Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0642

    Kawża C-642/13 P: Appell ippreżentat fl- 4 ta’ Diċembru 2013 minn Villeroy & Boch — Belgium mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis- 16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 45, 15.2.2014, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 45/23


    Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2013 minn Villeroy & Boch — Belgium mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-642/13 P)

    2014/C 45/40

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Partijiet

    Appellanti: Villeroy & Boch — Belgium (rappreżentanti: O. W. Brouwer u N. Lorjé, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, sa fejn tiċħad ir-rikors tar-appellanti;

    sussidjarjament, tannulla parzjalment il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013 sa fejn jikkonċerna lill-appellanti;

    sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq il-multa imposta fuq l-appellanti permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tat-23 ta’ Ġunju 2010;

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti ssostni li s-sentenza mogħtija għandha tiġi annullata minħabba l-aggravji li ġejjin:

    (1)

    L-ewwel aggravju : il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi peress illi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti mressqa mill-appellanti — fil-fehma tagħha rilevanti — li ġew diskussi fil-proċedura orali quddiem il-Qorti Ġenerali.

    (2)

    It-tieni aggravju: hija tikkontesta l-għaqda ta’ aġir indipendenti wieħed mill-ieħor fil-fatt u fid-dritt sabiex tiddeduċi ksur uniku, kumpless u kontinwu. Minbarra dan, bl-applikazzjoni tal-prinċipju “ksur uniku, kumpless u kontinwu”, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti għal smigħ xieraq, u għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Hija ma wettqitx l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ.

    (3)

    It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali naqset mili twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha b’mod xieraq, u b’hekk naqset mill-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mid-dritt tal-Unjoni.

    (4)

    Ir-raba’ aggravju: ibbażat fuq il-fatt li l-multa imposta ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi ġġustifikata permezz tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali wara l-istħarriġ tagħha, u hija sproporzjonata.


    Top