EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0171

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) ta* 14 ta’ Jannar 2015.
Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv) vs M.S. Demirci et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE — Turkija — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Tneħħija ta’ klawżoli ta’ residenza– Benefiċċji supplimentari mogħtija abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali — Kundizzjoni ta’ residenza — Applikazzjoni għall-ex ħaddiema Torok — Ċittadini Torok li kienu kisbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti.
Kawża C-171/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:8

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE — Turkija — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Tneħħija ta’ klawżoli ta’ residenza — Benefiċċji supplimentari mogħtija abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali — Kundizzjoni ta’ residenza — Applikazzjoni għall-ex ħaddiema Torok — Ċittadini Torok li kienu kisbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti”

Fil-Kawża C‑171/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ April 2013, fil-proċedura

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv)

vs

M.S. Demirci,

D. Cetin,

A.I. Önder,

R. Keskin,

M. Tüle,

A. Taskin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv), minn I. Eijkhout, bħala aġent,

għal M. Demirci, minn F. Kiliç, avukat,

għal Cetin u Önder, minn N. Türkkol, avukat,

għal M. Keskin, minn D. Schaap, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej lil ħaddiema Torok u lil membri tal-familja tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjonali Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li stabbilixxa Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10), iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv) (il-Kunsill ta’ amministrazzjoni tal-Istitut responsabbli mis-sigurtà soċjali tal-ħaddiema impjegati) u ex ħaddiema Torok, li kollha kisbu n-nazzjonalità Olandiża, dwar id-deċiżjoni tal-Uwv li ċċaħħadhom gradwalment minn suppliment għall-pensjoni tagħhom ta’ inkapaċità għax-xogħol minħabba ċ-ċaqliq tad-domiċilju tagħhom mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn it-Turkija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3

Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Il-Partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex jinkiseb gradwalment bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Protokoll Addizzjonali

4

Il-Protokoll Addizzjonali li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jagħmel parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmi tat-twettiq tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim.

5

Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, bit-titolu “Moviment ta’ persuni u ta’ servizzi”, li l-Kapitolu I tiegħu jikkonċerna “[i]l-ħaddiema”.

6

L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jagħmel parti minn dan il-Kapitolu I, jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ser jitwettaq gradwalment, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn l-aħħar tat-tnax-il sena u tal-aħħar tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar il-modalitajiet neċessarji għal dan il-għan.

7

L-Artikolu 39(1) tal-Protokoll Addizzjonali huwa redatt kif ġej:

“1.   Qabel it-tmiem ta’ l-ewwel sena wara d-dħul b’effett ta’ dan il-Protokoll, il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu jadotta miżuri ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka li jiċċaqilqu fil-Komunità u għall-familji tagħhom li jabitaw fil-Komunità.

2.   Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiffaċilitaw lill-ħaddiema ta’ nazzjonalita Torka, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom ikunu stabbiliti, il-perijodu aggregati għall-assigurazzjoni jew l-impieg imwettqa fi Stati Membri ndividwali fir-rigward tal-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjonijiet ta’ l-invalidità, u wkoll fir-rigward tal-provvediment tas-servizzi tas-saħħa għal ħaddiema u l-familji tagħhom li jabitaw fil-Komunità. Dawn il-miżuri m’għandhomx joħolqu l-ebda obligazzjoni fuq l-Istati Membri sabiex jikkonsidraw il-perijodi mwettqa fit-Turkija.

3.   Il-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jassiguraw li l-benefiċji tal-familja ikunu mħallsa jekk il-familja tal-ħaddiem tkun tabita fil-Komunità.

4.   Għandu jkun possibbli li tkun trasferita lejn it-Turkija l-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjoni ta’ l-invalidità akwistati permezz tal-miżuri adotti permezz tal-paragrafu 2.

5.   Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Art[i]kolu m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obligi li joriġinaw mill-ftehim bilaterali bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa kemm dawn il-ftehim jipprovdu għal arranġamenti aktar favorevoli għal ċittadini Torok.”

8

L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi [t-Trattat KE].”

Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

9

Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-assoċjazzjoni, fl-Artikolu 6(1) tagħha tipprovdi li:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jappartjeni għas-suq legali tal-impjieg ta’ Stat Membru:

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ xogħol legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess persuna li timpjega, jekk din ikollha xogħol x’toffri;

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ xogħol legali u bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna oħra li timpjega tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartiment tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ xogħol regolari, minn aċċess liberu għal kull attività mħallsa tal-għażla tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tal-impjieg ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

għandhom id-dritt, — bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità — li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

għandhom igawdu aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg bi ħlas li jagħżlu huma kemm-il darba jkun ilhom residenti hemmhekk legalment għal mill-inqas ħames snin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni Nru 3/80

11

Id-Deċiżjoni Nru 3/80, li ġiet adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali, hija intiża li tikkoordina l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri sabiex il-ħaddiema Torok li jaħdmu jew li ħadmu f’wieħed jew iktar mill-Istati Membri tal-Komunità, kif ukoll il-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema u s-superstiti tagħhom, jibbenefikaw mill-benefiċċji fl-oqsma tradizzjonali tas-sigurtà soċjali.

12

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Persuni koperti”:

“Din id-deċiżjoni għandha tapplika għal:

għall-ħaddiema li huma jew li kienu suġġetti għal-liġi ta’ wieħed jew iktar Stati Membri u li huma ta’ ċittadinanza Torka,

għall-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema, li huma residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri,

għas-superstiti ta’ dawn il-ħaddiema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Ugwaljanza fit-trattament”, u li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu li temenda u taġġorna bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), jipprovdi li:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ din id-deċiżjoni, persuni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih tapplika din id-deċiżjoni jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Materji koperti”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jistabbilixxi:

“1.   Din id-deċiżjoni għandha tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

a)

benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)

benefiċċji tal-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);

ċ)

benfiċċji tax-xjuħija;

d)

benefiċċji tas-superstiti;

e)

benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkawżat mix-xogħol;

f)

għotijiet minħabba mwiet;

g)

benefiċċji tal-qgħad;

h)

benefiċċji tal-familja.

2.   Din id-deċiżjoni għandha tapplika għall-iskemi kollha u speċjali ta’ sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza [...]”, huwa fformulata kif ġej:

“Għajr fejn ipprovdut xorta oħra f’din id-deċiżjoni, il-benefiċċji fi flus għall-invalidità, ix-xjuħija jew is-superstiti, il-pensjonijiet għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard ikkaġunat mix-xogħol u għotjiet għall-imwiet miksuba skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar għandhom ikunu bla ħsara għal kull tnaqqis, modifika, żamma, treġġigħ lura jew konfiska minħabba l-fatt illi min jirċevihom jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

It-Titolu III tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Dispożizzjonijiet partikolari għall-kategoriji differenti ta’ benefiċċji”, jinkludi d-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni, iggwidati mir-Regolament Nru 1408/71, dwar b’mod partikolari l-benefiċċji ta’ invalidità, tax-xjuħija u fil-każ ta’ mewt (pensjonijiet).

Ir-Regolament Nru 1408/71

17

Ir-Regolament Nru 1408/71 jinkludi Artikolu 3, bit-titolu “Trattament Ugwali [Ugwaljanza fit-trattament], li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat.”

18

L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-materji koperti minnu billi jipprovdi s-segwenti:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

(a)

benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

(b)

benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);

(ċ)

benfiċċji tax-xjuħija;

(d)

benefiċċji tas-superstiti;

(e)

benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard kawżat mix-xogħol;

(f)

għotijiet minħabba mwiet;

(g)

benefiċċji tal-qgħad;

(h)

benefiċċji familjari/tal-familja.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-iskemi kollha u speċjali ta’ sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji [...]”

19

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1247/92 tal-Kunsill, tat-30 ta’ April 1992, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 41), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1992, żied paragrafu 2a mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li huma pprovduti taħt leġislazzjoni jew skemi li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1 jew esklużi permezz tal-paragrafu 4, billi dawn il-benefiċċji huma maħsuba:

(a)

jew sabiex jipprovdi protezzjoni supplimentari, sostitwita jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-friegħi ta’ sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (h), jew

(b)

unikament bħala protezzjoni speċifika għall-persuni b’diżabilità.”

20

Wara l-emenda tiegħu permezz tar-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117 , p. 1), dan l-Artikolu 4(2)a, issa jipprovdi li:

“Dan l-Artikolu għandu japplika għall-benefiċċji ta’ flus speċjali [benefiċċji speċjali fi flus] u mhux kontributorji provduti f’liġi li, minħabba l’ambitu personali tagħha, l-għanijiet tagħha u/jew il-kundizzjonijiet għal dritt taħtha, għandha l-karatteristiċi kemm tal-liġi dwar is-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll ta’ assistenza soċjali.

Benefiċċji ta’ flus speċjali [benefiċċji speċjali fi flus] u mhux kontributorji’ tfisser dawk li:

a)

huma ntiżi sabiex jipprovdu jew:

i)

assigurazzjoni supplimentari, sostituttiva jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-oqsma tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1, u li jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati dħul minimu għas-sussistenza waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru ikkonċernat; jew

(ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabbiltà, li jkollha x’taqsam mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna msemmija fl-Istat Membru kkonċernat, u

b)

fejn il-finanzjament ikun derivat esklużivament minn tassazzjoni obbligatorja maħsuba sabiex tkopri l-infiq ġenerali pubbliku u l-kondizzjonijiet sabiex jipprovdu u jikkalkolaw il-benefiċċji mhumiex dipendenti minn kwalunkwe kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċċji provduti sabiex jiġi supplimentat benefiċċju kontributorju m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji kontributorji għal din ir-raġuni waħedha; u

ċ)

huma elenkati fl-Anness IIa.”

21

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71:

“Għajr fejn provdut xorta oħra f’dan ir-Regolament, il-benefiċċji fi flus għall-invalidità, ix-xjuħija jew is-sopravivenza, il-pensjonijiet għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard kawżat mix-xogħol u għotjiet għall-imwiet miksuba skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar għandhom ikunu bla ħsara għal kull tnaqqis, modifika, żamma, treġġigħ lura jew konfiska minħabba l-fatt illi min jirċevihom jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.”

22

L-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 1408/71, inkluż bir-Regolament Nru 1247/92, kien ifformulat kif ġej:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u t-Titolu III, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom jingħataw benefiċċji speċjali monetarji mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a) esklussivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jirrisjedu, skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat, basta dawk il-benefiċċji huma mniżżla fl-Anness IIa. Benefiċċji bħal dawn għandhom jingħataw minn, u a spejjeż ta’, l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

23

Dan l-Artikolu 10a(1), kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005, issa jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u tat-Titolu III m’għandhomx japplikaw għall-benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a). Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom jirċievu dawn il-benefiċċji esklużivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jirrisjedu u skond il-liġi ta’ dak l-Istat, sakemm dawn il-benefiċċji jkunu msemmija fl-Anness IIa. Il-benefiċċji għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza u bi spejjeż tagħha”.

Id-dritt Olandiż

24

Fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Liġi dwar l-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni għal inkapaċità għax-xogħol (Wet op de arbeidsongeschiktheidsverzekering, iktar ’il quddiem il-“WAO”), fis-seħħ mill-1966, tistabbilixxi l-assigurazzjoni għall-ħaddiema impjegati kontra l-inkapaċità għax-xogħol.

25

Il-Liġi dwar is-supplimenti (Toeslagenwet), tas-6 ta’ Novembru 1986 (iktar ’il quddiem it-“TW”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1987, hija intiża li tagħti lill-persuni li jirċievu, abbażi ta’ assigurazzjoni soċjali bħal dik implementata bil-WAO (fuq l-istess bażi bħal, b’mod partikolari, l-assigurazzjoni kontra l-qgħad, dik kontra l-mard u dik kontra l-inċidenti fuq il-post ta’ xogħol), allowance għal telf fis-salarju li huwa inqas mis-salarju minimu, benefiċċju supplimentari intiż li jqiegħed id-dħul ta’ sostituzzjoni tagħhom fuq livell li, fl-ogħla livell, jilħaq dak tas-salarju minimu fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“benefiċċju supplimenti”). Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, dan il-benefiċċju supplimentari kien iffissat għal 30 % ta’ dan is-salarju minimu, b’mod li dawk li kellhom dritt u li kienu jirċievu allowance ta’ invalidità li kien 70 % inqas mill-imsemmi salarju kellhom dħul li kien inqas mis-salarju minimu. Il-Uwv tistabbilixxi, fuq talba tal-persuna kkonċernata, l-eżistenza ta’ dritt għal suppliment abbażi tat-TW.

26

Il-Liġi dwar ir-restrizzjoni fl-esportazzjoni tal-allowances (Wet beperking export uitkeringen), tas-27 ta’ Mejju 1999 (iktar ’il quddiem il-“BEU”), introduċiet fit-TW Artikolu 4a ġdid, li l-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi li l-persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mill-allowances abbażi ta’ din il-liġi tal-aħħar ma għandhiex dritt għalihom matul il-perijodu li fih ma tkunx residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din tispeċifika li l-esportazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni hija possibbli biss sakemm ikun hemm ftehim bilaterali konkluż mal-Istat ta’ residenza tal-parti kkonċernata li jiggarantixxi l-applikazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni Olandiża.

27

Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-BEU, din l-emenda tal-TW kienet intiża li tissostitwixxi l-prinċipju ta’ personalità mal-prinċipju ta’ territorjalità sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta’ kontroll tal-allowances mogħtija lill-benefiċjarji residenti barranin. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Olandiż invoka wkoll insostenn tal-imsemmija emenda n-natura tal-benefiċċju supplimentari maħsub sabiex jiżgura l-minimu vitali fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-fatt li l-finanzjament tal-benefiċċju huwa żgurat mill-baġit tal-Istat.

28

L-emenda msemmija iktar ’il fuq tat-TW daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000.

29

Madankollu, ġiet stabbilita skema tranżitorja, li permezz tagħha l-persuni li għandhom dritt, fid-data li fiha daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida, għall-allowances stabbiliti bit-TW u li, f’din id-data, ma humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi:

“1

jirċievu l-ħlas [sħiħ] tal-ammont li għalih huma għandhom dritt li kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi [jiġifieri matul is-sena 2000];

2.

jirċievu ħlas li jammonta għal żewġ terzi tal-ammont li għalih huma għandhom dritt li kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul it-tieni sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi [jiġifieri matul is-sena 2001];

3.

jirċievu ħlas li jammonta għal terz tal-ammont li għalih huma għandhom dritt li kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul it-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi [jiġifieri matul is-sena 2002].”

30

Għas-snin sussegwenti, il-benefiċċju tneħħa kompletament għall-persuni li ma humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

31

Ir-Regolament Nru 647/2005 żied it-TW, kif emendata bil-BEU b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, mal-lista ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji li tinsab fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1247/92, benefiċċji speċjali li għalihom l-obbligu ta’ esportazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax, skont l-Artikolu 10a ta’ dan ir-regolament.

32

Sussegwentement, żiedet mat-TW, b’effett mis-7 ta’ Diċembru 2006, dispożizzjoni tranżitorja ġdida favur persuni li ma humiex residenti fil-pajjiżi l-Baxxi, iżda fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Isvizzera, li permezz tagħha dawn il-persuni, kemm-il darba dawn għandhom, fil-jum qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 647/2005, id-dritt għal allowances skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71,

jirċievu, matul is-sena 2007, il-ħlas sħiħ tal-ammont li għalih huma kien ikollhom dritt kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi;

jirċievu, matul is-sena 2008, ħlas li jammonta għal żewġ terzi tal-ammont li għalih huma kien ikollhom dritt kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi;

jirċievu, matul is-sena 2009, ħlas li jammonta għal terz tal-ammont li għalih huma kien ikollhom dritt kieku għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

33

Għall-imsemmija persuni, il-benefiċċju tneħħa kompletament mill-1 ta’ Jannar 2010.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

34

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma ex ħaddiema Torok li kienu jifformaw parti mis-suq legali tal-impjieg Olandiż, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

35

Dawn, li ntlaqtu minn invalidità, talbu u kisbu, qabel l-2000, il-benefiċċju ta’ allowance abbażi tal-WAO mogħtija mill-Istat Olandiż.

36

Peress li l-ammont tal-imsemmi allowance kien inqas mis-salarju minimu, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kisbu wkoll, skont it-TW fil-verżjoni tagħha fis-seħħ qabel l-2000, il-ħlas ta’ benefiċċju supplimentari, li kien maħsub sabiex jiżguralhom dħul li l-livell tiegħu jkun kemm jista’ jkun qrib is-salarju minimu.

37

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali marru lura għand il-familja tagħhom fit-Turkija, wara li kisbu n-nazzjonalità Olandiża. Dawn il-konvenuti komplew jirċievu l-allowance abbażi tal-WAO u l-benefiċċju supplimentari, skont l-Artikolu 39(4) tal-Protokoll Addizzjonali.

38

Skont l-emenda tat-TW bil-BEU li daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2000, l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi ddeċidew, skont l-iskema tranżitorja msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, fuq it-tneħħija progressiva, b’rata ta’ terz fis-sena li bdiet tiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2001, tal-benefiċċju supplimentari li kien mħallas sa din id-data lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, b’tali mod li huma ma baqgħux jirċievu b’mod definittiv din l-allowance mill-1 ta’ Lulju 2003.

39

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi kontra dawn id-deċiżjoni tal-Uwv.

40

Wara li r-Rechtbank Amsterdam annullat l-imsemmija deċiżjonijiet permezz ta’ sentenzi tad-19 ta’ Marzu u tat-23 ta’ Awwissu 2004, l-Uwv appellat kontrihom quddiem is-Centrale Raad van Beroep. Fil-kuntest tal-proċeduri quddiemha, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Matul dan il-perijodu, il-Uwv ħadet deċiżjonijiet ġodda fir-rigward ta’ kull wieħed mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħhom dawn tal-aħħar ingħataw il-ħlas tal-benefiċċju supplimentari bir-rata sħiħa mill-1 ta’ Lulju 2003, u dan sat-tneħħija progressiva tagħha, jiġifieri, skont il-każ, mix-xahar ta’ Mejju 2004, ta’ Ġunju 2004 jew ta’ Jannar 2007. Il-qorti tar-rinviju kellha wkoll ġurisdizzjoni permezz ta’ evokazzjoni li tisma’ r-rikors tal-konvenuti fil-kawża prinċipali kontra dawn id-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Uwv.

41

Fis-26 ta’ Mejju 2011, fis-sentenza tagħha Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fir-rigward tal-ħaddiema li kienu bbenefikaw, abbażi tat-TW, mill-istess benefiċċji supplimentari bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali, iżda li, bid-differenza ta’ dawn tal-aħħar, kellhom biss in-nazzjonalità Torka li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 4a tat-TW, tneħħi benefiċċju bħalma huwa l-benefiċċju supplimentari, mogħti abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward ta’ ex ħaddiema migranti Torok ladarba dawn jirritornaw lura lejn it-Turkija wara li jkunu tilfu d-dritt ta’ soġġorn tagħhom fl-Istat Membru ospitanti minħabba l-fatt li huma kienu ntlaqtu minn invalidità f’dan l-Istat Membru.”

42

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali ħadu pożizzjoni fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn din is-sentenza għal dak li jikkonċerna l-kawża li hemm bejniethom.

43

B’mod partikolari, qamet il-kwistjoni dwar jekk is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Akdas et (EU:C:2011:346) hijiex applikabbli fil-kuntest ta’ din il-kawża, fid-dawl tal-fatt li l-konvenuti mhux biss għandhom in-nazzjonalità Torka iżda wkoll in-nazzjonalità Olandiża.

44

F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 3/80, b’riferiment għall-Artikolu 59 tal-protokoll addizzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lis-sistema legali ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 4a TW li jirrevoka [l-benefiċċju] addizzjonali, mogħti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta l-benefiċjarji tiegħu ma għadhomx iktar residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat anki jekk kisbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żammew in-nazzjonalità Torka?

2)

Jekk, fir-risposta għall-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jinvokaw l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 3/80, iżda fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 59 tal-[P]rotokoll [A]ddizzjonali: l-Artikolu 59 tal-[P]rotokoll [A]ddizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jkompli jingħata l-benefiċċju addizzjonali liċ-ċittadini ta’ nazzjonalità Torka [li kisbu wkoll in-nazzjonalità Olandiża] mill-mument meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tippermettix iktar liċ-ċittadini tal-Unjoni jitolbu dan anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ppermettiet liċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu intitolati għal dan il-benefiċċju għal perijodu itwal ta’ żmien?”

Fuq id-domandi preliminari

45

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċittadini Olandiżi li kisbu n-nazzjonalità Olandiżi wara li kienu aċċedew is-suq tal-impjieg tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti bid-Deċiżjoni Nru 1/80, jistgħux jibqgħu jinvokaw, minħabba li huma żammew in-nazzjonalità Torka, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/80, sabiex jinnewtralizzaw il-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru imposta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ħlas ta’ benefiċċju speċjali mhux kontributorji, fis-sens tal-Artikolu 4(2)a tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005.

46

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li l-partijiet kontraenti ftiehmu li jiġu ggwidati mill-Artikoli 48, 49 u 50 tat-Trattat KEE sabiex gradwalment jiġi assigurat il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom. Barra minn hekk, l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istat Membri tal-Komunità u t-Turkija għandu jiġi żgurat b’fażijiet progressivi skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

47

F’dan il-kuntest, id-Deċiżjonijiet Nri 1/80 u 3/80 jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

48

Rigward id-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din hija essenzjalment immirata lejn l-integrazzjoni progressiva tal-ħaddiema Torok fi-territorju tal-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 90).

49

Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu bħala għan li jikkonsolida progressivament is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Payir et, C‑294/06, EU:C:2008:36, punt 37).

50

Rigward id-Deċiżjoni Nru 3/80, l-Artikolu 3(1) tagħha jikkostitwixxi l-implementazzjoni u l-konkretizzazzjoni, fil-qasam partikolari tas-sigurtà soċjali, tal-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (sentenza Akdas et, EU:C:2011:346, punt 98).

51

Huwa paċifiku li l-konvenuti fil-kawża prinċipali bbenefikaw minn drittijiet li jirrikonoxxulhom id-dispożizzjonijiet tar-reġim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija bħala ħaddiema Torok li kienu jifformaw parti mis-suq legali tal-impjieg Olandiż. Minħabba inkapaċità permanenti għax-xogħol, dawn tal-aħħar saru eliġibbli għall-ħlas tal-benefiċċju supplimentari taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, huma kisbu n-nazzjonalità Olandiża, filwaqt li żammew in-nazzjonalità Torka.

52

F’tali ċirkustanzi, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq id-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex joġġezzjonaw għar-rekwiżit ta’ residenza li għalih il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-ħlas tal-benefiċċju supplimentari inkwistjoni.

53

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-fatt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kisbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti bħala ħaddiema Torok tqiegħedhom f’sitwazzjoni speċifika ħafna, speċjalment fid-dawl tal-għanijiet tar-reġim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija.

54

Minn naħa, għal dak li jikkonċerna l-għan ta’ integrazzjoni li jsegwi dan ir-reġim ta’ assoċjazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-akkwist tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti jirrappreżenta, fil-prinċipju, l-iktar livell ta’ integrazzjoni tal-ħaddiem Tork għoli miksub fl-Istat Membru ospitanti.

55

Min-naħa l-oħra, l-akkwist tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru jinvolvi, għaċ-ċittadini Torok, il-konsegwenzi legali marbutin mhux biss mal-pussess ta’ din in-nazzjonalità, iżda wkoll, bħala korollarju, maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, inkluż b’mod partikolari d-dritt ta’ soġġorn u l-moviment liberu.

56

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bid-differenza mill-ħaddiema tal-Istati Membri, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx minn moviment liberu ġewwa l-Komunità, iżda jistgħu jgawdu biss minn ċerti drittijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenzi Tetik, C‑171/95, EU:C:1997:31, punt 29, u Derin, C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 66).

57

Għalhekk, xejn ma jiġġustifika li ċ-ċittadin Tork, li r-reġim legali tiegħu neċessarjament inbidel mill-mument tal-akkwist tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, ma jiġix ittrattat mill-imsemmija Stat esklużivament bħala ċittadin ta’ dan l-Istat għall-ħlas ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

58

Fit-tieni lok, tali konstatazzjoni hija ħafna iktar neċessarja peress li l-eżenzjoni mill-kundizzjoni ta’ residenza għall-ħlas tal-benefiċċju supplimentari, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 3/80, ta’ ċittadini ta’ Stat Membru li akkwistaw hemmhekk in-nazzjonalità wara li ntlaqgħu hemmhekk bħala ħaddiema Torok, filwaqt li żammew in-nazzjonalità Torka, twassal għal differenza ta’ trattament inġustifika doppja.

59

Għaldaqstant, il-persuni li jinsabu fis-sitwazzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu trattati b’mod iktar favorevoli, minn naħa, mill-ħaddiema Torok li ma jibbenefikawx min-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti u li, peress li huma ma kinux jifformaw iktar parti mis-suq legali tal-impjieg ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jibbenefikawx iktar minn dritt ta’ soġġorn hemmhekk. Min-naħa l-oħra, dawn il-persuni jkunu f’pożizzjoni iktar favorevoli miċ-ċittadini tal-Istat Membri ospitanti jew ta’ Stat Membru ieħor li jibbenefikaw, ċertament, minn reġim favorevoli fir-rigward ta’ soġġorn u ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni, iżda jibqgħu suġġetti għall-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ħlas tal-benefiċċju supplimentari.

60

Għalhekk, iċ-ċittadini ta’ Stat Membri li, bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali, kisbu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat wara li kienu aċċedew bħala ħaddiema Torok is-suq legali tal-impjieg tal-imsemmi Stat fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 filwaqt li żammew in-nazzjonalità Torka ma jistgħux jinvokaw id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex jostakolaw ir-rekwiżit ta’ residenza prevista mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmija Stat meħtieġ għall-ħlas ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

F’dan ir-rigward, il-kawża prinċipali għandha tiġi distinta minn dik li tat lok għas-sentenza Akdas et (EU:C:2011:346).

62

Din is-sentenza tikkonċerna fil-fatt ċittadini Torok li kienu jifformaw parti mis-suq legali tal-impjieg Olandiż u li kienu meħtieġa jittrasferixxu r-residenza tagħhom fit-Turkija minħabba inkapaċità permanenti għax-xogħol.

63

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, peress li ċittadin Tork li kien jifforma parti mis-suq legali tal-impjieg ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma setax jislet minn din id-deċiżjoni dritt li jibqa’ residenti fit-territorji ta’ dan l-Istat Membru wara li jkun ġarrab inċident fuq il-post tax-xogħol, peress li huwa ma setax jitqies, fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, li tali ċittadin ħalla volontarjament l-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akdas et, EU:C:2011:346, punti 93 u 94).

64

Fil-fatt, huwa paċifiku li d-dritt ta’ soġġorn taċ-ċittadin Tork kif inhu ggarantit, impliċitament iżda neċessarjament, mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, bħala korollarju tal-eżerċizzju ta’ impjieg legali, jispiċċa jekk il-persuna kkonċernata tkun vittma ta’ inkapaċità għax-xogħol totali jew permanenti (sentenza Bozkurt, C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 40).

65

Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li kienu kisbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, ma humiex suġġetti iktar, fir-rigward ta’ dritt ta’ soġġorn, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru1/80. Għaldaqstant, huma jibqgħu eliġibbli għall-ħlas tal-benefiċċju supplimentari, peress li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari dik marbuta mar-residenza.

66

Din il-konklużjoni ma titqiegħedx inkwistjoni mill-prinċipji li joħorġu mis-sentenza Kahveci u Inan (C-7/10 et C‑9/10, EU:C:2012:180), b’kont meħud għall-fatti speċifiċi inerenti għall-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li huma differenti minn dawk tal-kawża prinċipali.

67

Għalhekk, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja inkwistjoni fl-imsemmija sentenza, intiż, minn naħa, sabiex jippermetti l-preżenza ta’ membri tal-familja tal-ħaddiem migrant għand dan tal-aħħar, sabiex b’hekk jiffavorixxi, permezz ta’ riunifikazzjoni tal-familja, l-impjieg u r-residenza tal-ħaddiem Tork diġà legalment integrat fl-Istat Membru ospitant (Kahveci u Inan, EU:C:2012:180, punt 32). Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ id-dħul fit-tul tal-familja tal-ħaddiem migrant Tork fl-Istat Membru ospitanti, billi wara tliet snin ta’ residenza regolari, il-membru tal-familja kkonċernat jingħata l-possibbiltà li huwa stess ikun jista’ jaċċedi għas-suq tax-xogħol (Kahveci u Inan, EU:C:2012:180, punt 33).

68

Huwa fid-dawl ta’ dan il-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 35 tas-sentenza Kahveci u Inan (EU:C:2012:180), li l-fatt li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti ma setax jobbliga lil ċittadin Tork sabiex jirrinunzja għall-benefiċċju tal-kundizzjonijiet favorevoli previsti mid-Deċiżjoni Nru 1/80 dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja.

69

Madankollu, minn naħa, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kinux meħtieġa li jirrinunzjaw għall-ħlas tal-benefiċċju supplimentari, peress li huma jżommu r-residenza tagħhom fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li huma liberi li jagħmlu, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li huma għandhom in-nazzjonalità Olandiża.

70

Min-naħa l-oħra, fil-kawża Kahveci u Inan (EU:C:2012:180), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għall-membri tal-familja tagħhom ta’ nazzjonalità Torka. Fil-kawża prinċipali, bil-kontra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għal raġunijiet personali u fl-interess tagħhom.

71

Dan premess, anki jekk jiġi preżunt li l-prinċipji li joħorġu mis-sentenza Kahveci u Inan (EU:C:2012:180), kif imfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, jistgħu jiġu applikati għal din il-kawża u li għaldaqstant il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li kisbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żammew in-nazzjonalità Torka, jistgħu jibbenefikaw mill-ħlas tal-benefiċċju supplimentari inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ residenza li għalih il-leġiżlazzjoni tissuġġetta tali ħlas jibqa’ applikabbli fil-każ tagħhom.

72

Effettivament, il-fatt li persuni bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali li, bħala ċittadini Olandiżi, jibqgħu titulari ta’ dritt ta’ soġġorn fil-Pajjiżi l-Baxxi u jinsabu għalhekk f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ ċittadini tal-Unjoni, li jistgħu jibbenefikaw mill-ħlas ta’ dan il-benefiċċju fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 6(1), mingħajr ma jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, jirriżulta għalihom trattament iktar favorevoli meta mqabbel ma’ dak mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, fatt li huwa prekluż mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

73

Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/80, ikkunsidrati wkoll fid-dawl tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, għandhom jiġu interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li kienu jifformaw parti, bħala ħaddiema Torok, mis-suq legali tal-impjieg tal-imsemmi Stat ma jistgħux, minħabba li huma żammew in-nazzjonalità Torka, jinvokaw l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex joġġezzjonaw għal rekwiżit ta’ residenza previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ benefiċċju speċjali mhux kontributorju fis-sens tal-Artikolu 4a(2) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej lil ħaddiema Torok u lil membri tal-familja tagħhom, ikkunsidrati wkoll fid-dawl tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, għandhom jiġu interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li kienu jifformaw parti, bħala ħaddiema Torok, mis-suq legali tal-impjieg ta’ dan l-Istat ma jistgħux, minħabba li huma żammew in-nazzjonalità Torka, jinvokaw l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex joġġezzjonaw għal rekwiżit ta’ residenza previst mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat għall-ħlas ta’ benefiċċju speċjali mhux kontributorju, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/80, sabiex jinnewralizzaw il-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru imposta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ħlas ta’ benefiċċju speċjali mhux kontributorji, fis-sens tal-Artikolu 4(2)a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu li temendat u taġġorna bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top