Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0612

    Kawża C-612/12 P: Appell ippreżentat fil- 21 ta’ Diċembru 2012 minn Ballast Nedam NV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis- 27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-361/06, Ballast Nedam vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 71, 9.3.2013, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 71/10


    Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2012 minn Ballast Nedam NV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-361/06, Ballast Nedam vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-612/12 P)

    2013/C 71/16

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Partijiet

    Appellanti: Ballast Nedam NV (rappreżentanti: A.R. Bosman u E. Oude Elferink, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla, fl-intier tagħha jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif inhi fformulata fid-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    fil-każ li jintlaqa’ l-appell:

    tilqa’ fl-intier tagħhom jew parzjalment it-talbiet ifformulati minn Ballast Nedam fl-ewwel istanza;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Ballast Nedam tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    Permezz tal-ewwel aggravju, Ballast Nedam issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) peress li ma annullatx (parzjalment) id-deċiżjoni […] tal-Kummissjoni (2) sa fejn hija kellha bħala destinatarju lil Ballast Nedam. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-każ inkwistjoni, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tat-18 ta’ Otturbu 2004, ma kinitx tissodisfa l-eżiġenzi li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuqha.

    Insostenn ta’ din it-teżi, Ballast Nedam issostni l-ewwel nett li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, ammettiet fis-sentenza kkontestata li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ċara fuq punt essenzjali iżda min-naħa l-oħra ma kkonkluditx minn dan il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx iggarantiet id-drittijiet għal difiża.

    It-tieni nett, Ballast Nedam tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali skont liema l-Kummissjoni pprovdiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-elementi suffiċjenti sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li kienu intużaw insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u ppreċiżat b’mod inekwivoku l-persuni legali li setgħu jingħataw multi. Sa fejn din l-evalwazzjoni tirrigwarda Ballast Nedam, hija tistrieħ fuq interpretazzjoni li ma hijiex eżatta tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżiġenzi li għandhom jissodisfaw il-kontenut ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. In-nuqqas ta’ identifikazzjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tas-sussidjarja li wetqet il-ksur attribwit lil Ballast Nedam huwa rilevanti f’dan ir-rigward.

    It-tielet nett, Ballast Nedam takkuża lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li hi ma setgħetx ma tkunx taf, billi tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li setgħet tkun id-destinatarja ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni bħala kumpannija parent ta’ Ballast Nedam Grond en Wegen BV (iktar ’il quddiem “BN Grond en Wegen”). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika f’liema kapaċità impriża tiġi akkużata bil-fatti allegati.

    Ir-raba’ nett, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kinitx irrispettat id-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, allegata risposta ta’ Ballast Nedam fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Ballast Nedam issostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta applikat b’mod żbaljat il-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-attribuzzjoni lill-kumpanniji parent tal-ksur tad-dritt tal-akkordji. Ballast Nedam tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tattribwilha r-responsabbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE mingħajr ma tkun ikkonstatat l-imsemmija ksur.

    Insostenn tat-tieni aggravju, Ballast Nedam tinnota l-ewwel nett li fis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni (T-382/06, Ġabra p. II 1157), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha li hija akkużata bil-ksur. Skont Ballast Nedam, minn dan isegwi li ksur ma jistax jiġi attribwit lil kumpannija parent jekk il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat dan il-ksur.

    Ballast Nedam issostni f’dan ir-rigward li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi liema huma l-entitajiet fi ħdan impriża li hija tikkunsidra responsabbli għal ksur tad-dritt tal-akkordji ma jwassalx sal-punt li hija tista’ tqis li kumpannija parent hija responsabbli minn ksur li ma tkunx ikkonstatat.

    It-tieni nett, Ballast Nedam takkuża lill-Qorti Ġenerali li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma kkonfutatx il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti, fuq l-imġiba ta’ BN Grond en Wegen fis-suq. Dan il-fatt huwa marbut mill-qrib mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u Ballast Nedam tqis li hija barra minn hekk nieqsa mir-rilevanza fil-liġi.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni finali C(2006) 4090, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 — Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)].


    Top