Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0417

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2014.
    ÖBB Personenverkehr AG vs Gotthard Starjakob.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-akkreditazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għal proroga tat-termini tal-avvanz — Ġustifikazzjoni — Kapaċità li jintlaħaq l-għan imfittex — Dritt li tiġi kkontestata l-proroga tat-termini tal-avvanz.
    Kawża C-417/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2048

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2014 ( 1 )

    Kawża C‑417/13

    ÖBB Personenverkehr AG

    vs

    Gotthard Starjakob

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

    “Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz — Leġiżlazzjoni diskriminatorja ta’ Stat Membru li teskludi l-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ attività mwettqa qabel it-18-il sena għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni — Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida b’effett retroattiv u mingħajr kumpens finanzjarju — Persistenza tad-differenza fit-trattament — Ġustifikazzjonijiet — Dritt ta’ ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni — Sanzjonijiet — Terminu ta’ preskrizzjoni”

    1. 

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea ( 2 ) u ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 3 ).

    2. 

    Id-domandi preliminari saru fil-kuntest ta’ kawża bejn l-ÖBB‑Personenverkehr AG (iktar ’il quddiem l-“ÖBB”) u G. Starjakob fir-rigward tal-legalità tal-iskema professjonali ta’ remunerazzjoni implementata mil-leġiżlatur Awstrijak sabiex jelimina diskriminazzjoni abbażi tal-età.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-Direttiva 2000/78

    3.

    Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha “[l]-iskop […] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament”.

    4.

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

    “1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

    a)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    […]”

    5.

    Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, hija għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità Ewropea, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi organi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

    6.

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 huwa redatt b’dan il-mod:

    “1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji.

    Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

    a)

    l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

    b)

    L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

    […]”

    7.

    Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat”.

    8.

    L-Artikolu 16(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikunu aboliti.

    9.

    L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, dwar is-sanzjonijiet, jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonli adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dawk id-disposizzjonijiet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda li taffettwahom.”

    B – Id-dritt Awstrijak

    10.

    Sal-31 ta’ Diċembru 1995, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-1963 dwar ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-linji tal-ferrovija (Bundesbahn-Besoldungsordnung 1963) ( 4 ), intitolat “Data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz”, kien jipprovdi:

    “(1)   Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għandha tkun iddeterminata fis-sens li — ħlief għall-perijodi ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena u b’riżerva tad-dispożizzjonijiet restrittivi tas-subparagrafi 4 sa 7 — huma meqjusa li jippreċedu l-jum tar-reklutaġġ:

    a)

    il-perijodi msemmija fis-subparagrafu 2, fl-intier tagħhom,

    b)

    il-perijodi l-oħra, nofshom.

    (2)   Skont is-subparagrafu 1(a) għandhom jitqiesu li jippreċedu l-jum tar-reklutaġġ:

    1.

    iż-żmien magħmul f’impjieg li jirrappreżenta tal-inqas nofs iż-żmien preskritt għall-ħaddiema full-time fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol fi ħdan linji tal-ferrovija Awstrijaki.

    […]

    (6)   Hija pprojbita l-akkreditazzjoni iktar minn darba tal-istess perijodu — ħlief l-akkreditazzjoni doppja prevista fl-Artikolu 32 tar-[Regolament tal-1974 dwar ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-linji tal-ferrovija (Bundesbahn-Besoldungsordnung 1974, BGBl. Nr. 263)]”.

    11.

    L-Artikolu 3 tal-BO 1963 ġie emendat permezz tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija federali (Bundesbahngesetz) ( 5 ), li l-Artikolu 53a tagħha jistabbilixxi:

    “(1)   Għall-membri tal-persunal u pensjonanti li jidħlu jew ser jidħlu fis-servizz tal-linji tal-ferrovija Awstrijakk (ÖBB) […] sal-31 ta’ Diċembru 2004 u li d-data ta’ referenza individwali tagħhom għall-finijiet tal-avvanz hija jew ser tkun stabbilita abbażi tal-Artikolu 3 tal-[BO 1963], din id-data hija s-suġġett ta’ kalkolu ġdid, wara komunikazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li għandhom ikunu akkreditati, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għandha tkun iddeterminata fis-sens li huma meqjusa li jippreċedu l-jum tar-reklutaġġ […] il-perijodi li għandhom ikunu akkreditati (Z 2) wara t-30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha disa’ snin skolastiċi huma jew kienu mwettqa wara d-dħul fl-ewwel grad ta’ edukazzjoni skolastika.

    2.

    Il-perijodi li għandhom ikunu akkreditati jirriżultaw mir-regoli tal-akkreditazzjoni fis-seħħ iddefiniti mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-BO 1963 […]

    (2)   F’każ li d-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz tiġi ffissata mill-ġdid skont il-paragrafu (1), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    Kull perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli huwa estiż b’sena.

    2.

    L-avvanz iseħħ fl-1 ta’ Jannar ta’ wara t-twettiq ta’ kull perijodu meħtieġ għall-avvanz (data tal-avvanz).

    3.

    L-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz ma jkollux effett jekk jimplika tnaqqis fis-salarju meta mqabbel mal-iffissar preċedenti ta’ din id-data [ ( 6 )].

    […]

    (4)   Il-prova tal-perijodi ta’ servizz li għandhom ikunu akkreditati skont il-paragrafu (1) għandha titressaq b’mod xieraq, fid-dawl tal-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz, mill-membri tal-persunal u pensjonati permezz tal-formola pprovduta mill-persuna li timpjega. Għal persuni li ma jġibux din il-prova jew li jġibuha b’mod inkorrett jew mhux komplut, tinżamm id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz applikabbli preċedentament fir-rigward tagħhom […]

    (5)   Għad-djun salarjali li jirriżultaw mill-iffissar mill-ġdid ta’ data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz, il-perijodu bejn it-18 ta’ Ġunju 2009 u l-jum tal-pubblikazzjoni tal-Liġi federali ppubblikata fil-BGB1. I, 129/2011 ma jidħlux fil-kalkolu tat-terminu tal-preskrizzjoni ta’ tliet snin”.

    12.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament (Gleichbehandlungsgesetz) ( 7 ) jistabbilixxu:

    “Artikolu 17 – Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol

    (1)   Ħadd ma jista’ jkun suġġett għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi ta’ […] l-età […] fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, b’mod partikolari:

    […]

    2.

    fl-iffissar tar-remunerazzjoni,

    […]

    Artikolu 26 – Il-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament

    […]

    (2)   Jekk, minħabba ksur mill-persuna li timpjega tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 17(1)(2), ħaddiem jew ħaddiema titħallas għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur remunerazzjoni inferjuri għal dik ta’ ħaddiem jew ħaddiema li ma tkunx suġġetta għal diskriminazzjoni abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 17, dak il-ħaddiem jew dik il-ħaddiema għandha dritt ta’ ħlas mingħand il-persuna li timpjega tad-differenza u għall-ħlas tad-danni għall-preġudizzju morali subit.

    […]

    Artikolu 29 – It-termini għall-eżerċizzju tad-drittijiet

    (1)   […] Fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 26(2), […] tapplika l-preskrizzjoni ta’ tliet snin tal-Artikolu 1486 [tal-Kodiċi Ċivili (Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch) ( 8 )].

    […]”

    13.

    Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-preskrizzjoni tal-“ABGB” jistabbilixxu:

    “Artikolu 1480 – Id-djun għal servizzi annwali b’lura, b’mod partikolari l-imgħaxijiet, […] jaqgħu fi tliet snin; id-dritt innifsu huwa preskritt b’nuqqas ta’ użu ta’ tletin sena.

    Artikolu 1486 – Termini ta’ preskrizzjoni partikolari

    Huma preskritti bi tliet snin: id-debiti

    […]

    5.

    ta’ ħaddiema fir-rigward tar-remunerazzjoni tagħhom u r-rimbors ta’ spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xoghol tal-impjegati, ħaddiema bil-ġurnata, ħaddiema domestiċi u tal-impjegati privati kollha […]”

    II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14.

    G. Starjakob beda r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-predeċessur fid-dritt ta’ ÖBB, fl-1 ta’ Frar 1990. Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz kienet ġiet iffissata, fil-każ tiegħu, bl-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa sa minn meta huwa għalaq 18-il sena. Il-perijodu ta’ taħriġ imwettaq minn G. Starjakob wara li għalaq 18-il sena ġie akkreditat nofsu, filwaqt li dak imwettaq qabel ma ġiex akkreditat, skont l-Artikolu 3 tal-BO 1963.

    15.

    Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema, l-Awstrija), jekk id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tar-rikorrent tkun iffissata skont id-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 53a(a) tal-BBG, jiġifieri takkredita wkoll il-perijodi ta’ servizz imwettqa minnu qabel l-età ta’ 18-il sena (wara t-30 ta’ Ġunju segwenti t-tmiem tal-edukazzjoni obbligatorja ġenerali ta’ disa’ snin skolastiċi), tirriżulta data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġdida, jiġifieri t-22 ta’ Ġunju 1985. Jekk tinżamm din id-data l-ġdida filwaqt li l-klassifikazzjoni ta’ G. Starjakob tkompli tkun iddeterminata skont is-sitwazzjoni legali l-antika, għal perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Novembru 2007 u x-xahar ta’ Ġunju 2012 tirriżulta differenza fis-salarju ta’ EUR 3 963.75 gross favur tiegħu.

    16.

    Fl-2012, billi invoka s-sentenza Hütter ( 9 ), G. Starjakob fetaħ kawża kontra l-ÖBB għall-ħlas tad-differenza fis-salarju li kien dovut lilu għall-perijodu mill-2007 sal-2012 li kieku d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tiegħu kienet ikkalkolata bl-akkreditazzjoni tal-perijodu ta’ taħriġ imwettaq qabel għalaq it-18-il sena.

    17.

    Il-Landesgericht Innsbruck (Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck) ċaħdet ir-rikors, billi qieset li l-Artikolu 53a tal-BBG jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. G. Starjakob seta’ jitlob biss li d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tkun ikkalkolata skont il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu u dan jekk huwa jaċċetta, b’mod partikolari, il-paragrafi (2) u (4) tal-imsemmi artikolu, dwar l-estensjoni tal-perijodi meħtieġa għall-avvanz, u l-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni. Peress li G. Starjakob għadu ma ġabx prova kompluta ta’ perijodi tas-servizz preċedenti tiegħu, id-data ta’ referenza ffissata, għal dak li jirrigwardah, tibqa’ valida, mingħajr ma jista’ jilmenta minn diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu.

    18.

    Fl-appell, l-Oberlandesgericht Innsbruck (Qorti Reġjunali Superjuri ta’ Innsbruck) laqgħet it-talba ta’ G. Starjakob. Hija qieset li, fin-nuqqas ta’ dawn il-provi, hija s-sitwazzjoni legali stabbilita fil-BO 1963 li tapplika għal G. Starjakob, iżda li din tal-aħħar hija diskriminatorja, b’tali mod li hemm lok li tiġi ddeterminata data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġdida li takkredita l-perijodu ta’ taħriġ imwettaq qabel l-età ta’ 18-il sena. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 53a tal-BBG ma japplikax għalih minħabba n-nuqqas ta’ prova tal-perijodi tas-servizz preċedenti tiegħu, il-perijodu meħtieġ għall-avvanz jibqa’ ta’ sentejn għal-livelli ta’ remunerazzjoni kollha.

    19.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtsof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu [21] tal-[Karta] u tal-Artikoli 7(1), 16 u 17 tad-Direttiva [2000/78] għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    (a)

    ħaddiem li fir-rigward tiegħu l-persuna li timpjegah inizjalment stabbilixxiet, fuq il-bażi ta’ akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita mil-liġi, data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz inkorretta, għandu dritt fi kwalunkwe każ għall-ħlas tad-differenza fis-salarju li tirriżulta mill-iffissar ta’ din id-data mingħajr diskriminazzjoni;

    (b)

    jew fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà, permezz tal-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz mingħajr diskriminazzjoni, li jelimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età anki mingħajr kumpens finanzjarju (permezz ta’ ffissar mill-ġdid ta’ data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz flimkien ma’ estensjoni tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz), b’mod partikolari jekk din is-soluzzjoni, newtrali mill-perspettiva tar-remunerazzjoni, tfittex li tippreserva l-likwidità tal-persuna li timpjega kif ukoll li tevita l-oneru ta’ xogħol eċċessiv neċessarju għal kalkolu ġdid?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b): Tali akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz mingħajr diskriminazzjoni tista’:

    (a)

    tiġi wkoll introdotta retroattivament mil-leġiżlatur (f’dan il-każ bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2011, ippubblikata fil-BGBl I 2011/129, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2004) jew

    (b)

    hija applikabbli biss mid-data tal-adozzjoni jew tal-pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b): Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva [2000/78], kif ukoll l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġi interpretati fis-sens li:

    (a)

    sistema leġiżlattiva li tipprevedi, għall-perijodi ta’ attività mwettqa fil-bidu tal-karriera, perijodu meħtieġ għall-avvanz itwal […], li trendi għalhekk iktar diffiċli l-avvanz lejn il-livell ta’ paga li jmiss, tikkostitwixxi differenza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-età,

    (b)

    u, jekk dan huwa l-każ, fis-sens li, fid-dawl tal-esperjenza professjonali limitata miksuba fil-bidu ta’ karriera, tali sistema hija xierqa u neċessarja?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b): Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 7(1) u 8(1), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2000/78] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persistenza tal-effetti ta’ sistema antika, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li għandha biss bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiem, favur tiegħu, kontra żvantaġġi fil-qasam tad-dħul li jirriżultaw minn sistema ġdida, mingħajr diskriminazzjoni (klawżola ta’ garanzija tar-remunerazzjoni), hija ammissibbli u ġġustifikata għal raġunijiet ta’ rispett tad-drittijiet miksuba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

    5)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b) u għad-domanda 3(b):

    (a)

    Il-leġiżlatur jista’ jipprevedi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati, dmir (obbligu) ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-ħaddiem u jissuġġetta t-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu?

    (b)

    Ħaddiem li ma jipprovdix il-kooperazzjoni li wieħed jista’ jistenna minnu għall-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz skont is-sistema l-ġdida tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz, mingħajr diskriminazzjoni, u li, minħabba f’hekk, ma jużax xjentement is-sistema mingħajr diskriminazzjoni u jibqa’ volontarjament fis-sistema perċedenti tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jista’ jinvoka diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis-sistema antika, jew il-fatt li jibqa’ fis-sistema antika, diskriminatorja, sempliċement sabiex ikun jista’ jinvoka pretensjonijiet ta’ flus jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt?

    6)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(a) jew għad-domandi 1(b) u 2(b): Il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u mill-Artikolu 19(1) TUE, jirrikjedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni ma jibdiex jiddekorri qabel il-kjarifika mingħajr ambigwità tas-sitwazzjoni legali bl-għoti ta’ deċiżjoni rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

    7)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(a) jew għad-domandi 1(b) u 2(b): Il-prinċipju ta’ ekwivalenza tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni prevista fid-dritt nazzjonali għall-azzjonijiet intiżi għall-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq sistema ġdida ta’ akkreditazzjoni u ta’ avvanz (Artikolu 53a(5) tal-[BBG] tiġi estiża għall-pretensjonijiet ta’ ħlas għad-differenzi fis-salarji li jirriżultaw minn sistema antika li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età?”

    III – Analiżi tiegħi

    20.

    Is-sistema ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-impjegati ta’ ÖBB hija bbażata fuq sistema ta’ avvanz li permezz tagħha r-remunerazzjoni tiżdied meta jiskadu perijodi partikolari li matulhom il-ħaddiem jakkwista anzjanità. Dawn il-perijodi jibdew jiddekorru minn data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz li hija stabbilita b’mod individwali. Il-perijodi preċedenti għad-dħul fis-servizz tal-ħaddiema mal-ÖBB huma akkreditati wkoll f’dan il-kuntest.

    21.

    Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz fil-livell ta’ remunerazzjonijiet hija għalhekk data fittizja li tiddetermina l-klassifikazzjoni fil-livell ta’ remunerazzjoni u, għalhekk, il-progressjoni salarjali. Din id-data hija stabbilita skont il-jum effettiv tad-dħul fil-kariga u l-esperjenza meqjusa rilevanti. Iktar ma’ din l-esperjenza tkun kbira, iktar id-data tkun avvanzata u l-klassifikazzjoni fil-livell salarjali tkun ogħla.

    22.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza Hütter ( 10 ), il-leġiżlatur Awstrijak xtaq jimplementa sistema ġdida li tippermetti l-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz miksuba mill-ħaddiema qabel ma’ dawn tal-aħħar ikunu għalqu t-18-il sena, li ma kienx il-każ preċedentement.

    23.

    Mix-xogħol preparatorju relatat mal-Artikolu 53a tal-BBG jirriżulta li l-leġiżlatur Awstrijak ried jestendi għall-impjegati tal-ÖBB ir-riforma li saret għas-servizz pubbliku fuq livell federali.

    24.

    Dan il-leġiżlatur b’hekk kellu l-għan li jelimina d-diskriminazzjoni minħabba l-età li jikkostitwixxi n-nuqqas ta’ akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz miksuba mill-impjegati tal-ÖBB qabel l-età ta’ 18-il sena. Madankollu, sabiex jiżgura n-newtralità ta’ din l-akkreditazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż għall-persuna li timpjega, is-sistema l-ġdida kienet aġġustata b’tali mod li testendi simultanjament b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli. Barra minn hekk id-dispożizzjoni l-ġdida tagħmel kull determinazzjoni ġdida tad-data ta’ referenza dipendenti fuq il-prova, ipprovduta mill-ħaddiema, tal-perijodi ta’ servizz preċedenti.

    25.

    Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tas-sistema l-ġdida implementata mill-imsemmi leġiżlatur mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età prevista fl-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll mid-Direttiva 2000/78.

    26.

    Essenzjalment, l-Oberster Gerichtshof tixtieq tkun taf jekk sistema, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprova ġġib fit-tmiem, bi spejjeż stabbiliti u waqt li tippreżerva d-drittijiet kweżiti tal-ħaddiema, diskriminazzjoni minħabba l-età hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2000/78.

    27.

    Sabiex nirrispondi għad-domandi differenti mressqa mill-qorti tar-rinviju, jiena ser neżamina, qabel xejn, jekk, kif isostnu G. Starjakob u l-Kummissjoni, is-sistema l-ġdida għandhiex l-effett li tikkommetti d-diskriminazzjoni minħabba l-età li hija trid telimina. Ser niddiskuti, imbagħad, il-punt dwar liema konklużjonijiet ġuridiċi għandha tiġbed il-qorti tar-rinviju mill-eżistenza ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età u, b’mod parikolari, jekk hija timplikax neċessarjament kumpens finanzjarju għall-ħaddiema li saret diskriminazzjoni kontrihom. Ser nirrispondi, fl-aħħar nett, għad-domandi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni li jipprovdi d-dritt Awstrijak.

    A – Fuq il-persistenza tad-diskriminazzjoni minħabba l-età

    1. Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament minħabba l-età fis-sistema l-ġdida

    28.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk is-sistema l-ġdida tinkludix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

    29.

    Fl-opinjoni tiegħi, is-sistema l-ġdida implementata mil-leġiżlatur Awstrijak, għalkemm dejjem tippermetti l-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz miksuba mill-ħaddiema qabel l-età ta’ 18-il sena, iżżomm, b’mod ieħor, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

    30.

    Rajna li s-sistema l-ġdida tassoċja l-iffissar ta’ data ta’ referenza ġdida, li takkredita l-perijodi ta’ servizz miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena, ma’ tnaqqis tar-ritmu ta’ progressjoni fl-ewwel livelli tal-karriera. Mir-risposti bil-miktub ippreżentati mill-partijiet fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema l-ġdida, id-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz għandha tkun is-suġġett ta’ kalkolu ġdid għal membri tal-persunal u l-pensjonati kollha tal-ÖBB li daħlu fis-servizz jew ġew impjegati mall-ÖBB sal-31 ta’ Diċembru 2004. L-iffissar ta’ data ta’ referenza ġdida għandu l-effett li jissottometti lill-membru tal-persunal ikkonċernat għal estensjoni tar-ritmu tal-avvanz li jirriżulta mill-Artikolu 53a(2)(1) tal-BBG.

    31.

    Għalhekk, jidher li s-sistema l-ġdida tapplika għall-ħaddiema kollha, b’tali mod li donnha ġġib fi tmiem b’mod ugwali d-diskriminazzjoni minħabba l-età li kienet teżisti qabel.

    32.

    Madankollu, kif ġustament jirrilevaw G. Starjakob u l-Kummissjoni, permezz tad-dispożizzjonijiet differenti tal-Artikolu 53a tal-BBG, is-sistema l-ġdida donnha hija intiża sabiex qabel xejn tapplika għall-ħaddiema li qabel kienu ddiskriminati.

    33.

    Fil-fatt, kif jirrileva l-Gvern Awstrijak stess, sabiex jiġi evitat li d-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz il-ġdida, flimkien mal-estensjoni tar-ritmu tal-avvanz, jkollhom l-effett li jiddeterjoraw is-sitwazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat, l-Artikolu 53a(2)(3) tal-BBG jistabbilixxi li l-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz ma jkollux effett jekk dan jimplika tnaqqis salarjali meta mqabbel mal-iffissar preċedenti ta’ din id-data. F’dawn il-każijiet, ir-ritmu tal-avvanz estiż għal tliet snin ma jibqax japplika.

    34.

    Huwa għalhekk stabbilit li huma biss il-membri tal-persunal li d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tagħhom għandha tkun ikkalkolata mill-ġdid li fil-konfront tagħhom hija imposta estensjoni tal-ewwel tliet perijodi meħtieġa għall-avvanz.

    35.

    Issa, fid-dawl tal-klawżola taż-żamma tad-drittijiet kweżiti prevista fl-Artikolu 53a(2)(3) tal-BBG, huwa probabbli li fir-rigward tal-membri tal-persunal li sostnew il-perijodi ta’ servizz tagħhom miksuba wara l-età ta’ 18-il sena, u li ma għandhomx perijodi ta’ servizz miksuba qabel din l-età x’isostnu, mhux se jiġi applikat għalihom il-kalkolu ta’ data ta’ referenza ġdida u, għaldaqstant, lanqas ma hija ser tapplika għalihom l-estensjoni ta’ sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli. Fil-fatt, għal membri tal-persunal li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha li jistgħu jiġi akkreditati wara l-età ta’ 18-il sena, estensjoni tal-perijodi meħtieġa għall-finijiet tal-avvanz twassal għal tnaqqis salarjali, minħabba pożizzjoni inferjuri fil-grad ta’ remunerazzjoni.

    36.

    B’hekk, bl-applikazzjoni tal-klawżola taż-żamma tad-drittijiet kweżiti, il-membri tal-persunal li jinsabu, għal dak li jirrigwarda l-perijodi ta’ servizz li għandhom jitressqu lill-istess persuna li timpjega, f’sitwazzjoni komparabbli jistgħu jkunu suġġetti għal differenza fit-trattament, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-perijodi meħtieġa għall-finijiet tal-avvanz, skont jekk id-data ta’ referenza tagħhom għandhiex tkun ikkalkolata mill-ġdid jew le.

    37.

    Il-loġika inerenti għas-sistema l-ġdida, li torbot id-determinazzjoni tad-data ta’ referenza ġdida mal-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli, flimkien mal-klawżola taż-żamma tad-drittijiet kweżiti, għalhekk fil-fatt iżżomm differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom qabel l-età ta’ 18-il sena u dawk li kisbu wara din l-età l-perijodi ta’ servizz kollha tagħhom li jistgħu jiġu akkreditati. Fil-fatt, hija biss l-ewwel kategorija ta’ ħaddiema, li ser tkun suġġetta għal kalkolu ġdid tad-data ta’ referenza, li ser tkun, fil-prattika, ikkonċernata bl-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli.

    38.

    Minn dan jirriżulta li s-sistema l-ġdida twettaq differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Fl-aħħar lok, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, tivverifika jekk is-sistema l-ġdida tagħmilx tali differenza fit-trattament minħabba l-età.

    2. Fuq il-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament minħabba l-età

    39.

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

    40.

    L-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza fit-trattament fuq bażi ta’ età ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji.

    41.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq tali għan ( 11 ).

    42.

    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 53a tal-BBG, u b’mod partikolari l-punt 3 tal-paragrafu 2 ta’ dan tal-aħħar, f’dak li jippermetti li għal membri tal-persunal li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha li għandhom jiġi akkreditati wara l-età ta’ 18-il sena ma tapplikax l-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli, hijiex miżura li trid tilħaq għan leġittimu u li hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    43.

    Mill-ispjegazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema l-ġdida tipprova tirrikonċilja diversi għanijiet, jiġifieri li jingħata valur differenti lill-esperjenza miksuba fil-bidu tal-karriera, in-newtralità finanzjarja tar-riforma u l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti.

    44.

    Għal dak li jirrigwarda l-għan li jingħata valur differenti lill-esperjenza professjonali miksuba fil-bidu tal-karriera, nippreċiża li, fl-opinjoni tiegħi, l-għażla li għamel il-leġiżlatur Awstrijak li jestendi b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ma hijiex, fiha nnifisha, kritikabbli. Minbarra li tali deċiżjoni taqa’, fl-opinjoni tiegħi, fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li dan il-leġiżlatur igawdi fil-qasam tal-politika soċjali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-għan intiż sabiex jikkumpensa l-esperjenza miksuba minn ħaddiem, li tpoġġih f’pożizzjoni li jwettaq aħjar is-servizzi tiegħu, jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, għan leġittimu ta’ politika salarjali ( 12 ). Fl-opinjoni tiegħi, huwa ammissibbli li persuna li timpjega tagħti valur differenti lill-esperjenzi professjonali miksuba fil-bidu tal-karriera, li f’dan il-każ ġie tradott fi tnaqqis tar-ritmu ta’ progressjoni fil-bidu tal-karriera. Tali esperjenza tkun mogħtija valur ogħla b’mod progressiv, hekk kif u sa fejn il-ħaddiem jintegra ruħu fil-post tax-xogħol tiegħu u jtejjeb l-effettività tas-servizzi tiegħu.

    45.

    Għandu xorta jiġi vverifikat, skont l-istess termini tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lill-Istati Membri, il-mezzi implementati sabiex jilħqu dan l-għan humiex xierqa u neċessarji.

    46.

    F’dan ir-rigward, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, il-konstatazzjoni ta’ differenza fit-trattament li tippersisti bejn il-ħaddiema li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha wara l-età ta’ 18-il sena u dawk li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom qabel din l-età hija biżżejjed sabiex turi li l-għan li jingħata valur differenti lill-esperjenza professjonali miksuba fil-bidu tal-karriera jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeħtieġ li tali għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 13 ).

    47.

    Fil-fatt, l-esklużjoni tal-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli għall-membri tal-persunal li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha wara l-età ta’ 18-il sena turi, fiha nnifisha, li l-għan li jingħata valur differenti lill-esperjenzi professjonali miksuba fil-bidu tal-karriera ma jintlaħaqx b’mod koerenti u sistematiku. Fi kliem iktar sempliċi, fir-realtà ma huwiex il-veru għan li jrid jintlaħaq mil-leġiżlatur Awstrijak.

    48.

    L-analiżi tax-xogħol preparatorju dwar l-Artikolu 53a tal-BBG jirrileva li l-leġiżlatur Awstrijak, meta implementa s-sistema l-ġdida, qabel xejn, ried jilħaq l-għan li jiżgura n-newtralità tar-riforma f’termini ta’ spejjeż. Huwa fil-fatt dan l-għan li wassal lil dan l-leġiżlatur jorbot l-iffissar ta’ data ta’ referenza ġdida mal-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli.

    49.

    Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Gvern Awstrijak jargumenta li l-leġiżlazzjoni l-ġdida li tapplika għall-membri tal-persunal tal-ÖBB għandha tinftiehem fil-kuntest ta’ numru kbir ta’ miżuri oħra li għandhom l-għan li jeliminaw mill-ordinament ġuridiku Awstrijak id-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età. Huwa jippreċiża li, minħabba s-sentenza Hütter ( 14 ), miżuri simili kienu neċessarji għall-membri tal-persunal ta’ impriżi pubbliċi oħra, tal-Istat federali, tal-Länder u tal-lokalitajiet kollettivi. Skont dan il-Gvern, din tikkonċerna nofs miljun membru tal-persunal, jiġifieri wieħed minn tmienja tal-popolazzjoni attiva Awstrijaka.

    50.

    Il-Gvern Awstrijak isostni li akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz preċedenti kollha mingħajr emenda simultanja tar-ritmu antik tal-avvanz kien jiġġenera spejjeż addizzjonali li jirrappreżentaw diversi perċentwali tal-attività ekonomika tar-Repubblika tal-Awstrija, li ma setgħux ikunu ffinanzjati minn dan l-Istat Membru.

    51.

    Jiena tal-opinjoni li dawn l-argumenti tal-Gvern Awstrijak ma jistgħux jirnexxu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li Stat Membru jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 15 ).

    52.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan li jiġu ppreżervati d-drittijiet kweżiti tal-ħaddiema li ma kinux suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba l-età, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti minn kategorija ta’ persuni tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 16 ). Jiena nqis li dan l-għan jikkostitwixxi wkoll għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

    53.

    Il-klawżola taż-żamma tad-drittijiet kweżiti li tinsab fl‑Artikolu 53a(2)(3) tal-BBG għandha natura li tilħaq dan l-għan, sa fejn hija tostakola tnaqqis salarjali li jseħħ wara l-iffissar ta’ data ta’ referenza ġdida.

    54.

    Jeħtieġ ukoll li jiġi vverifikat jekk din il-klawżola teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

    55.

    Infakkar li din id-dispożizzjoni għandha l-effett li teskludi l-iffissar ta’ data ta’ referenza ġdida kif ukoll l-estensjoni ta’ perijodi meħtieġa għall-finijiet tal-avvanz meta dawn jimplikaw tnaqqis salarjali għall-membri tal-persuni tal-ÖBB, li, fil-prattika, donnha tirrigwarda prinċiparjament jekk mhux esklużivament il-membri tal-persunal li ma kinux suġġetti għal trattament diskriminatorju, jiġifieri dawk li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha wara l-età ta’ 18-il sena.

    56.

    Bħall-Kummissjoni, jiena nqis li kien possibbli li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, jiġifieri ż-żamma tar-remunerazzjoni preċedenti tal-membri tal-persunal li ma kinux suġġetti għal trattament diskriminatorju, mingħajr madankollu ma tiġi rrinunzjata għal dik il-kategorija ta’ membri tal-persunal, l-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli.

    57.

    Apparti li applikazzjoni ugwali ta’ tali estensjoni kienet turi l-koerenza tas-sistema l-ġdida fid-dawl tal-għan li jingħata valur differenti lill-esperjenza professjonali miksuba fil-bidu tal-karriera, il-leġiżlatur Awstrijak seta’ jilħaq l-għan li jippreżerva d-drittijiet miksuba mill-ħaddiema li ma kinux suġġetti għal trattament diskriminatorju billi jimplementa skema tranżitorja. F’dan ir-rigward, nippreċiża li sistema bħal dik prevista fl-Artikolu 53a tal-BBG ma tikkostitwixxi bl-ebda mod skema tranżitorja, sa fejn hija intiża li tirregola l-karriera tal-ħaddiema li għalihom tapplika sakemm dawn tal-aħħar jilħqu l-aħħar livell tal-grad ta’ remunerazzjoni.

    58.

    L-implementazzjoni ta’ skema tranżitorja vera setgħet tippermetti li, minkejja l-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli, il-membri tal-persunal li kisbu l-perijodi ta’ servizzi tagħhom kollha wara l-età ta’ 18-il sena setgħu jżommu l-istess livell ta’ remunerazzjoni matul perijodu tranżitorju.

    59.

    B’mod konkret, mingħajr ma tiġi ffissata data ta’ referenza ġdida għal data preċedenti, l-applikazzjoni għall-membri tal-persunal li ma kinux suġġetti għal trattament diskriminatorju tal-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli kellha l-effett li tniżżel lil dawn il-membri tal-persunal għal livell inferjuri. Mingħajr miżura aċċessorja, dan ir-rigress iwassal b’mod inevitabbli għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom. Madankollu sabiex tnaqqas dan l-inkonvenjent, tali miżura aċċessorja setgħet tipprovdi, matul perijodu tranżitorju, għaż-żamma tar-remunerazzjoni riċevuta qabel minn dawn il-membri tal-persunal sakemm huma jilħqu mill-ġdid il-klassifikazzjoni li kienet tagħhom qabel ir-riforma. Fi kliem ieħor, kif tispjega l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-membri tal-persunal li sofrew telf tad-dħul minħabba l-estensjoni tal-perijodi meħtieġa għall-avvanz żammew l-istess trattament, billi dan tal-aħħar jiġi sseparat mil-livell ta’ remunerazzjoni li fih huma ser ikunu effettivament ikklassifikati, u dan sakemm dawn l-istess membri tal-persunal jilħqu l-livell li jikkorrispondi għal dan it-trattament.

    60.

    Huwa minnu li, tali skema tranżitorja kienet tiffriża r-remunerazzjoni tal-ħaddiema mhux iddiskrimanati matul xi snin. Madankollu, minbarra li dan il-perijodu kellu jkun wieħed qasir, billi probabbilment ma jeċċedix it-tliet snin, tali skema ma tidhirx li tikkawża preġudizzju eċċessiv għad-drittijiet tal-ħaddiema u kienet, fl-opinjoni tiegħi, tikkostitwixxi kompromess sodisfaċenti sabiex jintlaħaq ekwilibriju bejn minn naħa, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-età u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti mill-ħaddiema mhux iddiskriminati.

    61.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nikkunsidra li l-Artikolu 53a(2)(3) tal-BBG, sa fejn huwa għandu l-effett li jeskludi l-applikazzjoni tal-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli għall-membri tal-persunal li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha wara l-età ta’ 18-il sena, jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-preżervazzjoni tad-drittijiet kweżiti ta’ dawn il-membri tal-persunal.

    62.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ħaddiema li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom qabel l-età ta’ 18-il sena jistgħu jgħoddu dawn il-perijodi, inkambju għal estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli, filwaqt li tali estensjoni, fil-prattika, ma tapplikax għal ħaddiema li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha li jistgħu jkunu akkreditati qabel l-età ta’ 18-il sena.

    63.

    Ser neżamina issa l-konklużjonijiet ġuridiċi li għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jinġibdu mill-qorti tar-rinviju minħabba l-persistenza, fis-sistema l-ġdida, ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età.

    B – Fuq il-konklużjonijiet ġuridiċi tal-persistenza ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età

    64.

    Preliminarjament, għandu jitfakkar l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali li jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2000/78 u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha ( 17 ).

    65.

    Fejn ma jkunx possibbli li ssir interpretazzjoni u applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id‑direttiva, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li minnu jibbenefika wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tiġi applikata ( 18 ).

    66.

    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta d-dritt nazzjonali, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jipprovdi differenza fit-trattament bejn diversi gruppi ta’ persuni u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġjata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġjata ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li s-sistema applikabbli għall-membri tal-grupp privileġġjat, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida.

    67.

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sakemm ma tkunx implementata sistema li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba l-età b’mod konformi ma’ dak li tipprovdi d-Direttiva 2000/78, il-qorti nazzjonali għandha tiskarta kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma hija għandha titlob jew tistenna l-eliminzzajoni tagħha minn qabel mil-leġiżlatur, u tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġjat l-istess sistema li minnha jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija l-oħra.

    68.

    Għalhekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fl-opinjoni tiegħi, dan jimplika l-iffissar ta’ data għall-finijiet tal-avvanz ġdida għat-22 ta’ Ġunju 1985, mingħajr applikazzjoni tal-estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Novembru 2007 u x-xahar ta’ Ġunju 2012, tirriżulta differenza fis-salarju favur G. Starjakob ta’ EUR 3 963.75 gross.

    69.

    Jekk il-ħlas tad-differenza fis-salarju tista’ ġustament tintalab minn G. Starjakob abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata, jiena nirrileva, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, li huwa jista’ jitlob ukoll l-għoti ta’ tali kumpens finanzjarju abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari dawk li jittrasponu l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

    70.

    Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Asociaţia Accept ( 20 ), l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw ir-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u li jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ tali sanzjonijiet. Għalkemm ma jimponix sanzjonijiet partikolari, dan l-artikolu jispeċifika li s-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 21 ).

    71.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli dwar is-sanzjonijiet implementati sabiex l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 jiġi traspost fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru għandhom b’mod partikolari jiżguraw, bħal fir-rigward tal-miżuri meħuda sabiex jiġi implementat l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi tad-drittijiet imnissla minn din id-direttiva. Is-severità tas-sanzjonijiet għandha tikkorrispondi mal-gravità tal-ksur issanzjonat permezz tagħhom, u b’mod partikolari għandhom jiżguraw effett verament dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità ( 22 ). Fi kwalunkwe każ, sanzjoni purament simbolika ma tistax titqies li hija kompatibbli mal-implementazzjoni korretta u effikaċi tad-Direttiva 2000/78 ( 23 ).

    72.

    Ċertament, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jissanzjonaw il-ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, u l-libertà tal-għażla hija fost is-soluzzjonijiet xierqa differenti sabiex jintlaħaq l-għan tagħha ( 24 ).

    73.

    Madankollu, ladarba Stat Membru għażel sistema ta’ sanzjoni partikolari, huwa għandu japplikaha b’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

    74.

    B’mod partikolari, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk Stat Membru għażel li jissanzjona l-ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bl-għoti ta’ kumpens għad-danni, dan għandu fi kwalunkwe każ, sabiex jiżgura l-effettività u l-effett dissważiv tiegħu, ikun xieraq meta mqabbel mad-danni subiti u għandu għalhekk imur lil hinn minn kumpens purament simboliku ( 25 ). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti lil leġiżlazzjoni stabbilita għall-applikazzjoni tad-direttiva, sa fejn permess mill-marġni ta’ diskrezzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, interpretazzjoni u applikazzjoni skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ( 26 ).

    75.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 26(2) tal-Liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament, li, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, jittrasponi fid-dritt Awstrijak l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, jipprovdi, favur il-ħaddiem iddiskriminat, dritt ta’ ħlas mill-persuna li timpjega tad-differenza fir-remunerazzjoni konsekuttiva għal diskriminazzjoni kif ukoll kumpens għad-danni morali subiti.

    76.

    Id-dritt ta’ ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni konsekuttiva għal diskriminazzjoni minħabba l-età huwa għalhekk espressament previst mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tittrasponi d-Direttiva 2000/78, b’tali mod li fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma narax kif il-persuna li timpjega tista’ taħrab minnu. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(2) tal-Liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament jipprovdi ukoll li ħaddiem bħal G. Starjakob jista’ jitlob kumpens għad-danni morali subiti.

    77.

    Huwa ovvju li l-ħlas favur G. Starjakob tad-differenza fir-remunerazzjoni li huwa jitlob tippreżumi l-kooperazzjoni tiegħu. Fil-fatt, jekk mhux meħtieġ li huwa jikkollabora billi jipprovdi l-provi dwar il-perijodi ta’ servizz miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena f’sistema li kif rajna żżomm diskriminazzjoni minħabba l-età, huwa mill-banda l-oħra għandu jikkomunika dawn il-provi lill-qorti tar-rinviju.

    78.

    Ser neżamina issa s-sitt u s-seba’ domandi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni previsti mid-dritt Awstrijak.

    C – Fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni previsti mid-dritt Awstrijak

    79.

    Għandha ssir distinzjoni bejn żewġ termini ta’ preskrizzjoni.

    80.

    Minn naħa, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni trentennali d-dritt ta’ persuna impjegata li titlob evalwazzjoni mill-ġdid tal-perijodi ta’ servizz qabel l-akkreditazzjoni fid-dawl tal-iffissar tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ( 27 ). Mill-proċess jirriżulta li t-talba ta’ G. Starjakob ma hijiex affettwata minn dan it-terminu ta’ preskrizzjoni trentennali.

    81.

    Min-naħa l-oħra, id-dritt Awstrijak jissuġġetta d-djun salarjali konsekuttivi għal diskriminazzjoni għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin ( 28 ).

    82.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, kemm-il darba, min-naħa, dawn il-modalitajiet ma humiex inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jkunux jistgħu jrendu d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 29 ).

    83.

    Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività jimplikax li t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jibdix jgħodd biss wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara s-sitwazzjoni legali.

    84.

    Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mis-sentenza Pohl, ( 30 ) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ terminu ta’ preskrizzjoni trentennali, li d-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal tali terminu, li jibda jgħodd mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tal-perijodi ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza.

    85.

    Sabiex waslet għal tali konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni jaqa’, bħala prinċipju, taħt id-dritt nazzjonali u li l-konstatazzjoni sussegwenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jkollhiex impatt fuq dan il-bidu tad-dekorrenza ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ddeċidiet li d-dati rispettivi li fihom ingħataw is-sentenzi Österreichischer Gewerkschaftsbund ( 32 ) u Hütter ( 33 ), ma għandhomx effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni trentennali u, għalhekk, ma kinux rilevanti għall-evalwazzjoni tal-osservanza, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Pohl ( 34 ), tal-prinċipju ta’ effettività.

    86.

    Tali soluzzjoni tista’, fl-opinjoni tiegħi, tiġi estiża għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li għalih huma suġġetti d-djun salarjali konsekuttivi għal diskriminazzjoni. Għalhekk id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ biss li l-applikazzjoni ta’ dan it-terminu tkun tiddependi fuq id-data tas-sentenza Hütter ( 35 ), jiġifieri t-18 ta’ Ġunju 2009.

    87.

    Minkejja dan, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, il-leġiżlatur Awstrijak huwa liberu li jikkunsidra, kif għamel fl-Artikolu 53a(5) tal-BBG, id-data li fiha ngħatat is-sentenza Hütter ( 36 ), sabiex jistabbilixxi sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

    88.

    Fl-aħħar nett, permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jordnax l-estensjoni tas-sospensjoni, prevista fl-Artikolu 53a(5) tal-BBG, tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għad-djun salarjali li tirriżulta mill-iffissar ta’ data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġdida fil-kuntest tas-sistema l-ġdida, għall-azzjonijiet ta’ ħlas tad-differenza fis-salarju li tirriżulta minn sistema antika li kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-età.

    89.

    Infakkar li, skont l-Artikolu 53a(5) tal-BBG “[g]ħad-djun salarjali li jirriżultaw mill-iffissar ta’ data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġdida, il-perijodu bejn it-18 ta’ Ġunju 2009 u l-jum tal-pubblikazzjoni tal-Liġi federali ppubblikata fil-BGB1. I, 129/2011 ma jidħlux fil-kalkolu tat-terminu tal-preskrizzjoni ta’ tliet snin”.

    90.

    Skont is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali biss għandha tiskarta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Jekk, kif rajna, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53a tal-BBG li għandhom effett li jwettqu diskriminazzjoni minħabba l-età għandhom ikunu skartati mill-qorti nazzjonali, dan ma huwiex il-każ għad-dispożizzjonijiet li, bħall-Artikolu 53a(5) tal-BBG huma konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tas-sistema l-ġdida hija fl-opinjoni tiegħi, applikabbli b’mod sħiħ fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

    IV – Konklużjoni

    91.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof għandha tkun kif ġej:

    L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ħaddiema li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom qabel l-età ta’ 18-il sena jistgħu jgħoddu dawn il-perijodi, inkambju għal estensjoni b’sena tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli, filwaqt li tali estensjoni fil-prattika, ma tapplikax għall-ħaddiema li kisbu l-perijodi ta’ servizz tagħhom kollha li jistgħu jiġi akkreditati wara l-età ta’ 18-il sena.

    Sakemm ma tkunx implementata sistema li tipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba l-età b’mod konformi ma’ dak li tipprovdi d-Direttiva 2000/78, il-qorti nazzjonali għandha tiskarta kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma titlob jew tistenna l-eliminazzjoni tagħha minn qabel mil-leġiżlatur nazzjonali, u tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġjat l-istess sistema bħal dik li minnha jibbenefikaw il-persuni fil-kategorija l-oħra.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet fid-dritt nazzjonali tagħha d-Direttiva 2000/78, u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni li ttrasponew l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

    Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għad-djun salarjali konsekuttivi għal diskriminazzjoni minħabba l-età u lanqas li l-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi li jissospendi dan it-terminu għall-perijodi bejn it-18 ta’ Ġunju 2009, data li fiha ngħatat is-sentenza Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), u d-data tal-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

    ( 4 ) BGBl. 170/1963, iktar ’il quddiem il-“BO 1963”.

    ( 5 ) BGBl. I, 129/2011, iktar ’il quddiem il-“BBG”.

    ( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“klawżola taż-żamma tad-drittijiet kweżiti”.

    ( 7 ) BGB1. I, 66/2004.

    ( 8 ) Iktar ’il quddiem l-“ABGB”.

    ( 9 ) C‑88/08, EU:C:2009:381.

    ( 10 ) EU:C:2009:381.

    ( 11 ) Ara s-sentenzi Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68) u Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 41).

    ( 12 ) Sentenza Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fuchs u Köhler (C-159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 85).

    ( 14 ) EU:C:2009:381.

    ( 15 ) Sentenza Fuchs u Köhler (EU:C:2011:508, punt 74).

    ( 16 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑456/05, EU:C:2007:755, punt 63) kif ukoll Hennigs u Mai (EU:C:2011:560, punt 90).

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 56).

    ( 18 ) Ara s-sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Terhoeve (C‑18/95, EU:C:1999:22, punt 57); Jonkman et (C-231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 39) kif ukoll Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415, punt 51).

    ( 20 ) C‑81/12, EU:C:2013:275.

    ( 21 ) Ibidem (punt 61).

    ( 22 ) Ibidem (punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Ibidem (punt 64).

    ( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 28).

    ( 25 ) Ibidem.

    ( 26 ) Ibidem.

    ( 27 ) Artikolu 1480 tal-ABGB.

    ( 28 ) Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament li jirreferi għall-punt 5 tal-Artikolu 1486 tal-ABGB.

    ( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pohl (C‑429/12, EU:C:2014:12, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) EU:C:2014:12.

    ( 31 ) Sentenza Pohl (EU:C:2014:12, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) C‑195/98, EU:C:2000:655.

    ( 33 ) EU:C:2009:381.

    ( 34 ) EU:C:2014:12.

    ( 35 ) EU:C:2009:381.

    ( 36 ) Ibidem.

    Top