Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0020

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015.
    Daniel Unland vs Land Berlin.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) – Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età – Salarju bażiku tal-imħallfin – Sistema tranżitorja – Riklassifikazzjoni u progress sussegwenti – Twettiq ta’ differenza fit-trattament – Ġustifikazzjonijiet.
    Kawża C-20/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:561

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    9 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) — Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età — Salarju bażiku tal-imħallfin — Sistema tranżitorja — Riklassifikazzjoni u progress sussegwenti — Twettiq ta’ differenza fit-trattament — Ġustifikazzjonijiet”

    Fil-Kawża C‑20/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

    Daniel Unland

    vs

    Land Berlin,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Unland, minn M. Quaas, avukat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche, D. Martin u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari u t-talba supplimentari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 303, Vol. 16, p. 79).

    2

    Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Unland u l-Land Berlin dwar ir-regoli tar-riklassifikazzjoni u tal-progress fil-karriera tal-imħallfin f’dan ir-reġjun taħt is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni applikabbli għalihom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-għan li “tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

    4

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda ra[ġ]uni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

    (a)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    [...]”

    5

    L-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża li din id-direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-organi pubbliċi, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

    6

    L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji.

    Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

    a)

    l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kondizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħhra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

    b)

    [l]-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

    [...]”

    7

    Skont l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-abolizzjoni ta’ kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    Id-dritt Ġermaniż

    Il-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali

    8

    Il-Liġi Federali dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali (Bundesbesoldungsgesetz), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fis-31 ta’ Awwissu 2006 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali”), baqgħet tapplika għall-uffiċjali u għall-imħallfin federali sat-30 ta’ Ġunju 2011, kif ukoll għall-uffiċjali u għall-imħallfin reġjonali tal-Land Berlin sal-31 ta’ Lulju 2011, fil-verżjoni tranżitorja tagħha għal Berlin [Bundesbesoldungsgesetz in der Überleitungsfassung für Berlin, iktar ’il quddiem il-“BBesG Bln, verżjoni preċedenti”].

    9

    L-Artikolu 38 tal-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, intitolat “Kalkolu tas-salarju bażiku” kien jipprovdi:

    “(1)   Sa fejn is-sistema ta’ remunerazzjoni ma tipprevedix salarji fissi, is-salarju bażiku għall-imħallfin u għall-prosekuturi għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ kategoriji tal-età. Is-salarju bażiku previst għal kategorija tal-età partikolari huwa dovut mill-ewwel jum tax-xahar li fih tintlaħaq l-età inkwistjoni.

    (2)   Jekk l-imħallef jew il-prokuratur jinħatar wara l-età ta’ 35 sena, is-salarju bażiku għandu jiġi kkalkolat, sal-età ta’ 35 sena magħluqa, fuq il-bażi tal-età effettiva, li magħha jiżdiedu nofs is-snin sħaħ li jkunu ddekorrew bejn id-data li fiha l-imħallef jew il-prokuratur ikun laħaq l-età ta’ 35 sena u d-data tal-ħatra tiegħu [...].

    (3)   L-imħallfin u l-prokuraturi li ma jkunux għadhom laħqu l-età ta’ 27 sena jirċievu salarju bażiku inizjali fil-grad tagħhom sakemm jilħqu l-età prevista sabiex javvanzaw fil-kategoriji tal-età.

    (4)   Bla ħsara għat-tieni u għat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu, il-kategorija tal-età għandha tiżdied b’perijodu ekwivalenti għal nofs il-perijodu wara l-età ta’ 35 sena li fih ma hemm ebda dritt għar-remunerazzjoni [...].”

    Il-Liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin

    10

    Skont il-Liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin (Gesetz zur Besoldungsneuregelung für das Land Berlin – Berliner Besoldungsneuregelungsgesetz), tad-29 ta’ Ġunju 2011, l-imħallfin tal-imsemmi Land li kienu diġà fis-servizz fl-1 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem l-“imħallfin fis-servizz”) huma suġġetti għal regoli differenti minn dawk applikabbli għall-imħallfin li daħlu fis-servizz wara din id-data (iktar ’il quddiem l-“imħallfin ġodda”).

    – Il-leġiżlazzjoni reġjonali applikabbli għall-imħallfin ġodda

    11

    L-Artikolu I(1) tal-Liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin emenda l-BbesG Bln, verżjoni preċedenti. Ir-remunerazzjoni ta’ mħallfin ġodda hija għaldaqstant irregolata mill-verżjoni ġdida ta’ din l-aħħar liġi (iktar ’il quddiem “BBesG Bln, verżjoni ġdida). Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma fformulati kif ġej:

    “Artikolu 38: Kalkolu tas-salarju bażiku

    (1)   Sa fejn is-sistema ta’ remunerazzjoni ma tipprevedix salarji fissi, is-salarju bażiku għall-imħallfin u għall-prosekuturi għandu jiġi kkalkolat bi skali. Il-progress fl-iskala sussegwentement superjuri huwa bbażat fuq perijodi ta’ esperjenza.

    (2)   Mal-ewwel ħatra f’pożizzjoni li tagħti dritt għal remunerazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, għandu jiġi stabbilit salarju bażiku li jikkorrispondi għall-iskala 1, bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti skont l-Artikolu 38(a)(1) iktar ’il fuq. L-iskala għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ att amministrattiv bil-miktub b’effett mill-ewwel jum tax-xahar li fih issir il-ħatra.

    (3)   Is-salarju bażiku għandu jiżdied skont perijodi ta’ esperjenza ta’ tliet snin fl-iskala 1, ta’ sentejn fl-iskali 2 sa 4, u ta’ tliet snin f’kull każ fl-iskali 5 sa 7. [...] Il-perijodi li ma jagħtux dritt għal remunerazzjoni għandhom l-effett li jiddeferixxu l-progress b’perijodi korrispondenti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38(a)(1) iktar ’il quddiem.

    [...]”

    – Il-leġiżlazzjoni dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin fis-servizz

    12

    Skont l-Artikolu II(1) tal-Liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, il-Liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin (Berliner Besoldungsüberleitungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BerlBesÜG”), tad-29 ta’ Ġunju 2011, tiddefinixxi r-regoli tar-riklassifikazzjoni tas-sistema l-ġdida tal-imħallfin fis-servizz kif ukoll il-miżuri tranżitorji applikabbli għal dawn l-imħallfin.

    13

    L-Artikolu 2 tal-BerlBesÜG, intitolat “Klassifikazzjoni fl-iskali u fl-iskali tranżitorji fil-gradi tas-sistemi ta’ remunerazzjoni A”, jipprovdi:

    “(1)   Fl-1 ta’ Awwissu 2011, l-uffiċjali għandhom jiġu kklassifikati fl-iskali jew fl-iskali tranżitorji previsti fl-Anness 3 tal-[Liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin], abbażi tal-impjieg okkupat fil-31 ta’ Lulju 2011 u tas-salarju bażiku li kellhom dritt għalih fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-Liġi tal‑2010/2011, tat-8 ta’ Lulju 2010, dwar l-adattament tar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Land Berlin (GVB1. p. 362, 2011, p. 158), skont il-metodi ddefiniti fil-paragrafi iktar ’il quddiem. L-ewwel sentenza għandha tapplika mutatis mutandis għall-uffiċjali bil-leave bla ħlas; fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, għandu jsir riferiment għall-funzjoni u għas-salarju bażiku li kienu jkunu applikabbli li kieku dan il-leave spiċċa fil-31 ta’ Lulju 2011.

    (2)   Skont il-paragrafu 1 hawn fuq, l-uffiċjal għandu jiġi kklassifikat fl-iskala jew fl-iskala tranżitorja li tikkorrispondi għas-salarju bażiku arrotondat sal-ammont ogħla sussegwenti. Fin-nuqqas ta’ dan, l-uffiċjal għandu jiġi kklassifikat fl-iskala jew fl-iskala tranżitorja bl-ogħla ammont sussegwenti [...]”

    14

    L-Artikolu 5 tal-BerlBesÜG, intitolat “Klassifikazzjoni fl-iskali u skali tranżitorji fil-gradi tas-sistemi ta’ remunerazzjoni A”, jipprovdi:

    “Il-maġistrati li jirċievu remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-gradi R1 u R2 għandhom jiġu kklassifikati fl-iskali jew fl-iskali tranżitorji previsti fl-Anness 4 tal-[Liġi ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin], abbażi tal-impjieg li kienu jokkupaw fil-31 ta’ Lulju 2011 u tas-salarju bażiku li kellhom dritt għalih fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-Liġi tal-2010/2011, għal Berlin. It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 2(2) u (4) japplikaw mutatis mutandis.”

    15

    L-Artikolu 6 tal-BerlBesÜG, li jikkonċerna l-progress sussegwenti, jipprovdi:

    “(1)   Fil-każ ta’ riklassifikazzjoni fi skala bażika ta’ remunerazzjoni prevista fl-Anness 4 tal-[liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin], abbażi ta’ salarju bażiku li jikkorrispondi għall-anzjanità ta’ 3 snin fil-gradi R1 u R2 (dan is-salarju bażiku huwa dak li l-persuna kien ikollha dritt għalih fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-liġi dwar l-adattament tar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali 2010/2011 għal Berlin), fl-iskala immedjatament ogħla jew, fil-każ ta’ riklassifikazzjoni f’waħda mill-iskali tranżitorji, fid-data li fiha huwa jilħaq l-anzjanità immedjatament ogħla skont l-Artikolu 38(1) tal-[BBesG Bln, verżjoni preċedenti]. Dan l-ewwel progress jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tat-tul tal-esperjenza rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 38(1) tal-[BbesG Bln, verżjoni ġdida].

    (2)   B’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 hawn fuq, it-tul tal-esperjenza rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-[BbesG Bln, verżjoni ġdida], għandu jibda, fil-każ ta’ klassifikazzjoni abbażi tas-salarju bażiku li jikkorrispondi għal anzjanità ta’ 1 u 2 tal-grad R1 (dan is-salarju bażiku huwa dak li l-persuna kien ikollha dritt għalih fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-liġi dwar l-adattament tar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali 2010/2011 għal Berlin), bil-klassifikazzjoni fl-iskala 1 prevista fl-Anness 4 tal-[ Liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin].

    (3)   B’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 u 2 hawn fuq, it-tul tal-esperjenzi għandu jonqos b’sena fil-każ ta’ klassifikazzjoni fl-iskala tranżitorja marbuta mal-iskala 4, jew fi skala jew fi skala tranżitorja ogħla mill-iskala tranżitorja marbuta mal-iskala 4.

    (4)   B’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 hawn fuq, it-tul tal-esperjenza fl-iskala 4 għandu jiġi estiż b’sena għall-maġistrati li ġew riklassifikati fl-iskala 1 prevista fl-Anness 4 tal-[Liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin], fil-każijiet li jaqgħu taħt il-paragrafu 2 hawn fuq, kif ukoll għall-maġistrati riklassifikati fl-iskala 2 prevista fl-Anness 4 ta’ [din il-liġi] abbażi tas-salarju bażiku li kellhom dritt għalih fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-liġi dwar l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali 2010/2011 għal Berlin, li jikkorrispondi għall-anzjanità 4 fil-grad R1.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    D. Unland, imwieled fid-19 ta’ Frar 1976, huwa mħallef fis-servizz tal-Land Berlin. Huwa nħatar taħt il-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, fl-età ta’ 29 sena, u fl-1 ta’ Awwissu 2011, huwa ġie riklassifikat taħt is-sistema ġdida ta’ remunerazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-BerlBesÜG.

    17

    Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent talab lil Land Berlin, salarju retroattiv għal perijodu li ma kienx għadu preskritt, fl-ogħla skala fil-grad ta’ remunerazzjoni tiegħu. Iz-Zentrale Besoldungs und Vergütungsstelle der Justiz (Uffiċċju ċentrali tar-remunerazzjonijiet tal-ġudikatura) ċaħad it-talba tiegħu b’deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2010. Sussegwentement, il-kontestazzjoni prekontenzjuża ppreżentata kontra din id-deċiżjoni wkoll ġiet miċħuda mill-President tal-Kammergericht (Qorti Reġjonali Superjuri) b’deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2010.

    18

    Għaldaqstant, fil-5 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja), li permezz tiegħu huwa invoka diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fid-dawl tar-regola dwar ir-remunerazzjoni skont l-età. Huwa kkunsidra, b’mod partikolari, li mhux il-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali biss tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll ir-regoli tar-riklassifikazzjoni fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u konsegwentement, jitlob remunerazzjoni skont l-ogħla skala fil-grad tiegħu. Huwa jitlob tali remunerazzjoni għall-futur u anki, retrospettivament, fil-forma ta’ arretrati għall-perijodu li jmur lura minn tal-inqas sas-sena 2009.

    19

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, mad-Direttiva 2000/78, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ipprojbita mid-Direttiva.

    20

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja, b’mod partikolari, f’dan il-każ, id-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tal-applikazzjoni kompleta tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata minħabba l-età, fis-sens li jestendi wkoll għar-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-Land?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja għandha twassal għall-konklużjoni li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba l-età, dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ammont tas-salarju bażiku ta’ mħallef mad-dħul fil-kariga tiegħu fil-ġudikatura u ż-żieda sussegwenti tiegħu jiddependu fuq l-età tiegħu?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi l-ġustifikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali bl-għan leġiżlattiv li tiġi kkumpensata l-esperjenza professjonali u/jew il-kompetenzi soċjali?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tippermetti, fil-każ li tiġi stabbilita sistema nondiskriminatorja ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali, konsegwenza legali oħra għajr dik tal-għoti ta’ kumpens retroattiv lil persuni diskriminati li jikkorrispondi għall-ogħla skala tal-grad tagħhom?

    Il-konsegwenza legali marbuta mal-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’dan il-każ tirriżulta direttament mid-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja innifsu, b’mod partikolari, fil-każ ineżami, id-Direttiva 2000/78/KE jew l-allegazzjoni tal-persuna diskriminata tirriżulta biss mill-applikazzjoni tal-prinċipju, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, tar-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-każ ta’ traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew?

    5)

    Din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta l-eżistenza ta’ dritt għal ħlas (a posteriori) jew kumpens għall-kundizzjoni li l-imħallfin ikunu ressqu tali talba fit-terminu qasir?

    6)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel sat-tielet domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja timplika li liġi, li tiddefinixxi l-metodu ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ mħallfin diġà fil-kariga fis-sistema l-ġdida billi tipprovdi li l-iskala tas-sistema l-ġdida li ser jiġu assenjati fiha, tkun esklużivament iddeterminata mill-ammont tas-salarju bażiku li kienu jirċevu, skont is-sistema ta’ remunerazzjoni qadima (diskriminatorja), fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, u li l-progressjoni sussegwenti lejn skala ogħla mbagħad tiġi ddeterminata biss abbażi tal-esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, indipendentement mill-esperjenza totali miksuba mill-imħallef, tissokta – sakemm imħallef ikun laħaq l-ogħla skala – bid-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età?

    7)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-sitt domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi li t-trattament mhux ugwali kontinwu jista’ jkun iġġustifikat mill-għan leġiżlattiv ta’ protezzjoni mhux (biss) tad-drittijiet misuba fid-data ta’ referenza għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, iżda (ukoll) tal-aspettattivi ta’ mħallfin diġà fil-kariga fir-rigward tal-perspettivi tagħhom ta’ qligħ fil-grad rispettiv tagħhom li huwa ggarantit lilhom mis-sistema l-qadima, u li tipprovdi remunerazzjoni aħjar għall-imħallfin ġodda milli għal dawk diġà fil-kariga?

    Id-diskriminazzjoni kontinwa kontra mħallfin diġà fil-kariga tista’ tkun iġġustifikata mill-argument ibbażat fuq il-fatt li s-soluzzjoni l-oħra possibbli (li tikkonsisti fi klassifikazzjoni individwali mill-ġdid tal-imħallfin diġà fil-kariga skont it-tul tal-esperjenza professjonali tagħhom) hija amministrattivament iktar diffiċli sabiex tiġi implementata?

    8)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġustifikazzjonijiet imsemmija fis-seba’ domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tippermetti, sakemm tiġi stabbilita sistema nondiskriminatorja ta’ remunerazzjoni inkluż għal imħallfin diġà fil-kariga, konsegwenza legali oħra għajr dik ta’ għoti lill-imħallfin diġà fil-kariga ta’ remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-ogħla skala tal-grad tagħhom, b’mod retroattiv u kontinwu?

    9)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel sat-tielet domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja twassal għall-konklużjoni li, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba l-età, leġiżlazzjoni li tikklassifika mill-ġdid l-imħallfin fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li, minn ċertu skala, tibbenefika lill-imħallfin diġà fil-kariga li jkunu laħqu ċerta età fid-data stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, b’rata ta’ progressjoni tar-remunerazzjoni li tkun iktar mgħaġġla minn dik tal-imħallfin diġà fil-kariga iżda li kienu iżgħar fid-data stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida?

    10)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-disa’ domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi li dan it-trattament mhux ugwali jista’ jiġi ġġustifikat mill-għan leġiżlattiv li jikkonsisti fil-protezzjoni mhux tad-drittijiet miksuba fid-data ta’ referenza għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, iżda biss tal-aspettattivi tal-imħallfin diġa fil-kariga f’dak li jirrigwarda l-perspettivi tagħhom ta’ qligħ, fil-grad rispettiv tagħhom, li kienet tiggarantilhom is-sistema l-antika?

    11)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġustifikazzjoni msemmija fl-għaxar domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tippermetti, sakemm tiġi stabbilita sistema nondiskriminatorja ta’ remunerazzjoni, inkluż għall-imħallfin diġà fil-kariga, konsegwenza legali differenti għajr l-għoti lill-imħallfin diġà fil-kariga, tal-istess rata ta’ progressjoni tar-remunerazzjoni li tingħata lill-imħallfin ipprivileġġjati kif deskritti fid-domanda 9, b’mod retroattiv u kontinwu?”

    21

    B’ittra tal-25 ta’ Ġunju 2014, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja ttrażmetta lill-qorti tar-rinviju kopja tas-sentenza Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), u talabha tindika jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, hija xtaqitx tissokta bit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

    22

    B’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2014, il-qorti tar-rinviju kkonfermat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u rriformulat it-tielet domanda b’dan il-mod:

    “Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, din l-interpretazzjoni tad-dritt Ewropew primarju u/jew sekondarju tipprekludi l-ġustifikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali?”

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti deċiżjoni dwar id-domandi kollha li ġew inizjalment magħmula, fosthom it-tielet domanda, kif irriformulata.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    24

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    25

    Din id-domanda tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione personae tad-Direttiva 2000/78.

    26

    Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, li permezz tiegħu, fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni Ewropea, l-imsemmija direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, inklużi l-organi pubbliċi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, fejn din il-frażi tkopri wkoll, inter alia, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ remunerazzjoni, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 153(5) TFUE, li jipprevedi eċċezzjoni għall-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali sa fejn l-Unjoni ma hijiex awtorizzata tintervjeni fil-qasam tar-remunerazzjonijiet.

    27

    Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 34 u 35), għandha ssir distinzjoni bejn it-terminu “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 153(5) TFUE, u l-istess terminu li jinsab fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, peress li dan tal-aħħar jagħmel parti mill-kundizzjonijiet għall-impjieg u ma huwiex intiż direttament għall-iffissar tal-ammont tar-remunerazzjoni. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-metodi tal-klassifikazzjoni fil-gradi u fl-iskali ta’ remunerazzjoni ma jistgħux jiġu sseparati mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78.

    28

    Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha jipprovdi espressament li din tapplika, b’mod partikolari, għall-persuni kollha fis-servizz pubbliku, inklużi l-organi pubbliċi. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-pożizzjoni ta’ mħallef tagħmel parti mis-settur pubbliku.

    29

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    Fuq it-tieni u t-tielet domanda

    30

    Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, għal kull grad ta’ kariga, l-iskala ta’ salarju bażiku ta’ uffiċjal tiġi ddeterminata, meta jiġi impjegat, skont l-età tiegħu.

    31

    Minbarra l-Artikolu 38(1) tal-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, li jipprevedi li s-salarju bażiku għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ kategoriji tal-età, mill-Artikolu 38(2) jirriżulta li, jekk l-imħallef jew il-prokuratur jinħatar wara l-età ta’ 35 sena, is-salarju bażiku għandu jiġi kkalkolat, sal-età ta’ 35 sena magħluqa, fuq il-bażi tal-età effettiva, li magħha jiżdiedu nofs is-snin sħaħ li jkunu ddekorrew bejn id-data li fiha l-imħallef jew il-prokuratur ikun laħaq l-età ta’ 35 sena u d-data tal-ħatra tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 38(3) kien jipprovdi li l-imħallfin u l-prokuraturi li ma jkunux għadhom laħqu l-età ta’ 27 sena jirċievu salarju bażiku inizjali fil-grad tagħhom sakemm jilħqu l-età prevista sabiex javvanzaw fil-kategoriji tal-età.

    32

    Għaldaqstant, is-salarju bażiku tal-imħallfin kien stabbilit, fil-mument tal-ħatra tagħhom, esklużivament fuq il-kategorija tal-età li jappartjenu għaliha.

    33

    Fis-sentenza tagħha Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet teżamina domandi identiċi għat-tieni u għat-tielet domanda li saru fil-kawża preżenti u, għaldaqstant, ir-risposta li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza tista’ tiġi trasposta b’mod sħiħ għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

    34

    Fil-fatt, fil-punti 39 sa 51 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali kinitx timplika diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u kkonkludiet li dan kien il-każ, peress li l-klassifikazzjoni tal-uffiċjali, fil-mument li jinħatru, fi skala ta’ salarju bażiku skont l-età tagħhom kienet tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu ta’ din il-liġi.

    35

    Il-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-għan li jikkumpensaw l-esperjenza professjonali u/jew il-kompetenzi soċjali tal-imħallfin ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

    36

    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li s-salarju bażiku ta’ mħallef jiġi stabbilit, fil-mument tal-ħatra tiegħu, esklużivament skont l-età tiegħu.

    Fuq is-sitt u s-seba ’ domanda

    37

    Permezz tas-sitt u tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ riklassifikazzjoni, fi ħdan sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, ta’ mħallfin fis-servizz billi tipprovdi li l-iskala ta’ salarju li issa għandha tapplika għalihom għandha tiġi ddeterminata esklużivament fuq l-ammont ta’ salarju bażiku li huma kienu jirċievu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-imħallef. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-differenza fit-trattament li kienet tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni ta’ drittijiet kweżiti.

    38

    Mill-Artikolu 5 tal-BerlBesÜG jirriżulta li huwa biss is-salarju bażiku preċedenti li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-riklassifikazzjoni tal-imħallfin fis-servizz fi skala jew fi skala tranżitorja skont is-sistema l-ġdida. Ir-riklassifikazzjoni tal-imħallfin fis-servizz skont is-sistema l-ġdida ssir esklużivament fuq il-bażi tal-kategorija tal-età li kienu jappartjenu għaliha skont is-sistema preċedenti.

    39

    Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi artikolu jista’ jimplika differenza fit-trattament bejn l-imħallfin abbażi tal-età skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida.

    40

    Fil-fatt, il-miżuri ta’ riklassifikazzjoni stabbiliti minn dispożizzjoni, bħall-Artikolu 5 tal-BerlBesÜG, li permezz tagħhom ir-riklassifikazzjoni hija bbażata fuq ir-remunerazzjoni rċevuta preċedentement mill-uffiċjali fis-servizz, li kienet hija stess ibbażata fuq l-età, jimplikaw sitwazzjoni diskriminatorja li permezz tagħha mħallfin jirċievu remunerazzjoni inqas minn dik li jirċievu mħallfin oħra, minkejja li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, u dan sempliċement minħabba l-età li kellhom meta nħatru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 56 sa 58).

    41

    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

    42

    Fir-rigward, minn naħa, tal-għan intiż li jiġu protetti d-drittijiet kweżiti invokat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti minn kategorija ta’ persuni tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku (sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li liġi bħall-BerlBesÜG tidher li hija adatta sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, li huwa dak tal-garanzija taż-żamma tad-drittijiet kweżiti (sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 65 sa 68). Sussegwentement, hija kkunsidrat li l-leġiżlatur nazzjonali ma marx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq meta adotta l-miżuri tranżitorji derogatorji implementati mill-BerlBesÜG (sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 69 sa 85).

    44

    Ebda prova prodotta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tista’ tikkonfuta dawn il-konstatazzjonijiet.

    45

    Kif jirriżulta mill-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riklassifikazzjoni tal-imħallfin ma hijiex differenti minn dik tal-uffiċjali tal-Land Berlin fir-rigward tal-metodu magħżul u tal-għan mixtieq. Fil-fatt, il-BerlBesÜG implementat regoli uniformi applikabbli għall-imħallfin, għall-prokuraturi u għall-uffiċjali għall-finijiet tar-riklassifikazzjoni tagħhom.

    46

    Għaldaqstant, bl-adozzjoni tal-BerlBesÜG, il-leġiżlatur nazzjonali emenda s-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin tal-Land Berlin. Din il-liġi tipprovdi, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet kweżiti tal-imħallfin fis-servizz, deroga tranżitorja fir-rigward tagħhom, li permezz tagħha dawn l-imħallfin ġew immedjatament riklassifikati fi skala jew fi skala tranżitorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 72 u 73).

    47

    Barra minn hekk, l-Artikolu 38 tal-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali kienet tapplika għall-imħallfin kollha tal-Land Berlin fil-mument tal-ħatra tagħhom, u l-aspetti diskriminatorji li kienu jirriżultaw minn dan kienu potenzjalment jaffettwaw dawn l-imħallfin kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 96). Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ma hemm ebda sistema ta’ riferiment valida taħt il-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li la hemm kategorija ta’ “imħallfin żgħar” żvantaġġati mill-imsemmija liġi u mill-BerlBesÜG u lanqas kategorija ta’ “imħallfin ixjeħ” li minħabba dawn il-liġijiet jinsabu f’pożizzjoni iktar favorevoli.

    48

    Barra minn hekk, ir-regoli ta’ tali riklassifikazzjoni għandhom jitqiesu li huma kompatibbli mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2000/78, li għandhom l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji għall-abolizzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    49

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt u għas-seba’ domanda hija li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ riklassifikazzjoni, fi ħdan sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, ta’ mħallfin fis-servizz billi tipprovdi li l-iskala ta’ salarju li issa għandha tapplika għalihom għandha tiġi ddeterminata esklużivament fuq l-ammont ta’ salarju bażiku li huma kienu jirċievu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-imħallef, sa fejn id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni ta’ drittijiet kweżiti.

    Fuq id-disa ’ u l-għaxar domanda

    50

    Permezz tad-disa’ u tal-għaxar domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ progress ta’ mħallfin fis-servizz, skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, u li tipprovdi li, b’effett minn ċerta skala, l-imħallfin li jkunu laħqu ċerta età fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida jkunu jibbenefikaw minn progress iktar mgħaġġel minn dak previst għall-imħallfin li kienu iżgħar fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-differenza fit-trattament implikata minn din il-liġi tistax tiġi ġġustifikata.

    51

    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-Artikolu 6 tal-BerlBesÜG, il-leġiżatur Ġermaniż introduċa differenza skont il-kategorija tal-età li tkun intlaħqet fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, u dan kemm fir-rigward tad-data stabbilita għall-progress sussegwenti fl-iskala kif ukoll fir-rigward tal-kalkolu tat-tul tal-esperjenza sussegwenti.

    52

    Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel progress fl-iskala skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 6(1) u (2) tal-BerlBesÜG, it-tul tal-esperjenza tal-imħallfin li, skont is-sistema preċedenti, kellhom jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-età 1 jew 2 fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżazzjoni lejn is-sistema l-ġdida, jiġifieri l-imħallfin li f’din id-data kellhom inqas minn 31 sena, tibda tiddekorri minn żero fid-data tar-riklassifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, rigward l-imħallfin li ġew riklassifikati minn tal-inqas abbażi tas-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-kategorija tal-età 3, jiġifieri dawk li kienu laħqu l-età ta’ 31 sena, il-progress sussegwenti fl-iskala jseħħ fid-data li fiha jkunu laħqu l-kategorija tal-età immedjatament superjuri skont is-sistema preċedenti.

    53

    Fir-rigward tal-progress sussegwenti fi ħdan is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, l-Artikolu 6(3) u (4) tal-BerlBesÜG jipprovdi, b’effett mill-iskala 5, it-tnaqqis tat-tul tal-esperjenza meħtieġ għall-progress fl-iskala sussegwenti bil-kundizzjoni li l-imħallfin fis-servizz ikunu inizjalment riklassifikati minn tal-inqas fl-iskala tranżitorja 4 tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni.

    54

    Sa fejn, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, huma biss l-imħallfin ta’ età ta’ mill-inqas 39 sena fid-data tat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida li jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis fin-numru ta’ snin ta’ esperjenza meħtieġa għall-progress fl-iskali, filwaqt li l-imħallfin li ma jkunux laħqu din l-età fil-mument tar-riklassifikazzjoni huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għandhom, a fortiori, jistennew sena iktar sabiex jilħqu l-iskala superjuri rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprovdi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

    55

    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

    56

    F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-Artikolu 6 tal-BerlBesÜG kien intiż li jekwipara l-istruttura taż-żieda fir-remunerazzjoni tal-imħallfin ma’ dik tal-uffiċjali, fejn din tal-aħħar kienet diġà ġiet immodernizzata fl-1997 u, fl-aħħar mill-aħħar, li jrendi l-funzjoni ta’ mħallef iżjed attraenti minn qabel, billi jiggarantixxi b’mod partikolari li d-dħul jiżdied iktar malajr fil-bidu tal-karriera. Barra minn hekk, kien neċessarju li jiġi żgurat, minn naħa, li ebda mħallef fis-servizz ma jġarrab telf fis-salarju, kemm fil-futur qrib jew matul il-karriera kollha, u min-naħa l-oħra, li l-imħallfin kollha jilħqu l-aħħar skala ta’ remunerazzjoni fl-età ta’ 49 sena.

    57

    Għandu jitfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għat-twettiq ta’ tali għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68).

    58

    Għanijiet bħal dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, fil-prinċipju, ta’ natura li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

    59

    Għandu wkoll jiġi vverifikat, skont il-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk il-mezzi implementati sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet humiex “[adatti] u neċessarji”.

    60

    Fl-osservazzjonijiet tiegħu u permezz tal-informazzjoni li huwa pprovda waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ta spjegazzjoni sħiħa tar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-Artikolu 6 tal-BerlBesÜG.

    61

    Il-Gvern Ġermaniż sostna, b’mod partikolari, li l-perijodu kollu tal-iskali tar-remunerazzjonijiet huwa iqsar fil-każ ta’ mħallfin u ta’ prokuraturi minn dak tal-uffiċjali, peress li jieħu inkunsiderazzjoni t-tul ġeneralment itwal tal-perijodu ta’ taħriġ u tad-dħul fil-professjoni tardiv. Is-sistema ta’ progress ġdida tinkludi inqas skali, jiġifieri tmien “skali ta’ esperjenza”, bil-konsegwenza li l-imħallef jilħaq l-iskali li jikkorrispondu għall-ogħla remunerazzjoni iktar malajr. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li, għal raġunijiet baġitarji, id-dħul tal-imħallfin ma setax jiżdied b’mod sostanzjali, dan il-progress fis-salarju huwa inqas veloċi fis-snin intermedjarji. Għaldaqstant, b’effett mill-iskala 5, imħallef issa jrid jistenna sena qabel ma javvanza għall-iskala superjuri.

    62

    Skont il-Gvern Ġermaniż, din l-emenda, li tiffavorixxi l-imħallfin li għandhom l-età bejn 31 sena u 39 sena, għandha titqies bħala kumpens għall-fatt li l-esperjenza professjonali tiżdied b’mod partikolarment sostanzjali matul l-ewwel snin ta’ attività, iżda wkoll bħala mezz sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-imħallfin f’perijodu fil-ħajja tagħhom li, fil-fehma ta’ dan il-gvern, l-ispejjeż huma ikbar. Barra minn hekk, il-progress tal-imħallfin fis-servizz li huma riklassifikati ta’ età relattivament avvanzata, jiġifieri, b’effett mill-kategorija tal-età 7 fi ħdan is-sistema preċedenti, huwa inqas veloċi skont l-istruttura ta’ progress ġdida. Sabiex dan jiġi kkumpensat, it-tul rispettiv tal-iskali tnaqqas b’sena għal din il-kategorija. Bħala risposta għal talba għall-informazzjoni indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, dan il-Gvern indika li l-kumplessità ta’ din is-sistema tirriżulta mill-preokkupazzjoni tal-leġiżlatur li ebda kategorija ta’ mħallfin ma għandha titqiegħed f’vantaġġ jew fi żvantaġġ eċċessiv bħala riżultat tar-riklassifikazzjoni skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida.

    63

    Għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrileva ebda fattur ta’ natura li jikkonfuta dawn l-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż. Bl-istess mod, ebda prova intiża għall-kontestazzjoni tan-natura adatta u neċessarja tas-sistema ta’ progress ġdida ma ġiet prodotta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    64

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument li l-Artikolu 6 tal-BerlBesÜG jimplika “deterjorament” tas-sitwazzjoni ta’ “mħallfin żgħar”, li diġà kienu żvantaġġati permezz tal-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, għandu jiġi miċħud peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 47 tas-sentenza preżenti, tali kategoriji ma jeżistux.

    65

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jitqies, b’kunsiderazzjoni għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lill-Istati Membri fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għat-twettiq ta’ tali għan, li ma huwiex irraġonevoli fir-rigward tal-għan mixtieq mil-leġiżlatur nazzjonali li huwa adotta l-Artikolu 6 tal-BerlBesÜG.

    66

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-disa’ u għall-għaxar domanda hija li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ progress ta’ mħallfin fis-servizz, skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, u li tipprovdi li, b’effett minn ċerta skala, l-imħallfin li jkunu laħqu ċerta età fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida jkunu jibbenefikaw minn progress iktar mgħaġġel minn dak previst għall-imħallfin li kienu iżgħar fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, sa fejn id-differenza fit-trattament implikata minn din il-liġi tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    67

    Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li hija għandha tislet fil-każ ta’ ksur, permezz tal-Liġi Federali preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Din il-qorti tistaqsi jekk dawn il-konsegwenzi jirriżultawx mid-Direttiva 2000/78 jew mill-ġurisprudenza tas-sentenza Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428) u jekk, f’dan l-aħħar każ, il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja humiex issodisfatti.

    68

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tiddeċiedi dwar din id-domanda fis-sentenza Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), u r-risposta li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza tista’ tiġi trasposta b’mod sħiħ għal din il-kawża.

    69

    F’dawn il-kundizzjonijiet, għall-motivi identiċi għal dawk li ngħataw fil-punti 88 sa 107 tas-sentenza Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005) ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun is-segwenti:

    F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix li jingħata retroattivament lill-imħallfin diskriminati ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament imħallsa u dik li tikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja tal-grad tagħhom;

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex issodisfatti sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titqies li hija responsabbli.

    Fuq il-ħames domanda

    70

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tinvoka dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultax direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja.

    71

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tiddeċiedi dwar din id-domanda fis-sentenza Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), u r-risposta li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza tista’ tiġi trasposta b’mod sħiħ għal din il-kawża.

    72

    F’dawn il-kundizzjonijiet, għall-motivi identiċi għal dawk li ngħataw fil-punti 111 sa 114 tas-sentenza Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005) ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tinvoka dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultax direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja, jekk din ir-regola la tkun tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

    Fuq it-tmien u l-ħdax-il domanda

    73

    Fid-dawl tar-risposti li ngħataw għas-sitt, għas-seba’, għad-disa’ u għall-għaxar domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tmien u għall-ħdax-il domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    74

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

     

    2)

    L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li s-salarju bażiku ta’ mħallef jiġi stabbilit, fil-mument tal-ħatra tiegħu, esklużivament skont l-età tiegħu.

     

    3)

    L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ riklassifikazzjoni, fi ħdan sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, ta’ mħallfin fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, billi tipprovdi li l-iskala ta’ salarju li issa għandha tapplika għalihom għandha tiġi ddeterminata esklużivament fuq l-ammont ta’ salarju bażiku li huma kienu jirċievu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-imħallef, sa fejn id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni ta’ drittijiet kweżiti.

     

    4)

    L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ progress ta’ mħallfin fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, u li tipprovdi li, b’effett minn ċerta skala, l-imħallfin li jkunu laħqu ċerta età fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida jkunu jibbenefikaw minn progress iktar mgħaġġel minn dak previst għall-imħallfin li kienu iżgħar fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, sa fejn id-differenza fit-trattament implikata minn din il-liġi tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

     

    5)

    F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix li jingħata retroattivament lill-imħallfin diskriminati ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament imħallsa u dik li tikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja tal-grad tagħhom.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex issodisfatti sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titqies li hija responsabbli.

     

    6)

    Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tinvoka dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultax direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja, jekk din ir-regola la tkun tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top