Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0360

    Kawża T-360/13: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Lulju 2013 — VECCO et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 260, 7.9.2013, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 260, 7.9.2013, p. 35–35 (HR)

    7.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 260/45


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2013 — VECCO et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-360/13)

    2013/C 260/81

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO) (Memmingen, il-Ġermanja) et (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

    tiddikjara li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013, tas-17 ta’ April 2013, li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (“REACH”) (ĠU L 108, p. 1) huwa parzjalment illegali peress li huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u jikser l-Artikolu 58(2) tar-REACH, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet tad-difiża (kif ukoll il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u eċċellenza tal-pariri xjentifiċi);

    tannulla parzjalment ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 sa fejn ma jinkludix fil-ħames kolonna, il-filliera 16 tal-Anness tiegħu, taħt it-titolu “(Kategoriji ta’) użi eżentati”, l-eżenzjoni li ġejja: “użu ta’ triossidu tal-kromju għal skop ta’ produzzjoni fi soluzzjoni ta’ ilma, b’hekk f’konformità ma’ valur ta’ espożizzjoni ta’ massimu 5μg/m3 (jew 0 005 mg/m3)” jew lingwaġġ li jixxiebah intiż sabiex jiġi eżentat l-“użu ta’ triossidu tal-kromju fil-kisi tal-metall bl-elettrolisi, proċeduri ta’ inċiżjoni, illixxar ta’ metall b’banju elettrolitiku u proċeduri u teknoloġiji ta’ pproċessar ta’ wċuh oħra kif ukoll taħlit” jew kliem b’dak l-effett mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att ikkontestat;

    tordna lill-konvenuta li temenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 huwa illegali peress li huwa bbażat fuq numru ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u għandu jiġi annullat sa fejn ma jinkludix eżenzjoni minn awtorizzazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ triossidu tal-kromju fl-industrija ta’ kisi bil-kromju.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ riskju fuq il-post tax-xogħol relatat mal-użu ta’ triossidu tal-kromju fil-kisi bil-kromju li hija xjentifikament u legalment żbaljata (żball manifest ta’ evalwazzjoni).

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 jikser l-Artikolu 58(2) tar-REACH u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-applikanti ma ngħatawx aċċess għal dokumenti prinċipali li ffurmaw il-bażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 u għalhekk il-konvenuta kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u eċċellenza tal-pariri xjentifiċi.


    Top