Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0585

    Kawża C-585/12 P: Appell ippreżentat fit- 12 ta’ Diċembru 2012 minn Shell Petroleum NV, The Shell Transport and Trading Company Ltd, Shell Nederland BV mis-sentenza mogħtija (Is-Sitt Awla) fis- 27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-343/06, Shell Petroleum NV, The Shell Transport and Trading Company Ltd, Shell Nederland BV vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 55, 23.2.2013, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 55/6


    Appell ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2012 minn Shell Petroleum NV, The Shell Transport and Trading Company Ltd, Shell Nederland BV mis-sentenza mogħtija (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-343/06, Shell Petroleum NV, The Shell Transport and Trading Company Ltd, Shell Nederland BV vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-585/12 P)

    2013/C 55/08

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Shell Petroleum NV, The Shell Transport and Trading Company Ltd, Shell Nederland BV (rappreżentanti: O.W. Brouwer, W. Knibbeler, A.A.J. Pliego Selie, P. van den Berg, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla l-paragrafi tas-sentenza kif mitlub fl-appell,

    tagħti sentenza finali u tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew tnaqqas il-multa kif mitlub fl-appell, jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tal-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti jinvokaw żewġ aggravji. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali parzjalment ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2006 (Nru C(2006) 4090 finali), dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/F/38.456 — Bitume).

    Bl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu bir-rispett li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti jew adegwata meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata turi skont il-livell legali meħtieġ li l-istess impriża wettqet ksur ripetut. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi u naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti jew adegwata billi kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Kawża T-203/01, Michelin, ġew sodisfatti. Finalment, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaqilqet l-oneru tal-prova għall-appellanti.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu bir-rispett li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti jew adegwata meta kkonkludiet li l-Kummissjoni Ewropea kienet intitolata li tinkludi l-bejgħ tal-prodott C Mexphalte fil-kalkolu tal-multa. Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk żbaljat fil-proċedura billi naqset li tindirizza ċerti argumenti mressqa mill-appellanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti jew adegwata billi naqset li tindirizza l-inkonsistenza li tirriżulta mill-fatt li bitume industrijali ġie eskluż mill-kalkolu tal-multa. Il-Qorti Ġenerali żnaturat ukoll il-provi essenzjali billi qagħdet fuq interpretazzjoni mhux eżatt ta’ dokument kruċjali biex tintlaħaq konklużjoni fuq Mexphalte C li evidentement ma tistax tiġi dedotta minn dan id-dokument. Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti jew adegwata meta bidlet l-ammont tal-multa skont l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ proċedura u kisret ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova billi ma investigatx jekk il-Kummissjoni Ewropea kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi inkludiet, fil-multa fuq il-appellanti, il-bejgħ ta’ Mexphalte C.


    Top