Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0088

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 13 ta' Frar 2014.
    Philippe Gruslin vs Beobank SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - il-Belġju.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Libertà ta’ stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) - Direttiva 85/611/KEE - Artikolu 45 - Kunċett ta’ ‘pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet’ - Kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet lid-detenturi ta’ unitajiet.
    Kawża C-88/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:79

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2014 ( 1 )

    Kawża C‑88/13

    Philippe Gruslin

    vs

    Beobank SA/NV, li qabel kienet Citibank Belgium SA

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il‑Belġju)]

    “Direttiva 85/611/KEE — Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) — Faċilitajiet disponibbli ‘sabiex isiru pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet’ fl-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq skont l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 — Kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet lid-detenturi ta’ unitajiet”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Cour de cassation (il-Belġju) ifittex li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) ( 2 ). Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi fejn l-unitajiet ta’ UCITS ikunu tqiegħdu fis-suq ġewwa Stat Membru differenti minn dak fejn tinstab l-UCITS, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet” jirreferi wkoll għall-kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet (“ċertifikati ta’ unitajiet”) lil detenturi ta’ unitajiet mir-rappreżentant tal-UCITS f’dak l-Istat Membru l-ieħor (“ir-rappreżentant”).

    2.

    Sabiex tingħata tweġiba għal din id-domanda jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, jista’ d-detentur ta’ unitajiet (id-“detentur ta’ unitajiet”) fi trust ta’ unitajiet li tqiegħdu fis-suq fi Stat Membru differenti minn dak li fih jinsab it-trust ta’ unitajiet, jinvoka l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 fil-konfront tar-rappreżentant maħtur mit-trust ta’ unitajiet sabiex jipprovdi l-“faċilitajiet” imsemmija fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 fl-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq, meta ma jkun hemm ebda rabta kuntrattwali fir-rigward ta’ dak it-trust ta’ unitajiet bejn ir-rappreżentant u d-detentur ta’ unitajiet? It-tieni nett, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet” jirreferi wkoll għall-kunsinna lid-detenturi ta’ unitajiet, mill-istess rappreżentant, ta’ ċertifikati ta’ unitajiet?

    3.

    Id-Direttiva 85/611 tirrifletti qasam relattivament ġdid għall-Qorti tal-Ġustizzja. Hemm ġurisprudenza, speċjalment relatata mat-taxxa fuq il-valur miżjud, fejn id-direttiva kienet ta’ importanza, iżda sa fejn naf jien ma hemmx każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva ( 3 ).

    II – Il-kuntest ġuridiku, il-fatti u d-domanda rrinvijata

    A – Dispożizzjonijiet applikabbli

    4.

    Bħala waħda mill-ewwel miżuri Komunitarji dwar is-swieq tat-titoli, l-għan tad-Direttiva 85/611 huwa li jipprovdi qafas Komunitarju għall-provvista ta’ servizzi relatati mal-UCITS ibbażati fuq il-prinċipji ta’ kontroll mill-pajjiż ta’ oriġini u rikonoxximent reċiproku mingħajr, madankollu, ma tfittex li twettaq armonizzazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali applikabbli għall-UCITS ( 4 ). Skont kummentarju bikri dwar id-Direttiva 85/611, din “uriet it-triq li għandha tkun segwita sabiex twettaq il-wisq mistenni suq uniku fis-servizzi finanzjarji” ( 5 ).

    5.

    L-approċċ tad-Direttiva 85/611 lejn provvista transkonfinali ta’ servizzi UCITS huwa spjegat fil-ħames premessa tagħha, li hija fformulata kif ġej: “[b]illi l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli komuni hija garanzija suffiċjenti biex impriżi ta’ investiment kollettiv li jinstabu fi Stati Membri, jiġu permessi soġġett għad-dispożizzjonijiet applikabbli li għandhom x’jaqsmu ma’ movimenti fil-kapital, li jdaħħlu fis-suq l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma dawk l-Istati Membri l-oħrajn ma jkunu jistgħu jissuġġettaw lil dawk l-impriżi jew unitajiet tagħhom għal kull dispożizzjoni barra minn dispożizzjonijiet li, f’dawk l-Istati, ma jidħlux fil-qasam kopert minn din id-Direttiva; billi, madanakollu, jekk impriża ta’ investiment kollettiv li tinstab fi Stat Membru wieħed iddaħħal fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru differenti għandha tieħu l-passi kollha neċessarja biex tassigura li titolari ta’ l-unitajiet f’dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet finanzjari tagħhom hemmhekk bil-faċilità u huma provduti bl-informazzjoni neċessarja” (korsiv miżjud minni).

    6.

    Id-Direttiva 85/611 hija applikabbli għal fondi komuni ta’ investiment ġestiti minn kumpanniji ta’ ġestjoni, trusts ta’ unitajiet (li huma inklużi f’“fondi komuni” għall-iskop tad-Direttiva 85/611) u kumpanniji ta’ investiment [Artikolu 1(3)] ( 6 ). Ta’ importanza partikolari huwa l-fatt li l-UCITS huma ddefiniti kemm permezz tal-għan tagħhom, li jikkonsisti f’investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u/jew f’assi likwidi finanzjarji oħra ta’ kapital miġbur mill-pubbliku ġenerali fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ firxa tar-riskju, u permezz tal-prinċipju operattiv essenzjali tagħhom, li huwa bbażat fuq l-obbligu tal-UCITS, fuq talba tad-detenturi ta’ unitajiet, li jixtru mill-ġdid jew iħallsu lura l-unitajiet mill-assi tal-UCITS rilevanti [Artikolu 1(2)].

    7.

    Żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/611 huma ta’ importanza partikolari f’dan il-każ. Skont l-Artikolu 44 tagħha, UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor għandha tikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’dak l-Istat li ma jidħlux fil-qasam irregolat bid-direttiva (paragrafu 1). Madankollu, kull UCITS tista’ tirreklama l-unitajiet tagħha fl-Istat Membru li fih huma mqiegħda fis-suq. Għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-reklamar f’dak l-Istat (paragrafu 2).

    8.

    L-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/661, id-dispożizzjoni ewlenija f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jipprovdi li “[f]il-każ imsemmi fl-Artikolu 44, l-UCITS għandha, inter alia, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li jkunu disponibbli f’dak l-Istat faċilitajiet biex isiru pagamenti lil titolari ta’ unitajiet, għal xiri mill-ġdid jew ħlas lura ta’ unitajiet u biex tkun disponibbli l-informazzjoni li l-UCITS jkunu obbligati li jipprovdu”.

    9.

    Skont id-digriet tar-rinviju, l-Artikolu 130 tal-Liġi Belġjana tal-20 ta’ Lulju 2004 dwar ċerti forom ta’ ġestjoni kollettiva ta’ portafolji ta’ investiment (li qabel kienet il-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990 dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji u s-swieq finanzjarji, Artikolu 138 ( 7 )) jipprovdi li l-impriża ta’ investiment għandha taħtar organu sabiex jiżgura d-distribuzzjoni lid-detenturi ta’ unitajiet, il-bejgħ jew ix-xiri mill-ġdid ta’ unitajiet u sabiex jiżgura li tkun disponibbli l-informazzjoni li l-impriża ta’ investiment kollettiv hija obbligata tipprovdi. Id-digriet tar-rinviju jkompli jistipula li din il-leġiżlazzjoni tittrasponi d-Direttiva 85/611.

    B – Fatti u kawża prinċipali

    10.

    F’Jannar 1996 P. Gruslin, li huwa domiċiljat fil-Malasja u residenti fil-Belġju, u li huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, investa f’fond ta’ investiment irregolat bil-liġi tal-Lussemburgu msejjaħ il-fond Citiportfolios. Il-fond Citiportfolios huwa ġġestit mill-kumpannija Citiportfolios, u l-bank depożitarju tiegħu huwa Citibank Luxembourg. L-aħħar tnejn huma stabbiliti taħt il-liġi tal-Lussemburgu.

    11.

    Il-prospett tal-fond Citiportfolios tqassam ġewwa l-Belġju minn Citibank Belgium, li llum hija Beobank SA/NV (“Beobank”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali. Citibank Belgium inħatret minn Citiportfolios skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 138 tal-Liġi Belġjana tal-4 ta’ Diċembru 1990 dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji u s-swieq finanzjarji sabiex tipprovdi s-servizzi msemmija fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ P. Gruslin, huwa akkwista l-prospett mingħand is-servizz Citigold ta’ Citibank Belgium f’Waterloo.

    12.

    Madankollu, sabiex iwettaq l-investiment, P. Gruslin issottoskriva direttament fil-Lussemburgu ma’ Citibank Luxembourg. Citibank Belgium ma kinitx involuta bħala domiċilju ta’ sottoskrizzjoni, ma daħlet f’ebda kuntratt jew ftehim legali ieħor mar-rikorrent, u ma rċeviet ebda kummissjoni f’dik il-kapaċità. Minkejja dan, hija wettqet trasferiment bankarju lil Citibank portfolios għall-pagament tas-sottoskrizzjoni.

    13.

    Fid-9 ta’ Settembru 1996, Citibank Luxembourg għalqet, b’effett mis-17 ta’ Settembru 1996, il-kontijiet tagħha kollha u r-relazzjonijiet tan-negozju ma’ P. Gruslin u talbitu jirtira, sa dik id-data, il-fondi u t-titoli kollha li kienu għadhom fil-kontijiet tiegħu. Citibank Luxembourg innotifikat lil P. Gruslin li fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li kellhom jitwettqu sabiex jiġu llikwidati l-unitajiet fil-fond Citiportfolios, dawn l-unitajiet kienu ser jiġu rreġistrati f’ismu fir-reġistru ta’ unitajiet miżmum mill-emittent. Fl-14 ta’ Ottubru 1996, wara li ma rċeviet ebda struzzjonijiet mingħand ir-rikorrent, Citibank Luxembourg irreġistrat dawn l-unitajiet.

    14.

    F’Diċembru 1996, P. Gruslin talab il-kunsinna minn Citibank Belgium taċ-ċertifikati ta’ unitajiet lill-portatur tiegħu kollha ( 8 ) sabiex jipprova li kien il-proprjetarju tal-unitajiet mixtrija fil-fond Citiportfolios. Citibank Belgium irrispondiet li peress l-unitajiet kienu nxtraw mingħand Citibank Luxembourg ma kellha ebda rendikont tagħhom u ddiriġietu jirreferi l-kwistjoni direttament lil Citibank Luxembourg. Madankollu, Citibank Belgium stqarret waqt is-seduta li hija kienet għaddiet it-talba ta’ P. Gruslin lil Citibank Luxembourg.

    15.

    Minħabba n-nuqqas ta’ Citibank Belgium li tipprovdi ċ-ċertifikati ta’ unitajiet mitluba, P. Gruslin istitwixxa diversi proċeduri legali quddiem il-qrati Belġjani sabiex, inter alia, jikseb ordni kontra Citibank Belgium sabiex din tikkunsinnalu ċ-ċertifikati ta’ unitajiet imsemmija fil-prospett tal-fond ta’ unitajiet Citiportfolios. P. Gruslin ibbaża ruħu, insostenn tal-każ tiegħu, fuq id-Direttiva 85/611.

    16.

    Fil-11 ta’ Jannar 2011 il-Cour d’appel de Bruxelles ċaħdet it-talba billi la setgħet tistabbilixxi relazzjoni kuntrattwali bejn P. Gruslin u Citibank Belgium, u lanqas ksur ta’ dmir mhux kuntrattwali min-naħa ta’ Citibank Belgium fir-rigward tat-tqassim tal-prospett tal-fond Citiportfolios. P. Gruslin appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour de cassation Belġjana.

    C – Id-domanda preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    17.

    Il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

    “L-Artikolu 45 tad-Direttiva [85/611] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘pagamenti lil titolari ta’ unitajiet’ jirrigwarda wkoll il-kunsinna lil titolari ta’ unitajiet, ta’ ċertifikati ta’ unitajiet irreġistrati?”

    18.

    P. Gruslin, Beobank, il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju u tar-Repubblika Ċeka, flimkien mal-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Rappreżentanti ta’ P. Gruslin, ta’ Beobank u tal-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta miżmuma fis-27 ta’ Novembru 2013.

    III – Analiżi

    A – Ammissibbiltà tad-domanda rrinvijata

    19.

    Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk id-domanda rrinvijata mill-qorti nazzjonali kinitx ammissibbli. Għamlet dan fuq il-bażi li r-rikorrent akkwista l-unitajiet tal-fond direttament fl-Istat Membru li fih kienet tinsab l-UCITS, f’dan il-każ il-Lussemburgu. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-applikabbiltà tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 tista’ tiddependi mill-fatt lid-detentur ta’ unitajiet jakkwista unitajiet permezz tar-rappreżentant tal-UCITS li jinsab fl-Istat Membru fejn l-unitajiet tqiegħdu fis-suq. Il-Kummissjoni staqsiet jekk, fl-assenza ta’ tali rabta, id-domanda rrinvijata hijiex ammissibbli.

    20.

    Madankollu, waqt is-seduta l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni differenti. Hija argumentat li ebda relazzjoni legali preċedenti ma kellha teżisti bejn id-detentur ta’ unitajiet u r-rappreżentant qabel ma skattaw l-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611.

    21.

    Għandu jitfakkar li, fi proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija obbligata tevalwa kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE ( 9 ). Għalhekk, domandi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE rrinvijati minn qorti nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari biss jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 10 ).

    22.

    Fil-każ preżenti, ma huwiex il-każ li d-domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari, li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-UE, jiġifieri l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611, ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett attwali tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 jifforma parti mit-Taqsima VIII tad-Direttiva, li hija intitolata “Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal UCITS li jinnegozjaw l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri barra minn dawk li fihom ikunu jinstabu”. Il-fond Citiportfolios kien jinsab fil-Lussemburgu u l-unitajiet tagħha tqiegħdu fis-suq fil-Belġju permezz tat-tqassim tal-prospett u tal-fuljetti tagħha minn Citibank Belgium. Għalhekk, ir-rilevanza tad-Direttiva 85/611 għal dan il-każ ma jistax jiġi eskluż.

    23.

    Bħala konsegwenza, jiena tal-opinjoni li d-domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    B – Analiżi

    24.

    Sabiex nagħti tweġiba għad-domanda preliminari, għandu jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611, ikkunsidrat fid-dawl tal-premessa 5 tagħha. Qabel ma nikkunsidra din il-kwistjoni, hemm punt ta’ sfond li għandu rilevanza ċentrali sabiex tingħata tweġiba għal din id-domanda. Jiġifieri, jekk id-Direttiva 85/611 tirregolax il-mod kif detenturi ta’ unitajiet jilleġittimaw il-proprjetà ta’ unitajiet f’fond fir-rigward tal-UCITS, ir-rappreżentant tagħha fl-Istat Membru li fih l-unitajiet jitqiegħdu fis-suq, u terzi.

    1. Leġittimazzjoni tal-proprjetà ta’ unitajiet f’fondi fir-rigward tal-UCITS u r-rappreżentant tagħha

    25.

    Il-mod kif tiġi rreġistrata u pprovata l-proprjetà ta’ unitajiet huwa, ċertament, ta’ importanza partikolari fin-negozjati li detenturi ta’ unitajiet ikollhom mal-kumpannija ta’ ġestjoni tagħhom, f’dan il-każ il-kumpannija Lussemburgiża ta’ ġestjoni Citiportfolios, u l-bank depożitarju tagħha, f’dan il-każ Citibank Luxembourg. Fin-nuqqas ta’ prova ta’ proprjetà, ebda dritt ta’ proprjetà ma jista’ jiġi eżerċitat. Bl-istess mod il-kwistjoni ta’ leġittimazzjoni tal-proprjetà ta’ unitajiet tqum fir-rigward tar-rappreżentanti tal-fond, u fir-rigward ta’ terzi in ġenerali għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet, meta unitajiet ikunu tqiegħdu fis-suq fi Stati Membri differenti minn dak li fih jinsab il-fond.

    26.

    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li d-Direttiva 85/611 hija bbażata fuq il-prinċipju li d-detenturi ta’ unitajiet jirrealizzaw il-valur ekonomiku tal-investiment tagħhom billi jirrikjedu x-xiri mill-ġdid jew ħlas lura tal-unitajiet tagħhom mill-UCITS. Għalhekk il-mezz li bih jiġi stabbilit it-titolu għall-unitajiet għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet huwa inqas rilevanti, anki jekk id-Direttiva 85/611 ma tipprekludix b’ebda mod il-ħruġ ta’ unitajiet u jew iċ-ċertifikati li jirrappreżentawhom bħala dokumenti negozjabbli li jistgħu jinbiegħu lil terzi.

    27.

    Ġie sottomess fis-seduta mir-rappreżentant ta’ Beobank li l-leġittimazzjoni tal-pożizzjoni ta’ detentur ta’ unitajiet tista’ ssir b’diversi modi. Tista’ tiddependi mill-fatt li d-detentur ikun irreġistrat fir-reġistru ta’ detenturi ta’ unitajiet tal-fond, jew il-proprjetà tista’ tiġi pprovata bil-pussess taċ-ċertifikati trasferibbli lill-portatur, li l-preżentazzjoni tagħhom tippermetti l-eżerċizzju ta’ drittijiet. Jiena ninnota, però, li prova tal-proprjetà ta’ unitajiet fi trusts ta’ unitajiet permezz tal-preżentazzjoni ta’ ċertifikati lill-portatur qed issir dejjem iżjed rari. Il-proprjetà ta’ unitajiet fi trust ta’ unitajiet tista’ tiġi pprovata wkoll permezz ta’ ċertifikati nominattivi, li ma jistgħux jiġu ttrasferiti b’effett lejn il-kumpannija ta’ ġestjoni, jew l-unitajiet jistgħu jiġu żmaterjalizzati, li jfisser li fornituri ta’ servizzi finanzjarji jżommu kontijiet fejn l-unitajiet huma rreġistrati.

    28.

    Dan evidentement minnu stess ma joħloqx problema jekk id-detentur ta’ unitajiet ikun akkwista l-unitajiet rilevanti f’fond li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak li fih tqiegħdu fis-suq, permezz tar-rappreżentant f’dak l-Istat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 ( 11 ). Madankollu, tista’ toħloq problema jekk detentur ta’ unitajiet ma jkunx issottoskriva għall-unitajiet permezz tar-rappreżentant, iżda direttament mingħand kumpannija ta’ ġestjoni fl-Istat Membru fejn jinsab il-fond. Din hija l-istess problema li qamet f’dan il-każ, peress li l-unitajiet ġew akkwistati minn P. Gruslin mingħand Citibank Luxembourg u mhux mingħand Citibank Belgium.

    29.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-mezz li bih tiġi pprovata l-proprjetà fi trust ta’ unitajiet jiddependi kemm mir-regoli tal-fond tat-trust ta’ unitajiet, li skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/611 għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab, u l-liġi nazzjonali rilevanti, li fil-każ preżenti hija l-liġi tal-Lussemburgu. Din ma hijiex armonizzata bid-dritt tal-UE.

    30.

    Fil-fatt, isegwi mill-punt 1.10 tal-Iskeda A fl-Anness tad-Direttiva 85/611 li din il-kwistjoni għandha tiġi rregolata mir-regoli ta’ fond u mil-liġi nazzjonali. Altrimenti, id-detenturi ta’ unitajiet ma jkollhom ebda mezz prattiku li bih ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 85/611. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm ebda bażi li fuqha din il-parti tad-Direttiva jew kwalunkwe parti oħra tagħha jistgħu jiġu interpretati li qed jistabbilixxu rekwiżiti mandatorji li jikkonċernaw il-mezzi li bihom il-proprjetà fi trusts ta’ unitajiet hija stabbilita jew irreġistrata fi Stati Membri ( 12 ).

    31.

    Hawnhekk ma naqbilx mal-Kummissjoni, sa fejn ir-rappreżentant tagħha waqt is-seduta sostna lid-Direttiva 85/611 timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jeżiġu li d-detenturi ta’ unitajiet jiġu pprovduti b’ċertfikati ta’ unitajiet sabiex ikunu jistgħu jilleġittimizzaw ruħhom lejn rappreżentanti ta’ kumpanniji ta’ ġestjoni fl-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq li miegħu ma kellhom ebda relazzjoni legali preċedenti. Dan, issottomettiet il-Kummissjoni, kien meħtieġ mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital.

    32.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-kliem “it-titoli jew ċertifikati oriġinali li jipprovdu prova ta’ titolu, dħul f’reġistru jew f’kont” fil-punt 1.10 tal-Iskeda A fl-Anness tad-Direttiva 85/611 jidentifikaw erba’ metodi differenti kif jista’ jiġi pprovat it-titolu għal unitajiet. L-ewwel tnejn, jiġifieri ċertifikati ta’ unitajiet maħruġa lill-portatur jew lil persuna msemmija, huma rilevanti għal sistemi fejn titoli fiżiċi huma (għadhom) użati, filwaqt li l-aħħar tnejn, jiġifieri dħul f’reġistru ta’ detenturi ta’ unitajiet jew f’kont ta’ titoli, huma rilevanti għal sistema żmaterjalizzata.

    33.

    Huwa inkonċepibbli li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni, fl-1985, li jagħmel obbligatorju l-użu ta’ ċertifikati fiżiċi ta’ unitajiet, meta f’dak iż-żmien l-Istati Membri kienu diġà resqin lejn sistemi kompletament żmaterjalizzati għall-ġestjoni ta’ titoli ( 13 ). Niftakar li leġiżlazzjoni li fuqha hija bbażata s-sistema Franċiża SICOVAM kienet ġiet adottata sas-sena 1980 ( 14 ). Barra minn hekk, fis-snin tmenin bosta sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u kklerjar ta’ titoli kienu jiddependu fuq l-hekk imsejħa Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (spiss imsejħa “CSD”) li kienu jissalvagwardaw titoli fiżiċi. Dawn it-titoli ma kinux normalment fiżikament imċaqalqa sabiex iħallsu t-tranżazzjonijiet, u t-titolu għalihom kien ibbażat fuq entrati f’kotba fuq kontijiet ta’ titoli miżmuma minn istituzzjonijiet finanzjarji. Dan jidher li kien il-każ fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ unitajiet lill-portatur ta’ P. Gruslin, li rrappreżentaw l-unitajiet tiegħu qabel il-konverżjoni tagħhom f’unitajiet irreġistrati.

    34.

    Ma naqbilx ukoll mal-argumenti tal-Kummissjoni fis-sens li l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital ifisser li d-detenturi ta’ unitajiet għandhom jiġu pprovduti b’ċertifikati ta’ unitajiet, u li permezz tagħhom jistgħu jilleġittimizzaw ruħhom bħala proprjetarji tal-unitajiet rilevanti lejn fornituri ta’ servizzi finanzjarji fi Stati Membri differenti minn dak li fih jinsab il-fond. Fil-fatt, il-moviment liberu tal-kapital huwa iktar possibbli issa minn qatt qabel, billi ssaħħaħ permezz ta’ metodi diġitali moderni ta’ kummerċ fit-titoli, ikklerjar u reġistrazzjoni tal-proprjetà, mingħajr il-ħtieġa li wieħed jirrikorri għal metodi skaduti, perikolużi u għaljin ibbażati fuq ċertifikati fiżiċi.

    35.

    Ma’ dan għandi nżid l-avvanzi teknoloġiċi miksuba permezz tal-internet. Mhux talli sar iktar faċli li jinkiseb aċċess bejn il-fruntieri għal informazzjoni finanzjarja, imma l-internet iffaċilita l-pagamenti transkonfinali u t-tranżazzjonijiet ta’ investiment. Trasferimenti internazzjonali ta’ flus jistgħu issa jsiru ta’ malajr u faċilment, bi spiża baxxa, permezz tal-internet. Is-sottomissjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtieġa ta’ ċertifikati (fiżiċi) ta’ unitajiet imorru kontra dawn l-iżviluppi kontemporanji. Għall-kuntrarju, is-servizzi ta’ rappreżentanti lokali ta’ UCITS illum huma inqas importanti għall-investituri milli fis-snin tmenin.

    36.

    Għalhekk, huma l-Istati Membri u l-UCITS individwali li għandhom jiddeċiedu jekk it-titolu għall-unitajiet huwiex ipprovat permezz ta’ ċertifikati ta’ unitajiet maħruġa lill-portatur, ċertifikati ta’ unitajiet irreġistrati, dħul fir-reġistru tad-detenturi ta’ unitajiet jew dħul f’kont ta’ titoli.

    37.

    Ir-rappreżentant fi Stat Membru ta’ tqegħid fis-suq ta’ UCITS huwa meħtieġ legalment, u fl-opinjoni tiegħi huwa intitolat, li jiżgura li kull persuna li magħha jkollha x’taqsam tkun, fir-realtà, detentur ta’ unitajiet. Fi kliem ieħor, fl-assenza ta’ rabta kuntrattwali relatata mat-trust ta’ unitajiet rilevanti bejn id-detentur ta’ unitajiet u r-rappreżentant, id-detentur ta’ unitajiet għandu jilleġittimizza lilu nnifsu lejn ir-rappreżentant billi juża l-mezzi stabbiliti f’dan ir-rigward fir-regoli tal-fond u fil-liġi nazzjonali applikabbli. Il-kumpannija ta’ ġestjoni bilkemm tista’ tawtorizza r-rappreżentant lokali tagħha sabiex jagħmel pagamenti u jeżegwixxi ħlas lura jew xiri mill-ġdid ta’ unitajiet fil-konfront ta’ detentur ta’ unitajiet mingħajr tali prova, jew alternattivament talba magħmula mid-detentur ta’ unitajiet fis-sens li jixtieq li l-kumpannija ta’ ġestjoni tawtorizza lir-rappreżentant lokali jikkunsinnalu l-pagamenti ( 15 ).

    2. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611

    38.

    L-applikabbiltà tal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 85/611 tiddependi mill-fatt li l-unitajiet tal-fond ikunu tqiegħdu fis-suq fi Stat Membru differenti mill-Istat li fih tinsab it-trust ta’ unitajiet.

    39.

    Tqegħid fis-suq fl-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 85/611 tfisser, fl-opinjoni tiegħi, li sottoskrizzjoni jew xiri ta’ unitajiet jistgħu jitwettqu fl-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq mingħajr il-ħtieġa li investituri jieħdu miżuri barra t-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Jekk it-tqegħid fis-suq jkollu suċċess u jwassal għal sottoskrizzjoni, il-kumpannija ta’ ġestjoni jrid ikollha rappreżentant lokali li jaġixxi f’isimha għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611, u lejn min id-detenturi tal-unitajiet jistgħu jirrikorru. F’dan il-każ, huwa paċifiku li tali relazzjoni kienet teżisti bejn Citiportfolios (Luxembourg) u Citibank Belgium.

    40.

    Sabiex wieħed jifhem sewwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 jeħtieġ li wieħed iħares lejn ir-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fl-istruttura ġenerali tad-Direttiva, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-Direttiva hija maħsuba sabiex tippermetti l-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali f’dan is-settur.

    41.

    Hawnhekk ikun utli għal darb’oħra li jiġi ċċitat il-kummentarju dwar id-Direttiva ppubblikat mill-Kummissjoni fl-1988. Jingħad fih li “fi kwalunkwe każ, Stat Membru li fih UCITS tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha ma jkunx jista’, [taħt ebda] ċirkustanza, juża r-regola [fl-Artikolu 45] bħala bażi sabiex jobbligaha jkollha rappreżentant legali fit-territorju tiegħu, billi dan ikun jammonta għall-ħolqien ta’ kundizzjoni li, sabiex UCITS ikollha d-drit tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru differenti minn dak li fih tinsab, irid ikollha stabbiliment f’dak l-Istat, kundizzjoni li tmur kontra l-kunċett tal-provvista ta’ servizzi kif stabbilit fit-Trattat. Konsegwentement, sabiex tiġi evitata kull ambigwità, ir-rekwiżit fil-verżjoni oriġinali tal-proposta tal-Kummissjoni li UCITS għandu jkollha servizz finanzjarju fi Stat Membru fejn tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha, għalkemm huwa ġeneralment aċċettat li servizz finanzjarju huwa biss servizz amministrattiv u, għall-kuntrarju ta’ rappreżentant legali, ma jistax ikun kkunsidrat li huwa ekwivalenti għal stabbiliment” ( 16 ).

    42.

    Barra minn hekk, oqsma ta’ responsabbiltà ta’ Stat Membru ospitanti (bħal faċilitajiet sabiex isiru pagamenti, ħlas lura jew xiri mill-ġdid ta’ unitajiet ta’ UCITS taħt l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611) huma strettament limitati sabiex jiġu evitati ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 ma jistax jiġi interpretat b’mod wiesa’.

    43.

    Ninnota wkoll li d-drittijiet għal informazzjoni tad-detenturi ta’ unitajiet huma ddefiniti metikolożament fid-Direttiva 85/611. Hawnhekk nirreferi b’mod partikolari għat-Taqsima VI tad-Direttiva 85/611 li fiha dispożizzjonijiet dwar il-prospett, ir-rapporti perjodiċi u informazzjoni oħra.

    44.

    Madankollu, u kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-Gvern Belġjan, il-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ unitajiet, anki ċertifikati maħruġa lil detentur ta’ unitajiet imsemmi, ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala t-twettiq ta’ obbligu ta’ informazzjoni taħt id-Direttiva 85/611. Dan huwa att li jista’ jkun meħtieġ jew permess mir-regoli tal-fond u mil-liġi nazzjonali sabiex jiġi stabbilit jew ipprovat it-titolu għall-unitajiet.

    45.

    Kif ġie indikat minn Beobank waqt is-seduta, it-Taqsima VI tad-Direttiva 85/611 toħloq, inter alia, obbligu li jiġi ppubblikat prospett, rapport annwali u rapport ta’ kull sitt xhur, u wkoll li jiġi ppubblikat regolarment il-prezz tal-ħruġ, bejgħ, xiri mill-ġdid jew ħlas lura tal-unitajiet tagħha. Din l-informazzjoni kollha tirrifletti dak li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li huwa neċessarju sabiex investitur ikun jista’ jieħu deċiżjoni raġunata biex jagħmel investiment jew anki biex ibigħ. Min-naħa l-oħra, it-Taqsima VI tad-Direttiva 85/611 ma għandha x’taqsam xejn mal-prova tal-proprjetà ta’ unitajiet.

    46.

    Fl-opinjoni tiegħi, lanqas il-ħruġ jew il-kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet ma huma inklużi fil-kunċett ta’ “pagamenti lil titolari ta’ unitajiet” skont l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611. Pagament hawnhekk ifisser twettiq ta’ obbligu monetarju bħal pagament ta’ interessi jew dividendi dderivati mill-unitajiet, jew fil-każ ta’ ħlas lura jew xiri mill-ġdid ta’ unitajiet, l-ammonti pagabbli lid-detentur ta’ unitajiet.

    47.

    Kif ġie spjegat minn Beobank waqt is-seduta, ir-rappreżentant fl-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq qiegħed jipprovdi biss servizz finanzjarju li jista’ jiġi kkwalifikat bħala aġent responsabbli għall-pagamenti, fis-sens li jikkunsinna ammonti pagabbli mill-fond lil detenturi lokali ta’ unitajiet. Rappreżentanti jistennew sakemm jitħallsu mill-fond qabel ma jagħmlu xi pagamenti relatati mal-unitajiet. Barra minn hekk, huma jwasslu l-informazzjoni li d-detenturi ta’ unitajiet huma intitolati li jirċievu u jgħaddu talbiet għal ħlas lura jew xiri mill-ġdid lid-depożitarju tal-fond, u jħallsu l-prezz tal-unitajiet lid-detentur ta’ unitajiet, biss meta dawn ikunu ġew riċevuti mill-fond.

    48.

    Fi kliem ieħor, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 ma jimponi ebda obbligu legali awtonomu fuq ir-rappreżentanti responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 45, tal-anqas fl-assenza tal-kooperazzjoni tal-fond, u b’mod iktar preċiż tal-kumpannija ta’ ġestjoni jew tad-depożitarju skont il-każ. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tkun f’kunflitt mal-prinċipju li jkun hemm servizz finanzjarju transkonfinali pprovdut mill-UCITS minn ġewwa l-Istat Membru li fih tinsab l-UCITS lill-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq. Għalhekk ir-rappreżentanti lokali ma jistgħux ikunu obbligati jagħmlu pagamenti lil detenturi ta’ unitajiet, jixtru mill-ġdid jew iħallsu lura unitajiet, jew anki li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni li UCITS huma obbligati jipprovdu jekk il-fond ma jagħmilx dan. Inevitabbilment, għalhekk, rappreżentant skont l-Artikolu 45 ma jistax ikun obbligat joħroġ jew jikkunsinna ċertifikati ta’ unitajiet.

    49.

    Sabiex nagħlaq, huwa impossibbli li mill-kliem “pagamenti lil titolari ta’ unitajiet” fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 jiġi dedott obbligu għar-rappreżentant lokali ta’ UCITS, fl-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq, li jikkunsinna ċertifikati ta’ unitajiet lil detenturi ta’ unitajiet.

    IV – Konklużjoni

    50.

    Għaldaqstant jiena nipproponi s-segwenti risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour de cassation (il-Belġju):

    L-Artikolu 45 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “pagamenti lil titolari ta’ unitajiet” ma jirreferix għall-kunsinna lil detenturi ta’ unitajiet ta’ ċertifikati ta’ unitajiet irreġistrati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139, kif emendat. L-Anness tad-Direttiva 85/611 ingħata isem ġdid “Anness I”, u ġie emendat permezz tad-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 287. Id-Direttiva UCITS ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), ĠU L 302, p. 32. Id-Direttiva 85/611 tirregola din il-kawża ratione temporis.

    ( 3 ) Ara reċentement, fil-qasam tal-VAT, pereżempju s-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11 u GfBK, C‑275/11. Ara, reċentement fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, VBV-Vorsorgekasse AG, C‑39/11.

    ( 4 ) Ara Towards a European Market for the Undertakings for Collective Investment in Transferable Securities. Commentary on the provisions of Council Directive 85/611/EEC of 20 December 1985, Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (1988), p. 118. Madankollu, dan il-kummentarju, li nkiteb mis-sur Vandamme, ex Kap tad-diviżjoni “Boroż u swieq tat-titoli” fid-Direttorat Ġenerali għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji u Liġi tal-Kumpanniji fil-Kummissjoni, ma jirriflettix neċessarjament il-fehma tal-Kummissjoni.

    ( 5 ) Ibid, p. 119.

    ( 6 ) L-UCITS kienu sussegwentement espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263. Din ipprovdiet qafas komprensiv tad-dritt tal-UE għal servizzi ta’ investiment. L-Artikolu 2(1)(h) tagħha jipprovdi li din id-“Direttiva ma għandhiex tapplika għal [...] l-impriżi ta’ investimenti kollettivi u l-fondi tal-pensjonijiet sewwa jekk huma ikkordinati fil-livell Komunitarju u sewwa jekk le u d-depożitarji u l-amministraturi ta’ dawn l-impriżi”.

    ( 7 ) Liġi tal-20 ta’ Lulju 2004 dwar ċerti forom ta’ ġestjoni kollettiva ta’ portafolji ta’ investiment (Loi du 20 juillet 2004 relative à certaines formes de gestion collective de portefeuilles d’investissement) (Moniteur belge, 9 ta’ Marzu 2005, p. 9632); Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990 dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji u s-swieq finanzjarji (Loi du 4 décembre 1990 relative aux opérations financières et aux marchés financiers) (Moniteur belge, 22 ta’ Dicembru 1990, p. 23800).

    ( 8 ) Skont ir-rappreżentant ta’ Beobank fis-seduta, l-unitajiet ta’ P. Gruslin kienu oriġinarjament irrappreżentati permezz ta’ ċertifikati lill-portatur li kienu miżmuma għan-nom ta’ Citibank Luxembourg fl-organu depożitarju ċentrali. It-titolu li P. Gruslin kellu fuqhom kien ibbażat fuq reġistrazzjoni f’dan il-kont ta’ titoli f’dak il-bank. F’Ottubru 1996, iċ-ċertifikati lill-portatur ġew ikkonvertiti f’unitajiet irreġistrati li għalihom P. Gruslin kien irreġistrat bħala l-proprjetarju fir-reġistru tal-fond relattiv.

    ( 9 ) Sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, ProRail, C‑332/11, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Noredecon u Ramboll Eesti, C‑561/12, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 10 ) Sentenzi ProRail, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca, C‑290/12, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; Noredecon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; tat-12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, punt 21; u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 11 ) Skont il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni intitolata “Il-Poteri rispettivi li żammew l-Istat Membru ta’ l-Oriġini u l-Istat Membru Ospitanti fit-tqegħid fis-suq ta’ l-UCITS skont it-Taqsima VIII tad-Direttiva dwar l-UCITS” COM (2007) 112 finali, p. 6, nota ta’ qiegħ il-paġna 12, it-tqegħid fis-suq “huwa fl-ambitu tal-kumpanija ta’ ġestjoni ta’ l-UCITS, u, fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-intermedjarji lokali jaġixxu bħala distributuri tal-parti terza”.

    ( 12 ) Il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni, ibid, tagħmilha ċara li l-oqsma koperti bid-Direttiva 85/611 huma limitati, u ma tipprovdi ebda indikazzjoni li prova tal-proprjetà fi trusts ta’ unitajiet hija rregolata bid-Direttiva 85/611. Ninnota wkoll li din il-kwistjoni baqgħet mhux irregolata fid-Direttiva 2009/65. Ara b’mod partikolari l-Kapitolu XI tagħha li huwa ekwivalenti għat-Taqsima VIII tad-Direttiva 85/611.

    ( 13 ) Għal rakkont kontemporanju fuq l-istat ta’ sistemi ta’ titoli immobilizzati u żmaterjalizzati fl-Ewropa fis-snin tmenin, ara r-rapport tal-Kummissjoni Statali Finlandiża għall-iżvilupp tal-ġestjoni ta’ titoli tal-1986 (Arvopaperikäsittelyn kehittämistoimikunnan mietintö, KM 1986:32, Helsinki 1986), p. 51 sa 84.

    ( 14 ) L-organizzazzjoni Franċiża Sicovam (Société interprofessionnelle pour la compensation des valeurs mobilières) kienet diġà qed tiżmaterjalizza titoli fl-1982. Fl-2001, wara fużjoni ma’ organizzazzjonijiet simili fi Stati Membri oħra, saret Euroclear France.

    ( 15 ) Issemma minn Beobank waqt is-seduta li meta hija rċeviet it-talba ta’ P. Gruslin għaċ-ċertifikati tal-unitajiet, hija għaddiet it-talba lil Citibank Luxembourg. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 85/611 ma impona ebda obbligu fuq Citibank Belgium li tagħmel dan.

    ( 16 ) Vandamme, op. cit., p. 93.

    Top