Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0222

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 12 ta' Ġunju 2014.
TDC A/S vs Erhvervsstyrelsen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Teleklagenævnet - id-Danimarka.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2022/22/KE - Artikolu 32 - Servizzi addizzjonali obbligatorji - Mekkaniżmu ta’ kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi - Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE - Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-222/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:1979

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2014 ( 1 )

Kawża C‑222/13

TDC A/S

vs

Erhvervsstyrelsen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Teleklagenævnet (id‑Danimarka)]

“Ammissibbiltà tad-domanda preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Indipendenza tal-organu tar-rinviju — Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Servizz universali u drittijiet tal-utenti — Direttiva 2002/22/KE — Provvista mill-fornitur tas-servizz universali ta’ servizzi addizzjonali obbligatorji fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva — Finanzjament tas-servizzi addizzjonali obbligatorji — Kalkolu tal-ispiża netta — Determinazzjoni tal-oneru mhux iġġustifikat”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, it-Teleklagenævnet (id-Danimarka) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-modalitajiet ta’ finanzjament ta’ servizz addizzjonali obbligatorju pprovdut abbażi tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22/KE ( 2 ) mill-impriża fornitriċi tas-servizz universali.

2. 

Id-Direttiva “Servizz Universali” hija intiża sabiex toħloq qafas leġiżlattiv armonizzat li għandu jiggarantixxi, fl-Unjoni Ewropea kollha, aċċess tajjeb għal but ta’ kulħadd għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet bażiċi u ta’ kwalità tajba ( 3 ). Dawk is-servizzi huma ddeterminati espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva. Fil-każ li dawn huma pprovduti bi prezz differenti minn dak iffissat f’kundizzjonijiet normali tal-kummerċ, l-impriża fornitriċi tas-servizz universali tingħata kumpens mill-Istat Membru permezz ta’ finanzjament pubbliku jew mill-impriżi tas-settur permezz ta’ fond settorjali.

3. 

B’mod konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mill-perimetru ristrett tas-servizz universali u tas-servizzi addizzjonali tiegħu ( 4 ), billi jirrendu “servizzi addizzjonali obbligatorji” aċċessibbli u tajjeb għal but ta’ kulħadd jekk is-suq ma jissodisfax l-eżiġenzi tal-utenti finali.

4. 

L-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li l-portata tiegħu għandha tiġi interpretata f’din il-kawża, jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu servizzi addizzjonali, barra minn servizzi fl-obbligi ta’ servizz universali kif definiti fil-Kapitolu II, pubblikament disponibbli fit-territorju tagħhom stess iżda, f’dawk iċ-ċirkostanzi, ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi ma jista’ jiġi mpost.”

5. 

Dik id-dispożizzjoni tħalli diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri fir-rigward tas-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti fit-territorju tagħhom bħala “servizz addizzjonali obbligatorju”. F’din il-kawża, ir-Renju tad-Danimarka b’hekk inkariga lil TDC A/S (iktar ’il quddiem “TDC”), l-operatur prinċipali Daniż fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, sabiex tiżgura servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima bir-radju fit-territorju nazzjonali tiegħu kif ukoll fil-Groenlandja. Dawn is-servizzi bir-radju huma pprovduti b’xejn lill-bastimenti kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, u jippermettu lil dawn tal-aħħar li jitolbu għajnuna meta jiltaqgħu ma’ problemi ( 5 ).

6. 

Madankollu, għall-kuntrarju tar-regoli dwar l-għoti ta’ kumpens lill-fornituri tas-servizz universali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru għandu jagħti kumpens lill-impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju. Għalkemm huwa jeskludi espressament il-finanzjament settorjali, għall-kuntrarju huwa ma jippreċiżax sa fejn l-Istati Membri huma obbligati li jagħtu kumpens għall-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju u b’liema mod huma obbligati li jikkalkolaw l-ispejjeż relatati ma’ dik il-provvista għall-finijiet ta’ finanzjament pubbliku.

7. 

Fil-kawża prinċipali, l-organu kompetenti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ( 6 ) b’hekk irrifjuta li jagħti kumpens lil TDC għall-ispejjeż relatati mal-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima inkwistjoni għas-sena 2010. Dak l-organu effettivament ikkunsidra li, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli sal-31 ta’ Marzu 2012, TDC ma kellha dritt għal ebda kumpens fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għal dan is-servizz addizzjonali obbligatorju peress li globalment kienet tagħmel profitt abbażi tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali u tas-servizzi addizzjonali obbligatorji meħuda flimkien ( 7 ). Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fil-prattika, l-ispejjeż relatati mas-servizzi ta’ sigurtà inkwistjoni jitilgħu għal madwar 60000000 kroner Daniż (DKK) fis-sena (jew madwar EUR 8 036 000), li minnhom kważi n-nofs kienu relatati mal-provvista ta’ dawk is-servizzi fil-Groenlandja.

8. 

Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiemha, il-qorti tar-rinviju qajmet domandi dwar il-prinċipji u r-regoli li jirregolaw il-finanzjament ta’ dan is-servizz addizzjonali obbligatorju fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, it-Teleklagenævnet iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)

Id-[Direttiva ‘Servizz Universali’] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha jipprekludu lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li impriża ma għandhiex dritt għall-irkupru speċifiku mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali li ma jaqax taħt il-Kapitolu II [ta’ din id-d]irettiva, meta l-profitti magħmula mill-impriża għal servizzi oħrajn li jagħmlu parti mill-obbligi tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jkunu ogħla mit-telf marbut mal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali?

2)

Id-Direttiva ‘Servizz Universali’ tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-impriżi għandhom dritt għall-irkupru mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II ta’ [din id-d]irettiva biss jekk l-ispiża netta tikkostitwixxi oneru mhux ġustifikat għall-impriżi inkwistjoni?

3)

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li l-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali li ma jaqax taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva [‘Servizz Universali’] ma tinvolvix oneru mhux ġustifikat meta l-impriża tkun għamlet, globalment, profitt fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi kollha li għalihom hija għandha obbligu ta’ servizz universali, u b’mod partikolari fil-provvista tas-servizzi li l-impriża kienet xorta tagħti kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali?

4)

Id-Direttiva ‘Servizz Universali’ tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-ispiża netta sostnuta minn impriża inkarigata fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II ta’ [dik] id-Direttiva hija kkalkolata abbażi tad-dħul u tal-ispejjeż kollha li huma marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, u b’mod partikolari tad-dħul u tal-ispejjeż li l-impriża kienet tagħmel xorta waħda kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali?

5)

Ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domandi hija affettwata mill-fatt li l-ġestjoni ta’ servizz obbligatorju addizzjonali għandha tiġi pprovduta fil-Groenlandja li, skont l-Anness II tat-TFUE, huwa pajjiż jew territorju extra-Ewropew [(iktar ’il quddiem ‘PTEE’)], meta din il-ġestjoni tiġi fdata minn awtoritajiet Daniżi lil impriża stabbilita fid-Danimarka u din l-impriża ma jkollhiex attivitajiet oħra fil-Groenlandja?

6)

X’inhuwa l-effett tal-Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2012/21/UE] tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ( 8 ) fuq ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domandi?

7)

X’inhuwa l-effett tal-prinċipju ta’ distorsjoni minima fil-kompetizzjoni, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikoli 1(2), 3(2) u fil-premessi 4, 18, 23 u 26, kif ukoll fil-Parti B tal-Anness IV, tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ fuq ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domandi?

8)

Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ jipprekludu s-sistemi legali nazzjonali msemmija fid-domandi 1, 2 u 4, dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn ir-restrizzjonijiet għandhom effett dirett?”

9. 

Fil-kawża li ser neżamina, hemm dubji serji b’mod partikolari dwar l-indipendenza tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-membri li jifformaw l-organu tar-rinviju inkwantu dawn tal-aħħar, li jinħatru u jitneħħew mill-kariga mill-ministru kompetenti, ma għandhom, b’mod partikolari, ebda garanzija partikolari dwar it-tneħħija tagħhom mill-kariga bl-eċċezzjoni ta’ dawk previsti mid-dritt industrijali.

I – Id-dritt tal-Unjoni

A – Id-Direttiva ‘Servizz Universali

10.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva “Servizz Universali” hija intiża sabiex tiżgura d-disponibbiltà, fl-Unjoni kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ kompetizzjoni u ta’ għażla effettivi kif ukoll sabiex tindirizza l-każijiet fejn il-bżonnijiet tal-utenti finali ma jkunux issodisfatti b’mod korrett mis-suq. Għal dan il-għan, hija tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti tal-impriżi li jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

11.

B’mod konformi mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-approċċ l-iktar effikaċi u adattat sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tas-servizz universali, b’osservanza tal-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ trasparenza, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, huma għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b’mod partikolari l-provvista ta’ servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal kundizzjonijiet li huma differenti mill-kundizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.

12.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali huwa ppreċiżat fl-Artikoli 4 sa 7 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Dan jinkludi konnessjoni f’post fiss ma’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti finali ta’ servizzi kompleti ta’ konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefon u ta’ direttorju. Dan jinkludi wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ telefons pubbliċi bi ħlas, li jippermettu, b’mod partikolari, li jsiru telefonati ta’ urġenza kif ukoll miżuri partikolari li jiżguraw lill-utenti b’diżabilità aċċess għal dawk is-servizzi.

13.

Il-finanzjament tal-ispiża relatata mal-provvista tas-servizz universali huwa rregolat ukoll fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

14.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva “Servizz Universali”, bit-titolu “Stima ta’ l-ispejjeż ta’ obbligi ta’ servizz universali”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Fejn l-[ARN] jqiesu li forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista’ jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu.

Għal dak l-iskop, l-[ARN]:

(a)

jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali, waqt li jieħdu kont ta’ xi benefiċċju tas-suq li jinġema għal impriża maħtura biex tipprovdi servizz universali, skond l-Anness IV, Taqsima A; jew

(b)

jagħmlu użu ta’ l-ispejjeż netti għall-forniment tas-servizz universali identifikat minn mekkaniżmu magħżul skond l-Artikolu 8(2).”

15.

It-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva “Servizz Universali” tiddeskrivi l-mod li bih l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kkalkolata.

16.

L-Artikolu 13(1) u (2) ta’ dik id-direttiva jistabbilixxi r-regoli ta’ finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali. Dik id-dispożizzjoni tippreċiża dan li ġej:

“1.   Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-[ARN] jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:

a)

li jintroduċu mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi; u/jew

b)

jaqsmu l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.   Fejn l-ispiża netta tinqasam taħt il-paragrafu 1(b), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ tqassim amministrat mill-[ARN] jew korp indipendenti minn dawk il-benefiċjarji taħt is-sorveljanza ta’ l-[ARN].

L-ispiża netta biss, kif stabbilita taħt l-Artikolu 12, ta’ l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 tista’ tiġi ffinanzjata.”

17.

L-Istati Membri b’hekk jistgħu jagħtu kumpens lill-fornitur minn fondi pubbliċi. Huma jistgħu wkoll jaqsmu l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali bejn l-operaturi kollha tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jipprovdu servizzi fit-territorju tiegħu billi jiġi stabbilit fond settorjali. Dawn ir-regoli huma ppreċiżati fil-premessi 21 sa 23 kif ukoll fil-Parti B tal-Anness IV tad-Direttiva “Servizz Universali”.

18.

Finalment, l-Artikolu 32 ta’ dik id-direttiva, bit-titolu “Servizzi addizzjonali obbligatorji”, li f’din il-kawża għandi ninterpreta l-kliem użat fih, jipprovdi skont kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu servizzi addizzjonali, barra minn servizzi fl-obbligi ta’ servizz universali kif definiti fil-Kapitolu II, pubblikament disponibbli fit-territorju tagħhom stess iżda, f’dawk iċ-ċirkostanzi, ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi ma jista’ jiġi mpost.”

B – Id-Direttiva 2002/77/KE

19.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/77/KE ( 9 ), bit-titolu “Obbligi tas-servizz universali”, jippreċiża fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Kull skema nazzjonali skond id-Direttiva 2002/22/KE, li sservi biex taqsam in-nefqa netta tal-provvista ta’ l-obbligi ta’ servizz universali għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, traparenti u mhux diskriminatorji u għandha tkun konsistenti mal-prinċipji tal-proporzjonalita’ u mill-anqas tfixkil fis-suq. Partikolarment, meta obbligi tas-servizz universali huma imposti kollha jew parzjalment fuq l-impriżi pubbliċi li jipprovdu servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, dan għandu jittieħed in konsiderazzjoni biex tinħadem kull konribuzzjoni tan-nefq netta ta’ l-obbligi tas-servizz universali.”

II – L-analiżi tiegħi dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tqum fid-dawl tal-identità tal-organu tar-rinviju.

21.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Teleklagenævnet tagħti r-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex titqies li hija “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u sabiex b’hekk tkun tista’ tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

22.

Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha xi dubji dwar dan is-suġġett. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant talbet lill-Gvern Daniż sabiex jippreċiża r-regoli dwar l-attività tat-Teleklagenævnet u, b’mod partikolari, dawk li jiggarantixxu l-indipendenza tagħha kif ukoll dawk dwar in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha. Fl-ispjegazzjonijiet li ta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Daniż isostni li t-Teleklagenævnet kienet tissodisfa kriterji kollha ffissati mill-ġurisprudenza sabiex tiġi kkwalifikata bħala “qorti jew tribunal” u li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari li sarulha minn dak l-organu.

23.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar il-kwalifika tal-organu tar-rinviju taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni. Sabiex jiġi evalwat jekk dan jaqax taħt il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni għadd sħiħ ta’ elementi, bħall-oriġini legali tal-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni minn dak l-organu tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 10 ).

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tevalwa l-kwalifika ta’ dak l-organu fir-rigward tal-kriterji kemm strutturali kif ukoll funzjonali, billi tieħu ħsieb li tpoġġi ruħha fil-kuntest regolatorju partikolari li fih dan l-organu huwa mitlub iressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika in concreto n-natura speċifika tal-funzjonijiet li jeżerċita l-organu tar- rinviju. B’hekk, organu nazzjonali wieħed jista’ jkun ikkwalifikat kemm bħala “qorti jew tribunal” kif ukoll bħala “amministrazzjoni” skont jekk f’każ partikolari jkunx qed jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji jew ikunx qed iwettaq ħidmiet amministrattivi ( 12 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti attenzjoni partikolari għall-punt dwar jekk ikunx hemm tilwima pendenti quddiem l-organu tar-rinviju u jekk dan ikunx meħtieġ li jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 13 ).

25.

Issa ser nagħti r-raġunijiet għalfejn jidhirli li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, it-Teleklagenævnet ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

26.

Ċertament, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kundizzjonijiet stipulati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-oriġini legali tal-organu tar-rinviju, in-natura permanenti tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali huma ssodisfatti.

27.

Fil-fatt, it-Teleklagenævnet hija organu pubbliku permanenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim li ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 68(1) tal-Liġi Nru 169 dwar in-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (lov nr. 169 om elektroniske kommunikationsnet og -tjenester), tat-3 ta’ Marzu 2011 ( 14 ). L-oriġini legali ta’ dan l-organu b’hekk ma tistax tiġi kkontestata. Il-modalitajiet tal-funzjonament tiegħu huma ffissati bir-Regolament Nru 383 dwar l-attività tat-Teleklagenævnet (bekendtgørelse nr. 383 om teleklagenævnets virksomhed), tal-21 ta’ April 2011 ( 15 ).

28.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 70(1) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, dak l-organu jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-bażi ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali, jiġifieri l-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet.

29.

Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-proċedura quddiem it-Teleklagenævnet hija purament bil-miktub, iżda li dak l-organu jiżgura li l-partijiet jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’mod konformi mal-prinċipju tal-kontradittorju.

30.

Min-naħa l-oħra, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu u l-indipendenza tal-membri tiegħu jistgħu jqajmu xi riżervi.

A – In-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tat-Teleklagenævnet

31.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dorsch Consult (EU:C:1997:413), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kunċett ta’ ġurisdizzjoni obbligatorja. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dak il-kunċett ikopri żewġ realtajiet. Ġurisdizzjoni tkun “obbligatorja” fl-ipoteżi fejn, fl-ewwel lok, l-organu tar-rinviju joffri, fir-realtà, l-uniku mezz ta’ rikors possibbli u, fit-tieni lok, dak l-organu jagħti deċiżjonijiet li għandhom saħħa vinkolanti ( 16 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn tagħti delimitazzjoni ċara u netta li kienet ippermettiet li tingħata preferenza lil xi possibbiltà jew oħra ta’ interpretazzjoni.

32.

F’din il-kawża, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tat-Teleklagenævnet, inkwantu t-tressiq ta’ kawża quddiem dan l-organu ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ rikors possibbli, billi l-operatur ikkonċernat huwa liberu li jippreżenta direttament rikors quddiem il-qrati ordinarji.

33.

Fl-ewwel lok, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, jidhirli li l-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet stabbilixxiet żewġ proċeduri alternattivi li jippermettu lil operatur ekonomiku li, bl-istess mod bħal TDC, jidhirlu li kien hemm ksur tad-drittijiet tiegħu li jikkontesta deċiżjoni mogħtija mill-awtorità amministrattiva inkarigata mis-sorveljanza tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, jiġifieri l-Erhvervsstyrelsen, li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Impriża u għat-Tkabbir Ekonomiku. L-operatur ekonomiku huwa fil-fatt liberu li jippreżenta rikors jew quddiem it-Teleklagenævnet (li taqa’ taħt il-Ministeru għar-Riċerka, għall-Innovazzjoni u għall-Edukazzjoni ogħla), jew direttament quddiem il-qrati ta’ ġurisdizzjoni komuni ( 17 ).

34.

Għall-kuntrarju tal-kawża li wasslet għas-sentenza Belov (EU:C:2013:48), jidher li dawn iż-żewġ proċeduri ma humiex awtonomi. Fil-fatt, kif ippreċiża l-Gvern Daniż fir-risposta tiegħu bil-miktub għad-domandi indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja, la t-tressiq ta’ kawża quddiem il-qrati ta’ ġurisdizzjoni komuni u lanqas il-ftuħ ta’ proċedura ta’ arbitraġġ ma jipprekludu li r-rikors jiġi eżaminat mit-Teleklagenævnet ( 18 ). F’dik l-ipoteżi, il-Gvern Daniż jirrileva li, skont l-Artikolu 345 tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja (Retsplejeloven), il-qorti ta’ ġurisdizzjoni komuni b’hekk għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata d-deċiżjoni tat-Teleklagenævnet.

35.

Barra minn hekk, il-Gvern Daniż jindika li, fil-prattika, ma jidhirx li jeżistu każijiet fejn id-deċiżjonijiet tal-Erhvervsstyrelsen ġew ikkontestati direttament quddiem il-qrati ta’ ġurisdizzjoni komuni mingħajr ma tressqet kawża qabel quddiem it-Teleklagenævnet.

36.

Fit-tieni lok, u fl-ipoteżi fejn l-operatur ekonomiku kkonċernat jippreżenta rikors quddiem it-Teleklagenævnet, jirriżulta mill-Artikolu 71(2) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet li d-deċiżjonijiet tagħha huma vinkolanti għall-partijiet, sakemm huma ma jippreżentawx rikors quddiem il-qorti ġudizzjarja f’terminu ta’ tmien ġimgħat.

37.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 71(1) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, it-Teleklagenævnet tiddeċiedi b’mod definittiv dwar kwistjonijiet amministrattivi, u dawk id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati quddiem ebda awtorità amministrattiva oħra.

38.

Dawn l-elementi kollha ma jipprekludux, fil-fehma tiegħi, li jiġi rrikonoxxut li t-Teleklagenævnet għandha ġurisdizzjoni obbligatorja fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.

Il-kwistjoni tal-indipendenza ta’ dak l-organu, fejn fil-fehma tiegħi jinsabu d-diffikultajiet kollha, hija għal kollox differenti.

B – L-indipendenza tat-Teleklagenævnet

40.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-Teleklagenævnet ma tagħtix garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-indipendenza tagħha. Hija tirrileva, fil-fatt, li dak l-organu huwa marbut mal-istruttura organizzattiva tal-Ministeru għar-Riċerka, għall-Innovazzjoni u għall-Edukazzjoni ogħla, inkwantu dan tal-aħħar jipprovdi lit-Teleklagenævnet b’servizzi ta’ segretarjat, b’mod konformi mal-Artikolu 69(2) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet. Dik il-konstatazzjoni hija kkontestata mill-Gvern Daniż.

41.

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wilson ( 19 ), il-kunċett ta’ indipendenza huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni u jimplika qabel kollox li l-organu kkonċernat ikollu l-kwalità ta’ terz fil-konfront tal-awtorità li tkun adottat id-deċiżjoni li minnha qed isir appell ( 20 ).

42.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ indipendenza jikkonsisti f’żewġ aspetti.

43.

L-ewwel aspett huwa estern. Dan jissoponi li l-organu tar-rinviju jkun protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-membri tiegħu fir-rigward tat-tilwim imressaq quddiemhom ( 21 ). Dan jimplika li ċerti garanziji, bħall-impossibbiltà ta’ tneħħija, ikunu rrikonoxxuti fir-rigward ta’ dawk li jkollhom il-kompitu li jiddeċiedu.

44.

It-tieni aspett li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina fir-rigward tal-indipendenza tal-organu tar-rinviju huwa intern. Dan jgħaqqad il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha ( 22 ). Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima l-kawża lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali.

45.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-organu, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll fir-rigward tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u tat-tneħħija mill-kariga tal-membri tiegħu. Dawk ir-regoli għandhom jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-organu fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fil-konfront tal-interessi li jkollu quddiemu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-organu tar-rinviju tista’ tiġi ssodisfatta biss jekk il-każijiet ta’ tneħħija mill-kariga tal-membri li jifformaw dan l-organu jkunu ddeterminati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi ( 23 ).

46.

F’din il-kawża, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti u jeħtieġ li jiġi ammess li ebda wieħed mill-elementi pprovduti mill-Gvern Daniż fir-risposta tiegħu għad-domandi indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja u matul is-seduta ma ppermetta li jitneħħew id-dubji tiegħi dwar l-indipendenza tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-membri tat-Teleklagenævnet u dwar l-impermeabbiltà tagħha fir-rigward ta’ elementi esterni.

47.

Il-kompożizzjoni tat-Teleklagenævnet hija rregolata mill-Artikolu 68 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet.

48.

Jirriżulta mill-Artikolu 68(2) u (3) li t-Teleklagenævnet hija komposta minn ħames sa seba’ membri. Il-Gvern Daniż ikkonferma, matul is-seduta, li t-Teleklagenævnet b’hekk tista’ tkun komposta minn numru par ta’ membri, li fil-fatt huwa l-każ attwalment, u li, fil-każ ta’ pareġġ fil-voti, il-president ta’ dak l-organu jkollu vot deċiżiv b’mod konformi mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 383.

49.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li l-president jista’ jkollu vot deċiżiv jiġġustifika doppjament eżami approfondit tal-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu, kif ukoll ta’ dawk tal-kulleġġ ġudikanti li minnu jifforma parti ( 24 ). Fis-sentenza tagħha Grande Stevens et vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija f’Awla Manja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’hekk ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ dak l-eżami, il-mod li bih jinħatru l-membri tal-organu inkwistjoni, it-tul tal-mandat tagħhom, l-eżistenza ta’ protezzjoni kontra l-pressjonijiet esterni, l-imparzjalità tagħhom kemm suġġettiva kif ukoll oġġettiva u l-apparenza ta’ indipendenza.

50.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli li l-membri tat-Teleklagenævnet huma maħtura mill-Ministru tal-Impriża u tat-Tkabbir Ekonomiku. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 68(2) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, dan tal-aħħar għandu jiżgura li dan l-organu jkun kompost minn persuni li jkollhom mhux biss kwalifiki fl-oqsma tad-dritt, u b’mod partikolari tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-ekonomija u tal-kummerċ, iżda wkoll kompetenzi tekniċi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ( 25 ). Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 68(4) ta’ dik il-liġi li l-president tat-Teleklagenævnet għandu jkun ġurist. Skont dik l-istess dispożizzjoni, il-Ministru tal-Impriża u tat-Tkabbir Ekonomiku jista’ jaħtar, fost il-membri tiegħu, ġurist bħala viċi-president, li jista’ jissostitwixxi lill-president f’każ ta’ impediment jew ta’ rikuża.

51.

Fir-rigward tal-indipendenza tal-membri tat-Teleklagenævnet, il-Gvern Daniż jindika, fir-risposta tiegħu bil-miktub għad-domandi indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, b’mod konformi mal-Artikolu 69(3) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, it-Teleklagenævnet hija indipendenti, fir-rigward tal-funzjonament tagħha, minn kull istruzzjoni dwar it-trattament u l-eżitu ta’ kawża partikolari.

52.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tneħħija mill-kariga tal-membri li jifformaw dak l-organu, il-Gvern Daniż jippreċiża wkoll li t-“tneħħija mill-kariga tal-membri tat-Teleklagenævnet ma hijiex irregolata la mil-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet u lanqas mir-Regolament [Nru 383]”. Huwa madankollu jindika li dawn tal-aħħar huma maħtura għal perijodu ta’ erba’ snin u li huma “protetti kontra tneħħija mill-kariga arbitrarja u abużiva b’mod konformi mar-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali”. Matul is-seduta, il-Gvern Daniż barra minn hekk indika li s-setgħa ta’ tneħħija mill-kariga tinsab f’idejn l-istess persuna li għandha s-setgħa ta’ ħatra, jiġifieri l-Ministru tal-Impriża u tat-Tkabbir Ekonomiku. Il-Gvern Daniż madankollu enfasizza li, sa fejn huwa kien jaf, ma kienx hemm każijiet fejn membru tat-Teleklagenævnet tneħħa mill-kariga.

53.

Dawn l-elementi ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonvinċuni li l-membri tat-Teleklagenævnet ma humiex, permezz tal-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, suġġetti għal pressjoni esterna.

54.

Effettivament, ma teżisti ebda dispożizzjoni leġiżlattiva espressa li tiddetermina l-każijiet li fihom il-membri tat-Teleklagenævnet jistgħu jitneħħew mill-kariga jew il-ħatra tagħhom tista’ tiġi annullata. Barra minn hekk, il-garanziji intiżi sabiex jipproteġu lill-membri tal-qrati ta’ ġurisdizzjoni komuni ma humiex applikabbli għalihom b’analoġija.

55.

Għaldaqstant, il-membri tat-Teleklagenævnet, li huma barra minn hekk maħtura u mneħħija mill-kariga mill-istess awtorità, ma għandhom ebda garanzija partikolari fir-rigward tat-tneħħija mill-kariga tagħhom, ħlief għal dawk previsti mid-dritt ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex suffiċjenti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex it-tneħħija mill-kariga tagħhom għandha tkun prevista minn dispożizzjonijiet partikolari, li joħorġu mid-dritt komuni. Finalment, huwa evidenti li l-mandat tagħhom għal perijodu ta’ erba’ snin ma jistax jiggarantixxi l-impossibbiltà ta’ tneħħija tagħhom.

56.

Jidhirli li dawn l-elementi huma inaċċettabbli u ma jippermettux li jiġi rrikonoxxut li t-Teleklagenævnet għandha l-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, peress li dawn iċ-ċirkustanzi kollha għandhom tendenza li juru li dak l-organu iktar jixbah awtorità amministrattiva.

57.

F’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjonijiet tat-Teleklagenævnet jistgħu, b’mod konformi mal-Artikolu 71(2) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, ikunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati ġudizzjarji f’terminu ta’ tmien ġimgħat. L-eżistenza ta’ dak ir-rikors b’hekk tippermetti li jiġu ggarantiti l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u, f’dan il-każ, b’mod partikolari tad-Direttiva “Servizz Universali”, li l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat FUE hija intiża li tiżgura. Effettivament, skont il-kliem użat f’ġurisprudenza stabbilita, dawk il-qrati nazzjonali, b’mod konformi mal-Artikolu 267 TFUE, għandhom il-fakultà jew, jekk ikun il-każ, huma obbligati li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni tkun neċessarja sabiex jagħtu d-deċiżjoni tagħhom ( 26 ).

58.

Għaldaqstant jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari magħmula mit-Teleklagenævnet.

59.

B’hekk ser neżamina d-domandi preliminari li saru minn dak l-organu tar-rinviju biss fuq bażi sussidjarja u fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tiegħu.

III – L-eżami, fuq bażi sussidjarja, tad-domandi preliminari

60.

Id-domandi kollha li tagħmel it-Teleklagenævnet huma intiżi sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru huwa obbligat, b’mod konformi mal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li jħallas kumpens lil impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju.

61.

Għall-finijiet tal-analiżi tiegħi, ser neżamina dawn id-domandi f’ordni differenti minn dik ippreżentata mill-organu tar-rinviju.

62.

Ser nibda l-istudju tiegħi billi neżamina l-ħames domanda li, fil-fehma tiegħi, tqajjem kwistjoni preliminari, jiġifieri dik tal-effett tal-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz inkwistjoni fuq ir-risposti li għandhom jingħataw għall-ewwel u r-raba’ domandi.

63.

Sussegwentement, ser inkompli l-analiżi tiegħi bi studju tal-kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tad-Direttiva “Servizz Universali”.

64.

Fl-ewwel lok, ser nibda billi neżamina r-raba’ domanda dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali.

65.

Fit-tieni lok, ser neżamina l-kwistjonijiet relatati mal-modalitajiet ta’ finanzjament tas-servizzi addizzjonali obbligatorji. F’dan il-kuntest, ser neżamina flimkien l-ewwel, is-sitt u s-seba’ domandi, peress li kull waħda minn dawn tikkonċerna r-regoli bażiċi applikabbli għall-għoti u għall-kalkolu tal-kumpens dovut abbażi tal-provvista ta’ dawn is-servizzi. F’dik l-okkażjoni ser nirrispondi għat-tmien domanda dwar l-effett dirett tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Finalment, ser nanalizza t-tieni u t-tielet domandi, li jikkonċernaw iktar id-dettall innifsu tal-kalkolu ta’ dak il-kumpens.

A – Fuq il-ħames domanda, dwar l-istatus partikolari tal-Groenlandja

66.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, it-Teleklagenævnet tistaqsi dwar jekk il-fatt li TDC tipprovdi s-servizz addizzjonali obbligatorju inkwistjoni fil-Groenlandja jinfluwenzax ir-risposti li għandhom jingħataw għall-ewwel u r-raba’ domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

67.

Il-problema li tqum f’din il-kawża b’hekk tinsab fil-fatt li s-servizz ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima ma huwiex offrut unikament minn TDC fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni, iżda wkoll f’PTEE. Il-kwistjoni għaldaqstant hija jekk l-istatus partikolari li tgawdi minnu l-Groenlandja jimplikax li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta approċċ differenti minn dak li hija kienet tadotta kieku l-operatur kien jipprovdi dak is-servizz unikament fit-territorju tal-Istat Membru fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva “Servizz Universali”, minn naħa waħda, u rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, min-naħa l-oħra.

68.

Fl-ewwel lok, il-fatt li TDC tipprovdi s-servizz inkwistjoni fil-Groenlandja ma għandu ebda effett, fil-fehma tiegħi, fuq l-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal din il-kawża. Fil-fatt, il-finanzjament inkwistjoni jikkonċerna finanzjament pubbliku, li joriġina mir-riżorsi tar-Renju tad-Danimarka, u jibbenefika lil impriża Daniża stabbilita fit-territorju nazzjonali. Dan il-punt b’hekk ma jqajjem ebda diffikultà partikolari.

69.

Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva “Servizz Universali” hija għal kollox differenti. Sabiex tiġi indirizzata l-portata ta’ din il-kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati fil-qosor is-sitwazzjoni partikolari u l-istatus tal-Groenlandja fil-konfront tad-dritt tal-Unjoni.

70.

Il-PTEE, imsemmija fil-kuntest tal-Anness II tat-Trattat FUE u li minnhom tagħmel parti l-Groenlandja, huma “territorji” marbuta ma’ Stat Membru għal raġunijiet storiċi jew politiċi. Dawn ma jikkostitwixxux Stati sovrani mogħnija b’personalità ġuridika internazzjonali. F’dak li jirrigwarda l-Groenlandja, din tifforma parti integrali mir-Renju tad-Danimarka. Madankollu, hija tgawdi minn status ta’ awtonomija interna miksub fl-1 ta’ Mejju 1979 li jirrendiha “komunità distinta fi ħdan ir-Renju tad-Danimarka”, u li ġie msaħħaħ wara l-liġi dwar l-awtonomija tal-Groenlandja adottata mill-Parlament Daniż fl-20 ta’ Ġunju 2009.

71.

Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni ( 27 ), “għalkemm il-PTEE huma pajjiżi u territorji li għandhom rabtiet partikolari mal-[Unjoni], dawn madankollu ma jagħmlux parti minn din tal-aħħar” ( 28 ). It-Trattati, u b’mod partikolari l-Artikoli 52 TUE u 355(2) TFUE, b’hekk jagħtu lil dawk it-territorji status partikolari, ibbażat fuq arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni msejsa fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-PTEE. Dawn l-arranġamenti huma ddefiniti b’mod ġenerali fil-kuntest tar-raba’ parti tat-Trattat FUE, li tiġbor fi ħdanha l-Artikoli 198 TFUE sa 204 TFUE u, għal dak li jirrigwarda l-Groenlandja, fil-kuntest tal-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għall-Groenlandja, anness mat-Trattati UE u FUE.

72.

B’xorti ħażina, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk l-arranġamenti speċjali għall-assoċjazzjoni tal-PTEE joħolqux ordinament ġuridiku awtonomu u proprju li fih huma applikabbli biss l-Artikoli 198 TFUE sa 204 TFUE u l-atti adottati fuq il-bażi tagħhom jew jekk dawn l-arranġamenti jikkostitwixxux lex specialis, li tapplika f’każ ta’ neċessità, minflok ir-regoli ġenerali tat-Trattat FUE.

73.

Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-raba’ parti tat-Trattat FUE huma, fil-fatt, ifformulati b’mod ambigwu u barra minn hekk il-ġurisprudenza ma tagħtix risposta ċara. Dawk id-diffikultajiet ġew perfettament miġbura fil-qosor b’mod sew mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Prunus u Polonium ( 29 ). Wara li eżamina ż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ), l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón ikkunsidra li “l- klassifikazzjoni ta’ PTEE bħala Stat Membru jew Stat terz hija kwistjoni illi ma tippermettix risposta kategorika iżda għandha tigi eżaminata, każ b’każ, fid-dawl tal-qasam legali rilevanti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet illi għandhom jintlaħqu mill-arranġament speċjali ta’ assoċjazzjoni previst fil-Parti Erbgħa tat-[Trattat FUE]” ( 31 ).

74.

Jiena naqbel ma’ din l-analiżi. Fil-fatt jidhirli li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tad-dritt sekondarju tiegħu għandhom ikunu applikabbli għall-PTEE, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux issostitwiti minn regoli speċifiċi previsti fl-Artikoli 198 TFUE sa 204 TFUE jew sakemm dawn ma jikkompromettux l-għanijiet segwiti fil-kuntest tal-arranġamenti għal assoċjazzjoni.

75.

Fil-kawża prinċipali, huwa evidenti li l-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” tifforma parti mill-għanijiet tal-arranġamenti għal assoċjazzjoni konklużi mal-Groenlandja, għaliex din tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ dak it-territorju u tiffavorixxi l-interessi tal-abitanti tiegħu b’mod konformi mal-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 198 TFUE u 199 TFUE. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni speċifika prevista fil-kuntest tal-Artikoli 198 TFUE sa 203 TFUE jew fil-kuntest tal-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għall-Groenlandja, anness mat-Trattati UE u FUE, ma tipprekludi dik l-applikabbiltà.

76.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-impriża inkarigata mis-servizz addizzjonali obbligatorju msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” tipprovdi dak is-servizz mhux biss fit-territorju tal-Istat Membru, iżda wkoll fit-territorju ta’ PTEE ma jinfluwenzax l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva u lanqas l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

B – Fuq ir-raba’ domanda dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali

77.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, it-Teleklagenævnet tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva “Servizz Universali” tipprekludix li Stat Membru jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta sostnuta minn impriża fornitriċi tas-servizz universali, id-dħul u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, u b’mod partikolari dawk li l-impriża kienet tagħmel kieku ma kellhiex dawk l-obbligi.

78.

Ir-risposta għal din id-domanda tinsab fit-test innifsu tad-Direttiva “Servizz Universali”.

79.

Bħalma tipprovdi l-premessa 4 ta’ din id-direttiva, il-fatt li jiġi ggarantit servizz universali jista’ jwassal għall-provvista ta’ ċerti servizzi lil ċerti utenti finali bi prezzijiet differenti minn dawk li jirriżultaw minn kundizzjonijiet normali tas-suq. Din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, bħalma jirriżulta mill-premessa 18 tal-istess direttiva, li l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-finanzjament tal-ispiża netta relatata mal-obbligi ta’ servizz universali fil-każijiet fejn jintwera li dawn l-obbligi jistgħu biss jiġu ssodisfatti b’telf jew bi spiża netta li tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet normali tal-kummerċ.

80.

B’hekk, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-ARN għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta relatata mal-provvista tas-servizz universali meta huma jkun jidhrilhom li din tista’ tirrappreżenta spiża mhux iġġustifikata għall-impriża fornitriċi.

81.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa b’mod iddettaljat il-metodi ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” u ppreċiżahom fil-premessa 19 u fil-Parti A tal-Anness IV ta’ dik id-direttiva.

82.

Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva li l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kummerċjali li tista’ tikseb l-impriża fornitriċi.

83.

Sussegwentement, jirriżulta mill-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva “Servizz Universali” li l-ispiża netta tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispiża netta sostnuta mill-impriża meta hija tipprovdi servizz universali u meta hija ma tipprovdihx. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddikjara wkoll li l-Istati Membri b’hekk għandhom jiżguraw li jiġu stmati b’mod korrett l-ispejjeż li l-impriża kienet tevita kieku hija kellha l-għażla li ma tissodisfax l-obbligi ta’ servizz universali.

84.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża, finalment, li l-kalkolu tal-ispiża netta għandu jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-spejjeż u d-dħul, iżda wkoll il-vantaġġi intanġibbli li jirriżultaw mill-provvista tas-servizz universali ( 32 ).

85.

Għandu jingħad ukoll li, skont il-premessa 17 tad-Deċiżjoni tagħha 2012/21, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward tal-għoti ta’ kumpens lil impriża li tkun inkarigata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, l-ispiża netta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kellha tiġi kkalkolata jew fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ispiża sostnuta minħabba l-ġestjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”) u d-dħul magħmul minn dak is-servizz, jew inkella fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ispiża netta għall-impriża li tiżgura l-obbligu ta’ servizz pubbliku u l-ispiża netta jew il-qligħ tal-istess impriża li ma tiżgurax l-obbligu ta’ servizz pubbliku.

86.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena għaldaqstant tal-fehma li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali, id-dħul u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista ta’ dak is-servizz, u b’mod partikolari dawk li l-impriża kienet tagħmel kieku ma kinitx il-fornitriċi ta’ dak is-servizz.

C – Fuq l-ewwel, is-sitt u s-seba’ domandi, dwar ir-regoli u l-prinċipji applikabbli għall-għoti ta’ kumpens lil impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju

87.

L-ewwel, is-sitt u s-seba’ domandi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża r-regoli u l-prinċipji li jirregolaw il-finanzjament mill-Istat Membru tas-servizzi addizzjonali obbligatorji.

88.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, it-Teleklagenævnet tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta li jagħti kumpens lil impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju abbażi tal-fatt li l-ispiża ta’ dak is-servizz tkun koperta mill-qligħ li hija għamlet mill-obbligi tagħha ta’ servizz universali.

89.

Permezz tas-sitt domanda tagħha, it-Teleklagenævnet tistaqsi dwar l-effett fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti mhux biss fl-Artikoli 107(1) TFUE u 108(3) TFUE, iżda wkoll fid-Deċiżjoni 2012/21. Dik id-deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru huwa eżentat milli jinnotifika minn qabel lill-Kummissjoni għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ kumpens għal SIEĠ mogħti meta dak il-kumpens jista’ jitqies li huwa kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE.

90.

Bl-istess mod, it-Teleklagenævnet tistaqsi, permezz tas-seba’ domanda tagħha, dwar l-effett fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” tal-prinċipju ta’ distorsjoni minima tas-suq li fuqu jibbaża ruħu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dik id-direttiva ( 33 ).

91.

Ser neżamina flimkien dawn it-tliet domandi inkwantu r-regoli u l-prinċipji msemmija mit-Teleklagenævnet fis-sitt u s-seba’ domandi tiegħu ma jinfluwenzawx, iżda jirregolaw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva “Servizz Universali” u b’mod partikolari l-mekkaniżmi ta’ kumpens li għandhom jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-finanzjament tas-servizz universali u tas-servizzi addizzjonali obbligatorji.

92.

Għar-raġunijiet li ser nagħti, jiena tal-fehma li Stat Membru ma jistax, abbażi tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, jirrifjuta li jagħti kumpens lil impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju meta l-ispiża ta’ dak is-servizz tkun koperta mill-qligħ li hija tkun għamlet abbażi tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali.

93.

Bl-istess mod bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-iskemi ta’ kumpens previsti mid-Direttiva “Servizz Universali” dwar, minn naħa waħda, is-servizz universali u, min-naħa l-oħra, is-servizzi addizzjonali obbligatorji huma indipendenti minn xulxin u li l-ispejjeż netti li jintefqu għal kull wieħed minn dawn is-servizzi għandhom ikunu suġġetti għal kontabbiltà separata b’mod li jiġi ggarantit li d-dħul kollu magħmul fil-kuntest tas-servizz universali ma jkunx inkluż fil-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz addizzjonali obbligatorju u ma jikkundizzjonax l-għoti tal-kumpens dovut abbażi tal-provvista ta’ dak is-servizz.

94.

Huwa minnu li l-obbligu li tinżamm kontabbiltà separata ma ġiex previst espressament fil-kuntest tal-finanzjament tas-servizzi addizzjonali obbligatorji. Madankollu, dak ir-rekwiżit jirriżulta mill-prinċipji ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva “Servizz Universali” u mill-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

95.

Fl-ewwel lok, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” jimplikaw li l-impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju għandha tingħata kumpens. Ċertament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jippreċiżax b’mod iddettaljat il-prinċipji applikabbli għal dak l-għoti ta’ kumpens. Huwa sempliċement jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jittrasferixxu l-ispiża ta’ dak is-servizz fuq l-operaturi tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi preżenti fis-suq nazzjonali ( 34 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk jiggarantixxi li l-kontribuzzjonijiet li jħallsu l-atturi tas-suq ikunu marbuta direttament mal-provvista tas-servizz universali u ma jestendux għal attivitajiet relatati jew anċillari. L-għan tiegħu huwa li tiġi ggarantita distorsjoni minima tas-suq billi tiġi evitata l-impożizzjoni, permezz tal-istabbiliment ta’ fond settorjali, ta’ oneru finanzjarju sproporzjonat fuq l-operaturi tas-settur, u b’mod partikolari fuq l-operaturi l-ġodda ( 35 ). Ebda waħda mill-impriżi fis-settur, li fosthom tinsab l-impriża fornitriċi, ma għandha b’hekk tintalab tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ servizz addizzjonali obbligatorju.

96.

It-test tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” b’hekk jimplika li l-impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju ma jkollhiex għalfejn issostni l-ispiża marbuta mal-provvista ta’ dak is-servizz u tista’ tikseb mingħand l-Istat Membru kumpens għal dik l-ispiża.

97.

Il-kliem użat f’dik id-dispożizzjoni huwa, f’dak ir-rigward, preċiż biżżejjed u mingħajr kundizzjonijiet sabiex jitqies, fil-fehma tiegħi, li għandu effett dirett.

98.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li Stat Membru ma jistax jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li finalment hija intiża li ċċaħħad lil impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju mill-għoti ta’ kumpens.

99.

Fit-tieni lok, ir-regoli dwar il-finanzjament tas-servizz universali jimplikaw separazzjoni fil-kontabbiltà tal-attivitajiet li jaqgħu taħt is-servizz universali u dawk relatati ma’ tipi oħra ta’ servizzi li fosthom hemm is-servizzi addizzjonali obbligatorji. B’hekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni biss id-dħul magħmul mill-fornitur tas-servizz universali fil-kuntest tal-provvista ta’ dak is-servizz ( 36 ).

100.

Ir-rekwiżit ta’ separazzjoni tal-kontabbiltà jinsab fl-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2002/21. B’mod konformi ma’ dik id-dispożizzjoni, l-impriżi għandhom l-obbligu li jżommu kontabbiltà separata li tippermetti li jiġu identifikati l-elementi kollha tal-ispejjeż u tad-dħul marbuta mal-attivitajiet tagħhom assoċjati mal-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta huma jgawdu, barra minn hekk, minn drittijiet speċjali jew esklużivi għall-provvista ta’ servizzi f’setturi oħra fl-istess Stat Membru.

101.

Dak ir-rekwiżit ġie inkluż fil-kuntest tad-Direttiva “Servizz Universali” fir-rigward tal-provvista tas-servizz universali.

102.

Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikoli 12 sa 14 ta’ dik id-direttiva, li għandhom jinqraw fid-dawl tal-premessi 3, 18, 22 sa 25 u tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva, timplika li l-iskema ta’ kumpens tkun direttament relatata mal-ispiża netta ġġenerata mill-obbligi ta’ servizz universali, fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ikkonfermat fil-ġurisprudenza tagħha ( 37 ). B’hekk jirriżulta mill-premessi 3 u 18 tad-Direttiva “Servizz Universali” li l-Istati Membri huma obbligati li jikkumpensaw lill-impriżi magħżula għall-ispiża netta “speċifika[ment i]nvoluta” għall-provvista tas-servizz universali. L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji teħtieġ min-naħa tal-ARN li huma jistabbilixxu distinzjoni bejn, minn naħa waħda, l-ispiża netta marbuta mas-servizz universali u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ servizzi li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II ta’ dik id-direttiva, kemm jekk dawn ikunu servizzi addizzjonali obbligatorji kif ukoll jekk dawn ikunu servizzi kummerċjali. F’dak ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni barra minn hekk ipprovda għal modalitajiet ta’ finanzjament distinti skont in-natura tas-servizz, u b’hekk eskluda espressament il-finanzjament settorjali fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva ( 38 ).

103.

Ir-rekwiżit ta’ separazzjoni tal-kontabbiltà mhux biss jikkontribwixxi għat-trasparenza tal-proċedura ta’ finanzjament ( 39 ), iżda jippermetti wkoll li jiġi ggarantit li l-finanzjament tas-servizz universali jsir b’mezz newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni ( 40 ).

104.

Tali rekwiżit jiżgura wkoll, b’mod konformi mal-premessa 18 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li l-finanzjament tas-servizz universali u tas-servizzi addizzjonali obbligatorji josserva r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ( 41 ).

105.

Is-separazzjoni tal-kontabbiltà hija, fil-fatt, rekwiżit li jirregola l-għoti mill-Istati Membri ta’ kumpensi dovuti abbażi tal-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

106.

Il-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju, bl-istess mod bħas-servizz universali, taqa’ taħt servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE. Għalkemm is-servizzi addizzjonali obbligatorji ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “servizz universali” fis-sens tad-Direttiva “Servizz Universali”, xorta jibqa’ l-fatt li, min-natura u mill-għan tagħhom, dawn jindirizzaw l-istess preokkupazzjonijiet bħal dawk li jindirizza s-servizz universali u huma pprovduti taħt l-istess kundizzjonijiet ( 42 ). B’hekk il-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju spiss issir bi prezz li jkun differenti minn dak iffissat f’kundizzjonijiet normali tal-kummerċ.

107.

Il-kumpensi mogħtija mill-Istati Membri għall-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali huma suġġetti għall-osservanza tar-regoli ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE. Sabiex jiġi evitat li dawk il-kumpensi jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat” inkompatibbli mal-Artikolu 107(1) TFUE, l-intervent statali b’hekk għandu jissodisfa erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg ( 43 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma:

fl-ewwel lok, l-impriża benefiċjarja għandha tkun realment inkarigata sabitx twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku u dawk l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar;

fit-tieni lok, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan ikun jinkludi vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla mal-impriżi kompetituri;

fit-tielet lok, il-kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom sostnuti minħabba l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relatat u qligħ raġonevoli; u

fir-raba’ lok, il-livell ta’ kumpens għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija sew u mogħnija b’mod adegwat bil-mezzi meħtieġa, tkun sostniet meta l-impriża ma tkunx intgħażlet permezz ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

108.

Jekk dawn il-kriterji ma jkunux osservati u jekk il-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) TFUE jkunu ssodisfatti, il-kumpensi mħallsa mill-Istat Membru lill-impriża li tipprovdi s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali b’hekk ikunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 106 TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE.

109.

Il-Kummissjoni kkjarifikat kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ( 44 ). Fir-rigward tal-prinċipji li jirregolaw l-għoti u l-kalkolu ta’ kumpens, hija ppreċiżat fil-punt 56 ta’ dik il-komunikazzjoni li “[h]uma biss l-ispejjeż assoċjati direttament mal-forniment tal-SGEI li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dak il-kuntest” ( 45 ).

110.

Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tagħha 2012/21, li kull kumpens mogħti lil impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ kontabbiltà analitika li tippermetti li tiġi identifikata kull waħda mill-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni.

111.

Għandu jiġi osservat li dan ir-rekwiżit ta’ separazzjoni fil-kontabbiltà kien diġà jinsab fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi ( 46 ). B’mod konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/111, kull impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li tirċievi kumpens għal servizz pubbliku b’rabta ma’ dak is-servizz u li teżerċita attivitajiet oħrajn, għandha l-obbligu li żżomm kontijiet separati li jippermettu li l-prodotti kollha u l-ispejjeż kollha jiġu allokati għad-diversi attivitajiet ikkonċernati.

112.

F’dan il-każ, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-osservanza ta’ tali obbligu jippermetti, barra minn hekk, li jiġi ggarantit li l-impriża fornitriċi kemm tas-servizz universali kif ukoll tas-servizz addizzjonali obbligatorju ma tiġix ippenalizzata. Fil-fatt, dik is-separazzjoni fil-kontabbiltà tippermetti li jiġi evitat li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni darbtejn id-dħul li l-impriża tagħmel abbażi tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali, minn naħa waħda, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali u, għaldaqstant, tal-kumpens mogħti fuq dik il-bażi u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz addizzjonali obbligatorju u, konsegwentement, tal-għoti tal-kumpens imħallas abbażi tas-servizz addizzjonali obbligatorju. Tali prattika tippenalizza neċessarjament lill-impriża fornitriċi peress li din twassal sabiex hija jkollha tbati l-ispiża tas-servizz addizzjonali obbligatorju, u dan b’mod kuntrarju għall-kliem stess tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

113.

Kif ser naraw fil-kunsiderazzjonijiet segwenti, dan ma jeskludix, madankollu, li d-dħul magħmul fil-kuntest tal-obbligi tas-servizz universali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fi stadju ulterjuri, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura eċċessiva jew mhux iġġustifikata tal-oneru li l-impriża fornitriċi għandha.

114.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena b’hekk tal-fehma li l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Istat Membru li jiċħad it-talba għal kumpens imressqa minn impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju, abbażi tal-fatt li l-ispiża ta’ dak is-servizz hija koperta mill-qligħ li hija għamlet mill-obbligi tagħha ta’ servizz universali.

115.

Meta titqies ir-risposta li qed nipproponi li tingħata għal din id-domanda, issa jeħtieġ li neżamina t-tmien domanda magħmula mit-Teleklagenævnet.

D – Fuq it-tmien domanda, dwar l-effett dirett tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali

116.

Permezz tat-tmien domanda tagħha, it-Teleklagenævnet tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandux effett dirett.

117.

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta Stat Membru jastjeni milli jittrasponi direttiva fit-termini stabbiliti jew ma jittrasponihiex b’mod korrett, l-individwi jistgħu jinvokaw kontra dak l-Istat id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva li jidhru li huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed ( 47 ).

118.

F’din il-kawża, huwa minnu li l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” ma jippreċiżax ir-regoli għall-kalkolu li Stat Membru huwa obbligat li jadotta għall-finijiet tal-għoti ta’ kumpens lil impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju. F’dak ir-rigward u bla ħsara għall-osservanza tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri b’hekk għandhom marġni ta’ diskrezzjoni.

119.

Madankollu, l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” joħloq fir-rigward tal-impriża fornitriċi tas-servizz addizzjonali obbligatorju d-dritt li tikseb kumpens għall-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ dak is-servizz. Billi jeskludi l-finanzjament settorjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jġiegħlu lill-impriżi tas-settur li fosthom tinsab l-impriża fornitriċi jbatu l-ispiża ta’ dak is-servizz u jimponi kumpens pubbliku. Il-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni huwa, fil-fehma tiegħi, biżżejjed preċiż u mingħajr kundizzjonijiet sabiex din ikollha effett dirett f’dak ir-rigward.

120.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax jadotta metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż relatati mal-provvista tas-servizz addizzjonali obbligatorju li jwassal sabiex iċaħħad lill-impriża fornitriċi ta’ dak is-servizz mid-dritt li tingħata kumpens.

121.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, inkwantu jagħti lill-impriża fornitriċi tas-servizz addizzjonali obbligatorju d-dritt li tikseb kumpens għall-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ dak is-servizz, għandu effett dirett.

E – Fuq it-tieni u t-tielet domandi, dwar l-eżistenza ta ’ oneru mhux iġġustifikat li jagħti dritt għal kumpens

122.

L-aħħar żewġ domandi li ser nindirizza jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ oneru mhux iġġustifikat fir-rigward tal-impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju għall-finijiet tal-għoti ta’ kumpens.

123.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, it-Teleklagenævnet tistaqsi, fl-ewwel lok, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva “Servizz Universali” tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ tali kumpens għall-eżistenza ta’ oneru mhux iġġustifikat fir-rigward tal-impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju.

124.

Fl-ipoteżi li dik id-direttiva ma tipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, hija tistaqsi, permezz tat-tielet domanda tagħha, jekk għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura mhux iġġustifikata ta’ dak l-oneru, Stat Membru jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-qligħ li l-impriża fornitriċi tas-servizz addizzjonali obbligatorju tkun għamlet fil-kuntest tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali.

125.

Fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi tali leġiżlazzjoni.

126.

Fil-fatt, la jirriżulta mill-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tagħha li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiffissa huwa stess il-kundizzjonijiet li taħthom l-ARN għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju u l-kundizzjonijiet li taħthom huma jaslu li jikkunsidraw li dik il-provvista tista’ tirrappreżenta oneru mhux iġġustifikat għall-impriża fornitriċi.

127.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika, l-Istati Membri huma liberi, fil-fehma tiegħi, li jiffissaw il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom l-ispiża tas-servizz addizzjonali obbligatorju għandha tiġi kkalkolata u li abbażi tagħhom l-oneru li jirriżulta minn dan għall-impriża fornitriċi għandu jiġi ddeterminat, bil-kundizzjoni, madankollu, li huma josservaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif jirriżultaw mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (EU:C:2003:415), u b’mod partikolari l-prinċipji li jirregolaw l-għoti mill-Istati Membri ta’ kumpensi għal servizz pubbliku.

128.

Dawn tal-aħħar għalhekk huma liberi li jeżaminaw jekk l-impriża fornitriċi tas-servizz addizzjonali obbligatorju effettivament hijiex suġġetta għal oneru mhux iġġustifikat qabel ma jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kumpens minħabba l-ispejjeż sostnuti minn dik l-impriża.

129.

Din is-sistema hija dik li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa fil-kuntest tal-finanzjament tas-servizz universali fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

130.

Fil-fatt jirriżulta mill-premessa 21 tad-Direttiva “Servizz Universali” li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jorbot il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-ispejjeż netti kkawżati mill-provvista tas-servizz universali mal-eżistenza ta’ oneru eċċessiv għall-impriża.

131.

Sabiex jipproċedu għall-għoti tal-kumpens, l-Istati Membri b’hekk għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta li l-provvista ta’ dan is-servizz tirrappreżenta għal kull waħda mill-impriżi kkonċernati b’mod konformi mal-metodu ta’ kalkolu msemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva “Servizz Universali” u ppreċiżat fil-premessa 19 u fil-Parti A tal-Anness IV tagħha ( 48 ). Huwa biss meta tiġi ddeterminata din l-ispiża netta li l-Istati Membri jistgħu jevalwaw jekk l-impriża fornitriċi tas-servizz universali hijiex effettivament suġġetta għal oneru mhux iġġustifikat jew eċċessiv u li huma jistgħu b’hekk jiddeċiedu, fuq talba ta’ dik l-impriża, li jadottaw modalitajiet ta’ għoti ta’ kumpens minħabba dik l-ispiża.

132.

Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispiża netta tas-servizz universali ma tirrappreżentax neċessarjament oneru eċċessiv għall-impriżi kkonċernati kollha u l-ispiża netta relatata mal-provvista tas-servizz universali ma tagħtix awtomatikament dritt għal kumpens ( 49 ).

133.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ oneru eċċessiv jew mhux iġġustifikat fil-ġurisprudenza tagħha. Dan huwa l-oneru li, għal kull impriża kkonċernata, huwa ta’ natura eċċessiva fir-rigward tal-kapaċità tagħha li jkollha dak l-oneru meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tagħha, b’mod partikolari l-livell tat-tagħmir tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha kif ukoll is-sehem tagħha mis-suq ( 50 ).

134.

Meta obbligu ta’ servizz universali jkun jirrappreżenta oneru eċċessiv għal impriża, l-Istat Membru b’hekk ikun awtorizzat li jagħtiha kumpens permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kopertura jew ta’ kumpens tal-ispejjeż. Peress li dak il-kumpens jinvolvi trasferimenti ta’ fondi, l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu li dawn isiru b’mod oġġettiv u trasparenti, b’osservanza tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u b’mod li jkun hemm l-inqas distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni u tad-domanda.

135.

Ma nara ebda raġuni li tista’ tipprekludi li Stat Membru japplika b’analoġija dawk id-dispożizzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kumpens imħallas abbażi tal-provvista ta’ servizzi addizzjonali obbligatorji. Anzi għall-kuntrarju. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “Servizz Universali” huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ oġġettività, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità ( 51 ), li fuqhom huwa bbażat il-finanzjament. Huma jindirizzaw ukoll il-preokkupazzjonijiet espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (EU:C:2003:415) u jissodisfaw il-kundizzjonijiet li hija stabbilixxiet b’mod li l-kumpensi għal servizz pubbliku jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

136.

Bl-eċċezzjoni tar-regoli speċifiċi marbuta man-natura tal-finanzjament, jidhirli li huwa perfettament loġiku li l-għoti ta’ kumpens lill-impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju jissodisfa l-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fil-kuntest tal-provvista tas-servizz universali.

137.

Fil-fatt, kif diġà ġie indikat, għalkemm is-servizzi addizzjonali obbligatorji ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “servizz universali” fis-sens tad-Direttiva “Servizz Universali”, xorta jibqa’ l-fatt li, min-natura u l-għan tagħhom, dawn jindirizzaw l-istess preokkupazzjonijiet bħal dawk li jindirizza s-servizz universali u huma pprovduti taħt l-istess kundizzjonijiet. B’hekk, il-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju ssir, l-iktar spiss, bi prezz li jkun differenti minn dak iffissat f’kundizzjonijiet normali tal-kummerċ. Fil-kuntest tad-Direttiva “Servizz Universali”, il-leġiżlatur tal-Unjoni jissuġġetta l-provvista tas-servizzi addizzjonali obbligatorji, bħall-provvista tas-servizz universali, għall-osservanza tal-istess prinċipji, u b’mod partikolari għall-osservanza tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

138.

Fir-rigward tal-kumpens għall-ispejjeż relatati mal-provvista tas-servizzi addizzjonali obbligatorji, l-Istati Membri b’hekk jibqgħu marbuta li josservaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif jirriżultaw mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (EU:C:2003:415), u b’mod partikolari l-prinċipji li jirregolaw l-għoti mill-Istati Membri tal-kumpensi għal servizz pubbliku.

139.

L-Istati Membri b’hekk għandhom jiżguraw li l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens ma joħolqu ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq u b’hekk ma jinvolvu ebda vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla mal-impriżi kompetituri. Skont il-Kummissjoni, dak il-kumpens b’hekk ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż netti kollha jew parti minnhom sostnuti speċifikament minħabba t-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom, bir-riskju li tiġi kkostitwita għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta wkoll li jiżguraw qligħ raġonevoli għall-impriża fornitriċi ( 52 ).

140.

Billi għaqqad, fil-kuntest tas-servizz universali, il-finanzjament tal-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-provvista tas-servizz mal-eżistenza ta’ oneru eċċessiv għall-impriża, il-leġiżlatur tal-Unjoni jindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet kollha.

141.

Għar-raġunijiet li għadni kif semmejt u peress li, fil-fehma tiegħi, ma teżisti ebda raġuni sabiex issir distinzjoni bejn il-modalitajiet relatati mal-għoti ta’ kumpens lil impriża skont jekk dawn jikkonċernawx il-provvista ta’ servizz universali jew il-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju — bl-eċċezzjoni, b’mod ċar, ta’ dawk relatati man-natura tal-finanzjament —, jidhirli li Stat Membru jista’ jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens imħallas abbażi tal-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju għall-eżistenza ta’ oneru mhux iġġustifikat fir-rigward tal-impriża fornitriċi.

142.

Meta titqies ir-risposta li qed nipproponi li għandha tingħata għal din id-domanda, issa għandha tiġi eżaminata t-tielet domanda magħmula mit-Teleklagenævnet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

143.

Hija tistaqsi jekk Stat Membru jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-qligħ li l-impriża fornitriċi tas-servizz addizzjonali obbligatorju tkun għamlet fil-kuntest tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali sabiex jiġi evalwat jekk l-oneru li hija għandha abbażi tal-provvista tas-servizz addizzjonali obbligatorju jirrappreżentax oneru mhux iġġustifikat jew eċċessiv.

144.

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ oneru eċċessiv jew mhux iġġustifikat fil-ġurisprudenza tagħha bħala l-oneru li, għal kull impriża kkonċernata, ikun ta’ natura eċċessiva fir-rigward tal-kapaċità tagħha li jkollha dak l-oneru meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tagħha, b’mod partikolari l-livell tat-tagħmir tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha kif ukoll is-sehem tagħha mis-suq ( 53 ).

145.

Id-dħul li l-impriża tagħmel fil-kuntest tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali għandu sehem dirett fil-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha. Għaldaqstant, jidhirli li dan id-dħul jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss fil-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz addizzjonali obbligatorju, iżda wkoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura mhux iġġustifikata jew eċċessiva tal-oneru li l-impriża għandha abbażi tal-provvista ta’ dak is-servizz.

146.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li d-Direttiva “Servizz Universali” ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ kumpens imħallas abbażi tal-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju għall-eżistenza ta’ oneru mhux iġġustifikat fir-rigward tal-impriża fornitriċi ta’ dan is-servizz. F’dak ir-rigward, Stat Membru jista’, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura mhux iġġustifikata ta’ dak l-oneru, jieħu inkunsiderazzjoni l-qligħ li dik l-impriża tkun għamlet fil-kuntest tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali.

IV – Konklużjoni

147.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Teleklagenævnet fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha tal-25 ta’ April 2013.

148.

Sussidjarjament, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari li saru mit-Teleklagenævnet:

1)

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-impriża inkarigata mis-servizz addizzjonali obbligatorju msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, tipprovdi dak is-servizz mhux biss fit-territorju tal-Istat Membru, iżda wkoll fit-territorju ta’ pajjiż jew territorju extra-Ewropew ma jinfluwenzax l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva u lanqas l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2)

Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali, id-dħul u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista ta’ dak is-servizz, u b’mod partikolari dawk li l-impriża kienet tagħmel kieku ma kinitx il-fornitriċi ta’ dak is-servizz.

3)

L-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Istat Membru li jiċħad it-talba għal kumpens imressqa minn impriża fornitriċi ta’ servizz addizzjonali obbligatorju, abbażi tal-fatt li l-ispiża ta’ dak is-servizz hija koperta mill-qligħ li hija għamlet mill-obbligi tagħha ta’ servizz universali.

4)

L-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, inkwantu jagħti lill-impriża fornitriċi tas-servizz addizzjonali obbligatorju d-dritt li tikseb kumpens għall-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ dak is-servizz, għandu effett dirett.

5)

Id-Direttiva “Servizz Universali”, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ kumpens imħallas abbażi tal-provvista ta’ servizz addizzjonali obbligatorju għall-eżistenza ta’ oneru mhux iġġustifikat fir-rigward tal-impriża fornitriċi ta’ dan is-servizz. F’dak ir-rigward, Stat Membru jista’, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura mhux iġġustifikata ta’ dak l-oneru, jieħu inkunsiderazzjoni l-qligħ li dik l-impriża tkun għamlet fil-kuntest tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Servizz Universali’”).

( 3 ) Ara l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dik id-direttiva.

( 4 ) Ara l-Artikolu 29 tad-direttiva servizz universali.

( 5 ) Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fil-prattika, is-servizzi ta’ sigurtà huma pprovduti fil-Groenlandja minn Tele Greenland A/S, impriża miżmuma mill-awtoritajiet awtonomi tal-Groenlandja, waqt li TDC tkopri biss l-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ dawn is-servizzi.

( 6 ) Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-organu kompetenti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet kien id-Den danske telemyndighed. Wara, il-kompetenzi ta’ dan l-organu ġew ittrasferiti lill-Erhvervsstyrelsen. Din hija l-awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) inkarigata, b’mod partikolari, mis-sorveljanza tas-settur b’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

( 7 ) Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, wara l-intimazzjoni u l-opinjoni motivata nnotifikati rispettivament mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta’ Jannar u fid-29 ta’ Settembru 2011, il-Gvern Daniż emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li assuma l-ispiża tas-servizz addizzjonali obbligatorju inkwistjoni sa mill-1 ta’ April 2012. Iżda billi deherlu li l-leġiżlazzjoni preċedenti ma kinitx tmur kontra d-Direttiva “Servizz Universali”, il-Gvern Daniż iddeċieda li dik l-emenda ma kellha ebda effett retroattiv u ma kinitx tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti abbażi tal-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà inkwistjoni qabel l-1 ta’ April 2012.

( 8 ) ĠU 2012, L 7, p. 3.

( 9 ) Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23); Syfait et (C‑53/03, EU:C:2005:333, punt 29); RTL Belgium (C‑517/09, EU:C:2010:821, punt 36); u Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, għal applikazzjoni iktar reċenti, id-digriet Merck Canada (C‑555/13, EU:C:2014:92, punt 16).

( 11 ) Ara s-sentenza Belov (EU:C:2013:48, punti 40 u 41).

( 12 ) Digrieti ANAS (C‑192/98, EU:C:1999:589, punt 22) u RAI (C‑440/98, EU:C:1999:590, punt 13), dwar il-Corte dei Conti (l-Italja).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Belov (EU:C:2013:48, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet”.

( 15 ) Iktar ’il quddiem ir-“regolament nru 383”.

( 16 ) Punti 28 u 29.

( 17 ) Dik il-libertà ma hijiex irrikonoxxuta fir-rigward tal-Erhvervsstyrelsen, li skont il-ġurisprudenza nazzjonali, ma tistax tikkontesta “quddiem il-qrati d-deċiżjonijiet intiżi kontriha ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali” (punt 21 tar-risposta tal-Gvern Daniż għad-domandi indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja).

( 18 ) Il-Gvern Daniż jirreferi għall-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 383.

( 19 ) C‑506/04, EU:C:2006:587.

( 20 ) Punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Wilson (EU:C:2006:587, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); digriet Pilato (C‑109/07, EU:C:2008:274, punt 23); u s-sentenza RTL Belgium (EU:C:2010:821, punt 39).

( 22 ) Sentenzi Wilson (EU:C:2006:587, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll RTL Belgium (EU:C:2010:821, punt 40).

( 23 ) Digriet Pilato (EU:C:2008:274, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ qorti ġew żviluppati sew mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u tfakkru reċentement fis-sentenza tagħha Grande Stevens et vs L-Italja tal-4 ta’ Marzu 2014 (§ 132 et seq). Ara, ukoll, il-Qorti Ewropea D.B., sentenza Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Ġeorġja vs Il‑Ġeorġja tat-8 ta’ Lulju 2008, li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat, fir-rigward tal-kummissjonijiet elettorali Ġeorġjani, li l-fatt li seba’ membri minn ħmistax minn kull wieħed minn dawn il-kummissjonijiet, fosthom il-presidenti — li kellhom vot deċiżiv —, kienu maħtura mill-President Ġeorġjan u l-partit tiegħu seta’ jpoġġi f’dubju l-imparzjalità u l-indipendenza tal-organu inkarigat sabiex jaqta’ kawża (§ 106). Dik il-Qorti enfasizzat li l-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet elettorali ma kienet toffri ebda trażżin tal-poter presidenzjali u li dawk il-kummissjonijiet ma kellhomx il-kriterju ta’ indipendenza meħtieġ, iżda hija ma kkonkludietx li kien hemm ksur tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952, minħabba l-assenza ta’ provi ta’ atti ta’ abbuż ta’ poter (§ 110 u 111).

( 25 ) L-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Syfait et (EU:C:2004:673), kien tal-fehma li n-numru limitat ta’ postijiet riżervati għall-ġuristi fi ħdan il-Kummissjoni Ellenika tal-kompetizzjoni ma kienx jippermetti li titwarrab il-kwalifikazzjoni ta’ “qorti jew tribunal”, inkwantu dak l-organu kellu jiddeċiedi f’qasam tekniku kumpless, li jeħtieġ kompetenzi ekonomiċi u tekniċi minbarra kwalifiki ġuridiċi.

( 26 ) Ara s-sentenza Belov (EU:C:2013:48, punt 52).

( 27 ) C‑390/95 P, EU:C:1999:66.

( 28 ) Punt 36.

( 29 ) C‑384/09, EU:C:2010:759, punti 23 sa 40.

( 30 ) Ara l-punti 37 sa 39 tal-konklużjonijiet. L-Avukat Ġenerali Cruz Villalón isemmi, minn naħa waħda, is-sentenza Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadin ta’ Stat Membru residenti f’PTEE jista’ jinvoka d-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Artikoli 18 TFUE et seq, billi b’hekk estendiet id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għar-residenti ta’ PTEE (punt 29). F’dak il-każ, l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón jispjega li wieħed jinsab f’sitwazzjoni fejn it-Trattat FUE ma ddikjarax b’mod ċar il-grad ta’ applikabbiltà tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa jsemmi s-sentenza van der Kooy (C‑181/97, EU:C:1999:32), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, qieset li l-PTEE kellhom ikunu suġġetti għal trattament ekwivalenti għal dak ta’ pajjiż terz (punti 34 sa 39). Għandu jsir wkoll riferiment għall-Opinjonijiet 1/78 (EU:C:1979:224) u 1/94 (EU:C:1994:384), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-PTEE jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, jinsabu fir-rigward tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni bħall-pajjiżi terzi (punti 61 u 62 rispettivament kif ukoll il-punt 17).

( 31 ) Punt 39 tal-konklużjonijiet.

( 32 ) Dawn il-vantaġġi jikkorrispondu, pereżempju, għall-benefiċċju tekniku u kummerċjali li jirriżulta mill-firxa tan-netwerk tal-fornitur, meta mqabbel ma’ operatur li jaġixxi f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jew mill-immaġni assoċjata mal-pożizzjoni ta’ operatur ta’ servizz universali.

( 33 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddefinixxi l-prinċipju ta’ distorsjoni minima tas-suq fil-premessa 23 tad-Direttiva “Servizz Universali”. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju jeżiġi, fil-fehma tiegħu, li l-kontribuzzjonijiet jiġu rkuprati b’mod li, sa fejn ikun possibbli, inaqqas sal-minimu l-effett tal-oneru finanzjarju li l-utenti finali għandhom, pereżempju permezz ta’ tqassim kemm jista’ jkun wiesa’ tal-kontribuzzjonijiet.

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 21 tad-Direttiva “Servizz Universali”, fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża li l-“[k]ull mekkaniżmu ta’ ffinanzjar għandu jassigura li l-parteċipanti fs-suq jikkontribwixxu biss g ħall-iffinanzjar ta’ obbligi ta’ servizz universali u mhux għal attivitajiet oħra li m’humiex direttament marbuta mal-forniment ta’ obbligi ta’ servizz universali ” (korsiv miżjud minni). Ara wkoll il-premessa 25 ta’ dik id-direttiva, li magħha għandu jingħad ukoll li, għalkemm kull Stat Membru jibqa’ liberu li jimponi miżuri speċjali li ma jaqgħux taħt l-obbligi ta’ servizz universali, dawn għandhom, madankollu, jipprovdu għal finanzjament li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni u li ma jimplikax kontribuzzjonijiet li joriġinaw mill-awturi tas-suq.

( 35 ) Ara l-punt 2.5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar qafas ta’ kwalità għas-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa [COM(2011) 900 finali].

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 19 tad-Direttiva “Servizz Universali” li tipprovdi li “[k]ull kalkolu ta’ spiża netta ta’ servizz universali għandu jieħu kont debitu ta’ l-ispejjeż u d-dħul, kif ukoll tal-benefiċċji ntanġibbli li jirriżultaw mill-forniment tas-servizz universali” (korsiv miżjud minni).

( 37 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583, punti 49 sa 52).

( 38 ) Fil-fatt, fil-kuntest tal-finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali, il-maġġoranza tal-Istati Membri għażlu finanzjament settorjali. Fl-2011, kienu biss ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja li adottaw dispożizzjonijiet sabiex dawn l-ispejjeż ikunu koperti unikament minn finanzjament pubbliku, waqt li r-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika Portugiża pprovdew għal finanzjament imħallat pubbliku-privat (ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq ir-rapport dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika u t-tielet reviżjoni perjodika tal-kamp ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/22/KE [COM(2011) 795 finali, p. 13]).

( 39 ) Il-premessa 19 tad-Direttiva “Servizz Universali” tipprovdi li “[k]ull spiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha tiġu kalkolata fuq il-bażi ta’ pro ċeduri tra sparenti ” (korsiv miżjud minni).

( 40 ) Ara l-Artikoli 1(1) u 3(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” kif ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑220/07, EU:C:2008:354, punt 29).

( 41 ) Ara wkoll il-premessa 3 tad-Direttiva “Servizz Universali” kif ukoll l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/77. Ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (EU:C:2008:354, punt 30).

( 42 ) Jekk nikkonsultaw is-sit internet tal-Erhvervsstyrelsen, nikkonstataw, f’dan ir-rigward, li l-provvista tas-servizzi inkwistjoni ġiet integrata mal-obbligi li jaqgħu taħt is-servizz universali.

( 43 ) C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 88 sa 94.

( 44 ) ĠU 2012, C 8, p. 4.

( 45 ) Korsiv miżjud minni.

( 46 ) ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 906.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 46).

( 48 ) Ippreċiżajt dan il-metodu ta’ kalkolu fil-punti 81 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (EU:C:2010:583, punt 49).

( 50 ) Idem.

( 51 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (EU:C:2008:354, punt 29) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/77.

( 52 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva “Servizz Universali”; punti 3.4 u 3.5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-premessa 15 tad-Deċiżjoni 2012/21.

( 53 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:2010:583, punt 49).

Top