Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0223

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2015.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:364

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

Kawża C‑223/14

Tecom Mican SL,

José Arias Domínguez

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria (Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Komunikazzjoni jew notifika ta’ atti — Att extraġudizzjarju — Definizzjoni”

1. 

Fis-sentenza tagħha Roda Golf & Beach Resort ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-“dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali ( 3 ), huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni ( 4 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ikkunsidrat li att ifformulat minn nutar jikkostitwixxi, “bħala tali”, att extraġudizzjarju ( 5 ).

2. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem il-kwistjoni jekk skrittura privata tistax taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ( 6 ), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1348/2000, u għaldaqstant tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

3. 

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ta’ reviżjoni ppreżentat quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria (qorti tal-ewwel istanza Nru 7 ta’ Las Palmas de Gran Canaria, Spanja) minn Tecom Mican SL ( 7 ) kontra r-rifjut tas-secretario judicial (reġistratur) ta’ dik il-qorti li jinnotifika lil MAN Diesel & Turbo SE ( 8 ), b’ittra ta’ intimazzjoni abbażi li att purament privat ma jistax jitqies bħala att extraġudizzjarju.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet jiena ser insostni, qabel kollox, li jidħol fil-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, l-att stabbilit jew iċċertifikat minn awtorità pubblika, minn uffiċjal ministerjali jew minn kull persuna kompetenti għal dan il-għan skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll kull att li t-trażmissjoni lid-destinatarju tiegħu hija neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għas-salvagwardja ta’ dritt.

5. 

Sussegwentement ser insostni li ma hemmx lok li jiġi vverifikat, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ inkwistjoni, jekk it-trażmissjoni tal-att li jissodisfa lil wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ kriterji għandhiex effett transkonfinali u hijiex neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

6. 

Finalment, ser nispjega li att extraġudizzjarju li diġà jkun ġie kkomunikat jew innotifikat lid-destinatarju tiegħu jista’ jiġi kkomunikat jew innotifikat mill-ġdid skont il-proċeduri previsti fir-Regolament Nru 1393/2007, anki meta l-ewwel komunikazzjoni jew notifika tkun diġà saret b’mod konformi ma’ dak ir-Regolament.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

7.

L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-15 ta’ Novembru 1965, dwar in-notifika f’pajjiżi barranin ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali ( 9 ), jipprovdi:

“L-atti extraġudizzjarji maħruġa mill-awtoritajiet u l-uffiċjali ministerjali ta’ Stat kontraenti jistgħu jintbagħtu għall-finijiet tan-notifika fi Stat kontraenti ieħor skont il-mezzi u l-kundizzjonijiet previsti f’din il-Konvenzjoni.”

B – Id-dritt tal-Unjoni

8.

B’att tas-26 ta’ Mejju 1997, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-konvenzjoni dwar il-komunikazzjoni u n-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali ( 10 ). L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tal-1997 jipprovdi:

“L-atti extraġudizzjarji jistgħu jintbagħtu għall-finijiet tal-komunikazzjoni jew tan-notifika fi Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.

Għalkemm il-konvenzjoni tal-1997 qatt ma daħlet fis-seħħ, minħabba nuqqas ta’ ratifikazzjoni mill-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, din ispirat ħafna lir-Regolament Nru 1348/2000.

10.

Ir-Regolament Nru 1348/2000 jirriproduċi, fl-Artikolu 16 tiegħu, it-test tal-Konvenzjoni tal-1997 f’dawn it-termini:

“Dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu ikunu trażmessi għan-notifika fi Stat Membru ieħor bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

11.

L-Artikolu 17(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi t-tħejjija ta’ glossarju ta’ atti li jistgħu jkunu nnotifikati permezz ta’ dan ir-regolament.

12.

L-imsemmi regolament ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1393/2007.

13.

Il-premessi 2 u 6 tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdu:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas-servizz bejn l-Istati Membri.

[…]

(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. […]”

14.

F’dak li jikkonċerna l-entitajiet lokali nnominati mill-Istati Membri, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra […] kompetenti biex jittrasmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor [ ( 11 )].

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra […] kompetenti biex jirċievu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor [ ( 12 )].

[…]”

15.

Konformement mal-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament, ir-Renju ta’ Spanja nnomina bħala entità ta’ oriġini lis-secretario judicial.

16.

Il-“[m]ezzi oħra ta’ trasmissjoni u servizz [notifika] ta’ dokumenti ġudizzjarji” huma previsti fl-Artikoli 12 sa 15 tar-Regolament Nru 1393/2007.

17.

Skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament:

“Id-dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu mibgħuta għal servizz fi Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

18.

L-istabbiliment ta’ glossarju ta’ atti li jistgħu jiġu nnotifikati ma huwiex previst mill-imsemmi regolament.

19.

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, dan ir-regolament jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet li jinsabu, b’mod partikolari, fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.

F’Novembru 2009, Tecom, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Spanja, u MAN Diesel, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Ġermanja, ikkonkludew kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li ġie xolt minn MAN Diesel fl-2012.

21.

Wara dak ix-xoljiment, Tecom bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fejn talbet, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ kumpens għax-xoljiment kif ukoll ta’ kommissjonijiet dovuti u mhux imħallsa. Dik l-ittra semmiet il-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja f’każ li l-intimazzjoni ma twassal għal xejn u indikat, barra minn hekk, li intimazzjoni simili, stabbilita b’att notarili, diġà kienet ġiet indirizzata lil MAN Diesel kif irrappreżentata mid-direttur eżekuttiv tagħha.

22.

Fid-19 ta’ Novembru 2013, Tecom talbet lis-secretario judicial du Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria biex jipproċedi bin-notifika ta’ dik l-ittra ta’ intimazzjoni lill-uffiċċju rreġistrat ta’ MAN Diesel bl-intervent tal-Amtsgericht Augsburg (tribunal distrettwali ta’ Augsburg, il-Ġermanja), b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007.

23.

Is-secretario judicial irrifjuta li jibgħat l-ittra għar-raġuni li ma kien hemm ebda proċedura ġudizzjarja li teħtieġ li wieħed jirrikorri għall-att ta’ assistenza ġudizzjarja mitlub.

24.

Tecom ippreżentat rikors intern kontra dak ir-rifjut, fejn sostniet li, skont is-sentenza Roda Golf & Beach Resort ( 13 ), l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jeħtieġx l-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja sabiex wieħed jipproċedi għan-notifika tal-atti extraġudizzjarji.

25.

B’digriet tal-20 ta’ Diċembru 2013, is-secretario judicial ċaħad ir-rikors intern u kkonferma d-deċiżjoni kkontestata, għaliex qies li minkejja l-assenza ta’ glossarju elaborat mir-Renju ta’ Spanja, li jippreċiża t-tip ta’ atti kkonċernati mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, ma kienx possibbli li jitqies li kull att privat seta’ jkun suġġett għal notifika b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. Is-secretario judicial ikkunsidra, b’mod partikolari, li “huma biss dawk l-atti extraġudizzjarji li jissodisfaw il-karatteristiċi indikati u li jagħtuhom karattru uffiċjali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-[imsemmi] Regolament; liema ħaġa tfisser li dawn l-atti, min-natura jew mill-karattru formali tagħhom, jipproduċu effetti ġuridiċi partikolari”. Kull interpretazzjoni oħra twassal, fil-fehma tiegħu, biex tiżnatura l-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, bir-riskju li l-qrati nazzjonali jsiru “servizzi ta’ messaġġiera”, fil-kliem li uża l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet li kien ippreżenta fil-kawża Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:134).

26.

Fit-2 ta’ Jannar 2014, Tecom ippreżentat rikors ta’ reviżjoni kontra dak id-digriet, fejn sostniet li att purament privat jista’ jiġi kkwalifikat bħala “dokumenti extra-ġudizzjarji” li jista’ jiġi nnotifikat b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007.

27.

Il-qorti tar-rinviju fakkret li, skont is-sentenza Roda Golf & Beach Resort ( 14 ), il-kunċett ta’ att extraġudizzjarju huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Hija madankollu jidhrilha li tinsab f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli li tinterpreta kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni fl-assenza ta’ kull element li jippermettilha li tiddetermina l-karatteristiċi li għandu jissodisfa att sabiex jitqies bħala att extraġudizzjarju.

28.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ limiti fir-rigward tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, minn naħa fir-rigward tal-akkumulazzjoni tan-notifika notarili u n-notifika ġudizzjarja ta’ intimazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ kundizzjoni ta’ applikazzjoni tar-Regolament ibbażat fuq l-effett transkonfinali tal-kooperazzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, meta l-iskop tal-att extraġudizzjarju jkun li jippermetti l-applikazzjoni effettiva ta’ drittijiet suġġettivi rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni.

29.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria fformulat dawn id-domandi preliminari:

“1)

Dokument purament privat jista’ jitqies bħala ‘dokument extra-ġudizzjarju’ fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 […], irrispettivament mill-fatt li dan ma nħariġx minn awtorità pubblika mhux ġudizzjarja jew minn uffiċjal pubbliku mhux ġudizzjarju?

2)

Jekk dan ikun il-każ, kull dokument privat jista’ jitqies bħala dokument extra-ġudizzjarju, jew dan id-dokument privat għandu jissodisfa ċerti karatteristiċi preċiżi?

3)

Anki meta d-dokument privat jissodisfa dawn il-karatteristiċi, ċittadin tal-Unjoni jista’ jitlob in-notifika permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 16 [tar-]Regolament Nru 1393/2007 […], meta huwa jkun diġà wettaq din in-notifika permezz ta’ awtorità pubblika oħra mhux ġudizzjarja bħal, pereżempju, nutar?

4)

Fl-aħħar nett, għall-finijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-kooperazzjoni għandha implikazzjonijiet transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern? Meta hemm lok li jitqies li l-kooperazzjoni għandha ‘implikazzjoni transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern’?”

III – L-analiżi tiegħi

A – Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

30.

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk att purament privat, li ma jkunx inħareġ jew ġie awtentifikat minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal ministerjali, jistax jitqies bħala “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007.

31.

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-aġġettiv kwalifikattiv “extra-ġudizzjarji” ma huwiex iddefinit fid-dritt tal-Unjoni, għalkemm huwa preżenti f’diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju ( 15 ). Barra minn hekk, dak l-aġġettiv jista’ jkollu tifsiriet differenti skont is-suġġett li jikkwalifika. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ deċiżjoni extraġudizzjarja jirreferi għal deċiżjonijiet mogħtija wara l-użu ta’ mezzi alternattivi għas-soluzzjoni ta’ tilwimiet, filwaqt li dak ta’ att extraġudizzjarju jista’ jissuġġerixxi interpretazzjoni iktar wiesgħa, li tmur lil hinn mis-sempliċi qafas tal-proċeduri ddestinati għar-riżoluzzjoni ta’ kawżi. Il-polisemija tat-terminu “extra-ġudizzjarji” b’hekk iwassalna biex niffukaw fuq l-analiżi tal-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007.

32.

Sabiex niddeterminaw il-kontenut ta’ dan il-kunċett, jeħtieġ li nibdew b’referenza storika.

33.

Is-sistema ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika ta’ atti permezz ta’ awtorità ċentrali tmur lura għall-konvenzjoni ta’ Den Haag, li l-Artikolu 17 tagħha jipprovdi għat-trażmissjoni, skont il-metodi u l-kundizzjonijiet previsti minn dik il-konvenzjoni, ta’ “atti extraġudizzjarji maħruġa minn awtoritajiet u uffiċjali ministerjali ta’ Stat kontraenti”. Kif jirriżulta minn qari tax-xogħlijiet preparatorji, ir-rieda tal-abbozzatur ta’ dik il-konvenzjoni kienet li jeskludi l-atti purament privati mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li l-intervent ta’ entità uffiċjali jippermetti li ssir għażla jew kontroll tal-atti li għandhom jintbagħtu ( 16 ).

34.

Madankollu, dik il-volontà restrittiva ma hijiex ikkorroborata b’mod perfett mill-manwal prattiku dwar il-funzjonament tal-Konvenzjoni dwar in-Notifikazzjoni ta’ Den Haag ( 17 ). Ċertament, din tindika li l-“atti extraġudizzjarji huma distinti minn atti ġudizzjarji inkwantu ma humiex marbuta direttament ma’ proċess, u minn atti purament privati minħabba l-fatt li jeħtieġu l-intervent ta’ ‘awtorità jew uffiċjal ministerjali’” ( 18 ). Barra minn hekk, skont dak il-manwal, “[j]eżistu għadd kbir ta’ tipi ta’ atti extraġudizzjarji. B’hekk huma atti extraġudizzjarji fis-sens tal-Artikolu 17 it-talbiet għall-ħlas, l-avviżi mogħtija fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kiri jew ta’ xogħol, il-protesti stabbiliti fir-rigward ta’ kambjali tal-kummerċ, bil-kundizzjoni li dawn jinħarġu minn awtorità jew marixxall” ( 19 ). Madankollu, fil-manwal hemm ċerti ambigwitajiet għaliex dan ikompli billi jindika, b’mod iktar ġenerali, li “[l]-oppożizzjoni għaż-żwieġ, il-kunsens għall-adozzjoni, u l-għarfien tal-paternità wkoll jaqgħu taħt din il-kategorija inkwantu jinvolvu ċerti forom li għandhom jiġu osservati” ( 20 ). Barra minn hekk, wara li jsemmi li, f’ċerti sistemi, il-persuni privati jinnotifikaw huma stess ċerti atti extraġudizzjarji b’effett ġuridiku identiku, il-manwal jirrileva li “għalkemm il-Konvenzjoni riedet teskludi mill-Artikolu 17 l-atti maħruġa minn persuni privati […], il-Kummissjoni speċjali [ħeġġet] lill-Awtoritajiet ċentrali biex jinnotifikaw l-atti extraġudizzjarji mhux maħruġa minn awtorità jew minn uffiċjal ministerjali, jekk dawk l-atti jkunu ta’ tip li, normalment, ikun jeħtieġ l-intervent ta’ awtorità f’pajjiżhom” ( 21 ). Il-manwal jippreċiża, barra minn hekk, li “[i]d-determinazzjoni ta’ att bħala ġudizzjarju jew extraġudizzjarju tiddependi mid-dritt tal-Istat rikjedenti (l-Istat ta’ oriġini)” ( 22 ), inkwantu “id-dritt ta’ dak l-Istat jiddetermina l-kompetenzi tal-awtoritajiet u l-uffiċjali ministerjali tiegħu li jistabbilixxu dokument partikolari” ( 23 ), waqt li huwa ppreċiżat li l-kunċett ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ( 24 ).

35.

Il-konvenzjoni tal-1997, li hija ispirata mill-konvenzjoni ta’ Den Haag, hija distinta minnha inkwantu ma tillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss għat-trażmissjoni ta’ atti extraġudizzjarji maħruġa minn awtoritajiet pubbliċi jew uffiċjali ministerjali. Ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-konvenzjoni tal-1997 ( 25 ) jippreċiża, f’dan ir-rigward, li għalkemm ma deherx li kien possibbli li tingħata definizzjoni preċiża ta’ atti extraġudizzjarji, “[j]ista’ jitqies li dawn jikkonsistu f’atti stabbiliti minn uffiċjal ministerjali bħal att notarili jew att ta’ marixxall, jew atti stabbiliti minn awtorità uffiċjali tal-Istat Membru, jew inkella atti li n-natura u l-importanza tagħhom jiġġustifikaw li jintbagħtu u jiġu mgħarrfa lid-destinatarji tagħhom skont proċedura uffiċjali” ( 26 ).

36.

Ir-Regolament Nru 1348/2000 jirriproduċi, fl-Artikolu 16 tiegħu, it-termini tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tal-1997. Madankollu, dan ir-regolament kien daħħal element ġdid billi pprovda għall-istabbiliment ta’ glossarju ta’ atti li jistgħu jkunu nnotifikati permezz tal-istess regolament. Dan il-glossarju, li jikkostitwixxi l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/781/KE, tal-25 ta’ Settembru 2001, li jistabbilixxi manwal ta’ entitajiet rikjesti u glossarju ta’ atti li jistgħu jiġu nnotifikati, skont ir-Regolament Nru 1348/2000 ( 27 ), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/541/KE, tat-8 ta’ April 2008 ( 28 ), kien jinkludi l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17(b) tar-Regolament Nru 1348/2000. Minn qari ta’ dak l-anness jirriżulta li l-Istati Membri kienu taw lil dik l-informazzjoni forma u kontenut differenti. Uħud minnhom kienu sempliċement jindikaw li, b’mod ġenerali, l-atti extraġudizzjarji kienu inklużi fl-atti li jistgħu jiġu kkomunikati jew innotifikati ( 29 ). Stati Membri oħrajn kienu, għall-kuntrarju, irrestrinġew b’mod ċar il-kunċett ta’ att extraġudizzjarju biss għall-atti maħruġa minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal ministerjali ( 30 ). Oħrajn kienu adottaw definizzjoni wiesgħa, li tista’ tiġbor fi ħdanha atti privati ( 31 ). Finalment, ċerti Stati Membri kienu fformulaw elenku ddettaljat ta’ atti li fil-fehma tagħhom jistgħu jiġu nnotifikati, mingħajr ma għamlu distinzjoni bejn l-atti ġudizzjarji u l-atti extraġudizzjarji ( 32 ).

37.

Rigward l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, dan jirriproduċi b’mod identiku t-termini tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000. Min-naħa l-oħra, b’differenza minn dan l-aħħar regolament, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprovdix għall-istabbiliment ta’ glossarju.

38.

Dan l-aċċenn storiku juri żewġ kunċetti differenti tal-att extraġudizzjarju fi ħdan l-Istati Membri. Wieħed minnhom jistabbilixxi l-intervent ta’ awtorità pubblika jew ta’ uffiċjal ministerjali bħala l-kriterju determinanti għall-identifikazzjoni ta’ dak l-att. L-ieħor, għall-kuntrarju, jelimina l-kriterju relatat mal-awtur tal-att u minflok huwa marbut mal-eżerċitar jew mal-ħarsien ta’ dritt. Dik l-eteroġenità tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali tispjega b’ċertezza kbira għaliex, bl-eċċezzjoni tal-konvenzjoni ta’ Den Haag, li l-viżjoni restrittiva tagħha ġiet madankollu kkwalifikata bl-iżviluppi sussegwenti, l-istrumenti internazzjonali u komunitarji dwar in-notifika ta’ atti f’materji ċivili u kummerċjali joqogħdu lura milli jagħtu definizzjoni tal-att extraġudizzjarju.

39.

Sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni jekk att purament privat jistax jikkostitwixxi att extraġudizzjarju, huwa meħtieġ li mmorru lil hinn mid-definizzjoni sempliċement negattiva ta’ dan l-att, kif oppost għall-att ġudizzjarju, u li jiġu ppreċiżati l-elementi ta’ definizzjoni pożittiva ta’ tali att, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007.

40.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, insibu l-approċċi differenti li ssemmew iktar ’il fuq hekk kif intraċċajt l-iżviluppi storiċi.

41.

Minn naħa, il-gvern Spanjol huwa tal-fehma li att privat ma jistax jikkostitwixxi att extraġudizzjarju, peress li dik il-kwalifikazzjoni għandha tiġi rriżervata, mill-inqas fi Spanja, għall-atti maħruġa mill-uffiċjali ministerjali, min-nutara u minn dawk li jżommu l-ipoteki. Insostenn ta’ dan l-argument, dan isostni, b’mod partikolari, li l-għan tar-Regolament Nru 1393/2007 ma huwiex li jiggarantixxi t-trażmissjoni ta’ kull att bejn individwi ddomiċiljati fi Stati Membri differenti, iżda biss ta’ dawk l-atti li għandhom jiġu nnotifikati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew li huma intiżi biex jippreżervaw drittijiet għall-finijiet ta’ proċedura eventwali, u minn dan jiddeduċi li dan dejjem għandu jkun att pubbliku, fis-sens li dan għandu jawtentika l-identità tal-awtur, id-data tal-ħruġ u l-kontenut tiegħu.

42.

Min-naħa l-oħra, Tecom, il-gvern Ġermaniż, dak Ungeriż, u l-Kummissjoni Ewropea jagħżlu definizzjoni iktar wiesgħa, li hija indipendenti mill-awtur tal-att, u li b’hekk tinkludi ċerti atti privati. B’hekk il-gvern Ġermaniż idaħħal taħt il-kategorija ta’ atti extraġudizzjarji l-atti privati “inkwantu l-komunikazzjoni formali tagħhom hija ta’ tali natura li tippermetti li jiġi ggarantit, li jingħata effett jew li tiġi difiża pretensjoni fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali”, filwaqt li l-gvern Ungeriż jipproponi li jiġu kkwalifikati bħala “dokumenti extra-ġudizzjarji” kull att privat li “għandu jintbagħat lid-destinatarju tiegħu permezz ta’ proċedura ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika b’mod konformi mar-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali tal-Istati Membri tal-Unjoni li huma applikabbli f’kawża ċivili jew kummerċjali partikolari”. Rigward Tecom u l-Kummissjoni, dawn jadottaw il-kriterju marbut man-natura u mal-importanza tal-att, li jinsab fir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-konvenzjoni tal-1997.

43.

B’referenza għall-kriterji stabbiliti mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Roda Golf & Beach Resort ( 33 ), il-gvern Portugiż jadotta pożizzjoni intermedjarja, li ma hijiex nieqsa minn ċerta ambigwità, li tgħid li att privat jista’ jitqies bħala att extraġudizzjarju bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, “li jkun hemm intervent minn awtorità jew adozzjoni ta’ att pubbliku”.

44.

Qabel ma nesprimi l-fehma tiegħi, qabel kollox għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà adottat pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ att extraġudizzjarju kellux jingħata interpretazzjoni awtonoma. Waqt li diversi gvernijiet kienu sostnew quddiemha li l-kontenut tal-kunċett ta’ att extraġudizzjarju għandu jiġi ddeterminat skont id-dritt ta’ kull Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Roda Golf & Beach Resort ( 34 ), irrilevat li dak il-kunċett kellu jitqies bħala kunċett tad-dritt tal-Unjoni ( 35 ), fid-dawl, minn naħa, tar-“rieda tal-Istati Membri li jankraw [il-miżuri li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili b’effett transkonfinali] fis-sistema legali Komunitarja u li jistabbilixxu b’hekk il-prinċipju tal-interpretazzjoni awtonoma tagħhom” ( 36 ) u, min-naħa l-oħra, l-għażla tal-forma ta’ regolament li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “turi l-importanza li l-leġiżlatur Komunitarju jagħti lin-natura direttament applikabbli tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1348/2000 u lill-applikazzjoni uniformi tagħhom” ( 37 ).

45.

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet fl-istess sentenza li att stabbilit minn nutar jikkostitwixxi, “bħala tali”, att extraġudizzjarju. Hija barra minn hekk ippreċiżat ulterjorment, waqt li ċaħdet l-argument li jgħid li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ att extraġudizzjarju timplika oneru eċċessiv fid-dawl tar-riżorsi tal-qrati nazzjonali, filwaqt li enfasizzat li l-obbligi fil-qasam ta’ komunikazzjoni u ta’ notifika li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1348/2000 mhux neċessarjament jaqgħu fuq il-qrati nazzjonali ( 38 ).

46.

Dawn is-soluzzjonijiet, li huma stabbiliti abbażi tar-Regolament Nru 1348/2000, fil-fehma tiegħi jistgħu jiġu trasposti perfettament fl-ambitu tar-Regolament Nru 1393/2007, b’mod speċjali peress li dan tal-aħħar neħħa l-glossarju ta’ atti li jistgħu jiġu kkomunikati jew innotifikati, li jista’ jagħti x’jifhem li l-Istati Membri jżommu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-atti extraġudizzjarji.

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma indikatx il-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi evalwat jekk att jikkwalifikax bħala “dokumenti extra-ġudizzjarji” jew le, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Roda Golf & Beach Resort ( 39 ), l-avukat ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer kien ippropona li jiġu applikati tliet kriterji, li huwa kien iqis bħala kumulattivi, li huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq l-awtur tal-att, li għandu jkun awtorità pubblika, fit-tieni lok, fuq l-effetti ġuridiċi li jipproduċi l-att, li għandhom ikunu “speċifiċi u differenti”, u, fit-tielet lok, fuq l-eżistenza ta’ grad minimu ta’ konnessjoni bejn l-att u awtorità ġudizzjarja, ikkaratterizzata mill-fatt li l-att “għandu jsostni pretensjoni fi proċeduri legali li tista’ ssir” ( 40 ).

48.

Qabel ma neżamina b’iktar preċiżjoni l-kriterji li nipproponi li għandhom jiġu applikati, jidhirli li huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-isfidi ta’ definizzjoni iktar jew inqas wiesgħa tal-kunċett ta’ att extraġudizzjarju, għaliex jidhirli li d-differenzi fil-mod kif jinftiehem dan il-kunċett jirriżultaw, parzjalment, mill-assenza ta’ perċezzjoni eżatta tagħhom.

49.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm “il-kooperazzjoni ġudizzjarja […] ma tistax tkun limitata biss għall-proċeduri legali” ( 41 ), xorta jibqa’ l-fatt li l-għan ta’ trażmissjoni ta’ atti extraġudizzjarji huwa sussidjarju, kif jirriżulta mill-fatt li artikolu wieħed biss tar-Regolament Nru 1393/2007 huwa ddedikat għal dawk l-atti, meta mqabbel mal-għan dominanti li tittejjeb u tiġi mgħaġġla t-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji. L-ispjegazzjoni probabbilment tinsab fil-fatt li l-komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji lid-destinatarju tagħhom ġeneralment tobdi, taħt is-sistemi ġuridiċi nazzjonali, formalità partikolari li tista’ ddewwem jew tikkomplika l-proċedura, b’mod speċjali meta l-konsenja jkollha ssir f’pajjiż barrani u tqajjem kwistjoni dwar is-sovranità tal-Istat fejn dik il-konsenja jkollha sseħħ. L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali b’hekk tikkostitwixxi mezz effettiv biex tittejjeb u tiġi mgħaġġla t-trażmissjoni transkonfinali ta’ dawk l-atti. Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni jew in-notifika ta’ atti extraġudizzjarji mhux neċessarjament tobdi, taħt is-sistemi ġuridiċi nazzjonali, l-istess regoli bħal dawk tal-atti ġudizzjarji. Waqt li t-trażmissjoni tagħhom hija libera, jidhirli li jekk dawn jiġu sottomessi għall-mekkaniżmi previsti fir-Regolament Nru 1393/2007 dan żgur ma jikkostitwixxix fattur ta’ faċilitazzjoni u aċċelerazzjoni. Madankollu, għan ieħor, li huwa marbut mas-sigurtà tat-trażmissjoni, li għandu jiggarantixxi l-protezzjoni kemm tal-interessi tar-rikorrent kif ukoll dawk tad-destinatarju, jista’ jiġġustifika li dawk l-atti jistgħu jintbagħtu b’mod konformi mar-Regolament Nru 1393/2007.

50.

Sussegwentement, fil-fehma tiegħi għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni awtonoma tal-att extraġudizzjarju ma jistax ikollha l-għan li tistabbilixxi d-denominatur komuni l-iktar baxx fost it-tradizzjonijiet ġuridiċi kollha tal-Istati Membri, bil-konsegwenza li jinżammu bħala kriterji biss dawk li jinsabu eżattament taħt kull sistema ġuridika nazzjonali. Għall-kuntrarju, jidhirli li dan l-eżerċizzju ta’ definizzjoni għandu jkollu ambizzjoni ekumenika, fis-sens li pjuttost għandu jkollu l-għan li jiżgura li kull att rikonoxxut bħala extraġudizzjarju fi Stat Membru jkun jista’ jintbagħat mingħajr xkiel fl-Istati Membri l-oħrajn.

51.

F’dan ir-rigward, wieħed għandu jistaqsi jekk is-soluzzjoni għall-problema li tqajjem id-definizzjoni tal-att extraġudizzjarju kellhiex tinsab fl-applikazzjoni ta’ prinċipju li jista’ jissejjaħ bħala l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, li jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest għandhom jiżguraw it-trażmissjoni tal-atti kollha rikonoxxuti bħala extraġudizzjarji mill-Istat Membru ta’ oriġini. B’hekk, jiġi żgurat l-għan tar-Regolament Nru 1393/2007, għaliex kull att ikkwalifikat bħala “extraġudizzjarju” fi Stat Membru jista’ liberament u faċilment jiċċirkola fl-Unjoni kollha. Madankollu, l-affermazzjoni tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ att extraġudizzjarju, fis-sentenza Roda Golf & Beach Resort ( 42 ), tidher li kkundannat dik id-direzzjoni, li probabbilment tippreżenta l-inkonvenjent li l-Istati Membri jitħallew b’marġni ta’ diskrezzjoni wisq wiesgħa.

52.

B’mod definittiv, jeħtieġ li tinsab definizzjoni wiesgħa biżżejjed li tħaddan id-diversità tal-kunċetti eżistenti u li tkun preċiża biżżejjed biex tevita l-inċertezza ġuridika.

53.

Qabel kollox, jidhirli li għandu jiġi applikat il-kriterju organiku, li huwa marbut mal-intervent ta’ awtorità mhux ġudizzjarja, li jkollha s-setgħa li toħroġ jew tiċċertifika atti ġuridiċi. Ir-rilevanza ta’ dak il-kriterju hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ kontroll, mill-awtorità li toħroġ jew tiċċertifika l-att, tal-kontenut tal-atti li għandhom jintbagħtu, li huwa distint mill-kontroll li jeżerċitaw, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1393/2007, l-entitajiet ta’ oriġini u l-entitajiet rikjesti. Dan l-aħħar kontroll huwa, fil-fatt, limitat għall-verifika li l-att li jkollu jintbagħat tabilħaqq jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament u li l-kundizzjonijiet formali imposti mill-imsemmi regolament għat-trażmissjoni jkunu effettivament ġew osservati.

54.

Ma jidhirlix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kriterju organiku għandu jitnaqqas bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti kumulattivi oħrajn li huma marbuta, b’mod partikolari, mal-effetti ġuridiċi speċifiċi u differenti li jipproduċi l-att wara l-intervent tal-awtorità jew maċ-ċirkustanza li l-att ikun jista’ jsostni talba f’kawża. Fil-fehma tiegħi, billi ddeċidiet, fis-sentenza Roda Golf & Beach Resort ( 43 ), li att stabbilit minn nutar jikkostitwixxi, “bħala tali”, att extraġudizzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament ċaħdet dik it-teżi.

55.

Għandu madankollu jiġi adottat kriterju ieħor, li jkun alternattiv u mhux kumulattiv, li jippermetti li jiġu inklużi taħt il-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, atti maħruġa minn individwi u li l-kontenut tagħhom b’hekk ma jkunx ġie ċċertifikat minn qabel minn awtorità?

56.

F’dan ir-rigward, għalkemm ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi ddeterminat x’jaqa’ taħt il-kunċett ta’ att extraġudizzjarju skont kriterju daqstant kontinġenti u ddefinit b’mod ħażin bħal dak tal-“importanza” tal-att, li huwa mmarkat b’soġġettività ta’ natura li toħloq inċertezza ġuridika, li hija inkompatibbli mal-għan ta’ titjib u ta’ aċċelerazzjoni tat-trażmissjoni tal-atti, għall-kuntrarju ninsab inklinat li nikkunsidra li l-għan relatat mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern jiġġustifika li jinsab kriterju oġġettiv li jippermetti li l-kunċett ta’ att extraġudizzjarju jiġi estiż għal ċerti atti ġuridiċi mhux stabbiliti jew iċċertifikati minn awtorità.

57.

Madankollu, ma huwiex faċli li jiġi stabbilit prinċipju ta’ distinzjoni li jippermetti li titħaddan id-diversità tal-atti ġuridiċi waqt li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

58.

Nistgħu nimmaġinaw li nieħdu bħala kriterju l-fatt li l-att huwa suġġett jew le għal rekwiżit ta’ formalità fir-rigward tan-notifika tiegħu. Meta n-notifika tal-att tkun suġġetta għal formalità partikolari skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini, din tista’ ssir f’pajjiż barrani billi jintużaw il-mezzi tar-Regolament Nru 1393/2007. Min-naħa l-oħra, fl-assenza tar-restrizzjoni tal-libertà tal-għażla tal-mezzi ta’ notifika, it-trażmissjoni f’pajjiż barrani ma tistax tuża dawk il-mezzi. Madankollu, ma jidhirlix li dak il-kriterju ta’ distinzjoni huwa sodisfaċenti, għaliex joħloq l-obbligu li ssir evalwazzjoni att b’att, billi wieħed jirrikorri għal-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini sabiex jiġi ddeterminat jekk in-notifika tkunx suġġetta jew le għal formalità partikolari.

59.

Jista’ jkun li l-kriterju mfittex jista’ jinstab fil-fatt li n-notifika tkunx neċessarja jew le għall-effettività tal-att ġuridiku inkwistjoni, li b’mod definittiv iwassal biex issir distinzjoni bejn l-atti li għandhom jiġu nnotifikati, jiġifieri dawk fejn in-notifika lill-persuna li tista’ tkun suġġetta għall-effetti tagħhom tkun stabbilita bħala kundizzjoni għall-validità tagħhom, u l-atti li ma għandhomx jiġu nnotifikati ( 44 ).

60.

Madankollu, l-adozzjoni ta’ dak il-kriterju tneħħi biss id-diffikultà kunċettwali mingħajr ma ssolviha, peress li d-distinzjoni bejn l-atti li għandhom jiġu nnotifikati u l-atti li ma għandhomx jiġu nnotifikati hija fiha nfisha waħda delikata. B’hekk jidhirli li huwa neċessarju li tiġi indikata direzzjoni iktar netta billi wieħed jibbaża fuq kriterju li jieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni naturali u diretta tat-trażmissjoni tal-att ikkunsidrat lid-destinatarju tiegħu. Dan ifisser li jiddaħħal taħt il-kunċett ta’ att extraġudizzjarju, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, kull att li t-trażmissjoni tiegħu lid-destinatarju tiegħu tkun neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għall-ħarsien ta’ dritt.

61.

Dik l-estensjoni tista’ toffri ċertezza ġuridika ikbar kemm għar-rikorrent kif ukoll għad-destinatarju ta’ dawk l-atti, b’mod partikolari permezz tal-fakultà li tintuża t-trażmissjoni bejn entitajiet ta’ oriġini u entitajiet kompetenti biex jirċievu l-atti.

62.

Ma jidhirlix li tirriżulta mill-estensjoni proposta multiplikazzjoni tat-talbiet għat-trażmissjoni bejn l-entitajiet ta’ oriġini u l-entitajiet rikjesti, li twassal għal piż ta’ xogħol żejjed għal dawk l-entitajiet, li jsibu ruħhom ittrasformati f’servizzi tal-posta. Effettivament, ma għandniex ninsew li l-użu tas-sistema ta’ trażmissjoni ta’ atti prevista bir-Regolament Nru 1393/2007 jesponi lir-rikorrent għall-ħlas tal-ispejjeż u jobbligah, barra minn hekk, biex jirrispetta ċerti formalitajiet, marbuta, b’mod partikolari, mat-traduzzjoni.

63.

Dik l-estensjoni tippreżenta l-vantaġġ li tippermetti lil persuni, bħal Tecom, li sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għandhom iwasslu att għall-għarfien tad-destinatarju tiegħu, li jiċċirkondaw ruħhom b’garanziji supplimentari f’każ ta’ operazzjoni li tkun ikkomplikata minħabba l-fatt li l-att ikollu jintbagħat f’pajjiż barrani.

64.

Dawn huma r-raġunijiet għalfejn nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi li jidħol fil-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, l-att stabbilit jew iċċertifikat minn awtorità pubblika, minn uffiċjal ministerjali jew minn kull persuna oħra kompetenti għal dan il-għan skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll kull att li t-trażmissjoni tiegħu lid-destinatarju tiegħu hija neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għall-ħarsien ta’ dritt.

B – Fuq ir-raba ’ domanda

65.

Minħabba li hija marbuta mal-ewwel u mat-tieni domandi, ser neżamina r-raba’ domanda qabel it-tielet waħda.

66.

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dubji tal-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kundizzjonijiet dwar l-effett transkonfinali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern jirriżultaw mill-fatt li fil-punt 56 tas-sentenza Roda Golf & Beach Resort ( 45 ), jissemma li l-kooperazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-Artikolu 65 KE tista’ timmanifesta ruħha kemm fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kif ukoll barra minn din il-proċedura “sa fejn l-imsemmija kooperazzjoni għandha effett transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern” ( 46 ).

67.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jaqax taħt il-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, għandux jiġi vverifikat li t-trażmissjoni ta’ dak l-att għandha effett transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

68.

F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li l-kundizzjoni dwar l-effett transkonfinali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u dwar il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tikkostitwixxi l-bażi ġuridika li fuqha huwa msejjes ir-Regolament Nru 1393/2007.

69.

B’mod konformi mal-metodu ta’ interpretazzjoni teleoloġika u sistematika, dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minnu fuq dik il-bażi ġuridika.

70.

Madankollu, jidhirli li l-kundizzjoni dwar l-effett transkonfinali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja hija irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 fir-rigward tal-atti kkonċernati, għaliex is-sitwazzjonijiet irregolati minn dak ir-regolament, li l-għan tiegħu huwa t-trażmissjoni ta’ att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju minn Stat Membru għal ieħor, neċessarjament huma ta’ natura transkonfinali minħabba l-involviment ta’ żewġ Stati Membri.

71.

Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan dwar il-funzjonament tajjeb tas-suq intern sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-kunċett ta’ att extraġudizzjarju ( 47 ). Madankollu, naqbel mal-opinjoni tal-gvern Ġermaniż li jgħid li, meta jkun stabbilit li l-att inkwistjoni jappartjeni għall-kategorija ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, huwa inutli li tiġi ġġustifikata każ b’każ in-neċessità, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li tiġi żgurata l-komunikazzjoni jew in-notifika ta’ dak l-att skont il-proċeduri previsti f’dak ir-regolament.

72.

Għaldaqstant, jien tal-fehma li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li ma hemmx lok li jiġi vverifikat, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jekk it-trażmissjoni tal-att inkwistjoni għandhiex effett transkonfinali u hijiex neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

C – Fuq it-tielet domanda

73.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk att extraġudizzjarju li jkun diġà ġie nnotifikat lid-destinatarju tiegħu jistax jiġi nnotifikat mill-ġdid skont il-proċedura prevista fir-Regolament Nru 1393/2007.

74.

Jidhirli li ma hemm ebda dubju dwar ir-risposta għal din id-domanda meta l-ewwel komunikazzjoni jew notifika ma tkunx saret b’mod konformi mal-proċeduri tar-Regolament Nru 1393/2007.

75.

Fil-fatt, f’dik l-ipoteżi, huwa assolutament neċessarju li tkun awtorizzata notifika ġdida konformi. Il-prinċipju li jgħid li, meta d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju jkun jgħix f’pajjiż barrani, il-komunikazzjoni jew in-notifika ta’ dak l-att għandha ssir b’mezzi stabbiliti bir-Regolament Nru 1393/2007 stess ( 48 ), jimplika li r-rikorrent għandu jitħalla bil-possibbiltà li jwettaq komunikazzjoni jew notifika b’mod konformi ma’ dak ir-regolament.

76.

Ir-risposta hija inqas evidenti fl-ipoteżi fejn l-ewwel komunikazzjoni jew notifika tkun saret b’mod konformi mar-Regolament Nru 1393/2007. Kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, dan jista’ jkun il-każ fil-kawża prinċipali jekk in-notifika tal-intimazzjoni, fil-forma notarili tagħha, tista’ titqies bħala notifika diretta permezz tas-servizzi tal-posta, kif previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007.

77.

Fis-sentenza Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jistabbilixxix ġerarkija bejn id-diversi metodi ta’ trażmissjoni li jistabbilixxi ( 49 ). Fil-fehma tiegħi, huwa biss ir-rikorrent li għandu jagħżel, minn fost id-diversi mezzi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, dak li jidhirlu li jkun l-iktar xieraq u li jiddeċiedi, jekk ikun neċessarju, li jipproċedi għal trażmissjoni ġdida wara li jkun diġà għamel waħda.

78.

F’dan ir-rigward, jidhirli li rikorrent jista’ jkollu raġunijiet validi biex ikun irid jipproċedi għal trażmissjoni ġdida ta’ att li jkun diġà ġie nnotifikat u li ma huwiex il-kompitu tal-entitajiet ta’ oriġini jew tal-entitajiet rikjesti skont ir-Regolament Nru 1393/2007 biex jikkontrollaw ir-rilevanza ta’ dawk ir-raġunijiet. Jista’ jkun, pereżempju, li n-notifika ta’ att ma tkunx saret fiż-żmien stabbilit mid-dritt nazzjonali biex wieħed jipproċedi.

79.

Barra minn hekk, jekk jiġi deċiż mod ieħor u b’mod partikolari, l-entitajiet ta’ oriġini u l-entitajiet rikjesti jkollhom jikkontrollaw jekk ikunx opportun li ssir notifika, dan ikun ifisser li tkun qiegħda tiġi imposta responsabbiltà fuqhom li huma mhux neċessarjament kapaċi jerfgħu.

80.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li att jista’ b’mod validu jkun suġġett għal komunikazzjonijiet jew notifiki suċċessivi skont l-istess mezz jew mezzi differenti u, għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li att extraġudizzjarju li jkun diġà ġie kkomunikat jew innotifikat lid-destinatarju tiegħu jista’ jiġi nnotifikat mill-ġdid b’mod konformi mal-proċeduri previsti fir-Regolament Nru 1393/2007, anki meta l-ewwel komunikazzjoni jew notifika tkun diġà saret skont dak ir-regolament.

IV – Konklużjoni

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi li saru mill-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria skont kif ġej:

1)

Jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “dokumenti extra-ġudizzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, l-att stabbilit jew iċċertifikat minn awtorità pubblika, minn uffiċjal ministerjali jew minn kull persuna oħra kompetenti għal dan il-għan skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll kull att li t-trażmissjoni tiegħu lid-destinatarju tiegħu hija neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għall-ħarsien ta’ dritt.

2)

Ma hemmx lok li jiġi vverifikat, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jekk it-trażmissjoni tal-att li jissodisfa xi wieħed minn dawk iż-żewġ kriterji għandhiex effett transkonfinali u hijiex neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

3)

Att extraġudizzjarju li jkun diġà ġie nnotifikat lid-destinatarju tiegħu jista’ jiġi nnotifikat mill-ġdid b’mod konformi mal-proċeduri previsti fir-Regolament Nru 1393/2007, anki meta l-ewwel komunikazzjoni jew notifika tkun diġà saret skont dak ir-Regolament.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 3 )   ĠU L 160, p. 37.

( 4 )   Punti 47 u 50 ta’ din is-sentenza.

( 5 )   Punt 58 tal-imsemmija sentenza.

( 6 )   Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79).

( 7 )   Iktar ’il quddiem “Tecom”.

( 8 )   Iktar ’il quddiem “MAN Diesel”.

( 9 )   Iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Den Haag”.

( 10 )   ĠU 1997, C 261, p. 2, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni tal-1997”.

( 11 )   Iktar ’il quddiem l-“entitajiet ta’ oriġini”.

( 12 )   Iktar ’il quddiem l-“entitajiet rikjesti”.

( 13 )   C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 14 )   C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 15 )   Ara l-Artikolu 67(4) TFUE li jipprovdi li l-Unjoni Ewropea tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ “deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji” fi kwistjonijiet ċivili; l-Artikolu 81 TFUE li jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji ċivili li għandhom effett transkonfinali, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-“deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji” u li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw, b’mod partikolari meta jkun neċessarju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, miżuri intiżi biex jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tad-“deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji” kif ukoll l-eżekuzzjoni u l-komunikazzjoni u n-notifika transkonfinali tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji, u l-Artikolu 11(6) tal-protokoll Nru 5 dwar l-istatus tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jiddikjara li l-president, jew f’każ ta’ impediment wieħed mill-viċi presidenti, jirrappreżenta lill-Bank fi “kwistjonijiet ġudizzjarji jew extraġudizzjarji”.

( 16 )   Ara “Rapport de la commission spéciale présenté par M. Vasco Taborda Ferreira”, Conférence de La Haye de droit international privé – Actes et documents de la Dixième session – Tome III – Notification, Den Haag, 1965, p. 74, li jindika, p. 108, li l-Artikolu 17 “għandu l-għan li jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-individwi u fir-rigward tal-atti extraġudizzjarji, il-mezzi ta’ trażmissjoni previsti u b’mod partikolari dawk tal-Awtorità ċentrali”, iżda li “il-konvenzjoni tista’ tiġi applikata biss għat-trażmissjoni internazzjonali ta’ atti maħruġa minn awtoritajiet, jew uffiċjali ministerjali ta’ Stat kontraenti li jaġixxi f’kapaċità uffiċjali”. Barra minn hekk, jingħad ukoll li “[l]-abbozz preliminari ma jagħmel ebda referenza għall-mezz kif kellhom jintbagħtu l-atti maħruġa minn persuni privati. Ġie deċiż li l-konvenzjoni ma kellhiex tiġi applikata jekk ma jkunx hemm, oriġinarjament, att ta’ entità uffiċjali li tista’ tiffiltra jew teżerċita kontroll”. Ara wkoll “Rapport explicatif de M. V. Taborda Ferreira”, op. cit., p. 363, li jippreċiża li “fil-każijiet fejn nutar ma jkunx meqjus mill-Istat tiegħu bħala uffiċjal ministerjali, jitqies li l-atti tiegħu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-effetti tal-konvenzjoni” (p. 380).

( 17 )   Manuel pratique sur le fonctionnement de la Convention Notification de La Haye, Bureau permanent de la Conférence de La Haye de droit international privé, it-tielet edizzjoni, Wilson & Lafleur, Montréal, 2006.

( 18 )   Punt 67, p. 87.

( 19 )   Idem. L-abbozz ta’ reviżjoni tal-imsemmi manwal stabbilit f’Mejju 2014 mill-Bureau permanenti tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat iżid ma’ dik il-lista l-atti notarili, it-taħrikiet għal seduta ta’ medjazzjoni, l-avviżi nnotifikati minn kredituri lil debituri, l-atti testamentarji, in-notifiki lill-benefiċjarji ta’ suċċessjoni causa mortis, id-deċiżjonijiet dwar il-ħlasijiet ta’ manteniment għat-tfal u d-deċiżjonijiet ta’ separazzjoni jew divorzju maħruġa minn entità amministrattiva, it-taħrikiet maħruġa minn marixxall, u l-atti u d-dokumenti dwar l-eżekuzzjoni mwettqa minn marixxall. Dak l-abbozz ta’ reviżjoni huwa disponibbli, fid-data meta nkitbu dawn il-konklużjonijiet, fuq l-indirizz tal-Internet http://www.hcch.net/upload/wop/2014/2014sc_pd02fr.pdf.

( 20 )   Punt 67, p. 87 u 88.

( 21 )   Punt 70, p. 88 u 89.

( 22 )   Punt 68, p. 88.

( 23 )   Idem.

( 24 )   Punt 70, p. 88.

( 25 )   ĠU 1997, C 261, p. 26.

( 26 )   Ara r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-rapport.

( 27 )   ĠU L 298, p. 1, u – korriġenda – ĠU 2002, L 31, p. 88, u ĠU 2003, L 60, p. 3.

( 28 )   ĠU L 173, p. 17.

( 29 )   Jaqgħu taħt din il-kategorija l-Irlanda (“L-atti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji kollha li jikkonċernaw il-kwistjonijiet irregolati bir-regolament”), ir-Repubblika Taljana (l-“atti extraġudizzjarji b’mod ġenerali”), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jirreferi espressament għad-dritt nazzjonali tiegħu (“l-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji kollha previsti bil-liġijiet u r-regolamenti Lussemburgiżi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (“l-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”), u r-Renju tal-Isvezja (“L-atti li jistgħu jiġu kkomunikati jew innotifikati skont ir-regolament huma r-rikorsi li jiftħu kawża u ta’ inġunzjoni ta’ ħlas, kif ukoll atti oħrajn li jistgħu jew għandhom jiġu nnotifikati fi proċeduri ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”).

( 30 )   Dan huwa l-każ tar-Renju tal-Belġju (“Atti maħruġa minn reġistraturi, minn ministeru pubbliku, minn marixxalli u minn nutara”), tar-Renju ta’ Spanja (“[r]igward atti extraġudizzjarji, li jistgħu jiġu nnotifikati, dawn huma atti mhux ġudizzjarji maħruġa minn awtorità pubblika li tkun kompetenti biex tagħmel notifiki skont il-liġi Spanjola”), u tar-Repubblika Franċiża (“l-atti extraġudizzjarji maħruġa minn awtoritajiet u uffiċjali ministerjali”).

( 31 )   Din tikkonsisti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (“L-atti extraġudizzjarji huma dawk li għandhom jiġu kkomunikati jew innotifikati bil-għan li jiġi ppreżervat, eżerċitat jew abbandunat dritt fi kwistjoni ċivili jew kummerċjali barra mill-konfini ta’ awtorità ġudizzjarja. Dawn huma, inter alia, [l-att notarili u t-tranżazzjoni extraġudizzjarja]”), fir-Repubblika tal-Awstrija (“jistgħu jiġu kkomunikati jew innotifikati […] atti extraġudizzjarji – jiġifieri atti intiżi għall-ħarsien u għall-eżekuzzjoni ta’ drittijiet fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali jew għad-difiża fir-rigward ta’ dawk id-drittijiet, iżda barra mill-konfini ta’ kwalunkwe awtorità ċivili”), u fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (“Atti ġuridiċi li għandhom jiġu nnotifikati b’rabta ma’ kull kwistjoni ċivili u kummerċjali mhux ġudizzjarja”).

( 32 )   Jinsabu fost dawn l-Istati Membri r-Repubblika Ellenika, li l-lista tagħha barra minn hekk tidher li tikkonċerna biss l-atti ġudizzjarji, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja.

( 33 )   C‑14/08, EU:C:2009:134.

( 34 )   C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 35 )   Punti 47 u 50.

( 36 )   Punt 48.

( 37 )   Punt 49.

( 38 )   Punt 59.

( 39 )   C‑14/08, EU:C:2009:134.

( 40 )   Punt 93.

( 41 )   Sentenza Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 56).

( 42 )   C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 43 )   Idem.

( 44 )   Fuq din id-distinzjoni li tikkonċerna l-atti ġuridiċi unilaterali, ara Flour, J., Aubert, J.-L., u Savaux, E., Les obligations – 1. L’acte juridique, l-erbatax-il edizzjoni., Dalloz, Pariġi, 2010, p. 465, Nru 494.

( 45 )   C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 46 )   Korsiv miżjud minni.

( 47 )   Ara l-analiżi tiegħi fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 )   Ara s-sentenza Alder (C-325/11, EU:C:2012:824, punt 25).

( 49 )   Ibidem (punt 31).

Top