futuri ta’ stazzjon ta’ kumpannija permezz ta’ ‘menus’ u fejn ma jidhirx fl-iskrin imqassam u lanqas wara, sinjal akustiku jew ottiku li jindika espressament il-bidu ta’ sekwenza ta’ riklami?

2)

Fid-dawl tan-natura ta’ leġiżlazzjoni minima tad-Direttiva 2010/13/UE, l-Artikolu 23(2) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, huwa jipprekludi li sinjali ta’ sponsor ippreżentati fil-kuntest ta’ programmi oħra li ma humiex il-programmi sponsorjati huma kkunsidrati bħala ‘[spots ta’ reklamar]’ fis-sens tal-Artikolu 23(1) tad-direttiva, li għandhom jiġu inklużi fit-tul massimu tal-ħin tar-riklami?

3)

Fid-dawl tan-natura ta’ leġiżlazzjoni minima tad-Direttiva 2010/13/UE, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ ‘spots ta’ reklamar’ fl-Artikolu 23(1) tad-direttiva flimkien mal-espressjoni ’limitu ta’ 20 % [...] għal kull siegħa bl-arloġġ’, li tiddiskrivi t-tul massimu tal-ħin tar-riklami, għandu jiġi interpretat b’tali mod li jikkostitwixxi ostaklu għall-inklużjoni fil-ħin tar-riklami ta’ ‘sekondi suwed’ li jidhru fl-interludju bejn id-diversi riklami u fi tmiem waqfa pubbliċitarja?”

15.

Il-Gvernijiet tal-Finlandja, tal-Greċja, tal-Awstrija u tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma torganizzax seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Analiżi

16.

Hemm bżonn li tingħata risposta separata għal kull domanda preliminari, fl-ordni li saru.

Fuq l-ewwel domanda preliminari

17.

Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-iskrin jiġi diviż f’żewġ partijiet, fejn parti waħda tkun iddedikata għar-reklamar, jikkostitwixxi separazzjoni suffiċjenti bejn ir-reklamar u l-kontenut editorjali, jew jekk din il-parti tal-iskrin iddedikata għar-reklamar għandhiex tiġi identifikata wkoll.

18.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi nnutat li, skont id-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 1(1)(i) tad-Direttiva 2010/13, ix-xandiriet imxandra minn xandar televiżiv għall-finijiet ta’ awtopromozzjoni, inkluża l-promozzjoni tal-programmi tiegħu stess, jikkostitwixxu tip partikolari ta’ reklamar televiżiv. Il-premessa 96 tikkorrobora din l-interpretazzjoni. Issa, il-preżentazzjoni tal-programmi li jiġu wara għandha tiġi kkunsidrata bħala l-promozzjoni tagħhom billi din hija intiża biex tinkoraġġixxi lill-pubbliku jkompli jara dak l-istazzjon.

19.

Għalkemm l-Artikolu 23(2) tad-direttiva bla dubju jeskludi dan it-tip ta’ messaġġi mil-limiti ta’ ħin ta’ reklamar, dawn xorta jibqgħu suġġetti, bħala prinċipju, għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-direttiva dwar ir-reklamar televiżiv, fosthom l-obbligu skont l-Artikolu 19(1) tagħha, li jkun separat b’mod nett mill-kontenut editorjali. Barra minn hekk, il-premessa 96 tad-Direttiva 2010/13 tippreċiża li trejlers li jkun fihom siltiet minn programmi għandhom jiġu kkunsidrati bħala programmi. Għall-kuntrarju, il-fatt li jiġu indikati programmi mingħajr ma jixxandru siltiet, pereżempju bl-indikazzjoni biss tat-titolu tagħhom, għandu wkoll jinżamm separat b’mod nett mill-kontenuti editorjali, kif ukoll minn forom oħra ta’ reklamar.

20.

Biex niġu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi l-ewwel nett innotat li, minbarra s-sinjali viżivi jew akustiċi, din id-dispożizzjoni tawtorizza wkoll espressament l-użu ta’ mezzi ta’ spazju biex tissepara r-reklamar mill-kontenut editorjali (diviżjoni tal-iskrin). L-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ, madankollu, li fl-istess ħin, ir-reklamar televiżiv ikun jista’ jiġi faċilment identifikat u jkun jista’ jiġi distint mill-kontenut editorjali.

21.

It-teknika tad-diviżjoni tal-iskrin tista’ madankollu tintuża wkoll – u ta’ spiss hekk jiġri – biex jixxandru kontenuti oħrajn li ma jkunx reklamar, bħall-informazzjoni l-iktar importanti, billi tgħaddi minn “ticker”, strixxa fil-qiegħ tal-iskrin, jew kompetizzjonijiet għat-telespettaturi, l-awtopromozzjoni tal-korpi tax-xandir, eċċ. Is-sempliċi fatt li jkun hemm diviżjoni fl-iskrin ma jfissirx neċessarjament, għalhekk, li r-reklamar jixxandar fuq waħda mill-partijiet.

22.

Għalhekk, għalkemm l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13 teħtieġ li r-reklamar ikun faċilment identifikabbli u jkun distint mill-kontenut editorjali, fil-fehma tiegħi, ma huwiex biżżejjed li r-reklamar jixxandar fuq parti mill-iskrin diviż. Dik il-parti xorta trid tiġi indikata b’mod ċar sabiex it-telespettatur ma jkollu l-ebda dubju fuq il-fatt li l-programm imxandar hemm għandu natura ta’ reklamar. Dan l-avviż jista’ jieħu l-forma ta’ sinjal akustiku jew viżiv, analogu għal dak li jissepara r-reklamar bi skrin sħiħ, jew ta’ simbolu speċjali trażmess b’mod permanenti fuq il-parti tal-iskrin iddedikata għar-reklamar. Dan għandu jindika wkoll it-tip ta’ messaġġ kummerċjali li jirrigwarda, jiġifieri jekk huwiex riklam, telebejgħ, awtopromozzjoni, eċċ. Weħidha, id-diviżjoni tal-iskrin, mingħajr indikazzjoni supplimentari, ma tiggarantixxix it-twettiq tal-għan indikat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13.

23.

F’dan il-kuntest għandu jissemma wkoll l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2010/13 li jeħtieġ li l-introduzzjoni ta’ reklamar matul programm ma jippreġudikax l-integrità tiegħu. Is-sinjali li jidentifikaw ir-reklamar imxandar fuq parti mill-iskrin diviż għandhom b’hekk ikunu ta’ natura li jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

24.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-iskrin jiġi diviż f’żewġ partijiet fejn waħda tkun iddedikata għar-reklamar ma jikkostitwixxix separazzjoni suffiċjenti bejn dan ir-reklamar u l-kontenut editorjali. Barra minn hekk, il-parti tal-iskrin iddedikata għar-reklamar għandha tiġi indikata permezz ta’ sinjal viżiv jew akustiku fil-bidu jew fl-aħħar tas-sekwenza tar-reklamar, jew billi jixxandar b’mod fiss simbolu fil-perijodu li matulu l-iskrin ikun diviż. Dan is-sinjal jew dan is-simbolu għandhom jindikaw espressament in-natura tal-messaġġ imxandar.

Fuq it-tieni domanda preliminari

25.

Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13, moqri flimkien mal-Artikolu 10(1)(c) ta’ din l-istess direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li informazzjoni dwar programm sponsorizzat, trażmessa barra mill-ħin tat-trażmissjoni tal-programm stess, tikkostitwixxix reklamar televiżiv.

26.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13 li jiddefinixxu l-isponsorizzazzjoni tal-programmi televiżivi ( 3 ) ma humiex fformulati bil-preċiżjoni kollha possibbli. Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 1(1)(k) ta’ dik id-direttiva, l-isponsorizzazzjoni tikkonsisti fil-kontribuzzjonijiet li l-persuni minbarra l-produtturi tal-programmi u l-fornituri ta’ servizzi ta’ medja awdjoviżivi (l-“isponsors”) iġibu għall-finanzjament ta’ dawk il-programmi jew servizzi, bil-għan li jippromwovu isimhom, it-trade marks tagħhom, l-immaġni tagħhom, l-attivitajiet tagħhom jew il-prodotti tagħhom. Min-naħa l-oħra, dan l-istess Artikolu 1(1) tad-direttiva jikkunsidra, fil-paragrafu (h) l-isponsorizzazzjoni bħala waħda mill-forom ta’ “komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva”.

27.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li l-isponsorizzazzjoni fis-sens strett tikkonsisti fil-kontribuzzjoni tal-isponsor għall-finanzjament ta’ programm televiżiv, filwaqt li l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva hija informazzjoni dwar dan l-aspett li takkumpanja x-xandir tal-programm sponsorizzat. Minn naħa, din l-informazzjoni trid twettaq l-għan tal-isponsorizzazzjoni, li hija l-promozzjoni tal-isponsor, u, min-naħa l-oħra, trid tissodisfa r-rekwiżit previst fl-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva 2010, li huwa li t-telespettatur ikun informat li l-programm huwa s-suġġett ta’ sponsorizzazzjoni. Sponsorizzazzjoni għal għanijiet oħrajn li ma jkunux għall-promozzjoni tal-isponsor, pereżempju sabiex ikun hemm influwenza fuq il-kontenut tal-programm [li huwa pprojbit espressament mill-Artikolu 10(1)(a) ta’ dik id-direttiva], fil-fatt ma hijiex awtorizzata, l-istess bħall-isponsorizzazzjoni sigrieta ( 4 ).

28.

Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti u kif jinnota ġustament il-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet tiegħu f’din il-kawża, l-informazzjoni dwar il-programm sponsorizzat għandha żewġ għanijiet. Fl-ewwel lok, dik hija informazzjoni għat-telespettaturi u tipprojbixxi sponsorizzazzjoni sigrieta għal finijiet li ma jkunux il-promozzjoni tal-isponsor. Fit-tieni lok, din l-informazzjoni tirrigwarda preċiżament din l-informazzjoni tal-isponsor, billi tgħarraf u xxandar ismu, it-trade mark tiegħu jew komunikazzjoni oħra assoċjata mal-isponsor.

29.

B’din it-tieni funzjoni, l-informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni hija paragunabbli mar-reklamar televiżiv. L-impriżi jisponsorizzaw il-programmi televiżivi sabiex jippromwovu isimhom jew it-trade mark tagħhom, jew sabiex itejbu l-immaġni tagħhom mal-pubbliku. Għalhekk, l-isponsorizzazzjoni indirettament, ikollha l-għan li żżid il-bejgħ tal-prodotti jew servizzi li joffru dawn l-impriżi, u ssegwi għalhekk l-istess għanijiet tar-reklamar.

30.

Huwa għalhekk diffiċli li wieħed jaqbel mal-argument li qed issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża, fejn hija tgħid li l-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni għandhom l-uniku għan li jinfurmaw lit-telespettaturi bl-eżistenza ta’ ftehim ta’ sponsorizzazzjoni. Lanqas ma naqbel mal-fehma li esprima l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu fejn qal li teżisti differenza fundamentali bejn l-avviżi tal-isponsorizzazzjoni, li għandhom l-għan esklużiv li jidentifikaw l-isponsor, u r-reklamar televiżiv, li jrid jippromwovi l-bejgħ ta’ prodotti u ta’ servizzi. Is-sentenza Österreichischer Rundfunk ( 5 ) li jinvoka l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu b’appoġġ għal dan l-argument ma tirrigwardax id-differenza bejn l-isponsorizzazzjoni u r-reklamar, imma l-kwistjoni jekk wieħed jistax jikkunsidra bħala reklamar televiżiv kompetizzjoni li jkollha premijiet għat-telespettaturi, kif ukoll l-avviżi ta’ tali kompetizzjoni mxandra fuq it-televiżjoni.

31.

Fil-verità, l-informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni ta’ programm ma hijiex differenti mir-reklamar ħlief fil-forma, u mhux mill-għan jew is-sustanza tal-messaġġ. U din id-differenza ta’ forma mhux dejjem tidher, għaliex ir-reklamar jista’ wkoll ikun limitat biex jippreżenta isem jew trade mark, jew anki prodott jew servizz tal-impriża, mingħajr ebda kontenut addizzjonali; fil-fatt id-Direttiva 2010/13 ma tagħmel l-ebda limitu dwar il-forma tar-reklamar televiżiv. Reklamar bħal dak huwa għalhekk simili għall-informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni ta’ programm (l-avviż tal-isponsorizzazzjoni fit-terminoloġija tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13).

32.

Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13 jeħtieġ li ma jiġux inklużi l-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni fil-ħin tax-xandir iddedikat għar-reklamar, dan huwa biss minħabba l-funzjoni informattiva tagħhom. Din il-funzjoni hija ssodisfatta għal kollox bl-obbligu li jiddaħħlu dawn l-avviżi mħabbrin fil-bidu, fl-aħħar jew matul il-programm sponsorizzat, kif jimponi l-Artikolu 10(1)(c) tad-direttiva. Dwar l-informazzjoni fuq l-isponsorizzazzjoni li tixxandar f’mument ieħor, din ma għandhiex funzjoni ta’ informazzjoni imma biss ta’ promozzjoni.

33.

Fi kliem ieħor, l-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13 huma dawk li għandhom l-għan li jwettqu l-obbligu previst fl-Artikolu 10(1)(c) ta’ dik id-direttiva. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda mhux tant l-informazzjoni dwar il-programmi sponsorizzati imma l-programmi nnifishom. Huwa l-programm sponsorizzat li għandu jiġi identifikat, għaliex din l-identifikazzjoni tippermetti lit-telespettatur li jkun informat fil-grad meħtieġ u suffiċjenti ( 6 ). L-eżenzjoni li tidher fl-Artikolu 23(2) tad-direttiva tirrigwarda biss, b’hekk, l-avviżi previsti fl-Artikolu 10(1)(c) u, għalhekk, dawk li jixxandru fil-bidu, fl-aħħar jew matul il-programm sponsorizzat. Għalhekk ma tapplikax għall-informazzjoni li tirrigwarda l-isponsorizzazzjoni ta’ programmi li jixxandru f’okkażjonijiet oħra, anki meta dawn l-okkażjonijiet ikunu marbutin mal-programm sponsorizzat, bħal, pereżempju, l-avviż tiegħu.

34.

Huwa veru, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 17(1)(ċ) tad-Direttiva 89/552/KE ( 7 ) [li huwa l-predeċessur tal-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva 2010/13] li din id-dispożizzjoni ma tillimitax li tissemma l-isponsorizzazzjoni għall-mumenti biss tal-bidu u/jew tat-tmiem tal-programmi ( 8 ). Madankollu, dan il-każ jirrigwarda l-possibbiltà li tixxandar informazzjoni ta’ sponsorizzazzjoni matul il-programm li huwa s-suġġett tal-isponsorizzazzjoni. Il-leġiżlatur għamel din is-sentenza pjuttost “bla użu” għaliex l-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva 2010/13 jistabbilixxi espressament din il-possibbiltà. Iżda, fil-fehma tiegħi, din is-sentenza ma għandhiex tiġi interpretata b’mod li kull informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni ta’ programm, imxandra f’kull mument li jkun, tikkostitwixxi avviż ta’ sponsorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-direttiva u li hija suġġetta għall-esklużjoni tal-limitu tal-ħin previst għar-reklamar u stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.

35.

Minħabba l-funzjoni promozzjonali tiegħu, avviż bħal dak għandu, għall-kuntrarju, jiġi kkwalifikat bħala reklamar televiżiv u suġġett għall-kumpless ta’ regoli li d-Direttiva 2010/13 tistabbilixxi għalih, inklużi l-ħin tax-xandir [Artikolu 23(1)] u s-separazzjoni mill-bqija tal-programm [Artikolu 19(1)]. Interpretazzjoni diversa tippermetti li jsir użu abbużiv tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva għaliex ikun biżżejjed li jiġi provdut b’mod biżżejjed frekwenti avviż tal-programm sponsorizzat li jkollu fih informazzjoni fuq l-isponsor, sabiex jiġi eluż b’mod faċli l-limitu ta’ ħin iddedikat għar-reklamar li jistabbilixxi l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13.

36.

F’dawn il-kundizzjonijiet, jiena nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda preliminari tkun li l-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni li tingħata f’mument li ma jkunux fil-bidu, matul jew fl-aħħar tal-programm sponsorizzat tikkostitwixxi reklamar televiżiv u ma taqax taħt l-eżenzjoni tal-limitu tal-ħin li jiffissa l-Artikolu 23(1) ta’ dik id-direttiva għax-xandir tar-reklamar.

Fuq it-tielet domanda preliminari

37.

Dwar it-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-limitu ta’ ħin ta’ xandir ta’ reklamar li qiegħed iffissat hemm jirrigwardax kemm idumu l-ispots ta’ reklamar stess jew jekk japplikax għall-perijodu totali ta’ xandir ta’ reklamar (bl-esklużjoni tal-messaġġi elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu), jiġifieri jiġu kkunsidrati l-pawżi bejn id-diversi spots ta’ reklamar.

38.

Din il-problema dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ħin għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar televiżiv kienet diġà suġġett fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tagħha ARD ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli previsti fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 89/552 (li jikkorrispondi mal-Artikolu 20(2) attwali tad-Direttiva 2010/13) li jistabbilixxu l-frekwenza li biha l-programmi jistgħu jiġu interrotti mir-reklamar, jirriferixxux għall-perijodu “nett” ta’ kemm idum il-programm, għal kemm idum ukoll il-kontenut editorjali, jew kemm idum b’kollox (ħin gross), jiġifieri billi jiġu kkunsidrati l-interruzzjonijiet ta’ reklamar.

39.

Wara li kkonstatat, l-ewwel nett, li interpretazzjoni letterali ma tippermettix li tingħata risposta univoka għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan tad-Direttiva 89/552, li huwa li jiġi żgurat ix-xandir liberu ta’ xandiriet televiżivi, jeħtieġ li dik id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni li tippermetti l-ikbar numru possibbli ta’ interruzzjonijiet ta’ reklamar matul il-ħin totali tal-programm, jiġifieri l-prinċipju tal-ħin “gross” tal-programm ( 10 ). Jekk wieħed irid japplika dan it-tip ta’ raġunament għal din il-kawża, għandha tingħata l-interpretazzjoni l-iktar letterali possibbli tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 li tgħid li l-limitu ta’ ħin li huwa stabbilit hemmhekk għar-reklamar jirrigwarda biss kemm idumu l-ispots stess, mingħajr ma jiġu inklużi, pereżempju, is-“sekondi suwed”.

40.

Fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ħadet ukoll inkunsiderazzjoni għanijiet oħrajn li jsegwu id-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/552. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Spanja ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’riferiment espress għas-sentenza tagħha ARD, li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati billi jiġi rrikonċiljat l-eżerċizzju tal-libertà li jixxandru messaġġi ta’ reklamar televiżiv mal-obbligu tal-protezzjoni tat-telespettaturi kontra xandir eċċessiv ta’ reklamar ( 12 ).

41.

Hija wkoll fost l-għanijiet li għandha d-Direttiva 2010/13, li tissemma, fil-premessa 83 ta’ din tal-aħħar, l-assigurazzjoni ta’ protezzjoni kompleta u adegwata tal-konsumaturi li huma t-telespettaturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza ta’ din il-protezzjoni fis-sentenza tagħha Sky Italia ( 13 ) – filwaqt li diġà kienet ibbażat ruħha fuq id-Direttiva 2010/13. F’dawk il-kundizzjonijiet, jiena nqis li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-protezzjoni tat-telespettaturi kontra reklamar eċċessiv, kif ukoll b’mod li jiġu rrikonċiljati l-interessi finanzjarji tal-korpi ta’ xandir televiżiv u ta’ min jirriklama, minn naħa, u l-interessi tat-telespettaturi, min-naħa l-oħra ( 14 ).

42.

Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 jistitwixxi limiti ta’ ħin ta’ xandir ta’ “spots ta’ reklamar”, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata letteralment, b’mod li dan il-limitu jirrigwarda biss kemm idumu dawk l-ispots. Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur uża l-kliem “spots ta’ reklamar” f’din id-dispożizzjoni bil-għan li jiddistingwi dan it-tip ta’ reklamar minn forom oħra ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, partikolarment tal-awtopromozzjoni, tal-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u tat-tqegħid ta’ prodotti, li huma esklużi mil-limitu ta’ ħin ta’ xandir bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tad-direttiva.

43.

Lanqas ma huwa b’kumbinazzjoni li l-leġiżlatur iddefinixxa l-limitu ta’ ħin tax-xandir tar-reklamar bħala parti tal-ħin totali ta’ xandir (20 % ta’ kull siegħa tal-arloġġ). Għalhekk il-ħin ta’ xandir jinqasam f’ħin iddedikat għar-reklamar (u għat-teleshopping) – b’massimu ta’ 20 % – u f’ħin iddedikat għall-kontenut editorjali u, jekk ikun il-każ, għall-komunikazzjonijiet kummerċjali li ma humiex suġġetti għal-limitu – tal-inqas 80 %.

44.

Iżda huwa evidenti li, minbarra l-komunikazzjoni bażika (jiġifieri l-ispots ta’ reklamar matul il-ħin allokat għar-reklamar u l-programmi matul il-perijodu ddedikat għall-kontenut editorjali), ċerta parti tal-ħin ta’ xandir jinkludi elementi meħtieġa mill-aspett tekniku, bħall-avviżi, il-closing credits tal-programmi jew il-pawżi ta’ bejniethom. Is-“sekondi suwed” li jisseparaw l-ispots ta’ reklamar differenti jikkostitwixxu huma stess dawn l-elementi. Għalkemm ma humiex inklużi f’kemm idumu l-ispots innifishom, il-ħin li jdumu huwa mandankollu kkunsidrat bħala ħin ta’ xandir ddedikat għar-reklamar, kif ġustament jirrilevaw l-Gvernijiet tal-Finlandja u tal-Polonja fl-osservazzjonijiet tagħhom, għaliex huma meħtieġa biex jisseparaw spot minn ieħor. Għal din ir-raġuni, is-“sekondi suwed” għandhom jingħaddu fil-limitu ta’ ħin ta’ xandir tar-reklamar li jistabbilixxi l‑Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13.

45.

L-istess jgħodd għas-sinjali viżivi jew akustiċi li jisseparaw il-komunikazzjonijiet tar-reklamar mill-kontenut editorjali. Dawn ma humiex spots ta’ reklamar, imma x-xandir tagħhom huwa obbligatorju bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13. Għaldaqstant, il-ħin ta’ xandir ta’ dawn is-sinjali huwa, f’sens wiesa’, ħin iddedikat għar-reklamar u għalhekk għandu jingħadd fil-limitu stabbilit fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13.

46.

Fil-każ fejn ir-reklamar huwa separat mill-programmi permezz ta’ spazji, dan il-limitu jinkludi l-kumpless tal-ħin li matulu parti mill-iskrin tkun iddedikata għar-reklamar. Il-limitu ta’ ħin ta’ reklamar ovvjament jibqa’ ma jinbidilx u huwa ta’ 20 % ta’ kull siegħa tal-arloġġ, anki jekk ir-reklmar ikun imxandar biss fuq parti tal-iskrin.

47.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda preliminari tkun li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitu tal-ħin ta’ xandir previst f’din id-dispożizzjoni jinkludi l-ħin li jibda mill-bidu tas-sinjal viżiv jew akustiku li jimmarka l-bidu tal-interruzzjoni tar-reklamar sat-tmien is-sinjal viżiv jew akustiku li jimmarka tmiem dik l-interruzzjoni. Jekk ir-reklamar huwa separat mill-bqija tal-programm permezz ta’ spazji, dan il-limitu jinkludi t-totalità tal-ħin li matulu parti mill-iskrin hija ddedikata għar-reklamar.

Osservazzjoni finali: armonizzazzjoni minima u ċarezza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali

48.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, għal dak li jirrigwarda l-fornituri ta’ servizzi ta’ medja li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, jiġifieri l-korpi ta’ xandir televiżiv, li jistabbilixxu regoli iktar iddettaljati jew iktar stretti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-kompetenza fil-ġurisprudenza tagħha bl-indikazzjoni li l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri magħmulin bis-saħħa ta’ din id-Direttiva 2010/13 għandha natura minima ( 15 ). Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-proposti tiegħi rigward ir-risposti għad-domandi preliminari f’din il-kawża u tagħti interpretazzjoni iktar liberali tad-dispożizzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq tad-Direttiva 2010/13, tqum il-kwistjoni jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex ta’ ostakolu għall-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli bħal dawk li l-Awtorità Finlandiża ta’ Regolamentazzjoni applikat fil-każ li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali.

49.

Bħala prinċipju jiena nikkunsidra li din id-domanda titlob risposta negattiva. Ir-rekwiżit ta’ indikazzjoni espressa tal-messaġġi ta’ reklamar separati permezz ta’ spazji mill-bqija tal-programm, il-limitu impost dwar il-ħin u l-mument ta’ xandir tal-informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni ta’ programm, kif ukoll l-obbligu li jiġi kkalkolat il-limitu ta’ ħin ta’ xandir tar-reklamar filwaqt li jitqiesu s-“sekondi suwed”, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ regoli iktar iddettaljati jew iktar stretti u jidħlu fil-kamp tal-kompetenza tal-Istati Membri previst fl‑Artikolu 4(1) tad-direttiva.

50.

Filwaqt li tiġi rrispettata l-awtonomija sħiħa tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, jiena nqis, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet iktar iddettaljati jew iktar stretti għandhom jiġu fformulati espressament. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom kliem identiku jew analogu għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13 mingħajr ebda deroga espressa, għandhom għall-kuntrarju jkunu suġġetti għal interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha u, jekk ikun il-każ, li tikkonforma ma’ dik li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja timponi li tingħatalhom. F’dik is-sitwazzjoni, l-operaturi li jwettqu l-attività tagħhom fis-suq tas-servizzi awdjoviżivi fil-fatt għandhom id-dritt li jistennew li d-dispożizzjonijiet li jkollhom kliem analogu għal dak tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, jiġu interpretati b’mod uniformi u kostanti. Meta l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-direttiva ssir biss permezz ta’ prattiki amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, dan fil-fatt jikkomprometti ċ-ċertezza legali ta’ dawn l-entitajiet, kif ukoll l-għan fundamentali tad-direttiva, li huwa li jiġu armonizzati l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.

Konklużjoni

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema):

1)

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-iskrin jiġi diviż f’żewġ partijiet fejn waħda tkun iddedikata għar-reklamar ma jikkostitwixxix separazzjoni suffiċjenti bejn dan ir-reklamar u l-kontenut editorjali. Barra minn hekk, il-parti tal-iskrin iddedikata għar-reklamar għandha tiġi indikata permezz ta’ sinjal viżiv jew akustiku fil-bidu jew fl-aħħar tas-sekwenza tar-reklamar, jew billi jixxandar b’mod fiss simbolu fil-perijodu li matulu l-iskrin ikun diviż. Dan is-sinjal jew dan is-simbolu għandhom jindikaw espressament in-natura tal-messaġġ imxandar.

2)

L-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva 2010 u l-Artikolu 23(2) ta’ din l-istess direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li li l-informazzjoni dwar l-isponsorizzazzjoni li tingħata f’mument li ma jkunux fil-bidu, matul jew fl-aħħar tal-programm sponsorizzat tikkostitwixxi reklamar televiżiv u ma taqax taħt l-eżenzjoni tal-limitu tal-ħin li jiffissa l-Artikolu 23(1) ta’ dik id-direttiva għax-xandir tar-reklamar.

3)

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitu tal-ħin ta’ xandir previst f’din id-dispożizzjoni jinkludi l-ħin li jibda mill-bidu tas-sinjal viżiv jew akustiku li jimmarka l-bidu tal-interruzzjoni tar-reklamar sat-tmien is-sinjal viżiv jew akustiku li jimmarka tmiem dik l-interruzzjoni. Jekk ir-reklamar huwa separat mill-bqija tal-programm permezz ta’ spazji, dan il-limitu jinkludi t-totalità tal-ħin li matulu parti mill-iskrin hija ddedikata għar-reklamar.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 )   ĠU L 95, p. 1.

( 3 )   Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13, l-isponsorizzazzjoni tista’ tirrigwarda wkoll servizzi oħrajn ta’ medja awdjoviżiva minbarra x-xandir televiżiv; madankollu, għal raġunijiet ta’ ċarezza, f’dawn il-konklużjonijiet se nillimita ruħi għall-problema tal-isponsorizzazzjoni tal-programmi televiżivi, għaliex din tirrigwarda d-domandi preliminari li qed jiġu eżaminati. Għad-distinzjoni bejn ix-xandir televiżiv u forom oħrajn ta’ servizzi ta’ medja awdjoviżiva, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża New Media Online (C‑347/14, EU:C:2015:434).

( 4 )   L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/13 jistabbilixxi iżjed limiti fuq l-isponsorizzazzjoni, imma ma humiex rilevanti f’din il-kawża.

( 5 )   C‑195/06, EU:C:2007:613.

( 6 )   Infakkar li skont is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/13, “[…] programmi li huma sponsorizzati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin” (il-korsiv huwa tiegħi).

( 7 )   Direttiva tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224). Id-Direttiva 2010/13 tikkostitwixxi l-kodifikazzjoni tad-Direttiva 89/552.

( 8 )   Sentenza RTI et (C‑320/94, C‑328/94, C‑329/94 u C‑337/94 sa C‑339/94, EU:C:1996:486, punt 43).

( 9 )   C‑6/98, EU:C:1999:532.

( 10 )   Sentenza ARD (C‑6/98, EU:C:1999:532, punti 28 sa 32).

( 11 )   C‑281/09, EU:C:2011:767.

( 12 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑281/09, EU:C:2011:767, punt 4849). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’din il-kawża (EU:C:2011:216, punt 75).

( 13 )   C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 17.

( 14 )   Ara, b’mod analogu, is-sentenza Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 18).

( 15 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Leclerc-Siplec (C‑412/93, EU:C:1995:26, punti 2944), kif ukoll Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 12).

Top