EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0346

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2015.
Ville de Mons vs Base Company SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Cour d'appel de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Artikolu 13 – Tariffa għad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni komunali li tissuġġetta lill-proprjetarji ta’ piluni u ta’ arbli tax-xandir għat-telefonija mobbli għall-ħlas ta’ taxxa.
Kawża C-346/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:446

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NILS WAHL

ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2015 ( 1 )

Kawża C‑346/13

Ville de Mons

vs

Base Company SA, li kienet KPN Group Belgium SA,

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Mons (il‑Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva ta’ ‘Awtorizzazzjoni’ — Artikolu 13 — Tariffa għad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet — Kamp ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni komunali li tissuġġetta lill-proprjetarji ta’ piluni u ta’ arbli tax-xandir għat-telefonija mobbli għall-ħlas ta’ taxxa”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE ( 2 ), dispożizzjoni li għandha effett dirett skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 3 ), tiżvela mistoqsijiet li għadhom jeżistu rigward il-konsegwenzi tal-armonizzazzjoni Ewropea relatata mal-awtorizzazzjoni tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fuq l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

2. 

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Base Company SA, li kienet KPN Group Belgium SA (iktar ’il quddiem “Base Company”), waħda mit-tliet operaturi attivi fis-suq Belġjan tat-telefonija mobbli, kontra l-belt ta’ Mons rigward taxxi imposti fuq dik l-impriża abbażi tal-piluni u tal-arbli tax-xandir tagħha installati fit-territorju ta’ din il-belt.

3. 

Għandu jiġi enfasizzat li l-kawża tidħol fil-kuntest ta’ kontenzjuż kunsiderevoli ( 4 ) dwar it-taxxi imposti minn ċertu numru ta’ komuni u ta’ provinċji Belġjani, abbażi tal-awtonomija fiskali mogħtija lilhom mill-Kostituzzjoni ( 5 ), fuq l-operaturi tat-telefonija mobbli u li titlob, partikolarment, li jiġi ddeterminat jekk il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13/KE ( 6 ), tistax tiġi trasposta għal dan il-każ. Din il-kawża twassal iktar ġeneralment lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti ċertu numru ta’ kjarifiki dwar l-approċċ li għandu jiġi adottat fir-rigward ta’ oneri finanzjarji imposti fuq il-fornituri ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

Id-Direttiva 97/13 kienet stabbilixxiet qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet bil-għan li tilliberalizza dan tal-aħħar u tiffaċilita d-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq. Din tinserixxi ruħha fil-kuntest ta’ miżuri meħuda għal-liberalizzazzjoni totali tas-servizzi u tal-infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet prevista għall-1 ta’ Jannar 1998.

5.

F’din il-perspettiva, id-Direttiva 97/13 kienet tipprevedi, minbarra regoli dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet u dwar il-kontenut tagħhom, ċertu numru ta’ regoli dwar l-oneri pekunjarji (taxxi u tariffi), marbuta ma’ dawk il-proċeduri, li l-Istati Membri kienu fil-pożizzjoni li jimponu fuq l-impriżi tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

6.

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13, bit-titolu “Taxxi u tariffi applikabbli għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali”:

“Bla ħsara għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-provvista tas-servizz universali konformement mal-Anness, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taxxi imposti fuq l-impriżi għall-finijiet tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jkollhom bħala l-uniku għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-implementazzjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali applikabbli. Dawn it-taxxi għandhom jiġu ppubblikati b’mod xieraq u ddettaljat biżżejjed sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

Rigward l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13, bit-titolu “Taxxi u tariffi applikabbli għal-liċenzji individwali”, dan kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taxxi imposti fuq l-impriżi għall-finijiet tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jkollhom bħala l-uniku għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. It-taxxi applikabbli għal liċenzja individwali għandhom ikunu proporzjonali mal-volum ta’ xogħol meħtieġ u għandhom jiġu ppubblikati b’mod xieraq u ddettaljat biżżejjed sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fil-każ ta’ faċilitajiet rari, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom biex jimponu tariffi sabiex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dik ir-riżorsa. Dawn it-tariffi għandhom ma jkunux diskriminatorji u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

Id-Direttiva 97/13 tħassret bl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/21/KE ( 7 ).

9.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva Kwadru jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

e)

‘faċilitajiet assoċjati’ tfisser dawk il-faċilitajiet assoċjati ma network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermetti u/jew jappoġġa l-provista permezz ta’ network u/jew servizz. Jinkludi sistemi ta’ aċċess kondizzjonali u gwidi ta’ programmi elettroniċi;

[...]”

10.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Mira u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi implimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

11.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn il-faċilitajiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Kwadru].”

B – Id-dritt Belġjan

12.

Fil-5 ta’ Marzu 2007, il-kunsill komunali tal-belt ta’ Mons adotta regolament dwar it-taxxa li impona taxxa fuq il-piluni u fuq l-arbli tax-xandir għat-telefonija mobbli (iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar it-taxxa”) applikabbli għas-snin finanzjarji mill-2007 ’il quddiem.

13.

L-Artikolu 1 tar-regolament dwar it-taxxa jipprovdi li l-imsemmija taxxa tapplika għall-“piluni tax-xandir jew arbli ta’ ċerta importanza li jkunu strutturi li jżommu waħedhom, li jeżistu matul is-sena fiskali, intiżi li jappoġġaw id-diversi tipi ta’ antenni meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli u li ma setgħux jitpoġġew fuq sit eżistenti (saqaf, knisja ...)”.

14.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament dwar it-taxxa, “it-taxxa [inkwistjoni] hija dovuta minn kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun proprjetarja tal-istruttura msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ dan ir-regolament dwar it-taxxa]”.

15.

L-Artikolu 4 tar-regolament dwar it-taxxa jipprovdi li l-ammont ta’ taxxa dovut għal kull pilun jew għal kull arblu tax-xandir għat-telefonija mobbli huwa ta’ EUR 2500.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li Base Company hija operatur tat-telefonija mobbli u, fuq din il-bażi, hija proprjetarja u topera netwerk ta’ piluni li jappoġġaw antenni tat-telekomunikazzjonijiet għat-telefonija mobbli fit-territorju tal-belt ta’ Mons.

17.

Fuq il-bażi tar-regolament tat-taxxa, l-awtoritajiet tal-belt ta’ Mons indirizzaw lil Base Company tliet avviżi ta’ evalwazzjoni tat-taxxa li jimponu ammont totali ta’ EUR 7500 abbażi tat-taxxa inkwistjoni għas-sena ta’ tassazzjoni għas-sena 2008. Dawk l-avviżi ta’ evalwazzjoni tat-taxxa ġew ikkontestati quddiem il-bord komunali tal-belt ta’ Mons. Wara li dan l-ilment ġie miċħud, ġie ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Mons (il‑Belġju), li annullathom.

18.

Il-belt ta’ Mons ippreżenta appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Mons li, peress li kellha dubji dwar l-applikabbiltà fil-kawża prinċipali tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“L-Artikolu 13 tad-Direttiva [ta’ Awtorizzazzjoni] jipprojbixxi lill-awtoritajiet reġjonali milli jintaxxaw, għal raġunijiet baġitarji jew raġunijiet oħra, l-attività ekonomika tal-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet li jimmanifestaw ruħhom fuq it-territorju tagħhom permezz ta’ piluni, arbli jew antenni GSM intiżi għal din l-attività?”

19.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

20.

Saret seduta fit-13 ta’ Mejju 2015, li fiha pparteċipaw il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni.

III – Analiżi

21.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk taxxa stabbilita minn awtorità pubblika nazzjonali li tirrigwarda speċifikament il-piluni u l-arbli użati għat-telefonija mobbli taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u, fl-affermattiv, jekk dan l-artikolu jipprekludix tali taxxa.

22.

Għal din id-domanda, li a priori hija sempliċi, ġie propost li jingħataw risposti ferm differenti.

23.

Il-belt ta’ Mons, sostnut mill-Gvern Belġjan, jargumenta li t-taxxa inkwistjoni ma tistax tiġi pprojbita mid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Huwa jenfasizza, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518), fir-rigward tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 — dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha tixbah ħafna dik tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni —, li d-direttivi dwar l-awtorizzazzjoni li jiġu pprovduti netwerks u servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ma jistgħux ikunu applikabbli għal taxxi li l-fatt taxxabbli tagħhom ma huwiex l-għoti ta’ liċenzja. Huwa jirrileva, barra minn hekk, li din it-taxxa hija dovuta minn kull persuna li tkun proprjetarja ta’ pilun jew ta’ arblu li setax jitpoġġa fuq sit eżistenti u din bl-ebda mod ma hija marbuta, kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, mal-għoti ta’ dritt ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jew dritt biex jiġu installati faċilitajiet u, b’mod definittiv, bħala korrispettiv ta’ kwalunkwe servizz.

24.

Base Company ssostni, min-naħa tagħha, li t-taxxa inkwistjoni, li l-fatt taxxabbli tagħha jikkonsisti fl-istabbiliment mill-operaturi li jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ infrastrutturi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “faċilitajiet” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, tabilħaqq taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li dik it-taxxa, li tikkonsisti fil-ħlas ta’ somma f’daqqa, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni, inkwantu hija b’mod partikolari diskriminatorja, mhux proporzjonata u mhux iġġustifikata oġġettivament.

25.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tal-kriterju li jidher li ġie applikat fis-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518), jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn it-taxxa inkwistjoni u l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lil operatur biex jipprovdi netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-unika konklużjoni possibbli hija li t-taxxa inkwistjoni ma taqax taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni tindika, madankollu, li hija “tikkundanna” dik is-sentenza u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tasal għal soluzzjoni opposta f’din il-kawża. Hija fil-fatt tal-fehma li t-taxxa inkwistjoni, li tirrigwarda “faċilitajiet assoċjati”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva Kwadru, probabbilment ġiet ikkonċepita biex titħallas bħala korrispettiv tal-istabbiliment ta’ strutturi neċessarji għall-provvista tal-imsemmija netwerks u servizzi, u tista’, konsegwentement, tiġi kklassifikata bħala “tariffa” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Jekk kellha tiġi adottata din l-aħħar konklużjoni, ikun għalhekk il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn din l-aħħar dispożizzjoni huma ssodisfatti.

26.

Kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kawża hija eżempju tat-tensjoni li mingħajr dubju teżisti bejn l-armonizzazzjoni li tirriżulta mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u x-xewqa ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali li jżommu l-possibbiltà, għal raġunijiet essenzjalment baġitarji ( 8 ), li jintaxxaw ċerti operaturi minħabba l-attività li huma jeżerċitaw u l-preżenza tagħhom f’territorju partikolari.

27.

Għalkemm din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita b’din il-problema, ċerti kjarifiki huma mistennija, fid-dawl tat-tagħlim l-iktar reċenti tal-ġurisprudenza.

28.

Dawn il-bżonnijiet ta’ kjarifiki jirrigwardaw, fil-fehma tiegħi, żewġ aspetti li ser neżamina suċċessivament: l-ewwel aspett, li ma tqajjimx direttament fid-domanda magħmula, iżda li jikkostitwixxi parametru ewlieni tal-analiżi tat-taxxi li huma responsabbli għall-ħlas tagħhom l-operaturi ta’ servizzi u ta’ netwerks tat-telekomunikazzjonijiet, huwa marbut mal-kwistjoni jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu ċerti tariffi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. It-tieni aspett jirrigwarda, min-naħa tiegħu, l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati biex jitqies li t-tariffa inkwistjoni tabilħaqq taqa’ taħt l-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni u, jekk ikun il-każ, biex jiġi stabbilit jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f’dik id-dispożizzjoni.

A – L-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi lil hinn mill-kamp ta ’ applikazzjoni tad-Direttiva ta ’ Awtorizzazzjoni?

29.

Għalkemm il-kwistjoni dwar sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jimponu tariffi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma ġietx invokata direttament f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li din tqajmet indirettament mill-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

30.

Effettivament, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju bdiet mill-premessa li t-taxxa inkwistjoni ma kinitx la tariffa fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u lanqas ma hija ħlas amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 12 tal-istess direttiva u, min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-rilevanza u l-portata tal-ġurisprudenza li tipprovdi li “l-Istati Membri jistgħu jirċievu biss dawk il-ħlasijiet jew tariffi oħra fuq il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi previsti minn din id-direttiva” ( 9 ).

31.

Issa, fuq dan l-ewwel aspett, u għalkemm dan seta’ kien dibattibbli, b’mod partikolari, fis-sentenza Albacom u Infostrada ( 10 ), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13, fil-fehma tiegħi huwa biss “fil-kuntest tad-Direttiva ta’ ‘Awtorizzazzjoni’”, li l-Istati Membri ma jistgħux jiġbru taxxi jew tariffi oħrajn fuq il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ħlief dawk previsti f’dik id-direttiva ( 11 ).

32.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, liema direttiva ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE), ma jillimitax totalment is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, iżda jkopri biss it-taxxi li l-fatt taxxabbli tagħhom huwa, direttament jew indirettament marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew mal-għoti tad-drittijiet ta’ użu. Fi kliem ieħor, jidher li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jistabbilixxix espożizzjoni eżawrjenti tat-taxxi u tat-tariffi kollha li jistgħu jiġu imposti fuq l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda huwa intiż biex jinkwadra dawk li jistgħu jiġu imposti fil-kuntest ta’ “awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” (ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni). Huwa biss meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimponu oneri fiskali fuq operaturi tat-telefonija mobbli li jkunu koperti minn awtorizzazzjoni li huma għandhom l-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

33.

Fil-fehma tiegħi hemm żewġ elementi li jissostanzjaw din il-konklużjoni.

34.

Fl-ewwel lok, din l-interpretazzjoni tinserixxi ruħha faċilment fl-estensjoni tad-direzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-ħlasijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u dan kemm meta hija tkun ġiet adita b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 12 ) jew b’talba għal deċiżjoni preliminari ( 13 ).

35.

Sussegwentement u b’mod speċjali, jidhirli li din id-direzzjoni ġiet ikkonfermata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari intiża preċiżament biex tinterpreta l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni dwar it-taxxi imposti mill-provinċja ta’ Antwerpen fil-konfront ta’ żewġ fornituri ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Fil-fatt, fis-sentenza Belgacom u Mobistar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jsemmix it-tariffi kollha li huma suġġetti għalihom l-operaturi ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Sabiex tasal għal tali konklużjoni, hija bbażat ruħha fuq it-termini użati fl-Artikoli 1(2) u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ( 14 ).

36.

Fil-qosor, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni tapplika għall-awtorizzazzjonijiet li jirrigwardaw il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet. L-Istati Membri ma jistgħux jiġbru taxxi oħrajn li jirrigwardaw dik il-provvista ħlief dawk li huma espressament previsti f’dik id-direttiva.

37.

Huma jżommu, min-naħa l-oħra, ċerta libertà fl-iffissar ta’ taxxi li ma jirrigwardawx din il-provvista. Nuża l-kelma “ċerta” għaliex, irrispettivament mill-qasam ta’ intervent tal-awtorità kompetenti fil-qasam fiskali, hija dejjem għandha l-obbligu li tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, anki fil-preżenza ta’ tariffi li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, il-qorti dejjem għandha tiżgura ruħha li dawn ma jkunux ta’ natura li jikkompromettu l-effettività tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, billi joħolqu, b’mod partikolari, ostakoli għad-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq, u b’mod iktar wiesa’, tivverifika jekk dawn jiksrux id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jiggarantixxu l-libertà ta’ stabbiliment u l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi tas-settur.

38.

Wara dawn il-kjarifiki, ser niffoka fuq il-problema li l-qorti tar-rinviju preċiżament ressqet u li madwarha nbena d-dibattitu fil-kawża prinċipali, jiġifieri jekk it-taxxa inkwistjoni tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u, fl-affermattiv, jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa minn dik id-dispożizzjoni.

39.

Fl-ewwel lok, ser nesponi t-tagħlim li, fil-fehma tiegħi, għandu jittieħed mill-ġurisprudenza żviluppata sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja, biex sussegwentement nindirizza l-każ tat-taxxa inkwistjoni.

B – It-tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza mis-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile sas-sentenza Belgacom u Mobistar: lejn eżami mill-ġdid tal-ħruġ ta ’ awtorizzazzjoni (jew liċenzja) inkwantu kriterju esklużiv għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta ’ Awtorizzazzjoni

40.

Jidhirli li l-partijiet kollha jaqblu li l-kawżi li taw lok għas-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518) joriġinaw minn tilwimiet li jixbhu ħafna l-każ hawnhekk.

41.

Infakkar li, f’dawk il-kawżi magħquda, operaturi ta’ telefonija mobbli talbu l-annullament ta’ regolamenti-taxxi imposti minn komuni Belġjani fuq proprjetarji ta’ antenni, ta’ arbli u ta’ piluni maħsuba għat-telefonija mobbli.

42.

Għalkemm l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 f’dawn il-kawżi ġie invokat biss b’mod aċċessorju waqt it-trattazzjonijiet ( 15 ) — inkwantu d-domandi preliminari kienu jirreferu biss għall-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) u għad-Direttiva 90/388/KEE ( 16 ) —, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta indikat li “l-fatt li jiġġenera taxxi fuq l-infrastrutturi ta’ komunikazzjoni [ma kienx] l-għotja ta’ liċenzja” u li, “[g]ħaldaqstant, id-Direttiva 97/13, li [kienet] ġiet invokata minn Mobistar waqt is-seduta, ma tapplikax għall-fatti tal-kawża” ( 17 ).

43.

Billi ddeċidiet b’dak il-mod, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet minn “l-għotja ta’ liċenzja” l-kriterju determinanti li jippermetti li ssir distinzjoni bejn it-tariffi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/13 u dawk li ma jaqgħux taħt dak il-kamp.

44.

Din il-kunsiderazzjoni żgur ma hijiex waħda iżolata, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja donnha kkonfermat, sussegwentement, l-importanza li kellha tintrabat mal-fatt taxxabbli tad-diversi taxxi u tariffi, jiġifieri jekk dan kienx marbut jew le mal-għoti ta’ awtorizzazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-taxxi jew tariffi jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

45.

B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza ( 18 ), li kienet tirrigwarda taxxa addizzjonali imposta fuq l-operaturi koperti minn awtorizzazzjoni ġenerali li jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-utenti finali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taxxa li l-fatt taxxabbli tagħha ma kienx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li tippermetti li jkun hemm aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda li kien marbut mal-attività tal-operatur li kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-utenti finali fi Franza ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

46.

F’dan l-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Vodafone Malta u Mobisle Communications ( 19 ), li l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi dazju msejjaħ “tas-sisa” li kienu responsabbli għall-ħlas tiegħu l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli u li jikkorrispondi ma’ perċentwali tal-ħlasijiet li huma jiġbru mingħand l-utenti ta’ dawk is-servizzi, bil-kundizzjoni li l-fatt taxxabbli tiegħu jkun marbut mhux mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li tippermetti li jkun hemm aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u li dan jitħallas b’mod definittiv mill-utent ta’ dawn is-servizzi.

47.

Kif seta’ jiġi enfasizzat matul din il-proċedura, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 hija differenti mill-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, peress li dan l-aħħar artikolu huwa inkontestabbilment iktar preċiż fir-rigward tal-iskop tat-tariffi msemmija (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13) u tal-kundizzjonijiet li dawn għandhom jissodisfaw (it-tieni sentenza tal-Artikolu 13), jidher li l-għanijiet segwiti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma identiċi.

48.

Effettivament, dawn huma intiżi biex jistabbilixxu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu, taħt ċerti kundizzjonijiet, tariffi waqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat l-aqwa użu tar-riżorsi rari. Dawn id-dispożizzjonijiet huma t-tnejn intiżi, fl-aħħar nett, biex jippromwovu l-kompetizzjoni, l-iżvilupp tas-suq intern jew is-sostenn tal-interessi taċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru).

49.

Minn dan jirriżulta li xejn ma jippermetti, a priori, li jitwarrab it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 37).

50.

Dan ifisser li l-kriterju marbut mal-għoti ta’ liċenzja biss huwa rilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk taxxa taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni?

51.

Ma jidhirlix li dan huwa l-każ, u dan għal diversi raġunijiet.

52.

Fl-ewwel lok, ma għandux jintesa li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518), l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/13 ġiet invokata biss fuq bażi sekondarja u inċidentali. Xhieda ta’ dan huwa ż-żmien qasir mogħti għall-applikabbiltà tad-Direttiva 97/13.

53.

Sussegwentement, l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni huwa relatat, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tiegħu, mal-metodi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jew tan-numri jew għad-dritt biex jiġu installati faċilitajiet fuq proprjetajiet pubbliċi jew privati. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, ippreċiżat li, peress li l-proċedura ta’ għoti tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju u l-proċedura ta’ tiġdid tal-imsemmija drittijiet kienu suġġetti għall-istess regoli, l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandu jiġi applikat bl-istess mod għaż-żewġ proċeduri ( 20 ).

54.

Inevitabbilment jirriżulta li, lil hinn mill-kwistjoni jekk il-fatt taxxabbli tat-taxxa huwiex direttament marbut mal-għoti ta’ awtorizzazzjoni (jew liċenzja), għandhom jiġu inklużi wkoll it-tariffi li l-fatt taxxabbli tagħhom jirriżulta mill-għoti tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jew tan-numri kif ukoll tad-drittijiet biex jiġu installati faċilitajiet mifhuma f’sens wiesa’. Ma jidhirlix li huwa opportun li tiġi adottata s-soluzzjoni, fl-apparenza restrittiva, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518). Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-għoti ta’ liċenzja jew ta’ drittijiet speċifiċi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali huwa inkontestabbilment kundizzjoni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni hija applikabbli, dan ma jistax jiġi stabbilit bħala kundizzjoni neċessarja għal tali applikabbiltà.

55.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-kriterju ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għal tariffi għandu jiġi ppreċiżat. Din hija kwistjoni mhux tant biex jiġi stabbilit jekk dawn humiex marbuta direttament mal-għoti ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni, iżda li jiġi ddeterminat jekk dawn jidħlux inevitabbilment fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni, bħal dawk li jirrigwardaw, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, l-istabbiliment ta’ faċilitajiet neċessarji għall-funzjonament tan-netwerk tat-telefonija mobbli.

C – L-applikazzjoni tal-grilja ta ’ analiżi fformulata fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta ’ Awtorizzazzjoni fil-kawża prinċipali

56.

Kif kienet enfasizzat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Vodafone España u France Telecom España, l-eżami tal-konformità ta’ taxxa finanzjarja nazzjonali mal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jimponi, anki konformement mat-test ta’ dik id-dispożizzjoni, eżami f’żewġt istadji ( 21 ).

57.

Barra minn hekk, wara li eżaminajt jekk it-taxxa inkwistjoni tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni — li jidhirli li huwa l-każ —, ser niffoka fil-qosor fuq il-kwistjoni jekk din kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni.

1. It-taxxa inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni?

58.

Fil-kawża prinċipali, fost it-tliet kategoriji ta’ tariffi msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, jiġifieri, rispettivament, dawk għad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju, dawk għad-drittijiet ta’ użu tan-numri u dawk għad-dritt biex jiġu installati faċilitajiet fuq jew taħt proprjetajiet pubbliċi jew privati, dawn tal-aħħar biss jissemmew mill-qorti tar-rinviju.

59.

Fil-fehma tiegħi, it-tariffi marbuta mad-drittijiet biex jiġu installati faċilitajiet għandhom jinftiehmu mill-angolu tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk taxxa partikolari taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Awtorizzazzjoni, għandu jitqies l-iskop tagħha.

60.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-terminu “faċilitajiet” u l-espressjoni “installazzjoni” użati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jirreferu, rispettivament, għall-infrastrutturi materjali li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll l-installazzjoni materjali tagħhom fuq il-proprjetà pubblika jew privata kkonċernata ( 22 ).

61.

Dan kollu jwassalni għall-konklużjoni li t-taxxa inkwistjoni għandha l-karatteristiċi ta’ tariffa fuq id-dritt biex jiġu installati faċilitajiet fuq jew taħt proprjetajiet pubbliċi jew privati, li tabilħaqq taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

62.

Fl-ewwel lok, dik it-taxxa hija dovuta esklużivament minħabba l-installazzjoni ta’ piluni jew ta’ arbli li, skont ir-regolament dwar it-taxxa, huma strutturi “intiżi biex jappoġġaw id-diversi tipi ta’ antenni meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni mobbli”. Dawk il-piluni u arbli huma inkontestabbilment infrastrutturi materjali li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. It-taxxa inkwistjoni b’hekk hija imposta fuq id-dritt biex jiġu installati faċilitajiet fit-territorju tal-belt ta’ Mons u mhux, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Vodafone España u France Telecom España (C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:446), biss fuq l-użu ta’ dawn il-faċilitajiet.

63.

Sussegwentement, din it-taxxa hija dovuta mill-proprjetarji tal-imsemmija riżorsi li, wisq probabbilment, huma wkoll fornituri ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għalkemm ir-regolament dwar it-taxxa inkwistjoni ma jintaxxax lill-operaturi ta’ dawn in-netwerks jew ta’ dawn is-servizzi inkwantu tali, fin-nuqqas ta’ informazzjoni kuntrarja, jidher li huma biss l-operaturi li għandhom l-awtorizzazzjoni biex jipprovdu netwerks jew servizzi tat-telefonija mobbli li huma proprjetarji ta’ piluni jew ta’ arbli tax-xandir meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tagħhom.

64.

Fl-aħħar nett, it-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm hija motivata minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, tista’ titqies li hija tariffa li għandha titħallas mill-operaturi bħala korrispettiv tal-possibbiltà offerta lilhom li jinstallaw, fuq proprjetajiet privati jew pubbliċi, strutturi meħtieġa għall-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li tirrigwarda l-aqwa użu ta’ riżorsi. Effettivament, din it-taxxa tapplika, skont l-Artikolu 1 tar-regolament dwar it-taxxa, għal strutturi “li ma setgħux jiġu installati fuq sit eżistenti (saqaf, knisja, ...)” ( 23 ). Kif irrilevat il-Kummissjoni, din it-taxxa b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-installazzjoni ta’ piluni u ta’ arbli fuq id-disponibbiltà tal-qasam pubbliku jew privat. It-taxxa inkwistjoni ġiet stabbilita biex tintaxxa kull faċilità li tkun tinsab fuq il-proprjetajiet pubbliċi jew privati u li tnaqqas, bl-istess mod, id-disponibbiltà tagħhom għal finijiet jew użi oħrajn. Dan b’hekk jiżgura l-aqwa użu tal-artijiet disponibbli.

65.

Fuq dan il-punt għandu jiġi ppreċiżat li l-użu li l-Istati Membri beħsiebhom jagħmlu minn dak id-dħul huwa irrilevanti ( 24 ). Bl-istess mod, bir-riskju li tiġi ppreġudikata l-effettività tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, il-motivi segwiti bl-istabbiliment ta’ ċerti taxxi ma għandhomx ikunu determinanti. Fil-każ kuntrarju, ikun hemm ir-riskju li l-Istati Membri jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli stipulati mid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, b’riferiment għall-għanijiet baġitarji jew ambjentali li huma jkunu beħsiebhom isegwu.

66.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li teżisti rabta diretta bejn l-għoti tad-dritt biex jiġu installati faċilitajiet fis-sens tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u t-taxxa inkwistjoni. Għalkemm huwa minnu, hekk kif semma l-belt ta’ Mons, li l-ħlas ta’ dik it-taxxa ma jikkostitwixxix kundizzjoni preliminari ta’ aċċess għas-suq tal-provvista ta’ servizzi u ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-operaturi li jixtiequ jsegwu l-użu tal-faċilitajiet li tagħhom huma proprjetarji fit-territorju ta’ dan il-belt huma responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa kull sena.

67.

Bħala konklużjoni, jidher li t-tariffa inkwistjoni hija imposta fuq l-operaturi ta’ netwerks u komunikazzjonijiet elettroniċi li jgawdu drittijiet mogħtija mill-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

68.

Għandu jiġi ppreċiżat li t-taxxa inkwistjoni tippreżenta karatteristiċi differenti mit-taxxa imposta mill-provinċja ta’ Antwerpen inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Belgacom u Mobistar (C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149).

69.

Infakkar li, biex tikkonkludi li t-taxxa inkwistjoni f’din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-imsemmija taxxa kienet dovuta minn kull persuna ġuridika rregolata mid-dritt Belġjan jew dak barrani, li jkollha installazzjoni li tinsab fit-territorju tal-provinċja ta’ Antwerpen li kienet użata jew irriżervata għall-użu tagħha, u dan irrispettivament min-natura tal-installazzjoni u tal-attività tal-persuni suġġetti għal dik it-taxxa. L-ammont ta’ din tal-aħħar kien jiddependi mis-superfiċje okkupat mill-installazzjonijiet. Il-persuni suġġetti għal dik it-taxxa b’hekk ma kinux biss l-operaturi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew dawk li jibbenefikaw minn drittijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ( 25 ).

70.

Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, it-taxxa tal-komun inkwistjoni ma hijiex taxxa ġenerali, fis-sens li ma tolqotx lil kull operatur ekonomiku li jkun suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji u li jkollu installazzjoni waħda jew iktar fit-territorju tal-komun, kemm jekk dawn ikunu jikkonsistu f’piluni u f’arbli intiżi biex isostnu d-diversi tipi ta’ antenni meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni mobbli jew superfiċji oħrajn, kif kien jipprevedi r-regolament dwar it-taxxa tal-provinċja ta’ Antwerpen.

71.

Effettivament, it-taxxa inkwistjoni f’din il-kawża ġiet stabbilita biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-okkupazzjoni ta’ parti minn territorju għad-dannu eventwali ta’ utenti oħrajn. Fi kliem ieħor, jekk jiġi stabbilit li t-taxxa inkwistjoni hija intiża biex tiżgura l-aqwa użu tar-riżorsi milquta mill-iffissar ta’ livell xieraq li jirrifletti l-valur ta’ dawn ir-riżorsi ( 26 ), din hija ta’ natura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

72.

Madankollu għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet finali għall-qari tas-sentenza mogħtija fil-kawża Belgacom u Mobistar (C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149).

73.

Fl-ewwel lok, id-determinazzjoni tal-kwistjoni jekk it-taxxa inkwistjoni taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva Awtorizzazzjoni ma tistax tiġi ristretta għal eżami purament formali tat-termini użati, mil-leġiżlatur jew mill-awtorità regolatorja kompetenti fil-livell nazzjonali, sabiex tiġi indikata t-taxxa inkwistjoni. Fil-fatt, huwa biżżejjed għall-awtoritajiet nazzjonali li jindikaw taxxa f’termini li jkunu qrib dawk adottati mill-kunsill tal-provinċja ta’ Antwerpen fil-formulazzjoni tar-regolamenti-taxxi inkwistjoni f’dik il-kawża biex jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, u dan minkejja li jidher li, b’mod konkret, essenzjalment huma responsabbli għall-ħlas tat-taxxa inkwistjoni l-operaturi ta’ netwerks u ta’ komunikazzjonijiet tat-telefonija mobbli, li huma koperti minn awtorizzazzjonijiet ta’ operat, u li jixtiequ jinstallaw faċilitajiet fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom.

74.

Issa, jidhirli li fl-ipoteżi fejn jirriżulta li, minkejja l-ġeneralità tat-termini użati sabiex tiġi indikata taxxa, il-persuni suġġetti għal dik it-taxxa jkunu biss, in concreto, l-operaturi li jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew dawk li jibbenefikaw mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l-imsemmija taxxa għandha titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

75.

Fit-tieni lok, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjoni tiegħi li l-impożizzjoni ta’ tariffi bħal dik li hija s-suġġett tal-proċedura prinċipali tabilħaqq taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, hekk kif indikajt qabel (ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ikollu jiġi ddeterminat ukoll jekk tali taxxa hijiex ta’ tali natura li tikkomprometti l-effettività tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

76.

Għad fadalli niddetermina sa fejn it-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

2. It-taxxa inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni?

77.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-konklużjoni li t-taxxa inkwistjoni tabilħaqq taqa’ taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u ladarba jiġi stabbilit li t-tariffa għandha bħala għan li “jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi”, ikollu jiġi deċiż, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk din tissodisfax, minn naħa waħda, il-kundizzjoni li tgħid li l-għan tagħha għandu jkun li “jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi”, u min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li t-tariffi għandhom ikunu “oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom”. Għandu jiġi ppreċiżat li dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi.

78.

Għalkemm huwa ċar li dan huwa l-kompitu esklużiv tal-qorti tar-rinviju, għandhom isiru xi preċiżazzjonijiet dwar is-sens ta’ dawn ir-rekwiżiti.

79.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan segwit permezz tal-impożizzjoni tat-taxxa inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk, indipendentement mill-għan ċar ta’ natura baġitarja segwita mir-regolament dwar it-taxxa ( 27 ), ġiet ikkunsidrata debitament il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu tal-faċilitajiet.

80.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-karatteristiċi li għandha tippreżenta t-taxxa inkwistjoni, hemm lok, l-ewwel nett, li tiġi eżaminata n-natura oġġettivament iġġustifikata tat-tariffa. Fuq dan il-punt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-ammont tat-tariffa huwiex marbut mal-intensità tal-użu tar-“riżorsa rari” u mal-valur attwali u futur ta’ dak l-użu. Din l-evalwazzjoni teħtieġ li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u teknoloġika tas-suq ikkonċernat ( 28 ). F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li l-imsemmija tariffa ġiet ikkalkolata abbażi tal-parametri marbuta man-neċessità li jiġi żgurat l-aqwa użu tar-riżorsi, bħall-intensità, it-tul ta’ żmien u l-valur tal-użu mill-impriża tal-proprjetà kkonċernata jew ta’ użi oħra ta’ dawn il-proprjetajiet ( 29 ). Mingħajr ma rrid nindaħal fl-evalwazzjoni definittiva li ser tiġi adottata fil-kawża prinċipali, jidhirli li tali eżami ma sarx. Lanqas ma ġie allegat, li l-ammont tat-taxxa inkwistjoni, li hija fil-forma ta’ somma f’daqqa, ġie ffissat abbażi ta’ kriterji marbuta mal-intensità tal-użu tar-riżorsi jew mal-valur ta’ dak l-użu.

81.

Sussegwentement, fir-rigward tat-trasparenza tat-tariffa, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura ruħha li t-taxxa ġiet iffissata b’mod ċar u li jinftiehem permezz ta’ att aċċessibbli. Dik il-kundizzjoni, li barra minn hekk ma ġietx diskussa, tidher li ġiet issodisfatta f’dan il-każ.

82.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżami tan-natura proporzjonali tat-tariffa inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li t-tariffa ġiet iffissata f’livell xieraq, meta titqies in-neċessità li jiġi żgurat l-użu ta’ riżorsi rari. F’dan il-każ ukoll, mingħajr ma rrid nantiċipa l-evalwazzjoni li ser issir mill-qorti tar-rinviju, nibża’ li n-natura proporzjonali tat-taxxa hija nieqsa, meta titqies in-natura tagħha li hija purament fil-forma ta’ somma f’daqqa.

83.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi vverifikat li t-tariffa ġiet iffissata b’mod mhux diskriminatorju, jiġifieri din ma twassalx biex sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti. B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-operaturi ta’ netwerks u ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, humiex suġġetti għal oneru finanzjarju tal-istess livell.

IV – Konklużjoni

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari tal-Qorti tal-Appell ta’ Mons:

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda tariffa speċifika li l-fatt taxxabbli tagħha jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ faċilitajiet fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħal piluni u arbli neċessarji għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u li għalihom huma suġġetti l-operaturi tal-imsemmija servizzi u netwerks koperti minn awtorizzazzjoni li jkunu proprjetarji ta’ dawk il-faċilitajiet.

Sabiex tkun awtorizzata, tali tariffa għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat l-aqwa użu tal-faċilitajiet u għandha tkun iġġustifikata oġġettivament, trasparenti, mhux diskriminatorja u proporzjonata. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura ruħha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami u meta jitqiesu l-elementi oġġettivi mressqa quddiemha, li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

( 3 )   Sentenza Vodafone España u France Telecom España (C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:446, punt 39).

( 4 )   Xhieda ta’ dan huma mhux biss l-għadd kbir ta’ deċiżjonijiet adottati mill-qrati amministrattivi u ġudizzjarji Belġjani dwar dan is-suġġett, iżda wkoll il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari l-kawżi Belgacom (C‑454/03) u Belgacom (C‑517/13), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 5 )   Hemm lok li jiġi osservat li, b’mod konkomitanti mal-kawżi dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana ġiet adita b’ċertu numru ta’ rikorsi, attwalment pendenti, li jqajmu kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti biex jadottaw it-taxxi inkwistjoni. Għandu jiġi enfasizzat ukoll f’dan il-kuntest li l-istess Qorti Kostituzzjonali diġà tat deċiżjoni, fis-sentenza Nru 189/2011 tal-15 ta’ Diċembru 2011 (Moniteur belge, 7 ta’ Marzu 2012, p. 14181), dwar il-kostituzzjonalità tal-imsemmija taxxi. Dik il-ġurisprudenza ġiet invokata mill-Qorti ta’ Kassazzjoni Belġjana fis-sentenzi mogħtija fit-30 ta’ Marzu 2012.

( 6 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15).

( 7 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Kwadru”).

( 8 )   Għal ħarsa lejn il-kwistjonijiet finanzjarji lokali, isir riferiment b’mod partikolari għad-diversi studji ppubblikati fir-Revue de fiscalité régionale et locale, 2014/2, p. 93 sa 106.

( 9 )   Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza Vodafone España u France Telecom España (C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:446, punt 28), kif kull għar-riferiment li sar f’din is-sentenza għas-sentenzi Nuova società di telecomunicazioni (C‑339/04, EU:C:2006:490, punt 35) u Telefónica Móviles España (C‑85/10, EU:C:2011:141, punt 21).

( 10 )   C‑292/01 u C‑293/01, EU:C:2003:480. Skont il-punt 42 ta’ din is-sentenza, “id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/13[…] jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jimponu fuq l-impriżi li jkunu detenturi ta’ liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, għas-sempliċi fatt li huma jkollhom dawk il-liċenzji, oneri finanzjarji, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jkunu differenti minn dawk awtorizzati mill-imsemmija direttiva u li jkunu marbuta ma’ dawn tal-aħħar”.

( 11 )   Sentenza Vodafone España u France Telecom España (C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:446, punti 28 u 29).

( 12 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑485/11, EU:C:2013:427).

( 13 )   Sentenza Vodafone Malta u Mobisle Communications (C‑71/12, EU:C:2013:431).

( 14 )   C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punti 34 u 35.

( 15 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi magħquda Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:203, punt 14).

( 16 )   Direttiva tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 192, p. 10), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/2/KE tas-16 ta’ Jannar 1996 (ĠU L 20, p. 59).

( 17 )   Sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 37).

( 18 )   C‑485/11, EU:C:2013:427, punti 31 u 34.

( 19 )   C‑71/12, EU:C:2013:431, punti 24 u 25.

( 20 )   Ara s-sentenza Belgacom et (C‑375/11, EU:C:2013:185, punt 39).

( 21 )   C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:162, punti 47 sa 49 u 73.

( 22 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Belgacom u Mobistar (C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 33) kif ukoll Vodafone España u France Telecom España, (C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:446, punt 32).

( 23 )   Enfasi magħmula minni.

( 24 )   Fuq il-kwistjoni tal-użu tal-prodott tat-tariffa, ara b’analoġija s-sentenza Telefónica Móviles España (C‑85/10, EU:C:2011:141, punt 25).

( 25 )   Sentenza Belgacom u Mobistar (C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 36).

( 26 )   Ara, fuq dan il-punt, is-sentenza Belgacom et (C‑375/11, EU:C:2013:185, punt 51).

( 27 )   L-espożizzjoni tal-motivi tar-regolament dwar it-taxxa fil-fatt tindika li “hemm lok li jiġu mħarsa l-finanzi komunali”.

( 28 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Belgacom et (C‑375/11, EU:C:2013:185, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Vodafone España u France Telecom España (C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:162, punt 77).

Top