Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0293

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:472

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑293/14

    Gebhart Hiebler

    vs

    Walter Schlagbauer

    [Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

    “Direttiva 2006/123/KE — Libertà ta’ stabbiliment — Sitwazzjonijiet purament interni — Artikolu 2(2)(i) — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni — Artikolu 10(4) — Artikolu 15(1) sa (4) — Restrizzjonijiet territorjali — Proporzjonalità — Servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali”

    I – Introduzzjoni

    1.

    “Kärnten is lei ans”.

    2.

    Dan l-islogan, li permezz tiegħu ir-residenti lokali tal-Land Awstrijak ta’ Kärnten, jesprimu bi kburija fid-djalett lokali tagħhom li hemm biss Kärnten wieħed, huwa, jekk jitqies letteralment, mhux veru fil-każ inkwistjoni. Fir-rigward tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, skont ir-regolamenti lokali t-territorju ta’ Kärnten huwa maqsum f’numru ta’ hekk imsejħin “setturi ta’ knis”. Bħala prinċipju, il-kenniesa taċ-ċmieni jistgħu joffru s-servizzi tagħhom biss fis-settur ta’ knis fejn huma residenti – ħaġa li tat fastidju lil G. Hiebler, kennies taċ-ċmieni mgħallem minn Moosburg, Kärnten, li jixtieq joffri s-servizzi tiegħu barra mis-settur tal-knis tiegħu.

    3.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab teżamina il-każ jekk liġi nazzjonali bħal dik li tirregola s-sitwazzjoni ta’ G. Hiebler hijiex konformi mad-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ), id-“Direttiva dwar is-servizzi”. L-evalwazzjoni tiegħi twassalni għall-konklużjoni li ma hijiex konformi.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-UE

    4.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

    2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

    […]

    (i)

    attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu 45 tat-Trattat;

    […]”

    5.

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva għandu t-titolu “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”. Ir-raba’ paragrafu tiegħu jgħid dan li ġej:

    “L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-fornitur ikollu aċċess għall-attività ta’ servizz, jew biex jeżerċita dik l-attività, mat-territorju nazzjonali kollu, inkluż bl-istabbiliment ta’ aġenziji, sussidjarji, fergħat jew uffiċċji, ħlief fejn awtorizzazzjoni għal kull stabbiliment individwali jew limitu ta’ l-awtorizzazzjoni għal ċertu parti tat-territorju huma ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku.”

    6.

    L-Artikolu 14 fuq “Ħtiġijiet ipprojbiti” jipprovdi:

    “L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (1)

    rekwiżiti diskriminatorji bbażati direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità jew, f’każ ta’ kumpanniji, il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat, inkluż b’mod partikolari:

    (a)

    rekwiżiti ta’ nazzjonalità għall-fornitur, il-persunal tiegħu, il-persuni li għandhom kapital azzjonarju jew membri tal-korpi amministrattivi jew ta’ sorveljanza tal-fornitur;

    (b)

    rekwiżit li l-fornitur, il-persunal tiegħu, il-persuni li għandhom kapital azzjonarju jew membri fl-amministrazzjoni tal-fornitur jew korpi ta’ sorveljanza jkunu joqogħdu fi ħdan it-territorju;

    […]”

    7.

    L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandu t-titolu “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati” u jgħid dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

    2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

    (a)

    restrizzjonijiet kwantitattivi jew territorjali, b’mod partikolari f’forma ta’ limiti ffissati skond il-popolazzjoni, jew ta’ distanza ġeografika minima bejn il-fornituri;

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

    (b)

    bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

    (c)

    proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

    4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

    [...]”

    B – Id-dritt Awstrijak

    1. Fil-livell Federali (nazzjonali)

    8.

    Skont il-Punt 120 tal-Gewerbeordnung Awstrijak (Kodiċi dwar is-sengħa, il-kummerċ u l-industrija) hija meħtieġa liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni bħala kennies taċ-ċmieni sabiex jitnaddfu, jinkinsu u jiġu spezzjonati t-trombi ta’ ċmieni u katusi tal-gass, il-pajpijiet tal-egżost tad-duħħan u tal-gass u l-fuklari mqabbdin magħhom. Sa fejn il-kenniesa taċ-ċmieni huma meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Land Awstrijak li jwettqu attivitajiet ta’ “spezzjonijiet amministrattivi”, b’mod partikolari attivitajiet marbuta mar-regolamentazzjoni tal-prevenzjoni tan-nirien, il-kontroll tal-bini jew simili, huma jwettqu dmirijiet pubbliċi u għandhom ikunu stabbiliti fl-Awstrija għal dak l-iskop.

    9.

    L-Artikolu 123 tal-Gewerbeordnung Awstrijak jgħid dan li ġej:

    “(1)

    Il-gvernatur tal-Land għandu, permezz ta’ regolamenti, jiddefinixxi l-limiti territorjali applikabbli sabiex persuna tkun tista’ teżerċita bħala kennies taċ-ċmieni. Dak ir-regolament għandu jistabbilixxi l-limiti tas-setturi tal-knis b’mod li jistgħu jitwettqu kompiti ta’ regolamentazzjoni tal-prevenzjoni tan-nirien b’mod xieraq u sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika ta’ mill-inqas żewġ negozji ta’ knis taċ-ċmieni fejn kull wieħed jimpjega mill-inqas żewġ ħaddiema fuq bażi full-time. […]

    (2)

    Jistgħu jingħataw reġistazzjonijiet tan-negozju sabiex ikun jista’ jsir ix-xogħol ta’ kennies taċ-ċmieni biss jekk dawn jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-attivitajiet previsti fl-Artikolu 120(1) għas-settur ta’ knis rilevanti. Madankollu, f’każ ta’ perikolu imminenti, fil-każ ta’ kompiti inkarigati [mill-awtoritjajiet pubbliċi] jew fil-każ ta’ bidla f’settur ta’ knis ieħor kif previst fl-Artikolu 124, l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 120(1) jistgħu jitwettqu wkoll barra s-settur ta’ knis. […]

    (3)

    Il-kenniesa taċ-ċmieni għandhom obbligu li jwettqu attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 120(1), ġewwa s-settur tal-knis, skont it-tariffa massima applikabbli fil-Land ikkonċernat.”

    10.

    Skont l-Artikolu 124 tal-Gewerbeordnung Awstrijak:

    “Fil-każ ta’ bidla tal-kennies taċ-ċmieni inkarigat biex jiknes oġġett partikolari, il-kennies taċ-ċmieni inkarigat qabel biex iwettaq ix-xogħol għandu jibgħat fil-pront rapport bil-miktub fuq l-aħħar knis li jkun sar u fuq il-kundizzjoni tal-oġġett għal knis lill-kennies taċ-ċmnieni inkarigat biex iwettaq ix-xogħol fil-futur, lill-muniċipalità u lill-proprjetarju tal-oġġett għal knis. […] Jekk ma jkunx hemm iktar minn żewġ kenniesa taċ-ċmieni fis-settur ta’ knis ikkonċernat, tkun permissibbli bidla għal settur ta’ knis ieħor.”

    11.

    L-Artikolu 125(1) tal-Gewerbeordnung Awstrijak jistabbilixxi li:

    “Il-gvernatur tal-Land għandu wkoll, permezz ta’ digriet, jistabbilixxi tariffi massimi. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-negozji u l-interessi ta’ min jirċievi s-servizz.”

    2. Fil-livell Federat – id-dritt ta’ Kärnten

    12.

    Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Land Awstrijak jinkludu regoli li jimponu fuq il-proprjetarji tal-installazzjonijiet ta’ kombustjoni obbligu li jkollhom ċmieni li jitnaddfu regolarment minn kennies taċ- ċmieni (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ knis”). Dawn jistipulaw ukoll li l-kenniesa taċ-ċmieni għandhom iwettqu wkoll dmirijiet relatati mar-regolamentazzjoni tal-prevenzjoni ta’ nirien. Fil-Land ta’ Kärnten, pereżempju, dawn jinkludu spezzjonijiet għall-prevenzjoni tan-nirien regolari, kif stabbilit fil-Kärntner Gefahrenpolizei- und Feuerpolizeiordnung (Digriet ta’ Kärnten dwar ir-regolamentazzjoni tal-perikolu u l-prevenzjoni tan-nirien).

    13.

    Skont l-Artikolu 26 ta’ dak id-digriet

    “(1)

    L-ispezzjonijiet dwar il-prevenzjoni tan-nirien, fil-każ ta’ strutturi fiżiċi, għandhom iservu biex tiġi ddeterminata kull kunidzzjoni li tista’ tikkawża jew tinkoraġġixxi perikolu tan-nar jew tagħmel iktar diffiċli jew tipprevjeni t-tifi tan-nar u t-twettiq ta’ miżuri ta’ salvataġġ.

    (2)

    Matul l-ispezzjoni għall-prevenzjoni tan-nirien, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat b’mod viżiv:

    (a)

    jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet adottati abbażi ta’ din il-liġi […] ġewx osservati jew jekk hemmx nuqqasijiet mill-perspettiva tar-regoli għall-prevenzjoni tan-nirien;

    (b)

    jekk hemmx ħsara strutturali li tirrappreżenta perikolu ta’ nar;

    (ċ)

    jekk hemmx ċirkustanzi rilevanti oħra għall-prevenzjoni tan-nirien jew tat-tifi tan-nirien. […]

    (3)

    L-ispezzjoni għall-prevenzjoni tan-nirien għandha ssir bil-kunsiderazzjoni dovuta tar-riskju li l-istruttura fiżika tirrappreżenta mill-perspettiva tal-prevenzjoni tan-nirien. Din għandha ssir, fil-każ ta’ strutturi fiżiċi li jirrappreżentaw

    (a)

    riskju żgħir ta’ nirien, kull 15-il sena;

    (b)

    riskju medju ta’ nirien, kull 9 snin; u

    (ċ)

    riskju għoli ta’ nirien, kull 5 snin; […]”

    14.

    L-Artikolu 27 tal-istess digriet jgħid li

    “(1)

    L-ispezzjoni għall-prevenzjoni tan-nirien prevista fl-Artikolu 26(3)(a) u (b) għandha titwettaq indipendentement mill-kennies taċ-ċmieni inkarigat għal dak l-iskop

    […]

    (9)

    Għal kull spezzjoni li titwettaq fis-sens tal-paragrafu (1), il-proprjetarju (l-użufruttwarju jew il-kumpannija li tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-proprjetà) għandu jħallas sehem fl-ispejjeż. Dan is-sehem jitħallas lill-kennies taċ-ċmieni. […]”

    III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    15.

    Il-partijiet fil-kawża prinċipali huma kenniesa taċ-ċmieni fil-Land Awstrijak ta’ Kärnten. Huma involuti f’tilwima dwar jekk G. Hiebler jistax jeżerċita l-attività tiegħu barra minn settur relatat mal-liċenzja tiegħu.

    16.

    Skont id-dispożizzjonijiet legali ċċitati iktar ’il fuq, G. Hiebler kiseb liċenzja tan-negozju li kienet limitata għal “settur ta’ knis A”. Kellu l-permess ukoll li jeżerċita l-attività tiegħu f’settur ieħor ta’ knis (“settur ta’ knis B”), billi ma kienx hemm iktar minn żewġ kennniesa ta’ ċmieni bin-negozji tagħhom allokati hemmhekk. Madankollu s-settur ta’ knis B ma għadux jeżisti. Taħt skema ġdida li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2011, dan ingħaqad ma’ settur ta’ knis ieħor biex ġie fformat “settur ta’ knis C” ġdid. Minn dakinhar, dan inkluda settur li fih erba’ kenniesa taċ-ċmieni huma attivi u, għal dik ir-raġuni, G. Hiebler ma jistax ikompli jaħdem f’dak is-settur, billi ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu ħallewh jagħmel hekk (okkażjonijiet fejn id-dewmien kien ikun perikoluż u kompitu fdat mill-awtoritajiet pubbliċi) ma kinux seħħew.

    17.

    Madankollu G. Hiebler bagħat bil-posta materjal ta’ reklamar biex jirbaħ klijenti ġodda f’dak is-settur wara s-27 ta’ Lulju 2011. Bis-saħħa ta’ dak ir-reklamar, 42 klijent moqdija minn W. Schlagbauer qalbu għal G. Hiebler. Bħala riżultat ta’ dan W. Schlagbauer sofra telf ta’ dħul.

    18.

    W. Schlagbauer ippreżenta rikors kontra G. Hiebler quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) fejn talab mandat ta’ inibizzjoni, pubblikazzjoni tas-sentenza u EUR 2594.65 flimkien mal-interessi u spejjeż tal-qorti. Fl-10 ta’ Marzu 2013, il-Landesgericht Klagenfurt laqgħet it-talba u ddeċidiet li l-limiti territorjali kienu jikkonformaw mad-Direttiva 2006/123 billi ma kinux diskriminatorji, kienu neċessarji u proporzjonali.

    19.

    G. Hiebler appella quddiem l-Oberlandesgericht Graz (qorti reġjonali għolja, Graz) fis-6 ta’ Novembru 2013, u din ikkonfermat dik id-deċiżjoni.

    20.

    L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), li quddiemha ġie ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi (iktar ’il quddiem l-“appell”), b’digriet tal-20 ta’ Mejju 2014, irċevut mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2014, ressqet id-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-attività professjonali kollha ta’ kennies taċ-ċmieni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva [2006/123], hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba li l-kenniesa taċ-ċmieni jwettqu wkoll kompiti fil-qasam tal-‘pulizija tan-nar’ [prevenzjoni tan-nirien] (spezzjoni għall-prevenzjoni ta’ nirien, għarfien espert fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kostruzzjoni, eċċ.)?

    (2)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: Regola tad-dritt nazzjonali, li permezz tagħha awtorizzazzjoni għall-prattika ta’ professjoni [wieħed jeżerċita] bħala kennies taċ-ċmieni hija fil-prinċipju limitata għal ‘settur ta’ knis ta’ ċmieni’ [“Kehrgebiet”] speċifiku, hija kompatibbli mal-Artikolu 10(4) u mal-Artikolu 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva [2006/123]?”

    IV – Analiżi

    A – Osservazzjonijiet preliminari

    21.

    Billi tirreferi prinċipalment għall-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, l-Oberster Gerichtshof tqis li l-każ preżenti huwa rregolat mir-regoli fuq l-istabbiliment iktar milli dawk fuq is-servizzi. Fil-fehma tiegħi dan huwa l-punt ta’ tluq korrett, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-provvista ta’ servizzi tiddistingwi ruħha mill-istabbiliment, l-ewwel u qabel kollox, bl-istabbiltà u bil-kontinwità tal-attività inkwistjoni, kuntrarjament għal attività ta’ natura temporanja ( 3 ). Fil-każ inkwistjoni, l-intenzjoni ta’ G. Hiebler hija li l-attività tiegħu ta’ knis taċ-ċmieni tkun stabbli u kontinwa.

    22.

    Għaldaqstant huwa xieraq li l-każ inkwistjoni jiġi eżaminat fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

    23.

    Barra minn dan, jidher li l-fatturi kollha tal-każ inkwistjoni huma ristretti għall-Awstrija, tabilħaqq għal-Land ta’ Kärnten. Fi kliem ieħor, ma hemm l-ebda, hekk imsejjaħ, element transkonfinali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    24.

    Kif argumentajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Trijber u Harmsen, element transkonfinali bħal dan, madankollu, ma huwiex meħtieġ. Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 fuq il-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri għandu jiġi kkunsidrat li japplika wkoll f’sitwazzjonijiet purament interni ( 4 ).

    25.

    Dan għandu wkoll il-konsegwenza li ma hemmx bżonn li titpoġġa fid-dubju l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari u li jsir riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid, minkejja l-fatt li l-każ preżenti fih innifsu ma jinkludix elementi transkonfinali, li xorta jista’ jkun hemm interess li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda magħmula ( 5 ).

    26.

    Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 japplika għall-każ ineżami, u ma hemmx il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk hemmx elementi f’dak il-każ li jaqbżu l-fruntiera Awstrijaka.

    B – L-ewwel domanda

    27.

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinvju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk l-attività kummerċjali sħiħa ta’ kennies taċ-ċmieni hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 għaliex il-kenniesa taċ-ċmieni jwettqu wkoll kompiti li jaqgħu taħt il-qasam tar-regolamentazzjoni tal-ispezzjoni għas-sigurtà kontra n-nirien. L-Oberster Gerichtshof tirreferi speċifikament għall-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123, li jeskludi attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika kif stabbilit f’dak li issa huwa l-Artikolu 51 TFUE ( 6 ).

    1. Dwar l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika

    28.

    Madankollu, din id-domanda tippreżupponi li, f’Kärnten, il-kenniesa taċ-ċmieni huma, bħala parti mill-attività tagħhom, impenjati fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

    29.

    Fuq il-bażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-qorti tar-rinviju u tal-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta, tirriżulta din is-sitwazzjoni: f’Kärnten, il-kenniesa taċ-ċmieni jwettqu diversi attivitajiet. Il-biċċa l-kbira tagħhom huma attivitajiet ekonomiċi privati, li ma huma marbuta bl-ebda mod mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Barra minn hekk, sa fejn huma meħtieġa mid-dispożizzjonijiet fil-livell Federat biex iwettqu attivitajiet ta’ “spezzjonijiet amministrattivi”, b’mod partikolari attivitajiet konnessi mar-regolamentazzjoni tal-prevenzjoni tan-nirien, il-kontroll tal-bini jew simili, huma jwettqu kompiti pubbliċi ( 7 ).

    30.

    Dawn il-kompiti pubbliċi jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123 u tal-Artikolu 51 TFUE?

    31.

    Il-kunċett ta’ “awtorità pubblika” kif stabbilit fl-Artikolu 51 TFUE, li huwa wieħed awtonomu fis-sens li għandu jiġi ddeterminat esklużivament skont id-dritt tal-UE u ma jistax jiġi ddefinit minn kull Stat Membru, jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali ta’ libertà ta’ stabbiliment li, għaldaqstant, għandu jingħata interpretazzjoni stretta. Għalkemm ma ġiex iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-astratt ( 8 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jiġi ristrett għal attivitajiet li fihom infushom huma direttament u speċifikament konnessi mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika ( 9 ). Pereżempju, atti ta’ awtentikazzjoni fdati lin-nutara, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jinvolvux konnessjoni diretta u speċifika ( 10 ).

    32.

    Barra minn hekk, attivitajiet li huma sempliċement awżiljarji jew preparatorji għall-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika ( 11 ) ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. L-istess jgħodd għal attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, għalkemm jinvolvi kuntatti, anki regolari u sistematiċi, mal-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, inkluża anki l-kooperazzjoni obbligatorja, fil-funzjonament tagħhom, iħalli d-diskrezzjoni u s-setgħat deċiżjonali tagħhom intatti ( 12 ) kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet li ma jinvolvux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali ( 13 ), setgħat ta’ infurzar ( 14 ) jew setgħat koerċittivi ( 15 ).

    33.

    Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 45(4) TFUE, li hija d-dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 51 TFUE fil-qasam ta’ moviment liberu tal-ħaddiema, is-setgħat ta’ awtorità pubblika għandhom jiġu eżerċitati fuq bażi regolari u ma għandhomx jikkostitwixxu parti minuri mid-dmirijiet tal-persuna li teżerċitahom ( 16 ).

    34.

    Waqt is-seduta, ġie argumentat li kienet l-awtorità lokali fil-persuna tas-sindku (il-“Bürgermeister”) li kienet responsabbli, skont id-dritt ta’ Kärnten, mir-regolamentazzjoni tal-prevenzjoni tan-nirien, u mhux il-kennies taċ-ċmieni. Kien is-sindku li kellu jeżerċita l-awtorità pubblika u jinforza l-obbligi fuq il-klijenti tal-kennies taċ-ċmieni permezz ta’ miżuri koerċittivi.

    35.

    F’dan l-isfond, għandi d-dubju tiegħi dwar jekk dawk il-kompiti relatati mal-prevenzjoni tan-nirien jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE, għaliex jidher li l-attivitajiet tal-kennies taċ-ċmieni huma awżiljarji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li huwa ma għandu l-ebda setgħa ta’ eżekuzzjoni, infurzar jew koerċittiva.

    36.

    Jekk l-ebda attivita ta’ G. Hiebler ma taqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123, mela l-attivitajiet kollha tiegħu huma suġġetti għad-Direttiva ( 17 ).

    2. Fuq servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali

    37.

    Se nitratta l-kunċett ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali fit-tieni domanda. Biżżejjed jingħad f’dan l-istadju li, anki fl-eventwalità li l-attivitajiet (kollha) tal-kenniesa taċ-ċmieni kellhom jiġu kkunsidrati bħala servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, xorta jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/123, il-liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, irriżervata għall-entitajiet pubbliċi u privati, ma tifformax parti mis-suġġett tad-Direttiva. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) jgħid ukoll li d-Direttiva “ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi Komunitarja, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom.” Għalija dan ifisser li, fil-prinċipju, servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/23 u dan huwa kkonfermat ukoll fil-permessa 17 tad-Direttiva ( 18 ). Barra minn hekk, huwa enfasizzat fl-Artikolu 2(2)(a) li d-Direttiva ma tapplikax għal servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, li huwa superfluwu, peress li huwa inerenti fid-definizzjoni ta’ servizz li dan jingħata għal remunerazzjoni ( 19 ). Barra minn hekk, ċerti servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, bħas-servizzi fil-qasam tat-trasport ( 20 ), huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva li jfisser a contrario li dawk is-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali li ma humiex espressament esklużi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

    38.

    Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li attivitajiet bħal dawk ta’ kennies taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten, inklużi dawk fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-prevenzjoni tan-nirien, ma jikkostitwixxux attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123 u tal-Artikolu 51 TFUE. Dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

    C – It-tieni domanda

    39.

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk skema, kif prevista fid-dritt nazzjonali, fejn il-liċenzja biex wieħed jeżerċita bħala kennies taċ-ċmieni hija limitata għal settur ta’ knis partikolari, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 10(4) u mal-Artikolu 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123. Essenzjalment id-domanda trid tiżgura jekk restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, li tirriżulta minn restrizzjoni kwantitattiva jew territorjali, tistax tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi relatati mal-interess pubbliku.

    40.

    L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2006/123 jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn skema nazzjonali għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 15 tad-Direttiva għandu bħala l-għan tiegħu l-kompatibbiltà mad-Direttiva tar-rekwiżiti nazzjonali imposti fuq min jipprovdi s-servizzi.

    1. L-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2006/12

    41.

    Qabel ma neżamina l-Artikoli 10(4) u 15, nikkunsidra li huwa meħtieġ li niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 14(1)(b).

    42.

    Jiena nqis li l-Artikolu 120 tal-Gewerbeordnung Awstrijak jimplika li għall-finijiet ta’ kisba ta’ liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, ma ssir l-ebda distinzjoni fir-rigward tat-tip ta’ attività attwali mwettqa u li għaldaqstant, kull min jixtieq jikseb liċenzja bħal dik għandu jkun stabbilit fl-Awstrija għal dak l-iskop. Jekk din is-suppożizzjoni hijiex korretta jew le hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifikaha. Iżda jekk fl-affermattiv, dan jikkostitwixxi rekwiżit diskriminatorju bbażat indirettament fuq in-nazzjonalità fis-sens tal-Artikolu 14 (1)(b) tad-Direttiva 2006/123, billi d-ditta ta’ G. Hiebler hija obbligata li tkun residenti ġewwa l-Awstrija. Dan ikun illegali per se mingħajr ma jkun hemm ebda possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ( 21 ).

    2. L‑Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2006/123

    43.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2006/123, limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal ċerta parti tat-territorju għandha tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva relatata mal-interess pubbliku.

    44.

    Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni possibbli skont din id-dispożizzjoni, il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jirreferi għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Ovvjament, peress li ma jistgħux jintużaw raġunijiet ekonomiċi, il-“vijabbiltà ekonomika ta’ [...] negozji tal-knis taċ-ċmieni” ( 22 ) ċertament ma hijiex motiv possibbli għal ġustifikazzjoni ( 23 ).

    45.

    Barra minn hekk, il-limitazzjoni għandha tkun proporzjonata ( 24 ). Għandha għalhekk tkun, l-ewwel nett, adatta ( 25 ) biex tiżgura li jintlaħaq l-għan mixtieq.

    46.

    Diġà niddubita kemm il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hija adatta.

    47.

    Sa fejn hija xierqa restrizzjoni territorjali biex tiżgura s-sigurtà pubblika fil-forma ta’ prevenzjoni tan-nirien, nistaqsi jekk ikunx iktar xieraq li l-kenniesa taċ-ċmieni jitħallew jipprovdu s-servizzi tagħhom f’territorji oħrajn, billi dan jikkontribwixxi għal provvista aħjar għal klijenti.

    48.

    Huwa veru li fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjonijiet territorjali għal spiżeriji u ħwienet li jbiegħu nuċċalijiet huma proporzjonati. Fil-kawża Blanco Pérez u Chao Gómez iddeċidiet li leġiżlazzjoni fejn spiżerija waħda biss tista’ tiġi stabbilita fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ abitanti kienet proporzjonata fid-dawl tal-protezzjoni tas-saħħa ( 26 ). Fil-kawża Ottica New Line hija estendiet dan ir-raġunament għall-ħwienet li jbiegħu nuċċalijiet ( 27 ).

    49.

    Dak li jiddistingwi dan il-każ, dwar attivitajiet ta’ kennies taċ-ċmieni, minn dawk il-każijiet huwa, madankollu, element doppju ta’ immobbiltà. Mhux biss il-klijenti ma jiċċaqalqux billi, min-natura tal-affarijiet, iċ-ċmieni huma parti mill-proprjetà immobbli, iżda wkoll, kennies taċ-ċmieni ma jistax joħroġ mit-territorju li jkun ġie assenjat.

    50.

    Għal darba oħra, ma nistax nara kif rekwiżit bħal dan għandu jikkontribwixxi għal żieda fil-prevenzjoni tan-nirien jew tas-saħħa pubblika. Anzi bil-kontra, nassumi li jekk il-kenniesa taċ-ċmieni jitħallew jitilqu t-territorju tagħhom biex joffru s-servizzi tagħhom, dan attwalment itejjeb il-provvista adegwata lill-klijenti u għalhekk tiżdied il-prevenzjoni tan-nirien u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

    51.

    Barra minn hekk, ir-restrizzjoni territorjali b’mod ċar tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-prevenzjoni tan-nirien, kif juri l-eżempju tal-Land Awstrijak ta’ Salzburg, li l-Oberster Gerichtshof tirreferi espliċitament għalih.

    52.

    Għaldaqstant, ir-restrizzjoni territorjali tikser l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva.

    3. Artikolu 15(1) sa (3) tad-Direttiva 2006/123

    53.

    Bħala osservazzjoni preliminari, nixtieq nistqarr l-ovvju, li għalkemm id-dispożizzjoni hija diretta lejn l-Istati Membri fil-forma ta’ obbligu ta’ evalwazzjoni, hija applikabbli direttament u tista’ tiġi invokata minn G. Hiebler kontra l-awtoritajiet Awstrijaċi.

    54.

    Ir-restrizzjoni territorjali fis-sens tal-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 għandha tkun, skont l-Artikolu 15(3), mhux diskriminatorja, iġġustifikata minn raġuni imperattiva relatata mal-interess pubbliku ( 28 ) u proporzjonata.

    55.

    L-analiżi magħmula tal-Artikolu 10(4) fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tapplika mutatis mutandis, li huwa għalfejn il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tikser l-Artikolu 15(3) ukoll.

    4. L-Artikolu 15(4) – Servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali

    56.

    Wara li saret din l-evalwazzjoni, xorta nqis li huwa xieraq li neżamina l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva, għalkemm ma tqajjimx mill-qorti tar-rinviju jew minn xi parti oħra fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ( 29 ).

    57.

    Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni ċirkolari ( 30 ), il-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva “japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom”.

    58.

    Nixtieq nipproċedi f’żewġ stadji: l-ewwel, biex nelabora fuq il-kunċett ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u, sussegwentement, biex neżamina t-tifsira tal-Artikolu 15(4).

    59.

    L-espressjoni “servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali” li toriġina mid-dritt primarju [Artikolu 106(2) TFUE] ( 31 ) ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi anki jekk ma ġietx iddefinita b’mod astratt.

    60.

    Kif intqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, ma tqajjimx il-possibbiltà li l-attivitajiet ta’ kennies taċ-ċmieni jistgħu jikkostitwixxu servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali. Madankollu, inqis li huwa xieraq li tiġi esplorata din il-possibbiltà sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-gwida massima dwar kif għandha tiddeċiedi l-każ inkwistjoni fid-dawl tad-dritt tal-UE.

    61.

    Filwaqt li Stat Membru għandu diskrezzjoni wiesgħa meta jiddetermina xi jqis bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, għandu jiżgura ruħu li kull kompitu ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali tissodisfa ċerti kriterji minimi komuni għal dawn il-kompiti kollha u turi li dawk il-kriterji huma tassew issodisfatti fil-każ partikolari ( 32 ). Dawn huma, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att tal-awtorità pubblika, li tafda lill-operaturi inkwistjoni b’kompitu ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u n-natura universali u obbligatorja ta’ dan il-kompitu ( 33 ). Barra minn hekk, Stat Membru għandu jindika r-raġunijiet għaliex jikkunsidra li s-servizz inkwistjoni, minħabba n-natura speċifika tiegħu, jistħoqqlu li jiġi kkaratterizzat bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u li jiġi distint minn attivitajiet ekonomiċi oħrajn ( 34 ).

    62.

    L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippropona d-definizzjoni li ġejja: “[is-servizz għandu jkun] b’mod mhux interrott (kontinwità); għall-benefiċċju tal-utenti kollha u fuq it-territorju kollu kkonċernat (universalità); b’tariffi uniformi u b’kundizzjonijiet ta’ kwalità simili, irrispettivament mis-sitwazzjonijiet partikolari jew mil-livell ta’ qligħ ekonomiku ta’ kull operazzjoni individwali (ugwaljanza)” ( 35 ). Ma’ dan huwa żied it-trasparenza u n-natura ekonomikament aċċessibbli ( 36 ).

    63.

    Barra minn hekk, raġuni komuni għall-Istat biex jintervjeni fil-provvista ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali hija falliment tas-suq ( 37 ).

    64.

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni mressqa mill-qorti nazzjonali u l-kjarifika li pprovda r-rappreżentant ta’ G. Hiebler waqt is-seduta, niddubita kemm il-kenniesa taċ-ċmieni jwettqu servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali f’Kärnten. Skont l-Artikolu 123(3) tal- Gewerbeordnung Awstrijak, il-kenniesa taċ-ċmieni jistgħu jkunu obbligati li jikkonkludu kuntratti ġewwa s-settur ta’ knis tagħhom. Iżda, minflok rata ta’ tariffa uniformi hemm sempliċement limitu massimu ta’ kemm il-kenniesa taċ-ċmieni jistgħu jitolbu bħala remunerazzjoni. Inqas minn dan il-limitu, kif donnha tindika l-qorti tar-rinviju, il-kompetizzjoni tmur ’il quddiem – sa fejn hija limitata bir-restrizzjoni territorjali.

    65.

    Barra minn hekk, peress li la l-qorti nazzjonali fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u lanqas il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ma qajmu l-kwistjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, ma nafx b’xi raġuni għaliex l-Awstrija għandha tikkunsidra li s-servizz ta’ kennies taċ-ċmieni, anki meta jikkonċerna r-regolamentazzjoni tal-prevenzjoni tan-nirien, minħabba n-natura speċifika tiegħu, jistħoqqlu li jiġi kkaratterizzat bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u li huwa distint minn attivitajiet ekonomiċi oħra ( 38 ).

    66.

    Wara li ntqal dan, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti u tagħti d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-gwida pprovduta iktar ’il fuq. Ma huwiex inkonċepibbli li l-eżami fattwali tal-qorti tar-rinviju jista’ jwassalha biex tikkunsidra li l-kenniesa taċ-ċmieni jwettqu servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali.

    67.

    Allura kif għandha tinftiehem id-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/13?

    68.

    L-ewwel nett, il-premessa 72 tipprovdi grad ta’ kjarifika għad-Direttiva, fejn jingħad li “[ħ]tiġijiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ tali kompiti ma għandhomx ikunu affettwati b’dan il-proċess waqt li, fl-istess ħin, jeħtieġ li jkunu indirizzati restrizzjonijiet inġustifikati għal-libertà ta’ stabbiliment”.

    69.

    It-tieni nett, id-dokument tal-Kummissjoni li ma huwiex vinkolanti imma xorta waħda huwa ta’ gwida ( 39 ) intitolat il-“Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi” ( 40 ) jitfa’ iktar dawl fuq il-kwistjoni meta jgħid fil-punt 10.2.4 tiegħu li “dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jirrevedu iżda jistgħu jżommu ’l dawk ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma proporzjonati u meħtieġa għat-twettiq tal-kompitu speċifiku fdat lill-fornitur tas-servizz. Din l-evalwazzjoni għandha ssir skond il-ġurisprudenza ta’ l-ECJ dwar servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” ( 41 ). Il-ġurisprudenza msemmija hija s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Merci convenzionali Porto di Genova ( 42 ) u Corbeau ( 43 ).

    70.

    Għalhekk, nifhem li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva jfisser dan li ġej: dan jipprovdi għall-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ dak li altrimenti jkun jammonta għal ksur tal-libertà ta’ stabbiliment skont id-Direttiva. Jekk jiġi invokat mill-Istat Membru, l-Artikolu 15(1) sa (3) ma japplikax meta l-applikazzjoni tiegħu tipprekludi s-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali milli jkun jista’ jitwettaq. L-Istat Membru għandu jimmotiva dan. Billi l-Artikolu 15(4) jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali, għandu jiġi interpretat b’mod strett. L-oneru tal-prova qiegħed fuq l-Istat Membru.

    71.

    F’dan l-isfond – anki bis-suppożizzjoni li qegħdin fil-preżenza ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, li ma naħsibx li huwa l-każ, għar-raġunijiet li tajt iktar ’il fuq – hija l-Awstrija li għandha turi li r-restrizzjoni territorjali li tinsab fil-leġiżlazzjoni tagħha hija indispensabbli għall-attività ta’ kennies taċ-ċmieni, sabiex il-popolazzjoni tiġi pprovduta b’dak is-servizz.

    72.

    Għal darba oħra, din hija evalwazzjoni fattwali li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju. Iżda, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, għandi iktar minn dubji serji li dan huwa il-każ.

    73.

    Għaldaqstant nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li (i) l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li kull min jixtieq jikseb liċenzja bħala kennies taċ-ċmieni għandu jkun residenti fl-Istat Membru u (ii) l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-liċenzja biex wieħed jeżerċita bħala kennies taċ-ċmieni hija limitata għal settur ta’ knis partikolari.

    V – Konklużjoni

    74.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) kif ġej:

    (1)

    Attivitajiet bħal dawk ta’ kennies taċ-ċmieni fil-Land ta’ Kärnten, inklużi dawk fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-prevenzjoni tan-nirien, ma jikkostitwixxux attivitajiet konnessi mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, u tal-Artikolu 51 TFUE. Dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

    (2)

    L‑Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li kull min jixtieq jikseb liċenzja bħala kennies taċ-ċmieni għandu jkun residenti fl-Istat Membru.

    (3)

    L-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-liċenzja biex wieħed jeżerċita bħala kennies taċ-ċmieni hija limitata għal settur ta’ knis partikolari.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 )   Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006 L 376, p. 36). Din id-direttiva sa issa ma tantx tat lok għal ġurisprudenza estensiva u l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa applikatha darba waħda biss. Ara s-sentenza Rina Services u Rina (C‑593/13, EU:C:2015:399). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Rina Services u Rina (C‑593/13, EU:C:2015:159, punt 1 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

    ( 3 )   Ara, bħala eżempju, is-sentenza mogħtija fil-kawża Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punti 25 et seq). Fuq id-distinzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-dritt ta’ stabbiliment, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Yellow Cab Verkehrsbetriebs (C‑338/09, EU:C:2010:568, punti 15 sa 18).

    ( 4 )   Nirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-argument tiegħi fil-punti 49 sa 57 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14), mogħtija fl-istess jum ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 5 )   Għal sunt, kategorizzazzjoni u analiżi ta’ dik il-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Venturini (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 26 sa 53).

    ( 6 )   Li kien l-Artikolu 45 KE, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123.

    ( 7 )   Ara l-Artikolu 120(1) tal-Gewerbeordnung Awstrijak.

    ( 8 )   Ara, madankollu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-kawża Reyners (2/74, EU:C:1974:59, p. 664), fejn intqal li l-kunċett ifisser “il-possibbiltà li jiġu applikati prerogattivi barra mid-dritt komuni, privileġġi ta’ setgħa uffiċjali, u s-setgħat koerċittivi imposti fuq iċ-ċittadini”.

    ( 9 )   Din hija ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Reyners (2/74, EU:C:1974:68, punt 45).

    ( 10 )   Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339, punt 93). Fil-punt 94 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li ċerti atti jew ċerti ftehimiet għandhom bilfors jiġu suġġetti għal awtentikazzjoni obbligatorja taħt piena ta’ nullità, ma jistax iqiegħed f’dubju din il-konklużjoni, peress li hija prassi li l-validità ta’ diversi atti tkun suġġetta, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u skont ir-regoli previsti, għal rekwiżiti proċedurali jew ukoll għal proċeduri obbligatorji ta’ validazzjoni.

    ( 11 )   Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi Thijssen (C‑42/92, EU:C:1993:304, punt 22); Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑114/97, EU:C:1998:519, punt 38); Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 47) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑404/05, EU:C:2007:723, punt 38).

    ( 12 )   Ara, f’dak is-sens, is-sentenza Reyners (2/74, EU:C:1974:68, punti 5153).

    ( 13 )   Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi Thijssen (C‑42/92, EU:C:1993:304, punti 2122); fi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑393/05, EU:C:2007:722, punti 3642) u fi Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑404/05, EU:C:2007:723, punti 3844).

    ( 14 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑114/97, EU:C:1998:519, punt 37).

    ( 15 )   Ara s-sentenza Anker et (C‑47/02, EU:C:2003:516, punt 61).

    ( 16 )   Ara s-sentenza Haralambidis (C‑270/13, EU:C:2014:2185, punt 58).

    ( 17 )   U anki kieku kien hekk, dawn l-attivitajiet ibbażati fuq id-dritt pubbliku jikkostitwixxu element separabbli tal-attivitajiet ta’ G. Hiebler, li jfisser li, għall-bqija, l-attivitajiet tiegħu huma suġġetti għad-Direttiva.

    ( 18 )   Skont din il-premessa,“Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma servizzi mwettqa għal konsiderazzjoni ekonomika u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Iżda ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħal dawk li jistgħu jeżistu fil-qasam tat-trasport, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ċerti servizzi oħrajn ta’ interess ekonomiku ġenerali, per eżempju, li jistgħu jeżistu fil-qasam tas-servizzi postali, huma suġġetti għal deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà għall-provvista ta’ servizzi mniżżla f’din id-Direttiva.”

    ( 19 )   Ara d-definizzjoni ta’ “servizz” fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123.

    ( 20 )   Ara l-Artikolu 2(2)d tad-Direttiva. Dwar dan il-kunċett, ara wkoll il-punti 26 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14), mogħtija fl-istess jum bħal dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 )   Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat fis-sentenza tagħha Rina Services u Rina (C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 28) li ladarba dispożizzjoni nazzjonali tinqabad mill-Artikolu 14, ma hemmx possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni.

    ( 22 )   Ara l-Artikolu 123 tal-Gewerbeordnung Awstrijak.

    ( 23 )   Sakemm, naturalment, l-attivitajiet tal-kenniesa taċ-ċmieni jikkostitwixxu servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, li ser neżamina iktar ’l isfel – ħaġa li għandi dubji serji dwarha.

    ( 24 )   Għalkemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma huwiex imsemmi espressament fl-Artikolu 10(4), jidhirli li huwa evidenti li – bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE għandu jiġi osservat.

    ( 25 )   Din hija l-kelma bl-Ingliż [suitable] użata fid-Direttiva meta telabora dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-Artikolu 15(3)(ċ). Il-kelma Ingliża użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fuq id-drittijiet fundamentali iktar tkun, minflok, “appropriate”, ara, bħala eżempju, is-sentenza Ottica New Line (C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 33).

    ( 26 )   C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 112.

    ( 27 )   C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 57.

    ( 28 )   Il-kelma “bżonn” użata fl-Artikolu 15(3)(b) jidhirli li hija kemxejn konfuża f’dan il-kuntest, billi l-Artikolu 15(3)(b) b’mod ċar jirrigwarda l-ġustifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti.

    ( 29 )   Skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex jagħtu dettalji dwar il-possibbiltà ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fil-każ inkwistjoni. It-tweġiba tal-Gvern Awstrijak ma tinkludix elementi li jiġġustifikaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva.

    ( 30 )   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ammetta dan waqt is-seduta.

    ( 31 )   L-espressjoni issa tidher ukoll fl-Artikolu 14 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    ( 32 )   Ara s-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 172).

    ( 33 )   Ibid.

    ( 34 )   Ara s-sentenza Merci convenzionali Porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27).

    ( 35 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640, punt 54).

    ( 36 )   Ibid., punt 55.

    ( 37 )   Ara Szyszczak E., The regulation of the state in competitive markets in the EU, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2007, p. 248.

    ( 38 )   Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 )   Ara l-konlużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:171, punt 22) u Rina Services u Rina (C‑593/13, EU:C:2015:159, punt 39). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Trijber u Harmsen (C‑340/14 and C‑341/14, punti 36 u 54).

    ( 40 )   Dan il-manwal diġà ssemma b’appoġġ għall-argument mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:517, punti 3745).

    ( 41 )   Ara l-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, p. 58 fil-verżjoni tal-lingwa Ingliża, disponibbli fi http://ec.europa.eu/internal_market/services/docs/services-dir/guides/handbook_mt.pdf.

    ( 42 )   C‑179/90, EU:C:1991:464.

    ( 43 )   C‑320/91, EU:C:1993:198.

    Top