EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0425

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Lulju 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati sabiex l-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea tintrabat mal-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Awstralja – Direttivi ta’ negozjati – Kumitat speċjali – Artikoli 13(2) TUE, 218(2) sa (4) TFUE u 295 TFUE – Bilanċ istituzzjonali.
Kawża C-425/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:483

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati sabiex l-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea tintrabat mal-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Awstralja — Direttivi ta’ negozjati — Kumitat speċjali — Artikoli 13(2) TUE, 218(2) sa (4) TFUE u 295 TFUE — Bilanċ istituzzjonali”

Fil-Kawża C‑425/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos u D. Warin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Michoel kif ukoll minn M. Moore u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u E. Ruffer, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning, L. Volck Madsen u U. Melgaard, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas, G. de Bergues u F. Fize kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson kif ukoll minn E. Karlsson, L. Swedenborg u C. Hagerman, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes u B. Kennelly, barristers,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta (Relatur), M. Ilešič, A. Ó Caoimh, C. Vajda, S. Rodin, K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, J. Malenovský, E. Levits, F. Biltgen u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Jannar 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2013, li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar it-tqegħid tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea f’rabta mal-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet stabbilita fl-Awstralja kif ukoll tat-Taqsima A tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2003/87/KE

2

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE. Kif tipprovdi l-premessa 5 ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv sabiex jitnaqqsu l-effetti antropoġeniċi tal-gassijiet serra fl-ambitu tal-Protokoll ta’ Kyoto.

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”

4

Fi kliem l-Artikolu 25 tad-Direttiva, intitolat “Ir-rabtiet ma’ skemi oħra ta’ skambju ta’ emissjoni tal-gassijiet serra”:

“1.   Għandhom jiġu konklużi ftehimijiet mal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness B rigward il-Protokoll ta’ Kyoto li jkunu rratifikaw il-protokoll sabiex jipprovdu għall-għarfien tal-kwoti bejn l-iskema Komunitarja u skemi oħra tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra skont ir-regoli dikjarati fit-Trattat.

1a.   Jistgħu jsiru strumenti ta’ ftehim għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwoti bejn l-iskema Komunitarja u sistemi mandatorji kompatibbli ta’ skambju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jillimitaw l-emissjonijiet assoluti stabbiliti fi kwalunkwe pajjiż ieħor jew entità subfederali jew reġjonali.

1b.   Jistgħu jsiru arranġamenti mhux vinkolanti ma’ pajjiżi terzi jew ma’ entitajiet subfederali jew reġjonali li jipprovdu għal koordinament amministrattiv u tekniku relatat ma’ kwoti fl-iskema Komunitarja jew sistemi obbligatorji ta’ skambju ta’ emissjonijiet li jillimitaw l-emissjonijiet assoluti.

2.   Fejn jiġi konkluż ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta kwalunkwe dispożizzjoni meħtieġa relatata mar-rikonoxximent reċiproku tal-kwoti ta’ dak il-ftehim. […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Fl-2011, l-Awstralja kkuntattjat lill-Kummissjoni bl-għan li tibda negozjati bilaterali sabiex l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni tintrabat mal-iskema Awstraljana.

6

Ir-rakkomandazzjoni formali marbuta mal-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati mal-Awstralja sabiex l-iskemi kkonċernati jintrabtu ma’ xulxin ġiet redatta fuq il-mudell tar-rakkomandazzjoni preċedenti dwar it-tqegħid tal-iskema ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni f’rabta mal-iskema ta’ skambju Svizzera. Din ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Jannar 2013, imbagħad intbagħtet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Matul id-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma “Ambjent” tal-Kunsill, xi Stati Membri talbu li jkunu involuti iktar fin-negozjati mal-Commonwealth tal-Awstralja milli previst fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Ġie approvat test ta’ kompromess, b’xi emendi żgħar, mill-grupp ta’ ħidma “Ambjent” fit-22 ta’ April 2013.

7

Fit-2 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni sabiex tiġi inkluża fil-minuti, fejn hija kkontestat ċerti aspetti tal-abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati inkwistjoni (Dokument 8805/13, ADD1). Min-naħa tiegħu, il-Kunsill għamel ukoll dikjarazzjoni fit-8 ta’ Mejju 2013 (Dokument 8805/13, ADD2).

8

Dan l-abbozz ta’ deċiżjoni ġie sottomess lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) u finalment adottat kif kien bħala punt “A” tal-aġenda tal-Kunsill “Agrikoltura u Sajd” tat-13 ta’ Mejju 2013.

9

Permezz tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tiftaħ in-negozjati inkwistjoni għan-nom tal-Unjoni.

10

L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li l-“Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati […] konformement mad-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-Anness” ta’ din id-deċiżjoni.

11

It-tieni sentenza tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni tipprevedi li “l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bil-miktub dwar l-eżitu tan-negozjati wara kull sessjoni ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, mill-inqas darba kull tliet xhur”.

12

Fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, id-direttivi ta’ negozjati (Dokument 8568/13, ADD1) indirizzati lill-Kummissjoni huma redatti taħt it-Taqsima A kif ġej:

“A. Proċedura ta’ negozjati

1.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ. Jekk meħtieġ, il-pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni jiġu stabbiliti fi ħdan il-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 1(2) jew fi ħdan il-Kunsill. Il-grupp ‘Ambjent’ huwa maħtur bħala kumitat speċjali biex jassisti lill-Kummissjoni f’dan il-kompitu. Il-laqgħat tal-kumitat speċjali jiġu organizzati u ppreseduti mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill.

2.

In-negozjati għandhom jiġu ppreparati sew minn qabel. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bl-iskeda prevista, bil-kwistjonijiet li għandhom jiġi nnegozjati u bid-dokumenti rilevanti mill-iktar fis possibbli sabiex l-membri tal-kumitat speċjali jkollhom żmien raġonevoli sabiex jippreparaw b’mod adegwat għan-negozjati futuri.

3.

Kull sessjoni ta’ negozjati għandha tiġi ppreċeduta minn laqgħa tal-kumitat speċjali sabiex jiġu identifikati l-kwistjonijiet prinċipali u sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta’ negozjati jew linji gwida, skont il-każ. Jekk meħtieġ, linji gwida dwar aspetti tekniċi speċifiċi tan-negozjati jistgħu jintalbu mingħand il-kumitat tat-tibdil fil-klima, mingħajr ħsara għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-kumitat speċjali.

4.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultati tan-negozjati wara kull sessjoni ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, tal-inqas darba kull tliet xhur. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill b’kull problema sinjifikattiva li tiltaqa’ magħha matul in-negozjati u għandha tikkonsulta mal-kumitat speċjali f’dan ir-rigward.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Taħt it-Taqsima B ta’ dawn id-direttivi ta’ negozjati jinsabu esposti l-kontenut u l-portata tan-negozjati.

14

It-tieni paragrafu tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2013, dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati jesponi:

“Il-ħatra ta’ kumitat speċjali, skont l-Artikolu 218(4) TFUE timplika li dan il-kumitat […] għandu l-kompitu li jsegwi n-negozjati u jiggwida lin-negozjatur, fid-dawl tad-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Mejju 2013.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll it-Taqsima A tal-Anness tagħha;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u żżomm l-effetti tagħha fil-każ li din tiġi annullata fl-intier tagħha, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill talab, konformement mal-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Ġustizzja “tirtira mill-proċess” id-deċiżjoni inkwistjoni u d-direttivi ta’ negozjati, kif ukoll is-siltiet mir-rikors tal-Kummissjoni li jiċċitaw dawn id-direttivi. Il-Kunsill talab ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-miżuri li hija tqis xierqa sabiex tiggarantixxi li l-kontenut tad-direttivi ta’ negozjati “ma jiġix ippubblikat” u sabiex in-natura ta’ dawn id-direttivi “ma tkunx tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti pubbliċi tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

18

Din it-talba tal-Kunsill ġiet miċħuda bid-digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑425/13, EU:C:2014:91).

19

Il-Parlament Ewropew, li ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2014, talab li t-talbiet ippreżentati mill-Kummissjoni jintlaqgħu.

20

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors jew, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li ma żżommx l-effetti tagħha, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Isvezja, li ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tal-talbiet tal-Kunsill b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2014, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors.

22

Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża, li ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2014, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2014, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu u, fil-każ li dan jintlaqa’ kollu kemm hu jew parzjalment, li ma jinżammux l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

24

Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni, minħabba li huwa indirizzat kontra t-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi d-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni. Huwa jsostni li, fi kwistjonijiet istituzzjonali oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li tali direttivi ta’ negozjati ma kellhomx il-karatteristiċi ta’ atti vinkolanti.

25

Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li d-direttivi ta’ negozjati jitqiesu li ma għandhomx effett vinkolanti ma jfissirx li dawn ma jipproduċux effetti legali. Sa fejn il-Kunsill espona b’mod ċar li d-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni jorbtu lill-Kummissjoni, ir-rikors li hija ppreżentat huwa ammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament għandu jkun miftuħ għad-dispożizzjonijiet kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex jipproduċu effetti legali (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali dispożizzjonijiet jipproduċux effetti legali, għandha tiġi eżaminata s-sustanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 27).

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE tipproduċi effetti legali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 40).

29

F’dan il-każ, it-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi d-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni, tiddeskrivi proċedura speċifika u dettaljata dwar in-negozjati dwar il-ftehim previst li l-Kunsill manifestament intenda li jimponi fuq il-Kummissjoni, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni.

30

Għalhekk, din hija ta’ natura li tipproduċi effetti legali.

31

Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

32

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ motivi. L-ewwel motiv, li jikkonċerna l-proċedura dettaljata stabbilita fit-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE, tal-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE u tal-Artikolu 295 TFUE u kif ukoll tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali. It-tieni motiv, dwar id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tipprevedi li “pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni huma ddefiniti” mill-kumitat speċjali jew mill-Kunsill, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-Artikolu 218 TFUE u kif ukoll tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali.

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li teżamina dawn iż-żewġ motivi flimkien.

L-argumenti tal-partijiet

34

Il-Kummissjoni tesponi li n-negozjati dwar ftehim internazzjonali f’oqsma li ma humiex prinċipalment jew esklużivament dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Ir-rwol tagħha bħala negozjatur f’dan il-qasam ma jistax jitiqegħed f’dubju mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni. Minkejja li t-Trattat FUE attribwixxa lill-Kunsill is-setgħa li jawtorizza l-ftuħ ta’ tali negozjati, huwa, madankollu, ma għandux is-setgħa li jestendi l-kontenut tad-direttivi ta’ negozjati billi jdaħħal fihom dispożizzjonijiet li ma humiex direttament marbuta man-negozjati mal-Istat terz ikkonċernat.

35

Il-Kummissjoni tqis li s-setgħa li tadotta direttivi ta’ negozjati ma tinkludix dik li tistabbilixxi l-arranġamenti li skonthom għandhom jinżammu n-negozjati, peress li dawn id-direttivi għandhom sempliċement jiddefinixxu l-għażliet strateġiċi u l-għanijiet sostantivi li għandhom jiġu difiżi matul in-negozjati.

36

Il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura ta’ negozjati dettaljata prevista fit-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tagħti kompetenzi ġodda lill-Kunsill, kuntrarjament għal dak previst mill-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE. Bl-impożizzjoni unilaterali ta’ tali proċedura, il-Kunsill jimponi obbligi fuq il-Kummissjoni li ma jikkonformawx ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

37

Il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali billi estenda, permezz tad-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni, l-attribuzzjonijiet mogħtija lilu mit-trattati.

38

Il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk jista’ jkun utli għall-istituzzjonijiet li jorganizzaw l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni tagħhom, din il-kooperazzjoni għandha tiġi eżerċitata, konformement mal-Artikolu 295 TFUE, permezz ta’ ftehimiet interistituzzjonali. F’dan il-każ, fl-assenza ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim, il-Kunsill, bl-adozzjoni tat-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, kiser ukoll dan l-artikolu.

39

Il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill għandu, skont l-imsemmija Taqsima A, rwol deċiżiv fin-negozjati. Din l-istess taqsima tipprevedi, fil-fatt, li huwa l-kumitat speċjali msemmi fl-Artikolu 218(4) TFUE jew il-Kunsill, f’ċerti ċirkustanzi, li jiddefenixxi “pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni”, li jkunu vinkolanti għall-Kummissjoni. Madankollu, it-Trattati ma jagħtu ebda rwol deċiżjonali dirett matul in-negozjati lil dan il-kumitat jew lill-Kunsill, filwaqt li l-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, kompetenza sħiħa. Il-kumitat speċjali huwa biss korp konsultattiv għan-negozjatur.

40

Skont il-Kummissjoni, huwa l-kompitu tagħha li tiffissa l-arranġamenti ta’ konsultazzjoni tal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, konformement mal-Artikolu 218(4) TFUE. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-kumitat speċjali rwol konsultattiv u n-negozjati għandhom isiru biss “f’konsultazzjoni ma’” dan tal-aħħar. Ċertament, minkejja li dan il-kumitat jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar id-diversi aspetti tan-negozjati, il-Kummissjoni tqis li d-direttivi ta’ negozjati, sa fejn dawn jippermettu lil dan il-kumitat jew lill-Kunsill jadotta “pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni”, pożizzjonijiet li għalhekk ikunu vinkolanti għaliha, jiksru l-Artikolu 218 TFUE.

41

Finalment, il-Kummissjoni tirrimarka li l-elementi tad-deċiżjoni kkontestata li tagħhom qed jintalab l-annullament jistgħu jinżammu distinti mill-kumplament tagħha u li, konsegwentement, annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni hija possibbli. Fi kwalunkwe każ, il-ħatra tal-kumitat speċjali ma tistax tiġi affettwata minn annullament parzjali.

42

Il-Parlament adotta l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni. Huwa jesponi li t-Trattat FUE ma jawtorizzax lill-Kunsill jadotta b’mod unilaterali arranġamenti ġodda ta’ negozjati li huma imposti fuq in-negozjatur. Kieku kien hekk, kemm il-kompetenzi tal-Kummissjoni, fil-funzjoni tagħha ta’ negozjar, kif ukoll dawk tal-Parlament jiġu affettwati.

43

Il-Parlament josserva wkoll li, konformement mal-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

44

Il-Parlament jispeċifika li la huwa u lanqas il-Kunsill ma huma awtorizzati, fl-ambitu tan-negozjati, jassumu attivament rwol awtonomu u ewlieni b’mod li jidħlu fuq il-prerogattivi tan-negozjatur. B’mod partikolari, il-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu, f’ismu jew f’isem il-kumitat speċjali maħtur minnu, rwol deċiżjonali matul in-negozjati.

45

Il-Kunsill isostni li s-setgħa li jadotta direttivi ta’ negozjati sabiex jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim internazzjonali għan-nom tal-Unjoni, irrikonoxxuta lilu fl-Artikolu 218(4) TFUE, ma tistax tinftiehem bħala li ċċaħħdu mill-possibbiltà li jistabbilixxi wkoll l-arranġamenti li fl-ambitu tagħhom għandhom isiru n-negozjati. Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 218(4) TFUE ċċaħħdu mill-effettività tiegħu.

46

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit jissottoskrivu għal dan l-argument tal-Kunsill u jindikaw li l-formulazzjoni tal-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE ma tipprevedi ebda restrizzjoni fl-adozzjoni ta’ tali direttivi u lanqas ma tipprekludi li dawn jipprevedu regoli proċedurali, partikolarment fir-rigward tal-arranġamenti ta’ konsultazzjoni tal-kumitat speċjali.

47

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit jikkunsidraw ukoll li s-setgħa li tindirizza direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni tinkludi dik li tispeċifika r-rekwiżiti proċedurali ta’ negozjati sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, stipulata fl-Artikolu 13(2) TUE, kif ukoll l-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali.

48

Il-Kunsill jenfasizza li huwa l-kompitu tiegħu li jevalwa, meta jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati u li tinnomina n-negozjatur, jekk ikunx xieraq, jew meħtieġ, li jinkludi, fid-direttivi ta’ negozjati, indikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-rwol mogħti lil kull istituzzjoni kif ukoll l-arranġamenti proċedurali li fl-ambitu tagħhom għandhom isiru n-negozjati. Dan huwa korollari għad-dritt tiegħu li jiddeċiedi jekk hemmx lok li jagħti tali awtorizzazzjoni.

49

Il-Kunsill jispjega li l-arranġamenti proċedurali li jinsabu fid-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni jikkonċernaw esklużivament ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, bħala negozjatur, il-Kunsill, bħala istituzzjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni sabiex jiġi nnegozjat ftehim internazzjonali u sabiex dan jiġi ffirmat, u l-kumitat speċjali, li l-Kunsill jista’ jaħtar sabiex isegwi n-negozjati.

50

Il-Kunsill iqis li dawn l-arranġamenti proċedurali, li jinsabu fid-direttivi ta’ negozjati, ma jinjorawx ir-rwol rispettiv ta’ kull istituzzjoni jew il-bilanċ stabbilit bejnhom mit-Trattati. Fil-fatt, tali arranġamenti sempliċement jesprimu kif l-istituzzjonijiet għandhom jimplementaw b’mod konkret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali.

51

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jallinjaw ruħhom mal-argument tal-Kunsill ibbażat fuq ir-rwol attiv ta’ dan tal-aħħar fin-negozjati ta’ ftehim internazzjonali. Il-kompetenza tal-Kunsill li jadotta direttivi ta’ negozjati u l-fatt li l-Kummissjoni hija marbuta tmexxi n-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali, konformement mal-Artikolu 218(4) TFUE, jassumu koordinazzjoni kontinwa u djalogu permanenti bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill, mingħajr ma dan il-proċess jiġi llimitat għal xi fażi speċifika tan-negozjati.

52

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li huwa biss il-ksib ta’ riżultat ta’ negozjati aċċettabbli mill-Kunsill li jista’ jwassal għall-iffirmar u għall-konklużjoni tal-ftehim għan-nom tal-Unjoni. Huwa indispensabbli wkoll li l-Kunsill, fil-mument li jagħti l-awtorizzazzjoni lin-negozjatur, ikun jista’ wkoll jistabbilixxi l-limiti u jindika l-kundizzjonijiet li taħthom in-negozjati għandhom isiru. Għalhekk, għandha tiġi evitata sitwazzjoni fejn dan ir-riżultat ikun inaċċettabbli għall-Kunsill u fejn ir-rifjut li japprova l-abbozz tal-ftehim finali jkollu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet mal-parti l-oħra. Konsegwentement, is-setgħa tal-Kunsill li jsegwi b’mod attiv in-negozjati tassumi natura permanenti u ma tillimitax ruħha għall-adozzjoni ta’ direttivi ta’ negozjati annessi mad-deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati.

53

Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati fil-limiti tal-mandat li l-Kunsill taha. Il-pożizzjonijiet stabbiliti fi ħdan il-kumitat speċjali huma mifhuma bħala espressjoni konkreta tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill u, bħala tali, huma intiżi sabiex jgħinu lin-negozjatur billi jispeċifikaw il-perspettivi approvati mill-Kunsill. Hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina kif tinnegozja, filwaqt li ssegwi l-linji gwida tal-kumitat speċjali, kemm jekk dawn ikunu fil-forma ta’ struzzjonijiet orali kif ukoll ta’ pożizzjonijiet esposti f’dokumenti.

54

Il-Kunsill jippreċiża li d-definizzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ negozjati fi ħdan il-kumitat speċjali għandha l-għan li tiggwida lin-negozjatur fid-dawl tad-direttivi ta’ negozjati. Dawn il-pożizzjonijiet ma jistgħux jiġu estiżi b’mod li jimplikaw obbligu għall-Kummissjoni li tasal għar-riżultat irrakkomandat fir-rigward tal-linji gwida kollha ddefiniti fihom.

55

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit jenfasizzaw il-fakultà tal-Kunsill li jiddetermina l-arranġamenti ta’ konsultazzjoni tal-kumitat speċjali. Barra minn hekk, billi jipprovdu fit-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi d-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni, li dan tal-aħħar jew il-Kunsill innifsu, jistgħu jadottaw “pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati”, dawn id-direttivi sempliċement ifakkru d-dritt tal-Kunsill li fi kwalunkwe ħin jispeċifikahom kif ukoll ir-rwol attribwit lill-kumitat speċjali.

56

Fuq dan il-punt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-“għarfien speċjalizzat” tal-Istati Membri fil-qasam kopert mill-ftehim inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi suffiċjentement sfruttat jekk il-Kummissjoni jirnexxielha timponi r-rieda tagħha li tintervjeni f’negozjati b’mod totalment awtonomu u mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-kumitat speċjali.

57

Il-Kunsill jiċħad ukoll l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ konklużjoni ta’ ftehim interistituzzjonali dwar arranġamenti ta’ proċedura, previst fl‑Artikolu 295 TFUE, peress li tali ftehim jimplika mhux biss lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, iżda wkoll lill-Parlament, u dan imur kontra l-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet stabbilit mill-Artikolu 218 TFUE.

58

Il-Kunsill, sostnut mir-Renju Unit, josserva, finalment, li annullament parzjali li tirrigwarda t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u t-Taqsima A tal-Anness tagħha ma tistax tiġi kkunsidrata, minħabba li din tibdel b’mod fundamentali l-kontenut globali tal-awtorizzazzjoni għal negozjati. Mill-istruttura stess tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Anness tagħha jirriżulta li kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tagħmel parti minn totalità indiviżibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Dan ir-rikors jipprevedi, minn naħa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, it-Taqsima A tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni. Dawn iż-żewġ partijiet tar-rikors għandhom jiġu eżaminati waħda wara l-oħra.

60

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bil-miktub dwar l-eżitu tan-negozjati wara kull sessjoni ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, mill-inqas darba kull tliet xhur”, imur kontra l-Artikolu 218(2) u (4) TFUE, l-Artikolu 13(2) TUE u l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali u kif ukoll l-Artikolu 295 TFUE.

61

Peress li l-Artikolu 218(4) TFUE jikkostitwixxi, f’din il-kwistjoni, ir-regola ta’ referenza prinċipali li tirregola d-delimitazzjoni tal-kompetenzi attribwiti lill-Kunsill u lill-kumitat speċjali u kif ukoll lill-Kummissjoni, rispettivament, il-motiv imressaq għandu l-ewwel jiġi evalwat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

62

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 218 TFUE jikkostitwixxi, fil-qasam tal-konklużjoni ta’ trattati internazzjonali, regola awtonoma u ġenerali ta’ portata kostituzzjonali, sa fejn dan jattribwixxi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kompetenzi partikolari. Bil-għan li tistabbilixxi bilanċ bejn dawn tal-aħħar, din id-dispożizzjoni tipprevedi partikolarment li l-ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiż terz jew diversi pajjiżi terzi huma nnegozjati mill-Kummissjoni, fl-osservanza tad-direttivi ta’ negozjati stabbiliti mill-Kunsill, imbagħad konklużi mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Parlament jew wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament. Il-kompetenza għall-konklużjoni ta’ tali ftehimiet hija madankollu attribwita lill-Kunsill mingħajr ħsara għall-kompetenzi rrikonoxxuti lill-Kummissjoni f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 28).

63

Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) TUE jipprevedi li, bl-eċċezzjoni tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u ta’ każijiet oħra previsti fit-Trattati, il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni.

64

Fl-ambitu ta’ dawn il-kompetenzi attribwiti, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma madankollu marbuta li josservaw it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE li jipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali”. Din il-kooperazzjoni tassumi importanza partikolari għall-azzjoni tal-Unjoni fil-livell internazzjonali, azzjoni li twassal għal proċess ta’ djalogu u ta’ konsultazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

65

Barra minn hekk, l-Artikolu 218(4) TFUE jipprevedi li, ladarba l-Kunsill jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat.

66

F’każ bħal dan, li huwa l-każ ineżami, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lil dan il-kumitat speċjali bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jsegwi l-iżvolġiment tan-negozjati, bħal, b’mod partikolari, il-linji gwida stipulati u l-pożizzjonijiet difiżi mill-partijiet l-oħra matul in-negozjati. Huwa biss b’dan il-mod li l-kumitat speċjali jkun jista’ jifformula opinjonijiet u indikazzjonijiet marbuta man-negozjati.

67

Fid-dawl tad-diversi kompetenzi istituzzjonali fin-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehimiet previsti fl-Artikolu 218 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tkun meħtieġa tipprovdi lill-Kunsill ukoll b’din l-informazzjoni. Fil-fatt, huwa utli li dan tal-aħħar ikollu din l-informazzjoni sabiex jifhem l-iżvolġiment tan-negozjati intiżi sabiex jiġi redatt abbozz ta’ ftehim li għandu jiġi sottomess lilu għall-approvazzjoni.

68

Konsegwentement, l-obbligu li jinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprevedi li “l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bil-miktub dwar ir-riżultati tan-negozjati wara kull sessjoni ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, tal-inqas kull tliet xhur”, għandu jitqies li huwa konformi mal-Artikolu 218(2) u (4) TFUE.

69

Fir-rigward, sussegwentement, tal-allegat ksur tal-Artikolu 13(2) TUE, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull waħda mill-istituzzjonijiet għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha filwaqt li tosserva dawk tal-oħrajn (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Issa, għall-istess raġunijiet indikati fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tosserva wkoll l-obbligu stipulat fl-Artikolu 13(2) TUE, li jipprovdi li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha fit-Trattati.

71

Bl-istess mod, din id-dispożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali.

72

Finalment, u fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 295 TFUE, dan tal-aħħar ma jipprekludix il-possibbiltà għall-Kunsill li jirregola, f’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ negozjati, l-arranġamenti tal-informazzjoni perijodika li l-Kummissjoni għandha tipprovdilu matul il-proċess tan-negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim internazzjonali mill-Unjoni.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal annullament tal-Kummissjoni sa fejn din tipprevedi t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

74

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li t-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi d-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni, tinjora d-delimitazzjoni tal-kompetenzi, prevista fl-Artikolu 218(4) TFUE, attribwiti, rispettivament, lill-Kunsill u lill-kumitat speċjali u kif ukoll lill-Kummissjoni, bħala negozjatur, u tmur kontra wkoll l-Artikolu 13(2) tat-TUE u kif ukoll l-bilanċ istituzzjonali.

75

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u meta jitfakkar li l-Kunsill, f’dan il-każ, ħatar kumitat speċjali, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill huwiex awtorizzat li jipprovdi, fid-direttivi ta’ negozjati, regoli proċedurali bħalma huma dawk inkwistjoni f’din il-kawża u, jekk fil-każ affermattiv, jekk ir-regoli stabbiliti fit-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jirrispettawx it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet u l-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 218(4) TFUE.

76

F’dan ir-rigward, mit-tielet sentenza tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mat-tieni paragrafu tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2013, jirriżulta li l-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill “għandu l-kompitu li jsegwi n-negozjati u jiggwida lin-negozjatur, fid-dawl tad-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill”. Barra minn hekk, ir-raba’ sentenza tal-punt 1 ta’ din it-Taqsima A tipprevedi li l-laqgħat ta’ dan il-kumitat għandhom ikunu organizzati u ppreseduti mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill.

77

Peress li l-Kunsill huwa awtorizzat jaħtar kumitat speċjali u l-Kummissjoni hija meħtieġa tmexxi n-negozjati “f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat”, konformement mal-Artikolu 218(4) TFUE, il-Kummissjoni għandha tinforma lil dan il-kumitat bl-aspetti kollha tan-negozjati sabiex dan ikun jista’ jiġi kkonsultat b’mod utli. Huwa biss b’dan il-mod li l-kumitat speċjali jkun jista’ jifformula opinjonijiet u indikazzjonijiet dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fin-negozjati.

78

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 218(4) TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Kunsill jipprevedi, fid-direttivi ta’ negozjati, arranġamenti proċedurali li jirregolaw il-proċess ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ konsultazzjoni bejn il-kumitat speċjali u l-Kummissjoni, peress li tali regoli jirriflettu l-għan li tiġi żgurata kooperazzjoni tajba internament.

79

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk it-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jinkludix dispożizzjonijiet oħra li, filwaqt li huma ta’ natura proċedurali, jistgħu jċaħħdu lin-negozjatur mis-setgħa lilu mogħtija fl-Artikolu 17(1) TUE.

80

Fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-punt 1 tat-Taqsima a tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li “l-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ”, għandu jiġi osservat li din hija tfakkira ġenerali li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam. Għal dan il-għan, huwa, wkoll, utilment indikat fl-ewwel sentenza tal-punt 2 ta’ din it-Taqsima A li “n-negozjati għandhom jiġu ppreparati sew minn qabel”.

81

Fir-rigward tat-tieni sentenza ta’ dan l-istess punt, li tipprovdi li, għall-finijiet tal-preparazzjoni tan-negozjati, “il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bl-iskeda prevista, bil-kwistjonijiet li għandhom jiġi nnegozjati u bid-dokumenti rilevanti mill-iktar fis possibbli sabiex l-membri tal-kumitat speċjali jkollhom żmien raġonevoli sabiex jippreparaw b’mod adegwat għan-negozjati futuri”, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, dan l-element jespliċita l-obbligu stipulat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa konformi mal-Artikolu 218(4) TFUE, kif jirriżulta mill-punt 68 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, dan l-element jiddetermina l-arranġamenti tal-konsultazzjoni tal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill konformement mal-Artikolu 218(4) TFUE.

82

L-istess japplika għall-punt 4 tat-Taqsima A tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni, li jipprevedi li “l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultati tan-negozjati wara kull sessjoni ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, tal-inqas darba kull tliet xhur”, li “[l]-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill b’kull problema sinjifikattiva li tiltaqa’ magħha matul in-negozjati u għandha tikkonsulta mal-kumitat speċjali f’dan ir-rigward.”

83

Finalment, it-tieni sentenza tal-punt 3 tat-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tippermetti li l-kumitat tat-tibdil fil-klima jiġi kkonsultat fir-rigward ta’ aspetti tekniċi speċifiċi tan-negozjati “mingħajr ħsara għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-kumitat speċjali”, għandha titqies ukoll li taqa’ taħt l-arranġamenti ta’ konsultazzjoni tal-kumitat speċjali.

84

Minn dan isegwi li l-elementi ta’ din it-Taqsima A, eżaminati fil-punti 80 sa 83 ta’ din is-sentenza, ma jiksrux la l-Artikolu 218(4) TFUE, la l-Artikolu 13(2) TUE, la l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali u lanqas l-Artikolu 295 TFUE.

85

Jibqa’, għalhekk, li jiġu finalment evalwati żewġ elementi li jidhru fit-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-tieni sentenza tal-punt 1 tagħha, li tipprevedi li “[j]ekk meħtieġ, il-pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni jiġu stabbiliti fi ħdan il-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 1(2) jew fi ħdan il-Kunsill” u kif ukoll l-element partikolari tal-ewwel sentenza tal-punt 3 tagħha li jippermetti li, qabel kull sessjoni ta’ negozjati, “jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta’ negozjati” mill-kumitat speċjali.

86

Għandu jiġi osservat li dawn l-istipulazzjonijiet jikkostitwixxu dispożizzjonijiet intiżi li jorbtu lin-negozjatur.

87

Fil-fatt, anki jekk il-Kunsill sempliċement isostni li l-pożizzjonijiet ta’ negozjati huma maħsuba sabiex jgħinu lin-negozjatur u ma jistgħux jinftiehmu bħala li jimplikaw obbligu għall-Kummissjoni li tasal għar-“riżultat irrakkomandat”, jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-kliem tagħhom u mqiegħda fil-kuntest tagħhom, li dawn huma intiżi sabiex il-pożizzjonijiet joħolqu effetti vinkolanti għan-negozjatur.

88

Issa, din in-natura vinkolanti tal-pożizzjonijiet adottati mill-kumitat speċjali jew, jekk ikun il-każ, mill-Kunsill innifsu, tmur kontra l-Artikolu 218(4) TFUE.

89

Fil-fatt, minn naħa, iż-żewġ elementi previsti fil-punt 85 ta’ din is-sentenza jagħtu lill-kumitat speċjali l-funzjoni li jistabbilixxi l-pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni, li teċċedi l-funzjoni konsultattiva assenjata lilu minn din id-dispożizzjoni.

90

Min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 218(4) TFUE jawtorizza, ċertament, lill-Kunsill sabiex jifformula direttivi ta’ negozjati, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix, madankollu, lil din l-istituzzjoni, kuntrarjament għal dak previst mit-tieni sentenza tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, bis-setgħa li timponi fuq in-negozjatur “pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati”.

91

Minn dan isegwi li l-Kunsill, bl-inklużjoni ta’ dawn l-elementi fid-direttivi ta’ negozjati, kiser l-obbligu stipulat fl-Artikolu 13(2) TUE li jaġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE.

92

B’dan il-mod, il-Kunsill kiser ukoll il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni sentenza tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kliem “u sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta’ negozjati”, li jidhru fl-ewwel sentenza tal-punt 3 ta’ din it-Taqsima A, għandhom jiġu annullati.

94

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali annullament huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li tagħhom intalab l-annullament ikunu separabbli mill-kumplament tal-att (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑29/99, EU:C:2002:734, punt 45, u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑239/01, EU:C:2003:514, punt 33). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑504/09 P, EU:C:2012:178, punt 98, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16). Fir-rigward tal-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet kkontestati, din tippreżupponi l-eżami tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom jibdilx l-ispirtu u s-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dan il-każ, it-tieni sentenza tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kliem “u sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta’ negozjati”, li jidhru fl-ewwel sentenza tal-punt 3 ta’ din it-Taqsima A, esposti fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, huma separabbli mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, dawn iż-żewġ kapijiet ta’ annullament ma jbiddlux is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, ma għandhomx effett fuq l-obbligi tal-Kummissjoni relatati mal-iżvolġiment tan-negozjati, kif dawn jirriżultaw mid-direttivi ta’ negozjati li jidhru fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni, u mal-informazzjoni tal-Kunsill, li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

96

Barra minn hekk, dan l-annullament lanqas ma jista’ jibdel is-sustanza tal-elementi l-oħra tat-Taqsima A tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata.

97

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li għandhom jiġu annullati, fit-Taqsima A, intitolata “Proċedura ta’ negozjati”, tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata:

it-tieni sentenza tal-punt 1 ta’ din it-taqsima A, li tipprovdi li “[j]ekk meħtieġ, pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni jiġu stabbiliti fi ħdan il-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 1(2) jew fi ħdan il-Kunsill”, u

fil-punt 3 ta’ din it-taqsima, il-kliem “u sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta’ negozjati”.

Fuq l-ispejjeż

98

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikors tal-Kummissjoni nltaqa’ parzjalment, il-Kummissjoni u l-Kunsill, konformement mal-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-proċedura li wasslet għad-digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑425/13, EU:C:2014:91).

99

Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, il-Parlament u kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Huma annullati, taħt it-Taqsima A (“Proċedura ta’ negozjati”) tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2013, li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar it-tqegħid tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea f’rabta ma’ skema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet stabbilita fl-Awstralja:

it-tieni sentenza tal-punt 1 ta’ din it-taqsima A, li tipprovdi li “[j]ekk meħtieġ, pożizzjonijiet dettaljati ta’ negozjati tal-Unjoni jiġu stabbiliti fi ħdan il-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 1(2) jew fi ħdan il-Kunsill”, u

fil-punt 3 ta’ din it-taqsima, il-kliem “u sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta’ negozjati”.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-proċedura li wasslet għad-digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑425/13, EU:C:2014:91).

 

4)

Il-Parlament Ewropew u kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top