Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0516

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Mejju 2015.
    Dimensione Direct Sales srl u Michele Labianca vs Knoll International Spa.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet tal-awtur — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 4(1) — Dritt ta’ distribuzzjoni — Kunċett ta’ ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’ — Offerta għall-bejgħ u reklamar magħmula minn kummerċjant ta’ Stat Membru fis-sit internet tiegħu, permezz ta’ posta diretta u fl-istampa fi Stat Membru ieħor — Riproduzzjonijiet ta’ għamara protetti bid-drittijiet tal-awtur offruti għall-bejgħ mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni — Offerta jew reklam li ma jwasslux għall-akkwist tal-oriġinal jew ta’ kopji ta’ xogħol protett.
    Kawża C-516/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:315

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    13 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet tal-awtur — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 4(1) — Dritt ta’ distribuzzjoni — Kunċett ta’ ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’ — Offerta għall-bejgħ u reklamar magħmula minn kummerċjant ta’ Stat Membru fis-sit internet tiegħu, permezz ta’ posta diretta u fl-istampa fi Stat Membru ieħor — Riproduzzjonijiet ta’ għamara protetti bid-drittijiet tal-awtur offruti għall-bejgħ mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni — Offerta jew reklam li ma jwasslux għall-akkwist tal-oriġinal jew ta’ kopji ta’ xogħol protett”

    Fil-Kawża C‑516/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

    Dimensione Direct Sales Srl,

    Michele Labianca

    vs

    Knoll International SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Dimensione Direct Sales Srl, minn H.-C. Salger, avukat,

    għal M. Labianca, minn S. Dittl, avukat,

    għal Knoll International SpA, minn M. Goldmann, avukat,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F.W. Bulst u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Dimensione Direct Sales Srl (iktar ’il quddiem “Dimensione”) kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, u M. Labianca u Knoll International SpA (iktar ’il quddiem “Knoll”), kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, dwar ksur allegat ta’ dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni ta’ Knoll minħabba offerti għall-bejgħ, magħmula minn Dimensione, ta’ riproduzzjonijiet ta’ għamara protetti bid-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja permezz ta’ kampanja ta’ reklamar immirata u diretta lejn dan l-Istat Membru.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    L-Organizzazzjoni dinjija tal-proprjetà intellettwali fl-20 ta’ Diċembru 1996 f’Ġinevra adottat it-trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“TDA”) approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2000/278/KE tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

    4

    L-Artikolu 6 tat-TDA, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jiddisponi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.”

    Id-Dritt tal-Unjoni

    5

    Il-premessi 9, 11 u 28 tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxu:

    “(9)

    Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. [...]

    (10)

    Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom. [...]

    (11)

    Sistema rigoruż u effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati hija waħda mill-metodi li tiżgura li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l-indipendenza u d-dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.

    [...]

    (28)

    Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklużiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ [fl-Unjoni Ewropea] ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett [fl-Unjoni]. [...]”

    6

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

    2.   Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit [fl-Unjoni] rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien [fl-Unjoni] ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

    Id-dritt Ġermaniż

    7

    Inkonformità mal-punt 2 tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz) tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBI. 1965 I, p. 1273) l-awtur għandu d-dritt esklużiv li jisfrutta x-xogħol tiegħu f’forma materjali. Dan id-dritt jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ distribuzzjoni.

    8

    L-Artikolu 17(1) tal-liġi kif emendata jipprovdi:

    “Id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa d-dritt li jiġi offrut lill-pubbliku jew li jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni x-xogħol oriġinali jew kopji tiegħu.

    [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Knoll tifforma parti mill-grupp Knoll, li l-kumpannija parent tagħha, Knoll Inc., għandha s-sede tagħha f’Pennsylvania (l-Istati Uniti). Dan il-grupp jimmanifattura u jbigħ għamara ta’ valur madwar id-dinja kollha. Knoll tiddistribwixxi, fost l-oħrajn, il-pultruna “Wassily” u l-mejda “Laccio” ddisinjata minn Marcel Breuer, kif ukoll il-pultruna, il-banketta, ix-chaise longue u l-mejda “Barcelona”, is-siġġijiet “Brno” u “Prag”, u l-pultruna “Freischwinger” iddisinjata minn Ludwig Mies van der Rohe (iktar ’il quddiem, kollha flimkien, il-“kreazzjonijiet protetti”). Knoll hija awtorizzata tinvoka d-drittijiet tal-awtur esklużivi, miżmuma mill-kumpannija parent tagħha, għall-isfruttament ta’ dawn il-kreazzjonijiet protetti fil-Ġermanja.

    10

    Dimensione hija kumpannija ta’ responsabbiltà limitata li d-direttur tagħha huwa M. Labianca. Hija tiddistribwixxi fl-Ewropa għamara ta’ disinjaturi permezz ta’ bejgħ dirett u toffri għamara għall-bejgħ fis-sit internet tagħha.

    11

    Matul is-snin 2005 u 2006, Dimensione għamlet reklami għall-bejgħ ta’ għamara identika għax-xogħlijiet protetti fis-sit internet tagħha, disponibbli bil-lingwa Ġermaniża, f’diversi gazzetti u rivisti Ġermaniżi, kif ukoll fuq ktejjeb ta’ reklami li jindikaw dan li ġej:

    “Ixtru l-għamara tagħkom mill-Italja u ħallsu biss meta tiġbruha jew meta tiġi kkunsinnata minn trasportatur awtorizzat li jirċievi l-ħlas (servizz ipprovdut fuq talba)”.

    12

    Billi dehrilha li l-għamara offruta għall-bejgħ minn Dimensione kienet imitazzjoni jew falsifikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti, Knoll ressqet lil din tal-aħħar u lil M. Labianca quddiem il-Landgericht Hamburg (tribunal reġjonali ta’ Hamburg) sabiex huma jiġu pprojbiti milli jippromwovu din l-għamara għall-bejgħ fil-Ġermanja. Insostenn tat-talba tagħha, Knoll argumentat li din l-għamara kienet protetta permezz tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet ta’ arti applikata. Skont Knoll, meta għamlet reklami għal kopji ta’ xogħlijiet protetti fil-Ġermanja, Dimensione kisret id-drittijiet tal-awtur tagħha u tal-parent tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 17(1) tal-liġi tad-9 ta’ Settembru 1965 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, kif emendata.

    13

    Il-Landgericht Hamburg laqgħet it-talba ta’ Knoll. Il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (tribunal reġjonali superjuri ta’ Hamburg) iddeċieda fuq l-appell ippreżentat minn Dimensione u M. Labianca u kkonferma s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Dawn tal-aħħar imbagħad ippreżentaw rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof.

    14

    Din il-qorti tal-aħħar osservat li s-suċċess ta’ dan ir-rikors jiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari fuq il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni previst minn din id-dispożizzjoni jinkludix id-dritt li jiġi offrut għall-bejgħ lill-pubbliku l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji ta’ xogħol protett. Fl-ipoteżi li t-tweġiba għal din il-kwistjoni għandha tkun fl-affermattiv, iqumu żewġ kwistjonijiet oħra, jiġifieri, minn naħa, jekk id-dritt li jiġi offrut għall-bejgħ lill-pubbliku l-oriġinal ta’ xogħol jew kopja ta’ dawn l-oġġetti jinkludix ukoll id-dritt esklużiv li tirreklama dawn l-oġġetti u, min-naħa l-oħra, jekk jinkisirx id-dritt ta’ distribuzzjoni, meta l-offerta għall-bejgħ ta’ tali oriġinali jew kopji ta’ dawn ma jirriżultax fl-akkwist ta’ dawn tal-aħħar. Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha twieġeb fl-affermattiv għal dawn il-mistoqsijiet.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE jinkludi d-dritt li jiġi offrut għall-bejgħ lill-pubbliku l-oriġinal jew kopja ta’ xogħol?

    Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv:

    2)

    Id-dritt li jiġi offrut għall-bejgħ lill-pubbliku l-oriġinal jew kopja ta’ xogħol jinkludi biss l-offerti kuntrattwali jew ukoll il-miżuri pubbliċitarji [ta’ reklamar]?

    3)

    Ikun hemm ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni jekk l-offerta ma tagħtix lok għal xiri tal-oriġinal jew kopja ta’ xogħol?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    16

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li Dimensione u M. Labianca jargumentaw, essenzjalment, li l-ewwel domanda hija ipotetika, għaliex, billi tuża l-kelma “offerta”, din tal-aħħar tirreferi għall-offerta kuntrattwali li, min-natura tagħha, hija vinkolanti għall-bejjiegħ, filwaqt li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx biss operazzjonijiet ta’ reklamar li, taħt il-liġi Ġermaniża, ma humiex vinkolanti fuq il-bejjiegħ, iżda jikkostitwixxu stedina, indirizzata lejn xerrejja prospettivi, sabiex jissottomettu offerta ta’ xiri lill-bejjiegħ.

    17

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza X, C-651/11, EU:C:2013:346, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba ppreżentata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatti u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, C-307/10, EU:C:2012:361, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    18

    F’dan il-każ, dan ma seħħx. Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-prattika kummerċjali ta’ Dimensione li tikkonsisti kemm f’offerti għall-bejgħ kif ukoll f’operazzjonijiet ta’ reklamar li ma jinvolvux l-akkwist ta’ xogħlijiet protetti.

    19

    Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha titqies li hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    20

    Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil detentur ta’ dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni ta’ xogħol protett li jopponi offerta ta’ bejgħ jew reklamar dwar l-oriġinal jew kopja ta’ dan ix-xogħol, anki jekk ma jkunx stabbilit li din l-offerta jew reklamar tirriżulta fl-akkwist tal-oġġett protett minn xerrej tal-Unjoni.

    21

    Inkonformità ma’ din id-dispożizzjoni, dritt esklużiv jiġi kkonferit fuq l-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, bil-bejgħ jew b’mod ieħor, tal-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ kopji tal-istess.

    22

    Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “distribuzzjoni”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu ma tistax tiddependi fuq il-liġi applikabbli għat-tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom tkun seħħet id-distribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Donner, C-5/11, EU:C2012:370, punt 25).

    23

    Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, peress li d-Direttiva 2001/29 hija intiża li timplementa l-obbligi tal-Unjoni, b’mod partikolari taħt it-TDA, u li t-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom, skont il-ġurisprudenza stabbilita, jiġu interpretati, sakemm dan ikun possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, speċjalment fejn tali dispożizzjonijiet ikunu intiżi preċiżament li jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, il-kunċett ta’ “distribuzzjoni” li hemm fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 6(1) tat-TDA (sentenza Donner, C-5/11, EU:C:2012:370, punt 23).

    24

    Il-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku [...] għall-bejgħ” fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva għalhekk għandu l-istess tifsira bħall-espressjoni “jagħmlu disponibbli lill-pubbliku [...] permezz ta’ bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tat-TDA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Donner, C-5/11, EU:C:2012:370, punt 24).

    25

    Meta qieset dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat prċiżament li d-distribuzzjoni lill-pubbliku hija karatterizzata minn sensiela ta’ operazzjonijiet li jvarjaw, għall-inqas, mill-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ sal-eżekuzzjoni tal-istess bil-kunsinna lil membru tal-pubbliku. Kummerċjant huwa, għaldaqstant, responsabbli għall-operazzjonijiet kollha mwettqa minnu stess jew f’ismu li jwasslu għal “distribuzzjoni lill-pubbliku” fi Stat Membru fejn ix-xogħol imqassam huwa protett bid-drittijiet tal-awtur (sentenzi Donner, C-5/11, EU:C:2012:370, punti 26 u 27, kif ukoll Blomqvist, EU:C:2014:55, punt 28).

    26

    Huwa ċar minn din il-ġurisprudenza, inklużi l-kliem “mill-inqas” użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma huwiex eskluż li operazzjonijiet jew atti li jippreċedu l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kunċett ta’ distribuzzjoni u jitniżżlu, fuq bażi esklużiva, lil detenturi ta’ drittijiet tal-awtur.

    27

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-eżistenza ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku għandha titqies li seħħet fil-każ ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u ta’ spedizzjoni (sentenza Blomqvist, C-98/13, EU:C:2014:55, punt 29), huwa veru wkoll fil-każ ta’ offerta ta’ kuntratt ta’ bejgħ li jorbot l-awtur tagħha. Fil-fatt, tali offerta tikkostitwixxi, min-natura tagħha stess, att li jsir qabel it-twettiq ta’ bejgħ.

    28

    Fir-rigward ta’ stedina sabiex wieħed jissottometti offerta jew reklam mhux vinkolanti li jirrigwardaw xogħol protett, din ukoll tagħmel parti mill-katina ta’ operazzjonijiet ta’ impriża mwettqa bil-għan li jitlesta l-bejgħ ta’ dan ix-xogħol. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 30 tas-sentenza Donner (C-5/11, EU:C:2012:370) li kummerċjant li jindirizza r-reklamar tiegħu lill-membri tal-pubbliku residenti fi Stat Membru partikolari u joħloq jew iqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom sistema ta’ kunsinna u metodu ta’ ħlas speċifiku, u li jpoġġi jew iqiegħed dawn il-membri tal-pubbliku f’pożizzjoni li jistgħu jiġu kkunsinnati lilhom kopji ta’ xogħlijiet protetti f’dan l-Istat Membru, iwettaq, fl-Istat Membru fejn il-kunsinna tkun saret, “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29.

    29

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward ta’ merkanzija li ġejja minn Stat terz li tkun kopja ta’ xogħol protett fl-Unjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, li oġġetti bħal dawn jistgħu jiksru dan id-dritt jekk ikun ipprovat li huma ddestinati li jitqiegħdu għall-bejgħ fl-Unjoni, peress li din il-prova hija relatata, b’mod partikolari, fejn jintwera li l-oġġetti kienu s-suġġett ta’ bejgħ lill-klijent tal-Unjoni, ma’ offerta għall-bejgħ jew ta’ reklamar indirizzati lill-konsumaturi tal-Unjoni, (ara f’dan is-sens, is-sentenza Blomqvist, C-98/13, EU:C:2014:55, punt 32).

    30

    L-istess interpretazzjoni tapplika b’analoġija fil-każ ta’ att kummerċjali, bħal offerta għall-bejgħ jew ta’ reklamar indirizzati mill-kummerċjant ta’ Stat Membru, permezz tas-sit internet tiegħu, lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih l-oġġetti kkonċernati jkunu protetti bid-drittijiet tal-awtur.

    31

    Fil-fatt, jista’ jkun hemm ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, meta kummerċjant, li ma jkunx detentur tad-drittijiet tal-awtur, iqiegħed għal bejgħ xogħlijiet protetti jew kopji tagħhom u jindirizza reklamar, permezz tas-sit internet tiegħu, bil-posta diretta jew bl-istampa, lill-konsumaturi li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru li fih dawn ix-xogħlijiet ikunu protetti sabiex iħeġġiġhom jixtruhom.

    32

    Isegwi minn din il-konklużjoni li huwa irrilevanti, sabiex il-ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni jiġi kkonstatat, li dan ir-reklamar ma jiġix segwit bit-trasferiment tal-proprjetà tax-xogħol protett jew ta’ kopja tiegħu lix-xerrej.

    33

    Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet effettivament iddeċidiet, fis-sentenza tagħha Peek & Cloppenburg (C-456/06, EU:C:2008:232, punti 33, 36 u 41), li kienet tikkonċerna l-possibbiltà li jintużaw riproduzzjonijiet ta’ xogħol protett, li l-kunċett ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku tax-xogħol oriġinali jew kopja tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, jimplika trasferiment tal-proprjetà ta’ dan l-oġġett, ikun hemm ukoll ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni hekk kif issir offerta, permezz ta’ reklamar immirat, lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru fejn dan ix-xogħol ikun protett, biex jakkwistaw il-proprjetà tal-oriġinal jew kopja tiegħu.

    34

    Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, kif jirriżultaw mill-premessi 9 sa 11, li jiddikjaraw li l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, l-awturi għandhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, u s-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandha tkun effettiva u rigoruża (ara s-sentenza Peek & Cloppenburg, C-456/06, EU:C:20088:232, punt 37).

    35

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta lid-domandi magħmula li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lid-detentur ta’ dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni ta’ xogħol protett jopponi offerta għall-bejgħ jew reklamar li jikkonċernaw l-oriġinal jew kopja ta’ dan ix-xogħol, anki jekk ma jkunx stabbilit li dan ir-reklamar ikun wassal għall-akkwist tal-oġġett protett minn xerrej tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-imsemmija offerta jew reklam tħeġġeġ lill-konsumaturi tal-Istat Membru li fih l-imsemmi xogħol ikun protett bid-drittijiet tal-awtur sabiex jagħmel l-akkwist.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lid-detentur ta’ dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni ta’ xogħol protett jopponi offerta għall-bejgħ jew reklamar li jikkonċernaw l-oriġinal jew kopja ta’ dan ix-xogħol, anki jekk ma jkunx stabbilit li dan ir-reklamar ikun wassal għall-akkwist tal-oġġett protett minn xerrej tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-imsemmija offerta jew reklam tħeġġeġ lill-konsumaturi tal-Istat Membru li fih l-imsemmi xogħol ikun protett bid-drittijiet tal-awtur sabiex jagħmel l-akkwist.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top