Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0359

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-26 ta’ Frar 2015.
    B. Martens vs Minister van Onderwijs, Cultuur en Wetenschap.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Centrale Raad van Beroep.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Ċittadin ta’ Stat Membru — Residenza fi Stat Membru ieħor — Studji f’pajjiż jew territorju extra-Ewropew — Żamma tal-għoti tal-finanzjament għal edukazzjoni ogħla — Kundizzjoni ta’ residenza ta’ ‘tliet snin minn sitta’ — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni.
    Kawża C-359/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:118

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    26 ta’ Frar 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Ċittadin ta’ Stat Membru — Residenza fi Stat Membru ieħor — Studji f’pajjiż jew territorju extra-Ewropew — Żamma tal-għoti tal-finanzjament għal edukazzjoni ogħla — Kundizzjoni ta’ residenza ta’ ‘tliet snin minn sitta’ — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni”

    Fil-Kawża C‑359/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

    B. Martens

    vs

    Minister van Onderwijs, Cultuur en Wetenschap,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Søndhal Wolff, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE, 21 TFUE u 45 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn B. Martens u l-Minister van Onderwijs, Cultuur en Wetenschap (Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura u Xjenza, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) fir-rigward ta’ talba minn dan tal-aħħar intiża għall-ħlas lura tal-finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla (iktar ’il quddiem il-“finanzjament tal-istudji”), li kien ingħata lil B. Martens, minħabba l-fatt li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li B. Martens kellha tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi matul perijodu ta’ tliet snin mill-aħħar sitt snin qabel l-iskrizzjoni tagħha għal taħriġ ipprovdut barra l-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-kundizzjoni “tat-tliet snin minn sitta”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

    “1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

    2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru [bħall-ħaddiema nazzjonali].”

    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

    4

    L-Artikolu 2.2(1) tal-Liġi tal-2000 dwar il-Finanzjament tal-Istudji (Wet studiefinanciering 2000) fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tal‑11 ta’ Ottubru 2006 (iktar ’il quddiem il-“WSF 2000”), huwa redatt kif ġej:

    “Il-finanzjament tal-istudji jista’ jingħata lil studenti:

    a)

    li għandhom in-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi;

    b)

    li ma għandhomx in-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li huma ttrattati bħala ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal‑finanzjament tal-istudji abbażi ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali [...]

    [...]”

    5

    L-Artikolu 2.14 ta’ din il-liġi, emendat fl-aħħar lok permezz tal‑Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 2010 (Stb. 2010, Nru 807), jipprovdi:

    “1.   Dan l-artikolu japplika esklużivament għall-istudenti iskritti wara l‑31 ta’ Awwissu 2007 bil-għan li jsegwu edukazzjoni ogħla fi stabbiliment li jinsab barra mill-Pajjiżi l-Baxxi [...]

    2.   Il-finanzjament tal-istudji jista’ jingħata lil student:

    a)

    li ġie iskritt bil-għan li jsegwi taħriġ mogħti barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, sa fejn jingħata finanzjament tal-istudji fil-Pajjiżi l-Baxxi għal kategorija simili ta’ taħriġ, li l-livell u l-kwalità tat-taħriġ huma paragunabbli għal dawk ta’ taħriġ korrispondenti [...] u li l-eżami finali tat-taħriġ huwa paragunabbli għal dak tat-taħriġ korrispondenti [...],

    b)

    li ġie iskritt bil-għan li jsegwi taħriġ mogħti barra mill-Pajjiżi l-Baxxi li, bla ħsara għal dak li hu previst fis-subparagrafu a), jissodisfa barra minn hekk il-kriterji stabbiliti permezz ta’ digriet ministerjali, u

    c)

    li rrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi matul mill-inqas tliet snin mill-aħħar sitt snin qabel l-iskrizzjoni tiegħu f’dan it-taħriġ u li rrisjeda legalment hemmhekk matul dan il-perijodu. Il-perijodu li matul student ġie iskritt f’taħriġ mogħti barra mill-Pajjiżi l-Baxxi hekk kif imsemmi fis-subparagrafu a) ma għandux jiġi inkluż sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ sitt snin imsemmi fis-sentenza preċedenti.

    [...]”

    6

    Skont l-Artikolu 11.5 tal-WSF 2000, il-Ministru jista’ jidderoga mill-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta, prevista fl-Artikolu 2.14(2)(c) ta’ din il-liġi, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni tagħti lok għal inġustizzja gravi.

    7

    L-Artikolu 12.3 tal-WSF 2000, li tinkludi dispożizzjoni tranżitorja abbażi tal-Artikolu 2.14 ta’ din il-liġi, kif emendata mill‑1 ta’ Settembru 2007, jipprovdi:

    “Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3.21(2) tal-WSF 2000, student li, qabel l‑1 ta’ Settembru 2007, kien diġà iskritt sabiex isegwi edukazzjoni ogħla mogħtija barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, mingħajr ma jkun ressaq talba ta’ finanzjament tal-istudji jista’ [...], b’effett retroattiv sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Settembru 2007, iressaq talba ta’ finanzjament tal-istudji għal edukazzjoni ogħla mogħtija barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, jekk iressaq talba f’dan ir-rigward sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Awwissu 2008.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi, twieldet fit‑2 ta’ Ottubru 1987, u fix-xahar ta’ Ġunju 1993, hija ċċaqilqet flimkien mal-ġenituri tagħha lejn il-Belġju, Stat Membru li fih missierha kellu impjieg, fejn hija attendiet skola primarja u sekondarja fjamminga u fejn il-familja tal-imsemmija rikorrenti għadha tirrisjedi sa llum.

    9

    Mill‑15 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali iskriviet ruħha fl-Univesità tal-Antilles Olandiżi, f’Willemstad (il-Curaçao), sabiex hemmhekk issegwi lawrea ta’ baċellerat full-time.

    10

    Matul il-perijodu li jkopri x-xhur minn Ottubru 2006 sa Ottubru 2008, missier ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali eżerċita attività professjonali part-time fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala ħaddiem fruntalier. Mix-xahar ta’ Novembru 2008, huwa mill-ġdid kellu attività professjonali, full-time, fil-Belġju.

    11

    Fl‑24 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet talba għal finanzjament tal-istudji quddiem il-Ministru. Fuq il-formola li kellha timtela għal dan il-għan, hija kkonfermat, b’mod partikolari, li matul is-sitt snin li ppreċedew il-bidu tal-istudji tagħha fil-Curaçao, hija rrisjediet legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi matul mill-inqas tliet snin.

    12

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2008, b’applikazzjoni tar-regola li tirrigwarda l-istudent li ma għadux jgħix għand il-ġenituri tiegħu, il-Ministru alloka lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali finanzjament tal-istudji, mix-xahar ta’ Settembru 2007, data ta’ limitu għall-għoti tal-finanzjament retroattiv previst fl-Artikolu 12.3 tal-WSF 2000, taħt il-forma ta’ għajnuna bażika, kif ukoll ta’ allowance għat-trasport pubbliku. Din l-allokazzjoni ġiet estiża perjodikament mill-Ministru. Sussegwentement, fl‑1 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet self addizzjonali għall-istudenti, li ngħatalha.

    13

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Mejju 2010, wara verifika relatata mal-finanzjamenti tal-istudji, il-Ministru kkonstata li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx irrisjediet fil-Pajjiżi l-Baxxi matul mill-inqas tliet snin bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2000 u dak ta’ Lulju 2006 u li, għalhekk, hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta. Konsegwentement, il-Ministru annulla l-finanzjament tal-istudji mogħti preċedentement lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, irrifjuta kull estensjoni oħra ta’ dan il-finanzjament u talab il-ħlas lura tal-finanzjament li kien ingħata lilha, jiġifieri s-somma ta’ EUR 19 481.64.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2010, il-Ministru ddikjara infondati l-ilmenti fformulati fil-kuntest tar-rikors amministrattiv tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Mejju 2010, li permezz tagħhom B. Martens sostniet li n-nuqqas ta’ konnessjoni mal-Pajjiżi l-Baxxi ma setax jiġġustifika suffiċjentement il-fatt li ma tingħatax il-finanzjament tal-istudji minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni tat‑tliet snin minn sitta. Fil-fehma tagħha, studenti li jissodisfaw din il-kundizzjoni u li għaldaqstant jistgħu jistennew li jingħataw finanzjament mill-Pajjiżi l-Baxxi, intiż għal taħriġ barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, jistgħu jkollhom konnessjoni għal kollox inqas b’saħħitha ma’ dan l-Istat Membru minn dik li hija kellha u li għad għandha mal-istess Stat Membru.

    15

    Ir-Rechtbank ’s-Gravenhage iddikjarat infondat ir-rikors ta’ Martens kontra d-Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2010.

    16

    Matul il-proċedura ta’ appell, imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tar-Rechtbank ’s-Gravenhage, il-Ministru ddikjara li ma kienx se japplika l-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta fir-rigward ta’ B. Martens għall-perijodu mix-xahar ta’ Settembru 2007 sax-xahar ta’ Ottubru 2008, minħabba li, matul dan il-perijodu, missierha kien jaħdem part-time fil-Pajjiżi l-Baxxi u li l-kundizzjonijiet sabiex hija tibbenefika mill-finanzjament tal-istudji għaldaqstant kienu ġew sodisfatti. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni tat‑tliet snin minn sitta baqgħet tapplika għall-perijodu mix-xahar ta’ Novembru 2008 sax-xahar ta’ Ġunju 2011, peress li matul dan il-perijodu missierha ma baqax jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem fruntalier fil-Pajjiżi l-Baxxi, inkwantu, sa minn din id-data, huwa kien jaħdem esklużivament fil-Belġju.

    17

    Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minbarra t-talba għal finanzjament tal-istudji, il-ġenituri tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew il-parti l-kbira ta’ l-ispejjeż ta’ manteniment u ta’ tagħlim tagħha matul it-taħriġ tagħha fl-Università tal-Antilles Olandiżi, taħriġ li wasal fi tmiemu fl‑1 ta’ Lulju 2011.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

    “1)

    a)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru tal-[Unjoni Ewropea] (il-Pajjiżi l-Baxxi) itemm id-dritt għall-finanzjament għall-edukazzjoni barra mill-[Unjoni] ta’ wild maġġorenni dipendenti fuq ħaddiem transkonfinali [fruntalier] li għandu ċ-ċittadinanza [nazzjonalità] Olandiża, li jirrisjedi fil-Belġju u jaħdem parzjalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u parzjalment fil-Belġju, meta tali xogħol transkonfinali [fruntalier] jintemm u l-attivitajiet jibqgħu jiġu eżerċitati fil-Belġju, minħabba li l-wild ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ mill-inqas tliet snin fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sitt snin li jippreċedu r-reġistrazzjoni tiegħu fl-istabbiliment ta’ edukazzjoni kkonċernat?

    b)

    Jekk ir-risposta li tingħata għad-domanda 1 a) tkun fl-affermattiv, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal perijodu iqsar mit-tul ta’ tali edukazzjoni, filwaqt li jitqies li r-rekwiżiti l-oħra li jirregolaw l-eliġibbiltà għall-finanzjament ikunu ġew sodisfatti?

    Jekk fir-risposta għad-domandi 1A u 1B, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma tipprekludix deċiżjoni li tipprovdi li ma għandux jingħata finanzjament għall-edukazzjoni lil B. Martens matul il-perijodu bejn Novembru 2008 u Ġunju 2011, jew matul parti minn tali perijodu:

    2)

    L-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru tal-[Unjoni] (il-Pajjiżi l-Baxxi) ma jestendix il-finanzjament għall-edukazzjoni fi stabbiliment ta’ edukazzjoni f’PTEE (Curaçao), li jagħti lok għalih ix-xogħol ta’ missier il-persuna kkonċernata bħala ħaddiem transkonfinali [fruntalier], minħabba li l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni, applikabbli għal kull ċittadin tal-Unjoni, inklużi ċ-ċittadini tagħha stess, ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ mill-inqas tliet snin mis-sitt snin li jippreċedu r-reġistrazzjoni tagħha għal tali edukazzjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    19

    Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta ż-żamma fis-seħħ tal-għoti ta’ finanzjament għal edukazzjoni ogħla mwettqa barra minn dan l-Istat bil-kundizzjoni li l-istudent li jitlob li jibbenefika minn dan it-tip ta’ finanzjament ikun irrisjeda fl-imsemmi Stat Membru matul perijodu ta’ mill-inqas tliet snin mis-sitt snin li jippreċedu l-iskrizzjoni tiegħu għall-imsemmija studji.

    20

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li bħala ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi, B. Martens tgawdi mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni skont l-Artikolu 20(1) TFUE u għaldaqstant tista’ tinvoka, inkluż jekk ikun il-każ fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, drittijiet relatati ma’ tali status (ara s-sentenzi Morgan u Bucher, C‑11/06 u C‑12/06, EU:C:2007:626, punt 22, kif ukoll Prinz u Seeberger, C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk li, fost dawn tal-aħħar, jinsabu fl-istess sitwazzjoni jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenzi D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 28, kif ukoll Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (sentenzi Morgan u Bucher, EU:C:2007:626, punt 23, kif ukoll Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, għalkemm l-Istati Membri għandhom kompetenza, skont l-Artikolu 165(1) TFUE, fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE (sentenzi Morgan u Bucher, EU:C:2007:626, punt 24, kif ukoll Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu lill-Istati Membri li jipprovdu sistema ta’ finanzjament tal-edukazzjoni ogħla sabiex dawn isiru fi Stat Membru jew barra mill-pajjiż. Madankollu, meta Stat Membru jipprovdi tali sistema li tippermetti lill-istudenti jibbenefikaw minn tali għajnuna, huwa għandu jħares sabiex il-modalitajiet ta’ allokazzjoni ta’ dan il-finanzjament ma joħolqux restrizzjoni inġustifikata għall-imsemmi dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Morgan u Bucher, EU:C:2007:626, punt 28; Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 30, kif ukoll Thiele Meneses, C‑220/12, EU:C:2013:683, punt 25).

    25

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi Morgan u Bucher, EU:C:2007:626, punt 25, kif ukoll Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 27).

    26

    Fil-fatt, il-possibbiltajiet offerti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom li kieku ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom, b’ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-possibbiltajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Morgan u Bucher, EU:C:2007:626, punt 26, kif ukoll Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 28).

    27

    Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 6(e) TFUE u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, f’li tiġi ffavorizzata l-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (ara s-sentenzi D’Hoop, EU:C:2002:432, punt 32; Morgan u Bucher, EU:C:2007:626, punt 27, kif ukoll Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 29).

    28

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ċċaqilqet lejn il-Belġju fejn missierha eżerċita attività professjonali u li, wara, hija marret fi skola primarja u sekondarja Fjamminga. Fix-xahar ta’ Awwissu 2006, fl-età ta’ 18‑il sena, hija bdiet l-istudji tagħha fl-Università tal-Antilles Olandiżi, f’Willemstad, fejn hija temmet it-taħriġ tagħha fl‑1 ta’ Lulju 2011. Hekk kif ġie kkonfermat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt is-seduta, B. Martens setgħet tibbenefika minn finanzjament sabiex tistudja fil-Curaçao bis-saħħa tal-possibbiltà mogħtija mill-WSF 2000 li kienet tippermetti lil kull student li kien jissodisfa l-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta jibbenefika minn tali finanzjament sabiex isegwi studji barra mill-pajjiż. B. Martens innifisha indikat lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, meta ressqet it-talba tagħha ta’ finanzjament fix-xahar ta’ Mejju 2008, li hija kienet tissodisfa din il-kundizzjoni. Minn meta hija temmet l-istudji tagħha, B. Martens taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    29

    Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma hemmx restrizzjoni għad-drittijiet ta’ libertà ta’ moviment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali peress li din tal-aħħar, meta ċċaqilqet mill-Belġju lejn il-Curaçao, ma għamlitx użu mid-dritt tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 20(2) TFUE li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

    30

    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ peress li jwettaq kunsiderazzjoni żbaljata tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali użat id-drittijiet tagħha ta’ libertà ta’ moviment billi ċċaqilqet mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Belġju bil-familja tagħha matul is-sena 1993 u kompliet tagħmel użu minn dawn id-drittijiet matul il-perijodu kollu li fih għexet il-Belġju.

    31

    Billi ssuġġettat iż-żamma fis-seħħ tal-għoti tal-finanzjament għal edukazzjoni ogħla għall-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tippenalizza lil persuna li titlob finanzjament għas-sempliċi fatt li tkun eżerċitat il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, fid-dawl tal-effetti li l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jista’ jkollu fuq il-possibbiltà li tirċievi finanzjament għal edukazzjoni ogħla (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi D’Hoop, EU:C:2002:432, punt 30; Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 32, kif ukoll Thiele Meneses, EU:C:2013:683, punt 28).

    32

    Hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tagħha, f’dan ir-rigward huwa mingħajr effett il-fatt li ddekorra żmien kunsiderevoli minn meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet użu mid-drittijiet tagħha ta’ libertà ta’ moviment (ara, b’analoġija, is-sentenza Nerkowska, C‑499/06, EU:C:2008:300, punt 47).

    33

    Għandu jiġi kkonstatat li filwaqt li l-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta, bħal dik prevista fl-Artikolu 2.14(2) tal-WSF 2000, tapplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi u għaċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni, hija tikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza li minnu jgawdu ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 31).

    34

    Ir-restrizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk hija tkun proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura hija proporzjonali meta, filwaqt li tkun idonea għat-twettiq tal-għan imfittex, hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenzi De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punti 40 u 42; Morgan u Bucher, EU:C:2007:626, punt 33, kif ukoll Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 33).

    35

    Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, sa fejn teżisti restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza, id-dispożizzjonijiet tal-WSF 2000 jiġġustifikaw rwieħhom permezz ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għan intiż sabiex jiggarantixxi livell minimu ta’ integrazzjoni bejn il-persuna li titlob il-finanzjament u l-Istat li qed jipprovdih. B’hekk, huwa ġustifikat li l-finanzjament tal-istudji kompleti barra mill-pajjiż jiġi rriżervat lill-istudenti li juru li huma integrati biżżejjed fil-Pajjiżi l-Baxxi. Student li rrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi matul perijodu ta’ mill-inqas tliet snin mill-aħħar sitt snin li jippreċedu t-taħriġ tiegħu barra mill-pajjiż juri dan il-livell ta’ integrazzjoni. Din il-kundizzjoni lanqas ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 11.5 tal‑WSF 2000, il-ministru kompetenti jista’ jeskludi l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta meta l-applikazzjoni tagħha twassal għal sitwazzjoni ta’ inġustizzja gravi, liema fatt jipprekludi lil din il-kundizzjoni milli tiġi kkunsidrata bħala ġenerali wisq. It-tieni nett, l-imsemmija kundizzjoni ta’ residenza ma tirrikjedix li student ikun irrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi matul perijodu ta’ tliet snin wara xulxin qabel ma beda l-istudji tiegħu u għalhekk ma hijiex ta’ natura eċċessivament esklużiva.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-integrazzjoni tal-istudenti kif ukoll ir-rieda li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ċertu konnessjoni bejn is-soċjetà tal-Istat Membru li jipprovdi l-finanzjament u l-benefiċjarju ta’ finanzjament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw li l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ tali finanzjament jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thiele Meneses, EU:C:2013:683, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prova rikjesta minn Stat Membru biex tiġi invokata l-eżistenza ta’ konnessjoni reali ta’ integrazzjoni ma għandhiex tkun ta’ natura esklużiva wisq, li tagħti vantaġġ indebitu lil element li ma jirrappreżentax neċessarjament il-livell reali u effettiv tal-konnessjoni bejn il-persuna li titlob il-finanzjament u l-Istat Membru, bl-esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor (ara s-sentenzi D’Hoop, EU:C:2002:432, punt 39; Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 37, kif ukoll Thiele Meneses, EU:C:2013:683, punt 36).

    38

    Fir-rigward tal-livell ta’ konnessjoni tal-benefiċjarju mas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, fir-rigward ta’ finanzjamenti li ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ tali konnessjoni, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gottwald, C‑103/08, EU:C:2009:597, punt 34, kif ukoll Thiele Meneses, EU:C:2013:683, punt 37).

    39

    Madankollu, kundizzjoni unika ta’ residenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tgħaddi mir-riskju li teskludi mill-benefiċċju tal-finanzjament tal-edukazzjoni ogħla inkwistjoni studenti li, minkejja l-fatt li huma ma rrisjedewx fil-Pajjiżi l-Baxxi matul perijodu ta’ tliet snin mis-sitta rikjesti qabel ma bdew studji barra mill-pajjiż, xorta waħda jkollhom konnessjonijiet reali ta’ integrazzjoni lejn dan l-Istat Membru.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta kienet tagħti lok għal nuqqas ta’ ugwaljanza inġustifikata fit-trattament bejn il-ħaddiema mill-Pajjiżi l-Baxxi u l-ħaddiema migranti residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi peress li, billi imponiet perijodi speċifiċi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, din il-kundizzjoni kienet tipprivileġġja element li ma huwiex neċessarjament l-uniku element li jirrappreżenta l-livell reali ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-imsemmi Stat Membru u għalhekk kienet ta’ natura esklużiva wisq (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punti 86 u 88).

    41

    Issa sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija tippreżenta wkoll natura esklużiva wisq peress li ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni konnessjonijiet oħra bejn tali student u l-Istat Membru li jipprovdi l-finanzjament, bħan-nazzjonalità tal-istudent, l-edukazzjoni tiegħu, il-familja tiegħu, l-impjieg tiegħu, il-kapaċitajiet lingwistiċi tiegħu jew l-eżistenza ta’ konnessjonijiet soċjali jew ekonomiċi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prinz u Seeberger, EU:C:2013:524, punt 38). Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tagħha, l-impjieg fl-Istat Membru li jipprovdi l-finanzjament tal-membri tal-familja li minnha jiddependi l-istudent jista’ wkoll ikun wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-konnessjonijiet.

    42

    Barra minn hekk, l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 11.5 tal-WSF 2000 mill-ministru kompetenti, li tippermetti lil dan il-ministru jidderoga mill-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta li kieku l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni kienet tagħti lok għal sitwazzjoni ta’ inġustizzja gravi, ma hijiex tali li tbiddel in-natura esklużiva wisq tal-imsemmija kundizzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali inkwistjoni. Fil-fatt, jidher li din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-konnessjonijiet l-oħra bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Istat Membru li jipprovdi l-finanzjament u għalhekk, hija ma tistax tippermetti li jinkiseb l-għan ta’ integrazzjoni, li, skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, jikkostitwixxi l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjoni tat-tliet snin minn sitta inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħet kemm esklużiva wisq u inċerta wisq billi pprivileġġjat b’mod indebitu element li ma jirrappreżentax neċessarjament il-livell ta’ integrazzjoni tal-persuna li titlob il-finanzjament fl-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata għall-imsemmi għan ta’ integrazzjoni.

    44

    Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju, l-unika kompetenti biex tevalwa l-fatti, li għandha teżamina l-konnessjonijiet eventwali bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sa fejn B. Martens, ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi, imwielda fil-Pajjiżi l-Baxxi, indikat fit-talba tagħha għal finanzjament li rrisjediet f’dan l-Istat Membru matul perijodu ta’ tliet snin mis-sitt snin li jippreċedu l-iskrizzjoni tagħha għal taħriġ barra mill-pajjiż, filwaqt li, fil-verità, hija rrisjediet fil-Belġju sa mill-età ta’ sitt snin, missierha ħadem fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn is-snin 2006 u 2008 u attwalment hija taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    45

    Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta ż-żamma fis-seħħ tal-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni ogħla mwettqa barra minn dan l-Istat għall-kundizzjoni li l-istudent li jitlob li jibbenefika minn dan it-tip ta’ finanzjament ikun irrisjeda fl-imsemmi Stat matul perijodu ta’ mill-inqas tliet snin mis-sitt snin li jippreċedu l-iskrizzjoni tiegħu għall-imsemmija studji.

    Fuq l-ispejjeż

    46

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta ż-żamma fis-seħħ tal-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni ogħla mwettqa barra minn dan l-Istat għall-kundizzjoni li l-istudent li jitlob li jibbenefika minn dan it-tip ta’ finanzjament ikun irrisjeda fl-imsemmi Stat matul perijodu ta’ mill-inqas tliet snin mis-sitt snin li jippreċedu l-iskrizzjoni tiegħu għall-imsemmija studji.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top