EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0516

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ppreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2014.
Dimensione Direct Sales srl u Michele Labianca vs Knoll International Spa.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet tal-awtur — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 4(1) — Dritt ta’ distribuzzjoni — Kunċett ta’ ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’ — Offerta għall-bejgħ u reklamar magħmula minn kummerċjant ta’ Stat Membru fis-sit internet tiegħu, permezz ta’ posta diretta u fl-istampa fi Stat Membru ieħor — Riproduzzjonijiet ta’ għamara protetti bid-drittijiet tal-awtur offruti għall-bejgħ mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni — Offerta jew reklam li ma jwasslux għall-akkwist tal-oriġinal jew ta’ kopji ta’ xogħol protett.
Kawża C-516/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2415

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VILLALÓN

ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑516/13

Dimensione Direct Sales srl,

Michele Labianca

vs

Knoll International SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Drittijiet tal-awtur — Direttiva 2001/29/KE — Dritt ta’ distribuzzjoni — Artikolu 4(1) — Kunċett ta’ ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’, b’bejgħ jew b’mod ieħor, tal-oriġinal ta’ xogħol jew ta’ kopja tiegħu — Offerti kuntrattwali — Sit internet li joffri l-bejgħ ta’ riproduzzjonijiet ta’ għamara protetta mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni — Invitatio ad offerendum — Miżuri ta’ reklamar”

1. 

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha tliet domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 2 ), dispożizzjoni li tistabbilixxi favur il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-oriġinal jew ta’ kopji tax-xogħlijiet protetti tagħhom. Il-fatti li taw lok għal kawża prinċipali, li huma differenti minn dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwarhom sa issa, b’mod partikolari fis-sentenzi Peek & Cloppenburg ( 3 ) u Donner ( 4 ), jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tindirizza mill-ġdid l-estensjoni u l-portata tad-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li tirfina dan il-kunċett.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

2.

Il-premessa 28 tad-Direttiva 2001/29 tispeċifika:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. Drittijiet għall-awturi rigward kiri u self ġew stabbiliti fid-Direttiva 92/100/KEE. Id-dritt ta’ distribuzzjoni li hemm provdut dwaru f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kiri u self li hemm fil-Kapitolu I ta’ dik id-Direttiva.”

3.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29, li jipprevedi d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.   Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

B – Id-dritt Ġermaniż

4.

L-Artikolu 15 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz) ( 5 ) jipprovdi:

“(1)   L-awtur għandu dritt esklużiv li jisfrutta x-xogħol tiegħu b’mod tanġibbli; dan id-dritt jinkludi b’mod partikolari:

1.

id-dritt ta’ riproduzzjoni (Artikolu 16)

2.

id-dritt ta’ distribuzzjoni (Artikolu 17)

3.

id-dritt ta’ espożizzjoni (Artikolu 18).

[...]”

5.

L-Artikolu 17(1) tal-UrhG jiddefinixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni kif ġej:

“(1) Id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa d-dritt li jiġi offrut lill-pubbliku jew li jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni x-xogħol oriġinali jew kopji tiegħu.”

II – Il-fatti li taw lok għal kawża prinċipali

6.

Knoll International ( 6 ) SpA hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li tappartjeni mal-grupp internazzjonali Knoll, li l-kumpannija parent tiegħu, Knoll Inc. ( 7 ), għandha s-sede tagħha f’Pennsylvania (l-Istati Uniti). Il-grupp Knoll jimmanifattura u jbigħ għamara fid-dinja kollha u b’mod partikolari għamara ta’ Marcel Breuer u Ludwig Mies van der Rohe, protetta bid-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet tal-arti applikata. Knoll International għandha, abbażi tad-drittijiet tal-awtur, id-drittijiet esklużivi tal-użu tal-għamara ddisinjata minn Marcel Breuer u hija awtorizzata tinvoka d-drittijiet tal-awtur li Knoll għandha fuq l-għamara ta’ Ludwig Mies van der Rohe.

7.

Dimensione Direct Sales srl ( 8 ), l-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Taljan, li d-direttur tagħha huwa t-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali, Michele Labianca. Dimensione Direct Sales tiddistribwixxi fl-Ewropa għamara ta’ disinjaturi permezz ta’ bejgħ dirett u toffri għamara għall-bejgħ fuq is-sit internet tagħha www.dimensione-bauhaus.com, b’mod partikolari disponibbli bil-lingwa Ġermaniża. Barra minn hekk, fl-2005 u fl-2006 hija rreklamat fil-Ġermanja l-offerti tagħha f’diversi gazzetti u rivisti, kif ukoll f’materjal ta’ reklamar li kien jindika: “Ixtru l-għamara tagħkom l-Italja u ħallsu biss meta tiġbruha jew meta tiġi kkunsinnata minn trasportatur awtorizzat li jirċievi l-ħlas (servizz ipprovdut fuq talba)”.

8.

Abbażi tad-drittijiet tal-awtur, Knoll International ressqet talba quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja) intiża, minn naħa, sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġu preklużi milli joffru, fil-Ġermanja, għamara ddisinjata minn Marcel Breuer u Ludwig Mies van der Rohe peress li tali għamara la toriġina minnha u lanqas minn Knoll. Hija talbet ukoll li dawn jipprovdu informazzjoni, li jiġi kkonstatat l-obbligu ta’ kumpens tagħhom u li tiġi ppubblikata s-sentenza.

9.

Il-Landgericht Hamburg laqgħet it-talbiet ta’ Knoll International, u d-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Hanseatisches Oberlandesgericht (il-Ġermanja). Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew awtorizzati jippreżentaw rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

Billi qieset li d-deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemha teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, il-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2001/29/KE jinkludi d-dritt li jiġi offrut għall-bejgħ lill-pubbliku l-oriġinal jew kopja ta’ xogħol?

Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv:

2)

Id-dritt li jiġi offrut għall-bejgħ lill-pubbliku l-oriġinal jew kopja ta’ xogħol jinkludi biss l-offerti kuntrattwali jew ukoll il-miżuri pubbliċitarji [ta’ reklamar]?

3)

Ikun hemm ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni jekk l-offerta ma tagħtix lok għal xiri tal-oriġinal jew kopja ta’ xogħol?”

11.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesgerichtshof esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li t-tliet domandi tagħha għandhom jingħataw risposta pożittiva. Billi tfakkar li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u remunerazzjoni xierqa, hija tqis li l-Artikolu 4(1) tagħha għandu jiġi interpretat b’mod li jkollu portata wiesgħa.

12.

Skont il-Bundesgerichtshof, id-dritt esklużiv li tiġi awtorizzata jew prekluża “kull forma ta’ distribuzzjoni” lill-pubbliku, “b’bejgħ jew b’mod ieħor”, tal-oriġinal ta’ xogħol jew ta’ kopji tiegħu għandu jkopri l-offerta ta’ bejgħ ta’ riproduzzjonijiet, jiġifieri, mhux biss offerta kuntrattwali iżda wkoll miżura ta’ reklamar, u dan anki meta ma jkunx hemm xiri tal-oriġinal tax-xogħol jew ta’ riproduzzjoni tiegħu. Għalhekk, l-offerta għandha tinftiehem fis-sens ekonomiku u ma tikkorrispondix għall-kunċett ġuridiku ta’ “offerta kuntrattwali”, b’tali mod li miżura ta’ reklamar li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol tikkostitwixxi waħedha offerta lill-pubbliku li tagħmel parti mid-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29.

13.

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sentenza Peek & Cloppenburg ( 9 ) ma tipprekludix din l-interpretazzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Minkejja li huwa minnu li fl-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” jinkludi biss l-atti li jimplikaw trasferiment ta’ proprjetà, ir-raġunijiet li hija adottat f’dan ir-rigward ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jkopri ebda att preparatorju ta’ tali trasferiment. L-offerta ta’ bejgħ ta’ oriġinal jew ta’ kopja ta’ xogħol hija assoċjata ma’ trasferiment tal-proprjetà ta’ dan l-oġġett sa fejn hija intiża għal tali trasferiment.

14.

Barra minn hekk, hija tfakkar li, fis-sentenza tagħha Donner ( 10 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li negozjant li jimmira r-reklamar tiegħu lejn membri tal-pubbliku residenti fi Stat Membru partikolari u li joħloq jew iqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom sistema ta’ kunsinna jew metodu ta’ ħlas speċifiċi, jew li jawtorizza li terz jagħmel dan, u għalhekk iqiegħed lill-imsemmija membri tal-pubbliku f’pożizzjoni li jistgħu jirċievu kunsinna ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur f’dan l-istess Stat Membru, joħloq, fl-Istat Membru fejn isseħħ il-kunsinna, “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29.

15.

Ir-rikorrenti u l-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u nstemgħu waqt is-seduta pubblika li nżammet fil-11 ta’ Settembru 2014.

IV – Fuq id-domandi preliminari

A – Osservazzjonijiet tal-partijiet

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, fil-każ tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, dik tas-sempliċi offerta ta’ għamara protetta, ma hemmx distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 la “b’bejgħ” u lanqas b’“mod ieħor” għajr bejgħ. Għalkemm, fis-sentenza tagħha Donner ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni miżuri ta’ reklamar, dan kien biss bħala indizju tar-rieda tan-negozjant li jindirizza ruħu lill-membri tal-pubbliku tal-Istat Membru li fih effettivament twettqet id-distribuzzjoni.

17.

L-idea li għandha tiġi promossa interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ distribuzzjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet u b’mod partikolari sabiex ma jiġux ippreġudikati l-opportunitajiet kummerċjali tagħhom, tkun infondata meta offerta ma tagħti lok għal ebda akkwist. F’dan il-każ, il-proprjetarju tad-dritt ma jġarrab ebda dannu u għalhekk ma għandu dritt għal ebda kumpens. Bl-istess mod, ma huwiex neċessarju li jiġi estiż il-kunċett ta’ distribuzzjoni għall-finijiet tal-projbizzjoni ta’ miżuri ta’ reklamar, peress li d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 12 ) tipprovdi espressament, fl-Artikolu 9(1)(a) tagħha, il-possibbiltà li l-qrati kompetenti jagħtu digriet għal miżuri provviżorji intiż li jipprekludi kwalunkwe dannu imminenti għal dritt tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, l-atti li jkunu ġew adottati qabel l-att li jippreġudika dritt ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jkunu preklużi fuq din il-bażi mingħajr ma huwa neċessarju li jitqiesu li huma stess jippreġudikaw l-imsemmija drittijiet.

18.

Knoll International tikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tiddetermina jekk ir-reklamar ta’ Dimensione Direct Sales jistax jiġi prekluż għaliex jippreġudika d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, hija tqis li dawn id-domandi huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tad-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li hija bbażata fuq l-interpretazzjoni li tat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Peek & Cloppenburg ( 13 ), liema interpretazzjoni hija restrittiva ħafna.

19.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, abbażi tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni, il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur għandu biss dritt li jikkontrolla t-trasferiment tal-proprjetà tal-oriġinal jew ta’ kopja tax-xogħol tal-arti applikata bl-esklużjoni ta’ kull dritt ieħor. Madankollu, din l-interpretazzjoni tmur kontra s-sens u l-għan tad-Direttiva 2001/29.

20.

Knoll International tikkunsidra li l-kwistjoni li tqajjem id-domanda preliminari hija essenzjalment dik dwar jekk, skont id-dritt internazzjonali, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jitqies li huwa leġiżlazzjoni li tipprevedi protezzjoni minima jew, għall-kuntrarju, protezzjoni massima armonizzata.

21.

F’dan ir-rigward, hija tqis, li t-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar id-Drittijiet tal-Awtur, adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, u approvat għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 ( 14 ), ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippreġudika d-drittijiet iggarantiti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, f’dan il-każ, l-integralità tad-drittijiet magħrufa u mhux magħrufa immaġinabbli ta’ użu tax-xogħol tiegħu b’mod intanġibbli jew tanġibbli li l-Artikolu 17(1) tal-UrhG jagħti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat skont it-TDA, ma jistax għalhekk ikollu effett restrittiv fuq id-drittijiet li kienu diġà jibbenefikaw minnhom l-awturi tax-xogħlijiet ta’ arti applikati fl-Istati Membri qabel l-adozzjoni tad-Direttiva.

22.

Għaldaqstant, Knoll International tipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 jinkludi d-dritt li ssir offerta għal bejgħ lill-pubbliku tal-oriġinal jew ta’ kopja tax-xogħol, filwaqt li jiġi speċifikat li dan id-dritt ma jinkludix biss l-offerti kuntrattwali, iżda wkoll il-miżuri ta’ reklamar u jista’ jiġi ppreġudikat anki meta l-offerta ma tagħtix lok għal xiri. Hija tqis li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti dan id-dritt lill-awtur.

23.

Il-Gvern Spanjol jipproponi risposta affermattiva separata għat-tliet domandi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

24.

Qabelxejn, il-Gvern Spanjol jenfasizza, billi jirreferi għas-sentenza Donner ( 15 ), li ma jistax ikun hemm distribuzzjoni mingħajr kuntratt ta’ bejgħ u kunsinna tal-oġġett tal-bejgħ lix-xerrej. Madankollu, huwa jenfasizza li, sabiex ikun hemm bejgħ, huwa indispensabbli li ssir offerta kuntrattwali ta’ bejgħ lill-pubbliku u għaldaqstant iqis li d-dritt ta’ distribuzzjoni għandu jinkludi l-offerta kuntrattwali, bħala fattur preparatorju indispensabbli għal kull kuntratt ta’ bejgħ.

25.

Sussegwentement, huwa jikkunsidra li d-dritt ta’ distribuzzjoni jinkludi mhux biss l-offerta kuntrattwali, iżda wkoll ir-reklamar, sa fejn, mill-iskop tiegħu, dan jagħmel parti mill-katina ta’ atti preparatorji għal bejgħ ta’ prodott u l-bejgħ ma jistax isir fin-nuqqas tiegħu.

26.

Fl-aħħar nett, huwa jsostni li d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni jista’ jkun ippreġudikat fin-nuqqas ta’ kwalunkwe bejgħ effettiv, sa fejn l-offerta ssir fil-kuntest ta’ sistema ta’ bejgħ u ta’ distribuzzjoni intiża speċjalment għall-akkwist tal-oġġetti protetti inkwistjoni, li jimplika aġir intiż għal pubbliku speċifiku.

27.

Il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni nbidlet bejn il-fażi bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura.

28.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, hija sostniet prinċipalment li, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta mis-sentenzi Peek & Cloppenburg ( 16 ) u Donner ( 17 ), l-eżistenza ta’ att ta’ distribuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, tippreżumi bejgħ jew kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ proprjetà. Din l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ distribuzzjoni, li teskludi mill-kamp tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 il-miżuri li ttieħdu qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, ma tikkontradixxix l-għan li għandu jintlaħaq minn din tal-aħħar, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni, u li barra minn hekk tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, sa fejn l-eżistenza ta’ bejgħ jew ta’ kwalunkwe forma ta’ trasferiment ta’ proprjetà oħra tista’ tiġi kkonstatata abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

29.

Madankollu, matul il-proċedura orali, il-Kummissjoni sostniet li l-esklużjoni ta’ kull offerta ta’ bejgħ mill-kunċett ta’ distribuzzjoni tista’ toħloq lakuna fil-protezzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur, sa fejn dawn tal-aħħar jistgħu biss jeżerċitaw ir-rimedji ġudizzjarji pprovduti mid-Direttiva 2004/48 ladarba jiġi kkonstatat bejgħ effettiv. Konsegwentement, hija tqis li tista’ tiġi prevista interpretazzjoni tal-kunċett ta’ distribuzzjoni b’mod li jiġu inklużi ċerti offerti, sa fejn, minn naħa, din l-estensjoni tkun limitata b’mod ċar u l-kriterji tal-offerti rilevanti tad-dritt ta’ distribuzzjoni jkunu ddefiniti b’mod preċiż u uniformi mill-Qorti tal-Ġustizzja u min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-ewwel u tat-tieni paragrafi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 issir b’mod separat. Fi kliem ieħor, minkejja li sempliċi offerta tista’ possibbilment titqies li taqa’ fil-kuntest ta’ dan l-ewwel paragrafu, irrispettivament mit-twettiq effettiv ta’ bejgħ jew kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ proprjetà, hija ma tistax, a contrario, titqies li twassal għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-imsemmi tieni paragrafu.

B – Analiżi

30.

Qabel ma tingħata risposta għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, għandhom isiru tliet osservazzjonijiet preliminari.

31.

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-azzjoni fil-kawża prinċipali ta’ Knoll International hija intiża prinċipalment sabiex il-qorti tar-rinviju tipprekludi lil Dimensione Direct Sales, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(2) tal-UrhG, toffri għal bejgħ riproduzzjonijiet ta’ għamara protetta li la toriġina minnha stess u lanqas minn Knoll, filwaqt li huwa ppreċiżat li din it-talba ma hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni tal-bejgħ ta’ għamara li jkun effettivament sar u debitament ikkonstatat. Il-miżura mitluba essenzjalment tikkonsisti fil-fatt, minkejja li dan la ġie speċifikat minn Knoll International u lanqas mill-qorti tar-rinviju, li Dimensione Direct Sales tiġi prekluża milli tuża s-sit tal-internet tagħha sabiex toffri għall-bejgħ lill-pubbliku fil-Ġermanja l-għamara kkontestata. Fi kliem ieħor, din tikkonċerna l-projbizzjoni tagħha li tikkummerċjalizza l-għamara kkontestata fit-territorju Ġermaniż permezz tas-sit internet tagħha jew anki, b’mod iktar wiesa’, permezz ta’ sempliċi miżuri ta’ reklamar.

32.

Għaldaqstant, fuq il-livell fattwali, din il-kawża hija differenti mis-sentenzi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 analizzati preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja u ċċitati mill-partijiet. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Peek & Cloppenburg ( 18 ), il-fatti inkwistjoni kienu jirrigwardaw l-espożizzjoni lill-pubbliku ta’ riproduzzjonijiet ta’ għamara protetta u l-possibbiltà li l-imsemmija riproduzzjonijiet jintużaw mill-imsemmi pubbliku, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni, u għalhekk ta’ kull bejgħ li jkun effettivament sar u debitament ikkonstatat, jew ta’ kull intenzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Donner ( 19 ) u Blomqvist ( 20 ), il-merkanziji inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ bejgħ effettiv u kkonstatat u/jew ta’ kunsinna jew ta’ tentattiv ta’ kunsinna. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali huwa preżunt li Dimensione Direct Sales għandha l-intenzjoni tikkummerċjalizza l-għamara inkwistjoni iżda ma ġie kkonstatat l-ebda bejgħ jew kunsinna effettiva.

33.

Sussegwentement, huwa speċifikat mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ebda kontestazzjoni li, minn naħa, l-għamara inkwistjoni hija protetta fil-Ġermanja bid-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet tal-arti applikata u li, min-naħa l-oħra, riproduzzjonijiet tal-imsemmija għamara huma proposti għall-bejgħ minn Dimensione Direct Sales fuq is-sit internet tagħha, indirizzati b’mod partikolari lill-pubbliku Ġermaniż, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar, f’dan il-każ, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ Knoll International u/jew ta’ Knoll.

34.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati, hija għandha tiżgura wkoll f’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jkunu applikati b’mod li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu ( 21 ) u li joffri salvagwardji kontra l-użu abbużiv tagħhom. B’mod partikolari hija għandha tiżgura li l-għamara inkwistjoni ma ġietx legalment ikkummerċjalizzata mid-detenturi tad-dritt jew bil-kunsens tagħhom u li d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni li minnu jibbenefikaw dawn tal-aħħar fir-rigward tagħhom ma ġiex eżawrit, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

35.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk “miżuri ta’ reklamar”, flimkien ma’ offerti kuntrattwali, jistgħux jaqgħu taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tipprovdi biss ftit informazzjoni dwar il-miżuri ta’ reklamar ta’ Dimensione Direct Sales jew li kienu previsti b’mod jew ieħor, peress li din semmiet biss reklami f’gazzetti u f’rivisti tal-2005 u tal-2006 ( 22 ). Hija lanqas ma tipprovdi spjegazzjonijiet preċiżi dwar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha u tadotta l-miżuri mitluba minn Knoll, kif miġbura fil-qosor fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

36.

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll diversi drabi li l-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex it-tfassil ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għal soluzzjoni effettiva ta’ kawża li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni ( 24 ).

37.

Għaldaqstant, jiena nqis li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni fid-dettall dwar is-sitwazzjoni fattwali prevista u ta’ kull indikazzjoni dwar in-natura u l-portata tal-miżuri li l-qorti tar-rinviju tipprevedi li tagħti, ma huwiex possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta speċifika utli ( 25 ) għat-tieni domanda tagħha u li, għaldaqstant, din tal-aħħar għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

38.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-fatt li ser neżamina l-ewwel u t-tielet domandi konġuntament, għandu l-ewwel nett jitfakkar li fis-sentenza tagħha Peek & Cloppenburg ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li la l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-Direttiva ma jiddefinixxu bi preċiżjoni suffiċjenti l-kunċett ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur ( 27 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli ( 28 ), fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tat-TDA, peress li d-Direttiva 2001/29 hija intiża li timplementa l-obbligi tal-Komunità ( 29 ) skont l-imsemmi trattat u peress li l-Artikolu 4 tagħha għandu l-għan li jittrasponi l-Artikolu 6 ta’ dan it-trattat ( 30 ).

39.

Filwaqt li enfasizzat li l-Artikolu 6(1) tat-TDA jiddefinixxi l-kunċett tad-dritt ta’ distribuzzjoni li jgawdu l-awturi ta’ xogħlijiet litterarji u artistiċi bħala d-dritt esklużiv li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-oriġinal u ta’ riproduzzjonijiet tax-xogħlijiet tagħhom permezz ta’ bejgħ jew “trasferiment ieħor ta’ proprjetà” ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ distribuzzjoni b’bejgħ jew b’mod ieħor għandu jiġi interpretat “bħala forma ta’ distribuzzjoni li għandha timplika trasferiment tal-proprjetà” ( 32 ).

40.

Barra minn hekk, filwaqt li fakkret li l-kontenut tal-kunċett ta’ “distribuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma fid-dritt tal-Unjoni, indipendentement mil-liġi applikabbli għat-tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom isseħħ distribuzzjoni ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li “d-distribuzzjoni lill-pubbliku hija kkaratterizzata minn serje ta’ attivitajiet li jiżvolġu, minn tal-inqas, mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ sal-eżekuzzjoni tiegħu permezz tal-kunsinna lil membru tal-pubbliku” ( 34 ).

41.

Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn Dimensione Direct Sales, id-definizzjonijiet hekk mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li kif diġà enfasizzajt ( 35 ) għandhom jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li jista’ jiġi kkonstatat preġudizzju lid-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni fin-nuqqas ta’ kull twettiq effettiv ta’ bejgħ, sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-miżuri eventwalment preklużi skont id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni jaqgħu f’kuntest manifestament intiż li jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ tali bejgħ.

42.

Sabiex nirriproduċi l-idea espressa perfettament mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Donner ( 36 ), “il-kunċett ta’ distribuzzjoni bil-bejgħ għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-awturi kontroll prattiku u effettiv fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-kopji tax-xogħol tagħhom, mir-riproduzzjoni tiegħu permezz tan-netwerks kummerċjali sal-eżawriment tad-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2001/29]”.

43.

Dan jista’ jkun qabelxejn il-każ tal-offerti kuntrattwali jew ta’ kwalunkwe offerta ta’ bejgħ ta’ oġġetti protetti magħmula mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt, fil-kuntest ta’ sit internet li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati l-istrumenti li jippermettulhom jirregolaw l-ammont tax-xiri tagħhom u jipprovdulhom il-mezzi ta’ kunsinna.

44.

Fil-fatt, meta sit internet jiġi ppreżentat bħala sit kummerċjali li jiżgura l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti protetti, b’mod permanenti, perijodikament jew ad hoc, billi jipprovdi indikazzjonijiet preċiżi dwar dawn tal-aħħar u l-prezz tagħhom u billi jipprovdi informazzjoni li trendi teknikament possibbli x-xiri tagħhom u l-kunsinna lix-xerrej ( 37 ), jiġifieri bħala sit intiż sabiex jippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ, għandu jitqies li juri rieda li tiġi implementata sistema ta’ distribuzzjoni tal-imsemmija oġġetti li, minkejja li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi responsabbli mill-imsemmi sit josservaw id-dispożizzjonijiet legali applikabbli ( 38 ), jikser l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29.

45.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li donnhom jikkorrispondu għal dawk tal-kawża prinċipali, ir-rieda tal-persuni responsabbli mis-sit li jikkummerċjalizzaw l-oġġetti protetti tidher b’mod suffiċjenti u l-probabbiltà li l-bejgħ kien jew huwa effettivament imwettaq hija sinjifikattiva biżżejjed sabiex il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur tal-imsemmija oġġetti jkunu jistgħu jostakolaw dan il-bejgħ bis-saħħa tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tagħhom, fejn l-imsemmi dritt ma jkunx ġie eżawrit fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29, u jekk ikun il-każ, hija l-qorti li eventwalment tkun adita minn talba f’dan is-sens quddiemha, li għandha tadotta l-miżuri previsti bl-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/48, fid-dawl tal-produzzjoni tal-provi neċessarji.

46.

Minn din il-perspettiva, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq minn Dimensione Direct Sales, li ma huwiex neċessarju li tingħata interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 peress li huwa possibbli li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, abbażi tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/48, jadottaw digrieti għal miżuri provviżorji kontra “l-allegati persuni li wettqu l-ksur” intiżi li jipprekludu kull preġudizzju imminenti għal dritt ta’ proprjetà intellettwali. Id-domandi mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, fil-fatt, il-mertu tad-dritt ta’ distribuzzjoni, u mhux ir-regoli proċedurali li permezz tagħhom jista’, barra minn hekk, jiġi ostakolat preġudizzju imminenti għad-dritt ta’ proprjetà intellettwali.

47.

Dan jista’ jkun il-każ ukoll, b’mod iktar wiesa’ iżda fl-istess perspettiva, għal kull stedina għal offerti (invitatio ad offerendum) u anki għal kull miżura ta’ reklamar ( 39 ) li tirrigwarda oġġetti protetti u intiża għal pubbliku speċifiku, sa fejn dawn iseħħu, permezz ta’ jew b’konnessjoni ma’ sit internet b’mod partikolari, bl-intenzjoni manifesta li jwasslu għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ tal-imsemmija oġġetti jew li jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għat-trasferiment tal-proprjetà tagħhom.

48.

Għaldaqstant, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju billi tiddeċiedi li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jinkludi d-dritt li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur tal-oriġinal jew ta’ kopji ta’ xogħol protett jipprekludi kull persuna milli toffri għall-bejgħ lill-pubbliku l-imsemmi oriġinal jew l-imsemmija kopji mingħajr il-kunsens tagħha, inkluż meta din l-offerta ma tagħti lok għal ebda akkwist, sa fejn tali offerta sseħħ bl-intenzjoni manifesta li jiġu konklużi kuntratti ta’ bejgħ jew kull att ieħor li jimplika trasferiment tal-proprjetà tagħhom.

V – Konklużjoni

49.

Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju kif ġej:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jinkludi d-dritt li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur tal-oriġinal jew ta’ kopji ta’ xogħol protett, jipprekludi kull persuna milli toffri għall-bejgħ lill-pubbliku l-imsemmi oriġinal jew l-imsemmija kopji mingħajr il-kunsens tagħha, inkluż meta din l-offerta ma tagħti lok għal ebda akkwist, sa fejn tali offerta sseħħ bl-intenzjoni manifesta li jiġu konklużi kuntratti ta’ bejgħ jew kull att ieħor li jimplika trasferiment tal-proprjetà tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 3 ) C‑456/06, EU:C:2008:232.

( 4 ) C‑5/11, EU:C:2012:370.

( 5 ) Iktar ’il quddiem l-“UrhG”.

( 6 ) Iktar ’il quddiem “Knoll International”.

( 7 ) Iktar ’il quddiem “Knoll”.

( 8 ) Iktar ’il quddiem “Dimensione Direct Sales”.

( 9 ) EU:C:2008:232.

( 10 ) EU:C:2012:370.

( 11 ) EU:C:2012:370.

( 12 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.

( 13 ) EU:C:2008:232.

( 14 ) ĠU L 89, p. 6, iktar ’il quddiem it-“TDA”.

( 15 ) EU:C:2012:370.

( 16 ) EU:C:2008:232.

( 17 ) EU:C:2012:370.

( 18 ) EU:C:2008:232.

( 19 ) EU:C:2012:370.

( 20 ) C-98/13, EU:C:2014:55.

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-preambolu u l-Artikolu 41(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jinsab fl‑Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat għan-nom tal-Komunità, għal dak li jirrigwarda affarijiet fil-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Ara, ukoll, is‑sentenza Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717).

( 22 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punti 32 u 33), kif ukoll Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 35).

( 26 ) EU:C:2008:232.

( 27 ) Ibidem (punt 29).

( 28 ) Sentenzi Peek & Cloppenburg (EU:C:2008:232, punti 30 u 31) u Donner (EU:C:2012:370, punt 23).

( 29 ) Sentenza Peek & Cloppenburg (EU:C:2008:232, punt 31).

( 30 ) Ibidem (punt 35).

( 31 ) Ibidem (punt 32).

( 32 ) Ibidem (punt 33).

( 33 ) Sentenza Donner (EU:C:2012:370, punt 25).

( 34 ) Sentenzi Donner (EU:C:2012:370, punt 26) u Blomqvist (EU:C:2014:55, punt 28).

( 35 ) Ara l-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) C‑5/11, EU:C:2012:195, punt 53.

( 37 ) Dwar dan il-punt, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Diċembru 2013, intitolata “Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti – It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta’ konsenja u l-għoti ta’ spinta lill‑bejgħ onlajn” [COM (2013) 886 finali].

( 38 ) F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/31/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) jew anki r-rekwiżiti stabbiliti mid-direttiva dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod; ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64).

( 39 ) Ara s-sentenza Donner (EU:C:2012:370, punt 29). Ara wkoll, iżda a contrario, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fis-sentenza Donner (EU:C:2012:195, punt 54).

Top