Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0190

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014.
    Antonio Márquez Samohano vs Universitat Pompeu Fabra.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 3 de Barcelona.
    Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Universitajiet – Għalliema assoċjati – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi – Klawżola 5(1) – Miżuri li huma intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw tali kuntratti – Klawżola 3 – Kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat’ – Sanzjonijiet – Dritt għal kumpens – Differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien indeterminat.
    Kawża C‑190/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:146

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

    “Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Universitajiet — Għalliema assoċjati — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Klawżola 5(1) — Miżuri li huma intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat — Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw tali kuntratti — Klawżola 3 — Kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat’ — Sanzjonijiet — Dritt għal kumpens — Differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien indeterminat”

    Fil-Kawża C‑190/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ April 2013, fil-proċedura

    Antonio Márquez Samohano

    vs

    Universitat Pompeu Fabra,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Universitat Pompeu Fabra, minn E. Arranz Serrano, avukat,

    għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 3 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Márquez Samohano u l-persuna li timpjegah, l-Universitat Pompeu Fabra (iktar ’il quddiem l-“UPF”), dwar il-klassifikazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol li jorbtuh ma’ din tal-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, li hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE, jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas xtaqu, permezz tal-konklużjoni ta’ tali ftehim, itejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

    4

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) anness[...] hawn”.

    5

    It-tieni u t-tielet paragrafi tal-preambolu tal-ftehim qafas huma fformulati kif ġej:

    “Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.

    Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [għal żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

    6

    Il-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas jipprovdu kif ġej:

    “8.

    Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat] huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema;

    [...]

    10.

    Billi dan il-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’natura staġjonali.”

    7

    Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ l-impjieg għal terminu fiss suċċessivi.

    8

    Il-Klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Kamp ta’ applikazzjoni]” tipprovdi, fil-paragrafu 1 tagħha, li dan japplika għal ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattiki fis-seħħ f’kull Stat Membru.

    9

    Il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

    “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim

    1.

    il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

    2.

    [...] il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi [...], il-ftehim kollettiv jew il-prattika [nazzjonali].”

    10

    Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tagħha tipprovdi:

    “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

    11

    Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprevedi:

    “1.

    Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

    (a)

    raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

    (b)

    iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

    (ċ)

    in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

    2.

    L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

    (a)

    għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

    (b)

    għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

    Id-dritt Spanjol

    Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-universitajiet

    12

    L-Artikolu 48 tal-Liġi Organika 6/2001 dwar l-universitajiet (Ley Orgánica 6/2001 de Universidades), tal-21 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 307, tal-24 ta’ Diċembru 2001, p. 49400), kif emendata bil-Liġi Organika 7/2007, tat-12 ta’ April 2007 (BOE Nru 89, tat-13 ta’ April 2007, iktar ’il quddiem il-“Liġi 6/2001”), tipprevedi:

    “1.   L-universitajiet jistgħu jirreklutaw persunal li jgħallem u li jagħmel riċerka taħt is-sistema kuntrattwali skont il-modalitajiet ta’ reklutaġġ speċifiċi għas-settur universitarju li jinsabu ddefiniti f’din il-liġi jew skont il-modalitajiet previsti fir-Regolament tal-Ħaddiema [(Estatuto de los Trabajadores)] għas-sostituzzjoni ta’ ħaddiema li għandhom dritt għaż-żamma tal-impjieg tagħhom. Huma jistgħu wkoll jirreklutaw persunal li jagħmel riċerka, persunal tekniku jew persunal ieħor permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal kompitu jew servizz partikolari, bl-għan li jitwettqu proġetti ta’ riċerka xjentifika jew teknika.

    Barra minn hekk l-universitajiet jistgħu jaħtru professuri emeritus, bil-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi.

    2.   Il-modalitajiet ta’ reklutaġġ permezz ta’ kuntratt li huma speċifiċi għas-settur universitarju huma dawk li jikkonċernaw l-istatuti ta’ assistent, ta’ lekċerer għal żmien determinat, ta’ lekċerer għal żmien indeterminat, ta’ għalliem assoċjat u ta’ għalliem mistieden.

    Is-sistema tal-modalitajiet ta’ reklutaġġ permezz ta’ kuntratt imsemmija iktar ’il fuq hija dik stabbilita b’din il-liġi u bid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha; b’mod addizzjonali, ser jiġi applikat it-test rivedut tal-Liġi li tistabbilixxi Regolament tal-Ħaddiema [(Ley del Estatuto de los Trabajadores)], approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995 [(BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654)], u d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha.

    [...]”

    13

    Skont l-Artikolu 53 tal-Liġi 6/2001, intitolat “Għalliema assoċjati”:

    “Ir-reklutaġġ ta’ għalliema assoċjati għandu jseħħ b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    jistgħu jiġu ingaġġati speċjalisti b’kompetenza rikonoxxuta li jistgħu jagħtu prova li huma jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom barra mill-qasam universitarju;

    b)

    l-ingaġġar għandu l-għan li jitwettqu kompiti ta’ tagħlim li permezz tagħhom huma joffru l-għarfien tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom lill-università;

    c)

    l-ingaġġar għandu jkun temporanju u part-time;

    d)

    it-tul tal-ingaġġar għandu jkun trimestrili, semestrili jew annwali, u jista’ jiġġedded għal perijodi tal-istess tul, bil-kundizzjoni li dejjem jiġi stabbilit li l-attività professjoni tiġi eżerċitata barra mill-qasam universitarju.”

    14

    L-Artikolu 20 tad-Digriet Irjali 898/1985, dwar is-sistema tal-korp tal-għalliema tal-università (Real Decreto 898/1985 sobre régimen del profesorado universitario), tat-30 ta’ April 1985 (BOE Nru 146, tad-19 ta’ Ġunju 1985, p. 18927), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

    “Artikolu 20. Għalliema assoċjati

    1.   L-universitajiet jistgħu jirreklutaw b’mod temporanju, full-time jew part-time, bil-kundizzjonijiet previsti fl-istatuti tagħhom u b’osservanza tal-previżjonijiet baġitarji, għalliema assoċjati fost l-ispeċjalisti b’kompetenza rikonoxxuta li normalment jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom barra mill-università.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan, eżerċizzju normali tal-attività professjonali għandha tinftiehem bħala l-eżerċizzju, barra mill-qasam universitarju, ta’ kull attività professjonali mħallsa li tippermetti li jsir użu mid-diploma li l-persuna kkonċernata jkollha għal perijodu minimu ta’ tliet snin matul il-ħames snin ta’ qabel ir-reklutaġġ tagħha minn università bħala għalliem assoċjat.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan, u fil-kundizzjonijiet kollha previsti mill-istatuti jekk ikun il-każ, l-universitajiet jistgħu jirreklutaw persuni ta’ kompetenza rikonoxxuta.

    [...]

    9.   L-istatuti tal-universitajiet għandhom jiffissaw it-tul massimu ta’ dawn il-kuntratti, jekk dawn jistgħux jiġġeddu jew le, il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jsir tiġdid suċċessiv jekk ikun il-każ, u n-numru massimu ta’ tiġdidiet.

    [...]

    10.   L-osservanza taż-żmien previst fil-kuntratt timplika t-tmiem awtomatiku tiegħu mingħajr ma tkun meħtieġa terminazzjoni minn qabel, sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu minn qabel dwar it-tiġdid tal-kuntratt għall-perijodu awtorizzat mill-istatuti jew għal perijodu inqas twil.

    11.   It-tmiem tal-kuntratt tal-għalliema assoċjati fl-iskadenza taż-żmien miftiehem ma jagħti dritt għal ebda kumpens, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-istatuti.

    [...]

    15.   Il-kuntratti tal-għalliema assoċjati jiġu fi tmiemhom mhux biss fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, iżda wkoll meta l-għalliem ingaġġat jilħaq l-età tal-irtirar, kif ukoll għal kull raġuni oħra possibbilment prevista fl-istatuti li ma tkunx tikkostitwixxi abbuż ta’ liġi.”

    15

    Il-Liġi 1/2003 dwar l-universitajiet tal-Cataluña (Ley 1/2003 de Universidades de Cataluña), tad-19 ta’ Frar 2003 (BOE Nru 60, tal-11 ta’ Marzu 2003, p. 9404), tipprovdi:

    “Artikolu 43. Kompożizzjoni

    1.   Il-korp tal-għalliema universitarji għandu jkun kompost mill-persunal li jgħallem fl-università u mill-persunal ingaġġat b’mod permanenti jew temporanju, skont il-kategoriji previsti b’din il-liġi.

    2.   Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, l-universitajiet għandhom jiggarantixxu l-identiċità tad-drittijiet bejn il-persunal ingaġġat b’mod permanenti u l-persunal li jgħallem fl-università, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni bażika tal-Istat.

    Artikolu 44. L-għalliema ingaġġati

    1.   L-għalliema ingaġġati b’mod permanenti huma l-professuri, il-professuri superjuri u l-assistenti lekċerers permanenti.

    2.   Jaqgħu taħt il-kategorija tal-għalliema ingaġġati b’mod temporanju, il-lekċerers, l-assistenti lekċerers, il-professuri assoċjati, il-professuri mistiedna u l-professuri emeritus.

    [...]

    Artikolu 50. L-għalliema assoċjati

    L-għalliema assoċjati għandhom jiġu ingaġġati fil-kuntest ta’ ingaġġar part-time, ta’ natura temporanja u kuntrattwali, fost l-ispeċjalisti ta’ kompetenza rikonoxxuta li jistgħu jagħtu prova li dawn jeżerċitaw l-attività professjonali barra mill-università, sabiex iwettqu kompiti ta’ tagħlim fi ħdan l-università. Huma għandhom ikollhom kapaċità li jgħallmu full-time fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom.”

    16

    L-istatuti tal-Universitat Pompeu Fabra, approvati permezz tad-Digriet 209/2003, tad-9 ta’ Settembru 2003 (BOE Nru 266, tas-6 ta’ Novembru 2003, p. 39397), u emendati permezz tal-Ftehim GOV/203/2010, tad-9 ta’ Novembru 2010, jipprovdu:

    “Titolu 6. Persunal li jgħallem

    [...]

    Kapitolu 2. Korp tal-għalliema

    Artikolu 93. Sistema legali

    93.1.   Il-korp tal-għalliema fl-[UPF] huwa rregolat bil-Liġi [6/2001] u bid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha, b’kull dispożizzjoni adottata mill-Generalitat tal-Cataluña, bil-liġi ġenerali dwar l-uffiċjali, bl-istatuti preżenti u bid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom.

    93.2.   L-għalliema ingaġġati huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi [6/2001], tal-Liġi [1/2003, tad-19 ta’ Frar 2003,] dwar l-universitajiet tal-Cataluña u għad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom; b’mod komplementari, japplika r-Regolament tal-Ħaddiema u d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu, l-istatuti preżenti u l-ftehim kollettiv applikabbli.

    [...]

    Taqsima 1. L-għalliema rreklutati

    Artikolu 101. Kategoriji u tul tal-kuntratti

    [...]

    101.3.   L-għalliema assoċjati għandhom jiġu rreklutati fil-kuntest ta’ ingaġġ part‑time u b’mod temporanju fost speċjalisti b’kompetenza rikonoxxuta li jistgħu jagħtu prova li huma jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom barra mill-qasam universitarju, sabiex iwettqu kompiti ta’ tagħlim partikolari. Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi għaż-żmien stabbilit mil-Liġi [6/2001], u jistgħu jiġġeddu għal perijodi tal-istess tul, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet relattivi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali jibqgħu jeżistu.”

    17

    L-Artikolu 16(3) tal-ftehim kollettiv applikabbli għall-għalliema u r-riċerkaturi tal-universitajiet pubbliċi Katalani għall-perijodu bejn l-10 ta’ Ottubru 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2009 jistipula:

    “F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju tal-attività professjonali sabiex wieħed ikun jista’ jieħu sehem fil-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ għalliema assoċjati, din il-kundizzjoni titqies bħala sodisfatta meta l-kandidati jagħtu prova li eżerċitaw attività professjonali għal tal-inqas sentejn matul l-aħħar erba’ snin, ma’ ħaddieħor jew għal rashom, jew skont kull modalità oħra alternattiva li dwarha kull università tista’ taqbel mal-kunsill tax-xogħol korrispondenti.”

    Il-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli għall-ħaddiema għal żmien determinat

    18

    L-Artikolu 15(3) u (5) tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar ir-Regolament tal-Ħaddiema, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet-Liġi Irjali 10/2010, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għar-riforma tas-suq tax-xogħol (Real Decreto-ley 10/2010, de medidas urgentes para la reforma del mercado de trabajo), tas-16 ta’ Ġunju 2010 (BOE Nru 147, tas-17 ta’ Ġunju 2010, p. 51699, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Ħaddiema”), fis-seħħ sa mit-18 ta’ Ġunju 2010, jipprovdi:

    “3.   Il-kuntratti temporanji konklużi b’evażjoni tal-liġi għandhom jiġu preżunti konklużi għal żmien indeterminat.

    [...]

    5.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1(a), 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-ħaddiema li ġew ingaġġati, bi jew mingħajr interruzzjoni, għal tul ta’ iktar minn [24] xahar fuq perijodu ta’ [30] xahar, sabiex jokkupaw pożizzjoni tax-xogħol identika jew differenti fi ħdan l-istess impriża jew l-istess grupp ta’ impriżi, billi jkunu kkonkludew tal-inqas żewġ kuntratti temporanji, sew jekk b’mod dirett jew permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom minn aġenziji ta’ xogħol temporanju, skont modalitajiet kuntrattwali għal żmien determinat identiċi jew differenti, jiksbu l-istatus ta’ ħaddiema permanenti.

    [...]”

    19

    Il-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, intitolata “Applikazzjoni tal-limiti tat-tul għall-kuntratt għal kompitu jew servizz partikolari u għall-kuntratti suċċessivi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi”, kif emendata bl-Artikolu 1(6) tal-Liġi 35/2010, tas-17 ta’ Settembru 2010, li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għar-riforma tas-suq tax-xogħol (BOE Nru 227, tat-18 ta’ Settembru 2010, p. 79326), li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Settembru 2010, tipprovdi:

    “1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(a), fil-qasam tat-tul massimu tal-kuntratt għal kompitu jew servizz partikolari, u tal-Artikolu 15(5), dwar il-limiti applikabbli għall-kuntratti suċċessivi, ta’ din il-liġi, jipproduċu effetti fir-rigward tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-korpi pubbliċi li għandhom rabtiet magħhom jew li jiddependu fuqhom, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza fl-aċċess għall-impjieg pubbliku, b’mod li dan ma jkunx ta’ ostakolu għall-obbligu li jimlew il-pożizzjonijiet inkwistjoni permezz tal-proċeduri ordinarji, skont id-dispożizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

    F’din il-perspettiva, il-ħaddiem iżomm il-pożizzjoni li huwa kien jokkupa sa kemm din tingħata b’applikazzjoni tal-proċeduri msemmija iktar ’il fuq, li jimmarka t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, sakemm l-imsemmi ħaddiem ma jiksibx impjieg pubbliku billi jkun għadda mill-proċedura ta’ selezzjoni korrispondenti.

    [...]

    3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu applikabbli għall-kuntratti suċċessivi previst fl-Artikolu 15(5), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kuntratti konklużi taħt il-ġurisdizzjoni ta’ kull waħda mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’esklużjoni, għal dawn l-għanijiet, tal-korpi pubbliċi, aġenziji u entitajiet oħra rregolati mid-dritt pubbliku li għandhom personalità ġuridika proprja, marbuta ma’ jew dipendenti fuq dawn tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 15(5) ma humiex applikabbli fir-rigward tal-modalitajiet partikolari tal-kuntratt ta’ xogħol imsemmija fil-Liġi [6/2001] jew fi kwalunkwe regola oħra li għandha status ta’ liġi.”

    20

    Permezz tad-Digriet Liġi Irjali 3/2012, li jistabbilixxi miżuri ta’ urġenza għar-riforma tas-suq tax-xogħol (Real Decreto-ley 3/2012 de medidas urgentes para la reforma del mercado laboral), tal-10 ta’ Frar 2012, l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament tal-Ħaddiema ġiet sospiża sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    21

    A. Márquez Samohano ffirma, mal-UPF, kuntratt ta’ xogħol sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ għalliem assoċjat part-time għall-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Settembru 2008 u d-29 ta’ Settembru 2009. Dan il-kuntratt ġie mġedded tliet darbiet, l-ewwel sal-21 ta’ Settembru 2010, imbagħad sal-21 ta’ Settembru 2011 u, fl-aħħar nett, sat-28 ta’ Lulju 2012. Matul ir-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħinijiet tax-xogħol tal-persuna kkonċernata ġew mibdula sakemm laħqu s-sitt sigħat fil-ġimgħa fl-aħħar kuntratt ta’ xogħol konkluż.

    22

    Fid-29 ta’ Ġunju 2012, l-UPF informat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li l-funzjonijiet tiegħu ser jiġu fi tmiemhom fit-28 ta’ Lulju 2012.

    23

    F’din l-aħħar data, l-imsemmi rikorrent ippreżenta talba għat-tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

    24

    Fid-29 ta’ Lulju 2012, ir-rettur tal-UPF informa lil A. Márquez Samohano li r-relazzjoni ta’ xogħol ġiet fi tmiemha dakinhar stess, peress li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat kien skada, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53 tal-Liġi 6/2001 kif ukoll tal-Artikolu 20 tad-Digriet Irjali 898/1985, u li la r-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata u lanqas l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt ma kienu, konsegwentement, ivvizzjati b’irregolaritajiet.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali kkonkluda l-ewwel kuntratt ta’ xogħol tiegħu, huwa ffirma dikjarazzjoni li skontha huwa kellu l-intenzjoni jikkonċilja l-eżerċizzju ta’ attività ta’ għalliem assoċjat ma’ dak ta’ attività professjonali fis-settur privat. Sussegwentement, A. Márquez Samohano ma ffirmax dikjarazzjonijiet oħra u qatt ma ġie mistoqsi dwar dan is-suġġett. Huwa informa wkoll lis-superjuri tiegħu li l-funzjonijiet li huwa kien qiegħed jeżerċita fl-università kienu jikkostitwixxu l-attività prinċipali tiegħu.

    26

    Fit-13 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta, quddiem il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona, azzjoni kontra l-UPF, li permezz tagħha huwa talab l-annullament tat-tkeċċija tiegħu jew, b’mod sussidjarju, il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ fondatezza tagħha. Essenzjalment, l-imsemmi rikorrent isostni li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u t-tiġdidiet ulterjuri ta’ dan tal-aħħar huma irregolari u ġew konklużi b’evażjoni tal-liġi, minħabba li, minn naħa, il-kundizzjonijiet legali li jippermettu r-reklutaġġ tiegħu bħala għalliem assoċjat ma kinux sodisfatti u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma kinux preżenti.

    27

    Fid-deċiżjoni ta’ rinviju, il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona tikkonstata li, b’differenza mil-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-universitajiet, b’mod partikolari l-Artikolu 53 tal-Liġi 6/2011, fir-rigward tar-reklutaġġ tal-għalliema assoċjati ma tinkludi ebda miżura legali ekwivalenti sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Din il-leġiżlazzjoni lanqas ma tipprevedi raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti u la timponi tul massimu totali u lanqas in-numru ta’ tiġdidiet tal-imsemmija kuntratti. B’mod partikolari, l-Artikolu 15(5) tar-Regolament tal-Ħaddiema, li jgħid li l-ħaddiema ingaġġati għal iktar minn 24 xhur fuq perijodu ta’ 30 xahar jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ma huwiex applikabbli għal din il-kawża. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-universitajiet għaldaqstant tidher li hija inkompatibbli mal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas.

    28

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fis-settur privat, meta kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun illegali, kemm minħabba użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi jew minħabba evażjoni tal-liġi, li jfisser, skont l-Artikolu 15(3) u (5) tar-Regolament tal-Ħaddiema, li dan il-kuntratt jitqies li huwa konkluż għal żmien indeterminat, ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ ssir rexissjoni tagħha mill-persuna li timpjega biss jekk issir tkeċċija bi ħlas ta’ kumpens statutorju. Għall-kuntrarju, fis-settur pubbliku, f’sitwazzjoni simili, fid-dawl tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza li għalihom huwa suġġett l-aċċess għall-impjieg pubbliku, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat hekk stabbilita tista’, skont l-Artikolu 1(2) tal-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, tiġi fi tmiemha, mingħajr il-ħlas ta’ ebda kumpens, minħabba li l-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem ikkonċernat tkun imtliet jew tneħħiet. Għalhekk, il-ħaddiema “għal żmien indeterminat” (“por tiempo indefinido”) tas-settur pubbliku b’hekk ma jistgħux jiġu assimilati ma’ ħaddiema “permanenti” (“fijos”) ta’ dan is-settur, liema ħaddiema, bħala ħaddiema ingaġġati mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis, jibbenefikaw mill-istess drittijiet, fir-rigward tal-effetti tal-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol, bħall-ħaddiema għal żmien indeterminat tas-settur privat. L-ewwel tip ta’ ħaddiema msemmija, ikklassifikati bħala “ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti” għaldaqstant huma, fil-verità, ittrattati bl-istess mod bħall-ħaddiema għal żmien determinat.

    29

    Il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti” ma jikkorrispondix għad-definizzjoni tal-“ħaddiem għal terminu fiss [żmien indeterminat]” li tinsab fil-Klawżola 3 tal-ftehim qafas, peress li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ tali ħaddiem tiġi fi tmiemha meta jseħħ avveniment partikolari. Konsegwentement, tqum mistoqsija dwar jekk ħaddiem li jaqa’ taħt l-imsemmi kunċett għandux jiġi ttrattat, f’dak li jikkonċerna d-dritt għall-benefiċċju ta’ kumpens fil-każ ta’ rexissjoni unilaterali tar-relazzjoni ta’ xogħol mill-persuna li timpjega, bl-istess mod bħal ħaddiem permanenti tas-settur pubbliku jew bħal ħaddiem għal żmien indeterminat tas-settur privat.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Il-Klawżola 5 tal-ftehim qafas [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li dispożizzjonijiet legali nazzjonali bħall-Artikoli 48 u 53 tal-Liġi [6/2001], li ma [jistabbilixxu] l-ebda limiti ratione temporis għall-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi, u filwaqt li ma teżisti l-ebda miżura ta’ dritt intern li tippermetti li jintużaw b’mod abbużiv kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi għall-għalliema tal-università, jipprekludu l-applikazzjoni tagħha?

    2)

    Il-kunċett ta’ ‘ħaddiem għal terminu fiss [għal żmien determinat]’ iddefinit fil-Klawżola 3 tal-ftehim qafas [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, li tipprovdi li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jista’ jintemm meta l-awtorità kontraenti timla l-post li huwa jkun jokkupa, tipprekludi din id-definizzjoni?

    3)

    Peress li d-dritt tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, rikonoxxuti bħala tali, li jirċievu kumpens fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt għal raġuni mhux relatata magħhom personalment jikkostitwixxi miżura xierqa fid-dritt nazzjonali sabiex jiġi evitat u sanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur privat, u peress li ma teżisti l-ebda miżura ekwivalenti fis-settur pubbliku, il-fatt li jiġi rikonoxxut lill-ħaddiema għal żmien indeterminat tas-settur privat li jirċievu l-kumpens legalment previst jikkostitwixxi miżura xierqa fis-sens tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas [...]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    31

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 5 tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet li jġeddu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi mal-għalliema assoċjati, mingħajr ebda limitazzjoni f’dak li jikkonċerna t-tul massimu u n-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti.

    32

    Il-Gvern Spanjol isostni li din id-domanda hija inammissibbli għal żewġ raġunijiet.

    33

    Minn naħa, din ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, fit-talba tiegħu mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, kulma għamel ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien li sostna li l-kuntratti ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat ġew konklużi b’evażjoni tal-liġi, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Ħaddiema, minħabba li l-kundizzjonijiet legali li jippermettu r-reklutaġġ tiegħu bħala għalliem assoċjat ma kinux sodisfatti u minħabba li ċ-ċirkustanzi previsti bil-liġi sabiex ikun jista’ jiġi konkluż kuntratt għal żmien determinat ma kinux preżenti. Issa, l-evażjoni tal-liġi ma taqax fl-iskop tal-ftehim qafas.

    34

    Min-naħa l-oħra, il-ftehim qafas ma huwiex applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema assoċjati. Fil-fatt, f’dan il-każ ma jeżisti ebda ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli, fis-sens tal-Klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż ma’ għalliem assoċjat ma jistax, min-natura tiegħu stess, isir b’mod abbużiv, fis-sens tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas. Fil-fatt, billi l-attività ta’ tali għalliem hija aċċessorja għal attività esterna ta’ speċjalist b’kompetenza rikonoxxuta, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fl-ebda każ ma jista’ jqiegħed lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà.

    35

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca, C‑290/12, punt 29).

    36

    Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minn naħa, tkun xi tkun il-formulazzjoni tad-domanda magħmula quddiem il-qorti tar-rinviju mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li dan tal-aħħar ikkonkluda numru ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li huma preċiżament is-suġġett tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas. L-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola għaldaqstant tista’ manifestament tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni li tgħid li għalliem assoċjat, bħalma huwa l-imsemmi rikorrent, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas tikkonċerna r-risposta dwar il-mertu għad-domanda magħmula u mhux l-ammissibbiltà ta’ din tal-aħħar.

    37

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

    38

    F’dak li jikkonċerna l-mertu, b’mod preliminari għandu jitfakkar li, mill-formulazzjoni stess tal-Klawżola 2(1) tal-ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod wiesa’ peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” fis-sens tal-ftehim qafas, stabbilita fil-Klawżola 3(1) tiegħu, tkopri l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega, li jkunu marbutin magħha (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 56, kif ukoll Della Rocca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    39

    Minn dan isegwi li ħaddiem bħalma huwa għalliem assoċjat ta’ università li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bilfors għandu jiġi konkluż għal żmien determinat, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas.

    40

    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, il-fatt li, għal tali ħaddiem, ma jeżistix ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli jew li dan il-ħaddiem ma jistax ikollu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi abbużivi, ma għandux rilevanza. Fil-fatt, tali kunsiderazzjonijiet huma rilevanti biss għall-għan li jiġi identifikat ksur possibbli tal-Klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas, li jirrigwardaw, rispettivament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat kif ukoll il-miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Għall-kuntrarju, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, liema kamp ta’ applikazzjoni huwa ddefinit fil-Klawżola 2(1) moqrija flimkien mal-Klawżola 3(1) ta’ dan il-ftehim qafas.

    41

    Għandu jitfakkar li l-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandha l-għan li timplementa wieħed mill-għanijiet imħaddna minn dan il-ftehim, jiġifieri li jiġi limitat l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minimi intiżi sabiex tiġi evitata l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara s-sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071, punt 73; kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C-586/10, punt 25).

    42

    B’hekk, din id-dispożizzjoni tal-ftehim qafas timponi fuq l-Istati Membri, bl-għan li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ minn tal-inqas waħda mill-miżuri elenkati minnha, meta d-dritt intern tagħhom ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri stabbiliti b’dan il-mod fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, jittrattaw rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi, u n-numru ta’ tiġdid ta’ dawn (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 74, kif ukoll Kücük, punt 26).

    43

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni applikabbli għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-istatuti tal-UPF, ma tinkludi ebda miżura legali ekwivalenti, fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, u ma timponi ebda limitu f’dak li jikkonċerna kemm it-tul massimu totali kif ukoll in-numru ta’ tiġdidiet tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mill-universitajiet mal-għalliema assoċjati, bis-saħħa tal-imsemmija Klawżola 5(1)(b) u (ċ).

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat sa fejn it-tiġdid ta’ tali kuntratti ta’ xogħol jista’ jiġi ġġustifikat minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas.

    45

    Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” għandu jinftiehem bħala li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Kücük, punt 27).

    46

    Għall-kuntrarju, dispożizzjoni nazzjonali li kulma tagħmel huwa li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt, permezz ta’ regola leġiżlattiva jew regolament, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti hekk kif ippreċiżati fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Kücük, punt 28).

    47

    Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti effettivament jissodisfax bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-għan. Din id-dispożizzjoni għalhekk tinvolvi riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punti 98 u 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Kücük, punt 29).

    48

    Madankollu, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-konklużjoni u t-tiġdid, mill-universitajiet, ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ għalliema assoċjati, bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, huma ġġustifikati min-neċessità li t-twettiq, fuq bażi part-time, ta’ kompiti ta’ tagħlim partikolari jiġu fdati lil “speċjalisti ta’ kompetenza rikonoxxuta” li jeżerċitaw attività professjonali barra mill-qasam universitarju, sabiex dawn joffru l-konoxxenzi tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom lill-università, billi b’hekk jistabbilixxu sħubija bejn il-qasam tat-tagħlim universitarju u l-qasam professjonali. Skont din il-leġiżlazzjoni, tali għalliem assoċjat irid ikun eżerċita attività professjonali mħallsa abbażi tad-diploma miksuba minnu, għal perijodu minimu ta’ diversi snin matul perijodu stabbilit preċedenti għar-reklutaġġ tiegħu mill-università. Il-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni huma, barra minn hekk, konklużi u mġedda bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet relattivi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali jibqgħu jeżistu u huma għandhom jintemmu meta l-għalliem assoċjat ikkonċernat jilħaq l-età tal-irtirar.

    49

    B’hekk jidher, bla ħsara għall-verifika li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, billi din tal-aħħar biss għandha l-ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dritt nazzjonali, li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi preċiżi u konkreti li fihom, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jiġu konklużi u mġedda għall-finijiet tal-impjieg ta’ għalliema assoċjati u li hija tissodisfa bżonn reali.

    50

    B’mod partikolari, tali kuntratti temporanji jidhru li huma ta’ natura li jilħqu l-għan imfittex, li jikkonsisti f’li jiġi arrikkit it-tagħlim universitarju, f’oqsma partikolari, permezz tal-esperjenza ta’ speċjalisti rikonoxxuti, peress li dawn il-kuntratti jippermettu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp kemm tal-kompetenzi tal-persuni kkonċernati fl-oqsma kkonċernati kif ukoll tal-bżonnijiet tal-universitajiet.

    51

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, minkejja li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, il-ftehim qafas stess jirrikonoxxi, hekk kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet paragrafi tal-preambolu tiegħu kif ukoll mill-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, li l-kuntratti għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċertu setturi jew għal ċerti xogħlijiet jew attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 86, u tal-15 ta’ Marzu 2012, Sibilio, C‑157/11, punt 38).

    52

    Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, sabiex tiġi rreklutata bħala għalliem assoċjat, il-persuna kkonċernata bilfors għandha teżerċita attività professjonali barra mill-università u hija tista’ biss twettaq il-kompiti ta’ tagħlim tagħha fuq bażi part-time, lanqas ma jidher li tali kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, bħala tali, jista’ jikkawża preġudizzju għall-għan tal-ftehim qafas, li huwa dak li jiġu protetti l-ħaddiema kontra l-instabbiltà fil-qasam tal-impjieg.

    53

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif sostnew il-persuni kkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet iġeddu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma’ xi għalliema assoċjati, tidher, bla ħsara għal verifikazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li tikkonforma mal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas.

    54

    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm ir-raġuni oġġettiva prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, bħala prinċipju, tiġi aċċettata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu li l-applikazzjoni konkreta ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-attività kkonċernata u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, tkun konformi mal-eżiġenzi tal-ftehim qafas. Waqt l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tal-liġi nazzjonali, dawn l-awtoritajiet għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiddeterminaw kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jivverifikaw jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti effettivament jissodisfax bżonn reali, u jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-għan (ara s-sentenza Kücük, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex ikopru bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja iżda, għall-kuntrarju, permanenti u li jdumu fiż-żmien, ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kücük, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    56

    Fil-fatt, tali użu tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat il-ftehim qafas, jiġifieri li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, minkejja li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 61, u Kücük, punt 37).

    57

    L-uniċi ċirkustanzi fejn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema assoċjati jiġġeddu bl-għan li jiġi kopert bżonn rikorrenti jew permanenti tal-universitajiet fil-qasam, u fejn tali bżonn jista’ jiġi sodisfatt permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ma humiex, madankollu, ta’ natura li jeskludu l-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, peress li n-natura tal-attività ta’ tagħlim inkwistjoni u l-karatteristiċi inerenti għal din l-attività jistgħu jiġġustifikaw, fil-kuntest inkwistjoni, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Minkejja li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-għalliema assoċjati jkopru bżonn permanenti tal-universitajiet, sa fejn l-għalliem assoċjat, permezz ta’ tali kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, iwettaq kompiti definiti sew li jagħmlu parti mill-attivitajiet abitwali tal-universitajiet, madankollu jibqa’ l-fatt li l-bżonn fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ għalliema assoċjati jibqa’ temporanju peress li l-għalliem huwa meħtieġ ikompli bl-attività professjonali tiegħu full-time fi tmiem il-kuntratt tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kücük, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 50).

    58

    Għall-kuntrarju, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġġeddu bl-għan li jitwettqu b’mod permanenti u li jdumu fiż-żmien, għalkemm part-time, kompiti ta’ tagħlim li normalment jagħmlu parti mill-attività tal-persunal ordinarju li jgħallem.

    59

    Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi l-qrati nazzjonali, li għandhom jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-osservanza tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, u dan billi jivverifikaw b’mod konkret li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi ma’ għalliema assoċjati huwa intiż sabiex ikopri l-bżonnijiet provviżorji u li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex użata, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien tal-universitajiet fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal li jgħallem (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 106, u Kücük, punt 39).

    60

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Klawżola 5 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet li jwettqu tiġdidiet tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma’ għalliema assoċjati, mingħajr ebda limitu f’dak li jikkonċerna t-tul massimu u n-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti, peress li tali kuntratti huma ġġustifikati minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-paragrafu 1(a) ta’ din il-klawżola, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, hija wkoll din il-qorti li għandha tivverifika b’mod konkret li, fil-kawża prinċipali, it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi inkwistjoni effettivament kien intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntużatx, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal li jgħallem.

    Fuq it-tieni u t-tielet domandi

    61

    Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, tal-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, li tgħid li l-ħaddiema tas-settur pubbliku li jkunu ġew impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jkunu qabżu t-tul massimu stabbilit fl-Artikolu 15(5) ta’ dan ir-regolament huma suġġetti għas-sistema partikolari tal-ħaddiema “għal żmien indeterminat mhux permanenti”, li skontha, meta l-persuna li timpjega timla l-pożizzjoni tagħhom b’applikazzjoni tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni, ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tintemm awtomatikament, mingħajr ma huma jkollhom dritt għall-ħlas ta’ kumpens, filwaqt li kemm il-ħaddiema għal żmien indeterminat tas-settur privat kif ukoll il-ħaddiema permanenti tas-settur pubbliku jkollhom dritt, f’każ simili, għall-benefiċċju ta’ kumpens għat-tkeċċija.

    62

    Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif sostnew il-partijiet ikkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-mistoqsijiet ma humiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li dawn huma ta’ natura ipotetika.

    63

    Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, il-qorti tar-rinviju stess indikat fid-deċiżjoni tagħha, hekk kif jirriżulta mill-punti 27 u 43 tas-sentenza preżenti u hekk kif tippostula l-formulazzjoni tal-ewwel domanda, li t-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, kif prevista fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament tal-Ħaddiema, ma hijiex applikabbli għal għalliem assoċjat, bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali.

    64

    Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, it-tieni u t-tielet domandi huma inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    65

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet li jwettqu tiġdidiet tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma’ għalliema assoċjati, mingħajr ebda limitu f’dak li jikkonċerna t-tul massimu u n-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti, peress li tali kuntratti huma ġġustifikati minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-paragrafu 1(a) ta’ din il-klawżola, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, hija wkoll din il-qorti li għandha tivverifika b’mod konkret li, fil-kawża prinċipali, it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi inkwistjoni effettivament kien intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntużatx, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal li jgħallem.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top