EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0466

Kawża T-466/13: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Awwissu 2013 — Hermann Trollius vs ECHA

ĠU C 325, 9.11.2013, p. 44–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 325, 9.11.2013, p. 42–42 (HR)

9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/44


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2013 — Hermann Trollius vs ECHA

(Kawża T-466/13)

2013/C 325/72

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hermann Trollius GmbH (Lauterhofen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Ahlhaus u J. Schrotz, avukati)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2013) 0191, tal-31 ta’ Jannar 2013, kif ukoll il-fattura tal-ECHA Nru 10035033, tal-4 ta’ Frar 2013; u

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha inkużi l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-konvenuta.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma kellhiex il-kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata SME (2013) 0191, għaliex la r-Regolament (KE) 1907/2006 (1) u lanqas ir-Regolament (KE) 340/2008 (2) ma jintitola lill-konvenuta sabiex tagħti deċiżjoni separata fir-rigward ta’ jekk reġistrant jikkonformax mal-kriterji tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament Reach b’rabta mar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 (3).

Ir-rikorrenti ssostni li fil-komunikazzjoni kollha tagħha mar-rikorrenti, il-konvenuta injorat l-obbligu tagħha li tindirizza persuna suġġetta għas-sovranità ta’ Stat Membru bil-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat, u li dan il-ksur ta’ liġi pprekluda lir-rikorrenti milli tissodisfa r-rekwiżiti mitluba minnha fir-rigward tal-għoti ta’ prova tal-istatus tagħha bħala impriża żgħira.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti, fil-fatt, hija impriża żgħira skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (4), u għaldaqstant id-deċiżjonijiet huma żbaljati fir-rigward tal-mertu.


(1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (Regolament Reach)

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH)

(3)  Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju


Top