Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0546

Kawża T-546/13: Rikors ippreżentat fl- 20 ta’ Ottubru 2013 — Šumelj et vs L-Unjoni Ewropea

ĠU C 367, 14.12.2013, p. 34–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/34


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Ottubru 2013 — Šumelj et vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża T-546/13)

2013/C 367/60

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Partijiet

Rikorrenti: Ante Šumelj (Żagreb, il-Kroazja), Dubravka Bašljan (Żagreb), Đurđica Crnčević (Sv. Ivan Zelina, il-Kroazja), Miroslav Lovreković (Križevci, il-Kroazja) (rappreżentant: Mato Krmek, avukat)

Konvenuta: L-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata, b’digriet interlokutorju, li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligu li tissorvelja l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, li hija għandha skont l-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni (Anness VII, punt 1), fil-parti relatata mal-introduzzjoni tas-servizz ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni fis-sistema ġuridika tar-Repubblika tal-Kroazja;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tikkumpensa d-dannu (materjali u morali) kkawżat lir-rikorrenti, bis-saħħa tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tbati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri;

barra minn dan, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tissospendi kull deċiżjoni relatata mal-ammont tal-pretensjonijiet sakemm id-digriet interlokutorju li għandha tingħata f’dawn il-proċeduri jsir res judicata.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni (Anness VII, punt 1), li jifforma parti integrali mit-Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea konkluż bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea [Narodne novine — Međunarodni ugovori n. 2/12 (Ġurnal Uffiċjali — Trattati internazzjonali)], billi ma impedixxietx t-tneħħija tal-liġijiet li permezz tagħhom hija stabbilita u rregolata l-professjoni tal-uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, li r-Repubblika tal-Kroazja kienet adottat waqt in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tissorvelja l-impennji kollha meħuda mir-Republika tal-Kroazja matul in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, l-obbligi legali meħuda mir-Repubblika tal-Kroazja li tistabbilixxi servizz ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni u li toħloq il-kundizzjonijiet kollha neċessarji għall-istabbiliment komplet ta’ dan is-servizz fis-sistema ġuridika Kroata sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2012.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li permezz tal-ksur indikat, il-Kummissjoni Ewropea kkawżat direttament dannu lir-rikorrenti, li kienu nħatru sabiex ikopru l-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni u li kellhom aspettattivi leġittimi ta’ dħul fis-servizz fl-1 ta’ Jannar 2012.

(3)

It-tieni motiv ibbażat fuq fil-fatt li, billi naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-Trattat ta’ Adeżjoni, il-Kummissjoni eċċediet b’mod manifest u serju l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha u, billi ppreġudikat l-aspettativi leġittimi tar-rikorrenti (maħtura uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni), hija kkawżatilhom danni materjali u morali kunsiderevoli li hija għandha tikkumpensa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.


Top