Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0413

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 11 ta' Settembru 2014.
    FNV Kunsten Informatie en Media vs Staat der Nederlanden.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te 's-Gravenhage - il-Pajjizi l-Baxxi.
    Rinviju preliminari - Kompetizzjoni - Artikolu 101 TFUE - Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae - Ftehim kollettiv ta’ xogħol - Dispożizzjoni li tipprevedi tariffi minimi għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom - Kunċett ta’ ‘impriżi’ - Kunċett ta’ ‘ħaddiem’.
    Kawża C-413/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2215

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

    Kawża C‑413/13

    FNV Kunsten Informatie en Media

    vs

    Staat der Nederlanden

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Ftehim kollettiv ta’ xogħol — Kuntratti għal servizzi professjonali — Tariffi minimi — Kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Prevenzjoni tad-dumping soċjali — ‘L-eċċezzjoni Albany’”

    1. 

    Skont ġurisprudenza stabbilita, li bdiet bis-sentenza Albany ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li ftehimiet li jintlaħqu fil-qafas ta’ negozjar kollettiv bejn persuni li jimpjegaw u impjegati u li jkunu maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    2. 

    Il-kwistjoni fundamentali li joħolqu dawn il-proċeduri hija jekk dik l-eċċezzjoni tkoprix dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet kollettivi li jirregolaw aspetti tar-relazzjoni professjonali bejn persuni li jaħdmu għal rashom u l-klijenti tagħhom u dawk li jużaw is-servizzi tagħhom, u, jekk huwa hekk, taħt liema kundizzjonijiet.

    I – Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti tal-Pajjiżi l-Baxxi

    3.

    L-Artikolu 1 tal-Wet op de collectieve arbeidsovereenkomst (liġi dwar il-ftehimiet kollettivi ta’ xogħol (iktar ’il quddiem il-“WCAO”)) jiddefinixxi “ftehim kollettiv ta’ xogħol” għall-finijiet tad-dritt nazzjonali u jipprovdi dan li ġej:

    “1.   ‘Ftehim kollettiv ta’ xogħol’ ifisser ftehim milħuq, minn naħa, minn persuna waħda jew iktar li jimpjegaw, jew minn assoċjazzjoni waħda jew iktar ta’ persuni li jimpjegaw li jkollhom kapaċità ġuridika sħiħa, u, min-naħa l-oħra, minn assoċjazzjoni waħda jew iktar ta’ ħaddiema li jkollhom kapaċità ġuridika sħiħa, li jkopri prinċipalment jew esklussivament il-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom ikunu osservati fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ impjieg.

    2.   Ftehim kollettiv ta’ xogħol jista’ jkun relatat ukoll ma’ kuntratti biex isir xogħol speċifiku u ma’ kuntratti għal servizzi professjonali. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar il-ftehimiet ta’ xogħol, il-persuni li jimpjegaw u l-impjegati għandhom għaldaqstant japplikaw mutatis mutandis.

    […]”

    4.

    L-Artikolu 6(1) tal-Mededingingwet (liġi dwar il-kompetizzjoni; iktar ’il quddiem l-“Mw”)), jipprojbixxi ‘ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma bejn impriżi li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi jew f’parti minnu”.

    5.

    L-Artikolu 16(a) tal-Mw jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-liġi il-ftehimiet kollettivi ta’ xogħol imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-WCAO.

    II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    6.

    Fl-2006 u fl-2007, il-FNV Kunsten Informatie en Media (iktar ’il quddiem il-“FNV”) u n-Nederlandse toonkunstenaarsbond (iktar ’il quddiem in-“Ntb”), assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lil impjegati u lil persuni li jaħdmu għal rashom, u l-Vereniging van Stichtingen Remplaçanten Nederlandse Orkesten (iktar ’il quddiem il-“VSR”), assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw, ikkonkludew ftehim kollettiv ta’ xogħol (iktar ’il quddiem iċ-“CLA inkwistjoni’) li jikkonċerna lill-mużiċisti sostituti f’orkestri Olandiżi (CAO Remplaçanten Nederlandse Orkesten). Wieħed mill-aspetti rregolati b’dak il-ftehim kien it-tariffa minima li kellhom jirċievu mużiċisti li jieħdu post mużiċisti oħra (“sostituti”) f’orkestra u li jidħlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal dik il-fini ma’ dik l-orkestra. Iċ-CLA inkwistjoni kien jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar “sostituti li jaħdmu għal rashom”.

    7.

    Madankollu, f’dokument ta’ riflessjoni ppubblikat f’Diċembru 2007 ( 3 ), l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi (Nederlandse Mededinginsautoriteit; iktar ’il quddiem in-“Nma”) adottat il-pożizzjoni ġenerali li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol relatat mat-tariffi minimi għal persuni li jaħdmu għal rashom ma humiex eżentati mill-projbizzjoni tal-Artikolu 6 tal-Mw.

    8.

    B’riżultat ta’ dik il-pożizzjoni adottata min-NMa, il-VSR u n-Ntb itterminaw iċ-CLA inkwistjoni u rrifjutaw li jikkonkludu kull ftehim kollettiv ta’ xogħol ġdid mal-FNV li kien jinkludi dispożizzjoni relatata ma’ sostituti li jaħdmu għal rashom.

    9.

    Fid-dawl ta’ dak l-iżvilupp l-FNV ressqet azzjoni quddiem ir-Rechtbank ’s Gravenhage (qorti distrettwali tad-Den Haag), fejn essenzjalment talbet: (i) dikjarazzjoni li l-liġi tal-kompetizzjoni ma kinitx tipprekludi dispożizzjoni fi ftehim kollettiv ta’ xogħol li tobbliga lil min jimpjega josserva tariffi minimi speċifiċi fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr persunal, u li l-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ riflessjoni kienet illegali fil-konfront tal-FNV, u (ii) li l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jkun ordnat jirrettifika l-pożizzjoni adottata fid-dokument ta’ riflessjoni.

    10.

    Wara li r-Rechtbank kienet ċaħdet it-talbiet tal-FNV, din tal-aħħar appellat quddiem il-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage (qorti reġjonali tal-appell tad-Den Haag).

    11.

    L-appell jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Mw. Madankollu l-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage indikat li dak l-Artikolu 6 tal-Mw kien fil-parti l-kbira tiegħu ispirat mill-Artikolu 101 TFUE u li l-leġiżlatura nazzjonali kienet iddeċidiet li dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet kellhom ikunu applikati b’mod konsistenti.

    12.

    Għal dik ir-raġuni, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 101 TFUE, il-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

    “(1)

    Ir-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol konkluż bejn assoċjazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema, li tipprevedi li l-persuni li jaħdmu għal rashom li jwettqu għal persuna li timpjega, abbażi ta’ ftehim ta’ xogħol [kuntratt għal servizzi professjonali], l-istess xogħol bħall-ħaddiema li jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv ta’ xogħol għandhom jirċievu tariffa minima speċifika, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, peress li din id-dispożizzjoni tinsab fi ftehim kollettiv ta’ xogħol?

    (2)

    F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda [...], din id-dispożizzjoni hija b’hekk eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fil-każ li hija (b’mod partikolari) maħsuba sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv ta’ xogħol, u f’dan ir-rigward huwa wkoll rilevanti jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol jkunux b’hekk mtejba direttament jew biss indirettament?”

    13.

    F’dawn il-proċeduri ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-FNV, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni, li kollha kemm huma, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, ippreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tal-18 ta’ Ġunju 2014.

    III – Analiżi

    14.

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk dispożizzjonijiet fi ftehim kollettiv konkluż bejn, minn naħa, assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u, min-naħa l-oħra, sindikati li jirrappreżentaw lil ħaddiema ( 4 ) u lil persuni li jaħdmu għal rashom, li jipprovdu li persuni li jaħdmu għal rashom li, abbażi ta’ kuntratt għal servizzi professjonali, iwettqu l-istess xogħol għal persuna li timpjega bħall-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-ftehim kollettiv ta’ xogħol għandhom jirċievu tariffa minima speċifika (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet inkwistjoni’), jaqgħux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

    15.

    Mill-bidu nett, nixtieq nittratta fil-qosor il-kwistjoni tal-ammissibbiltà. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, anki jekk il-każ li qed jitqies kellu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Tabilħaqq, huwa stabbilit sewwa li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti ta’ każ quddiem il-qorti tar-rinviju jkunu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni dirett ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, iżda fejn dawk id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali, li jkun adotta, għal sitwazzjonijiet interni, l-istess approċċ bħal dak ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 5 ).

    16.

    Fir-rigward tas-sustanza tal-kawża, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tfittex gwida dwar jekk l-“eċċezzjoni Albany ( 6 ), tistax tapplika għal ftehim kollettiv bħaċ-CLA inkwistjoni.

    17.

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fin-negattiv għal dik id-domanda, filwaqt li l-FNV issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fl-affermattiv.

    18.

    F’dan li ġej ser nipprova nuri għaliex ma nistax naqbel għalkollox ma’ ebda waħda minn dawn il-pożizzjonijiet. Tabilħaqq, jiena tal-fehma li d-domanda preliminari tal-qorti nazzjonali titlob risposta li ma hijiex daqshekk sempliċi u ħafifa bħal dawk proposti.

    19.

    Kif imsemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, ftehimiet milħuqin fil-qafas ta’ negozjar kollettiv bejn persuni li jimpjegaw u impjegati u li jkunu maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol għandhom, minħabba n-natura u l-għan tagħhom, jitqiesu bħala li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE ( 7 ).

    20.

    Jeħtieġ, għalhekk, jiġu mistħarrġa n-natura u l-għan taċ-CLA inkwistjoni (u, b’mod iktar speċifiku, in-natura u l-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni) biex ikun aċċertat jekk l-esklużjoni kompleta jew le tiegħu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE hijiex iġġustifikata ( 8 ).

    21.

    F’dan l-isfond, għal raġunijiet ta’ ċarezza, ser neżamina dik il-kwistjoni minn żewġ aspetti komplementari. Minħabba li d-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi jippermetti lil sindakati jirrappreżentaw kemm lil ħaddiema kif ukoll lil persuni li jaħdmu għal rashom, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet legalment differenti. Minn naħa waħda, ser inqis jekk l-eċċezzjoni Albany tkoprix dispożizzjonijiet innegozjati, u inklużi fi ftehim kollettiv, f’isem u fl-interess ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Minn naħa oħra, ser neżamina jekk dik l-eċċezzjoni tapplikax jew le meta, minkejja li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jkunu ġew innegozjati u inklużi fi ftehim kollettiv, f’isem u fl-interess tal-ħaddiema. Din l-analiżi sistematika ssegwi fil-wisa’ l-organizzazzjoni taż-żewġ domandi preliminari, kif ifformulati mill-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage.

    A – Dispożizzjonijiet innegozjati u inklużi fi ftehim kollettiv, f’isem u fl-interess ta ’ persuni li jaħdmu għal rashom

    22.

    Wieħed mill-argumenti li nġiebu mill-FNV huwa li kuntratt bħaċ-CLA inkwistjoni huwa kopert għalkollox mill-eċċezzjoni Albany — u, għalhekk, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE — sempliċiment minħabba li huwa konkluż fl-għamla ta’ ftehim kollettiv. Il-fatt li xi dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom huwa irrilevanti f’dak ir-rigward.

    23.

    Ma nistax naqbel.

    1. L-eċċezzjoni Albany ma tkoprix dispożizzjonijiet kuntrattwali konklużi f’isem u fl-interess ta’ persuni li jaħdmu għal rashom

    24.

    Fil-linja tal-kawżi Albany, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehimiet kollettivi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE meta jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: (i) dawn ikunu ġew konklużi fil-qafas ta’ negozjar kollettiv bejn persuni li jimpjegaw u impjegati (iktar ’il quddiem l-“ewwel kundizzjoni”), u (ii) dawn jikkontribwixxu direttament biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tal-ħaddiema (iktar ’il quddiem it-“tieni kundizzjoni”).

    25.

    Bħall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, għandi dubji serji dwar jekk l-ewwel kundizzjoni hijiex issodisfatta meta ftehim, minkejja li jirriżulta minn proċess ta’ negozjar kollettiv, ikun (kollu jew parti minnu) innegozjat u milħuq f’isem persuni li jaħdmu għal rashom.

    26.

    Fil-fatt meta sindakati jaġixxu f’isem persuni li jaħdmu għal rashom, u mhux f’isem ħaddiema, huma ma tantx jistgħu jitqiesu bħala “assoċjazzjonijiet ta’ ħaddiema”. F’dawk iċ-ċirkustanzi, fil-fatt, aktarx jidhru li jkunu qed jaġixxu f’kapaċità oħra: dik ta’ organizzazzjoni professjonali, jew ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ( 9 ). Għaldaqstant, ikun diffiċli li dawk is-sindakati jitqiesu bħala li jirrappreżentaw lill-“ħaddiema”, skont it-tifsira msemmija fis-sentenza Albany ( 10 ).

    27.

    F’kull każ, ma huwiex meħtieġ li wieħed jidħol iktar fil-fond dwar dik il-kwistjoni, sa fejn, fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li t-tieni kundizzjoni ma hijiex issodisfatta. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti rreferiet għall-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tal-impjegati. Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma estendiet — impliċitament jew espliċitament — il-konstatazzjonijiet tagħha għal dispożizzjonijiet kuntrattwali li jfittxu li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

    28.

    Iktar importanti, ma jistax ikun hemm dubju, fil-fehma tiegħi, li dispożizzjonijiet kuntrattwali bħal dawn jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni Albany.

    29.

    Prinċipalment hemm żewġ raġunijiet għal dan.

    30.

    L-ewwel, l-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u l-istatus ta’ ħaddiema huma, għall-finijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, fundamentalment differenti u, ipso facto, ma jistgħux jiġu assimilati.

    31.

    Il-ħaddiema ma humiex impriżi skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea ( 11 ), u l-Artikolu 101 TFUE ma ġiex stabbilit biex jirregola r-relazzjonijiet tax-xogħol.

    32.

    Bil-maqlub, skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-persuni li jaħdmu għal rashom jikkostitwixxu impriżi ( 12 ). Għaldaqstant, kif imsemmi iktar ’il fuq, sindakat li jaġixxi f’isem persuni li jaħdmu għal rashom għandu jitqies bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi” skont it-tifsira tal-Artikolu 101 TFUE ( 13 ).

    33.

    Huwa ċar li hemm raġunijiet soċjoekonomiċi tajba biex tiġi ristretta, jew anki eliminata, l-kompetizzjoni dwar il-pagi fost il-ħaddiema permezz ta’ negozjar kollettiv ( 14 ). Madankollu s-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward ta’ ftehimiet li l-għan jew l-effett tagħhom huma li jirrestrinġu jew li jeliminaw il-kompetizzjoni bejn impriżi.

    34.

    Dawk huma eżattament it-tip ta’ ftehimiet li għalihom huwa maħsub li japplika l-Artikolu 101 TFUE.

    35.

    Barra dan, anki jekk kull restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tista’ toriġina minn ftehimiet kollettivi li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema sikwit tkun inċidentali jew ta’ effett limitat ( 15 ), l-istess mhux ta’ bilfors japplika fir-rigward ta’ ftehimiet li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Dan huwa speċjalment hekk fir-rigward ta’ ftehimiet li jirregolaw il-kompetizzjoni tal-prezzijiet fost dawk il-persuni li jaħdmu għal rashom.

    36.

    L-iffissar tal-prezzijiet huwa wieħed mill-aspetti l-iktar importanti, jekk sikwit mhux l-uniku l-iktar importanti, li dwaru impriżi jikkompetu. Din hija r-raġuni għaliex il-punt (a) tal-“lista s-sewda” stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE jirriferi għal ftehimiet dwar “l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju”. Għaldaqstant, ftehimiet li jiffissaw prezzijiet minimi għal oġġetti jew għal servizzi tqiesu konsistentement li jikkostitwixxu restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni ( 16 ).

    37.

    Għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE bbażata fuq il-ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġerixxi li dispożizzjonijiet innegozjati u inklużi fi ftehim, f’isem u fl-interess ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, ma jistgħux a priori ma jkunux suġġetti għal stħarriġ fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    38.

    It-tieni, kif saħaq il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt is-seduta, l-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom huwa b’mod ċar differenti minn dak ta’ ħaddiema, mhux biss mil-lat tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, iżda, b’mod iktar ġenerali, mil-lat tal-iskema tat-Trattati tal-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali li kienu jiġġustifikaw l-eċċezzjoni Albany għall-ħaddiema ma jistgħux jitqiesu validi fir-rigward tal-persuni li jaħdmu għal rashom.

    39.

    Essenzjalment, il-ġurisprudenza Albany hija bbażata prinċipalment fuq l-idea li ma huwiex possibbli li t-Trattati tal-Unjoni Ewropea jinftiehmu fis-sens li jinkoraġġixxu negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali biex jiġu segwiti objettivi soċjali, waqt li fl-istess ħin dawk il-ftehimiet kollettivi jitqiegħdu taħt projbizzjoni ġenerali.

    40.

    Madankollu, l-objettivi soċjali li għalihom għamlet riferiment il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Albany jirriferu għall-persuni impjegati. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-“impjiegi” (Artikoli 145 sa 150 TFUE) u l-“politika soċjali” (Artikoli 151 sa 161 TFUE) jikkonċentraw fuq il-kunċett ta’ “ħaddiem”.

    41.

    L-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-persuni li jaħdmu għal rashom, minn naħa oħra, jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika industrijali, kif ipprovdut fl-Artikolu 173 TFUE.

    42.

    B’mod partikolari hemm żewġ differenzi ewlenin bejn l-Artikolu 173 TFUE u d-dispożizzjonijiet dwar l-impjiegi u l-politika soċjali msemmija iktar ’il fuq. L-ewwel, l-Artikolu 173 TFUE (jew, wara kollox, kull dispożizzjoni oħra tat-Trattati) — għall-kuntrarju tal-Artikoli 151 u 155 TFUE — ma jinkoraġġixxix lill-persuni li jaħdmu għal rashom biex jikkonkludu ftehimiet kollettivi bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom ( 17 ). It-tieni, l-Artikolu 173 TFUE jagħmilha ċara li huwa japplika bla ħsara għall-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 173(1), l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni fil-qasam industrijali “skond is-sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi”. It-TFUE sussegwentement jispeċifika, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 173(3) TFUE, li d-dispożizzjonijiet relatati mal-industrija (Titolu XVII) ma jipprovdux bażi legali, inter alia, “għall-introduzzjoni mill-Unjoni ta’ xi miżura li tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Ebda eku ta’ dan ma jinstab fid-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar l-impjiegi u l-politika soċjali.

    43.

    Ir-raġuni għad-distinzjoni magħmula minn dawk li abbozzaw it-Trattati bejn il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom hija x’aktarx sempliċi: bħala regola ġenerali, il-modi ta’ kif l-attivitajiet professjonali ta’ dawk iż-żewġ gruppi huma organizzati u eżerċitati huma differenti ħafna minn xulxin.

    44.

    Waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg hija s-subordinazzjoni tal-ħaddiem għal min jimpjegah ( 18 ). Min jimpjega ma għandux biss is-setgħa li jagħti istruzzjonijiet u li jidderiġi l-attivitajiet tal-ħaddiema tiegħu, iżda jista’ wkoll jeżerċita ċerti setgħat ta’ awtorità u ta’ kontroll fuqhom. Persuna li taħdem għal rasha ssegwi l-istruzzjonijiet tal-klijenti tagħha, iżda ġeneralment dawn ma jeżerċitawx setgħat estensivi ta’ superviżjoni fuqha. Minħabba n-nuqqas ta’ relazzjoni subordinata, persuna li taħdem għal rasha għandha iktar indipendenza meta tiġi biex tagħżel it-tip ta’ xogħol u inkarigi li jkollhom jitwettqu, il-mod li bih dak ix-xogħol jew dawk l-inkarigi jkollhom jitwettqu, is-sigħat tax-xogħol u l-post tax-xogħol tagħha, kif ukoll il-membri tal-persunal tagħha ( 19 ).

    45.

    Barra dan, persuna li taħdem għal rasha għandha tassumi r-riskji kummerċjali u finanzjarji tan-negozju, filwaqt li ħaddiem normalment ma għandux riskju bħal dan, billi huwa jkun intitolat għal remunerazzjoni għax-xogħol mogħti irrispettivament mill-prestazzjoni tan-negozju ( 20 ). Huwa min jimpjega li, fil-prinċipju, ikun responsabbli lejn ħaddieħor għall-attivitajiet imwettqa mill-ħaddiema tiegħu fil-qafas tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. Ir-riskji u r-responsabbiltajiet ikbar li l-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom huma, minn naħa oħra, maħsuba li jkunu kkumpensati mill-possibbiltà li huma jżommu l-profitti kollha ġġenerati min-negozju.

    46.

    Fl-aħħar nett, bilkemm jeħtieġli ninnota li, filwaqt li l-persuni li jaħdmu għal rashom joffru oġġetti u servizzi fis-suq, ħaddiema joffru biss xogħolhom lil persuna waħda li timpjega (jew, f’okkażjonijiet rari, lil iktar persuni li jimpjegaw).

    47.

    Għalhekk, huwa inerenti fl-istatus tal-persuni li jaħdmu għal rashom li, għall-inqas jekk jitqabblu mal-ħaddiema, il-persuni li jaħdmu għal rashom igawdu minn iktar indipendenza u flessibbiltà. Madankollu, bi tpattija għal dan, huma bilfors għandhom iktar riskji ekonomiċi u sikwit isibu lilhom infushom f’relazzjonijiet ta’ xogħol iktar instabbli u inċerti. Dawn l-aspetti kollha jidher li għandhom rabta mill-qrib ma’ xulxin.

    48.

    Għalhekk, ir-raġunijiet legali u ekonomiċi li jiġġustifikaw l-eċċezzjoni Albany ma humiex validi fil-każ ta’ persuni li jaħdmu għal rashom ( 21 ). Din hija r-raġuni għaliex esklużjoni kompleta u a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għal ftehimiet kollettivi nnegozjati f’isem u fl-interess ta’ persuni li jaħdmu għal rashom hija inkonċepibbli għalija.

    49.

    Dan premess, hemm lok li jiġi diskuss argument ieħor miġjub mill-FNV.

    2. Il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom ma humiex l-istess, minkejja li d-distinzjonijiet tradizzjonali qed jiċċajpru

    50.

    L-FNV saħqet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-uniċi persuni li jaħdmu għal rashom li t-tariffi tagħhom huma rregolati mis-CLA inkwistjoni huma dawk mingħajr persunal u li, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setgħa ta’ negozjar, huma f’qagħda relattivament simili għal dik ta’ impjegati.

    51.

    Minn naħa tiegħi, nammetti li, fl-ekonomija tal-lum, id-distinzjoni bejn il-kategoriji tradizzjonali ta’ ħaddiem u ta’ persuna li taħdem għal rasha hija xi drabi mċajpra. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà kellha teżamina għadd ta’ każijiet li fihom ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn żewġ persuni (jew persuna waħda u entità waħda) ma kinitx — minħabba l-karatteristiċi pekuljari tagħha — taqa’ eżattament f’kategorija waħda jew iktar, iżda kellha karatteristiċi speċifiċi għat-tnejn ( 22 ).

    52.

    Barra dan, inqis il-fatt li hemm xi persuni li jaħdmu għal rashom li, fir-rigward tar-relazzjoni professjonali tagħhom ma’ klijenti attwali u potenzjali, jinsabu f’qagħda li x’aktarx tixbah lil dik li tipikament teżisti bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah. B’mod partikolari, xi persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jgawdu minn vera ftit indipendenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ meta, fejn u kif iwettqu x-xogħlijiet assenjati. Dawn jistgħu wkoll jinsabu f’qagħda kemxejn dgħajfa fuq il-mejda tan-negozjati, l-iktar f’dak li jirrigwarda kumpens u kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-każ tal-“persuni li jaħdmu għal rashom foloz”: impjegati li jinħbew bħala persuni li jaħdmu għal rashom sabiex jevitaw l-applikazzjoni ta’ xi leġiżlazzjoni speċifika (pereżempju, regolamenti dwar ix-xogħol jew regolamenti fiskali) li min jimpjega jqis sfavorevoli. Eżempju ieħor huwa l-każ ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu ekonomikament dipendenti fuq klijent wieħed (jew ewlieni) ( 23 ).

    53.

    Madankollu, jekk jitħallew barra l-każijiet li fihom ir-regoli dwar ix-xogħol jew ir-regoli fiskali jiġu evażi jew evitati xi ftit, affarijiet li għandhom jiġu rregolati mil-leġiżlatura nazzjonali ta’ kull Stat Membru, xorta għadni mhux qiegħed nara ebda raġuni valida li għaliha għandna dejjem nittrattaw lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom bl-istess mod.

    54.

    L-għan tal-ftehimiet kollettivi huwa li jiġu stabbiliti ċerti standards li, bħala tali, japplikaw b’mod ġenerali għas-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. B’hekk, dawn huma maħsuba jkopru kategorija sħiħa ta’ professjonisti, irrispettivament mill-qagħda speċifika ta’ individwu jew taċ-ċirkustanzi pekuljari li fihom individwu jista’ jieħu ċerti opportunitajiet ta’ impjieg.

    55.

    Madankollu, il-persuni li jaħdmu għal rashom huma grupp notorju vast u eteroġenu. Xi wħud minnhom setgħu għażlu minn jeddhom li joffru s-servizzi tagħhom skont dak ir-reġim legali partikolari, filwaqt li oħrajn setgħu kienu mġiegħla jagħmlu hekk, fin-nuqqas ta’ opportunità ta’ impjieg iktar stabbli. Abbażi, minn naħa tal-ħiliet, tal-kompetenzi, tal-esperjenza u tar-reputazzjoni tagħhom, u, minn naħa oħra, taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ (bħad-daqs u s-setgħa ekonomika tal-klijent, l-urġenza u/jew il-kumplessità tas-servizz li għandu jingħata, l-għadd ta’ professjonisti oħra disponibbli), is-setgħa ta’ negozjar tagħhom tista’ tkun iktar ikbar jew iżgħar minn dik tal-klijenti tagħhom. Dan jikkuntrastja bil-kbir mal-ħaddiema, li tradizzjonalment jitqiesu li jinsabu f’qagħda asimetrika meta jkunu qegħdin jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ma’ persuni li jimpjegaw, minħabba li l-offerta ta’ xogħol hija ogħla mit-talba fis-soċjetajiet moderni kollha tal-punent.

    56.

    Għandu wkoll jiġi nnotat li l-persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu wkoll ikollhom approċċi diverġenti radikali għall-prospett li jkunu suġġetti għal dispożizzjonijiet li jorbtuhom ilkoll bħala grupp. Pereżempju, fil-każ li qed jiġi kkunsidrat, filwaqt li xi mużiċisti li jaħdmu għal rashom jistgħu jaċċettaw dispożizzjonijiet li jiffissaw tariffi minimi, oħrajn jistgħu ma jaċċettawhomx. Fil-fatt, dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jċaħħdu lil professjonisti iżgħar jew inqas famużi milli jkunu jistgħu jikkompetu b’mod effettiv ma’ kollegi b’iktar esperjenza u ta’ fama ikbar, billi joffru s-servizzi tagħhom b’rati iktar vantaġġużi. Mingħajr il-possibbiltà li jikkompetu dwar il-prezz, xi wħud mill-persuni li jaħdmu għal rashom ikollhom ħafna inqas opportunitajiet li jingħataw kuntratt u jkunu f’riskju li jingħataw il-ġenb għalkollox fis-suq tax-xogħol.

    57.

    F’dak il-kuntest, nara wkoll li jista’ jkun hemm problema ta’ leġittimità meta sindakati li jirrappreżentaw biss għadd limitat ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jidħlu fi ftehimiet kollettivi li jorbtu lil persuni li jimpjegaw fir-rigward ta’ dawk kollha li jaħdmu għal rashom.

    58.

    Għaldaqstant, il-fatt biss li xi persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jsibu lilhom infushom f’qagħda li, mill-aspett ekonomiku, taqsam ċerti karatteristiċi intrinsiċi ma’ dik tal-ħaddiema, ma jiġġustifikax assimilazzjoni kompleta u a priori taż-żewġ kategoriji ta’ atturi ekonomiċi.

    59.

    F’dak l-isfond, wieħed jista’ forsi jargumenta li d-dispożizzjonijiet fi ftehim kollettiv konkluż f’isem u fl-interess ta’ persuni li jaħdmu għal rashom għandhom ikunu koperti bl-eċċezzjoni Albany meta dawn japplikaw għal persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu f’qagħda li tkun taqbel ma’ dik tal-ħaddiema, iżda ma għandhomx ikunu koperti bl-eċċezzjoni meta, għall-kuntrarju, dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet fejn dawk is-similaritajiet ma jkunux jeżistu.

    60.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi, dik ma tkunx soluzzjoni ta’ min joqgħod fuqha.

    61.

    Kif innotat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, iċ-CLA inkwistjoni ma jittrattax mal-“persuni li jaħdmu għal rashom foloz”. Tabilħaqq, huwa kostanti bejn il-partijiet li persuni bħal dawn jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “ħaddiem” skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, kull ftehim kollettiv li jirregola l-pożizzjoni tagħhom ikun jista’, fil-prinċipju, jibbenefika mill-eċċezzjoni Albany.

    62.

    Iċ-CLA inkwistjoni jikkonċerna persuni li verament jaħdmu għal rashom. Għaldaqstant, il-fatt li esklużjoni ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE tiġi estiża fir-rigward tagħhom mhux biss — għar-raġunijiet diġà spjegati — jmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u l-politika soċjali, iżda jintroduċi wkoll element ta’ inċertezza u imprevedibbiltà f’sistema, jiġifieri dik tar-relazzjonijiet tax-xogħol, li jeħtiġilha b’mod partikolari stabbiltà, ċarezza u trasparenza.

    63.

    Tabilħaqq, fil-fehma tiegħi, l-individwi u n-negozji, biex ma nsemmix l-amministrazzjonijiet u l-qrati nazzjonali, jeħtiġilhom regola li t-tifsira tagħha ma tkunx ambigwa u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli. Id-distinzjoni bejn il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom hija, b’mod ġenerali, relattivament sempliċi u, għaldaqstant, tippermetti lil kull awtorità, jekk ikun meħtieġ, tiddetermina bi grad raġjonevoli ta’ ċertezza jekk ftehim li jsir minn xi grupp ta’ professjonisti huwiex eskluż, jew le, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

    64.

    Ma narax kif jista’ jkun fl-interess tal-imsieħba soċjali li jkunu nnegozjati u li jintlaħqu ftehimiet kollettivi li l-validità tagħhom f’għadd ta’ każijiet speċifiċi tkun, l-iktar l-iktar, inċerta u li għalhekk faċilment jagħtu lok għal tilwim, b’mod li dawn jonqsu milli jistabbilixxu l-istandards tax-xogħol fis-settur kopert.

    65.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li ftehimiet kollettivi li jkun fihom dispożizzjonijiet innegozjati f’isem u fl-interess tal-persuni li jaħdmu għal rashom ma humiex, u ma għandhomx ikunu, koperti mill-eċċezzjoni Albany. Tabilħaqq, nemmen li dawk id-dispożizzjonijiet kuntrattwali ma jistgħux ikunu esklużi mill-ewwel mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    B – Dispożizzjonijiet innegozjati, u inklużi fil-ftehim kollettiv, f’isem u fl-interess tal-ħaddiema

    66.

    Kif imsemmi fil-punt 21 iktar ’il fuq, jeħtieġ ukoll jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni Albany jistgħux ikunu ssodisfatti meta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jkunu ġew innegozjati u inklużi fil-ftehim kollettiv, f’isem u fl-interess tal-ħaddiema.

    67.

    Tabilħaqq, l-FNV targumenta li l-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kien li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati. B’mod partikolari, l-objettiv segwit minn dawk id-dispożizzjonijiet kien li ma jitħallix isir dumping soċjali. L-FNV issostni li, billi jipprovdu kontropiż għall-ispejjeż potenzjalment inqas sostnuti mill-persuni li jimpjegaw meta jissostitwixxu l-ħaddiema b’persuni li jaħdmu għal rashom, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma maħsuba li jiżguraw li l-persuni li jimpjegaw ma jitilfux kull inċentiv biex jimpjegaw ħaddiema.

    68.

    Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni, jisħqu li dispożizzjonijiet biss maħsuba biex jikkontribwixxu direttament għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema huma koperti mill-eċċezzjoni Albany. Fil-fehma tagħhom, madankollu, dak il-prerekwiżit ma huwiex issodisfatt fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet, jekk xejn, jikkontribwixxu għat-titjib ta’ dawk il-kundizzjonijiet biss indirettament, jiġifieri, billi joħolqu iktar opportunitajiet ta’ impjiegi għall-ħaddiema.

    69.

    Għandi ninnota, qabel xejn, li meta sindakati jinnegozjaw, fil-qafas ta’ negozjar kollettiv, dispożizzjonijiet kuntrattwali f’isem u fl-interess tal-ħaddiema, l-ewwel kundizzjoni tal-eċċezzjoni Albany hija manifestament issodisfatta.

    70.

    Dwar it-tieni kundizzjoni, naqbel mal-Gvern tar-Repubblika Ċeka u ma’ dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u mal-Kummissjoni li dispożizzjonijiet kuntrattwali biss li jikkontribwixxu direttament għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol huma koperti mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    71.

    Kien hemm enfasi dwar dak ir-rekwiżit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Albany ( 24 ), Brentjens ( 25 ) u Drijvende Bokken ( 26 ). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx il-kelma “direttament” fis-sentenzi sussegwenti tagħha Van der Woude u AG2R Prévoyance. Iżda, fil-fehma tiegħi, dak ma kienx meħtieġ minħabba li fiż-żewġ kawżi ma seta’ jkun hemm ebda dubju li l-miżuri inkwistjoni — skema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u skema ta’ rimborż supplimentari ta’ spejjeż għall-kura tas-saħħa rispettivament — kienu jipproduċu benefiċċju immedjat u ċar għall-ħaddiema.

    72.

    L-għan tal-ġurisprudenza Albany ma huwiex, kif imsemmi iktar ’il fuq, li jkun skoraġġut jew ostakolat in-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali. Din kienet ir-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal dispożizzjonijiet li jtejbu direttament il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tal-ħaddiema. Affarijiet bħar-remunerazzjoni, is-sigħat tax-xogħol, il-leave annwali, il-pensjonijiet, l-assigurazzjoni u l-kura tas-saħħa huma fil-qalba tan-negozjati kollettivi. Kieku l-ħaddiema kellhom jiċċaħdu mill-possibbiltà li jinnegozjaw dawk l-affarijiet b’mod ħieles, il-qofol tad-dritt tagħhom għal negozjar kollettiv kien jinġieb fix-xejn ( 27 ).

    73.

    Bil-kontra, ma hemm ebda raġuni valida għaliex għandha tingħata tali protezzjoni legali estiża (jiġifieri immunità totali mil-liġijiet tal-antitrust) meta ħaddiema jinnegozjaw ma’ persuni li jimpjegaw dwar affarijiet li jolqtu indirettament biss l-impjieg jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Il-ħaddiema (u l-persuni li jimpjegaw) jibqa’ jkollhom interess fl-innegozjar kollettiv anki jekk dak li huwa miftiehem fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ma jaffettwawx b’mod immedjat u sinjifikattiv il-kundizzjonijiet tal-impjieg jew tax-xogħol jista’ jkun miftuħ għal stħarriġ skont il-liġijiet tal-antitrust.

    74.

    Dan premess, għandi ngħid li naqbel mal-FNV li l-protezzjoni tal-opportunitajiet ta’ impjieg attwali u futuri għall-ħaddiema hija kwistjoni li tista’ titqies bħala titjib dirett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tagħhom. Nemmen li r-riskju ta’ dumping soċjali jista’ jolqot b’mod ċar u immedjat dawk il-kundizzjonijiet, għal żewġ raġunijiet.

    75.

    L-ewwel raġuni hija li l-fatt li wieħed ikollu impjieg sigur u stabbli huwa, bla dubju ta’ xejn, anki iktar importanti għall-ħaddiema mit-titjib, pereżempju, tas-sigħat tax-xogħol tagħhom jew tad-dritt tagħhom għal-leave annwali. Kieku kellu jkun konvenjenti għal persuni li jimpjegaw, mill-aspett ekonomiku, li l-ħaddiema jiġu ssostitwiti b’persuni li jaħdmu għal rashom, ikun hemm riskju li ħafna ħaddiema jistgħu jitilfu xogħolhom immedjatament jew jingħataw il-ġenb gradwalment tul iż-żmien.

    76.

    It-tneħħija tal-kompetizzjoni dwar il-pagi bejn il-ħaddiema — li fiha nfisha hija tabilħaqq ir-raison d’être għal negozjar kollettiv — timplika li min jimpjega ma jkun jista’ fl-ebda ċirkustanza jqabbad ħaddiema oħra għal salarju inqas minn dak stabbilit fil-ftehim kollettiv. Abbażi ta’ dan, u mill-perspettiva ta’ ħaddiem, fir-realtà ma hemmx differenza jekk huwa jiġix issostitwit b’ħaddiem ieħor li jitħallas inqas jew b’ persuna li taħdem għal rasha li titħallas inqas.

    77.

    It-tieni raġuni hija li l-possibbiltà għal persuni li jimpjegaw li jissostitwixxu ħaddiema b’individwi oħra li fir-rigward tagħhom huma ma jkollhomx għalfejn japplikaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti fil-ftehim kollettiv rilevanti tista’ ddgħajjef b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-ħaddiema. Pereżempju, kif jistgħu ħaddiema, b’mod kredibbli, jitolbu għal żieda fis-salarju jekk ikunu jafu li jistgħu jiġu ssostitwiti faċilment u fil-pront b’ persuni li jaħdmu għal rashom li x’aktarx jagħmlu l-istess xogħol għal rimunerazzjoni inqas?

    78.

    Għalhekk, sakemm il-ħaddiema ma jkollhomx ċertu livell ta’ protezzjoni minn dumping soċjali, il-kapaċità u l-inċentiv tagħhom li jidħlu għal negozjar kollettiv ma’ persuni li jimpjegaw jiddgħajfu serjament. Minn dak l-aspett, il-possibbiltà għall-ħaddiema li jinkludu, fi ftehimiet kollettivi, dispożizzjonijiet maħsuba li jiżguraw l-eżistenza kontinwa ta’ ċertu għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ ħaddiema fin-negozji tal-persuni li jimpjegaw tista’ titqies bħala kundizzjoni meħtieġa minn qabel biex huma jkunu jistgħu b’mod effikaċi jinnegozjaw titjib ta’ kundizzjonijiet oħra tal-impjieg u tax-xogħol.

    79.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha jiena tal-fehma li l-prevenzjoni tad-dumping soċjali huwa objettiv li jista’ jiġi segwit leġittimament bi ftehim kollettiv li jkun fih regoli li jolqtu lil persuni li jaħdmu għal rashom u li din tista’ wkoll tikkostitwixxi wieħed mis-suġġetti prinċipali tan-negozjati.

    80.

    Din il-pożizzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tista’ tinstab ukoll, espressa bħala prinċipju, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet konsistentement li l-objettiv tal-prevenzjoni tad-dumping soċjali jista’, fil-prinċipju, jikkostitwixxi rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali. Dan huwa minnu fir-rigward kemm ta’ restrizzjonijiet introdotti permezz ta’ miżura ta’ Stat Membru ( 28 ), kif ukoll ta’ dawk maħluqa bħala riżultat ta’ azzjoni kollettiva meħuda minn ħaddiema ( 29 ).

    81.

    Barra dan, ninnota li, effettivament, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea eżiġa, f’għadd ta’ strumenti legali, li l-Istati Membri jintroduċu regoli dwar standards minimi tax-xogħol (u, b’mod partikolari, dwar paga minima) — inkluż permezz ta’ ftehimiet kollettivi — preċiżament bil-għan ta’ prevenzjoni tad-dumping soċjali.

    82.

    Pereżempju, id-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 30 ) tistabbilixxi l-prinċipju li l-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu tal-inqas daqs dawk li japplikaw għal dawn il-ħaddiema kieku kellhom ikunu rreklutati mill-impriża utenti biex jokkupaw l-istess impjieg ( 31 ). F’dan il-kuntest, l-Istati Membri, minn naħa, jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu l-kundizzjonijiet applikabbli tax-xogħol u tal-impjieg u, min-naħa l-oħra, jistgħu jintroduċu ċerti derogi għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, abbażi ta’ ftehimiet kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali. ( 32 )

    83.

    Abbażi ta’ dan, nikkonkludi li dispożizzjonijiet maħsuba għall-prevenzjoni tad-dumping soċjali, li jiġu nnegozjati u inklużi fi ftehim kollettiv f’isem u fl-interess tal-ħaddiema, bħala prinċipju għandhom jitqiesu li jtejbu direttament il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza Albany.

    C – Kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni inkwistjoni

    84.

    It-twettiq taż-żewġ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni Albany f’kull każ partikolari hija, bħala prinċipju, kwistjoni li għandha tiġi evalwata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni rilevanti u mill-qrati. Huwa ċar li din evalwazzjoni li tista’ ssir biss abbażi ta’ każ każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi inklużi fi ftehim kollettiv u taċ-ċirkustanzi karatteristiċi tas-suq rilevanti.

    85.

    Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni Albany attwalment tapplikax fir-rigward tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandha tiġi ddeterminata mill-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage, abbażi tal-informazzjoni u tal-provi kollha prodotti lilha mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

    86.

    Dan premess, għandi nenfasizza li, kuntrarjament għall-każijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fl-imgħoddi, il-kawża prinċipali tikkonċerna — kif enfasizzat iktar ’il fuq — ftehim kollettiv milħuq minn sindakati li jirrappreżentaw kemm lil ħaddiema, kif ukoll lil persuni li jaħdmu għal rashom. Barra dan, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim eżaminat fil-kawża prinċipali ma jirregolaw ebda wieħed mill-aspetti tradizzjonali tar-relazzjoni tax-xogħol bejn min jimpjega u l-impjegat (bħar-remunerazzjoni, is-sigħat tax-xogħol u l-btajjel), iżda minflok ir-relazzjoni bejn min jimpjega u kategorija oħra ta’ professjonisti: il-persuni li jaħdmu għal rashom.

    87.

    Dawn il-pekuljaritajiet bla dubju jirrendu l-analiżi legali tal-qorti tar-rinviju tassew kumplessa, sa fejn it-twettiq effettiv tal-kundizzjonijiet Albany — u, b’mod partikolari, tat-tieni kundizzjoni — huwa inqas evidenti milli f’każijiet oħra. Għalhekk, sabiex nassisti lill-qorti tar-rinviju fl-analiżi tagħha, ser ngħaddi issa biex inqis xi punti addizzjonali dwar l-elementi li, fl-opinjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju għandha tqis sabiex tiddeċiedi dwar lil min fil-fatt iċ-CLA inkwistjoni jibbenefika.

    88.

    Fundamentalment, minħabba l-karattru doppju taċ-CLA inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi jekk dak il-ftehim intlaħaqx għall-benefiċċju ta’ mużiċisti impjegati mill-orkestri rappreżentati mill-VSR — u, għaldaqstant, jekk dan jistax bħala prinċipju jtejjeb direttament il-kundizzjonijiet tal-impjieg jew tax-xogħol — jew, alternattivament, jekk iċ-CLA inkwistjoni huwiex primarjament maħsub biex jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn persuni li jaħdmu għal rashom u għandux, għaldaqstant, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni Albany. Dan ma jistax ikun iddeterminat in abstracto, abbażi biss tal-allegazzjonijiet magħmulin mill-partijiet li ffirmaw il-ftehim, iżda jeħtieġlu jkun iddeterminat in concreto. Biex ikun ivverifikat jekk dan huwiex hekk, jiena tal-fehma li l-qorti nazzjonali tista’ ssib partikolarment utli li tistħarreġ iż-żewġ aspetti li ġejjin.

    89.

    L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk jeżistix riskju reali u gravi ta’ dumping soċjali, u, jekk huwa hekk, jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni humiex meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ dumping bħal dan. Għandu jkun hemm possibbiltà attwali li, mingħajr id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għadd mhux insinjifikattiv ta’ ħaddiema jistgħu jiġu ssostitwiti b’persuni li jaħdmu għal rashom b’inqas spejjeż. Dan il-fenomenu jista’ jseħħ permezz tat-tkeċċija immedjata ta’ ħaddiema jew permezz ta’ ekonomizzazzjoni gradwali billi ma jiġux issostitwiti ħaddiema li l-kuntratt tagħhom ikun intemm.

    90.

    Tabilħaqq, jekk ir-riskju ta’ dumping soċjali ma jkunx reali u gravi, kull titjib li jista’ jkun hemm fl-istatus tal-ħaddiema, mhux talli ma jkunx dirett, imma jkun aktarx inċert u purament spekulattiv. Il-kwistjoni dwar jekk tali riskju ikunx reali biżżejjed f’kull każ partikolari tkun tiddependi prinċipalment, fil-fehma tiegħi, mis-settur tal-ekonomija u mit-tip ta’ industrija li għalihom ikun japplika l-ftehim kollettiv.

    91.

    Fil-kawża prinċipali, id-domanda kruċjali f’dak il-kuntest jidher li hija jekk l-orkestri li jkunu membri tal-VSR ġeneralment ikunux jittendu jissostitwixxu, immedjatament jew progressivament, għadd sinjifikattiv ta’ mużiċisti “impjegati” b’ mużiċisti li jaħdmu għal rashom, jekk ma tkunx ġiet inkluża rata minima ta’ remunerazzjoni għal dawn tal-aħħar fiċ-CLA inkwistjoni.

    92.

    It-tieni nett, il-qorti nazzjonali għandha tinvestiga l-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri, jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li jidher li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ prevenzjoni tad-dumping soċjali. Dispożizzjonijiet kuntrattwali li jeċċedu l-objettiv iddikjarat tagħhom bilkemm jistgħu jitqiesu li jkunu ta’ benefiċċju ġenwin u effikaċi għall-ħaddiema. Xi wħud minn dawk id-dispożizzjonijiet — dawk li jkunu eċċessivi jew mhux iġġustifikati — ma jistgħux jitqiesu li jtejbu direttament il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tal-ħaddiema.

    93.

    Eżempju ta’ dispożizzjonijiet li nqis li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ huma dispożizzjonijiet kuntrattwali li jagħtu lill-ħaddiema protezzjoni ikbar fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom milli fir-rigward ta’ ħaddiema oħra. Fi kliem ieħor, inqis li dispożizzjonijiet li jiffissaw tariffi minimi għal persuni li jaħdmu għal rashom f’livell b’mod sinjifikattiv ogħla mill-pagi minimi għall-ħaddiema jagħtu prova li l-intenzjoni li ssejjes id-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienet oħra milli l-protezzjoni kontra d-dumping soċjali.

    94.

    Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li dispożizzjonijiet bħal dawk inklużi fiċ-CLA inkwistjoni għandhom ikunu aċċettati mingħajr kundizzjoni, minkejja l-effetti antikompetittivi tagħhom, jekk ikun jista’ jiġi ppruvat li dawn huma attwalment neċessarji għall-prevenzjoni tad-dumping soċjali. Inkella, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jdgħajfu l-kompetizzjoni bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom (u, potenzjalment, bejn il-persuni li jimpjegaw), filwaqt li jagħtu ftit jew ebda benefiċċju lill-ħaddiema.

    95.

    Probabbilment ma huwiex mingħajr interess li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE li qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, tidher li hija ġeneralment konsistenti ma’ għadd ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-applikabbiltà tal-Att Sherman fil-kuntest ta’ tilwim dwar ix-xogħol, li l-FNV irriferiet għalih fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

    96.

    Madankollu, qabel ma ngħaddi għal dawk il-kawżi, għandu jkun innotat li għalkemm l-oqfsa ġuridiċi rilevanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti tal-Amerika jistgħu jkunu simili, dawn ma humiex identiċi. B’mod partikolari, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea ma hemmx dispożizzjonijiet legali espressi ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet tal-Att Clayton ( 33 ) jew tal-Att Norris-La Guardia ( 34 ) li jeżentaw espliċitament mil-liġi tal-antitrust lis-“sindakati, bil-kundizzjoni li dawn jaġixxu fl-interess tagħhom stess u ma jingħaqdux ma’ gruppi mhux sindakali”. Minkejja dik id-differenza, wieħed xorta waħda jista’, fil-fehma tiegħi, jislet ċerti paraguni ( 35 ).

    97.

    Fis-sentenza AFM vs. Carroll ( 36 ), il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika affermat il-validità ta’ sett ta’ prezzijiet minimi (“il-lista tal-prezzijiet”) li sindakat (li jirrappreżenta lil mużiċisti u lil mexxejja tal-orkestri) ( 37 ) kien obbliga lill-mexxejja tal-orkestri japplikaw meta jidħlu f’kuntratti ma’ xerrejja tal-mużika. Filwaqt li l-Qorti Federali tal-Appell kienet qieset il-lista tal-prezzijiet bħala per se ksur tal-Att Sherman, sa fejn din kienet tikkonċerna prezzijiet u mhux pagi (peress li l-mexxejja tal-orkestri huma persuni li jaħdmu għal rashom u mhux impjegati), il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika ċaħdet dak l-approċċ sa fejn dan kien injora “l-ħtieġa ta’ analiżi lil hinn mill-forma”. Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika qieset li l-fattur kruċjali tal-każ ma kienx jekk il-lista tal-prezzijiet kinitx tikkonċerna prezzijiet jew pagi, iżda jekk dik il-lista kinitx isservi biex tipproteġi l-pagi tal-mużiċisti impjegati mill-mexxej tal-orkestra. Meta kkonstatat li dan tal-aħħar kien tabilħaqq il-każ, il-Qorti Suprema tal-Amerika rriteniet li l-lista tal-prezzijiet kienet taqa’ fi ħdan l-eżenzjoni mill-Att Sherman applikabbli għall-ħaddiema ( 38 ).

    98.

    Madankollu fis-sentenza Allen Bradley Co. vs Local Union no. 3, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika saħqet li l-Att Sherman ma jippermettix lis-sindakati “jgħinu lil gruppi mhux ta’ ħaddiema joħolqu monopolji fin-negozju u jikkontrollaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi” ( 39 ). Barra dan, fis-sentenza United Mine Workers vs Pennington, il-Qorti Suprema rriteniet ukoll li “sindakat jitlef l-eżenzjoni tiegħu mil-liġijiet tal-antitrust meta jintwera b’mod ċar li huwa jkun ftiehem ma’ grupp ta’ persuni li jimpjegaw biex tiġi imposta ċerta skala ta’ pagi fuq unitajiet oħra ta’ negozjar. […] Dan huwa minnu anki għalkemm il-parti tas-sindakat fl-iskema tkun impenn biex tikseb l-istess pagi, sigħat jew kundizzjonijiet oħra ta’ impjieg mingħand il-bqija tal-persuni li jimpjegaw fl-industrija” ( 40 ).

    99.

    Mill-qari ta’ dawn id-deċiżjonijiet nifhem li huma jaqblu mal-ħsieb li l-kunċett ta’ titjib dirett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tal-ħaddiema ma għandux ikun interpretat b’mod strett. Il-fatt li dispożizzjoni kuntrattwali fi ftehim kollettiv tistabbilixxi tariffi minimi għal persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu f’kompetizzjoni ma’ ħaddiema għall-istess xogħol ma huwiex, fih innifsu, biżżejjed biex dawk id-dispożizzjonijiet jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-antitrust. Dispożizzjonijiet kuntrattwali bħal dawn għandhom isegwu b’mod ġenwin l-objettiv iddikjarat tagħhom u ma jkollhomx l-għan li jgħinu lil impriżi jillimitaw il-kompetizzjoni bejniethom. Barra dan, dawk id-deċiżjonijiet jissuġġerixxu approċċ kawt meta tiġi eżaminata, fid-dawl ta’ regoli tal-kompetizzjoni, l-imġiba ta’ sindakati li jippruvaw jimponu l-kundizzjonijiet tax-xogħol innegozjati minnhom fuq kategoriji oħra ta’ professjonisti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi tagħhom.

    100.

    Għalhekk nikkonkludi li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni Albany humiex issodisfatti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti taċ-CLA inkwistjoni. Għal dik il-fini l-qorti tar-rinviju jeħtiġilha b’mod partikolari, tistabbilixxi jekk dawk id-dispożizzjonijiet itejbux direttament il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tal-ħaddiema, billi ġenwinament u effettivament jipprevjenu d-dumping soċjali u billi ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

    IV – Konklużjoni

    101.

    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tal-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage tkun kif ġej:

    “Dispożizzjonijiet fi ftehim kollettiv konkluż bejn, minn naħa, assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u, min-naħa l-oħra, sindakati li jirrappreżentaw lil ħaddiema u lil persuni li jaħdmu għal rashom, li jipprovdu li l-persuni li jaħdmu għal rashom li, abbażi ta’ kuntratt għal servizzi professjonali, iwettqu l-istess xogħol għal persuna li timpjega bħall-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-ftehim kollettiv tax-xogħol għandhom jirċievu tariffa minima speċifika jaqgħu:

    fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jekk dawn jintlaħqu fl-interess u f’isem persuni li jaħdmu għal rashom;

    barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jekk dawn jintlaħqu fl-interess u f’isem ħaddiema li tagħhom huma jtejbu direttament il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. Huwa għall-qorti tar-rinviju li taċċerta jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jtejbux direttament il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tal-ħaddiema, billi ġenwinament u effettivament jipprevjenu d-dumping soċjali u ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) C‑67/96, EU:C:1999:430. Ara wkoll is-sentenzi Brentjens’, C‑115/97 sa C‑117/97, EU:C:1999:434; Drijvende Bokken, C‑219/97, EU:C:1999:437; Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428; Van der Woude, C‑222/98, EU:C:2000:475; u AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112.

    ( 3 ) Dokument ta’ riflessjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007.

    ( 4 ) F’dawn il-konklużjonijiet, il-kelmiet “impjegat” u “ħaddiem” jintużaw waħda flok l-oħra.

    ( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punti 17 sa 23 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 46 sa 52.

    ( 6 ) Fir-rigward ta’ din l-espressjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Van der Woude (C‑222/98, EU:C:2000:226, punt 30), li jirreferu impliċitament għas-sentenza Albany (EU:C:1999:430, punti 59 u 60).

    ( 7 ) Sentenzi Albany, EU:C:1999:430, punt 60; Brentjens’, EU:C:1999:434, punt 57; Drijvende Bokken, EU:C:1999:437, punt 47; Pavlov et, EU:C:2000:428, punt 67; Van der Woude, EU:C:2000:475, punt 22; u AG2R Prévoyance, EU:C:2011:112, punt 29.

    ( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza AG2R Prévoyance, EU:C:2011:112, punt 30.

    ( 9 ) Nerġa’ niġi għal din il-kwistjoni iktar ’il quddiem, fil-punt 32.

    ( 10 ) Ara, b’mod partikolari, EU:C:1999:430, punti 56 sa 60.

    ( 11 ) Ara, fost ħafna eżempji, is-sentenza Becu et, C‑22/98, EU:C:1999:419, punt 26.

    ( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Pavlov et, EU:C:2000:428, punti 73 sa 77, u Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 49.

    ( 13 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Pavlov et, EU:C:2000:428, punti 84 sa 89.

    ( 14 ) Tabilħaqq, negozjar kollettiv ġeneralment jitqies li ma jgħinx biss lill-ħaddiema u lill-persuni li jimpjegaw biex jilħqu riżultat bilanċjat u aċċettabbli reċiprokament, iżda jipproduċi wkoll effetti pożittivi għas-soċjetà kollha kemm hi. Kif l-Avukat Ġenerali Jacobs enfasizza fil-kawża Albany, huwa ġeneralment aċċettat li “ftehimiet kollettivi bejn il-maniġment u l-ħaddiema jevitaw kunflitti relatati max-xogħol li jiswew il-flus, inaqqsu l-ispejjeż tal-operazzjonijiet permezz ta’ proċess ta’ negozjazzjoni kollettiv u msejjes fuq ir-regoli u jippromwovu l-prevedibbiltà u t-trasparenza” (C‑67/96, EU:C:1999:28, punti 181 u 232). Nemmen ukoll li l-promozzjoni tal-paċi soċjali u t-twaqqif ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali li tkun ekwa għaċ-ċittadini kollha huma għanijiet tal-ikbar sinjifikat f’kull soċjetà moderna.

    ( 15 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Albany, EU:C:1999:28, punt 182.

    ( 16 ) Ara, fost ħafna eżempji, is-sentenzi Clair, 123/83, EU:C:1985:33, punt 22; Verband der Sachversicherer vs Il‑Kummissjoni, 45/85, EU:C:1987:34, punti 39 sa 42; u Binon, 243/83, EU:C:1985:284, punt 44.

    ( 17 ) Ara Pavlov et, EU:C:2000:428, punt 69.

    ( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Jany et, C‑268/99, EU:C:2001:616, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 19 ) Ara, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑596/12, EU:C:2014:77, punt 16 et seq. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Agegate, C‑3/87, EU:C:1989:650, punt 36; Asscher, C‑107/94, EU:C:1996:251, punti 25 u 26; u l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Haralambidis, C‑270/13, EU:C:2014:1358, punt 32.

    ( 20 ) Ara, għal dan il-għan, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 37.

    ( 21 ) Fl-istess sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Pavlov et, EU:C:2000:151, punt 99, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Van der Woude, EU:C:2000:226, punt 30.

    ( 22 ) Ara, per eżempju, is-sentenzi Allonby, C‑256/01, EU:C:2004:18, u Haralambidis, C‑270/13, EU:C:2014:2185.

    ( 23 ) F’dan ir-rigward, ara l-Green Paper tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Novembru 2006, L-immodernizzar tal-liġijiet dwar ix-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-seklu 21 COM(2006) 708 finali, p. 10 sa 12. Ara wkoll Barnard, C., EU Employment Law, Oxford University Press, Oxford: 2012 (ir-Raba’ Edizzjoni.), p. 144 sa 154.

    ( 24 ) EU:C:1999:430, punt 63.

    ( 25 ) EU:C:1999:434, punt 60.

    ( 26 ) EU:C:1999:437, punt 50.

    ( 27 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑271/08, EU:C:2010:426, punt 49.

    ( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 45, u Wolff & Müller, C‑60/03, EU:C:2004:610, punt 41.

    ( 29 ) Ara s-sentenza Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 30 ) Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, p. 9).

    ( 31 ) Premessa 14 tad-Direttiva 2008/104

    ( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, ibid., il-premessi 16 u 17.

    ( 33 ) Clayton Antitrust Act, 15 U.S.C. §§ 12 sa 27.

    ( 34 ) Norris-La Guardia Act, 29 U.S.C. §§ 101 sa 115.

    ( 35 ) Peress li l-Avukat Ġenerali Jacobs ipprovda, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Albany (EU:C:1999:28, punti 96 sa 107) analiżi b’mod komprensiv tal-kuntest ġuridiku applikabbli fl-Istati Uniti tal-Amerika f’dan il-qasam, qed nirreferi għal dawk il-konklużjonijiet għal deskrizzjoni iktar ġenerali ta’ dan. Hawnhekk qed insemmi biss ftit mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika msemmija speċifikatament mill-FNV.

    ( 36 ) 391 U.S. 99 (1968).

    ( 37 ) Il-mexxejja tal-orkestri kienu ddefiniti bħala l-mużiċisti li jagħmlu l-arranġamenti max-xerrejja tas-servizzi tal-orkestra.

    ( 38 ) Sherman Antitrust Act, 15 U.S.C. §§ 1 to 7.

    ( 39 ) 325 U.S. 797 (1945).

    ( 40 ) 381 U.S. 657 (1965).

    Top