EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0462

Kawża T-462/12: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Ottubru 2012 — Pilkington Group vs Il-Kummissjoni

ĠU C 379, 8.12.2012, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 379/30


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2012 — Pilkington Group vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-462/12)

2012/C 379/51

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Pilkington Group Ltd (St Helens, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Scott, S. Wisking u K. Fountoukakos-Kyriakakos, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-6 ta’ Awwissu 2012 li tiċħad talba għall-trattament kunfidenzjali (Deċiżjoni C(2012) 5718 finali) (Kawża COMP/39.125 — Ħġieġ tal-karozza) (u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu); u

tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 8 tal-Mandat tal-Uffiċjal tas-Seduta (1) u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju tal-amministrazzjoni t-tajba peress li naqset milli teżamina b’mod xieraq l-argumenti ddettaljati tar-rikorrenti u peress li pprovdiet raġunijiet inadegwati għall-approċċ tagħha.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (2), l-Artikolu 8 tal-Mandat tal-Uffiċjal tas-Seduta) meta ddeċidiet li tippubblika informazzjoni li, wara li jiġu applikati t-test u l-evalwazzjoni legali korretti, kellha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-obbligu tas-sigriet professjonali, peress li l-Kummissjoni:

naqset milli tapplika t-test legali korrett,

żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra;

użat kriterji irrilevanti bħal dak li jgħid li l-informazzjoni tikkostitwixxi fatti materjali tal-ksur allegat; u

żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk hemmx raġunijiet imperattivi li jippermettu l-iżvelar, b’mod partikolari fid-dawl tal-approċċ tal-Kummissjoni dwar ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludi informazzjoni simili u ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, li toħloq preżunzjoni ġenerali li informazzjoni bħal din hija kunfidenzjali u ma tistax tiġi żvelata lill-pubbliku.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-konvenuta meta kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi adottat approċċ sfavorevoli fil-każ tar-rikorrenti meta pparagunata ma’ kumpanniji f’pożizzjoni simili fi proċeduri reċenti jew attwali.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-konvenuta meta kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi ma osservatx l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li informazzjoni kunfidenzjali miksuba minn jew fdata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri dwar il-kompetizzjoni jkunu protetti mill-iżvelar.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, l-Artikolu 8 tal-Mandat tal-Uffiċjal tas-Seduta) meta ddeċidiet li tippubblika informazzjoni li tista’ tidentifika individwi speċifiċi.

(6)

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (3) (b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu) meta adottat mezzi sproporzjonati għall-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni u eskludiet il-prinċipji u l-proċeduri tal-imsemmi regolament.


(1)  Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29)

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


Top