Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0477

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ April 2015.
    Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer vs Hans Angerer.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Bundesverwaltungsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/36/KE — Artikolu 10 — Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali — Aċċess għall-professjoni ta’ perit — Titoli li ma jidhrux fil-punt 5.7.1. tal-Anness V — Kunċetti ta’ ‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ u ta’ ‘perit’.
    Kawża C-477/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:239

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    16 ta’ April 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/36/KE — Artikolu 10 — Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali — Aċċess għall-professjoni ta’ perit — Titoli li ma jidhrux fil-punt 5.7.1. tal-Anness V — Kunċetti ta’ ‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ u ta’ ‘perit’”

    Fil-Kawża C‑477/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

    Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer

    vs

    Hans Angerer,

    fil-preżenza ta’:

    Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

    Landesanwaltschaft Bayern als Vertreter des öffentlichen Interesses,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer, minn A. Graf von Keyserlingk u J. Buntrock, avukati,

    għal H. Angerer, minn H. Olschewski, avukat,

    għall-Landesanwaltschaft Bayern als Vertreter des öffentlichen Interesses, minn C. Zappel u R. Käβ, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Gvern Rumen, minn R. Haţieganu u A. Vacaru, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22, u r-rettifiki ĠU 2007, L 271, p. 18, u ĠU 2008, L 93, p. 28), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 279/2009, tas-6 ta’ April 2009 (ĠU L 93, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer (kummissjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-kamra tal-periti tal-Land ta’ Bayern, iktar ’il quddiem il-“Bayerische Architektenkammer”) u H. Angerer dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dan tal-aħħar fir-reġistru tal-kamra tal-periti tal-Land ta’ Bayern.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-liġi tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2005/36 ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 1, p. 118).

    4

    Il-premessi 17, 19 u 28 tad-Direttiva 2005/36 jistabbilixxu:

    “(17)

    Sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet kollha li għalihom ma hemmx regoli rigward ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, is-sistema ġenerali għandha tkun estiża għal dawk il-każijiet li mhumiex koperti minn sistema speċifika, kemm fejn il-professjoni mhijiex koperta minn waħda minn dawk is-sistemi jew fejn, għalkemm il-professjoni hija koperta minn tali sistema speċifika, l-applikant ma jissodisfax il-kondizzjonijiet sabiex jibbenefika minnha għal xi raġuni partikolari u eċċezzjonali.

    […]

    (19)

    Il-libertà tal-moviment u r-rikonoxximent reċiproku tal-provi ta’ kwalifiki formali ta’ […] periti għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju fundamentali tar-rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali abbażi ta’ kondizzjonijiet minimi kordinati għat-taħriġ. […]

    […]

    (28)

    Ir-regoli nazzjonali fil-qasam ta’ l-arkitettura u dwar l-aċċess u l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali bħala perit ivarjaw ħafna fil-firxa tagħhom. Fil-maġġoranza ta’ l-Istati Membri, attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura huma eżerċitati, de jure, jew de facto, minn persuni li jġibu t-titolu ta’ perit biss jew flimkien ma’ titolu ieħor, mingħajr ma dawk il-persuni jkollhom monopolju fuq l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet leġislattivi kontra dan. Dawn l-attivitajiet, jew xi wħud minnhom, jistgħu jiġu eżerċitati wkoll minn professjonisti oħra, b’mod partikolari minn inġiniera li segwew taħriġ speċjali fil-qasam tal-kostruzzjoni jew fl-arti tal-bini. Sabiex tiġi simplifikata din id-Direttiva, għandha ssir referenza għall-kunċett ta’ “perit” sabiex il-firxa tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki fil-qasam ta’ l-arkitettura tiġi ristretta, bla preġudizzju għall-karatteristiċi speċjali tar-regolamenti nazzjonali li jirregolaw dawk l-attivitajiet.”

    5

    L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan”, jipprevedi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa “l-Istat Membru ospitanti”) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Istat Membru ta’ l-oriġini”) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

    6

    L-Artikolu 4(1) tad-direttiva msemmija jipprovdi:

    “Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċjarju sabiex jikseb aċċess f’dak l-Istat Membru għall-istess professjoni bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u sabiex jeżerċitaha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.”

    7

    It-Titolu III tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Libertà ta’ stabbiliment”, jinkludi fih erba’ kapitoli. Fil-Kapitolu I ta’ dan it-Titolu III, intitolat “Sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ”, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Dan il-Kapitolu japplika għall-professjonijiet kollha li ma jaqgħux taħt il-Kapitoli II u III ta’ dan it-Titolu fil-każijiet li ġejjin li fihom l-applikant, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Kapitoli:

    a)

    għal attivitajiet elenkati fl-Anness IV, meta l-migrant ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 17, 18 u 19;

    b)

    għal tobba b’taħriġ bażiku, tobba speċjalizzati, infermiera responsabbli għas-saħħa ġenerali, tobba dentisti, tobba dentisti speċjalizzati, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti, meta l-migrant ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ prattika professjonali effettiva u legali msemmija fl-Artikoli 23, 27, 33, 37, 39, 43 u 49;

    ċ)

    għal periti, meta l-migrant ikollu prova ta’ kwalifika formali mhux elenkata fl-Anness V, punt 5.7;

    d)

    bla ħsara għall-Artikoli 21(1), 23 u 27, għal tobba, infermiera, tobba dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti li jkollhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista, li għandu jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess ta’ titolu elenkat fl-Anness V, punti 5.1.1, 5.2.2, 5.3.2, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7. 1, u biss bl-għan ta’ rikonoxximent ta’ l-ispeċjalizzazzjoni in kwistjoni;

    e)

    għal infermiera responsabbli mill-kura ġenerali u infermiera speċjalizzati li jkollhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista li jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess ta’ titolu elenkat fl-Anness V, punt 5.2.2, meta l-migrant ifittex rikonoxximent fi Stat Membru ieħor fejn l-attivitajiet professjonali in kwistjoni huma eżerċitati minn infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali;

    f)

    għal infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali, meta l-migrant ifittex rikonoxximent fi Stat Membru ieħor fejn l-attivitajiet professjonali in kwistjoni huma eżerċitati minn infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali jew infermiera speċjalizzati li għandhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista li jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess tat-titoli elenkati fl-Anness V, punt 5.2.2;

    g)

    għal migranti li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 3(3).”

    8

    Taħt il-Kapitolu III tat-Titolu III tad-direttiva msemmija, intitolat “Rikonoxximent abbażi ta’ kordinazzjoni ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ”, l-Artikolu 21 tal-istess direttiva, huwa stess intitolat “Prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala provi ta’ kwalifiki formali […] bħala perit, elenkati fl-Anness V, [punt 5.7.1], dawk il-provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ imsemmija fl-[Artikolu 46], u għandu, għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, jagħti dawn il-provi l-istess effett fuq it-territorju tiegħu bħala provi ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess.

    Din il-prova tal-kwalifiki formali għandha tinħareġ mill-korpi kompetenti fl-Istati Membri u tkun akkumpanjata, fejn xieraq, miċ-ċertifikati elenkati fl-Anness V, [punt 5.7.1.].

    […]”

    9

    L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Taħriġ ta’ periti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “It-taħriġ bħala perit għandu jkopri total ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ studji full-time jew sitt snin ta’ studju, li minnhom tliet snin ikunu fuq bażi full-time, f’università jew istituzzjoni edukattiva paragunabbli. It-taħriġ għandu jwassal għat-tmiem b’suċċess ta’ eżami f’livell universitarju.

    Dak it-taħriġ, li għandu jkun ta’ livell universitarju, u li tiegħu l-arkitettura hija l-komponent prinċipali, għandu jżomm bilanċ bejn l-aspetti teoretiċi u prattiċi ta’ taħriġ arkitetturali u jiggarantixxi il-kisba tal-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

    […]”

    10

    L-Artikolu 48 tad-direttiva msemmija, intitolat “L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ periti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet professjonali ta’ perit huma l-attivitajiet li huma eżerċitati b’mod regolari taħt it-titolu professjonali ta’ ‘perit’.”

    11

    Il-punt 5.7.1. tal-Anness V tal-istess direttiva jelenka, għal kull Stat Membru, il-provi ta’ kwalifiki formali li jippermettu li jinkiseb l-aċċess għall-professjoni ta’ perit, il-korpi li jistgħu joħorġu dawn il-kwalifiki kif ukoll iċ-ċertifikati kumplimentari li jakkumpanjaw lil dawn tal-aħħar.

    Il-liġi Ġermaniża

    12

    Konformement mal-Kostituzzjoni Ġermaniża, il-liġi applikabbli għall-professjoni ta’ perit tidħol, fil-Ġermanja, taħt il-kompetenza leġiżlattiva tal-Länder. L-Artikolu 4 tal-Liġi tal-Land ta’ Bayern dwar il-kamra tal-periti ta’ Bayern u dwar il-kamra tal-inġiniera tas-settur tal-kostruzzjoni ta’ Bayern (Gesetz über die Bayerische Architektenkammer und die Bayerische Ingenieurekammer-Bau), tad-9 ta’ Mejju 2007 (GVBl p. 308, iktar ’il quddiem il-“BauKaG”), jipprovdi:

    “[…]

    (2)   Għandha titniżżel fir-reġistru tal-kamra tal-periti kull persuna li tapplika biex tkun irreġistrata u li

    1.

    jkollha d-domiċilju jew ir-residenza tagħha f’Bayern jew teżerċita hemmhekk il-parti l-kbira tal-attivitajiet professjonali tagħha;

    2.

    tkun għaddiet mill-eżami finali ta’ kors

    a)

    b’mill-inqas erba’ snin tul ta’ studju regolari fil-kompiti elenkati fl-Artikolu 3(1) fil-qasam tal-arkitettura (inġinerija strutturali) jew

    b)

    b’mill-inqas tliet snin tul ta’ studju regolari fil-kompiti elenkati fl-Artikolu 3(2) u (3) fl-oqsma ta’ arkitettura interna jew tal-pajsaġġ f’università Ġermaniża,

    fi skola Ġermaniża pubblika jew li tkun rikonoxxuta uffiċjalment għall-inġiniera (Akademie) jew fi stabbiliment ta’ tagħlim Ġermaniż li huwa ekwivalenti għal dawn, u

    3.

    ikun wettaq minn ta’ lanqas sentejn ta’ esperjenza prattika postgradwatorja fil-qasam rilevanti.

    Is-sentejn ta’ esperjenza prattika għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet ta’ taħriġ professjonali kontinwu organizzati għall-kamra tal-periti fil-qasam tal-ippjanar tekniku u ekonomiku u tal-liġi tal-kostruzzjoni.

    […]

    (5)   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 2(a) u 3 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 jiġu sodisfatti wkoll meta ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ma jissodisfax, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(b), (ċ), (d) u (g) tad-Direttiva [2005/36], il-kundizzjonijiet li jkunu jippermettu r-rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali tiegħu abbażi ta’ koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ fis-sens tad-Direttiva [2005/36] u jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva [2005/36] ikunu sodisfatti; it-taħriġ jiġi b’hekk assimilati fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva [2005/36]. […]

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Minn Marzu 2007, H. Angerer, ċittadin Ġermaniż, jeżerċita, fl-Awstrija, l-attività ta’ “imprenditur-proġettatur”. Huwa jirrisjedi kemm f’Bayern kif ukoll fl-Awstrija. Fil-25 ta’ April 2008, H. Angerer ippreżenta lill-Bayerische Architektenkammer applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fil-lista ta’ fornituri ta’ servizzi barranin tal-kamra tal-periti tal-Land ta’ Bayern.

    14

    Fid-data ta’ din l-applikazzjoni, huwa kien għadda, fl-Awstrija, l-eżami tal-kwalifika għall-professjoni ta’ imprenditur. Huwa kellu wkoll, fil-Ġermanja jew fl-Awstrija, skont il-każ, kwalifiki oħra, jiġifieri l-eżamijiet ta’ tmiem l-apprendistat u l-kwalifika fil-professjonijiet ta’ pittur u ta’ verniċatur, l-eżami ta’ ekonomista tal-impriżi artiġjanali, l-eżami ta’ kwalifika għall-professjoni ta’ ħaddiem tal-ġibs, l-eżami ta’ konsulent fl-enerġija kif ukoll l-eżami ta’ tmiem l-apprendistat tas-sengħa ta’ bennej.

    15

    B’deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009, il-Bayerische Architektenkammer irrifjutat ir-reġistrazzjoni mitluba minn H. Angerer. Min-naħa l-oħra, b’deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2010, il-Bayerische Ingenieurekammer Bau (kamra tal-inġiniera tas-settur tal-kostruzzjoni ta’ Bayern) irreġistratu f’reġistru stabbilit konformement mal-Artikolu 61(7) tal-kodiċi tal-kostruzzjoni ta’ Bayern (Bayerische Bauordnung), u b’hekk awtorizzatu jippreżenta proġetti ta’ kostruzzjoni f’Bayern. B’hekk, H. Angerer ma huwa suġġett għal ebda restrizzjoni fl-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ “imprenditur-proġettatur” li għalihom għandu kkwalifika fl-Awstrija.

    16

    Wara r-rikors ippreżentat minn H. Angerer kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009, il-Bayerisches Verwaltungsgericht (qorti amministrattiva tal-Land ta’ Bayern) annullat, b’sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009, id-deċiżjoni msemmija u ordnat lill-Bayerische Architektenkammer tirreġistra lil H. Angerer fir-reġistru tal-fornituri ta’ servizzi barranin.

    17

    Il-Bayerischer Architektenkammer appellat minn din is-sentenza quddiem il-Bayerische Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri tal-Land ta’ Bayern). Matul il-proċedura ta’ appell, fuq talba tal-qorti u bi ftehim mal-Bayerische Architektenkammer, H. Angerer emenda s-suġġett tat-talba inizjali tiegħu, jiġifieri r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kamra tal-periti u mhux iktar fir-reġistru tal-fornituri ta’ servizzi barranin.

    18

    B’sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof laqgħet it-talba l-ġdida ta’ H. Angerer minħabba li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kamra tal-periti, kif imsemmija fl-Artikolu 4(5) tal-BauKaG, kienu sodisfaċenti.

    19

    Il-Bayerische Architektenkammer ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar irrilevat li l-Artikolu 4(5) tal-BauKaG għandu l-għan li jittrasponi d-Direttiva 2005/36 fil-liġi Ġermaniża. Din id-dispożizzjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 10(ċ) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li huwa deċiżiv, fil-kuntest tat-tilwima li għandha quddiemha, li jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 10(ċ) tad-direttiva msemmija, billi jiġi delimitat il-kontenut tal-kunċetti ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” u ta’ “perit” imsemmija fl-artikolu msemmi.

    20

    Minn naħa, fir-rigward tal-kunċett ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 10(b) sa (d) u (g) tad-Direttiva 2005/36 ma jikkostitwixxux, fihom infushom, “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, iżda li l-applikant għandu barra minn hekk jinvoka u jipprova motivi iktar estiżi, relatati, pereżempju, mal-passat personali tiegħu, li kellhom il-konsegwenza li dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li jippermettu rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali abbażi tal-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ, fis-sens tad-direttiva msemmija.

    21

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunċett ta’ “perit”, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-liġi Awstrijaka, imprenditur-proġettatur jista’ jipproġetta bini, xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili u kostruzzjonijiet oħra, jwettaq il-kalkoli kollha relatati magħhom, jidderiġi x-xogħlijiet tagħhom, jeżegwihom u jidderiġi d-distruzzjoni tagħhom. Dawn il-kompetenzi huma komuni għall-imprendituri-proġettaturi u għall-periti. Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “perit”, fis-sens tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36, jimplikax li, fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, il-ħaddiem migrant ikun eżerċita, minbarra attivitajiet tekniċi ta’ ppjanar, ta’ sorveljanza u ta’ implementazzjoni, attivitajiet li jiffurmaw parti mill-qasam tal-ipproġettar artistiku u ekonomiku tal-bini, tal-urbaniżmu jew tal-konservazzjoni tal-monumenti, jew li seta’ jeżerċithom mat-tmiem tat-taħriġ tiegħu.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    a)

    Ir-‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva [2005/36] jirreferu għas-sitwazzjonijiet li huma ddefiniti fil-kategoriji elenkati sussegwentement […], jew fost dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu inklużi wkoll “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” li minħabba fihom l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli II u III tat-Titolu III tad-Direttiva?

    b)

    F’dan il-każ tal-aħħar, ta’ liema natura għandhom ikunu dawn ir-‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’? Għandhom ikunu raġunijiet personali — bħal pereżempju l-bijografija tal-individwu — li minħabba fihom il-migrant ma jissodisfax, eċċezzjonalment, il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva għar-rikonoxximent awtomatiku tat-taħriġ tiegħu?

    2)

    a)

    Il-kunċett ta’ perit fis-sens tal-Artikolu 10(c) tad-Direttiva [2005/36] jirrikjedi li l-migrant, fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, minbarra attivitajiet tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikun eżerċita wkoll, jew ikun seta’ eżerċita bis-saħħa tat-taħriġ tiegħu, attivitajiet ta’ disinn artistiku, attivitajiet ta’ ppjanar urbaniku, attivitajiet ta’ natura ekonomika u possibbilment anki attivitajiet relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?

    b)

    Il-kunċett ta’ [‘perit’] fis-sens tal-Artikolu 10(c) tad-Direttiva [2005/36,] jirrikjedi li l-migrant ikun irċieva taħriġ ta’ livell superjuri (Hochschulniveau) li jkollu bħala l-komponent prinċipali tiegħu l-arkitettura u li, minbarra aspetti tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikopri wkoll suġġetti ta’ disinn artistiku, suġġetti ta’ ppjanar urbaniku, suġġetti ta’ natura ekonomika u possibbilment anki suġġetti relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?

    (ċ)

    (i)

    Għall-finijiet tad-domandi (a) u (b), huwa rilevanti l-mod kif normalment jiintuża t-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fi Stati Membri oħra [Artikolu 48(1) tad-Direttiva [2005/36])?

    (ii)

    jew huwa biżżejjed li jiġi ddeterminat l-mod kif normalment jintuża t-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fl-Istat Membru ta’ oriġini u fl-Istat Membru ospitanti?

    (iii)

    jew inkella l-firxa ta’ attivitajiet normalment marbuta mat-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva [2005/36]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq id-domanda 1(a)

    23

    Bid-domanda 1(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikant, li jixtieq jibbenefika mis-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali, stabbilita fil-Kapitolu I tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, għandu, minbarra l-fatt li jkollu kwalifika formali li ma tkunx imsemmija fil-punt 5.7.1 tal-Anness V tad-direttiva msemmija, jipprova wkoll l-eżistenza ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”.

    24

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali stabbilita fil-Kapitolu I tat-Titolu III ta’ din id-direttiva. Is-sistema msemmija tipprevedi eżami każ b’każ mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti tal-kwalifiki professjonali miksuba mill-applikant fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu. Fir-rigward tal-periti, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-Artikolu 10(ċ) tad-direttiva msemmija.

    25

    Madankollu, id-Direttiva 2005/36 tipprevedi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tagħha, li, f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-professjoni ta’ perit, ir-rikonoxximent reċiproku tal-provi ta’ kwalifiki formali għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku tal-imsemmija provi ta’ kwalifiki formali, ibbażat fuq il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ. L-imsemmija sistema awtomatika ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali hija rregolata mill-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36.

    26

    Skont ġurisprudenza stabbilita, biex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini, il-kuntest kif ukoll l-għan tagħha (sentenza Spedition Welter, C 306/12, EU:C:2013:650, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36, għandu jiġi osservat li l-frażi introduttiva ta’ dan l-artikolu tissuġġetta, f’dak li jikkonċerna l-professjonijiet li jidħlu, bħala prinċipju, fis-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali, l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi msemmija għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjoni tas-sistema awtomatika u, min-naħa l-oħra, li jkunu jeżistu raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali għalfejn l-applikant ikun jinsab f’din is-sitwazzjoni.

    28

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-termini tal-premessa 17 tad-Direttiva 2005/36, li jgħidu li s-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tapplika meta l-applikant ma jkunx jissodisfa, għal raġunijiet partikolari u eċċezzjonali, il-kundizzjonijiet biex jibbenefika mis-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku.

    29

    Il-frażi introduttiva tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 hija segwita mill-punti (a) sa (g), li huma intiżi biex jippreċiżaw il-portata ta’ waħda jew l-oħra miż-żewġ kundizzjonijiet imposti minnu. Il-punti msemmija japplikaw jew għal professjoni speċifika waħda jew iktar, jew, b’mod trasversali, għal numru ta’ professjonijiet li jinsabu f’sitwazzjoni partikolari.

    30

    L-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36, li jikkonċerna speċifikatament il-professjoni ta’ perit, jikkonċerna lil sitwazzjoni ta’ fatt partikolari, jiġifieri dik li fiha applikant ma jkollux kwalifika formali msemmija fil-punt 5.7.1 tal-Anness V ta’ din id-direttiva. Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) tad-direttiva msemmija, il-pusess ta’ kwalifika formali msemmija f’dan l-anness huwa l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema awtomatika ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali, prevista fil-Kapitolu III tat-Titolu III tal-istess direttiva, għall-periti. Għaldaqstant, l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 jirreferi biss għall-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija mill-frażi introduttiva ta’ dan l-artikolu, jiġifieri għal dik relattiva għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tas-sistema awtomatika.

    31

    Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha l-konsegwenza li, fir-rigward tal-periti li għandhom provi ta’ kwalifiki formali li ma jissemmewx fil-punt 5.7.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-frażi introduttiva tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tkun inapplikabbli, peress li ż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

    32

    Isegwi li, bis-saħħa tat-termini tal-Artikolu 10 tad-direttiva msemmija, applikant li jixtieq jibbenefika mis-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali, applikabbli għall-periti, ikollu mhux biss jipprova li jinsab fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36, jiġifieri li ma għandu ebda waħda mill-provi ta’ kwalifiki formali msemmija fl-imsemmi punt 5.7.1 tal-Anness V, iżda jkollu wkoll jeċċepixxi “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” li minħabba fihom jinsab f’din is-sitwazzjoni.

    33

    Tali interpretazzjoni hija konformi mal-intenzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif jirriżultaw mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2005/36. B’hekk, fir-rigward tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea, hekk kif tirriżulta mill-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali [COM(2002) 119 finali] (ĠU 2002, C 181 E, p. 183), b’ebda mod ma kienet issemmi la l-kunċett ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” u lanqas l-Artikolu 10(a) sa (g) tad-Direttiva 2005/36. Dan il-kunċett u dawn id-dispożizzjonijiet ġew miżjuda fuq l-inizjattiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005 deċiża mill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2004 bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, C 58 E, p. 1). Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill (ĠU 2005, C 58 E, p. 119) jirriżulta li dan qies li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva kienet wiesgħa ħafna. Barra minn hekk, il-Kunsill jippreċiża fiha li “s-sistema ġenerali għandha tapplika biss għall-professjonisti li ma humiex koperti mill-Kapitoli II u III tat-Titolu III, kif ukoll fil-każijiet partikolari elenkati fl-Artikolu 10(a) sa (g) tal-pożizzjoni komuni li għalihom, minħabba raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, l-applikant, filwaqt li jeżerċita professjoni koperta mill-kapitoli msemmija, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’dawn il-kapitoli”.

    34

    Barra minn hekk, l-istruttura u l-għan tad-Direttiva 2005/36 jipprekludu interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, li tgħid li l-motiv imsemmi ma jikkostitwixxix kundizzjoni awtonoma meta mqabbel ma’ dik imsemmija fl-Artikolu 10(ċ) ta’ din id-direttiva.

    35

    Fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2005/36, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ perit, mill-premessa 19 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kwalifiki professjonali tal-periti huma rrikonoxxuti bi prijorità skont is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali previsti fl-Artikoli 21 u 46 kif ukoll fil-punt 5.7.1 tal-Anness V tad-direttiva msemmija.

    36

    F’dak li jikkonċerna l-għan tad-Direttiva 2005/36, mill-Artikoli 1 u 4 tagħha jirriżulta li l-għan essenzjali tar-rikonoxximent reċiproku huwa li persuna li jkollha kwalifika professjonali li ttih aċċess għal professjoni rregolata fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu tkun tista’ taċċedi, fl-Istat Membru ospitanti, l-istess professjoni bħal dik li din tkun ikkwalifikata għaliha fl-Istat Membru tal-oriġini u li teżerċitaha hemmhekk taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali (sentenza Ordre des architectes, C-365/13, EU:C:2014:280, punt 19).

    37

    Issa, jekk l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 jiġi interpretat fis-sens li dan ma jeħtieġx il-prova ta’ raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali min-naħa tal-applikanti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, din l-interpretazzjoni jista’ jkollha l-konsegwenza li timponi lill-Istat Membru ospitanti li jeżamina l-provi ta’ kwalifiki formali miżmuma minn applikant minkejja li dan ma jkollux il-kwalifiki neċessarji għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ perit fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, liema ħaġa tkun tmur kontra l-għan tad-direttiva msemmija.

    38

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda 1(a) għandha tkun li l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant, li jixtieq jibbenefika mis-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali, stabbilita fil-Kapitolu I tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, għandu, minbarra l-fatt li jkollu kwalifika formali li ma hijiex inkluża fil-punt 5.7.1. tal-Anness V tad-direttiva msemmija, jipprova wkoll l-eżistenza ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”.

    Fuq id-domanda 1(b)

    39

    Permezz tad-domanda 1(b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema tip ta’ ċirkustanzi jistgħu jikkostitwixxu “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36.

    40

    H. Angerer, il-gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Rumanija kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l-kunċett ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” jirreferi għal ċirkustanzi relatati ma’ ostakli istituzzjonali u strutturali possibbli li jirriżultaw mis-sitwazzjoni konkreta tal-Istat Membru kkonċernat. H. Angerer, il-Landesanwaltschaft Bayern als Vertreter des öffentlichen Interesses u l-Kummissjoni jqisu, barra minn hekk, li l-motiv imsemmi jkopri wkoll ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni personali tal-applikant, b’mod partikolari mal-curriculum vitae tiegħu, mal-iżvolġiment tal-edukazzjoni tiegħu jew ma’ avvenimenti relatati mal-ħajja privata tiegħu. Il-Gvern Ġermaniż isostni li għalkemm tali ċirkustanzi personali jistgħu jikkostitwixxu “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, għandu jiġi żgurat li l-applikant jippreżenta l-kwalifiki professjonali kollha li jippermettulu jeżerċita l-attività ta’ arkitett.

    41

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Dreessen (C-31/00, EU:C:2002:35, punti 27 u 28), li l-Istati Membri kellhom josservaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, hekk kif jirriżultaw mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikoli 49 TFUE u 53 TFUE, waqt kull evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ perit meta l-applikant ma jkunx jista’ jinvoka l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta, wara żball mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, il-kwalifika formali tal-applikant ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

    42

    Bl-istess mod, mis-sentenza Hocsman (C-238/98, EU:C:2000:440, punt 23) jirriżulta li l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE, meta l-applikant ma jkunx jista’ jinvoka l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali stabbilit bid-direttiva rilevanti minħabba l-post fejn inkisbet il-kwalifika formali kkonċernata u minħabba l-passat akkademiku u professjonali tal-applikant.

    43

    Mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2005/36, b’mod partikolari mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill, iċċitati fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fis-sentenzi Hocsman (C‑238/98, EU:C:2000:440) u Dreessen (C‑31/00, EU:C:2002:35) wasslu, b’mod partikolari, għall-adozzjoni tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva. Isegwi li r-“raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, imsemmija f’dan l-Artikolu, jistgħu jkopru kemm ċirkustanzi relatati ma’ ostakli istituzzjonali u strutturali possibbli li jirriżultaw mis-sitwazzjoni konkreta tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll ċirkustanzi marbuta mas-sitwazzjoni personali tal-applikant.

    44

    Sabiex tiġi delimitata l-portata tal-kunċett ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, għandu barra minn hekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 2005/36, hekk kif imfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fl-għoti, lill-persuna li għandha kwalifika professjonali li tagħtiha l-aċċess għal professjoni rregolata fl-Istat Membru tal-oriġini, tal-possibbiltà li taċċedi, fl-Istat Membru ospitanti, għall-istess professjoni bħal dik li din hija kkwalifikata għaliha fl-Istat Membru tal-oriġini.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun li l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għaċ-ċirkustanzi li għalihom l-applikant ma jkollux kwalifika msemmija fil-punt 5.7.1. tal-Anness V ta’ din id-direttiva, bil-preċiżazzjoni li l-imsemmi applikant ma jistax jinvoka l-fatt li għandu kwalifiki professjonali li jagħtuh, fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, l-aċċess għal professjoni differenti minn dik li jixtieq jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti.

    Fuq it-tieni domanda

    46

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “perit”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini, ta’ dik tal-Istat Membru ospitanti, ta’ dik tal-Istati Membri l-oħra jew fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li jimponi li l-applikant ikollu taħriġ u esperjenza li jestendu mhux biss għal attivitajiet tekniċi ta’ ppjanar, ta’ sorveljanza u ta’ implementazzjoni, iżda wkoll għal attivitajiet li jiffurmaw parti mill-qasam tal-ipproġettar artistiku u ekonomiku tal-bini, tal-urbaniżmu, u saħansitra tal-konservazzjoni tal-monumenti.

    47

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza applikabbli għad-Direttiva 85/384, hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li għandha tiddefinixxi l-attivitajiet li jiffurmaw parti mill-qasam tal-arkitettura, peress li d-direttiva msemmija ma hijiex intiża biex tirregola l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-professjoni ta’ perit u lanqas biex tiddefinixxi n-natura tal-attivitajiet li għandhom jiġu eżerċitati mill-membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et, C-111/12, EU:C:2013:100, punt 42).

    48

    Il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti tapplika b’analoġija għas-sistema awtomatika ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali ta’ perit prevista bid-Direttiva 2005/36. B’mod partikolari, dan jirriżulta mill-premessa 28 ta’ din id-direttiva, li tgħid li l-kunċett ta’ “perit” jintuża fid-direttiva msemmija biex jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relattivi għar-rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali fil-qasam tal-arkitettura, mingħajr preġudizzju għall-partikolaritajiet tar-regoli nazzjonali li jirregolaw lil dawn l-attivitajiet.

    49

    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “perit” fil-kuntest tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali prevista mid-Direttiva 2005/36, a fortiori ma riedx jiddefinih fil-kuntest tas-sistema ġenerali.

    50

    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2005/36 ma humiex, bħala tali, applikabbli fil-kuntest tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali tal-periti. Fil-fatt, dan l-Artikolu, li japplika biss għas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku bbażat fuq il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ, jiddeskrivi dawn il-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ.

    51

    Isegwi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “perit”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u, għalhekk, fis-sens li dan mhux neċessarjament jimponi li l-applikant ikollu taħriġ u esperjenza li jestendu mhux biss għal attivitajiet tekniċi ta’ ppjanar, ta’ sorveljanza u ta’ implementazzjoni, iżda wkoll għal attivitajiet li jidħlu fil-qasam tal-ipproġettar artistiku u ekonomiku tal-bini, tal-urbaniżmu, kif ukoll tal-konservazzjoni tal-monumenti.

    Fuq l-ispejjeż

    52

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 279/2009, tas-6 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant, li jixtieq jibbenefika mis-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali, stabbilita fil-Kapitolu I tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, għandu, minbarra l-fatt li jkollu kwalifika formali li ma hijiex inkluża fil-punt 5.7.1. tal-Anness V tad-direttiva msemmija, jipprova wkoll l-eżistenza ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”.

     

    2)

    L-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bir-Regolament Nru 279/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għaċ-ċirkustanzi li għalihom l-applikant ma jkollux kwalifika msemmija fil-punt 5.7.1. tal-Anness V ta’ din id-direttiva, bil-preċiżazzjoni li l-imsemmi applikant ma jistax jinvoka l-fatt li għandu kwalifiki professjonali li jagħtuh, fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, l-aċċess għal professjoni differenti minn dik li jixtieq jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti.

     

    3)

    L-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bir-Regolament Nru 279/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “perit”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u, għalhekk, fis-sens li dan mhux neċessarjament jimponi li l-applikant ikollu taħriġ u esperjenza li jestendu mhux biss għal attivitajiet tekniċi ta’ ppjanar, ta’ sorveljanza u ta’ implementazzjoni, iżda wkoll għal attivitajiet li jidħlu fil-qasam tal-ipproġettar artistiku u ekonomiku tal-bini, tal-urbaniżmu, kif ukoll tal-konservazzjoni tal-monumenti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top