Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0491

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 12 ta' Ġunju 2014.
    Mohamed Ali Ben Alaya vs Bundesrepublik Deutschland.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Berlin - il-Ġermanja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Direttiva 2004/114/KE - Artikoli 6, 7 u 12 - Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju - Rifjut ta’ ammissjoni ta’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva - Marġni ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.
    Kawża C-491/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:1933

    TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2014 ( 1 )

    Kawża C‑491/13

    Mohamed Ali Ben Alaya

    vs

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il‑Ġermanja)]

    “Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2004/114/KE — Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju — Rifjut ta’ ammissjoni ta’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/114/KE — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni”

    1. 

    Fil-kuntest tal-istrateġija tagħha li tippromwovi lilha nnifisha bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għar-riċerka, l-istudji u t-taħriġ, l-Unjoni Ewropea adottat ċerti strumenti normattivi li, filwaqt li jaqgħu fil-kuntest tal-politika tal-immigrazzjoni tagħha, għandhom l-għan li jiffavorixxu l-ammissjoni u l-mobilità fl-Unjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju u riċerka ( 2 ).

    2. 

    Din l-istrateġija tinkwadra ruħha f’kuntest globalizzat li kull ma jmur huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni fuq livell dinji bejn il‑pajjiżi żviluppati sabiex jattiraw ir-riċerkaturi u l-istudenti barranin fis-sistemi edukattivi tagħhom ( 3 ). Il-kapaċità li jattiraw dan it-tip ta’ persuni tinkludi fil-fatt ċerti kwistjonijiet ta’ natura politika u ekonomika. Minn naħa, ir-riċerkaturi u l-istudenti jikkostitwixxu riżerva ta’ kapital uman ikkwalifikat, jew potenzjalment ikkwalifikat, li huwa meqjus importanti għat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-attrazzjoni ta’ riċerkaturi u studenti barranin — u l-fluss ta’ tagħlim li jirriżulta minnha — tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-iżvilupp tas-sistemi edukattivi u ta’ riċerka, b’konsegwenzi ekonomiċi sinjifikattivi ( 4 ).

    3. 

    Permezz tad-domanda preliminari li tressqitilha mill‑Verwaltungsgericht Berlin, f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-portata ta’ wieħed mill-istrumenti normattivi adottati mill-Unjoni sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, jiġifieri d‑Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il‑kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju ( 5 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha madankollu tibbilanċja l-għanijiet leġittimi, imsemmija iktar ’il fuq, li għandhom jintlaħqu u r-riskji marbuta ma’ użu abbużiv ta’ dan l-istrument normattiv sabiex jintlaħqu skopijiet li ma humiex parti minnu.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Il-premessi 6, 8, 14, 15 u 17 tad-Direttiva 2004/114 jistabbilixxu:

    “(6)

    Wieħed mill-għanijiet [tal-Unjoni] fil-qasam ta’ l-edukazzjoni hu li jippromwovi l-Ewropa fl-intier tagħha bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali. Il-promozzjoni tal-mobilità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Komunità għal skopijiet ta’ studju huwa fattur ewlieni f’dik l-istrateġija. L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza hija parti minn dan.

    […]

    (8)

    It-terminu ammissjoni jkopri d-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-għanijiet stabbiliti minn din id-Direttiva.

    […]

    (14)

    L-ammissjoni għall-iskopijiet stabbiliti minn din id-Direttiva tista’ tiġi miċħuda għal raġunijiet ġustifikati b’mod xieraq. Partikolarment, l-ammissjoni tista’ tiġi rifjutata jekk Stat Membru jikkunsidra, skond valutazzjoni tal-fatti, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa theddida potenzjali għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika. Il-kunċett ta’ ordni pubbliku jista’ jestendi sa sentenza ta’ kundanna għat-twettiq ta’ delitt gravi. F’dan il-kuntest, għandu jiġi notat li l‑kunċett ta’ politika pubblika u sigurtà pubblika jkopri wkoll każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiz terz jagħmel parti jew kien jagħmel parti minn assoċjazzjoni li tagħti sostenn lit-terroriżmu, li tagħti sostenn jew kienet tagħti sostenn lill-assoċjazzjoni bħal din, jew għandha jew kellha aspirazzjonijiet estremisti.

    (15)

    F’każ ta’ dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet ta’ l-applikazzjoni għall-ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jitolbu l‑evidenza kollha, li hija neċessarja biex issir valutazzjoni tal-koerenza tagħha, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ l-istudji proposti mill-applikant, sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż u l-użu ħażin tal-proċedura stabbilita f’din id-Direttiva.

    […]

    (17)

    Sabiex jiġi permess id-dħul inizjali fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu joħorġu f’manjiera opportuna permess ta’ residenza jew, jekk joħorġu permessi ta’ residenza esklussivament fit-territorju tagħhom, viża. […]”

    5.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/114, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tiddetermina:

    (a)

    il‑kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur għall-fini ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju;

    (b)

    ir-regoli dwar il-proċeduri għal ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal dawk il-finijiet.”

    6.

    L-Artikolu 2(a), (b) u (ġ) tad-Direttiva 2004/114 jinkludi, għall‑finijiet ta’ din id-direttiva, id-definizzjonijiet segwenti:

    “(a)

    ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ ifisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

    (b)

    ‘student’ ifisser ċittadin ta’ pajjiż terz aċċettat minn stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja u ammess fit-territorju ta’ Stat Membru biex isegwi bħala l-attività prinċipali tiegħu/tagħha kors ta’ studju full-time li jwassal għal kwalifikazzjoni ta’ edukazzjoni għolja rikonoxxuta mill‑Istat Membru, inklużi diplomi, ċertifikati u lawrji dottorali fi stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja li jista’ jkopri kors preparatorju qabel tali edukazzjoni skond il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu;

    […]

    (ġ)

    ‘permess ta’ residenza’ jfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jippermetti lil ċittadin ta’ stat terz joqgħod legalment fit-territorju tiegħu, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2) (a) tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 [ ( 6 )].”

    7.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/114 huwa intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni” u jipprovdi, fil-paragrafu (1), li hija tapplika “għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ studji. Stati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll japplikaw din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi għall-finijiet ta’ skambju ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju”.

    8.

    Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/114 huwa intitolat “Kondizzjonijiet ta’ Ammissjoni” u jinkludi l-Artikoli 5 sa 11. Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/114, intitolat “Prinċipju”, “[l]-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta’ prova dokumentata li turi li hu/hi jilħaq/tilħaq il‑kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u kwalunkwe kondizzjoni fl-Artikoli 7 sa 11 li tapplika għall-kategorija rilevanti”.

    9.

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/114, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-ammissjoni u jipprovdi:

    “Ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 11 għandu:

    (a)

    jippreżenta dokument ta’ vjaġġ validu, kif determinat mill‑leġiżlazzjoni nazzjonali. Stati Membri jistgħu jeħtieġu li l‑perijodu ta’ validità tad-dokument ikopri mill-inqas it-tul tal‑qagħda ppjanata;

    (b)

    jekk hu/hi minuri taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jospita, jippreżenta/tippreżenta awtorizzazzjoni tal-ġenituri għall-qagħda ppjanata;

    (ċ)

    ikollu assigurazzjoni kontra l-mard fir-rispett tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu fl-Istat Membru konċernat;

    (d)

    ma jitqiesx bħala theddida għall-politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika;

    (e)

    jipprovdi prova, jekk l-Istat Membru hekk jitlob, li hu ħallas il-miżata għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 20.”

    10.

    L-Artikoli 7 sa 11 tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/114 jirrigwardaw il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni applikabbli għall-istudenti, għat-tfal tal-iskola, għall-persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas u volontiera. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-istudenti. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

    “Minbarra l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet ta’ studju għandu:

    (a)

    jkun ġie aċċettat minn stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja biex isegwi kors ta’ studju;

    (b)

    jipprovdi/tipprovdi l-provi mitluba minn Stat Membru li matul il-qagħda tiegħu/tagħha jkollu/jkollha riżorsi biżżejjed biex ikopri/tkopri s-sussistenza, l-istudju u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura tiegħu/tagħha. Stati Membri għandhom jippubblikaw ir-riżorsi minimi ta’ kull xahar meħtieġa għall-fini ta’ din id-disposizzjoni, mingħajr preġudizzju għal eżami individwali ta’ kull każ;

    (ċ)

    jipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, ta’ għerf suffiċenti tal-lingwa tal-kors li ser ikun segwit minnu/minnha;

    (d)

    jipprovdi/tipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, li hu/hi ħallas/ħallset il-miżati mitluba mill-istabbiliment.”

    11.

    Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/114, intitolat “Permessi ta’ Residenza”, jinkludi dispożizzjonijiet dwar permess ta’ residenza mogħti lil kull kategorija ta’ persuni msemmija f’din id-direttiva. Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Permess ta’ residenza maħruġ lil studenti”:

    “1.   Permess ta’ residenza għandu jinħareġ lill-istudent għal perijodu ta’ mill-inqas sena u rinovabbli jekk id-detentur jibqa’ jilħaq il‑kondizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 7. Fejn it-tul tal-kors ta’ studju hu inqas minn sena, il-permess għandu jkun validu għat-tul tal-kors.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza jista’ jiġi rifjutat jew il-permess jista’ jiġi rtirat jekk id-detentur:

    (a)

    ma jirrispettax il-limiti mposti dwar l-aċċess għal attivitajiet ekonomiċi taħt l-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva;

    (b)

    ma jagħmilx progress aċċettabbli fl-istudji tiegħu/tagħha skond il‑leġislazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva.”

    12.

    Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/114, intitolat “Irtirar jew nuqqas ta’ tiġdid ta’ permessi ta’ residenza”:

    “1.   Stati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza maħruġ abbażi ta’ din id-Direttiva meta ġie akkwistat b’mod qarrieqi jew kull fejn jidher li d-detentur ma laħaqx jew ma għadux jilħaq il-kondizzjonijiet għad-dħul r-residenza mniżżla fl-Artikolu 6 u kwalunkwe kondizzjoni fl-Artikoli 7 sa 11 li tapplika għall-kategorija rilevanti.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.”.

    B – Id-dritt nazzjonali

    13.

    L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-soġġorn, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet — iktar ’il quddiem l-“AufenthG” ( 7 )), intitolat “Viża”, fil-paragrafu (3) tiegħu jipprovdi:

    “Ir-residenzi għal perijodu twil jeħtieġu viża għat-territorju federali (viża nazzjonali), li għandha tinħareġ qabel ma persuna tidħol fil-pajjiż. Din il-viża tinħareġ skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal‑permessi ta’ residenza, tal-karta blu Ewropea, tal-permess ta’ stabbiliment u tal-permess ta’ residenza permanenti fl-Unjoni Ewropea. […]”

    14.

    L-Artikolu 16(1) tal-AufenthG, intitolat “Studju, korsijiet tal-lingwa, tagħlim” jipprovdi:

    “Barrani jista’ jingħata permess ta’ residenza għal finijiet ta’ studju fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla statali jew approvat mill-Istat jew f’korp ta’ taħriġ komparabbli. L-għan tar-residenza għall-istudju jinkludi l-korsijiet tal-lingwa preparatorji għall-istudju kif ukoll l-attendenza fi skola preparatorja għall-istudji universitarji għall-istudenti barranin (miżuri preparatorji għall-istudji universitarji). Il-permess ta’ residenza għal raġunijiet ta’ studju jista’ jingħata biss jekk iċ-ċittadin barrani jkun ġie aċċettat mill‑istabbiliment ta’ edukazzjoni; ammissjoni kundizzjonali hija suffiċjenti. Ebda prova ta’ konoxxenza tal-lingwa li fiha jingħata t‑taħriġ ma hija meħtieġa jekk il-konoxxenzi lingwistiċi jkunu diġà ġew meħuda inkunsiderazzjoni għad-deċiżjoni ta’ ammissjoni jew jekk ikun previst li dawn ser ikunu akkwistati fil-kuntest tal-miżuri preparatorji għall-istudju. Fl-ewwel għoti u f’każ ta’ estensjoni, it-tul tal-validità ta’ permess ta’ residenza għall-istudju huwa tal-inqas ta’ sena u ma jistax jeċċedi sentejn għall-istudju u l-miżuri preparatorji għall-istudju; dan jista’ jiġi estiż jekk l-għan tat-taħriġ ikun għadu ma ntlaħaqx u jista’ jintlaħaq fi żmien xieraq.”

    II – Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

    15.

    M. A. Ben Alaya, huwa ċittadin Tuneżin imwieled fl-1989 fil‑Ġermanja, fejn joqogħdu l-ġenituri tiegħu. Fl-1995, huwa telaq mill‑Ġermanja sabiex imur jgħix fit-Tuneżija fejn studja sakemm fl‑2010 kiseb baċellerat.

    16.

    Wara l-baċellerat, M. A. Ben Alaya nkiteb fl-università ta’ Tuneż sabiex ikompli jistudja l-informatika. Fl-istess waqt, huwa ħa passi sabiex ikun jista’ jibda studju fil-Ġermanja. Huwa ġie wkoll aċċettat diversi drabi sabiex jistudja fit-Technische Universität Dortmund fil‑kors tal-“matematika”.

    17.

    M. A. Ben Alaya ppreżenta diversi drabi, quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti, talba sabiex jikseb viża ta’ student. Madankollu t-talbiet tiegħu dejjem ġew irrifjutati. L-aħħar deċiżjoni ta’ rifjut li tingħatalu viża kienet meħuda fit-22 ta’ Lulju 2011 mill-Ambaxxata tar‑Repubblika Ġermaniża f’Tuneż u kienet ikkonfermata fit-23 ta’ Settembru 2011. F’din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw il-viża essenzjalment abbażi tad-dubji dwar il-motivazzjoni ta’ M. A. Ben Alaya li jsegwi l-istudji tiegħu fil-Ġermanja. Huma rrilevaw, b’mod partikolari, li, fl-oqsma importanti tal-istudji li huwa kellu l-ħsieb li jsegwi, M. A. Ben Alaya ma kienx kiseb marki tajbin. Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, l-imsemmija awtoritajiet esprimew dubji dwar il‑kapaċità ta’ M. A. Ben Alaya li jibda studji b’lingwa li hija barranija għalih jew li jitgħallem il-Ġermaniż f’terminu xieraq qabel ma jibda l‑istudji. Huma kkunsidraw ukoll li ma kienx possibbli li jaraw fih volontà serja li jaffronta d-diffikultajiet marbuta mal-istudji ogħla f’pajjiż barrani u li kien diffiċli li jaraw liema studji ogħla fil-Ġermanja setgħu jippermettulu jilħaq l-ambizzjoni tiegħu li jaħdem bħala għalliem tal-matematika fit-Tuneżija.

    18.

    M. A. Ben Alaya, li jikkontesta l-preżentazzjoni tar-riżultat skolastiku tiegħu magħmul mill-awtoritajiet konsulari Ġermaniżi, ippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin, il-qorti tar-rinviju, kontra dawn l-aħħar deċiżjonijiet ta’ rifjut.

    19.

    L-imsemmija qorti tosserva li, sabiex jidħol fit-territorju Ġermaniż għal finijiet ta’ studju, M. A. Ben Alaya għandu bżonn viża nazzjonali li l-kundizzjonijiet tal-għoti tagħha huma rregolati mill-Artikolu 16(1) tal-AufenthG. Madankollu, skont l-interpretazzjoni tal‑qrati Ġermaniżi, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l‑amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward billi għandha l-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li tagħti viża sabiex jiġu segwiti studji taħt il-kundizzjonijiet indikati fl-imsemmi artikolu.

    20.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni mad-Direttiva 2004/114. B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk f’każ fejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114/KE jiġu ssodisfatti, bħal fil-każ ta’ M. A. Ben Alaya, id-direttiva tagħtix dritt għall-għoti ta’ viża tal-istudenti skont l-Artikolu 12 tagħha, mingħajr ma tħalli setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni nazzjonali.

    21.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Id-Direttiva [2004/114] tistabbilixxi dritt, li jirriżulta minn kompetenza marbuta mal-ħruġ ta’ viża għal skopijiet ta’ studju u ta’ permess ta’ residenza korrispondenti skont l-Artikolu 12 ta[d-Direttiva 2004/114] meta l-‘kundizzjonijiet għall-ammissjoni’, jiġifieri l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 ikunu sodisfatti u ma jkun hemm ebda raġuni sabiex l-ammissjoni tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva [2004/114]?”

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Settembru 2013. Il-Gvern Ġermaniż, dak Belġjan, Estonjan, Grieg, Pollakk u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    IV – Analiżi ġuridika

    23.

    Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħux jirrifjutaw li jagħtu viża għal finijiet ta’ studju lil ċittadin ta’ pajjiż terz u, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114, il-permess ta’ residenza korrispondenti, meta dan jissodisfa l-kundizzjonijiet għall‑ammissjoni, li jinsabu fl-Artikoli 6 u 7 tal-istess direttiva u ma hemmx raġuni għar-rifjut tal-ammissjoni skont l-Artikolu 6(1)(d) tad‑Direttiva 2004/114. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l‑imsemmija awtoritajiet nazzjonali għandhomx ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-analiżi tat-talba għall-ammissjoni.

    24.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali hija iktar favur interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/114 fis-sens li hija tirrikonoxxi dritt ta’ ammissjoni lil ċittadin ta’ pajjiż terz meta huwa jissodisfa l‑kundizzjonijiet għall-ammissjoni li hija tipprevedi, mingħajr ma l‑awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, il‑formulazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/114, l-għanijiet li hija għandha tilħaq, kif ukoll il-fatt li l-imsemmija direttiva tat lok għal armonizzazzjoni parzjali tas-sistema tal-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, jimmilitaw favur tali interpretazzjoni.

    25.

    L-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom pożizzjonijiet differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-Kummissjoni taqbel, essenzjalment, mal-pożizzjoni sostnuta mill-qorti tar-rinviju, il‑gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu, mill-banda l-oħra, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeċiedu dwar l-ammissjoni għal finijiet ta’ studju ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    26.

    Għalhekk f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/114 li għandha twassalha sabiex tiddetermina jekk din id-direttiva pprovdietx lista eżawrjenti ta’ kriterji għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju fl-Unjoni jew illimitatx ruħha biss sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi b’tali mod li l-Istati Membri jkunu liberi li jżidu unilateralment kriterji għall-ammissjoni għal finijiet ta’ studju oħra minbarra dawk previsti mid-Direttiva 2004/114. Id-domanda preliminari tqajjem ukoll il-kwistjoni tal‑grad tas-setgħa diskrezzjonali eventwalment mogħtija lill‑awtoritajiet tal-Istati Membri fl-analiżi li huma jagħmlu sabiex jiddeċiedu dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju.

    27.

    Sabiex nirrispondi għad-domandi mqajma mit-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, jiena nqis li huwa neċessarju li ssir analiżi tad-Direttiva 2004/114 kollha, li tinkludi kemm analiżi litterali tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha, kif ukoll analiżi sistematika, kuntestwali u teleoloġika.

    A – Analiżi litterali

    28.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-interpretazzjoni segwita minn ċerti qrati Ġermaniżi u sostnuta mill-Istati Membri li intervjenew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-Direttiva 2004/114 toħloq uniformità biss fil-kundizzjonijiet minimi li għandhom ikunu ssodisfatti minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex ikun jista’ jiġi ammess sabiex isegwi studji fi Stat Membru, ma tikkunsidrax b’mod suffiċjenti l‑formulazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Il‑qorti tar-rinviju tirreferi speċifikament għall-Artikoli 5 u 12 tad‑Direttiva 2004/114.

    29.

    Preliminarjament, huwa possibbli li jiġi rrilevat li, kif tosserva l‑Kummissjoni, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/114, mingħajr ma tkun deċiżiva, tappoġġa iktar l-argument sostnut mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għal finijiet, b’mod partikolari, ta’ studju ( 8 ). Issa, minn perspettiva litterali, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li formulazzjoni ta’ dan it-tip tista’ timmilita favur l-argument li d-Direttiva 2004/114 tiddetermina l‑kundizzjonijiet kollha għall-ammissjoni tal-istudenti u mhux unikament ċerti kundizzjonijiet fost oħrajn li jistgħu jiżdiedu b’mod liberu mill-Istati Membri. Madankollu, mingħajr dubju ma nistgħux nieqfu biss fuq tali konstatazzjoni.

    30.

    L-ewwel artikolu tad-Direttiva 2004/114 li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju huwa l-Artikolu 5 intitolat “Prinċipju”, li huwa l-ewwel artikolu tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/114 li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-finijiet tagħha. Mill‑formulazzjoni tal-artikolu, l-imsemmija qorti tiddeduċi li l‑ammissjoni għal finijiet ta’ studju ma hijiex sempliċi possibbiltà, iżda dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114.

    31.

    Madankollu, għalkemm il-formulazzjoni tal-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata sabiex issostni l-argument tal-qorti tar-rinviju, il-formulazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tħalli, fl-opinjoni tiegħi, spazju għall-ambigwità ( 9 ). Fil‑fatt, fl-opinjoni tiegħi, l-unika ċertezza li tista’ tiġi dedotta mill‑analiżi litterali tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija li l-osservanza tal‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114, hija obbligatorja u neċessarja għall-finijiet tal-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz bħala student. Madankollu, il-formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni ma tippermettix li tittieħed pożizzjoni definittiva dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmija rekwiżiti jikkostitwixxux kundizzjonijiet minimi li magħhom jistgħu jiżdiedu kundizzjonijiet oħra jew jekk dawn humiex l-uniċi kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob l-ammissjoni għal finijiet ta’ studju.

    32.

    Il-qorti tar-rinviju tirreferi mbagħad għall-Artikolu 12 tad‑Direttiva 2004/114. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li permess ta’ residenza għandu jinħareġ lill-istudent li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114 għal perijodu minimu ta’ sena. Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-użu fl-indikattiv tal-verb “għandu” jimmilita għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li meta l-imsemmija kundizzjonijiet huma ssodisfatti, il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ. Għalhekk il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu donnha timmilita favur l-argument li d-Direttiva 2004/114 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha għall-ammissjoni għal finijiet ta’ studju. Fil-fatt, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli marġni ta’ diskrezzjoni għall‑ħruġ ta’ dan il-permess, huwa kien juża, kif fil-fatt jagħmel il‑leġiżlatur Ġermaniż, il-kliem “jista’ jinħareġ”.

    33.

    Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha, hija wkoll, l‑ambigwità tagħha. Fil-fatt, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, hija tista’ wkoll tkun interpretata fis-sens li hija limitata sabiex tirregola l-perijodu tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza eventwali, mingħajr ma tindirizza l‑kwistjoni tal-opportunità tal-imsemmi ħruġ ta’ permess. Barra minn hekk, skont it-tieni parti tal-ewwel sentenza tal-istess dispożizzjoni, il‑permess ta’ residenza huwa rinnovabbli jekk id-detentur tiegħu jkompli jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7. L-użu tat-terminu “rinnovabbli” jista’ jinftiehem li l-permess ta’ residenza jista’ jiġġedded jekk tippersisti l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, fatt li jista’ jwassal sabiex, anki f’tali każ, it-tiġdid ma jkunx awtomatiku, iżda jista’ ma jseħħx anki jekk l-imsemmija kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

    34.

    F’dan ir-rigward, għandu jissemma wkoll l-argument tal-Gvern Belġjan li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114 lanqas ma huwa applikabbli għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob residenza għal finijiet ta’ studju u li t-talba tiegħu tkun għadha pendenti, għaliex dan ma jistax jikkwalifika bħala “student” fis-sens tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2004/114 ( 10 ). Għalhekk, skont dan il-gvern, jekk jiġi aċċettat li din id-dispożizzjoni tipprovdi obbligu fuq l-Istati Membri, dan l-obbligu jikkonsisti biss fil-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà ġew ammessi għal finijiet ta’ studju.

    35.

    Bħala konklużjoni, jiena nqis li l-formulazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/114 hija kkaratterizzata minn ċerta ambigwità li għandha l-konsegwenza li l-analiżi litterali tagħha ma tipprovdix elementi li jippermettu li jiġi stabbilit definittivament jekk l‑imsemmija direttiva hijiex limitata li tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jissodisfa sabiex ikun jista’ jiġi ammess sabiex isegwi studji fl-Unjoni jew jekk il-kundizzjonijiet li hija tipprovdi humiex eżawrjenti. Għalhekk sabiex nirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha ssir analiżi sistematika u kuntestwali, kif ukoll teleoloġika tal-imsemmija direttiva.

    B – Analiżi sistematika u kuntestwali

    36.

    Id-Direttiva 2004/114 hija t-tielet strument leġiżlattiv adottat mill-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni legali wara t-Trattat ta’ Amsterdam u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ( 11 ). Peress li ġiet adottata abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 63(3)(a) KE, din id-direttiva madankollu tibqa’ taqa’ fil-kuntest tal-missjoni fdata lill-Unjoni mill-Artikolu 79 TFUE li tiżviluppa politika komuni tal‑immigrazzjoni intiża sabiex tiżgura amministrazzjoni effettiva tal‑flussi migratorji, trattament ugwali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi b’residenza regolari fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni tal‑immigrazzjoni illegali.

    37.

    Skont l-Artikolu 21 tagħha, id-Direttiva 2004/114 kienet is‑suġġett ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħha ( 12 ). Din l-evalwazzjoni kixfet diversi punti dgħajfa li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tistaqsi jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibbenefikawx minn trattament ugwali fil-kuntest ta’ dan l‑istrument leġiżlattiv ( 13 ). Wara l-konstatazzjoni ta’ dawn il-punti dgħajfa, id-Direttiva 2004/114 attwalment hija s-suġġett ta’ proposta ta’ modifika intiża sabiex tippreċiża u testendi l-portata ( 14 ).

    38.

    Għalhekk huwa f’dan il-kuntest li għandha tkun analizzata l-istruttura tad-Direttiva 2004/114.

    39.

    F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li mill‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/114 jirriżulta li dan l-istrument leġiżlattiv jipprovdi dispożizzjonijiet obbligatorji għall-Istati Membri esklużivament għal dak li jirrigwarda l-istudenti, filwaqt li jħalli lill-Istati Membri l-fakultà li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għall-kategoriji oħra ta’ persuni msemmija minnha ( 15 ). Issa, kif osservat il-qorti tar‑rinviju, din id-distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet għall-istudenti, li huma obbligatorji għall-Istati Membri, u d-dispożizzjonijiet għall‑kategoriji l-oħra, li t-traspożizzjoni tagħhom titħalla fis-setgħa diskrezzjonali tagħhom, turi li kien qed jitfittex ċertu livell ta’ armonizzazzjoni vinkolanti għal dak li jirrigwarda s-sistema ta’ ammissjoni għall-istudenti, ħaġa li hija koerenti mal-għan tad-Direttiva 2004/114 li tiffaċilita l-ammissjoni ( 16 ).

    40.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/114 jipprovdi l‑possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika l-imsemmija direttiva, u għalhekk ċertament għall-istudenti. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni ma hijiex kompatibbli mal-possibbiltà li l‑Istati Membri jħarrxu l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għal dawn il‑kategoriji ta’ persuni. Fi kliem ieħor, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li, jekk skont id-Direttiva 2004/114 l-Istati Membri jżommu l-libertà li jipprovdu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-kategoriji msemmija, a contrario, ma huwiex previst li huma jistgħu jipprovdu dispożizzjonijiet inqas favorevoli, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ammissjoni, billi jżidu kundizzjonijiet li ma humiex previsti mid-Direttiva 2004/114. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija direttiva 2004/114 huma għalhekk indikazzjoni “favur” il-kategorija tal-istudenti, li huwa kkonfermat fl-analiżi teleoloġika tal-imsemmija direttiva ( 17 ).

    41.

    Għal dak li jirrigwarda speċifikament is-sistema ta’ ammissjoni implementata mid-Direttiva 2004/114, għandu jiġi kkonstatat li hija tipprovdi dispożizzjoni ta’ prinċipju, jiġifieri l-Artikolu 5 fuq imsemmi, u mbagħad fl-Artikolu 6, kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall‑kategoriji kollha koperti minn din id-direttiva u, fl-aħħar nett, fl-Artikoli 7 sa 11 serje ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għal kull kategorija prevista. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ strumenti normattivi oħra fil-qasam tal‑immigrazzjoni ( 18 ), l-imsemmija direttiva ma tinkludix artikolu li jistabbilixxi lista li telenka r-raġunijiet li għalihom talba għad-dħul jew residenza għall-finijiet previsti fiha stess fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi rrifjutata ( 19 ).

    42.

    Issa, dan in-nuqqas għandu jiġi interpretat li jindika l-volontà li tingħata awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jirrifjutaw, abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali inkundizzjonata, l-ammissjoni għal finijiet ta’ studju lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun talabha, anki meta jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti mid-Direttiva 2004/114 stess?

    43.

    Jiena minix konvint.

    44.

    F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju tad‑Direttiva 2004/114 jirriżulta li l-kwistjoni prinċipali li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-proposta għal direttiva, kienet prevista bħala li tista’ tibbilanċja kontra l-volontà espressa li jiġi ffavorit, permezz tal‑adozzjoni ta’ din id-direttiva, id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, kienet dik li jiġu ppreżervati l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika ( 20 ). Din il-kwistjoni, li magħha tiżdied il-preżervazzjoni tas-saħħa pubblika, ġiet “ikkodifikata” fil-previżjoni, fost il‑kundizzjonijiet ġenerali għall-ammissjoni, tal-kundizzjoni għall‑ammissjoni (negattiva) stabbilita fl-Artikolu 6(1)(d) tad‑Direttiva 2004/114. Din il-kwistjoni hija msemmija wkoll fil‑premessa 14 tal-imsemmija direttiva, li tipprovdi speċifikazzjonijiet tal-każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida għall‑ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

    45.

    Ma’ din il-kwistjoni, tiżdied, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ( 21 ), il-volontà espressa li jiġi evitat li l-proċedura stabbilita mid-Direttiva 2004/114 tkun tista’ tintuża b’mod abbużiv jew frawdolenti. Din il‑kwistjoni addizzjonali, li hija marbuta b’mod ċar mal-għan li jiġi evitat l-użu ħażin tal-istrumenti normattivi fil-qasam tal-immigrazzjoni regolari għall-finijiet ta’ immigrazzjoni irregolari, xorta ma tinsabx fil-formulazzjoni tal-artikoli tad-Direttiva 2004/114. Mill-banda l-oħra, hija ġiet espressa fil-premessa 15 tagħha, li tipprovdi, li f’każ ta’ dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet tal-applikazzjoni għall-ammissjoni ppreżentata, l-Istati Membri jistgħu jitolbu “l-evidenza kollha, li hija neċessarja biex issir valutazzjoni tal-koerenza tagħha, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ l-istudji proposti mill-applikant, sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż u l-użu ħażin tal-proċedura stabbilita [mill-imsemmija] Direttiva”.

    46.

    Fl-opinjoni tiegħi, huwa f’din il-perspettiva doppja li għandha tinftiehem l-ewwel sentenza tal-premessa 14 tad-Direttiva 2004/114, li tipprovdi li l-ammissjoni għall-finijiet stabbiliti minn din id-direttiva “tista’ tiġi miċħuda għal raġunijiet ġustifikati b’mod xieraq”. Din is‑sentenza, li b’xi mod hija intiża sabiex timla n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet preċiżi fil-formulazzjoni tal-artikoli tal-imsemmija direttiva dwar il-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-ammissjoni għandha, fl‑opinjoni tiegħi, tinftiehem billi jsir riferiment għaż-żewġ tipi ta’ kwistjonijiet indikati sussegwentement fil-premessa 14 stess kif ukoll fil-premessa 15. Fil-fatt huma dawn iż-żewġ tipi ta’ kwistjonijiet, minn naħa, dik ikkodifikata fl-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114 u min‑naħa l-oħra, dik marbuta mar-riskju ta’ użu abbużiv tal-proċedura prevista mid-Direttiva stess sabiex jittieħed vantaġġ minnha għall‑aċċess fit-territorju tal-Unjoni għal finijiet oħra li ma humiex l‑istudju, li kienu kkunsidrati bħala suffiċjentement serji sabiex jibbilanċjaw kontra l-għan tad-Direttiva 2004/114 li jiffavorixxi l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, minħabba l-effetti kollha pożittivi għall-Unjoni li jirriżultaw minnha.

    47.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li mill-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni jirriżulta li l-fatt li l-permess ta’ residenza maħruġ għal finijiet ta’ studju jista’ jkun validu għal sena u jista’ jiġi rtirat jew ma jiġix imġedded fil-każijiet previsti fl-Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/114 kien ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi garanzija tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ rigoruż a posteriori mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ( 22 ).

    48.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw l-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew meta l-kundizzjonijiet previsti mid‑Direttiva 2004/114 għall-ammissjoni tal-istudenti ma jkunux issodisfatti, jew jekk mill-analiżi tal-fajl u miċ-ċirkustanzi rilevanti kollha jirriżulta li jeżistu elementi preċiżi u konkreti li minnhom jirriżulta użu abbużiv u frawdolenti tal-proċedura stabbilita mid‑Direttiva 2004/114. Mill-banda l-oħra, huma ma jistgħux jirrifjutaw l-ammissjoni għal raġunijiet oħra.

    49.

    F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-analiżi tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/114 għall-ammissjoni tal-istudenti, jiena nikkunsidra li l-Istati Membri għandu jkollhom, waqt l-analiżi tal-applikazzjoni għall-ammissjoni, marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tagħhom. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni flimkien mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mal-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti, għandu jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija artikoli tad‑Direttiva humiex issodisfatti għall-finijiet tal-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħala studenti ( 23 ). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jestendix madankollu għall-possibbiltà li jiżdiedu kundizzjonijiet għall-ammissjoni li ma humiex previsti mid-Direttiva 2004/114.

    50.

    Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-eventwali użu abbużiv jew frawdolenti tal-proċedura stabbilita mid-Direttiva 2004/114, għandu jitfakkar li, b’kull mod, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi u li l-prova ta’ tali prattika teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi minn fejn jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal‑Unjoni, l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu ( 24 ).

    51.

    Ir-rekwiżit li ssir analiżi sabiex ikun ivverifikat użu abbużiv jew frawdolenti eventwali tal-proċedura prevista mid-Direttiva 2004/114 teskludi ammissjoni awtomatika — li tkopri d-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-għanijiet stabbiliti mill-imsemmija direttiva ( 25 ) — anki fil-każijiet fejn il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni li hija tipprevedi huma ssodisfatti kollha, fatt li jirrispondi għad-diffikultajiet imsemmija mill-Istati Membri fl-osservazzjonijiet tagħhom imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, din l-analiżi għandha ssir fil-kuntest ta’ prinċipji ċari u ma tistax tkun arbitrarja.

    52.

    B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar‑riżultat skolastiku li, skont kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kienet l-element deċiżiv li ġġustifika r-rifjut tal-applikazzjoni tar-rikorrent fil‑kawża prinċipali, għalkemm hija tista’ tikkostitwixxi element fost oħrajn li jista’ jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tal-koerenza tal‑applikazzjoni għall-ammissjoni, hija ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tikkostitwixxi fiha nnifisha raġuni għar-rifjut tal-ammissjoni.

    53.

    Fil-fatt, għandu jitfakkar, minn naħa, li skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/114, l-ewwel kundizzjoni speċifika għall-ammissjoni applikabbli għall-istudenti huwa l-fatt li jkunu ġew aċċettati fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla sabiex isegwu fih kors ta’ studju. Issa, anki jekk l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni, kemm sabiex jistabbilixxu l-kunċett ta’ “stabbiliment”, kif jirriżulta mid‑definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fl-Artikolu 2(e) tad‑Direttiva 2004/114, kif ukoll sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni f’tali stabbiliment, normalment jibqgħu madankollu l‑istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla u mhux il-persunal diplomatiku, li għandhom jevalwaw il-kapaċità ta’ student futur li jtemm l-istudji tiegħu, u xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jintroduċu fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom regoli li jobbligaw lil dawn l‑istabbilimenti jissuġġettaw l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-analiżi u d-demostrazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ natura edukattiva ta’ grad speċifiku ( 26 ).

    54.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2004/114 jipprovdi espressament il-possibbiltà li ma jiġix imġedded, u anki li jiġi rtirat il-permess ta’ residenza jekk, id-detentur ma jagħmilx progress aċċettabli fl-istudji tiegħu. Din il-previżjoni tippermetti li jiġi ssanzjonat a posteriori eventwali użu abbużiv tal-proċedura prevista mill‑imsemmija direttiva, fil-każijiet fejn il-persuna ammessa riedet tiġi ammessa fit-territorju tal-Unjoni fir-realtà għal raġunijiet differenti milli sabiex issegwi studji.

    C – Analiżi teleoloġika

    55.

    L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/114 kif proposta hija kkonfermata, fl-opinjoni tiegħi, mill-analiżi teleoloġika ta’ dan l‑istrument normattiv.

    56.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 6 tad‑Direttiva 2004/114, bħala bażi tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva hemm il-volontà li tiġi promossa l-mobbiltà ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Unjoni għal skopijiet ta’ studju, fil-kuntest ta’ strateġija intiża sabiex tippromwovi l-Ewropa kollha bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali ( 27 ), u għalhekk għandha aspett estern sa fejn hija tikkontribwixxi għat-tixrid tal-valuri tad-drittijiet tal‑bniedem, tad-demokrazija u l-istat tad-dritt li magħhom l-Unjoni hija marbuta ( 28 ).

    57.

    Fil-fatt, id-Direttiva 2004/114 kienet maħsuba b’mod li l‑approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri li tirregola l-kundizzjonijiet tad-dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l‑għanijiet billi tippromwovi l-ammissjoni tagħhom ( 29 ).

    58.

    Madankollu, interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/114 li tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrifjutaw abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali inkundizzjonata l-ammissjoni għal finijiet ta’ studju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlobha, anki meta huwa jissodisfa l‑kundizzjonijiet kollha previsti mid-Direttiva stess, mingħajr ma jagħmel użu abbużiv tal-proċedura li hija tipprevedi, tfixkel l-effettività tal-imsemmija direttiva u tikkostitwixxi ostakolu għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnha.

    V – Konklużjoni

    59.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin:

    L-Artikoli 6, 7 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, għandhom ikunu interpretati fis-sens li l‑awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jistgħux jirrifjutaw l‑ammissjoni għal finijiet ta’ studju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, fl-aħħar tal-analiżi tal-applikazzjoni relattiva ppreżentata minn din il-persuna magħmula minnhom, ħlief f’każ fejn l-imsemmi ċittadin ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva jew jekk jeżistu elementi preċiżi u konkreti li minnhom jirriżulta użu abbużiv jew frawdolenti tal-proċedura stabbilita mill-imsemmija direttiva.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Ara, b’mod partikolari, id‑Direttiva tal‑Kunsill 2005/71/KE, tat-12 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (ĠU L 289, p. 15). B’għanijiet simili, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva 2009/50/KE, tal-25 ta’ Mejju 2009, dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, p. 17).

    ( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ‐ Ir-raba’ rapport annwali dwar l-immigrazzjoni u l-ażil (2012), COM(2013) 422 finali, b’mod partikolari, il-Kapitolu III.2.

    ( 4 ) Għalhekk, pereżempju, ġie meqjus li l-valur tad-dħul marbut mal-esportazzjoni ta’ edukazzjoni ogħla (Education export) fl-2011 fir-Renju Unit biss kien ta’ madwar 17.5 biljun ta’ kotba (ara r-rapport tal-Gvern tar-Renju Unit (Dipartiment tan-Negozju, Innovazzjoni u Ħiliet) ta’ Lulju 2013, intitolat “International Education: Global Growth and Prosperity”, https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/229844/bis-13-1081-international-education-global-growth-and-prosperity.pdf).

    ( 5 ) ĠU L 153M, p. 330.

    ( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002, tat-13 ta’ Ġunju 2002, li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3).

    ( 7 ) Fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. I, p. 162), emendata fl-aħħar lok permezz tal-Artikolu 2(59) tal-Liġi tas-7 ta’ Awwissu 2013 (BGBl. I, p. 3154).

    ( 8 ) Ara wkoll, il-premessa 24 tad-Direttiva 2004/114.

    ( 9 ) Fil-fatt, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/114 min-naħa tal-qorti tar-rinviju titlaq mill-konstatazzjoni li — fil-verżjoni Ġermaniża — hija tuża l-preżent fil-forma passiva tal-verb “jammetti” (“Ein Drittstaatsangehöriger wird […] zugelassen”, jiġifieri litteralment “ċittadin ta’ pajjiż terz huwa […] ammess”). Il‑qorti tar-rinviju tosserva li, mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma użax il-kliem “jista’ jiġi ammess”, din id-dispożizzjoni ma tħallix marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-ammissjoni. Madankollu, il-verżjoni Ġermaniża hija fformulata b’mod kemxejn differenti minn verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Spanjola, dik Ingliża, Franċiża u Taljana. Għall-kuntrarju ta’ dawn, il-verżjoni Ġermaniża ma tirreferix għall-kunċett ta’ “subordinazzjoni” tal-ammissjoni għall-verifika tal‑kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha jużaw is-sustantiv “ammissjoni” u mhux il-verb “jammetti” fil-preżent. Għalhekk fl-opinjoni tiegħi dan jirrigwarda sfumaturi ta’ traduzzjoni tad-dispożizzjoni li ma jistgħux jirriżultaw f’interpretazzjonijiet differenti tagħha.

    ( 10 ) Fil-fatt, il-kunċett ta’ “student”, kif jirriżulta mill-imsemmija definizzjoni, jippreżumi li l-Istat Membru kkonċernat ikun diġà awtorizza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol u jirrisjedi fit-territorju tiegħu u għalhekk ikun diġà ddeċieda fuq it-talba ta’ residenza għal finijiet ta’ studju. Issa, skont il-Gvern Belġjan, sa fejn l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114 isemmi b’mod espliċitu l-“istudenti”, huwa ma japplikax fin‑nuqqas ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ ammissjoni. Għalhekk skont il-Gvern Belġjan il-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114 jirreferi għall-permess ta’ residenza li jimmaterjalizza d-deċiżjoni li tagħti r‑residenza u mhux din id-deċiżjoni fiha nnifisha.

    ( 11 ) F’dan il-qasam kienu diġà ġew adottati żewġ direttivi, jiġifieri d-Direttiva tal‑Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunfikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) u d‑Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

    ( 12 ) Ara, ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l‑applikazzjoni tad-Direttiva 2004/114/KE, tat-28 ta’ Settembru 2011 COM(2011) 587 finali.

    ( 13 ) Ara l-p. 2 tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skop ta’ riċerka, studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u au pairing (Riformulazzjoni) ippreżentata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Marzu 2013, COM(2013) 151 finali. Din il-proposta, li f’dan il-mument qed tiġi diskussa fil-Kunsill, hija intiża wkoll sabiex tissostitwixxi d-Direttiva 2005/71, imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    ( 14 ) Ara l-proposta għal direttiva msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

    ( 15 ) Il-proposta għal direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq ma tinkludix din id-differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/114. Fil-fatt, l‑Artikolu 2 ta’ din il-proposta jirrendi obbligatorji d-dispożizzjonijiet fakultattivi tal-imsemmija direttiva dwar l-istudenti, persuni li qed jitħarrġu bla ħlas u volontarji u jkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva sabiex tinkludi l-persuni li qed jitħarrġu bi ħlas u l-persuni au pair.

    ( 16 ) Ara l-premessa 6 tad-Direttiva 2004/114 u l-punti 56 u 57 iktar ’il fuq.

    ( 17 ) Ara l-punti 55 et seq, iktar ’il quddiem.

    ( 18 ) Bħal, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (“Kodiċi dwar il-Viżi”, ĠU L 243, p. 1) li kien is-suġġett tal-kawża li tat lok għas‑sentenza Koushkaki (C-84/12, EU:C:2013:862), u li l-Artikolu 32 tiegħu jelenka r-raġunijiet ta’ rifjut tat-talba għal viża uniformi. Id-Direttiva 2009/50 imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq, tipprovdi wkoll, fl-Artikolu 8 tagħha, lista ta’ raġunijiet ta’ rifjut.

    ( 19 ) Tali dispożizzjoni hija madankollu prevista fil-proposta għal direttiva msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq (ara l-Artikolu 18 ta’ din il-proposta).

    ( 20 ) Ara l-punt 1.5 tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad‑dħul u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ studju, taħriġ vokazzjonali u volontarjat, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ottubru 2002 [COM(2002) 548 finali].

    ( 21 ) Fil-fatt, il-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna preċedenti, inizjalment ma kienet tagħmel ebda riferiment għall-kunċett tal‑użu frawdolenti jew abbużiv tal-proċedura.

    ( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza finali tal-punt 1.5 tal-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni fl-2002 u msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

    ( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Koushkaki (EU:C:2013:862, punt 60).

    ( 24 ) Ara, is-sentenza O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C-83/13, EU:C:2014:201, punt 81).

    ( 25 ) Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2004/114.

    ( 26 ) Leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip teżisti fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn huwa previst li l‑istabbilimenti li jridu jirreġistraw ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiffirmaw Kodiċi ta’ Kondotta (Gedragscode Internationale Student in het Hoger Onderwijs) li jipprovdi, fost l-oħrajn, l-obbligu li dawn l-istabbilimenti jistabbilixxu minn qabel ir-rekwiżiti edukattivi li jikkostitwixxu kundizzjonijiet għall-ammissjoni fl‑istabbiliment u jistħarrġu minn qabel l-ammissjoni li l-istudenti futuri jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet (ara l-Artikolu 4 tal-imsemmi Kodiċi fil-verżjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2013). Il-fatt li l-istabbiliment jiffirma l-Kodiċi ta’ Kondotta huwa kkunsidrat b’mod espliċitu mill-Gvern bħala kundizzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ studju (premessa 8 tal-imsemmi Kodiċi).

    ( 27 ) Sentenza Sommer (C-15/11, EU:C:2012:371, punt 39). F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 1.2, 1.3 u 1.5 tal-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni fl‑2002 u msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

    ( 28 ) Ara l-punt 1.3 tal-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni fl-2002 u msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

    ( 29 ) Ibidem.

    Top