EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0447

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2014.
Riccardo Nencini vs Il-Parlament Ewropew.
Appell – Membru tal-Parlament Ewropew – Allowances intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż li jintefqu fit-twettiq tal-funzjonijiet Parlamentari – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Irkupru – Preskrizzjoni – Terminu raġonevoli.
Kawża C‑447/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2372

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Appell — Membru tal-Parlament Ewropew — Allowances intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż li jintefqu fit-twettiq tal-funzjonijiet Parlamentari — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Irkupru — Preskrizzjoni — Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża C‑447/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2013,

Riccardo Nencini, residenti f’Barberino di Mugello (l-Italja), irrappreżentat minn M. Chiti, avukat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr u N. Lorenz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, R. Nencini jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Nencini vs Il-Parlament (T‑431/10 u T‑560/10, EU:T:2013:290, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), minn naħa, peress li din tal-aħħar, fil-Kawża T‑560/10, ċaħdet it-talbiet tiegħu intiżi, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar l-irkupru ta’ ċerti somom li r-rikorrent, ex membru tal-Parlament Ewropew, irċieva sabiex jirrimborsa l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-assistenza parlamentari u li ngħataw indebitament kif ukoll tan-noti ta’ debitu tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Nru°315653, tat-13 ta’ Ottubru 2010, kif ukoll kwalunkwe att ieħor relatat u/jew preċedenti u, sussidjarjament, ir-rinviju tal-kawża lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament sabiex jistabbilixxi mill-ġdid b’mod ekwu l-ammont li l-irkupru tiegħu huwa mitlub, u, min-naħa l-oħra, sa fejn din is-sentenza ordnatlu jħallas l-ispejjeż, totalment fil-Kawża T‑560/10 u parzjalment fil-Kawża T‑431/10.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

3

L-appellant kien membru tal-Parlament Ewropew matul il-leġiżlatura bejn l-1994 u l-1999.

4

Wara inkjesta mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), il-Parlament, f’Diċembru 2006, fetaħ proċedura ta’ verifika, dwar spejjeż ta’ assistenza parlamentari u spejjeż tal-ivvjaġġar li jirrigwardaw, b’mod partikolari, lill-appellant.

5

Fis-16 ta’ Lulju 2010, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament adotta d-Deċiżjoni Nru 311847 dwar proċedura ta’ irkupru għal ċerti spejjeż imħallsa indebitament bħala rimbors ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ assistenza parlamentari li jirrigwardaw lill-appellant (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali”).

6

Fl-ewwel deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, redatta bl-Ingliż, tqies li ammont totali ta’ EUR 455 903.04 (li minnhom EUR 46 550.88 għall-allowances tal-ivvjaġġar u EUR 409 352.16 għall-allowances ta’ assistenza parlamentari) (iktar ’il quddiem is-“somma kontenzjuża”) kienet, skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ispejjeż u l-allowances tad-deputati tal-Parlament, imħallsa indebitament lill-appellant matul il-mandat Parlamentari tiegħu. Nota ta’ debitu tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament, Nru 312331, tal-4 ta’ Awwissu 2010, dwar l-irkupru tas-somma kontenzjuża (iktar ’il quddiem l-“ewwel nota ta’ debitu”) ġiet innotifikata lill-appellant.

7

Fis-7 ta’ Ottubru 2010, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament adotta deċiżjoni redatta bit-Taljan, li ssostitwixxiet l-ewwel deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali”) u akkumpanjata min-nota ta’ debitu tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Nru 31563, tal-istess jum, li ssostitwiet l-ewwel nota ta’ debitu għas-somma kontenzjuża (iktar ’il quddiem it-“tieni nota ta’ debitu”). Dawn iż-żewġ atti ġew ikkomunikati lill-appellant fit-13 ta’ Ottubru 2010.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2010, l-appellant ikkontesta, fil-Kawża T‑431/10, l-ewwel deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, l-ewwel nota ta’ debitu u kull att ieħor relatat jew preċedenti.

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2010, l-appellant ikkontesta, fil-Kawża T‑560/10, it-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali u t-tieni nota ta’ debitu kif ukoll l-ewwel deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, l-ewwel nota ta’ debitu u kull att ieħor relatat jew preċedenti.

10

It-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa parallelament mill-appellant ġew miċħuda b’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Nencini vs Il-Parlament (T‑431/10 R, EU:T:2010:441) u Nencini vs Il-Parlament (T‑560/10 R, EU:T:2011:40).

11

Il-Kawżi T‑431/10 u T‑560/10 ġew magħquda flimkien għall‑finijiet tal‑proċedura bil‑miktub u orali kif ukoll tas‑sentenza.

12

Matul is-seduta tat-18 ta’ April 2012, l-appellant informa lill-Qorti Ġenerali li rtira r-rikors fil-Kawża T‑431/10.

13

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni tal-irtirar tal-appellant fil-Kawża T‑431/10 u ordnat, konsegwentement, it-tħassir ta’ din il-kawża mir-reġistru.

14

Meta ddeċidiet fuq il-Kawża T‑560/10, il-Qorti Ġenerali qieset li t-talbiet tal-appellant ta’ “kull att ieħor relatat jew preċedenti” għat-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali kienu diretti kontra atti sempliċement preparatorji u kienu għaldaqstant inammissibbli.

15

Hija qieset, barra minn hekk, li t-talbiet tal-appellant għall-annullament tat-tieni nota ta’ debitu kienu diretti kontra att purament konfermattiv tat-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali u kienu, għaldaqstant, ukoll inammissibbli.

16

Il-Qorti Ġenerali, fil-mertu, ċaħdet it-talbiet tal-appellant għall-annullament tat-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali.

17

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-appellant għall-ispejjeż fil-Kawża T‑560/10, inklużi l-ispejjeż tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u kkundannat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha r-rikors fil-Kawża T‑4310/10, inklużi l-ispejjeż fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

L-appell

18

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, sa fejn tiċħad it-talbiet tiegħu għall-annullament tat-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament għad-determinazzjoni b’mod ekwu tas-somma dovuta; u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż relatati mal-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali fiż-żewġ Kawżi T‑431/10 u T‑561/10 kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Il-Parlament jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

20

L-appellant iqajjem ħames aggravji insostenn tal-appell tiegħu. L-ewwel erba’ aggravji jirrigwardaw il-motivi li bihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tiegħu għall-annullament tat-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali. Il-ħames aggravju tiegħu jirrigwarda l-kundanni għall-ispejjeż mogħtija mill-Qorti Ġenerali kemm fil-Kawża T‑431/10 kif ukoll fil-Kawża T‑560/10.

21

Il-Parlament isostni li dawn l-aggravji huma inammissibbli jew infondati.

Fuq l-aggravji sa fejn jirrigwardaw il-kundanna għal-ispejjeż fil-Kawża T‑431/10

22

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom.

23

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-dispożittiv tas-sentenza appellata għandha, fir-rigward tal-Kawża T‑431/10, il-punti 3 u 4, li, skonthom, rispettivament, din il-kawża tħassret mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali u kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess fl-imsemmija kawża.

24

L-appellant, madankollu, f’dan l-appell, jikkontesta biss il-motivi ta’ din il-parti tas-sentenza appellata li jirrigwardaw il-punt 4 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, dwar l-ispejjeż.

25

Issa, kif jirriżulta mid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istħarriġ fuq min għandu jħallas l-ispejjeż huwa lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti (ara, b’mod partikolari, id-digriet Eurostrategies vs Il-Kummissjoni, C‑122/07P, EU:C:2007:743, punt 24).

26

L-aggravji, sa fejn jirrigwardaw il-kundanna għall-ispejjeż fil-Kawża T‑431/10, huma inammissibbli. L-aggravji, sa fejn jirrigwardaw din il-kawża, għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.

Fuq l-aggravji sa fejn jirrigwardaw il-Kawża T‑560/10

L-argumenti tal-partijiet

27

L-appellant filwaqt li jsostni għalxejn, fl-ewwel istanza, li l-kreditu mitlub mingħandu kien preskritt, isostni, bl-ewwel aggravju tal-appell tiegħu, li, l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-każ. Sabiex tiddetermina l-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni, il-Qorti Ġenerali fil-fatt, fl-ewwel lok, għamlet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 73a tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) u l-Artikolu 85b tar-Regolament tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) fil-verżjoni kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta’ April 2007 (ĠU L 111, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”).

28

Skont l-appellant, u ħlief meta jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni effettiva, it-terminu tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mir-regola ġerarkikament ogħla, jiġifieri l-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju, huwa, sa fejn applika għall-perjodu li għandu jiġi ddeterminat id-dritt ta’ kreditu, ta’ natura differenti mit-terminu msemmi fl-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li japplika biss għall-perijodu li fih dan il-kreditu għandu jiġi rkuprat. Il-bidu tad-dekorrenza ta’ dawn iż-żewġ perijodi għaldaqstant ma jistax ikun l-istess, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali.

29

Għalkemm l-interpretazzjoni hawn proposta ma ġietx aċċettata, l-appellant jinvoka, fit-tieni lok, bħala eċċezzjoni, l-illegalità ta’ dawn iż-żewġ regolamenti sa fejn jiksru l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-preskrizzjoni u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni effettiva kif ukoll id-drittijiet tad-difiża li minnhom igawdi d-debitur. L-appellant jikkritika, fit-tielet lok, lill-Qorti Ġenerali li eżaminat, bħala argument separat, dak invokat insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni u li kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Parlament, ta’ terminu raġonevoli sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-kreditu.

30

Il-Parlament isostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn, minn naħa, l-appellant isostni l-istess argumenti li kien ippreżentat fl-ewwel istanza, li skonthom hemm żewġ termini ta’ preskrizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni ta’ illegalità titqajjem għall-ewwel darba f’dan l-appell.

31

Il-Parlament jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmi aggravju ma huwiex fondat, peress li l-Qorti Ġenerali applikat korrettement id-dispożizzjonijiet perfettament ċari tal-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju u 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, liema artikoli ġew invokati mill-appellant stess.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, sa fejn jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 73a tar-Regolament Finanzjarju u 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni

32

Skont l-Artikoli 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. L-appell ma jissodisfax dan ir-rekwiżit jekk, mingħajr ma jkun fih argumenti li jkunu intiżi speċifikament sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċiment jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li jkunu tqajmu diġà quddiem il-Qorti Ġenerali.

33

Min-naħa l-oħra, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tagħha fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha.

34

Issa, l-ewwel aggravju huwa intiż, preċiżament, sabiex jikkontesta l-interpretazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad l-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza. B’hekk l-appellant iqiegħed f’dubju r-risposta li din il-qorti speċifikament tat għal kwistjoni ta’ dritt fis-sentenza, li tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell.

35

Għaldaqstant l-ewwel aggravju għandu jitqies ammissibbli, sa fejn jirrigwarda l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikoli 73a tar-Regolament Finanzjarju u 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

– Fuq il-mertu tal-ewwel aggravju, sa fejn jirrigwarda l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikoli 73a tar-Regolament Finanzjarju u 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni

36

Għandu jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju “[b]la preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti speċifiċi u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill marbuta mas-sistema tar-riżorsi proprji [tal-Unjoni Ewropea], id-drittijiet [tal-Unjoni], fir-rigward ta’ partijiet terzi u d-drittijiet ta’ partijiet terzi fir-rigward [tal-Unjoni], għandhom ikunu soġġetti għal perijodu ta’ limitazzjoni [terminu ta’ preskrizzjoni] ta’ ħames snin. Id-data biex jiġi kkalkulat il-perijodu ta’ limitazzjoni u l-kondizzjonijiet għall-interruzzjoni tal-perijodu għandhom jitniżżlu fir-regoli implimentattivi”. Mion-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, “[i]l-perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] għal drittijiet tal-[Unjoni] fir-rigward ta’ partijiet terzi għandu jibda jiddekorri malli tinqabeż l-iskadenza kkomunikata lid-debitur fin-nota ta’ debitu”.

37

Sabiex jiġi miċħud l-aggravju tal-appellant ibbażat fuq li, fid-data tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, is-7 ta’ Ottubru 2010, l-azzjoni tal-Parlament għall-irkupru tas-somma kontenzjuża kienet preskritta, skont l-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett qieset, essenzjalment, fil-punti 39 u 40 tas-sentenza appellata, li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ dan l-artikolu u dawn tal-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri biss mid-data ta’ skadenza mibgħuta lill-appellant fit-tieni nota ta’ debitu, jiġifieri l-20 ta’ Jannar 2011. Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li, mis-7 ta’ Ottubru 2010, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma kienx beda jiddekorri u li għaldaqstant, f’din id-data, il-preskrizzjoni bl-ebda mod ma ġiet skaduta.

38

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, qieset li l-appellanti ried ukoll jilmenta li l-Parlament naqas milli jwettaq ir-rekwiżiti imposti fuqu skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, li jipprekludi, fid-dawl tar-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu indefinittivament idewwmu l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Il-Qorti Ġenerali fakkret li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fl-andament tal-proċeduri amministrattivi jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu jiġi żgurat mill-qorti tal-Unjoni, u li dan il-prinċipju huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

39

Il-Qorti Ġenerali, wara li qieset li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli hija rikjesta fil-każijiet kollha fejn, fil-silenzju tal-liġijiet applikabbli, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ixekklu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jistgħu jaġixxu mingħajr ebda limitu ta’ żmien, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata kkonstatat li, f’dan il-każ, la r-Regolament Finanzjarju u lanqas ir-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jispeċifikaw iż-żmien li fih nota ta’ debitu għandha tkun ikkomunikata u li, konsegwentement, hija kellha tivverifika jekk il-Parlament kienx issodisfa l-obbligi li għandu skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

40

Fil-punti 47 u 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li ż-żmien li kien għadda bejn it-tmiem tal-mandat parlamentari tal-appellant, matul is-sena 1999, u d-data meta ġiet adottata t-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, is-7 ta’ Ottubru 2010, ma huwiex għal kollox eżenti minn kull kritika fid-dawl tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, il-fatti li bihom il-persuna kkonċernata ġiet ikkritikata kienu marbuta ma’ dokumenti tal-kontabbiltà li kienu diġà fil-pussess tal-Parlament, li l-attenzjoni tiegħu, dwar ir-riskju ta’ żbalji, kellu, barra minn hekk, tinġibed b’ittra tal-appellant tat-13 ta’ Lulju 1999 li biha ġie adit b’talba għal kjarifika tal-modalitajiet ta’ rimbors tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari.

41

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata, li l-proċess ta’ verifika magħmul mill-Parlament seta’ nbeda qabel u li t-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali setgħet ġiet adottata wkoll qabel, b’tali mod li l-Parlament kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

42

Hija, madankollu, iddeċidiet li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli kellu jiġi miċħud peress li ma jistax iwassal għall-annullament ta’ att li kien ivvizzjat ħlief jekk dak il-ksur ikun affettwa l-eżerċizzju ta’ drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tiegħu. Issa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, li, f’dan il-każ, l-appellant ma ressaq ebda argument li jallega ksur tad-drittijiet tad-difiża fl-osservazzjonijiet li kien ippreżenta dwar dan il-ksur.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regola ġenerali li tipprovdi għal terminu ta’ krediti tal-Unjoni ta’ ħames snin u għall-iffissar tad-data li għandha tiġi kkunsidrata għar-regoli ta’ implementazzjoni li, skont l-Artikolu 183 ta’ dan ir-regolament, għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea.

44

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju ma jistax, huwa biss, mingħajr ir-regoli ta’ implementazzjoni tiegħu, jiġi utilment invokat sabiex jistabbilixxi li kreditu tal-Unjoni huwa preskritt.

45

Min-naħa l-oħra, meta b’hekk jistabbilixxi regola ġenerali li tipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li tali perijodu kien suffiċjenti sabiex jipproteġi l-interessi tad-debitur fir-rigward tal-rekwiżiti tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, u sabiex il-korpi tal-Unjoni ikunu jistgħu jiksbu rimbors ta’ somom imħallsa indebitament. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju għandu l-għan b’mod partikolari li jillimita ż-żmien tal-possibbiltà ta’ rkupru tal-krediti tal-Unjoni mingħand terzi, sabiex jissodisfa l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Ir-regoli ta’ implementazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 73a jistgħu jiġu adottati biss skont dawn l-għanijiet.

46

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni mid-data ta’ skadenza kkomunikata lid-debitur fin-nota ta’ debitu, jiġifieri, fl-att li permezz tiegħu l-konstatazzjoni ta’ kreditu mill-uffiċjal awtorizzanti hija nnotifikata lid-debitur u li data għall-ħlas ġiet iffissata lilu, skont l-Artikolu 78 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

47

Kif ġie osservat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 45 tas-sentenza appellata, madankollu għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Finanzjarju u lanqas ir-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jispeċifikaw it-terminu li fih nota ta’ debitu għandha tiġi kkomunikata mid-data tal-fatt li jikkawża l-kreditu inkwistjoni.

48

Madankollu, kif tfakkar fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi, meta t-testi applikabbli ma jgħidu xejn, li l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel din il-komunikazzjoni f’terminu raġonevoli. Fil-fatt, fin-nuqqas, l-uffiċjal awtorizzanti, li għandu jiddetermina, fin-nota ta’ debitu, id-data ta’ skadenza għall-ħlas li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, jikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, jista’ liberament jistabbilixxi d-data ta’ dan il-bidu ta’ dekorrenza, mingħajr rabta mal-mument meta l-kreditu beda, li, manifestament, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll l-għan tal-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat, meta jiġi kkunsidrat l-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju, li t-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu għandu jiġi preżunt irraġonevoli meta din il-komunikazzjoni sseħħ lil hinn minn perijodu ta’ ħames snin li jibda jgħodd mill-mument li l-istituzzjoni ġeneralment setgħet titlob il-kreditu tagħha. Tali preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss jekk l-istituzzjoni inkwistjoni tistabbilixxi li, minkejja l-isforzi li għamlet, id-dewmien huwa dovut għall-aġir tad-debitur, b’mod partikolari għall-manuvri dilatorji jew għall-mala fide tiegħu. Fl-assenza ta’ tali prova, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li l-istituzzjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

50

F’dan il-każ, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 46-50 tas-sentenza appellata, il-Parlament adotta u kkomunika lill-appellant it-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali u t-tieni nota ta’ debitu biss f’Ottubru 2010, filwaqt li l-mandat parlamentari tal-persuna kkonċernata kien intemm fl-1999, li l-Parlament kien mgħarraf bil-fatti inkwistjoni fit-18 ta’ Marzu 2005, id-data ta’ meta r-rapport finali tal-OLAF intbagħat lilu, u li huwa kellu, qabel din id-data, dokumenti ta’ kontabbiltà relatati ma’ dawn il-fatti. Fl-assenza ta’ prova ta’ aġir tal-persuna kkonċernata tali li tispjega dan id-dewmien, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Parlament kien naqas f’dan il-każ fl-obbligi li għandu skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

51

Madankollu, meta l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li dan il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma setax iwassal għall-annullament tat-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali peress li l-appellant ma kienx stabbilixxa li l-imsemmi ksur kien affettwa d-drittijiet tiegħu tad-difiża, din l-imsemmija qorti wettqet żball dwar il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mill-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li timponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jaġixxu f’terminu speċifikat.

52

Fil-fatt, meta l-leġiżlatur adotta, kif intqal fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, regola ġenerali li, kif jirriżulta mill-Artikolu 73a tar-Regolament Finanzjarju, il-krediti tal-Unjoni mingħand terzi huma preskritti fi tmiem perijodu ta’ ħames snin, huma ried jagħti lid-debituri eventwali tal-Unjoni garanzija li biha, la jgħaddi dan it-terminu, ma jkunux jistgħu, fil-prinċipju, skont ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ikunu suġġetti għal miżuri ta’ rkupru ta’ tali krediti, li għalihom huma jkunu dispensati milli jippruvaw li huma ma humiex id-debituri.

53

Huwa għaldaqstant meħtieġ li titqies ir-rieda b’hekk espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jillimita fiż-żmien il-possibbiltà għall-istituzzjonijiet li jirkupraw il-krediti tal-Unjoni mit-terzi, sabiex jinġibdu l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ wieħed minn dawn l-istituzzjonijiet mill-obbligi imposti fuqha skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

54

Fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li fuqhom hija msejsa din l-intenzjoni tal-leġiżlatur, hija irrilevanti, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza, iċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għall-annullament tal-att ikkontestat fil-każ biss ta’ preġudizzju, minn dan il-ksur, għad-drittijiet tad-difiża.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Parlament kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, hija ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ dritt, tastjeni milli tannulla t-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, peress li l-appellant ma sostna ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża.

56

Min dan isegwi li huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel aggravju.

57

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminati l-argumenti u l-aggravji l-oħra tal-partijiet, li s‑sentenza appellata tiġi annullata, sa fejn din tannulla l-Kawża T‑560/10.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

58

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

59

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rikors għal annullament ppreżentat minn R. Nencini quddiem il-Qorti Ġenerali huwa fi stadju li jiġi deċiż u, għaldaqstant, hemm lok li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq dan.

60

L-ewwel aggravju tal-appellant, ibbażat fuq il-preskrizzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, għandu jintlaqa’ għar-raġunijiet spjegati fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza.

61

Għaldaqstant, għandha tiġi annullata t-tieni deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali u t-tieni nota ta’ debitu.

Fuq l-ispejjeż

62

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

63

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118(1) ta’ dawn ir-regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont din l-istess dispożizzjoni, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża dan ikun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

64

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-appellant tilef fuq il-kapijiet tal-appell tiegħu li jirrelataw mal-Kawża T‑431/10. Min-naħa l-oħra, il-Parlament tilef l-aggravji tiegħu fl-appell sa fejn jirrelataw mal-Kawża T‑560/10. Konsegwentement, peress li kull parti talbet il-kundanna tal-parti l-oħra għall-ispejjeż, hemm lok li l-Parlament jiġi kkundannat li jbati, barra l-ispejjeż tiegħu stess, it-tliet kwarti tal-ispejjeż tal-appellant f’dan l-appell.

65

Fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑560/10, dawn għandu jbatihom il-Parlament.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Nencini vs Il-Parlament (T‑431/10 u T‑560/10, EU:T:2013:290) hija annullata sa fejn tikkonċerna l-Kawża T‑560/10.

 

2)

Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar l-irkupru ta’ ċerti somom li R. Nencini, ex membru tal-Parlament Ewropew, irċieva sabiex jirrimborsa l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-assistenza parlamentari kif ukoll in-nota ta’ debitu tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Nru°315653, tat-13 ta’ Ottubru 2010 huma annullati.

 

3)

Il-Parlament jiġi kkundannat li jbati, barra l-ispejjeż tiegħu stess, it-tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ Riccardo Nencini f’dan l-appell.

 

4)

Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑560/10.

 

5)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top