EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0579

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2015.
P u S vs Commissie Sociale Zekerheid Breda u College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 5(2) u 11(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, iċċertifikat b’eżami, taħt piena ta’ multa.
Kawża C-579/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:39

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2015 ( 1 )

Kawża C‑579/13

P

u

S

vs

Commissie Sociale Zekerheid Breda,

College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 5(2) u 11(1) — Obbligu ta’ integrazzjoni previst mid-dritt nazzjonali — Ugwaljanza fit-trattament tar-residenti għat-tul — Proporzjonalità — Multa”

I – Introduzzjoni

1.

Il-kwistjoni ġuridika li jqajjem dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija din li ġejja: sa fejn id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal‑politika tal-immigrazzjoni jistabbilixxi limiti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu obbligu ta’ integrazzjoni ċivika taċ-ċittadini barranin?

2.

Fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika taċ-ċittadini barranin ġie stabbilit fl-2007. Dan l-obbligu jimplika l-ħtieġa li persuna tgħaddi minn eżami li jevalwa l-kapaċitajiet lingwistiċi kif ukoll l-għarfien bażiku tas-soċjetà Olandiża. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dan l‑obbligu fit-termini preskritti huwa ssanzjonat permezz ta’ multa.

3.

F’din il-kawża, is-Centrale Raad van Beroep (qorti amministrattiva ta’ appell Olandiża kompetenti b’mod partikolari fil‑qasam tas-sigurtà soċjali) għandha dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk, u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, b’liema kundizzjonijiet, dan l-obbligu jista’ jirrigwarda ċittadini barranin li ilhom jirrisjedu b’mod legali fit‑territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal żmien twil u li għandhom l-istatus ta’ resident għat-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109/KE ( 2 ).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ residenza”, jipprevedi dan li ġej fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is‑sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”

5.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, fil-paragrafu (2) tiegħu jipprevedi:

“L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali.”

6.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Trattament ugwali”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi:

“Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ‑ċittadini fir-rigward ta’:

a)

aċċess għall-impieg jew attivtà ta’ impieg għal rasu, kemm-il darba dawk l-attivitajiet ma jinvolvux ukoll involviment ta’ kull tant fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, u kondizzjonijiet ta’ l‑impieg u kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi kondizzjonijiet li jirrigwardaw it-tkeċċija u l-ħlas;

b)

edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, inklużi għotjiet ta’ studju skont il-liġi nazzjonali;

[…]”

7.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Kondizzjonijiet għar-residenza f’tieni Stat Membru”, fil-paragrafu 3 tiegħu jistipula:

“L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali.

Din il-kondizzjoni ma għandhiex tapplika fejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi konċernati ikunu ġew meħtieġa li jikkonformaw mal‑kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni sabiex jingħataw status ta’ residenti għat-tul, skont id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 5(2).

Mingħajr preġudizzju għa-tieni subparagrafu, il-persuni konċernati jistgħu ikunu meħtieġa li jattendu korsijiet tal-lingwa.”

B – Id-dritt Olandiż

8.

Il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ status ta’ resident għat-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109 fil-Pajjiżi l-Baxxi huma rregolati permezz tal‑Liġi dwar il-Barranin (Vreemdelingenwet).

9.

Skont l-Artikolu 21(1)(k) tal-Vreemdelingenwet, it-talba għall‑ħruġ tal-permess ta’ residenza għal żmien indeterminat tista’ tiġi miċħuda meta ċ-ċittadin barrani ma jkunx għadda mill-eżami previst fl‑Artikolu 7(2)(a) tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika (Wet inburgering, iktar ’il quddiem il-“Wi”) jew ma jkunx kiseb diploma, ċertifikat jew dokument ieħor imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c) ta’ din il‑liġi.

10.

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, iżda bdiet tapplika fil-fatt mill-1 ta’ Jannar 2010. Qabel din id-data, iċ-ċittadin barrani ma kienx obbligat jgħaddi mill‑eżami ta’ integrazzjoni sabiex jikseb l-istatus ta’ resident għat-tul.

11.

L-Artikoli 3 u 31 tal-Wi, kif kienet redatta fil-mument li fih seħħew il-fatti, kienu jipprevedu:

“Artikolu 3

1.   Għandu l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika l-barrani li jkun jirrisjedi b’mod regolari [fil-Pajjiżi l-Baxxi] fis-sens tal‑Artikolu 8(a) sa (e) jew (l) tal-Vreemdelingenwet 2000 li:

a.

jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi għal għan differenti minn dak tar-residenza temporanja

[…]

Artikolu 31

1.   Il-Kulleġġ jimponi multa amministrattiva fuq il-persuna li kellha l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li ma tkunx għaddiet mill-eżami ta’ integrazzjoni jew fit-terminu stipulat fl-Artikolu 7(1), jew fit‑terminu mġedded abbażi tas-subparagrafu (a) tat-tieni paragrafu.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1:

a.

il-Kulleġġ iġedded it-terminu msemmi fl-Artikolu 7(1), jekk il-persuna li għandha l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika turi li ma tistax tkun ikkritikata li ma għaddietx mill-eżami ta’ integrazzjoni, jew

b.

il-Kulleġġ jagħti eżenzjoni mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, jekk, abbażi ta’ sforzi murija mill-persuna li għandha l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, jasal biex jikkunsidra li ma kienx raġonevolment possibbli li din tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni.

[…]”

12.

Il-Wi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

13.

Kif issemmi l-qorti tar-rinviju, għaċ-ċittadini barranin li emigraw lejn il-Pajjiżi l-Baxxi wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi, it-terminu sabiex jgħaddu mill-eżami li jevalwa l-għarfien tal-lingwa u tas‑soċjetà Olandiża jibda jiddekorri mill-bidu tar-residenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għall-persuni li kienu diġà jirrisjedu fil-Pajjiżi l‑Baxxi fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi, it-terminu sabiex jgħaddu mill-eżami kien stabbilit f’deċiżjoni amministrattiva distinta.

III – Il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

14.

P. għandha nazzjonalità Amerikana u ilha tirrisjedi fil-Pajjiżi l‑Baxxi mill-2002. Fl-14 ta’ Novembru 2008, hija kisbet l-istatus ta’ resident għat-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109.

15.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2008, issostitwita sussegwentement permezz ta’ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Awwissu 2009 u tal-25 ta’ Frar 2010, il-Commissie Sociale Zekerheid Breda (Kummissjoni tas-Sigurtà Soċjali ta’ Breda, iktar ’il quddiem il-“Commissie”) innotifikat lil P. li hija kellha obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, kif previst fil-Wi, u li hija kellha tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2013.

16.

P. bdiet kors ta’ integrazzjoni ċivika organizzat mill‑Commissie, li hija interrompiet fil-25 ta’ Awwissu 2008 għal raġunijiet mediċi u li sussegwentement ma komplietx.

17.

S. twieldet f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava u għandha n‑nazzjonalità tan-New Zealand.

18.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Frar 2010 u tas-6 ta’ Mejju 2010, il-College van burgemeester en wethouders van de gemeente Amstelveen (Kulleġġ ta’ Sindki u Viċi-Sindki tal-komun ta’ Amstelveen) innotifika lil S. li hija kellha obbligu ta’ integrazzjoni ċivika u li hija kellha tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni sal-24 ta’ Awwissu 2013.

19.

P. u S. it-tnejn ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, rispettivament, quddiem ir-Rechtbank Breda u r-Rechtbank Amsterdam (tribunali tal-ewwel istanza ta’ Breda u ta’ Amsterdam). Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda permezz ta’ sentenza tar-Rechtbank Breda tat-12 ta’ Lulju 2010 u permezz ta’ sentenza tar-Rechtbank Amsterdam tat-8 ta’ Settembru 2011.

20.

P. u S. appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem is-Centrale Raad van Beroep.

21.

Insostenn tal-appelli tagħhom, P. u S. sostnew li, bħala benefiċjarji tal-istatus ta’ resident għat-tul, huma kellhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini Olandiżi u għalhekk ma għandhomx ikunu marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni. Huma ddikjaraw ukoll li l‑impożizzjoni ta’ tali obbligu fuq ir-residenti għat-tul kienet tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2003/109 kif ukoll kontra l-Artikoli 5(2) u 11(1) tagħha.

22.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma jistax jiġi eskluż li l‑impożizzjoni ta’ obbligu ta’ integrazzjoni fuq residenti għat-tul imur kontra d-Direttiva 2003/109. Din il-qorti tinnota li l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istat Membru jirrifjuta l‑istatus ta’ resident għat-tul jekk ma jiġux issodisfatti l‑kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni stabbiliti fid-dritt nazzjonali. L‑għoti ta’ dan l-istatus ifisser, bħala regola, li l-integrazzjoni tal‑persuna tkun intlaħqet. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru jistax jimponi obbligu ta’ integrazzjoni fuq persuna li diġà tkun ingħatat l-istatus ta’ resident għat-tul u jekk, f’każ li ma jiġix osservat dan l-obbligu, tistax tiġi imposta sanzjoni taħt il-forma ta’ multa.

23.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-għan u l-ispirtu tad-Direttiva 2003/109/KE, kif ukoll l‑Artikolu 5(2) u/jew l-Artikolu 11(1) tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija inkompatibbli magħhom l-impożizzjoni, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika sanzjonata minn sistema ta’ multa fuq ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom l-istatus ta’ residenti għat-tul?

2.

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ġie impost qabel il‑kisba tal-istatus ta’ residenti għat-tul?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal‑Qorti tal-Ġustizzja fit-15 ta’ Novembru 2013.

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn P. u S., mill‑Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Portugall kif ukoll mill‑Kummissjoni. P. u S. talbu li ssir seduta.

26.

P. u S., il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fil-5 ta’ Novembru 2014.

V – Analiżi

A – Rimarki preliminari

27.

Id-Direttiva 2003/109 tagħmel parti minn serje ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li ġew adottati abbażi tal-kompetenzi leġiżlattivi mogħtija bit-Trattat ta’ Amsterdam ( 3 ).

28.

L-għanijiet leġiżlattivi tal-Unjoni milħuqa bl-imsemmija direttiva ġew inklużi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal‑15 u s-16 ta’ Ottubru 1999. Dawn il-konklużjonijiet jipprevedu, b’mod partikolari, li l-istatus ġuridiku ta’ barranin għandu jiġi approssimat għal dak taċ-ċittadini u, b’mod partikolari, li persuna li kienet residenti legalment fi Stat Membru, għal perijodu li għandu jiġi stabbilit, u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata numru ta’ drittijiet kemm jista’ jkun simili għal dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni ( 4 ).

29.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li d‑Direttiva 2003/109 toħloq, favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi li rrisjedew legalment fl-Unjoni għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, status ġuridiku partikolari li jirriżulta esklużivament mid-dritt tal-Unjoni: l‑istatus ta’ resident għat-tul ( 5 ).

30.

Meta pparagunata maċ-ċittadinanza, l-introduzzjoni ta’ dan l‑istatus toħloq forma alternattiva ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Unjoni għaċ-ċittadini barranin, li fid-duttrina tikkorrispondi mal-kunċett ta’ “denizenship”, għall-kuntrarju ta’ dak ta’ “citizenship” ( 6 ).

31.

Għall-kwistjonijiet li ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, l‑istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fl-Unjoni jibqa’ jaqa’ taħt id‑dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

32.

B’mod partikolari, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jsegwu politika ta’ integrazzjoni intiża sabiex jiġu evitati l-marġinalizzazzjoni u s‑segregazzjoni taċ-ċittadini barranin ( 7 ). L-obbligu ta’ integrazzjoni jista’ jirrigwarda diversi fażijiet tal-immigrazzjoni, skont jekk huwa ddefinit bħala: (i) kundizzjoni ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza; (ii) kundizzjoni ta’ għoti ta’ permess ta’ residenza għat-tul; (iii) kundizzjoni ta’ kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul jew; (iv) kundizzjoni ta’ kisba tan-nazzjonalità permezz ta’ naturalizzazzjoni.

33.

Dan l-obbligu jimplika ġeneralment il-ħtieġa li jintwera ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali u, xi drabi, għarfien tas-soċjetà ospitanti (l‑istorja, id-dritt nazzjonali u l-valuri tagħha). Ċerti Stati Membri jirrikjedu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami, li jista’ jsir wara korsijiet obbligatorji. Oħrajn jimponu biss li jiġu segwiti korsijiet ta’ integrazzjoni ( 8 ).

34.

Id-domanda magħmula mill-qorti Olandiża f’din il-kawża tirrigwarda l-possibbiltà li jiġi impost obbligu ta’ integrazzjoni fuq il‑persuni li għandhom l-istatus ta’ resident għat-tul fis-sens tad-dritt tal‑Unjoni. Fid-dritt Olandiż, l-imsemmi obbligu fir-rigward ta’ dawn il‑persuni ma huwiex iddefinit bħala kundizzjoni għall-kisba tad‑drittijiet, iżda bħala rekwiżit partikolari li għandu jiġi ssodisfatt bis‑sempliċi fatt tar-residenza fit-territorju tal-Istat ospitanti.

35.

Sabiex tiġi deċiża din il-kwistjoni, għandha tingħata risposta għal żewġ domandi fundamentali. Fl-ewwel lok għandu jkun magħruf jekk l‑impożizzjoni ta’ obbligu ta’ integrazzjoni fuq residenti għat-tul huwiex kompatibbli mal-istatus ta’ resident għat-tul fis-sens tad‑Direttiva 2003/109. Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall‑ewwel domanda, għandu jiġi stabbilit sa fejn id-dritt tal-Unjoni jillimita l-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kontenut ta’ dan l‑obbligu ta’ integrazzjoni.

B – Ammissibbiltà tal-obbligu ta ’ integrazzjoni impost fuq ir‑residenti għat-tul

36.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109 jistipula espressament il‑possibbiltà li l-għoti tal-istatus ta’ resident għat-tul jiġi suġġett għal “kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni” skont id-dritt nazzjonali.

37.

Madankollu, id-Direttiva ma tispeċifikax jekk u sa fejn l‑impożizzjoni ta’ obbligu ta’ integrazzjoni tibqa’ possibbli wara l‑kisba ta’ dan l-istatus.

38.

L-opinjonijiet tal-partijiet u tal-intervenjenti fil-proċedura huma diverġenti fuq dan il-punt. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Portugiż jikkunsidraw li l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ integrazzjoni fuq ir-residenti għat-tul hija kuntrarja għad-Direttiva 2003/109. Bil-kontra, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, filwaqt li jsostnu li l-imsemmija direttiva ma tiddeċidix dwar din il-kwistjoni, iqisu li dan l-obbligu jista’ jiġi impost.

39.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, iż-żewġ rikorrenti fil‑kawża prinċipali ilhom is-snin jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u huma parti minn grupp ta’ residenti għat-tul “anzjani”, għaliex kisbu dan l-istatus qabel ma l-obbligu ta’ integrazzjoni beda japplika fir‑realtà. Madankollu, skont id-dritt Olandiż, huma xorta għandhom l-obbligu li jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni ( 9 ).

40.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti Olandiża tqajjem dubju dwar il-possibbiltà li jiġi impost obbligu ta’ integrazzjoni fuq persuni li diġà jibbenefikaw mill-istatus ta’ resident għat-tul. Skont il‑qorti tar-rinviju, il-kisba ta’ dan l-istatus tfisser li l-persuna kkonċernata ssodisfat l-obbligu li turi li ankrat ruħha fil-pajjiż ospitanti, kif stipulat fil-premessa 6 tad-Direttiva 2003/109, u, għalhekk, li l-integrazzjoni tagħha ntlaħqet.

41.

Nixtieq nenfasizza li — kif il-qorti tar-rinviju tindika korrettament — id-Direttiva 2003/109 hija bbażata fuq l-idea li, maż-żmien, ir‑rabtiet tal-persuna residenti b’mod legali u mhux interrott fl-Istat Membru kkonċernat jakkwistaw natura stabbli u juru li l-persuna ankrat ruħha fis-soċjetà. Id-Direttiva hija intiża sabiex tagħti status partikolari liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li stabbilixxew ruħhom għat-tul fl-Istati Membri, għaliex l‑integrazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni ( 10 ).

42.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din l-idea ma teskludix il‑possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw azzjonijiet ta’ integrazzjoni fir-rigward tar-residenti għat-tul.

43.

Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/109 tuża żewġ kunċetti differenti fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ integrazzjoni. L-Artikolu 5(2) jawtorizza l-applikazzjoni ta’ “kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni” ( 11 ) għall-għoti tal-istatus ta’ resident għat-tul. L-Artikolu 15(3) tad‑Direttiva, li jirrigwarda d-dritt tar-resident għat-tul li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jawtorizza lill-pajjiż ospitanti jimponi “miżuri ta’ integrazzjoni” fuq il-persuna li tkun kisbet l-istatus ta’ resident għat-tul fi Stat Membru ieħor ( 12 ), sakemm din il-persuna ma tkunx diġà ntalbet tissodisfa kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni sabiex tikseb dan l-istatus f’dan l-Istat l-ieħor ( 13 ).

44.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata permezz tal-oriġini tad‑dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Matul ix-xogħol preparatorju tad‑Direttiva 2003/109, ċerti Stati Membri pproponew, fi ħdan il‑Kunsill, li fl-Artikolu 15 jiġi ssostitwit it-terminu “miżuri” b’“kundizzjonijiet”, proposta li madankollu ma ġietx introdotta fit-test definittiv tad-Direttiva ( 14 ).

45.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 juru wkoll il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn miżuri u kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni. L‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti lill-Istati Membri jitolbu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu talbu awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju għar-riunifikazzjoni tal-familja jikkonformaw ruħhom ma’ miżuri ta’ integrazzjoni. Hawnhekk il-leġiżlatur uża l-istess kliem bħal fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/109. Kif innota l-Avukat Ġenerali Mengozzi wara li analizza l-oriġini tal-Artikolu 15(3) tad‑Direttiva 2003/109 u kkompara d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ direttivi, il-leġiżlatur delibarament uża kunċett differenti minn dak ta’ “kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni” marbut mal-kisba ta’ ċerti drittijiet ( 15 ).

46.

Id-distinzjoni msemmija hawn fuq hija partikolarment importanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86. Il-kunsiderazzjoni tal-eżami ta’ integrazzjoni bħala “kundizzjoni” indispensabbli għall‑kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju ta’ membru tal‑familja tippreġudika l-essenza stess tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ( 16 ).

47.

Id-distinzjoni inkwistjoni għandha wkoll rwol essenzjali fil‑kuntest tad-Direttiva 2003/109: il-miżuri ta’ integrazzjoni imposti fuq ir-residenti għat-tul li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jikkostitwixxu “kundizzjonijiet”, fis-sens li dawn ma għandhomx ikunu la de jure u lanqas de facto strument ta’ għażla ta’ persuni jew ta’ kontroll tal-immigrazzjoni. Inkella, dawn l-azzjonijiet ta’ integrazzjoni jerġgħu jippreġudikaw id-dritt ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni, li huwa aspett fundamentali tal-istatus ġuridiku li jirriżulta mid-Direttiva 2003/109.

48.

Iż-żewġ atti leġiżlattivi ċċitati iktar ’il fuq jagħmlu għalhekk distinzjoni bejn l-azzjonijiet ta’ integrazzjoni ddefiniti bħala kundizzjonijiet ta’ kisba jew ta’ eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet u dawk iddefiniti bħala miżuri li huma intiżi biex sabiex jiffaċilitaw l‑integrazzjoni tal-persuni ( 17 ).

49.

Fl-opinjoni tiegħi, l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ integrazzjoni fuq ir-residenti għat-tul ma hijiex kuntrarja għall-għanijiet tad‑Direttiva 2003/109, għaliex dawn il-miżuri huma intiżi esklużivament sabiex iħajru lir-residenti għat-tul jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Istat ta’ residenza.

50.

Dawn il-miżuri jidhru wkoll ammissibbli fid-dawl tal-istruttura tad-Direttiva. Kif diġà fakkart, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva jippermetti lil Stat Membru — taħt ċerti kundizzjonijiet partikolari — li jimponi miżuri ta’ integrazzjoni fuq persuna li tkun kisbet l-istatus ta’ resident għat-tul fi Stat Membru ieħor. Xejn ma jindika li l-impożizzjoni ta’ miżuri simili għar-residenti “nazzjonali”, li ma jkunux użaw id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, hija kuntrarja għall-għanijiet tad‑Direttiva.

51.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tar-residenti għat-tul billi jsemmu l-fatt li l‑obbligu ta’ integrazzjoni ma ġiex impost la fuq iċ-ċittadini Olandiżi u lanqas fuq iċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni.

52.

Dan l-argument ma jikkonvinċinix, għaliex, fir-rigward tal‑obbligu ta’ integrazzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli għal dik taċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat jew taċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni.

53.

Din il-konklużjoni hija wkoll valida għaċ-ċittadini barranin li għandhom l-istatus ta’ resident għat-tul. Skont l-Artikolu 11(1) tad‑Direttiva, il-persuna residenti għat-tul għandha tgawdi minn ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini fil-bosta oqsma msemmija f’din id-dispożizzjoni (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għal impjieg u għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-sigurtà soċjali kif ukoll l-aċċess għal oġġetti u għal servizzi). Id-dritt tar-residenti għat-tul għal ugwaljanza fit-trattament japplika għalhekk prinċipalment għall‑oqsma konkreti elenkati fl-Artikolu 11(1) tad‑Direttiva 2003/109 ( 18 ). Ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni huwa rifless fil-premessa 2 tad-Direttiva, li ssemmi l-“approssimazzjoni” tal‑istatus tar-residenti għat-tul ma’ dak taċ-ċittadini, iktar milli l‑armonizzazzjoni tal-istatus tagħhom.

54.

Fl-opinjoni tiegħi ma hemmx dubju li dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw iż-żamma tal-istatus ta’ resident għat-tul jew l‑eżerċizzju tad-drittijiet relatati miegħu għall-kundizzjoni ta’ obbligu ta’ integrazzjoni huma kuntrarji wkoll għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109, li jistipula l-kundizzjonijiet għall-irtirar jew għat-telf ta’ dan l-istatus, u għall-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, li ma jippermettix li jiġu imposti “kundizzjonijiet” ta’ integrazzjoni ħlief sabiex jinkiseb dan l‑istatus.

55.

Id-distinzjoni bejn l-obbligu ta’ integrazzjoni bħala miżura jew kundizzjoni ta’ integrazzjoni għalhekk għandha importanza deċiżiva f’din il-kawża.

56.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma applikabbli f’din il-kawża ma jistipulawx b’mod espliċitu l-obbligu li persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni bħala “kundizzjoni” għat-tgawdija tal-istatus ta’ resident għat-tul. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ma jwassalx għat-telf tal-istatus tar‑resident għat-tul u lanqas għal-limitazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minnu. Kif jirriżulta mill-proċess, l-unika konsegwenza negattiva fit‑dritt nazzjonali hija l-impożizzjoni ta’ multa.

57.

Għalhekk jiena ma neskludix li l-obbligu ta’ integrazzjoni previst fid-dritt Olandiż jista’ jitqies li huwa “miżura ta’ integrazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2003/109.

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li d‑Direttiva 2003/109, u b’mod partikolari l-Artikoli 5(2) u 11(1) tagħha, ma jipprekludux li jiġu imposti miżuri ta’ integrazzjoni fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul fl-Istat Membru kkonċernat ( 19 ), sakemm dawn il-miżuri jkollhom biss l-għan li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-persuna kkonċernata u sakemm ma jikkostitwixxux kundizzjoni espliċita jew moħbija għaż-żamma ta’ dan l-istatus jew għall‑eżerċizzju tad-drittijiet relatati miegħu.

59.

Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, nixtieq nenfasizza li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq, ma tagħmilx differenza li jkun magħruf jekk l-obbligu ta’ integrazzjoni ġiex impost qabel ma l-persuna kkonċernata kisbet l-istatus ta’ resident għat-tul jew wara din id-data. Jekk l-Istat Membru ma stipulax tali obbligu bħala kundizzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul, ma jistax jerġa’ lura minn din id-deċiżjoni billi jimponi, fir-rigward tal-persuni li diġà jibbenefikaw mill-imsemmi status, kundizzjoni għaż‑żamma ta’ dan l-istatus jew għall-eżerċizzju tad-drittijiet relatati miegħu. Wara l-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul, l-azzjonijiet ta’ integrazzjoni intiżi għal dawn il-persuni għandhom ikunu limitati għal miżuri ta’ integrazzjoni ( 20 ).

60.

Issa għandu jiġi eżaminat sa fejn id-dritt tal-Unjoni jista’ jillimita l-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kontenut ta’ tali miżuri ta’ integrazzjoni.

C – Evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu obbligu ta ’ integrazzjoni fuq ir-residenti għat-tul

1. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija fid-dritt tal-Unjoni

61.

Kif diġà osservajt, id-Direttiva 2003/109 tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jimponu obbligu ta’ integrazzjoni “skond il-liġi nazzjonali” [Artikoli 5(2) u 15(3)], iżda ma fiha l-ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tal-miżuri inkwistjoni jew dwar il-kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tagħhom, u f’dan ir-rigward tirreferi għad-dritt nazzjonali.

62.

Liema huma l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-obbligu ta’ integrazzjoni?

63.

Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati kemm mill-perspettiva tal‑projbizzjoni li jiġi kkawżat preġudizzju għall-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fir-rigward tal-obbligu tal-osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

64.

Nixtieq nenfasizza li d-Direttiva 2003/109 toħloq status ġuridiku ġdid għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni, u dan jimplika l-ħtieġa li dan l-istatus jiġi rregolat b’mod eżawrjenti.

65.

F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni li l-azzjonijiet ta’ integrazzjoni jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tal-Istati Membri bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi konkluż abbażi tagħha biss li dawn iżommu libertà totali f’dan il-qasam. L-eżerċizzju, mill-Istati Membri, tal-kompetenzi tagħhom, sa fejn jaffettwa d-drittijiet mogħtija u mħarsa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ).

66.

F’dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ tariffi għall-ħruġ ta’ permessi u ta’ titoli ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2003/109, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, jekk l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiffissaw l-ammont ta’ dawn it-tariffi, huma ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tipperikola t-twettiq tal‑għanijiet ta’ direttiva u, b’hekk, iċċaħħadha mill-effettività tagħha ( 22 ).

67.

Ma għandi l-ebda dubju li, meta Stat Membru juża possibbiltà espressament prevista mid-Direttiva 2003/109, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni.

68.

Dan huwa l-każ meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali jissuġġettaw il-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul għal “kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni” skont is-setgħat espressament previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109. Hawnhekk għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li l-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul hija suġġetta għal proċedura partikolari rregolata mid-Direttiva 2003/109, li tiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dan l-istatus ( 23 ).

69.

Lanqas hemm dubju li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li, skont l‑Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/109, jimponu “miżuri ta’ integrazzjoni” fuq persuna li tkun kisbet l-istatus ta’ resident għat-tul fi Stat Membru ieħor jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni.

70.

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi obbligu ta’ integrazzjoni fuq ir-residenti għat-tul “nazzjonali”, jiġifieri dawk li ma użawx id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

71.

Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

72.

L-istatus ta’ resident għat-tul jirriżulta esklużivament mid-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, id-distinzjoni bejn ir-residenti għat-tul “migranti” u “nazzjonali”, jiġifieri bejn dawk li użaw id-dritt ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni u dawk li ma eżerċitawx dan id-dritt, ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni. Anki meta resident għat-tul ma jeżerċitax id-dritt ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, din ma tistax titqies li hija sitwazzjoni purament interna.

73.

Għalhekk jiena tal-fehma li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu obbligu ta’ integrazzjoni fuq il-persuni li għandhom l-istatus ta’ resident għat-tul jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-fatt li l-persuna kkonċernata tkun eżerċitat jew le d-dritt ta’ residenza tagħha fi Stat Membru ieħor.

74.

Is-soluzzjoni żviluppata hawn fuq hija wkoll effettiva sabiex jiġu ddefiniti l-limiti tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal‑Artikolu 51(1) tal-Karta ( 24 ). Din id-dispożizzjoni tal-Karta hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d‑drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jistgħu jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal‑Unjoni ( 25 ).

75.

Din il-konstatazzjoni tinkludi mingħajr dubju s-sitwazzjoni fejn Stat Membru jinvoka possibbiltà ta’ implementazzjoni ta’ direttiva espressament prevista mid-dispożizzjonijiet tagħha jew li tirriżulta mill-istruttura stess tad-direttiva — bħal ma huwa l-każ f’din il-kawża.

76.

Huwa irrilevanti li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 dwar il-kundizzjonijiet u l-miżuri ta’ integrazzjoni jirreferu għad-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddikjara li, meta l-Istati Membri jistabbilixxu l-portata tad-drittijiet ta’ resident għat-tul għall-benefiċċji soċjali fis-sens tal-Artikoli 11(1)(d) u 11(4) tad-Direttiva 2003/109, kif ukoll il-portata tas-servizzi essenzjali, huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta, anki jekk id-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija tad-Direttiva tirreferi għad‑dritt nazzjonali ( 26 ).

77.

Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw id-dħul fit-territorju bis-saħħa tad-dritt għar‑riunifikazzjoni tal-familja għal miżuri ta’ integrazzjoni. F’din l‑okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk l-imsemmija miżuri kinux iġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u jekk kinux proporzjonati ( 27 ). Ċertament, din l-analiżi kienet ibbażata fuq il-libertà ta’ stabbiliment mogħtija bis-saħħa tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni mat-Turkija. Madankollu, l-użu ta’ kriterji analogi sabiex jiġu evalwati miżuri ta’ integrazzjoni ma għandux iqajjem dubji, b’mod partikolari meta l-imsemmija miżuri jkunu imposti f’qasam li huwa rregolat minn direttiva tal-Unjoni dwar il-politika tal‑immigrazzjoni.

78.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nqis li d‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu miżuri ta’ integrazzjoni fuq ir‑residenti għat-tul jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, inkluż fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

2. Evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ integrazzjoni

79.

Kif diġà indikajt, ladarba l-Artikolu 79(4) TFUE jeskludi l‑kompetenza tal-Unjoni sabiex tarmonizza d-dritt fil-qasam tal‑integrazzjoni, jidher raġonevoli li jingħad li d-dritt tal-Unjoni jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

80.

Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma għandux jintuża mill-Istati Membri b’mod li jippreġudika l-għan u l‑effettività tad-Direttiva ( 28 ). Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu wkoll konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità: l-obbligu ta’ integrazzjoni għandu jkun adegwat sabiex jiżgura t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq ( 29 ).

81.

Meta jirrigwarda residenti għat-tul, l-obbligu ta’ integrazzjoni ma jistax jirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati mal-istatus tagħhom. Dan l-obbligu ma għandux ikun ta’ ostakolu għall‑eżerċizzju tad-dritt għal impjieg u għal attività ekonomika, u lanqas jostakola d-dritt għal edukazzjoni u għal taħriġ vokazzjonali. L‑aċċess għal korsijiet ta’ filgħaxija għandu, f’dan ir-rigward, importanza essenzjali; bl-istess mod, għandha tiġi kkunsidrata l-ispiża tat-taħriġ vokazzjonali u l-aċċess għal sistema ta’ għajnuna finanzjarja ( 30 ). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li drittijiet fiskali li għandhom effett finanzjarju kunsiderevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid‑Direttiva 2003/109 għall-għoti ta’ permess ta’ residenza jistgħu jċaħħdu lil dawn iċ-ċittadini mill-possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, u dan jippreġudika t‑twettiq tal-għan tagħha ( 31 ).

82.

Wara li ġie eżaminat jekk ir-rekwiżiti fir-rigward tal‑integrazzjoni imposti fuq ir-residenti għat-tul humiex fihom infushom sproporzjonati, dawn għandhom jiġu kkomparati wkoll mar‑rekwiżiti applikabbli għall-finijiet tal-kisba tan-nazzjonalità permezz ta’ naturalizzazzjoni. Ir-rekwiżiti imposti fuq ir-residenti għat‑tul għandhom ikunu inqas — u, fi kwalunkwe każ, ma għandhomx ikunu ogħla — minn dawk li japplikaw għall-kisba tan‑nazzjonalità ( 32 ).

83.

Il-miżuri applikati għandhom ikunu kompatibbli mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7 tal-Karta), il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon (Artikolu 10 tal-Karta), in-nondiskriminazzjoni (Artikolu 21 tal-Karta) ( 33 ), id‑drittijiet tat-tfal (Artikolu 24 tal-Karta), kif ukoll id-drittijiet tal‑anzjani (Artikolu 25 tal-Karta) u ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali (Artikolu 26 tal-Karta).

84.

Jekk hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa d‑dispożizzjonijiet interni fid-dawl tal-prinċipji hawn fuq imsemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti punti ta’ interpretazzjoni meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.

85.

Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxux kundizzjonijiet jew miżuri ta’ integrazzjoni fis-sens tad‑Direttiva 2003/109. Minkejja li la d-Direttiva 2003/86 u lanqas id‑Direttiva 2003/109 ma jagħtu indikazzjonijiet speċifiċi f’dan ir‑rigward, jibqa’ l-fatt li l-“miżuri ta’ integrazzjoni” għandhom jiġu kkunsidrati li huma inqas restrittivi mill-“kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni” ( 34 ).

86.

Il-miżuri ta’ integrazzjoni — għall-kuntrarju tal-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni — għandhom biss l-għan li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Istat ikkonċernat u fl-ebda każ ma jistgħu jkunu strument ta’ għażla ta’ immigranti jew ta’ kontroll tal-immigrazzjoni ( 35 ).

87.

F’dan il-kuntest, x’inhi l-funzjoni tal-obbligu li persuna tgħaddi mill‑eżami ta’ integrazzjoni?

88.

L-eżami huwa mezz li bih jiġi evalwat il-livell ta’ għarfien tal‑persuna kkonċernata. Huwa joħloq livell li jippermetti li jiġu kkwalifikati l-persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti mixtieqa, bil-premessa li wħud minnhom ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. Peress li l-eżami huwa organizzat mill-Istat, jikkostitwixxi mingħajr dubju strument ta’ għażla bbażat fuq kriterji ddefiniti mill‑amministrazzjoni.

89.

Min-naħa l-oħra, ma narax kif l-introduzzjoni ta’ eżami obbligatorju li jevalwa l-għarfien tal-lingwa jew tas-soċjetà tista’ tikkontribwixxi għall-għan segwit permezz tal-miżuri ta’ integrazzjoni, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fis-soċjetà. Dan jgħodd b’mod partikolari għal persuna residenti legalment għal perijodu twil fl-Istat Membru kkonċernat u li tibbenefika b’dan il-mod mill-istatus ta’ resident għat-tul u li, indipendentement mill-kapaċitajiet lingwistiċi tagħha jew tal‑għarfien tagħha tas-soċjetà inkwistjoni, għandha diġà netwerk solidu ta’ rabtiet soċjali.

90.

L-impożizzjoni fuq tali persuna tal-obbligu li hija tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni f’terminu stabbilit tippreġudika l-essenza stess tal-miżuri ta’ integrazzjoni, li għandhom ikunu azzjonijiet intiżi sabiex jiffavorixxu l-adattazzjoni għas-soċjetà kkonċernata, u mhux sabiex jistabbilixxu rekwiżiti ta’ kwalifikazzjoni marbuta mar-residenza fl-Istat Membru.

91.

L-obbligu li persuna tgħaddi mill-eżami huwa miżura inqas u inqas adegwata fil-każ tal-persuni li għandhom l-istatus ta’ resident għat-tul għaliex — kif donnu jirriżulta mis-sistema Olandiża deskritta fid-deċiżjoni tar‑rinviju ( 36 ) — l-imsemmi eżami huwa l-uniku kriterju li permezz tiegħu jista’ jiġi stabbilit il-livell ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata.

92.

Persuna li tkun ilha tgħix għal perijodu twil f’ambjent speċifiku neċessarjament tinseġ sensiela ta’ rabtiet li jippermettulha tintegra ruħha (permezz taż-żwieġ jew tal-familja, il-ħajja mal-ġirien, ix‑xogħol, il-prattika ta’ passatemp jew l-eżerċizzju ta’ attività fi ħdan organizzazzjonijiet mhux governattivi). Miżura ta’ integrazzjoni li ma tippermettix evalwazzjoni individwali ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fattwali u li tieħu inkunsiderazzjoni biss ir-riżultat ta’ eżami ta’ integrazzjoni ma hijiex fi proporzjon mal-għan intiż sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal‑persuna kkonċernata fil-ħajja tas-soċjetà.

93.

Il-possibbiltà li jiġi impost eżami ta’ integrazzjoni bħala miżura intiża sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tal-immigranti ma tidhirx li hija konformi mal-premessi li fuqhom huma bbażati l-prinċipji bażiċi komuni tal-politika ta’ integrazzjoni tal-immigranti, imħabbra mill‑Kunsill fl-2004 u kkonfermati permezz tal-programm imsejjaħ ta’ Stockholm ( 37 ).

94.

Il-prinċipji bażiċi jiddefinixxu l-integrazzjoni bħala proċess dinamiku f’sens doppju li fih l-elementi ewlenin huma l-interazzjoni, l‑intensifikazzjoni tal-iskambji bejn immigranti u ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u l-promozzjoni ta’ djalogu interkulturali. Dan id‑dokument jgħid li għarfien bażiku tal-lingwa, tal-istorja u tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ospitanti huwa element indispensabbli tal-integrazzjoni u li huwa essenzjali li l-immigranti jingħataw il‑possibbiltà li jakkwistaw dan l-għarfien sabiex jintegraw ruħhom. Madankollu, id-diversi miżuri rrakkomandati għal dan il-għan fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni ma jinkludux eżamijiet jew testijiet ta’ integrazzjoni ( 38 ).

95.

Fl-opinjoni tiegħi, dan ma jfissirx li l-miżuri ta’ integrazzjoni ma jistgħux jimponu obbligi fuq ir-residenti għat-tul. Madankollu, dawn l‑obbligi ma għandhomx jimplikaw il-ħtieġa li jintwera livell stabbilit minn qabel ta’ kompetenzi lingwistiċi jew ta’ għarfien tas‑soċjetà permezz ta’ eżami jew ta’ test ta’ kapaċità ( 39 ).

96.

Nixtieq nenfasizza li opinjoni simili — li l-miżuri ta’ integrazzjoni ma jistgħux jinkludu obbligi ta’ riżultat bħall-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami — ġiet espressa fid-duttrina ( 40 ).

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l‑“miżuri ta’ integrazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2003/109, b’mod differenti mill-“kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni”, ma jistgħux jinkludu obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni.

3. Proporzjonalità tas-sanzjoni

98.

Il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax timponi sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ integrazzjoni għandha tiġi eżaminata b’mod separat.

99.

Fl-opinjoni tiegħi, din il-kwistjoni għandha titqies li hija ipotetika, għaliex mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill‑osservazzjonijiet tal-partijiet u tal-partijiet intervenjenti fil‑proċedura jirriżulta li ma ġiet imposta l-ebda multa fuq ir-rikorrenti.

100.

Madankollu, peress li din il-kwistjoni ġiet diskussa matul il‑proċedura u peress li, mill-bqija, il-pożizzjonijiet espressi f’dan ir-rigward kienu ċarament diverġenti ( 41 ), nixtieq inressaq xi osservazzjonijiet fuq dan il-punt.

101.

Is-sanzjoni tenfasizza n-natura ta’ koerċizzjoni tal-azzjonijiet ta’ integrazzjoni u r-rwol tagħhom bħala strument ta’ kontroll f’idejn l‑amministrazzjoni, u b’hekk telimina d-differenza bejn kundizzjoni u miżura ta’ integrazzjoni. Il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni timplika livell għoli ta’ ndħil mill-Istat fis-sitwazzjoni tal-persuni li għandhom l‑istatus ta’ resident għat-tul, li huwa protett mid-dritt tal-Unjoni.

102.

L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq ir-residenti għat-tul sabiex jiġu mġiegħla jipparteċipaw fl-azzjonijiet ta’ integrazzjoni tidher diffiċli li tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-Direttiva 2003/109.

103.

L-unika forma ta’ pressjoni finanzjarja li tista’ tiġi aċċettata mingħajr riżerva f’sitwazzjoni simili hija r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minħabba l-organizzazzjoni tal-azzjonijiet ta’ integrazzjoni, meta l‑persuna kkonċernata tkun rrinunzjat mingħajr raġuni li tipparteċipa fl-imsemmija azzjonijiet.

104.

Madankollu, kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill‑Kummissjoni f’din il-kawża, ma neskludix il-possibbiltà li tiġi applikata wkoll sanzjoni taħt il-forma ta’ multa imposta fuq il-persuna li tkompli tevita l-obbligu impost fuqha fil-kuntest tal-miżuri ta’ integrazzjoni. Madankollu, il-piena għandha tkun proporzjonata mal-ksur u għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom tali att jitqies li huwa oġġezzjonabbli ( 42 ). Sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il‑fatt li r-riżorsi finanzjarji tal-immigranti huma b’mod ġenerali inqas mill-medja nazzjonali. L-applikazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien u fil-każ ta’ fatti li jirrepetu ruħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit jekk is-sanzjoni finanzjarja kkonċernata hijiex ta’ natura repressiva, li jwassal għall-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 49(3) tal-Karta, li jipprevedi li s‑severità tal-piena ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur ( 43 ).

105.

Dawn l-indikazzjonijiet jidhru rilevanti għal din il-kawża, għaliex, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet magħmula mill-Gvern Olandiż matul is-seduta, l-ammont massimu tal-multa minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ integrazzjoni jilħaq, fil-Pajjiżi l-Baxxi, livell sostanzjali, jiġifieri EUR 1,000, u s-sanzjoni tista’ terġa’ tiġi imposta darb’oħra f’każ li persuna ma tgħaddix mill-eżami f’terminu ġdid, u dan mingħajr ebda limitu fir-rigward tal-kumulu tas-sanzjonijiet fil-każ ta’ “reċidiva”. B’multa stabbilita f’livell daqstant għoli u li l‑applikazzjoni tagħha ma hijiex limitata fil-każ ta’ nuqqasijiet ulterjuri mit-twettiq tal-obbligu ta’ integrazzjoni, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, għal ċerti persuni, it-theddida ta’ sanzjonijiet tikkostitwixxix motiv sabiex jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u dan jippreġudika manifestament l-istatus ta’ resident għat-tul li jirriżulta mid‑Direttiva 2003/109.

106.

Ir-raġunijiet li għadhom kemm ġew esposti jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li s-sanzjoni taħt il-forma ta’ multa prevista fid-dritt Olandiż fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ integrazzjoni hija sproporzjonata, kemm fir-rigward tal-ammont tagħha kif ukoll fir-rigward tal‑kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tagħha.

VI – Konklużjoni

107.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tas-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi) tkun kif ġej:

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ma tipprekludix li Stat Membru jimponi obbligi li jikkonsistu f’miżuri ta’ integrazzjoni fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-istatus ta’ resident għat-tul miksub fl-Istat Membru kkonċernat. Dawn il-miżuri ma jistax ikollhom għan ieħor għajr dak li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-persuna kkonċernata u ma jistgħux ikunu kundizzjonijiet għaż-żamma tal-imsemmi status jew għall-eżerċizzju tad-drittijiet relatati miegħu.

Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-miżuri ta’ integrazzjoni ma jistgħux jirrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati mal-istatus ta’ resident għat-tul eċċessivament diffiċli; huma għandhom ikunu adegwati sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-integrazzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan. B’mod partikolari, il-miżuri ta’ integrazzjoni imposti fuq ir-residenti għat-tul ma jistgħux jinkludu obbligu li huma jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika.

2)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-interpretazzjoni msemmija hawn fuq, huwa irrilevanti jekk dan l-obbligu ġiex impost qabel ma l‑persuna kkonċernata tkun kisbet l-istatus ta’ resident għat-tul.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 )   Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011 (ĠU L 132, p. 1).

( 3 )   Ara wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224); id‑Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il‑kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terza għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 153 M, p. 330); id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE, tat-12 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (ĠU L 289, p. 15); u d-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE, tal-25 ta’ Mejju 2009, dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, p. 17).

( 4 )   Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2003/109 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg [COM (2003) 336 finali tat-3 ta’ Ġunju 2003].

( 5 )   L-istatus ġuridiku taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu legalment fi Stat Membru, iżda li għad ma għandhomx l-istatus ta’ resident għat-tul huwa rregolat mid‑Direttiva 2011/98/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011 (ĠU L 343, p. 1), li hija iktar restrittiva.

( 6 )   It-terminu Ingliż “denizen” (li, f’waħda mit-tifsiriet tiegħu, ifisser “barrani naturalizzat” ġie introdott fid-duttrina dwar il-problematika tal-migrazzjoni sabiex jiddefinixxi l-istatus intermedjarju bejn l-istatus taċ-ċittadini u dak tal-barranin. Ara Hammar, T., Democracy and the Nation State: Aliens, Denizens, and Citizens in a World of International Migration, Aldershot, Avebury, 1990.

( 7 )   L-Artikolu 79(4) TFUE jeskludi kull kompetenza tal-Unjoni fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jippromwovu l-integrazzjoni ta’ ċittadini barranin.

( 8 )   Ara r-rapport tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Settembru 2011, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul [COM(2011)585, p. 3].

( 9 )   Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrenti S. twieldet fit-territorju ta’ dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava u li ma huwiex eskluż li hija għandha ċ-ċittadinanza Kroata, informazzjoni li r-rappreżentant tar-rikorrenti kkonferma matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk dan huwa l-każ, S. ma tibqax marbuta b’obbligu ta’ integrazzjoni, għaliex tkun kisbet iċ-ċittadinanza tal-Unjoni fil-jum tal-adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni. Barra minn hekk, nixtieq nosserva li l-fatt li din ir-rikorrenti hija ċittadina tal-Unjoni jeskludi wkoll l-applikazzjoni ta’ sanzjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ integrazzjoni, inkluż f’dak li jirrigwarda l-perijodu qabel l-adeżjoni.

( 10 )   Ara s-sentenza Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 32).

( 11 )   Il-verżjoni Pollakka tad-Direttiva hija differenti mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, għaliex, fl-Artikolu 15(3), hija tuża, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni subparagrafu, il-kunċett ta’ “azzjonijiet ta’ integrazzjoni” (“działańia integracyjne”). Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża l-kunċetti ta’ “miżuri ta’ integrazzjoni” (“środki integracji”) jew ta’ “kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni” (“warunki integracji”). Il-verżjoni Pollakka tad-Direttiva 2009/50, posterjuri, tuża, filwaqt li tirreferi għad-Direttiva 2003/86, il-kunċetti ta’ “kundizzjonijiet u miżuri ta’ integrazzjoni” (“warunki i środki dotyczące integracji”).

( 12 )   Ara, fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża, Ingliża u Franċiża, rispettivament: “Integrationsanforderungen” u “Integrationsmaßnahmen”, “integration conditions” u “integration measures”, “conditions d’intégration” u “mesures d’intégration”. Min-naħa l-oħra, it-test tad-Direttiva 2003/109 fil-lingwa Olandiża juża kunċett uniku (“integratievoorwaarden”) u ma jużax din id-distinzjoni. Madankollu din tidher fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2009/50 (“integratievoorwaarden en‑maatregelen”).

( 13 )   Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/109, l-obbligu li jsegwu korsijiet tal-lingwa jista’ jiġi aċċettat b’mod eċċezzjonali.

( 14 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:287, punt 51), li jirreferu għal nota tal-Presidenza tal-Kunsill, tal-14 ta’ Marzu 2003 (Dokument tal-Kunsill Nru 7393/1/03 REV 1, p. 5).

( 15 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Dogan (EU:C:2014:287, punti 51 sa 56). L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2009/50 ukoll jirreferi għal “kundizzjonijiet u miżuri ta’ integrazzjoni”. Ara wkoll l-Artikoli 7, 10 u 11 tad-Direttiva 2004/114, li jistipulaw “kundizzjonijiet” fakultattivi ta’ għoti tal‑permess ta’ dħul u ta’ residenza ta’ studenti (obbligu li tinġab il-prova ta’ għarfien suffiċjenti tal-lingwa) kif ukoll ċerti rekwiżiti applikabbli għall‑istagiaires mhux imħallsa u għall-voluntiera (jagħmlu kors tal-lingwa).

( 16 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar jekk id‑Direttiva 2003/86 tipprekludix li d-dħul fit-territorju nazzjonali jkun suġġett għall-obbligu li persuna tgħaddi minn tali eżami (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Dogan, EU:C:2014:287, punt 59, kif ukoll id-dokumenti tal‑Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 ta’ dawn il‑konklużjonijiet). Il-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali kkunsidra li jkun kuntrarju għall-Artikolu 19(6) tal-Karta Soċjali Ewropea jekk id-dħul fit-territorju nazzjonali jew it-tkomplija tar-residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jkunu suġġetti għal tali obbligu (ara d-dokument ta’ xogħol tal-15 ta’ Lulju 2014 intitolat “Ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-Karta Soċjali Ewropea”, punt 76).

( 17 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Dogan (EU:C:2014:287, punt 53).

( 18 )   Skont l-Artikolu 11(5), l-Istati Membri jistgħu jestendu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ugwali għal oqsma mhux koperti mill-paragrafu 1.

( 19 )   Infakkar li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul fi Stat Membru ieħor hija rregolata mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/109.

( 20 )   Kif jirriżulta mill-proċess, din hija s-sitwazzjoni tar-rikorrenti P., li kisbet l‑istatus ta’ resident għat-tul fl-14 ta’ Novembru 2008, jiġifieri, wara d-dħul fis‑seħħ tal-Wi fl-1 ta’ Jannar 2007 u wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva tal-1 ta’ Awwissu 2008 li stabbilixxiet terminu individwali li fih kellha tgħaddi mill-eżami. Infakkar li qabel l-1 ta’ Jannar 2010, il-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul fil-Pajjiżi l-Baxxi ma kinitx suġġetta għall-kundizzjoni li persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni.

( 21 )   F’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju, mill-Istati Membri, tal-kompetenzi tagħhom sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membri, ara s‑sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 48).

( 22 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punti 64 u 65).

( 23 )   Ara s-sentenzi Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 66) u Tahir (EU:C:2014:2094, punt 27).

( 24 )   Mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta. Din id-dispożizzjoni ma fadlilhiex portata awtonoma, għaliex, skont l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 6(1) TUE, il-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati.

( 25 )   Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19).

( 26 )   Ara s-sentenza Kamberaj (EU:C:2012:233, punt 81).

( 27 )   Ara s-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punti 37 u 38) dwar l‑Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali mehmuż mal-Ftehim li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Europea u t-Turkija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41).

( 28 )   Ara, f’dan is-sens, fuq id-Direttiva 2003/86, is-sentenza Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Mengozzi fil-Kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punt 61).

( 29 )   Ara s-sentenza Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 )   Din il-kundizzjoni hija essenzjali wkoll għall-finijiet tal-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul, għaliex, skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2003/109, il‑kunsiderazzjonijiet ekonomiċi ma għandhomx ikunu bażi għal rifjut ta’ għoti tal‑imsemmi status u ma għandhomx jitqiesu li jfixklu l‑kundizzjonijiet rilevanti.

( 31 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:243, punt 70).

( 32 )   Ara r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 (COM(2011)585 finali, p. 4), u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:243, punt 78).

( 33 )   Il-premessa 5 tad-direttiva tfakkar fil-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi, b’mod partikolari, ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija f’minoranza nazzjonali, fortuna, twelid, diżabbiltajiet, età jew orjentazzjoni sesswali.

( 34 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Dogan (EU:C:2014:287, punt 52).

( 35 )   Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 )   Mid-dispożizzjonijiet Olandiżi ċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bħala eċċezzjoni, ma hijiex marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni, il-persuna li, b’mod partikolari, għandha età ta’ inqas minn 16-il sena jew għandha 65 sena jew iktar, ilha residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-inqas tmien snin matul l-età skolastika mandatorja, għandha diploma, ċertifikat jew dokument ieħor adegwat u uriet li għandha kapaċitajiet orali u bil-kitba biżżejjed bl-Olandiż [Artikolu 5(1) tal-Wi].

( 37 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2004, (Dokument tal-Kunsill Nru 14615/04) u tal-11 ta’ Diċembru 2009 (Dokument tal-Kunsill Nru 17024/09) kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aġenda komuni għall‑Integrazzjoni. Qafas għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl‑Unjoni Ewropea” [COM(2005) 389 finali, tal-1 ta’ Settembru 2005].

( 38 )   Il-miżuri proposti fil-livell nazzjonali jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-offerta ta’ tipi differenti ta’ korsijiet tal-lingwa u ta’ edukazzjoni ċivika, ta’ taħriġ u ta’ programmi individwali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversità tas‑sitwazzjonijiet li fihom ikunu l-immigranti, l-edukazzjoni tal-persuni kkonċernati u tal-għarfien minn qabel dwar il-pajjiż.

( 39 )   Bħala eżempji ta’ tali miżuri li ma humiex ibbażati fuq eżami ta’ kapaċità, jista’ jissemma l-obbligu ta’ parteċipazzjoni f’korsijiet tal-lingwa, il-korsijiet ta’ taħriġ intiżi għall-akkwist ta’ għarfien fuq is-soċjetà u d-dritt, il-workshops kulturali jew il-laqgħat ma’ personalitajiet li huma distinti fis-soċjetà inkwistjoni.

( 40 )   Ara Bribosia, E., u Ganty, S., “Arrêt ‘Dogan’: quelle légalité pour les tests d’intégartion civique?”, Journal de droit européen, 2014, No 213, p. 378, kif ukoll d-duttrina abbundanti ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 379. Ċerti awturi jikkunsidraw li l-kunċett ta’ miżuri ta’ integrazzjoni — kuntrarjament għal “kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni”, li jippresupponu dixxiplina u sanzjonijiet — jista’ wkoll ifisser li l-imsemmija miżuri ma jistgħu jinkludu l-ebda rekwiżit obbligatorju u lanqas ebda sanzjoni, ara Carrera, S., “Integration of Immigrants in EU Law and Policy”, taħt id-direzzjoni ta’ Azoulai, L., de Vries, K., EU Migration Law: Legal Complexities and Political Rationales, Oxford University Press 2014, p. 159.

( 41 )   Il-Kummissjoni ssostni li l-unika sanzjoni ammissibbli fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija r-rimbors tal-ispiża tal-azzjonijiet ta’ integrazzjoni, filwaqt li l‑Gvern Olandiż huwa tal-opinjoni li multa ta’ ammont massimu ta’ EUR 1,000 hija proporzjonata.

( 42 )   Il-piena massima inkorsa fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ parteċipazzjoni f’azzjonijiet ta’ integrazzjoni ma tistax tkun ikbar mill-pieni applikati għal ksur simili fil-qasam ta’ obbligi ċivili, pereżempju fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ vot jew ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tittella’ l‑bandiera nazzjonali.

( 43 )   Ara l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali meta mqabbla mas‑sanzjonijiet li ma humiex parti mill-“qalba” tad-dritt kriminali, u b’mod partikolari s-sentenza Jussila, tat-23 ta’ Novembru 2006, (Rikors Nru 73053/01, §43), kif ukoll, dwar il-proporzjonalità tal-piena, is-sentenza Segame SA tas-7 ta’ Ġunju 2012 (Rikors Nru 4837/06, §59).

Top