This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0619
Judgment of the Court (First Chamber) of 26 January 2017.#Mamoli Robinetteria SpA v European Commission.#Appeal — Agreements, decisions and concerted practices — Bathroom fittings and fixtures markets of Belgium, Germany, France, Italy the Netherlands and Austria — Coordination of selling prices and exchange of sensitive business information — Leniency programme — Regulation (EC) No 1/2003 — Article 23(2) — Ceiling of 10% of turnover — Exercise of unlimited jurisdiction.#Case C-619/13 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017.
Mamoli Robinetteria SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Programm ta’ klemenza – Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23(2) – Limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża C-619/13 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017.
Mamoli Robinetteria SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Programm ta’ klemenza – Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23(2) – Limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża C-619/13 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:50
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ Jannar 2017 ( *1 )
“Appelli — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Programm ta’ klemenza — Regolament (KE) Nru 1/2003– Artikolu 23(2) — Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ — Eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa”
Fil-Kawża C-619/13 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-25 ta’ Novembru 2013,
Mamoli Robinetteria SpA, stabbilita f’Milan (l-Italja), irrappreżentata minn F. Capelli u M. Valcada, avukati,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Malferrari u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti minn F. Ruggeri Laderchi, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, , Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Mamoli Robinetteria SpA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Mamoli Robinetteria vs Il-Kummissjoni (T-376/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:442), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn din tirrigwardaha, jew sussidjarjament, għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multa imposta f’din id-deċiżjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Regolament (KE) Nru 1/2003
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu: “2. Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:
[...] Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti [...] 3. Fi[d-determinazzjoni] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.” |
Linji gwida tal-2006
3 |
Il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw, fil-punt 2 tagħhom li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex teċċedi l-limiti indikati fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.” |
4 |
Il-punti 23, 25, 28, 29 u 37 tal-Linji gwida tal-2006 jistabbilixxu:
[...]
[...]
[...]
[...]
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
5 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej. |
6 |
L-appellanti hija impriża Taljana li timmanifattura esklużivament viti u fittings. |
7 |
Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li timmanifattura viti u fittings, u Hüppe GmbH, li timmanifattura diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont tagħhom. |
8 |
Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Wara li indirizzat, bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, talbiet għall-informazzjoni lill-imsemmija kumpanniji u assoċjazzjonijiet, inkluża lir-rikorrenti, il-Kummissjoni fis-26 ta’ Marzu 2007, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din tal-aħħar ġiet innotifikata lir-rikorrenti. |
9 |
Fl-20 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti talbet ukoll li tibbenefika minn immunità minn multi jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom. |
10 |
Wara seduta, li nżammet bejn it-12 u l-14 ta’ Novembru 2007, u li ntbagħtet ittra fid-9 ta’ Lulju 2009, ta’ espożizzjoni tal-fatti lil ċerti kumpanniji li fosthom ma kinitx tidher ir-rikorrenti u, bejn id-19 ta’ Ġunju 2009 u t-8 ta’ Marzu 2010, ta’ talbiet għal informazzjoni supplimentari, li b’mod invers, ir-rikorrenti kienet id-destinatarja tagħhom, fit-23 ta’ Ġunju 2010 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
11 |
Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li fih ħadu sehem 17-il impriża, allegatament seħħ matul diversi perijodi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u kien ħa l-forma ta’ numru ta’ ftehimiet antikompetittivi jew ta’ prattiki miftiehma li jkopru t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija. |
12 |
Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-manifatturi kienu jistabbilixxu listi tal-prezzijiet li ġeneralment kienu jibqgħu fis-seħħ għal sena u li kienu jservu ta’ bażi tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-bejjiegħa bl-ingrossa. |
13 |
Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jappartjenu għal wieħed mis-sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri l-viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodotti”). |
14 |
Fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jistgħu jiġu dedotti mill-prattiki antikompetittivi li seħħew, b’mod partikolari, fl-Italja, dawn kienu ġew implementati fi ħdan żewġ gruppi informali. L-ewwel wieħed imsejjaħ “Euroitalia” kien magħmul minn impriżi li ltaqgħu minn darbtejn sa tliet darbiet matul il-perijodu mix-xahar ta’ Lulju 1992 sax-xahar ta’ Ottubru 2004. Fi ħdan dan il-grupp, li kien ġie stabbilit meta l-produtturi Ġermaniżi kienu daħlu fis-suq Taljan, l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkonċerna mhux biss il-viti u l-fittings, iżda wkoll l-oġġetti taċ-ċeramika It-tieni grupp informali ta’ impriżi, imsejjaħ “Michelangelo”, ma kienx jinkludi lir-rikorrenti. Dan iltaqa’ diversi drabi bejn tmiem is-sena 1996 u l-25 ta’ Lulju 2003. Matul dawn il-laqgħat, id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw gamma wiesgħa ta’ prodotti sanitarji, b’mod partikolari l-viti u fittings u ċ-ċeramika. |
15 |
Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-prattiki antikompetittivi, il-Kummissjoni kkonstatat, fid- deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ipparteċipat fid-diskussjonijiet illegali qegħdin jinżammu fi ħdan l-Euroitalia matul il-perijodu mit-18 ta’ Ottubru 2000 sad-9 ta’ Novembru 2004. |
16 |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 15 tal-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata, r-rikorrenti kisret l-Artikolu 101 TFUE minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim jew prattiki kontinwi fit-territorju Taljan, matul il-perijodu mit-18 ta’ Ottubru 2000 sad-9 ta’ Novembru 2004. |
17 |
Skont l-Artikolu 2(14) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multa fl-ammont ta’ EUR 1041531 lir-rikorrenti. |
18 |
Sabiex tiġi kkalkolata din il-multa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tal-2006. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
19 |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq ħames motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq l-assenza ta’ notifika tal-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti lir-rikorrenti u tal-impossibbiltà li jiġu kkonsultati d-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki antikompetittivi inkwistjoni. It-tieni motiv kien ibbażat fuq l-illegalità tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. It-tielet motiv kien ibbażat fuq żbalji mwettqa matul il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’akkordju li jirrigwarda s-suq Taljan tal-viti u fittings. ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq żbalji mwettqa matul id-determinazzjoni tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti u tal-ammont tal-multa. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ammont tat-tnaqqis li ġie mogħti lilha minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja. |
20 |
Sussidjarjament, ir-rikorrenti ppreżentat talbiet ta’ tħassir jew tnaqqis tal-multa imposta. |
21 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
It-talbiet tal-partijiet;
22 |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
23 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-appell
24 |
Insostenn tal-appell tagħha l-appellanti tinvoka seba’ aggravji li fosthom jidhru ħames aggravji li diġà ġew invokati fl-ewwel istanza. |
25 |
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, li kklassifikat b’mod żbaljat argument ta’ motiv ġdid u, min-naħa l-oħra, li bbażat ruħha fuq prova fattwali ineżistenti. It-tieni aggravju jikkritika l-motivi adottati mill-Qorti Ġenerali, dwar l-assenza ta’ notifika tal-ittra ta’ spjegazzjoni tal-fatti lill-appellanti. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, din tikkritika li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, hija tikkritika l-motivi tas-sentenza appellata dwar il-partikolarità tas-suq Taljan tal-viti u fittings u tar-rilevanza tal-provi invokati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur imwettaq f’dan is-suq. Il-ħames aggravju jikkritika s-sentenza appellata peress li din ma ssanzjonatx l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-multa imposta fuq l-appellanti. Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni naqqset suffiċjentement il-multa imposta fuqha. Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li t-talbiet għal miżuri istruttorji mressqa mill-appellanti ma kinux rilevanti. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata ta ’ argument bħala motiv ġdid u fuq żball ta ’ evalwazzjoni fattwali
L-argumenti tal-partijiet
26 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 30, ir-rikorrenti tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat l-argument tagħha bħala motiv ġdid, skont liema l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-appellanti pparteċipat għal ksur fir-rigward tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju filwaqt li hija ma kinitx timmanifattura prodotti taċ-ċeramika, u għaldaqstant li ċaħditu bħala inammissibbli. |
27 |
Dan l-argument jikkostitwixxi, b’mod partikolari, il-premessa tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza dwar il-kriterji ta’ ffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti. F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li din tal-aħħar tipproduċi biss viti u fittings, kif ġie indikat mill-Qorti Ġenerali nfisha fil-punt 4 tas-sentenza appellata, u li l-appellanti fakkret diversi drabi fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, billi jikklassifika l-imsemmi argument bħala motiv ġdid, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun qajmet tali motiv ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita. |
28 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha fuq il-punt 9 tas-sentenza appellata, fuq il-konstatazzjoni skont liema l-appellanti talbet l-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza filwaqt li hija qatt ma għamlet tali talba. |
29 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju, fiż-żewġ partijiet tiegħu, huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe ipoteżi, huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
30 |
Fir-rigward tal-iżball ta’ klassifikazzjoni attribwit lill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tas-sentenza appellata (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”), l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. |
31 |
Barra dan, minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 44(1)(ċ), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati jikkostitwixxu żewġ indikazzjonijiet essenzjali li għandhom jiġu inklużi fir-rikors promotur (is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franz vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217, punt 38). It-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li din il-qorti ma tiddeċidix ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-475/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:86, punt 43). |
32 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Mamoli Robinetteria, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ma invokatx l-argument skont liema l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 15 tal-Artikolu 1(5) td-deċiżjoni kkontestata li hija pparteċipat fi ksur dwar l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju filwaqt li hija ma timmanifatturax prodotti taċ-ċeramika. |
33 |
Barra dan, l-appellanti ma invokatx l-eżistenza ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ġew żvelati matul il-proċedura u li setgħu jiġġustifikaw it-tressiq tardiv ta’ tali argument. Fl-aħħar nett, l-imsemmi argument ma jistax jiġi kkunsidrat bħala twessiegħ ta’ ilment invokat preċedentement fir-rikors. |
34 |
Minn dan isegwi li ġustament, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kklassifikat dan l-argument, imressaq mir-rikorrenti fil-mori tal-kawża, sussegwentement għar-rikors promotur, bħala motiv ġdid u bħala tali, ċaħditu. |
35 |
Barra minn hekk, peress li, fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà dwar is-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll il-projbizzjoni korrelattiva, prevista fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tal-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huma ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli eżaminat ex officio l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti. |
36 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
37 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat il-Qorti Ġenerali ma waslet għal ebda konsegwenza ta’ fatt jew ta’ dritt, mill-konstatazzjoni purament fattwali, li tidher fil-punt 9 tas-sentenza appellata fil-parti ddedikata għat-tfakkir tal-fatti li wasslu għall-kawża, kklassifikata b’mod żbaljat mill-appellanti, skont liema din kienet ippreżentata talba għal klemenza. |
38 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, bħala ineffettiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, EU:C:2003:527, punti 46 u 47). |
39 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju, li jirrigwarda n-nuqqas ta ’ notifika ta ’ ittra ta ’ spjegazzjoni tal-fatti lill-appellanti
L-argumenti tal-partijiet
40 |
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala, parzjalment infondat u, parzjalment ineffettiv l-ilment ibbażat fuq il-fatt, li b’mod differenti minn impriżi oħra li pparteċipaw fi ksur, ma ġietx innotifikata lilha ittra ta’ spjegazzjoni tal-fatti mill-Kummissjoni. Fil-fatt, dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal motivi adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li jiċħdu l-argumenti bbażati fuq dan in-nuqqas bħala ineffettivi, huwa fatt inkontestabbli li l-għarfien taċ-ċirkustanzi fattwali hija neċessarjament utli għat-tfassil ta’ strateġija ta’ difiża. |
41 |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 |
Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba, taħt piena tal-inammissibbiltà ta’ appell jew tal-aggravju kkonċernat (is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li appell huwa inammissibbli sa fejn jillimita ruħu li jirrepeti l-aggravji u l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li jkunu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti, mingħajr lanqas ma jinkludi argumenti intiżi speċifikament li jidentifikaw l-iżball ta’ liġi li bih tkun allegatament ivvizzjata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi fil-verità talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema eżami ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6 punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll, tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 26). |
44 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tillimita ruħha, minn naħa, li tirriproduċi b’mod identiku l-ilment, invokat fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq l-assenza ta’ notifika ta’ ittra ta’ spjegazzjoni tal-fatti u min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi kunsiderazzjonijiet ġenerali mingħajr ma tistabbilixxi li huma jirrigwardaw speċifikament lil dan il-każ, filwaqt li tastjeni milli tidentifika bi preċiżjoni, żball ta’ dritt li l-Qorti Ġenerali wettqet fis-sentenza appellata. |
45 |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq it-tielet aggravju ibbażat fuq l-illegalità tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
46 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti, l-ewwel nett, tilmenta li l-Qorti Ġenerali talli ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, filwaqt li programm ta’ klemenza bħal dak previst minn dan l-Avviż kien neċessarjament kellu jiġi stabbilit u rregolat minn att tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa ta’ applikazzjoni immedjata u li jipproduċi effett dirett. |
47 |
Sussegwentement, hija argumentat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni żammet il-kompetenza tagħha sabiex tadotta u tirregola programm ta’ klemenza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU 1962, 13, p. 204), li issa sar l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Ebda dispożizzjoni direttament applikabbli, adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tastjeni milli tissanzjona impriża li tkun wettqet ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni minħabba li din l-impriża tkun iddikjarat li wettqet dan il-ksur. Għall-kuntrarju, mill-Artikoli 101 u 103 TFUE jirriżulta li tali ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni. |
48 |
Fl-aħħar nett, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li fl-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ Avviżi li dwar il-kooperazzjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat u ċaħdet l-argument skont liema, fl-Istati Membri tal-Unjoni, il-programmi ta’ klemenza ġew adottati abbażi ta’ atti ta’ natura leġiżlattiva. |
49 |
Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta programm ta’ klemenza, għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti ma identifikatx b’mod preċiż xi żball ta’ liġi mwettaq fis-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
51 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment li jikkritika l-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, skont liema l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tadotta l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 li sar l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet diversi drabi li l-Kummissjoni tista’ tadotta regoli ta’ mġiba indikattiva, bħal dawk stabbiliti f’dan l-avviż tal-2002, li permezz tagħhom din l-istituzzjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilha skont l-imsemmija artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209, 211, 213 u 250, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C-501/11 P, EU:C:2013:522, punti 58 u 67 sa 69). |
52 |
Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 101 TFUE ma jeskludix li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tad-dritt ta’ kompetizzjoni, tista’ tikkonstata ksur ta’ dan l-artikolu mingħajr ma timponi multa, peress li tali trattament jista’, madankollu, jingħata biss f’sitwazzjonijiet strettament eċċezzjonali, bħal dawk fejn il-kooperazzjoni ta’ impriża tkun determinanti sabiex ikun hemm determinazzjoni u repressjoni effettiva tal-akkordju. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C-681/11, EU:C:2013:404, punti 48 u 49). |
53 |
Fit-tielet lok, minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta wkoll, li l-programmi ta’ klemenza jikkostitwixxu strumenti utli fil-ġlieda effikaċi sabiex jiġu skoperti u mwaqqfa okkorrenzi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u jservu, b’dan il-mod, l-għan tal-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFU (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punt 25, kif ukoll tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C-536/11, EU:C:2013:366, punt 42). |
54 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, li, konformement mal-Artikolu Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni setgħet tadotta l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. |
55 |
Fl-aħħar nett, sa fejn l-ilment jikkritika l-punt 57 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq il-fatt li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni tikser il-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-premessa skont liema l-Kummissjoni ma għandhiex bażi legali xierqa għal din l-adozzjoni, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li jidhru fil-punti 51 sa 54 ta’ din is-sentenza. |
56 |
Għaldaqstant, i-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq żbalji li jirriżultaw mill-imputazzjoni tal-appellanti għall-parteċipazzjoni f’akkordju bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003
L-argumenti tal-partijiet
57 |
Permezz tar-raba’ aggravju l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-argumenti tagħha dwar il-partikolaritajiet tas-suq Taljan tal-viti u fittings u r-rilevanza tal-provi invokati mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, li ma kinitx ssanzjonat l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni billi imputatilha parteċipazzjoni fl-akkordju inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-regolament Nru 1/2003. |
58 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-partikolaritajiet tas-suq Taljan tal-viti u fittings, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 61 sa 133 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari, ikkunsidrat li l-istruttura ta’ dan is-suq m għandu l-ebda rilevanza għas-soluzzjoni tat-tilwima u li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur ġiet dedotta biss mill-preżenza tagħha fil-laqgħat ta’ Euroitalia filwaqt li ġie dedott minn din l-istruttura, kkaratterizzata minn numru sinjifikattiv ta’ produtturi u ta’ bejjiegħa bl-ingrossa, li kien impossibbli li jiġi kkostitwit akkordju fl-Italja. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 65 sa 72 tas-sentenza appellata, wettqet eżami superfiċjali ta’ dan l-argument, billi kienet sodisfatta b’diversi osservazzjonijiet ta’ prinċipju, b’tali mod li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata kien fiha lakuni. |
59 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rilevanza tal-provi tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur imwettaq fis-suq Taljan tal-viti u fittings invokati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-argumenti mressqa mill-appellanti, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-rwol partikolari ta’ American Standard Inc. fis-suq Taljan kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-appellanti f’diversi laqgħat, jew, b’mod żbaljat miċħuda bħala infondati jew, bħal fil-punt 132 tas-sentenza appellata, bħala ineffettivi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li r-rappreżentant tal-appellanti, M. Costagli, kien preżenti għal-laqgħa tal-1 ta’ Frar 2001, filwaqt li ġie pprovat li dan ma kienx attenda. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, ċaħdet b’mod żbaljat l-argument dwar in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-provi miksuba matul il-laqgħat ta’ Euroitalia, peress li ġie ritenut li jirriżulta min-noti dattilografiċi ta’ Grohe Beteiligungs GmbH li RAF Rubinettaria SpA kienet antiċipat żieda fil-prezzijiet ta’ 3 %. |
60 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa, sa fejn, fir-realtà, jitlob eżami ġdid tal-fatti, inammissibbli jew, ta’ mill-inqas, infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
61 |
Għandu jiġi kkonstatat li, permezz taż-żewġ partijiet tar-raba’ aggravju, l-appellanti, essenzjalment, tirrepeti t-tielet motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, f’dak li jirrigwarda l-partikolarità tas-suq Taljan tal-viti u fittings kif ukoll ir-rilevanza tal-provi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imwettaq f’dan is-suq, invokati mill-Kummissjoni. |
62 |
Għalhekk, permezz tar-raba’ aggravju l-appellanti għandha l-għan li tikseb eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, eżami li, kif ġie mfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
63 |
B’mod partikolari, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju, sa fejn hija tikkritika l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur imwettaq fis-suq Taljan tal-viti u fittings, intiż li jikseb evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi, liema, salv fl-ipoteżi ta’ żnaturament li ma ġietx invokata f’dan il-każ, ukoll ma jaqax, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C-373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChemvs Il-Kummissjoni, C-155/14 P, EU:C:2016:446, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Konsegwentement, ir-raba’ aggravju, sa fejn jikkritika l-punti 61 sa 133 tas-sentenza appellata minħabba l-fatt li fiha ġew miċħuda l-argumenti tal-appellanti dwar il-partikolarità tas-suq Taljan tal-viti u fittings u dwar ir-rilevanza tal-provi invokati mill-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur imwettaq f’dan is-suq, għandu jiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
65 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-natura lakonika u insuffiċjenti tal-eżami tal-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex suffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li, bħala tali, tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C-280/08 P, EU:C:2010:603, punt 123). |
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix madankollu fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécomvs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, EU:C:2009:223, punt 42, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2014, Armando Álvarezv s Il-Kummissjoni, C-36/12 P, EU:C:2014:349, punt 31). |
67 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument żviluppat fl-ewwel istanza li tittratta l-partikolarità tas-suq Taljan tal-viti u fittings, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, fil-punti 64 sa 71 tas-sentenza appellata, l-elementi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata, ikkonstatat, fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis li l-appellanti pparteċipat fi skambju ta’ informazzjoni dwar żidiet fil-prezzijiet futuri, li għandhom għan u effett antikompetittiv u li jikkostitwixxu, għaldaqstant, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. |
68 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, setgħet ġustament, mingħajr ma kienet eżaminat il-mertu tal-argumenti tal-appellanti, li kienu jirrigwardaw l-istruttura speċifika tas-suq Taljan tal-viti u fittings, tiċħad bħala ineffettivi l-imsemmija argumenti, peress li dawn ma setgħux jinvalidaw il-konstatazzjoni skont liema l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni kellu għan u effett antikompetittiv. |
69 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kredibbiltà u r-rilevanza tal-provi invokati mill-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur imwettaq fl-imsemmi suq, minn qari tal-punti 76 sa 126 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami estensiv u ddettaljat ta’ diversi argumenti li ressqet l-appellanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha f’diversi laqgħat ta’ Euroitalia inkwistjoni. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali ma esprimietx ruħha b’mod espliċitu fuq kull fatt jew prova prodotta mill-appellanti. |
70 |
Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala li huwa infondat. |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq il-ħames aggravju, dwar żbalji mwettqa fid-determinazzjoni tal-multa
L-argumenti tal-partijiet
72 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji matul l-eżami tal-iffissar, mill-Kummissjoni, tal-multa imposta fil-deċiżjoni kkontestata. |
73 |
Fl-ewwel lok, tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 137 u 158 tas-sentenza appellata, billi għamlet analiżi superfiċjali tal-argumenti tagħha, ċaħdet l-ilment ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-ammont tal-multa imposta, ekwivalenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ iddeterminat abbażi tal-Linji gwida tal-2006, konformement limitu massimu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
Fuq il-ħames aggravju, dwar l-iżbalji mwettqa matul id-determinazzjoni tal-multa
L-argumenti tal-partijiet
74 |
Fit-tieni lok, l-appellanti tesponi, mill-ġdid, l-argumenti li jikkritikaw is-sanzjoni imposta li hija kienet diġà ppreżentat fl-ewwel istanza, iżda li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’attenzjoni suffiċjenti. |
75 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti, b’mod partikolari, targumenta, l-ewwel nett, li, billi invertiet l-oneru tal-prova, l-applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni wassal għal ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni nett, l-applikazzjoni tal-imsemmi Avviż jikser id-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li llimitat ruħha li tosserva, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, li sanzjoni tkun legali meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf liema atti jew ommissjonijiet jagħmluh responsabbli, mingħajr ma tirrispondi għall-ilment, invokat fl-ewwel istanza, skont liema s-sistema ta’ ffissar ta’ sanzjonijiet, applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni, ma hijiex konformi mal-KEDB, b’mod partikolari mal-Artikolu 7 tagħha, li jimponi li l-ksur u l-pieni jiġu definiti b’mod ċar. Ir-raba nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li fil-punt 169 tas-sentenza appellata, kkunsidrat li hija quddiemha li invokat żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni biss bl-uniku ffissar tal-koeffiċjent “ammont addizzjonali” għar-rata 15 % u mhux bl-istess rata fl-koeffiċjent “gravità tal-ksur”. Il-ħames nett l-appellanti tinvoka l-illegalità tal-kriterji previsti mil-Linji gwida tal-2006, fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom, mill-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-ammont ta’ kull waħda mis-sanzjonijiet, iwassal, minħabba l-applikazzjoni tal-limitu massimu previst fl-Artikolu 23(2), tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex l-ammont tal-multa ddikjarat ikun sistematikament ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ. Madankollu, il-Qorti Ġenerali totalment naqset milli teżamina din l-eċċezzjoni ta’ illegalità u llimitat ruħha biss, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, li tosserva li l-appellanti ma kinitx ġiet ikkundannata għal sanzjoni korrispondenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ. is-sitt nett, il-Kummissjoni, imbagħad il-Qorti Ġenerali, kienu ffissaw il-koeffiċjenti tal-“gravità tal-ksur” u l-“ammont addizzjonali” billi bdew, minn dak li jirriżulta mill-punti 165 u 166 tas-sentenza appellata, minn premessi żbaljati skont liema l-appellanti kienet ipparteċipat fi ksur uniku, fit-territorji ta’ sitt Stati Membri, li jkopri l-gruppi kollha ta’ prodotti li huma suġġetti għal investigazzjoni, b’parti mis-suq ta’ madwar 54.3 % f’kull wieħed minn dawn l-Istati, u permezz ta’ prattiki antikompetittivi li kienu ġew bħala regola ġenerali, implementati. Is-seba’ nett, minkejja li l-Qorti Ġenerali kienet ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ivvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni, din ma ġibdet ebda konklużjoni fil-punti 192 sa 195 tas-sentenza appellata. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
76 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dan il-ħames aggravju F’dan il-kuntest, hija madankollu tenfasizza li, kuntrarjament għal dak deċiż mill-Qorti Ġenerali fl-punt 171 tas-sentenza appellata, il-gravità ta’ ksur ma huwiex neċessarjament differenti skont jekk l-għan tal-akkordju jirrigwarda żewġ jew tliet tipi ta’ prodotti jew jekk jirrigwardax Stat Membru wieħed jew sitt Stati Membri. Għalhekk, kif hija kkonfermat matul is-seduta, il-Kummissjoni, inkunsiderazzjoni tal-fatt li ġustament il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, tistieden essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq is-sostituzzjoni tal-aggravji f’dak li jirrigwarda din il-parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
77 |
Preliminarjament, Għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli aggravju li l-argumentazzjoni tiegħu tkun insuffiċjentement preċiża u insuffiċjentement sostnuta sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità, jew li jirrepeti biss argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 26, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 44). |
78 |
Għaldaqstant, l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ħames aggravju, li ma jidentifikawx bi preċiżjoni suffiċjenti żball ta’ liġi li twettaq mill-Qorti Ġenerali u jikkonsistu f’dikjarazzjonijiet ġenerali u mhux sostnuti jew huma biss repetizzjoni, kif l-appellanti stess indikat, ta’ argumenti li hija diġà ppreżentat fl-ewwel istanza, għandhom jiġu miċħuda bħala li huma inammissibbli. |
79 |
Konsegwentement, jistgħu jkunu suġġetti għal eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss dawk l-argumenti bbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 137 u 158 tas-sentenza appellata, dwar in-natura diskriminatorja u sproporzjonata tal-applikazzjoni ta’ sanzjoni ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ skont tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni nett, fuq motivazzjoni insuffiċjenti, b’mod partikolari fil-punt 155 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-legalità tas-sistema ta’ ffissar ta’ sanzjonijiet, it-tielet nett, ta’ żbalji ta’ dritt imwettqa fl-evalwazzjoni, fil-punti 165 u 166 tas-sentenza appellata, tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” u, ir-raba’ nett, peress li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 192 sa 195 tas-sentenza appellata, ma ġibdet ebda konklużjoni mill-iżbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li hija kkonstatat, u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
80 |
Fir-rigward, L-ewwel nett, tal-ilment li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ , kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tikkonstata li l-multa li ġiet imposta fuqha kienet f’ammont nettament inqas minn dan il-limitu massimu. |
81 |
Fil-fatt, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll, essenzjalment, li, fi kwalunkwe ipoteżi, il-fatt li l-aġir ta’ impriżi oħra kien iktar kundannabbli minn dak tal-appellanti ma jipprekludix l-impożizzjoni fuqha ta’ multa f’ammont li jikkorrispondi għal 10 % tad- dħul mill-bejgħ fir-rigward tat-tul u tal-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u li għall-istess raġuni, għandu jiġi miċħud l-argument skont liema l-Linji gwida tal-2006 huma illegali peress li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ tali multa għall-impriżi kollha, indipendentement mill-gravità tal-ksur imwettaq. |
82 |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi. |
83 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-limitu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa maħsub sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multi li fir-rigward tagħhom ikun jista’ jiġi previst li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom kif iddeterminat, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, permezz tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsu (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 280, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Cetarsa vs Il-Kummissjoni, C-181/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:455, punt 82). |
84 |
Għaldaqstant, dan jikkonsisti f’limitu, applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u fformulat skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom, li għandu l-għan li jevita multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat, għaldaqstant dan il-limitu massimu għandu għan distint u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 281 u 282, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Cetarsa vs Il-Kummissjoni, C-181/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:455, punt 83). |
85 |
Minn dan isegwi li l-iffissar, għall-impriżi kollha ssanzjonati li pparteċipaw fl-istess ksur, ta’ multa għal 10 % mid-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom, peress li jirriżulta biss mill-applikazzjoni tal-limitu massimu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
86 |
Bl-istess mod, fid-dawl tal-għan intiż minn dan il-limitu massimu, il-fatt li l-applikazzjoni effettiva tal-Linji gwida tal-2006 mill-Kummissjoni, jwassal, kif issostni l-appellanti, ta’ spiss u regolarment li l-ammont tal-multa imposta jkun ekwivalenti għal 10 % mid-dħul mill-bejgħ ma jikkontestax il-legalità tal-applikazzjoni tal-imsemmi limitu massimu. |
87 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel argument tal-appellanti għandu jiġi miċħud. |
88 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punt 155 tagħha, f’dak li jirrigwarda il-legalità tas-sistema ta’ ffissar ta’ sanzjonijiet, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, fl-punti 152 sa 155 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, konformement mal-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni mfakkra fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, eżaminat b’mod legalment suffiċjenti l-ilment tal-appellanti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-legalità tal-piena. |
89 |
Barra minn hekk, bħalma l-appellanti tikkontesta l-premessi sostnuti mill-Kummissjoni, imbagħad mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 165 u 166 tas-sentenza appellata, għall-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” għal rata ta’ 15 %, hija għandha l-għan, fir-realtà, li tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali, li, konformement mal- ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fil-qasam tal-appell. |
90 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment li l-Qorti Ġenerali li, fil-punti 192 sa 195 tas-sentenza appellata, ma ġibdet ebda konsegwenza mill-iżball ta’ evalwazzjoni tal-fatti kkonstatati fil-punt 172 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-Istati Membri u s-sottogruppi tal-prodotti koperti mill-ksur, billi tnaqqas l-ammont tal-multa, għandu jitfakkar, mill-bidu nett li l-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f’kull każ partikolari l-gravità tal-aġir illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jiġi eżaminat sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod legalment korrett, il-fatturi kollha essenzjali sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod legalment suffiċjenti għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba għat-tneħħija tal-multa jew it-tnaqqis tal-ammont tagħha (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P et C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C-449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 74). |
91 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li meta hija tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 245, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Groupvs Il-Kummissjoni, C-429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punt 87). |
92 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li għad-determinazzjoni tal-ammonti ta’ multi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura tali li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 240, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 98). |
93 |
Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li ħadu minnu, kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni Ewropea (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 242, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 100). |
94 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li s-sitt parti tar-raba’ aggravju invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, eżaminat fil-punti 159 sa 177 tas-sentenza appellata, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 159, 160 u 169 ta’ din is-sentenza, tirrigwarda biss żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni mwettaq matul l-iffissar tal-koeffiċjent “ammont addizzjonali”, previst fil-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006, għal rata ta’ 15 %, u mhux waqt dik tal-koeffiċjent “gravità tal-ksur”. |
95 |
Wara li rrilevat li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni stess li jidhru fil-premessa 879 tad- deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur kien limitat biss għat-territorju Taljan u għal sottogruppi ta’ prodotti “viti u fittings” u għal “prodotti taċ-ċeramika”, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-punt 172 tas-sentenza appellata, l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi hija sostniet b’mod żbaljat li l-impriżi destinatarji kollha tad deċiżjoni kkontestata, fosthom l-appellanti, kienu pparteċipaw fi ksur uniku li jkopri t-territorju tas-sitt Stati Membri u t-tliet sottogruppi ta’ prodotti. |
96 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 171 u 193 sa 196 tas-sentenza appellata, li koeffiċjent “ammont addizzjonali” ta’ 15 % ma kienx sproporzjonat fir-rigward ta’ ksur. |
97 |
Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ta’ qorti, evalwat fil-punti 189 sa 199 tas-sentenza appellata, il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu fir-rigward tal-iffissar tal-koeffiċjent “ammont addizzjonali” tas-sitt parti tar-raba’ motiv imqajjem fl-ewwel istanza, wara li kienet sostniet, kif jirriżulta mill-punt 192 tas-sentenza appellata, li kien xieraq li tirreferi għal-Linji gwida tal-2006, setgħet ġustament, tikkunsidra li koeffiċjent “ammont addizzjonali” ta’ 15 % kien xieraq sabiex jissanzjona l-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-implementazzjoni tal-akkordju fit-territorju Taljan biss. |
98 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-akkordju inkwistjoni, li kellu bħala għan li jikkoordina l-prezzijiet, jaqa’ fil-kategorija tal-ksur imsemmi fil-punti 23 u 25 tal-Linji gwida tal-2006, u huwa kkunsidrat, f’dan is-sens, bħala ksur fost l-iktar gravi. Min-naħa l-oħra, kif speċifikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 171 tas-sentenza appellata, tali rata tikkorrispondi għar-rata l-iktar dgħajfa tal-iskala ta’ 15 % sa 25 % tal-valur tal-bejgħ, prevista għal tali ksur f’dan il-punt 25 (ara is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 124). |
99 |
Konsegwentement, minkejja l-fatt li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni tkopri biss it-territorju Taljan, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, sempliċiment minħabba n-natura ta’ dan il-ksur u mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-iffissar tal-koeffiċjent “ammont addizzjonali” għal rata ta’ 15 % kien xieraq. |
100 |
Madankollu, kif issostni, essenzjalment il-Kummissjoni, il-motivi li jidhru fil- punti 174, 176, 194 u 195 tas-sentenza appellata, skont liema ksur li jkopri t-territorju ta’ sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti għandu jiġi kkunsidrat bħala iktar gravi minn ksur bħal dak inkwistjoni, imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u li jkopri biss tliet sottogruppi, filwaqt li l-impriżi li pparteċipaw fi ksur li jkopri t-territorju ta’ sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti għandha konsegwentement u neċessarjament tiġi imposta fuqhom, sempliċiment minħabba dan ir-raġunament, multa kkalkolata abbażi tal-koeffiċjent “ammont addizzjonali” ogħla minn dak ta’ 15 %, huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. |
101 |
Fil-fatt, fir-rigward id-determinazzjoni tal-koeffiċjent “ammont addizzjonali”, mill-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati punt 22 ta’ dawn il-linji gwida. Jekk, sabiex tiġi evalwata il-gravità ta’ ksur u, sussegwentement, jiġi ffissat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, jista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-firxa ġeografika tal-ksur u tan-numru ta’ sottogruppi ta’ prodotti koperti minnu, il-fatt li ksur ikopri firxa ġeografika ikbar u numru ikbar ta’ prodotti meta mqabbel ma’ ksur ieħor, ma jistax waħdu, neċessarjament jimplika li dan l-ewwel ksur, meħud fl-assjem tiegħu, għandu jiġi kklassifikat bħala li huwa iktar gravi mit-tieni u li jiġġustifika, għalhekk, l-iffissar ta’ koeffiċjent “ammont addizzjonali” li huwa ogħla minn dak użat għall-kalkolu tal-multa li tissanzjona t-tieni ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de Españavs Il-Kummissjoni, C-295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 178). |
102 |
Minħabba dan, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni, imbagħad lill-Qorti Ġenerali, li kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-ewwel nett, peress li ma ġietx individwalizzata l-multa imposta billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur meta titqabbel ma’ dik tal-impriżi l-oħra kkonċernati u, it-tieni nett, billi sostniet, fil-punti 192 sa 195 tas-sentenza appellata, l-istess koeffiċjent “ammont addizzjonali” ta’ 15 % kemm għaliha kif ukoll għall-impriżi li pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri tliet sottogruppi ta’ prodotti f’sitt Stati Membri, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europevs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51). Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51). |
103 |
Ir-rispett tal-imsemmi prinċipju huwa impost, b’mod partikolari, fuq il-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali ġurisdizzjoni ma jistax iwassal, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li jiġu imposti, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77). |
104 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, ta’ differenzi bejn l-impriżi li pparteċipaw fl-istess akkordju, b’mod partikolari fid-dawl tal-firxa ġeografika tal-parteċipazzjonijiet rispettivi tagħhom, ma għandhux neċessarjament iseħħ matul l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, iżda jista’ jseħħ fi stadju ieħor tal-kalkolu tal-multa, bħal matul l-aġġustament tal-ammont bażi skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, skont il-punti 28 u 29 tal-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, kif ukoll is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104 u 105,u tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C-429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punti 96 sa 100). |
105 |
Kif osservat il-Kummissjoni, tali differenzi jistgħu jiġu riflessi wkoll permezz tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa, peress li dan il-valur jirrifletti, għal kull impriża parteċipanti, l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 li jippermetti li jittieħed bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ multa ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż tal-impriża fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76). |
106 |
Konsegwentement, sa fejn huwa stabbilit li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-appellanti ġiet iddeterminata, kif jirriżulta mill-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-valur tal-bejgħ imwettaq mill-appellanti fit-territorju Taljan, il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, mingħajr ma tikser il-prinċipju ugwaljanza fit-trattament, tiffissa, għall-kalkolu tal-multa l għandha tiġi imposta fuq l-appellanti, koeffiċjent “ammont addizzjonali” b’rata ta’ 15 %, ekwivalenti għal dik użata għall-impriżi li pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri tliet sottogruppi ta’ prodotti u sitt Stati Membri. |
107 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-motivazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fl-punti 174, 176, u 192 sa 195 tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiksru d-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tagħha jidher fondat għal raġunijiet oħra legali, tali ksur ma jannullax lil din id-deċiżjoni u jkun hemm li titwettaq sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
108 |
Għaldaqstant, permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivi, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ġibdet ebda konklużjoni mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 172 tas-sentenza appellata u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
109 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żbalji mwettqa fl-evalwazzjoni tal-assenza ta ’ kapaċità kontributtiva tal-appellanti
L-argumenti tal-partijiet
110 |
Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006, naqqset suffiċjentement il-multa imposta fuq l-appellanti. Hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-natura eċċessiva tal-multa imposta, fil-punti 182 u 198 tas-sentenza appellata, minħabba l-fatt li hija ma pprovdietx provi dwar in-natura eċċessiva tal-multa imposta filwaqt li hija pprovdiet provi suffiċjenti li juru il-gravità tas-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx korrettament dawn il-provi u s-sitwazzjoni reali tal-appellanti. |
111 |
Skont l-appellanti, evalwazzjoni diliġenti tas-sitwazzjoni tagħha twassal neċessarjament għall-konstatazzjoni tal-insuffiċjenza tat-tnaqqis li ngħatat lilha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, b’mod partikolari, għat-tnaqqis drastiku fid-dħul mill-bejgħ tagħha matul il-perijodu bejn l-2011 sa l-2013, għat-tnaqqis tal-persunal tagħha matul l-2013 u għall-bilanċ previst għall-2013. |
112 |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, teċċepixxi l-inammissibbiltà tas-sitt aggravju, li huwa, barra dan, manifestament infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
113 |
Għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn, permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-provi dwar il-kapaċità kontributtiva tagħha u tilmenta dwar l-insuffiċjenza tat-tnaqqis li ġiet mogħtija lilha skont tal-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006, hija riedet tikseb evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja, li taqa’ barra, madankollu, kif ġie mfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ żnaturament tal-provi, mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fil-qasam tal-appell. |
114 |
Konsegwentement, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq is-seba ’ aggravju, dwar it-trattament ta ’ talbiet għal miżuri istruttorji
L-argumenti tal-partijiet
115 |
Permezz tas-seba’ aggravju tagħha , l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għal miżuri istruttorji mressqa fl-ewwel istanza minħabba li dawn ma kinux rilevanti u, partikolarment, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li dawn il-miżuri ma kinux ta’ natura li jbiddlu l-konstatazzjoni li l-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari dawk fir-rigward tal-previżjonijiet ta’ żidiet fil-prezzijiet bejn kompetituri, implementata fl-Italja, fi ħdan Euroitalia, jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, l-imsemmija talbiet għal miżuri istruttorji ċċaraw is-sitwazzjoni reali tas-suq Taljan u li turi li l-informazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix informazzjoni sigrieta. |
116 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
117 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-qorti tal-ewwel istanza ta’ talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew ta’ jew miżuri istruttorji mressqa minn parti f’kawża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n‑neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 67, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C-260/05 P, EU:C:2007:700, punt 77). Jekk il-provi quddiemha jkunux biżżejjed jew le hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata minnha biss u ma hijiex suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell, salv meta dawk il-provi jkunu ġew żnaturati jew l-ineżattezza sostantiva ta’ dak li l-Qorti Ġenerali tkun sabet tkun evidenti mid-dokument fil-proċess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, EU:C:2004:592, punt 76). |
118 |
Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li , anki jekk talba għas-smigħ ta’ xhieda, li ssir fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li tisma’ x-xhieda ċċitati (is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebevs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 70; id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2005, Marlines vs Il-Kummissjoni, C-112/04 P, mhux ippubblikatae, EU:C:2005:554, punt 38, u s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C-260/05 P, EU:C:2007:700, punt 78). |
119 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, f’dan il-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali esklużiva tagħha fir-rigward tal-fatti, setgħet tikkunsidra, ġustament, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li x-xhieda mitluba mill-appellanti ma humiex ta’ natura li jbiddlu l-konstatazzjoni, li tidher fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva inkwistjoni, implementata fl-Italja, fi ħdan Euroitalia, jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE, u li, għaldaqstant, il-miżuri ta’ istruzzjoni mitluba mill-appellanti ma kinux neċessarji. |
120 |
Konsegwentement, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
121 |
Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ġie milqugħ l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
122 |
.Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
123 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li sar applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.